EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0443

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 tal- 5 ta’ Mejju 2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor

ĠU L 122, 11.5.2011, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/443/oj

11.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 443/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 194/2009 (2) imponiet dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”).

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 598/2009 (3) (“ir-Regolament definittiv”), il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv ta’ bejn EUR 211,2 u EUR 237 kull tunnellata metrika fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil, li kif definit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (“il-prodott ikkonċernat”) joriġinaw fl-Istati Uniti (“il-miżuri eżistenti”). L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament definittiv minn hawn ‘il quddiem hija msemmija bħala l-“investigazzjoni oriġinali.”

(3)

Ta' min jinnota ukoll li bir-Regolament (KE) Nru 599/2009 (4), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv ta’ bejn EUR 0 u EUR 198 kull tunnellata metrika fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

1.2.   Talba

(4)

Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri kompensatorji imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. It-talba tressqet mill-Bord Ewropew tal-Bijodiżil (“EBB” – European Biodiesel Board) f'isem il-produtturi tal-bijodiżil tal-Unjoni.

(5)

It-talba allegat li l-miżuri kompensatorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiġu evitati permezz ta’ trasbord mill-Kanada u Singapor, u minn esportazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil.

(6)

It-talba allegat li kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti, mill-Kanada u minn Singapor wara li ġew imposti l-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni adegwata suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju għal din il-bidla. Din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ allegatament ġiet mit-trasbord tal-prodott ikkonċernat mill-Kanada u minn Singapor.

(7)

It-talba allegat ukoll li wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti kienu bdew jaslu fl-Unjoni, fejn allegatament ħadu vantaġġ mil-limitu fil-kontenut tal-bijodiżil iffissat fid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(8)

Barra minn hekk, it-talba allegat li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri kompensatorji eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiġu mminati f'termini ta’ kwantità u ta’ prezz. Ġie allegat li ammonti sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil f'forma pura jew f'taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ bijodiżil mill-Kanada u minn Singapor u tal-bijodiżil f'taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil, dehru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Iktar minn hekk, teżisti biżżejjed evidenza li din iż-żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet saret bi prezzijiet ferm taħt il-prezz li ma jikkawżax danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(9)

Fl-aħħar nett, it-talba allegat li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat jibqgħu jiġu sussidjati kif stabbilit qabel.

1.3.   Bidu

(10)

Hekk kif iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 721/2010 (5) (“ir-Regolament tal-bidu”). Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, bir-Regolament tal-bidu, tat ukoll istruzzjonijiet lill-awtorijtajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada u minn Singapor, kif ukoll importazzjonijiet li joriġinaw fl-Istati Uniti ta’ bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, li ma joriġinax mill-fossili.

(11)

Il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjoni parallela bir-Regolament (KE) Nru 720/2010 (6) li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri antidumping fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti permezz ta’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada u minn Singapor u minn importazzjonijiet ta’ bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti.

1.4.   Investigazzjoni

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lil awtoritajiet tal-Istati Uniti, tal-Kanada u ta’ Singapor. Ġew mibgħuta kwestjonarji lil produtturi/esportaturi magħrufa fl-Istati Uniti, fil-Kanada u Singapor. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ bidu.

(13)

Il-kumpaniji li ġejjin wieġbu għad-domandi tal-kwestjonarju u sussegwentement twettqu żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tagħhom:

 

Produtturi/esportaturi fil-Kanada

BIOX Corporation

Rothsay Biodiesel

 

Negozjanti fis-Singapor

Trafigura Pte Ltd.

Wilmar Trading Pte Ltd.

 

Produtturi/esportaturi fl-Istati Uniti:

Archer Daniels Midland Company

BP Products North America Inc

Louis Dreyfus Corporation

 

Importaturi relatati

BP Oil International Limited

Cargill BV

(14)

Barra minn hekk, saru żjarat lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Gvern tal-Kanada u tal-Gvern tas-Singapor.

1.5.   Il-perijodu ta’ investigazzjoni

(15)

Il-perijodu investigattiv kien bejn l-1 ta’ April 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010 (“il-PI”). Id-dejta ġiet miġbura mill-perijodu tal-2008 sal-aħħar tal-PI sabiex jiġi investigat il-bdil allegat fix-xejra tal-kummerċ.

2.   IL-PRODOTT LI JIFFORMA L-OĠĠETT TAL-INVESTIGAZZJONI TA' ĊIRKUMVENZJONI

(16)

Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta’ evażjoni, jiġifieri l-prodott maħruġ fl-investigazzjoni oriġinali, huwa esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf normalment bħala “bijodiżil”, sew jekk f'forma pura jew f'taħlita b'piż ta’ iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 41, 3824 90 91, ex 3824 90 97, u li joriġina mill-Istati Uniti.

