EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0631

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - UE - Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet {KUMM(2006) 632 finali}

/* KUMM/2006/0631 finali */

52006DC0631

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - UE - Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet {KUMM(2006) 632 finali} /* KUMM/2006/0631 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2006

KUMM(2006) 631 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

UE - Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet

{KUMM(2006) 632 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

UE - Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet

1. X'inhuma l-interessi?

F'dawn l-aħħar għaxar snin, iċ-Ċina assumiet mill-ġdid stat ta' potenza qawwija. Saret ir-raba' ekonomija u t-tielet pajjiż esportatur tad-dinja, iżda wkoll potenza politika li qiegħda dejjem iżżid l-importanza tagħha. It-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina tefa' aktar piż fil-politika estera taċ-Ċina li hija ferm aktar attiva u sofistikata. Ix-xewqa taċ-Ċina li tikber u tfittex post fid-dinja li jirrifletti l-potenza politika u ekonomika tagħha huwa prinċipju ċentrali tal-politika tagħha. Minħabba d-daqs taċ-Ċina u t-tkabbir fenomenali tagħha, dawn il-bidliet għandhom impatt qawwi fuq il-politika u l-kummerċ globali.

L-UE toffri l-akbar suq fid-dinja. Għandha fi ħdanha munita ta' riżerva globali. Tgawdi t-tmexxija dinjija tat-teknoloġiji u l-ħiliet ewlenin. L-UE għandha rwol ċentrali fis-sejbien ta' soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi tal-preżent, dwar l-ambjent, l-enerġija, u l-globalizzazzjoni. Kienet kapaċi teżerċita influwenza b'mod progressiv ferm lilhinn mill-fruntieri tagħha u hija l-akbar fornitur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja.

L-Ewropa jeħtiġilha tirrispondi b'mod effettiv għall-qawwa mġedda taċ-Ċina. Sabiex nittrattaw l-isfidi ewlenin ta' l-Ewropa fil-preżent - inkluż it-tibdil fil-klima, ix-xogħol, il-migrazzjoni, is-sigurtà - neħtieġu nużaw il-potenzjal ta' relazzjoni dinamika maċ-Ċina bbażata fuq il-valuri tagħna. Għandna wkoll interess li nappoġġjaw il-proċess ta' riforma taċ-Ċina. Dan ifisser li d-dimensjoni taċ-Ċina tittieħdet bħala fattur fi ħdan il-firxa kollha tal-linji ta' politika ta' l-UE, esterni u interni. Ifisser ukoll koordinazzjoni mill-qrib fi ħdan l-UE sabiex tiġi assigurata strateġija ġenerali u koerenti.

Sabiex l-importanza tar-relazzjonijiet tagħhom tiġi riflessa aħjar, fl-2003 l-UE u ċ-Ċina qablu dwar sħubija strateġika. Jibqgħu xi differenzi, iżda dawn qed jiġu amministrati b'mod effettiv, u r-relazzjonijiet qed ikunu dejjem aktar maturi u realistiċi. Fl-istess ħin iċ-Ċina hija, flimkien ma' l-UE, marbuta mill-qrib mal-proċess ta' globalizzazzjoni u qed tintegra ruħha aktar fis-sistema internazzjonali.

Fir-rigward taċ-Ċina, l-istrateġija fundamentali ta' l-UE għandha tibqa' waħda ta' impenn u sħubija. Iżda bi sħubija strateġika aktar mill-qrib, jiżdiedu r-responsabbiltajiet reċiproċi. Is-sħubija għandha tilqa' l-interessi taż-żewġ partijiet u jeħtieġ li l-UE u ċ-Ċina jaħdmu flimkien hekk kif jassumu rwoli internazzjonali aktar attivi u responsabbli, billi jappoġġjaw u jikkontribwixxu għal sistema multilaterali qawwija u effettiva. L-għan għandu jkun sitwazzjoni fejn iċ-Ċina u l-UE jistgħu jġibu flimkien il-kompetenzi rispettivi tagħhom sabiex joffru soluzzjonijiet konġunti għall-problemi globali.

Kemm l-UE u kif ukoll iċ-Ċina għandhom x'jiggwadanjaw mis-sħubija kummerċjali u ekonomika tagħna. Jekk għandna nirrikonoxxu l-potenzjal sħiħ tagħha, is-soluzzjoni m'hijiex li nagħlqu l-bibien għall-kompetizzjoni Ċiniża. Iżda li nibnu u nżommu l-appoġġ politiku lejn iċ-Ċina għal-liberalizzazzjoni, il-benefiċċji ta' l-impenn għandu jiġi realizzat bi sħiħ fl-Ewropa. Iċ-Ċina għandha tiftaħ is-swieq tagħha stess u tassigura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ta' suq ġust. L-aġġustament ta' l-isfida kompetittiva u t-tmexxija ta' akkordju xieraq maċ-Ċina ser ikunu l-isfida ċentrali tal-politika tal-kummerċ ta' l-UE fid-deċennju li ġej. Din l-isfida bilaterali ewlenija tipprovdi test konklużiv għas-sħubija tagħna, u hija stipulata f'aktar dettall f'dokument dwar il-politika tal-kummerċ bit-titolu "Kompetizzjoni u Sħubija" mehmuż mal-Komunikazzjoni preżenti.

L-Ewropa u ċ-Ċina jistgħu jagħmlu aktar flimkien sabiex jippromwovu l-interessi tagħhom stess milli jistgħu jagħmlu waħidhom.

2. Kuntest: Il-qawmien mill-ġdid taċ-Ċina

L-istabbiltà interna tibqa' l-motiv ewlieni għall-politika Ċiniża. Matul dawn l-aħħar deċennji, l-istabbiltà ġiet imsaħħa permezz ta' tkabbir ekonomiku qawwi. Mill-1980 iċ-Ċina gawdiet rata medja ta' tkabbir ta' 9% fis-sena u rat is-sehem tagħha mill-GDP globali jiżdied għall-għaxar darbiet biex issa jlaħħaq il-5% tal-GDP globali. It-tkabbir taċ-Ċina wassal għall-akbar tnaqqis fil-faqar reġistrat fl-istorja dinjija, u l-ħolqien ta' klassi medja kbira, edukata aħjar u b'poter tax-xiri u għażliet li qegħdin dejjem jiżdiedu.

