EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0014

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-14/09

Hava Genc

vs

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Artikolu 6(1) — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ — Eżerċizzju ta’ attività mħallsa sekondarja — Kundizzjoni għat-telf tad-drittijiet kweżiti”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Frar 2010   I ‐ 934

Sommarju tas-sentenza

  1. Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Dritt taċ-ċittadini Torok għal proroga tal-permess ta’ residenza

    (Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 6(1))

  2. Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Aċċess taċ-ċittadini Torok għall-attività mħallsa tal-għażla tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri u dritt ta’ residenza korrelattiv

    (Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 6(1))

  1.  Ċittadin Tork li jaħdem għal numru partikolarment limitat ta’ sigħat favur u taħt l-istruzzjonijiet ta’ persuna li tħaddem inkambju għal remunerazzjoni li tkopri biss parti minn dak li huwa neċessarju għall-għajxien tiegħu, huwa ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, sa fejn l-attività mħallsa tiegħu tkun reali u effettiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel l-evalwazzjoni fattwali meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tressqet quddiemha.

    Fil-fatt, għandha titqies li hija “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li għal ċertu perijodu persuna twettaq, favur persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi inkambju għal remunerazzjoni.

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-fatt li persuna taħdem biss numru limitat ta’ sigħat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol huwa ħjiel li l-attivitajiet huma biss marġinali u anċillari, xorta jibqa’ l-fatt li, indipendentement min-natura limitata tar-remunerazzjoni tal-attività professjonali u tan-numru ta’ sigħat iddedikati għaliha, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ġenerali tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni, din l-attività tista’ titqies mill-awtoritajiet nazzjonali li hija reali u effettiva, u għaldaqstant, tippermetti li min jeżerċitaha jikkwalifika bħala “ħaddiem”.

    L-evalwazzjoni globali tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata timplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi marbuta mhux biss mal-ħin tax-xogħol u mal-ammont tar-remunerazzjoni, iżda wkoll mad-dritt għal leave mħallas, mad-dritt għal salarju fil-każ ta’ mard, mal-fatt li l-kuntratt huwa suġġett għal ftehim kollettiv, kif ukoll mal-estensjoni tar-relazzjoni kuntrattwali mal-istess impriża. Dawn il-fatturi jistgħu jikkostitwixxu ħjiel li l-attività hija reali u effettiva.

    (ara l-punti 19, 26-28, 33 u d-dispożittiv 1)

  2.  Ħaddiem Tork, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, jista’ jinvoka d-dritt għall-moviment liberu li huwa jikseb mill-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, anki meta l-għan tad-dħul tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ma għadux jeżisti. Meta tali ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 6(1), id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ma jistax ikun suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali marbuta mal-eżistenza ta’ interessi li jistgħu jiġġustifikaw ir-residenza jew man-natura tal-impjieg.

    (ara l-punt 44 u d-dispożittiv 2)

Top