(17)

Il-prodott li jifforma parti miċ-ċirkumvenzjoni għandu żewġ partijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ trasbord mill-Kanada u minn Singapor, huwa identiku għall-prodott maħruġ fl-investigazzjoni oriġinali, kif deskritt fil-premessa ta’ qabel. Fir-rigward il-konsenja direttament mill-Istati Uniti, il-prodott investigat huwa bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġina mill-Istati Uniti.

3.   IMPORTAZZJONIJIET TA' BIJODIŻIL FL-UNJONI VS ESPORTAZZJONIJIET MILL-ISTATI UNITI

(18)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji provviżorji f'Marzu 2009, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prattikament twaqqfu. It-tabella hawn taħt tagħti taqsira tas-sitwazzjoni:

Importazzjonijiet ta' bijodiżil u ċertu bijodiżil f'taħlitiet fl-Unjoni Ewropea

taħt il-kodiċi NM 3824 90 91 (f’tunnellati)

 

2008

sehem

2009

sehem

PI

sehem

Stati Uniti

1 487 790

83,62  %

381 227

22,29  %

24

0,00  %

Kanada

1 725

0,10  %

140 043

8,19  %

197 772

9,28  %

Singapor

179

0,01  %

20 486

1,20  %

32 078

1,50  %

Sors: Eurostat

(19)

Id-dejta tal-Eurostat ta’ hawn fuq tkopri il-bijodiżil kollu li fih 96,5 % jew iktar ta’ esteri.

(20)

Kif imqabbel, l-Istati Uniti tirraporta esportazzjonijiet tal-bijodiżil u tal-bijodiżil f'taħlitiet taħt il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 (taħlitiet ta’ sustanzi xaħmija, ta’ oriġini mill-annimali jew veġetali) kif ġej:

Esportazzjonijiet ta' bijodiżil u bijodiżil f'taħlitiet mill-istati uniti

taħt il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 (f’tunnellati)

 

2008

2009

PI

Unjoni Ewropea

2 241 473

335 577

358 291

Kanada

967

128 233

161 841

Singapor

311

42 056

27 415

 

2 242 751

505 866

547 547

Sors: Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti

(21)

Meta imqabblin, iż-żewġ tabelli ta’ hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li t-358 291 tunnellata metrika esportati fl-Unjoni waqt il-PI huma taħlitiet ta’ bijodiżil b'kontenut ta’ 96,5 % u inqas.

4.   IL-KANADA

4.1.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

(22)

Kien hemm livell għoli ta’ koperazzjoni mill-produtturi/esportaturi fil-Kanada. Żewġ produtturi li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-produzzjoni tal-bijodiżil fil-Kanada bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju u kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Kanadiża tal-Fjuwil Rinnovabbli u l-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tal-Kanada kkooperaw fl-investigazzjoni.

(23)

Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni għandha tkun magħmula billi jiġi analizzat suċċessivament jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Unjoni, jekk din il-bidla rriżultatx minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kinux qed jiddgħajfu f'termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet tal-prodott simili, u li l-prodott simili importat baqax jibbenefika mis-sussidju.

4.2.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

4.2.1.   Importazzjonijiet fl-Unjoni

(24)

Importazzjonijiet tal-bijodiżil fl-Istati Uniti naqsu minn 1 487 790 tunnellata metrika fl-2008 għal 381 227 tunnellata metrika fl-2009 u għal kważi żero waqt il-PI.

(25)

Min-naħa l-oħra, skont id-dejta tal-Eurostat, l-importazzjonijiet totali tal-bijodiżil mill-Kanada għall-Unjoni żdiedu b'mod sinifikanti bejn l-2008 u l-PI minn 1 725 tunnellata metrika fl-2008 għal 140 043 tunnellata metrika fl-2009 u 197 772 tunnellata metrika waqt il-PI.

4.2.2.   Esportazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Kanada

(26)

Ma hemmx dazju applikabbli fuq il-bejgħ tal-bijodiżil bejn l-Istati Uniti u l-Kanada jew restrizzjonijiet ta’ xorta oħra fuq l-importazzjonijiet.

(27)

Skont statistika tal-Istati Uniti, l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Kanada żdiedu minn 967 tunnellata metrika fl-2008 għal 128 233 tunnellata metrika fl-2009 u 161 841 tunnellata metrika waqt il-PI.

(28)

Tqabbil tal-istatistika tal-esportazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti mal-istatistika tal-importazzjonijiet ipprovduti fuq il-post mill-awtoritajiet tal-Kanada juru diskrepanzi sinifikanti fuq bażi ta’ xahar xahar. Skont l-istatistika tal-Kanada, l-importazzjonijiet tal-bijodiżil tal-Istati Uniti żdiedu minn 11 757 tunnellata metrika fl-2008 għal 18 673 tunnellata metrika fl-2009 u 174 574 tunnellata metrika waqt il-PI.