Iżda l-istorja ta' dan it-tkabbir fenomenali jaħbi inċertezzi u fraġilità. It-tmexxija Ċiniża għaddejja kuljum f'direzzjoni kkumplikata, qed tiffaċċja firxa ta' sfidi importanti, prinċipalment domestiċi, iżda li dejjem jinħassu aktar lilhinn mill-fruntieri nazzjonali:

- Id-differenzi jkomplu jikbru. Id-disparità fil-ġid hija sinifikanti u qed tikber, kif huma wkoll l-iżbilanċi soċjali, reġjonali u ta' bejn is-sessi; hemm ħafna pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni; u ċ-Ċina diġa qed tiffaċċja spostamenti demografiċi sinifikanti u l-isfidi ta' popolazzjoni li qed tikber fl-età b'rata mgħaġġla;

- Id-domanda taċ-Ċina għall-enerġija u l-materja prima – iċ-Ċina hija diġa t-tieni l-akbar konsumatur ta' l-enerġija fid-dinja – hija diġa sinifikanti u ser tibqa' tiżdied; u l-ispiża ambjentali tat-tkabbir mingħajr ostakli ta' l-ekonomija u l-industrija qed issir dejjem aktar apparenti. Fl-istess ħin il-metodi tat-tkabbir ma ġewx bilanċjati, b'konċentrazzjoni fuq l-esportazzjoni b'detriment għad-domanda domestika.

It-tkabbir jibqa' ċentrali għall-aġenda tar-riforma taċ-Ċina, iżda qed jiġi akar ikkontrollat b'miżuri sabiex tiġi indirizzata l-inugwaljanza soċjali u sabiex jiġi assigurat żvilupp ekonomiku u politiku aktar sostenibbli. B'mod paradossali, f'numru ta' oqsma, hekk kif il-Partit u l-Istat inaqqsu l-kontroll jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà. Ġudikatura aktar indipendenti, soċjetà ċivili aktar b'saħħitha, xandir aktar liberu għandhom finalment jinkoraġġixxu l-istabbiltà, bil-provvediment tal-kontrolli u l-bilanċi meħtieġa. Huwa inkoraġġanti r-rikonoxximent tal-ħtieġa għall-iżvilupp aktar bilanċjat, b'ħolqien ta' "soċjetà armonjuża". Iżda aktar riforma ser tkun meħtieġa.

Il-politika reġjonali u internazzjonali taċ-Ċina tappoġġja wkoll l-imperattivi domestiċi: viċinat sigur u paċifiku jwassal għal tkabbir ekonomiku; u l-impenn internazzjonali aktar wiesa' taċ-Ċina jibqa' karatterizzat bl-insegwiment ta' għanijiet speċifiċi ħafna, inkluż il-ksib tar-riżorsi naturali meħtieġa sabiex jiġi sostnut it-tkabbir. Fl-istess ħin rajna x-xewqa taċ-Ċina li tibni r-rispett u r-rikonoxximent internazzjonali. L-Olimpjadi ta' l-2008 f'Beijing u l-World Expo ta' l-2010 f'Shanghai għandhom jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja għall-progress taċ-Ċina.

Tradizzjonalment iċ-Ċina ddeskriviet il-politika barranija tagħha bħala waħda strettament ta' nuqqas ta' ndħil, iżda kif issa qed tieħu rwol internazzjonali aktar attiv u assertiv, din id-deskrizzjoni qed issir aktar insostenibbli. Il-gvern Ċiniż qed jibda jirrikonoxxi dan, u r-responsabbiltajiet internazzjonali li jirriflettu l-importanza ekonomika taċ-Ċina u l-irwol bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif jidher mill-impenji diplomatiċi tagħha li qed isiru aktar attivi.

L-UE u ċ-Ċina jibbenefikaw mill-globalizzazzjoni u jaqsmu interessi komuni fis-suċċess tagħha. Tippreżenta sfidi lit-tnejn u ġġib magħha aktar responsabbiltajiet. Flimkien għandna wkoll xewqa li naraw sistema multilaterali effettiva. Iżda jibqgħu differenzi fil-valuri, li dwarhom għandu jkompli d-djalogu.

Hekk kif is-sħubija tissaħħaħ, jiżdiedu l-aspettattivi u r-responsabbiltajiet fuq iż-żewġ partijiet. Bħala l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, il-politika kummerċjali ta' l-UE għandha impatt importanti fuq iċ-Ċina, kif għandhom ukoll il-linji ta' politika taċ-Ċina fuq l-UE. Iż-żewġ partijet qegħdin dejjem aktar jippretendu li fil-formulazzjoni tal-politika rispettiva tagħhom huma jieħdu kont ta' dak l-impatt.

3. It-triq tal-ġejjieni

L-UE għandha tkompli tappoġġja l-proċess intern tar-riforma politika u ekonomika, għal Ċina qawwija u stabbli li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tipproteġi l-minoritajiet u tiggarantixxi l-istat tad-dritt. L-UE ser issaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex tassigura żvilupp sostenibbli, issegwi politika kummerċjali ġusta u qawwija u taħdem sabiex issaħħaħ u żżid il-bilanċ fir-relazzjonijiet bilaterali. L-UE u ċ-Ċina għandhom jaħdmu flimkien għall-paċi u l-istabbiltà. L-UE għandha żżid il-koordinazzjoni u l-azzjoni konġunta u ttejjeb il-kooperazzjoni ma' l-industrija u s-soċjetà ċivili Ewropej.