(29)

Skont l-awtoritajiet tal-Kanada, ma hemmx kodiċi speċifiku biex jiġi ddikjarat il-bijodiżil. Huma nnutaw li l-Kanada u l-Istati Uniti jiskambjaw id-dejta għall-użu tal-importazzjoni bħala d-dejta rispettiva tal-esportazzjoni. Fil-livell ta’ sitt numri, id-dejta tal-importazzjoni tal-Kanada u d-dejta tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti għandhom jaqblu, kif fil-fatt kważi jagħmlu taħt HTS 382490. Madankollu, lil hinn mis-sitt numri għandhom sistemi ta’ klassifikazzjoni għalihom. Għandu jkun ukoll innutat li l-istatistika tal-Kanada tkopri biss l-importazzjonijiet li ġew awtorizzati mid-dwana fil-Kanada u mhux l-oġġetti mibgħuta bil-baħar.

(30)

F’konklużjoni, minkejja d-diskrepanzi bejn iż-żewġ sorsi tad-dejta, huwa ċar li l-esportazzjoni tal-bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Kanada żdiedet mill-2008 sal-PI, b'mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji. Is-suq tal-bijodiżil tal-Kanada bħalissa mhux kapaċi jassorbi dawn il-kwantitajiet ta’ bijodiżil. Produtturi tal-bijodiżil tal-Kanada ġenwini huma nfatti orjentati lejn l-esportazzjoni.

4.2.3.   Produzzjoni fil-Kanada u bejgħ ta’ bijodiżil tal-Kanada ġenwin lill-Unjoni

(31)

Iż-żewġ produtturi fil-Kanada li kkooperaw ma għamlu l-ebda xiri ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti jew minn sorsi oħrajn waqt il-PI.

(32)

Il-produzzjoni tal-bijodiżil fil-Kanada hija industrija minuri. Xi sitt faċilitajiet tal-produzzjoni kienu f'posthom waqt il-PI, imma ż-żewġ faċilitajiet fil-Lvant tal-Kanada, li huma fil-fatt posseduti u amministrati miż-żewġ produtturi li kkooperaw, waħidhom iwieġbu għal madwar 90 % tal-produzzjoni totali.

(33)

Mill-volumi ta’ produzzjoni mibjugħa mill-produtturi li kkooperaw, il-bejgħ fejn il-konsumaturi aħħarin kienu żgur fl-Amerika ta’ Fuq, jiġifieri fl-Istati Uniti jew il-Kanada, ġie determinat. Il-kumplament tal-bejgħ ġie mibjugħ lil konsumaturi li jew innegozjaw l-oġġetti u/jew ħalltu l-oġġetti ma’ bijodiżil ieħor. Iż-żewġ kumpaniji ma kinux jafu jekk il-konsumaturi bigħux il-prodotti lill-Unjoni bħala bijodiżil tal-Kanada, jekk ħalltuhx, jew jekk il-bijodiżil ġiex mibjugħ lil konsumatur aħħari fl-Istati Uniti jew fil-Kanada.

(34)

Anki jekk f'każ estrem kien preżunt li l-bijodiżil tal-Kanada ġenwin spiċċa kollu fl-Unjoni, dan iwieġeb biss għal 20 % tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni mill-Kanada waqt il-PI.

4.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(35)

Ir-rikonċiljazzjoni tal-istatistika mad-dejta miksuba mill-produtturi li kkooperaw uriet li l-produtturi tal-bijodiżil tal-Kanada ma setgħux ipproduċew il-volum esportat mill-Kanada għall-Unjoni. Għalhekk dan jissuġġerixxi b'mod qawwi li ż-żieda f'daqqa fl-importazzjoni mill-Kanada fl-Unjoni hija relatata mal-esportazzjonijiet tal-bijodiżil fl-Istati Uniti kkunsinnati mill-Kanada.

(36)

It-tnaqqis globali fl-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti għall-Unjoni sa mill-2008 u ż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mill-Kanada għall-Unjoni u tal-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti għall-Kanada wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali jistgħu għalhekk jitqiesu bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ.

4.4.   Ma kienx hemm raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju kompensatorju

(37)

L-investigazzjoni ma ħarġet għad-dawl l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evitar tal-ħlas tad-dazju kompensatorju fis-seħħ fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti.

4.5.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju kompensatorju

(38)

Id-dejta tal-Eurostat intużat biex jiġi vvalutat jekk il-prodotti importati, f'termini ta’ kwantitajiet, dgħajfux l-effetti ta’ remedju tal-miżuri kompensatorji fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Istati Uniti. Il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Kanada ġew imqabbla mal-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(39)

Kif imsemmi hawn fuq, l-importazzjonijiet mill-Kanada għall-Unjoni żdiedu minn 1 725 tunnellata metrika fl-2008 għal 197 772 tunnellata metrika waqt il-PI, bl-aħħar wieħed jirrappreżenta sehem ta’ importazzjonijiet ta’ 9,2 %. Iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Kanada, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala insinifikanti meta jitqies id-daqs tas-suq tal-Unjoni kif determinat fl-investigazzjoni oriġinali. Meta wieħed iqis il-livell tal-prezzijiet mingħajr dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet tal-Kanada għall-Unjoni waqt il-PI urew twaqqigħ fil-bejgħ ta’ 50 % fir-reġjun, filwaqt li l-prezz tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni twaqqa' b'madwar 40 %.