Sallum il-bażi legali għar-relazzjonijiet kien il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ta' l-1985. Dan m'għadhux aktar jirrifletti l-wisa' u l-ambitu tar-relazzjoni u fid-disa' Samit ta' l-UE – Ċina, il-mexxejja qablu li jibdew negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni estiżi (PCA) sabiex il-bażi tal-kooperazzjoni tagħna tiġi aġġornata. Dan il-ftehim ġdid jippreżenta opportunità importanti. Għandu jipprovdi qafas uniku li jkopri l-ambitu u l-komplessità kollha tar-relazzjoni tagħna, u fl-istess ħin għandu jħares lejn il-futur u jirrifletti l-prioritajiet indikati f'din il-Komunikazzjoni.

3.1. Appoġġ għat-tranżizzjoni taċ-Ċina għal soċjetà aktar miftuħa u pluralistika

It-tmexxija Ċiniża tenniet diversi drabi l-appoġġ tagħha għar-riforma, inkluż fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi. Iżda f'dan il-qasam il-progress fil-prattika ġie limitat. L-UE għandha tikkonsidra kif tista' b'mod l-aktar effettiv tgħin liċ-Ċina fil-proċess ta' riforma, u ssostni t-teżi li protezzjoni aħjar tad-drittijiet umani, soċjetà aktar miftuħa, u gvern aktar kontabbli jkunu ta' benefiċċju għaċ-Ċina, u essenzjali għall-kontinwazzjoni tat-tkabbir ekonomiku.

Id-demokrazija, id-drittijiet umani u l-promozzjoni ta' valuri komuni jibqgħu prinċipji fundamentali tal-politka ta' l-UE u ta' importanza ċentrali għar-relazzjonijiet bilaterali. L-UE għandha tappoġġja u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili sħiħa, b'saħħitha u indipendenti fiċ-Ċina. Għandha tappoġġja l-isforzi għat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt – bażi essenzjali għar-riformi l-oħra kollha.

Fl-istess ħin, l-UE ser tkompli tinkoraġġixxi ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-reġjuni kollha taċ-Ċina; il-libertà ta' l-espressjoni, ir-reliġjon u l-assoċjazzjoni, id-dritt għal proċess xieraq u l-protezzjoni tal-minoritajiet jeħtieġu attenzjoni partikolari – fir-reġjuni kollha taċ-Ċina. Aktar minn hekk, l-UE ser tinkoraġġixxi liċ-Ċina sabiex tkun msieħba attiva u kostruttiva fil-Kunsill tad-Drittijiet Umani, billi żżomm liċ-Ċina marbuta mal-valuri mħaddna min-NU, inkluż il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.

Id-djalogu dwar id-drittijiet umani miżmum darbtejn fis-sena ġie maħsub fi stadju aktar bikri tar-relazzjonijiet UE-Ċina. Dan jibqa' validu għall-għan, iżda l-aspettattivi ta' l-UE – li żdiedu hekk kif żdiedet il-kwalità tas-sħubija tagħna – qegħdin dejjem aktar ma jiġux milħuqa. Id-djalogu għandu jkun:

- Aktar ikkonċentrat u orjentat sabiex iġib riżultati, bi skambji ta' kwalità aħjar u riżultati konkreti;

- Aktar flessibbli, b'informazzjoni minn seminars u sotto-gruppi separati;

- Koordinat aħjar mad-djalogi ta' l-Istati Membri.

3.2. Żvilupp sostenibbli

Waħda mill-isfidi globali ewlenin tal-preżent hija li jiġi assigurat li l-iżvilupp tagħna jkun sostenibbli. Iċ-Ċina ser tkun ċentrali sabiex tintlaqa' din l-isfida. Il-politika ta' riforma domestika taċ-Ċina hija importanti u l-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja din permezz tal-programm tagħha ta' kooperazzjoni, inkluża r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji. Dwar materji bħall-enerġija, l-ambjent u l-bidla fil-klima, ir-rispett lejn l-istandards soċjali internazzjonali, l-għajnuna għall-iżvilupp, u kif ukoll materji makroekonomiċi aktar wiesgħa, l-UE u ċ-Ċina għandhom jassiguraw kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib. Iż-żewġ partijiet għandhom:

Jassiguraw provvisti ta' enerġija siguri u sostenibbli . Bħala partijiet importanti fis-swieq dinjija ta' l-enerġija, l-UE u ċ-Ċina għandhom interess u responsabbiltà komuni sabiex jiġu assigurati s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvisti ta' l-enerġija, billi tiġi mtejba l-effiċjenza u jiġi mnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni ta' l-enerġija u l-konsum. Il-priorità ta' l-UE għandha tkun li tassigura l-integrazzjoni taċ-Ċina fis-swieq dinjija ta' l-enerġija u fil-mekkaniżmi u l-istituzzjonijiet ta' amministrazzjoni multilaterali, u sabiex tinkoraġġixxi liċ-Ċina ssir msieħba ta' l-enerġija attiva u responsabbli. Fuq dik il-bażi ż-żewġ partijiet għandhom jaħdmu sabiex:

- Tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari sforzi sabiex tiġi mtejba t-trasparenza u l-affidabilità tad-dejta ta' l-enerġija u l-iskambju ta' l-informazzjoni bl-għan li tiġi mtejba s-sigurtà ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-Afrika;

- Tissaħħaħ il-ħila teknika u regolatorja taċ-Ċina, bit-tnaqqis tat-tkabbir tad-domanda għall-enerġija, biż-żieda fl-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu ta' enerġija nadifa u li tiġġedded bħar-riħ, il-bijomassa u l-bijokarburanti, bil-promozzjoni ta' standards u ekonomizzar ta' enerġija permezz ta' l-iżvilupp u t-tħaddim ta' teknoloġija tal-faħam li kważi ma jkollha ebda emissjoni;

- Ikun hemm l-impenn għat-titjib ta' l-istabbiltà permezz ta' strateġija bbażata fuq is-suq għall-investiment u l-ksib; Isir djalogu ma' konsumaturi maġġuri oħra; Ikun hemm inkoraġġiment għal oqfsa trasparenti u mhux diskriminatorji, inkluż aċċess miftuħ u effettiv għas-suq ta' l-enerġija; u billi tiġi promossa l-adozzjoni ta' normi u standards rikonoxxuti internazzjonalment.