(40)

Għalhekk ġie konkluż li l-miżuri qegħdin jiġu mminati f'termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet.

4.6.   Evidenza tas-sussidjar

(41)

Fir-rigward tas-sussidjar għandu jiġi nnutat li t-taxxa ta’ kreditu tal-bijodiżil tal-Istati Uniti, l-iskema ewlenija ta’ sussidju misjuba fl-investigazzjoni oriġinali, reġgħet iddaħħlet retroattivament f'Diċembru 2010. Fuq din il-bażi ġie konkluż li l-prodott simili importat xorta bbenefika mis-sussidji waqt il-PI.

4.7.   Konklużjoni

(42)

L-investigazzjoni kkonkludiet li t-taxxi kompensatorji definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti ġew evitati permezz tat-trasbord mill-Kanada skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku.

5.   SINGAPOR

(43)

Żewġ negozjanti misjuba Singapor ikkooperaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, kien hemm kooperazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tas-Singapor.

(44)

Il-kriterji tal-ivvalutar tal-eżistenza ta’ ċirkumvenzjoni ġew deskritti fil-premessa (23) hawn fuq.

(45)

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, l-esportazzjonijiet totali tal-bijodiżil minn Singapor għall-Unjoni żdiedu minn 179 tunnellata metrika fl-2008 għal 20 486 tunnellata metrika fl-2009 u għal 32 078 tunnellata metrika waqt il-PI. L-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti għas-Singapor żdiedu ukoll fl-istess perijodu.

(46)

Skont l-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern ta’ Singapor, il-bijodiżil prodott lokalment huwa mibjugħ l-iktar ġewwa s-Singapor sabiex jipprovdi għad-domanda domestika. Madankollu, huma nnutaw tkabbir tal-industrija fis-Singapor bil-bini riċenti ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni ġodda.

(47)

L-esportazzjonijiet minn Singapor kienu tradizzjonalment baxxi. L-importazzjonijiet tal-bijodiżil għall-Unjoni ġew eżaminati mill-qrib fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u ċċekkjati mill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali rilevanti. Jidher li l-importazzjonijiet li waslu kienu ftit iżda fi kwantitajiet kbar. L-analiżi uriet li l-maġġoranza ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu ġenwinament ta’ oriġini minn Singapor. Madankollu, ma setax jingħata rendikont tal-importazzjonijiet kollha.

(48)

Meta mqabbla mal-konsum tal-Unjoni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-volumi importati minn Singapor għall-Unjoni li ma setgħux jingħataw rendikont instabu li kienu baxxi ħafna. Barra minn hekk, is-sehem tagħhom mill-konsum tal-Unjoni huwa ta’ ftit importanza meta wieħed iqis l-istima tal-Bord Ewropew tal-Bijodiżil dwar iż-żieda konsiderevoli fil-konsum tal-Unjoni sa mill-investigazzjoni oriġinali.

(49)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq jista' jiġi konkluż li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri kompensatorji ma ddgħajfux f'termini ta’ kwantitajiet minn Singapor.

(50)

Fir-rigward tat-trasbord, huwa magħruf sew li s-Singapor huwa l-fulkru tal-ġarr bil-baħar fl-Asja, fejn vapuri reġjonali jaslu u jħottu l-oġġetti li wara jerġgħu jitgħabbew fuq vapuri li jsalpaw, fost oħrajn, lejn l-Ewropa. F'din l-investigazzjoni, wieħed min-negozjanti li kooperaw ittrasborda l-bijodiżil ta’ oriġini mill-Malasja jew mill-Indoneżja, minn Singapor, b'destinazzjoni finali fl-Unjoni. Waqt il-PI, dan in-negozjant waħdu esporta kwantità sinifikanti ta’ bijodiżil lejn l-Unjoni vija trasbord fis-Singapor, u d-dwana għaddew il-bijodiżil fl-Unjoni bħala ta’ oriġini mill-Malasja jew mill-Indoneżja. Il-verifika ma kixfitx indikazzjonijiet li jqiegħdu fid-dubju l-oriġini ddikjarata mill-Indoneżja u l-Malasja.

(51)

Fid-dawl ta’ dan, l-investigazzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri kompensatorji permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati minn Singapor, għandha tiġi mwaqqfa.

6.   L-ISTATI UNITI

6.1.   Rimarki preliminari

(52)

Ħames produtturi tal-bijodiżil jew bijodiżil f'taħlitiet fl-Istati Uniti kkooperaw fl-investigazzjoni. Tlieta minnhom ġew inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali. Il-Gvern tal-Istati Uniti kkoopera billi pprovda statistika dwar l-esportazzjonijiet u l-interpretazzjoni tagħhom dwar din l-istatistika.