Jaffrontaw il-bidla fil-klima u jtejbu l-ambjent . Diġa għandna bażi tajba għall-kooperazzjoni fuq materji ta' l-ambjent u l-bidla fil-klima permezz tas-Sħubija mwaqqfa fis-Samit UE – Ċina ta' l-2005.

- L-UE għandha taqsam maċ-Ċina l-ħila regolatorja, taħdem maċ-Ċina sabiex ikun hemm prevenzjoni tat-tniġġis, tissalvagwardja l-bijodiversità, tagħmel l-użu ta' l-enerġija, l-ilma u l-materja prima aktar effiċjenti, u ttejjeb it-trasparenza u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent. Iż-żewġ partijiet għandhom jaħdmu flimkien sabiex jaffrontaw id-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali ta' siġar, l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-amministrazzjoni marittima;

- Iż-żewġ partijiet għandhom jibnu fuq is-Sħubija dwar il-Bidla fil-Klima, billi jinfurzaw il-kooperazzjoni bilaterali, u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali, jilħqu r-responsabbiltajiet internazzjonali maqsuma taħt il-Konvenzjoni dwar il-Bidla fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto u jimpenjaw ruħhom attivament fid-djalogi dwar il-kooperazzjoni internazzjonali ta' wara l-2012 dwar il-bidla fil-klima. Għandna nsaħħu l-użu tal-mekkaniżmi ta' l-iskambju ta' l-emissjonijet u ta' l-iżvilupp nadif.

Itejbu l-iskambji dwar ix-xogħol u materji soċjali . Iċ-Ċina hija impenjata sabiex tiffaċċja d-disparitajiet soċjali u sabiex tippromwovi żvilupp aktar bilanċjat. L-UE u ċ-Ċina għandhom:

- Jintensifikaw il-kooperazzjoni dwar ix-xogħol u materji soċjali bit-tisħiħ u t-tkabbir tad-djalogu sabiex jiġu inklużi materji bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istandards diċenti tax-xogħol, u jilqgħu għall-isfidi ta' populazzjoni li qed tikber fl-età;

- Jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li jintlaħqu l-obbligi internazzjonali dwar ix-xogħol u materji soċjali.

Itejbu l-koordinazzjoni dwar l-iżvilupp internazzjonali . Kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar materji ta' l-iżvilupp internazzjonali għandha tkun ta' benefiċċju lill-UE, liċ-Ċina u lill-imsieħba tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jekk ma nkunux kapaċi nikkoordinaw b'mod effettiv, hemm effetti negattivi sinifikanti partikolarment fl-Afrika iżda wkoll f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw. L-UE u ċ-Ċina għandhom:

- Jimpenjaw ruħhom fi djalogu strutturat dwar l-iżvilupp sostenibbli ta' l-Afrika. Għandu jkun hemm trasparenza fuq l-attivitajiet u l-prioritajiet taż-żewġ naħat, li tipprovdi bażi għal diskussjoni sħiħa;

- Jappoġġjaw l-isforzi reġjonali sabiex titjib l-amministrazzjoni ta' l-Afrika;

- Jesploraw opportunitajiet għat-titjib ta' l-integrazzjoni taċ-Ċina fl-isforzi internazzjonali sabiex jitjiebu l-effiċjenza ta' l-għajnuna, il-koordinazzjoni u l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni prattika bilaterali fuq il-post.

Jibnu tkabbir ekonomiku sostenibbli. Iċ-Ċina saret tkabbir ta' fonti għall-UE u għad-dinja, iżda l-mudell preżenti tat-tkabbir taċ-Ċina huwa wkoll fonti ta' żbilanċi importanti fil-kummerċ UE-Ċina. Il-gvern Ċiniż irrikonoxxa l-importanza li jilqa' l-isfidi makroekonomiċi, ta' linji ta' politika fiskali, monitarji u strutturali li jħarsu 'l quddiem, bit-tkattir tal-konsum u t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi. Iż-żieda fir-rata ta' flessibilità ser ikun fattur importanti , li jgħin sabiex jintlaħaq mill-ġdid bilanċ bejn it-tkabbir u d-domanda domestika u jżid is-saħħa tax-xiri tal-familji Ċiniżi. Il-linji ta' politika li jwasslu għat-tnaqqis tal-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti għandhom iżidu l-kontroll taċ-Ċina fuq l-ekonomija tagħha u jikkontrollaw ir-riskji ta' żbilanċ ekonomiku minħabba domanda kbira, u fl-istess ħin jilħqu r-responsabbiltà li ċ-Ċina għandha flimkienma' pajjiżi oħra sabiex tassigura ekonomija dinjija stabbli u bbilanċjata.

Bħala potenzi ekonomiċi ewlenin, l-UE u ċ-Ċina għandhom jiżviluppaw aktar is-sħubija tagħhom u jaħdmu flimkien sabiex jiġu affrontati l-kwistjonijiet ekonomiċi globali; huma għandhom:

- Jagħmlu kooperazzjoni aktar fil-fond u jaqsmu l-esperjenza fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika monetarja, fiskali, finanzjarja, tar-rata tal-kambju u strutturali;

- Jikkooperaw fit-tneħħija regolarizzata ta' l-iżbilanċi globali;

- Isaħħu u jaġġornaw id-djalogu makroekonomiku.

3.3. Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi

L-integrazzjoni taċ-Ċina fis-sistema globali tal-kummerċ kienet ta' benefiċċju kemm għall-Ewropa u kif ukoll għaċ-Ċina. L-UE hija l-akbar msieħba kummerċjali taċ-Ċina, li tirrapreżenta aktar minn 19% tal-kummerċ estern taċ-Ċina. Il-kumpanniji Ewropej li jinnegozjaw u jinvestu fiċ-Ċina kkontribwixxew għat-tkabbir taċ-Ċina, billi ġabu l-kapital, l-għarfien u t-teknoloġija li kienu strumentali fl-iżvilupp taċ-Ċina.

Huwa fl-interess ta' l-Ewropa li ċ-Ċina tkun ekonomikament b'saħħitha. Iċ-Ċina, b'mod speċjali l-klassi medja li qed tikber b'rata mgħaġġla, hija suq li qed jikber għall-esportazzjoni ta' l-UE. L-esportazzjoni ta' l-UE lejn iċ-Ċina kibret b'aktar minn 100% bejn is-sena 2000 u l-2005, b'rata ħafna aktar mgħaġġla mill-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja. L-esportazzjoni ta' l-UE ta' servizzi lejn iċ-Ċina kibret b'sitt darbiet fl-għaxar snin sa l-2004. Kumpanniji u konsumaturi Ewropej jibbenefikaw minn importazzjonijiet u oġġetti konsumabbli Ċiniżi bi prezzijiet kompetittivi. Il-liberalizzazzjoni ġġib benefiċċji kemm liċ-Ċina u kif ukoll lill-UE.

Madankollu, fl-Ewropa qed tikber il-perċezzjoni li n-nuqqas ta' implimentazzjoni miċ-Ċina ta' l-obbligazzjonijiet tal-WTO u l-ostakli ġodda taċ-Ċina għall-aċċess għas-suq qed iżommu milli sseħħ relazzjoni kummerċjali ġenwinament reċiproka. L-importazzjoni miċ-Ċina żiedet il-pressjoni sabiex isir l-aġġustament għall-globalizzazzjoni fl-Ewropa. Jidher li din it-tendenza ser tibqa' hekk kif iċ-Ċina titla' aktar 'il fuq fil-katina tal-valur.

Sabiex ir-relazzjoni tkun politikament u ekonomikament sostenibbli għal żmien twil, l-Ewropa għandha tkompli toffri aċċess miftuħ u ġust għall-esportazzjoni taċ-Ċina u tadatta ruħha għal-isfida kompetittiva. L-UE teħtieġ tiżviluppa u tikkonsolida l-oqsma ta' vantaġġ komparattiv fid-disinjar u l-produzzjoni ta' valur għoli u teknoloġija għolja u tgħin lill-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid. Min-naħa tagħha ċ-Ċina għandha tirreċiproka billi ssaħħaħ l-impenn tagħha għal swieq miftuħa u kompetizzjoni ġusta. Iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu t-tħassib tagħhom dwar l-impatt ta' l-iżvilupp ekonomiku fuq ir-riżorsi naturali u l-ambjent. L-UE għandha:

Tinsisti għal-liberalizzazzjoni . L-UE ser tkompli taħdem maċ-Ċina għall-implimentazzjoni sħiħa ta' l-obligazzjonijiet tagħha tal-WTO u ser tinkoraġġixxi liċ-Ċina sabiex tagħmel aktar milli hija impenjata tagħmel taħt il-WTO billi tiftaħ aktar is-suq tagħha sabiex toħloq opportunitajiet lill-kumpanniji ta' l-UE. L-UE għandha taċċetta li ma tistax titlob liberalizzazzjoni miċ-Ċina minn wara barrieri tagħha stess. L-UE ser tinkoraġġixxi liċ-Ċina sabiex taderixxi għall-impenn tagħha li tiftaħ in-negozjati ta' l-adeżjoni għall-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi fl-2008 u taħdem sabiex twassalhom għall-konklużjoni ta' suċċess kemm jista' jkun malajr.

Toħloq kundizzjonijiet ugwali . Il-protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fiċ-Ċina u t-twaqqif tat-trasferimenti sfurzati tat-teknolġija huma prioritajiet ta' l-UE, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni miċ-Ċina ta' l-obligazzjonijiet tal-WTO u għandhom jgħinu l-ħolqien ta' klima aħjar għall-investiment fiċ-Ċina. L-UE ser tagħmel pressjoni fuq iċ-Ċina sabiex tieqaf tagħti sussidji projbiti u sabiex tirriforma s-sistema bankarja tagħha, u tinkoraġġixxi liċ-Ċina sabiex tħalli l-forzi tas-suq joperaw fil-kummerċ tagħha tal-materja prima.

Tgħin lill-kumpanniji Ewropej . Il-Kummissjoni ser tagħmel sforz kbir sabiex tgħin lill-kumpanniji li jagħmlu negozju maċ-Ċina, b'mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju filwaqt li tħeġġiġhom jirrispettaw standards diċenti tax-xogħol. L-UE ser testendi u ssaħħaħ l-informazzjoni eżistenti, it-taħriġ u l-konsultazzjoni dwar il-protezzjoni u d-difiża ta' l-IPR fiċ-Ċina. Għandu jinfetaħ Ċentru Ewropew f'Beijing. Għandu jiġi estiż il-Programm ta' l-UE-Ċina dwar l-Iskambju u t-Taħriġ ta' Amministraturi.

Tiddefendi l-interessi ta' l-UE: l-ewwel għandu jsir djalogu . L-UE għandha preferenza ċara sabiex tirriżolvi l-kwistjoniet ta' kummerċ maċ-Ċina permezz tad-djalogu u n-negozjati. Id-djalogi eżistenti ta' l-UE – Ċina relatati mal-kummerċ għandhom jiġu msaħħa fil-livelli kollha, u għandhom jiffokaw aktar fuq il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-titjib ta' l-aċċess għas-suq u l-ambitu tagħhom għandu jiġi estiż. L-UE u ċ-Ċina għandhom ukoll interess li jgħaqqdu l-isforzi tagħhom flimkien fil-korpi internazzjonali li jistabbilixxu r-regoli u l-istandards globali. L-UE ser issegwi b'mod attiv soluzzjonijiet superviżorji u regolatorji globali, tippromwovi s-swieq miftuħa u l-konverġenza regolatorja, u tibni fuq il-kooperazzjoni maċ-Ċina permezz tad-djalogi regolatorji ta' l-UE – Ċina. Dan għandu jgħin ukoll sabiex jiġi assigurat li l-importazzjoni miċ-Ċina tkun konformi ma' l-istandards ta' l-UE ta' l-ikel u tal-prodotti li m'humiex ikel.