(53)

It-tlett produtturi li ġew inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali waqfu jesportaw il-bijodiżil wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi.

(54)

Waħda biss mill-ħames kumpaniji li kkooperaw, BP North America, li ma kkooperatx fl-investigazzjoni oriġinali, esportat bijodiżil f'taħlitiet li fihom bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil (“taħlitiet ta’ B20 jew inferjuri”) lill-Unjoni waqt il-PI.

(55)

Il-Bord Nazzjonali tal-Bijodiżil (“NBB” – National Biodiesel Board), li jirrappreżenta l-industrija tal-bijodiżil fl-Istati Uniti, argumenta li prodott li skont huma kien espliċitament barra mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri eżistenti, ma jistax ikun soġġett għall-miżuri kompensatorji mingħajr investigazzjoni de novo kontra s-sussidji. In-NBB argumenta li r-Regolament definittiv stabbilixxa f'termini espliċiti “il-prodott ikkonċernat” u “il-prodott simili” fil-livell tal-bijodiżil u tal-bijodiżil f'taħlitiet li jikkorrispondu għal iktar minn 20 %. Skont in-NBB, dan ma kienx limitu artifiċjali imma kien jikkorrispondi mar-realtà tas-suq li ħarġet waqt l-investigazzjoni oriġinali. Pereżempju instab li dan il-limitu ta’ 20 % kien xieraq biex jippermetti distinzjoni ċara bejn it-tipi varji ta’ taħlitiet li kienu disponibbli fis-suq tal-Istati Uniti.

(56)

Skont in-NBB u partijiet interessati oħra, investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni tista' biss testendi l-miżuri kompensatorji fuq prodott ikkonċernat għal prodott simili, jiġifieri prodott b'tibdil żgħir meta kkumparat mal-prodott ikkonċernat. Mill-ġdid, in-NBB argumenta li fir-Regolament definittiv, il-Kunsill stess stabbilixxa li l-bijodiżil f'taħlitiet b'volum ta’ bijodiżil ta’ 20 % jew iktar mhuwiex prodott simili. Għalhekk, skont in-NBB, fl-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku ma hemm l-ebda għazla oħra ħlief li tinbeda investigazzjoni ġdida sabiex tiddetermina jekk dawn it-taħlitiet għandhomx ikunu soġġetti għall-miżuri.

(57)

Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, ta’ min jinnota qabel xejn li l-għan tad-dispożizzjonijiet kontra ċ-ċirkumvenzjoni fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku huwa li jikkontrobattu attentati allegati biex jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ. Jekk teżisti biżżejjed evidenza prima facie li turi li ċ-ċirkumvenzjoni qed isseħħ fit-tifsira tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tibda investigazzjoni sabiex tiddetermina jekk hux qed issir iċ-ċirkumvenzjoni. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkumvenzjoni għandha tiġi magħmula, pereżempju, billi jiġi analizzat suċċessivament jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni, jekk din il-bidla tirriżultax minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, u jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kienux qed jiddgħajfu f'termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet.

(58)

Għandu jiġi mfakkar li investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni mhix analiżi tal-ambitu tal-prodott ibbażata fuq l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u ma tbiddilx id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. Id-dispożizzjonijiet taħt Artikolu 23 tar-Regolament bażiku jipprovdu għall-bażi legali rilevanti għal investigazzjoni dwar jekk hemmx evażjoni fir-rigward tal-prodott soġġett għall-miżuri.

(59)

F’dan ir-rigward, it-talba li l-Kummissjoni rċeviet skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament, allegat li wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti kienu bdew jaslu fl-Unjoni, fejn allegatament ħadu vantaġġ mil-limitu fil-kontenut tal-bijodiżil iffissat fid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. L-investigazzjoni eżaminat jekk din il-prattika għandhiex tiġi kkunsidrata bħala evażjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-allegata evażjoni tal-prattiki għandha tiġi eżaminata biss taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku.

6.2.   Esportazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri mill-Istati Uniti fl-Unjoni

(60)

Kif imsemmi fil-premessa (20), il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 tal-Istati Uniti fih taħlitiet b'kontenut ta’ bijodiżil ta’ 96,5 % u inqas. Skont l-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-Istati Uniti, waqt il-PI ġiet esportata il-kwantità totali ta’ 358 291 tunnellata metrika ta’ dan it-tip ta’ taħlita għall-Unjoni.

(61)

Waqt il-PI, BP Products North America (“BPNA”) esportat proporzjon sinifikanti tal-kwantità msemmija hawn fuq.