Iżda fejn sforzi oħra ma waslux, il-Kummissjoni ser tuża s-sistema tar-riżolviment ta' tilwimiet tal-WTO sabiex tassigura l-konformità mar-regoli u l-obligazzjonijiet miftiehma f'livell multilaterali. Il-miżuri għad-difiża tal-kummerċ jibqgħu strument sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet ġusti tal-kummerċ. L-UE qed taħdem b'mod attiv maċ-Ċina bil-ħsieb li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu l-għotja bikrija ta' l-MES. Sar progress riċenti f'xi wħud mill-kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem ma' l-awtoritajiet Ċiniżi permezz tal-mekkaniżmi li waqqafna u ser tkun lesta taġixxi malajr kif jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha.

Tibni relazzjoni aktar b'saħħitha. Għan ewlieni tan-negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li għandu wkoll jaġġorna l-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ta' l-1985, ser ikun l-aċċess aħjar għas-suq Ċiniż għall-esportaturi u investituri Ewropej, lilhinn mill-impenji taħt il-WTO, il-protezzjoni aħjar tal-proprjetà intellettwali u r-rikonoxximent reċiproku ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Iċ-Ċina hija diġa benefiċjarja maġġuri tas-sistema internazzjonali tal-kummerċ u għandha tassumi responsabbiltà li tirrifletti dawk il-benefiċċji, billi tagħmel kontribuzzjoni sostanzjali sabiex jiġi riattivat u komplut iċ-ċiklu ta' Doha tal-WTO.

Ħafna minn dawn il-passi m'humiex biss fl-interess ta' l-UE. Dawn huma ferm fl-interess taċ-Ċina u parti integrali mill-progress taċ-Ċina lejn tkabbir u żvilupp bilanċjat u sostenibbli u t-tmexxija u r-responsabbiltà globali. L-anness dokument dwar il-politika tal-kummerċ jistipula strateġija komprensiva għar-relazzjonijiet UE – Ċina tal-kummerċ u l-investiment għaż-żmien medju.

3.4. Tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali

Il-kooperazzjoni bilaterali għandha firxa wiesgħa ta' materji, inklużi 7 Ftehimiet formali, 22 djalogi settorjali, li jkopri materji differenti u importanti mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu sal-politika reġjonali u makroekonomika. Jibqa' importanti li jsir aktar żvilupp tad-djalogu strutturat sabiex jiġu skambjati l-esperjenzi u l-veduti dwar materji tal-kompetizzjoni, u kif ukoll ta' l-assistenza teknika u tal-bini tal-kapaċità fir-rigward ta' l-infurzar tal-kompetizzjoni. Il-kooperazzjoni kienet ta' suċċess u pożittiva. Iżda għandu jsir aktar sabiex tiġi kkonċentrata l-kooperazzjoni u jiġi assigurat il-bilanċ u l-benefiċċju reċiproku, fl-oqsma kollha, iżda b'mod partikolari f'oqsma ta' gwida bħall-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija. Għandu jsir aktar sabiex tiġi msaħħa l-kooperazzjoni f'materji ta' migrazzjoni, kuntatti bejn in-nies, u l-istrutturi li jirregolaw ir-relazzjonijiet uffiċjali tagħna. Iż-żewġ partijiet għandhom:

Jassiguraw il-kwalità u t-tkattir tal-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija. Il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija hija qasam ta' priorità għall-gvern Ċiniż. Iċ-Ċina tonfoq 1.5% tal-GDP tagħha fuq programm dinamiku u li qed jikber dwar ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-kooperazzjoni bilaterali hija wkoll b'saħħitha: Iċ-Ċina hija wieħed mill-aktar pajjiżi terzi importanti li jipparteċipaw f'aktar proġetti ta' riċerka ta' l-UE taħt is-6 Programm tal-Qafas ta' Riċerka, li jagħtiha aċċess għal 600 miljun euro ta' riċerka, u ċ-Ċina hija msieħba importanti fi proġetti importanti bħall-ITER u Galileo. Għandha tiżdied il-parteċipazzjoni ta' l-UE fi progammi Ċiniżi.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Forum tax-Xjenza u t-Teknoloġija ta' Mejju 2005 ħoloq il-kuntest għat-tkattir tal-kooperazzjoni, ibbażat fuq il-benefiċċju reċiproku u l-aċċess u l-parteċipazzjoni reċiproċi. Iż-żewġ partijiet għandhom:

- Jikkonsolidaw u jtejbu l-viżibilità tal-kooperazzjoni. Dan għandu jħalli ż-żewġ partijiet jiffokaw u jistipulaw il-prioritajiet b'mod effettiv u jirrispondu għall-materji dinamiċi bħall-epidemiji emerġenti jew ix-xogħol fuq teknoloġiji ta' enerġija nadifa; Jiffaċilitaw l-eżaminazzjoni ta' l-ambitu fejn tista' tiżdied ir-reċiproċità; u jipprovdu bażi għall-koordinazzjoni aktar effettiva ma' l-Istati Membri;

- Itejbu l-ippjanar konġunt sabiex jiġi assigurat il-benefiċċju reċiproku, u jżidu l-flessibilità sabiex tiġi ffinanzjata l-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi Ewropej fi progammi ta' riċerka Ċiniżi. Iż-żewġ partijiet għandhom jiffaċilitaw il-mobilità tar-riċerkaturi li fil-każ ta' l-UE hija promossa permezz ta' għotjiet speċifiċi taħt il-Programm ta' Qafas.

Jibnu relazzjoni effettiva tal-migrazzjoni. Emigranti Ċiniżi u oħrajn jarrikkixxu l-UE kulturalment u jġibu magħhom ħiliet u kompetenzi importanti. Iżda hemm żvantaġġ sinifikanti jekk il-proċess ma jiġix ġestit b'mod effettiv. Jeħtieġ li jkun hemm qafas legali effettiv sabiex jiġu faċilitati l-iskambji bejn in-nies. Iżda neħtieġu mekkaniżmi effettivi sabiex nittrattaw ma' dawk li jabbużaw mis-sistema, b'konċentrazzjoni fuq il-prevenzjoni u r-ritorn. Iż-żewġ partijiet għandhom jaħdmu sabiex jaslu għal konklużjoni bikrija ta' Ftehim effettiv dwar l-Ammissjoni mill-Ġdid.

- Il-mekkaniżmu eżistenti ta' konsultazzjoni għandu jkompli u għandu jiġi estiż sabiex ikopri kemm il-migrazzjoni legali u kif ukoll dik illegali, u b'impenn politiku mġedded sabiex isir progress;

- Iż-żewġ partijiet għandhom jaqblu dwar u jmexxu 'l quddiem proġetti speċifiċi ta' kooperazzjoni dwar per eżempju l-iskambju ta' uffiċjali u taħriġ; u għandu jkun hemm skambji dwar it-teknoloġija bijometrika;

- Għandu jkun hemm djalogu dedikat mal-Ministeru tas-Sigurtà Pubblika li jkopri l-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u l-korruzzjoni;

- Il-Ftehim UE – Ċina dwar it-Turiżmu (ADS) ser jeħtieġ kooperazzjoni proattiva u prattika kontinwa sabiex jiġi assigurat li jiffunzjona b'mod effettiv.

Ikabbru l-kuntatti ta' bejn in-nies. Għandna nsaħħu l-firxa kollha tal-kuntatti ta' bejn in-nies li jirrinforzaw ir-relazzjonijiet tagħna permezz ta' azzjoni sinifikanti u sostnuta miż-żewġ naħat, minn skambji kulturali u turiżmu sa kuntatti mas-soċjetà ċivili u akkademiċi.

- Is-soċjetà ċivili u l-kuntatti istituzzjonali għandhom jipprovdu appoġġ dirett u impetu għar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali. Iż-żewġ naħat għandhom jiffaċilitaw il-kuntatti diretti bejn il-gruppi tas-soċjetà ċivili fl-UE u ċ-Ċina fl-oqsma kollha, u jinkluduhom fid-djalogi settorjali fejn possibbli. Kuntatti uffiċjali mhux governattivi għandhom jiġu msaħħa u mkabbra. Il-Parlament Ewropew għandu rwol ċentrali u għandu jkabbar il-kooperazzjoni mal-Kungress Ċiniż Nazzjonali tal-Poplu. L-UE għandha wkoll issaħħaħ il-kuntatti bejn l-ECOSOC u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ċiniż, il-partijiet politiċi, u bejn korpi oħra semi-uffiċjali.

- L-edukazzjoni kienet qasam fejn kien hemm suċċess partikolari, b'170,000 student Ċiniż jistudjaw fl-UE fl-2005. Għandna nkomplu nibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti permezz ta' programmi ġestiti mill-Membri Stati individwali u permezz tas-sezzjoni speċifika għaċ-Ċina tal-programm Erasmus Mundus. Kien hemm eżempji pożittivi ta' xogħol sabiex jiġu mwaqqfa korsijiet konġunti li jwasslu għal lawrji u kampusijiet konġunti. Għandna wkoll nimplimentaw proġetti speċifiċi bħall-Iskola tad-Dritt Ewropew. Iż-żewġ naħat ser ikomplu jinkoraġġixxu l-istudenti ta' l-UE sabiex jistudjaw fiċ-Ċina. Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-lingwa, il-Kummissjoni ser tappoġġja programm speċifiku sabiex l-għalliema tal-lingwa Ċiniża jiġu mħarrġa jgħallmu fl-Ewropa.

- Il-kompetenza akkademika fl-UE dwar iċ-Ċina teħtieġ li tiġi mtejba u kkoordinata b'mod aktar effettiv. Jeħtieġ azzjoni miż-żewġ naħat sabiex l-interazzjoni effettiva bejn l-akkademji Ewropej u Ċiniżi tiġi sostnuta. Il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja n-netwerk akkademiku dwar iċ-Ċina, tiġbor flimkien il-kompetenzi akkademiċi sabiex il-politika ta' l-UE tkun informata u tikkoordina l-iskambju ta' l-informazzjoni fi ħdan il-komunità akkademika; u għandu jkun hemm numru żgħir ta' professurati prestiġjużi dwar l-istudji Ċiniżi li jinħolqu u jkunu disponibbli għall-universitajiet Ewropej. Għandu jkun hemm djalogu regolari permanenti bejn ħassieba esperti Ewropej u Ċiniżi.

Jagħmlu l-istrutturi bilaterali aktar effettivi. Iż-żewġ naħat għandhom jirriflettu fuq l-istrutturi li jirregolaw ir-relazzjonijiet u jikkunsidraw jekk dawn għandhomx isiru aktar effikaċi, jiġu imtejba jew aġġornati. Id-Dokument ta' Politika tal-Kummissjoni ta' l-2003 ipprova jespandi d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina. Dan kien ta' suċċess kbir, u l-maġġoranza jiffunzjonaw sew u jagħmlu kontribuzzjoni importanti għall-isħubija tagħna. Iżda l-progress għandu jiġi rivedut. Iż-żewġ naħat għandhom jikkunsidraw jekk hemmx korpi jew mekkaniżmi ġodda li jikkontribwixxu aktar għar-relazzjonijiet UE – Ċina.