(62)

BPNA ma pparteċipatx fl-investigazzjoni oriġinali minħabba li bdiet l-attivitajiet tagħha tal-bijodiżil fil-bidu tal-2009, qabel it-tkabbir b'antiċipazzjoni ta’ suq tal-bijodiżil attiv fil-futur b'rispons għall-mandati tal-gvern kemm fl-Istati Uniti u kemm barra. BPNA bdiet tesporta lejn l-Unjoni f'Diċembru 2009. F'dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-miżuri ġew imposti f'Lulju 2009.

(63)

Fl-Unjoni, BP bigħet bijodiżil ta’ orġini mill-Istati Uniti f'taħlita li fiha bil-piż 15 % jew iktar inferjuri ta’ bijodiżil (“B15”) fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-każijiet kollha, il-prodott huwa imħallat aktar sabiex jirrispetta l-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ f'xi Stati Membri biex jippromwovi l-konsum ta’ bijodiżil fil-pompa għaliex bħalissa huwa kkunsidrat bħala sostenibbli għall-ambjent.

(64)

BPNA argumentat li t-taħlitiet ta’ inqas minn 15 % mhumiex prodott simili għall-prodott ikkonċernat. Il-karatteristiċi u r-realtajiet tas-suq huma differenti ħafna. Il-loġistika involuta (inklużi restrizzjonijiet fit-trasport ta’ merkanzija bil-baħar) fil-produzzjoni u importazzjoni ta’ taħlitiet baxxi hija differenti ħafna minn dik ta’ gradi ogħla Skont BPNA, meta wieħed iġorr taħlitiet ta’ inqas minn 15 %, dawn il-prodotti huma klassifikati bħala prodott tal-petroleum għat-trasport għal kuntrarju ta’ prodott kimiku li jrendi t-trasportazzjoni irħas. BPNA argumentat ukoll li hemm differenzi fl-prestazzjoni bejn il-bijodiżil f'taħlitiet ta’ grad għoli u dak baxx meta użat f'magni tad-diżil.

(65)

L-għan tal-investigazzjoni fir-rigward taċ-ċirkumvenzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk il-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil evitax il-miżuri fis-seħħ. Jista jkun il-każ li taħlitiet baxxi jattiraw spejjeż irħas tat-trasportazzjoni. Madankollu, ta’ min jinnota li taħlitiet ta’ B20 u inferjuri huma effettivi biss f'kompożizzjoni differenti tat-taħlita, meta mqabblin mal-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżil f'taħlitiet ta’ iktar superjuri minn B20. Biex tbiddel il-kompożizzjoni tat-taħlita huwa proċess sempliċi. Huwa maħsub li taħlitiet ta’ B20 u inferjuri huma biss tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat, bl-unika differenza tkun il-proporzjon ta’ bijodiżil fit-taħlita. Ta' min jinnota li l-prodott ikkonċernat, kif ukoll taħlitiet ta’ B20 u inferjuri huma destinati finalment għall-istess użi fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-bijodiżil f'taħlitiet ta’ B20 u inferjuri, kif ukoll bijodiżil f'taħlitiet ta’ iktar superjuri minn B20, għandhom l-istess karatterstiċi essenzjali.

6.3.   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

(66)

Importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Istati Uniti naqsu minn 1 487 790 tunnellata metrika fl-2008 għal 381 227 tunnellata metrika fl-2009 u għal kważi żero waqt il-PI.

(67)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li għalkemm kien hemm taħlit obbligatorju ta’ pereżempju B5 fl-Unjoni waqt l-investigazzjoni oriġinali, l-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri mill-Istati Uniti għall-Unjoni bdew iseħħu biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Waqt l-investigazzjoni oriġinali, il-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B99,9 ġew esportati għall-Unjoni skont id-dejta meħuda mill-kampjun tal-produtturi esportaturi li kkooperaw. Ir-raġuni għal dan kienet li żied is-sussidju fuq il-prodotti esportati (1$ taxxa ta’ kreditu tal-bijodiżil kull gallun).

(68)

Huwa għalhekk diffiċli biex tara x'tista' tkun il-ġustifikazzjoni ekonomika biex jibdew jiġu esportati taħlitiet ta’ B20 u inferjuri, ħlief l-evażjoni tal-miżuri kompensatorji fis-seħħ.

(69)

Il-proporzjon ta’ bijodiżil f'taħlita għadu jiġi ssussidjat u l-importatur qed jevita l-ħlas tad-dazju kompensatorju mistħoqq. F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li d-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet huwa applikabbli proporzjonalment għall-bijodiżil f'taħlita, jiġifieri fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B15 id-dazju kompensatorju mhux imħallas ikun ta’ madwar EUR 35 kull tunnellata metrika.

6.4.   Ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju kompensatorju

(70)

Skont BPNA, il-ħolqien ta’ bijodiżil ta’ iktar inferjuri minn taħlitiet ta’ B15 ma sarx speċifikament biex jiġi evitat id-dazju. Il-kumpanija sostniet li hija ma ħaditx sehem fl-investigazzjoni oriġinali għax bdiet l-attivitajiet tagħha tal-bijodiżil fil-bidu tal-2009, b'antiċipazzjoni ta’ suq tal-bijodiżil attiv fil-futur b'rispons għall-mandati tal-gvern kemm fl-Istati Uniti u kemm barra. L-istruttura speċifika tal-kumpanija, l-attività tagħha bħala kumpanija tal-petroleum u l-preżenza loġistika tagħha fl-Istati Uniti, għamlu t-taħlit fl-Istati Uniti u l-esportazzjoni għall-Unjoni, deċiżjoni kummerċjali loġika. It-taħlita esportata kienet dejjem ta’ B15 u inferjuri, minħabba l-miżuri ta’ sigurtà inqas stretti: sa B15, skont ir-regolamenti marittimi, it-taħlita titqisx bħala prodott kimiku.

(71)

Ta' min jinnota li l-attività tal-kumpanija fir-rigward tal-esportazzjoni għall-Unjoni bdiet biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Huwa kkunsidrat li ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-evitar tal-ħlas tad-dazju kompensatorju fis-seħħ fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti.

6.5.   Dgħjufija fl-effett ta’ rimedju tad-dazju kompensatorju

(72)

Meta wieħed jqis il-livell tal-prezzijiet mingħajr dannu tal-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet tal-Istati Uniti ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri għall-Unjoni waqt il-PI urew kemm twaqqigħ fil-prezz kif ukoll bejgħ taħt il-prezz. L-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri bdew isiru biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, u l-kwantitajiet involuti huma sinifikanti.

(73)

Għalhekk ġie konkluż li l-miżuri qegħdin jiġu mminati f'termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet.

6.6.   Evidenza tas-sussidjar

(74)

Fir-rigward tas-sussidjar ta’ min jinnota li t-taxxa ta’ kreditu tal-bijodiżil tal-Istati Uniti, l-iskema ewlenija ta’ sussidju misjuba fl-investigazzjoni oriġinali, reġgħet iddaħħlet retroattivament f'Diċembru 2010. Fuq din il-bażi ġie konkluż li l-prodott simili importat xorta bbenefika mis-sussidji waqt il-PI.

6.7.   Konklużjoni

(75)

L-investigazzjoni kkonkludiet ukoll li d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti ġew evitati permezz ta’ importazzjonijiet għall-Unjoni ta’ bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil.

(76)

Ġie konkluż li l-unika ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri ġiet imqanqla mis-sussidju fl-Istati Uniti minn naħa, u l-evitar tal-ħlas ta’ dazju kompensatorju meta timporta fl-Unjoni min-naħa l-oħra.

(77)

BPNA talbet għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibli. Madankollu, minħabba li l-investigazzjoni uriet biċ-ċar li l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri bdew isiru biss sabiex jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ, din l-eżenzjoni ma setgħetx tingħata. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku, eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss lil produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li mhumiex relatati mal-ebda produttur soġġett għall-miżuri u li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkumvenzjoni. F'dawn l-investigazzjonijiet instab li BPNA hija nvoluta fi prattiki ta’ evażjoni billi bdiet tesporta taħlitiet ta’ B20 u inferjuri wara l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji u antidumping mingħajr raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, hemm evidenza li l-effetti tal-miżuri qegħdin jiġu mminati f'termini ta’ prezzijiet u kwantitajiet, u li l-prodott importat għadu jiġi sussidjat.

(78)

Uħud mill-produtturi tal-bijodiżil li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali talbu għal eżenzjonijiet minn xi miżuri estiżi minħabba ċirkumvenzjoni. Instab li dawn il-produtturi mill-Istati Uniti ma pproduċewx jew ma bigħux bijodiżil ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri. Skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku, it-talba għal eżenzjoni mill-produtturi biss tista' tiġi kkunsidrata waqt l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Madankollu, ta’ min jinnota li Artikolu 23 tar-Regolament bażiku fih dispożizzjonijiet ġodda.

7.   MIŻURI

7.1.   Il-Kanada

(79)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw fl-Istati Uniti ġie evitat permezz ta’ trasbord mill-Kanada skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku.

(80)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fl-Istati Uniti, għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada u kemm jekk le.

(81)

Sabiex tiġi evitata l-evażjoni tad-dazju minn allegazzjonijiet mhux ivverifikati li l-prodott li nġarr bil-baħar mill-Kanada ġie magħmul minn kumpanija soġġetta għal dazju individwali fir-Regolament definittiv, il-miżura li għandha tiġi estiża għandha tkun dik stabbilita għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009, dik ta’ dazju kompensatorju definittiv ta’ EUR 237 kull tunnellata metrika.

(82)

Id-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli, proporzjonalment, fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).

(83)

Skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament bażiku, li jistipulaw li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati kkunsinnati mill-Kanada.

7.2.   L-Istati Uniti

(84)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Istati Uniti ġie evitat permezz ta’ importazzjonijiet għall-Unjoni ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku.

(85)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-Istati Uniti għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri.

(86)

Il-miżuri li għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009.

(87)

Id-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet li ġie estiż għandu jkun applikabbli, proporzjonalment, fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).

(88)

Skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament bażiku, li jistipulaw li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ B20 u inferjuri li joriġinaw fl-Istati Uniti.

8.   IT-TWAQQIF TAL-INVESTIGAZZJONI KONTRA SINGAPOR

(89)

Fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tas-Singapor, l-investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri kompensatorji permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati minn Singapor għandha tintemm u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati minn Singapor introdotta mir-Regolament tal-bidu, għandha titwaqqaf.

9.   TALBA GĦALL-EŻENZJONI

(90)

Iż-żewġ kumpaniji li kkooperaw fil-Kanada billi wieġbu għall-kwestjonarju talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku.

(91)

Instab li ż-żewġ produtturi tal-Kanada li kkooperaw ma kinux involuti fi prattiki ta’ evażjoni li huma soġġetti għal din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li ma kinux relatati mal-ebda mill-produtturi/esportaturi ta’ bijodiżil tal-Istati Uniti. Għalhekk, it-talbiet tagħhom ta’ eżenzjoni jistgħu jiġu milqugħa.

(92)

'Huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali jikkonsistu fil-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-Dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mal-ħtiġiet stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'fattura tali għandhom jkunu soġġetti għad-dazju kompensatorju estiż.

(93)

Parti li kkooperat fl-Istati Uniti li wieġbet għall-kwestjonarju ukoll talbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibli skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku.

(94)

Kif spjegat fil-premessa (75) hawn fuq, l-investigazzjoni uriet biċ-ċar li din il-parti kienet involuta fi prattiki ta’ evażjoni billi timporta taħlitiet ta’ B20 u inferjuri. Konsegwentement, din l-eżenzjoni ma tistax tingħata.

(95)

Madankollu, għandu jkun enfasizzat li jekk xi produttur(i) li jesporta(w) kkonċernat(i) ma jibqgħux jagħmlu użu mis-sussidju, dawn il-partijiet jistgħu jitolbu għal analiżi skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

10.   ŻVELAR

(96)

Il-partijiet kollha nteressati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna jagħmlu l-kummenti. Kienu kkunsidrati l-kummenti orali u miktuba li tressqu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossila, magħruf normalment bħala “bijodiżil”, sew jekk f'forma pura jew f'taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossila, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, huwa b'dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossila, magħruf normalment bħala “bijodiżil”, sew jekk f'forma pura jew f'taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossila, ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209821), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009121), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009921), ex 2710 19 41 (kodiċi TARIC 2710194121), ex 3824 90 91 (kodiċi TARIC 3824909110) u ex 3824 90 97 (kodiċi TARIC 3824909701), bl-eċċezzjoni ta’ dawk magħmula mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Kanada

BIOX Corporation, Oakville, Ontario, Kanada

B107

Kanada

Rothsay Biodiesel, Guelph, Ontario, Kanada

B108

Id-dazju li għandu jiġi estiż għandu jkun dak stabbilit għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009, li huwa dazju kompensatorju definittiv ta’ EUR 237 kull tunnellata metrika netta.

Id-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli bħala proporzjon fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).

2.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1 jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) għandha tkun soġġetta għal preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk l-ebda fattura tali ma tiġi preżentata, għandu jiġi applikat id-dazju kompensatorju kif impost mill-paragrafu 1.

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 721/2010 u l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.

4.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   Id-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf normalment bħala “bijodiżil”, sew jekk f'forma pura jew f'taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, huwa b'dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209830), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009130), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009930), ex 2710 19 41 (kodiċi TARIC 2710194130), u ex 3824 90 97 (kodiċi TARIC 3824909704).

Id-dazji li għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009.

Id-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli, bħala proporzjon, fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).

2.   Id-dazji estiżi bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinġabru fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, irreġistrati b'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 721/2010 u l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009.

3.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 3

L-investigazzjoni mibdija mir-Regolament (UE) Nru 721/2010 fir-rigward tal-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri kompensatorji imposti mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati minn Singapor, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn Singapor u kemm jekk le, u li tagħmel lil dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni, hija b'dan mitmuma.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) għandhom isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/92

1049 Brussell

IL-BELĠJU

Fax: + 32 2295 505

2.   Skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, il-Kummissjoni tista', wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b'deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma evitawx il-miżuri kompensatorji imposti mir-Regolament (KE) Nru 598/2009, mid-dazju estiż mill-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1).

Artikolu 5

L-awtoritajiet tad-dwana huma b'dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 721/2010.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 50.

(3)  ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 179, 10.7.2009, p. 26.

(5)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 6.

(6)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 1.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali fil-format li ġej, għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2):

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ (prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif provdut f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

3.

Data u firma.


Top