- Is-Samits Annwali jipprovdu qafas tajjeb għaż-żamma tal-kuntatti fil-livell ta' kap ta' gvern. Dan għandu jiġi sostnut bi skambju u djalogu trażversali regolari f'livell tekniku, ministerjali u aktar għoli. Aktar minn hekk, iż-żewġ partijiet għandhom jesploraw aktar possibilitajiet għal opportunitajiet flessibbli u informali sabiex jiltaqgħu u jiskambjaw il-veduti;

- Id-djalogu miftiehem dan l-aħħar fil-livell ta' Viċi Ministru għall-affarijiet barranin għandu jkun mekkaniżmu ewlieni li jkopri materji reġjonali u ġeopolitiċi u jżid konċentrazzjoni, impatt u valur lir-relazzjoni;

- Fir-rigward tad-djalogi settorjali, iż-żewġ naħat għandhom jagħmlu eżami dettaljat tar-raġuni fundamentali, ir-relazzjoni ta' bejniethom u l-prestazzjoni tagħhom bl-għan li jkun hemm tkabbir tas-sinerġiji u assigurazzjoni ta' benefiċċju reċiproku, u għandhom jassiguraw li l-partijiet li għandhom interess ikunu involuti fejn possibbli. Il-Kummissjoni ser tipproduċi serje ta' Dokumenti ta' Ħidma dwar sfidi settorjali speċifiċi;

- Għandu jiġi mwaqqaf Forum UE – Ċina ġdid u indipendenti. Min-naħa ta' l-UE dan għandu jkun viċin ta' l-istituzzjonijiet u għandu jieħu mill-kompetenzi ċivili, akkademiċi, kummerċjali u kulturali, b'input ta' politika lill-mexxejja politiċi u impetu lir-relazzjonijiet bilaterali.

L-UE għandha tassigura li titkellem b'vuċi waħda fuq il-panoplija ta' materji relatati mar-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina. Minħabba l-kumplessità tar-relazzjoni u l-importanza tal-kontinwità, il-koordinazzjoni interna regolari, sistematika u trażversali ser tkun essenzjali.

Il-programm ta' kooperazzjoni ta' l-UE, magħmul permezz tad-dokument ta' l-istrateġija tal-pajjiż (CSP) u l-programmi indikattivi nazzjonali, għandhom ikomplu jagħtu sehemhom fl-appoġġ tas-sħubija bejn iż-żewġ naħat u l-proċess ta' riforma taċ-Ċina. Iżda hekk kif iċ-Ċina qed tmur lilhinn mill-istatus ta' pajjiż tipiku li jirċievi għajnuna barranija għall-iżvilupp, l-UE għandha tikkalibra b'attenzjoni l-programm tagħha ta' kooperazzjoni u tibqa' tirrivedih. Il-kooperazzjoni għandha tkun fl-interess taż-żewġ naħat, għandha tirrifletti l-prinċipji u l-valuri proprji ta' l-UE, u għandha sservi sabiex issaħħaħ is-sħubija.

3.5. Il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali

L-UE u ċ-Ċina għandhom interess fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà permezz ta' sistema multilaterali riformata u effettiva. Għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-qafas tan-NU, billi jaħdmu sabiex isibu soluzzjonijiet multilaterali għall-kriżijiet emerġenti, u sabiex jaffrontaw it-terroriżmu u jżiedu l-kooperazzjoni reġjonali, inkluż permezz ta' l-involviment tagħhom it-tnejn fi strutturi reġjonali emerġenti. Dan l-interess komuni, f'multilateraliżmu qawwi, paċi u sigurtà għandu wkoll ikun rifless f'kooperazzjoni eqreb u djalogu aktar strutturat dwar il-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Ażja tal-Lvant, u sfidi trażversali bħan-non-proliferazzjoni.

L-Ażja tal-Lvant. Huwa ċar li l-UE għandha interess sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà strateġika fl-Ażja tal-Lvant. Għandha tibni fuq l-effettività li qed tiżdied tal-politika barranija u ta' sigurtà tagħha u l-interess strateġiku tagħha fir-reġjun billi tfassal gwidi pubbliċi għall-politika tagħha.

Iċ-Ċina għandha rwol ewlieni fir-reġjun u kienet qed taħdem sabiex ittejjeb ir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha, inklużi r-Russja u l-Indja, u ma' l-Ażja ċentrali permezz ta' l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Shanghai. Iżda jibqa' spazju għat-titjib fir-relazzjonijiet Sino-Ġappuniżi. L-UE għandha interess f'relazzjonijiet b'saħħithom bejn il-partijiet ewlenin tar-reġjun u fil-kontinwazzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali.

It-Tajwan . L-UE għandha interess sinifikanti fiż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà min-naħa għall-oħra tal-fliegi. Abbażi tal-Politika tagħha ta' Ċina Waħda, u meta tikkunsidra l-bilanċ strateġiku fir-reġjun, l-UE għandha tkompli tieħu interess attiv, u tagħmel il-veduti tagħha magħrufa liż-żewġ naħat. Il-politika għandha tieħu kont ta':

- L-oppożizzjoni ta' l-UE għal kwalunkwe miżura li tammonta għal bidla unilaterali ta' l-istatus quo;

- L-oppożizzjoni qawwija ta' l-UE għall-użu tal-forza;

- L-inkoraġġiment ta' l-UE għal soluzzjonijiet pragmatiċi u miżuri li jibnu l-kunfidenza;

- L-appoġġ ta' l-UE għad-djalogu bejn il-partijiet kollha; u,

- Il-kontinwazzjoni tal-kuntatti ekonomiċi u kummerċjali qawwija ta' l-UE mat-Tajwan.

It-trasparenza dwar l-ispiża u l-oġġettivi militari Ċiniżi . Qed jikber it-tħassib minħabba l-opaċità ta' l-ispiża tad-difiża taċ-Ċina. Hekk kif l-ispiża qed tikber, iċ-Ċina jeħtiġilha tkun konvinta bl-importanza li tiġi mtejba t-trasparenza. Fl-istess ħin, l-UE għandha ttejjeb il-kapaċità analitika tagħha dwar l-iżvilupp militari taċ-Ċina.

L-embargo ta' l-armi . L-embargo ta' l-armi sar bħala riżultat ta' l-avvenimenti fil-Pjazza ta' Tiananmen fl-1989. L-UE qablet li tkompli taħdem sabiex jitneħħa l-embargo, iżda aktar xogħol huwa meħtieġ miż-żewġ naħat.

- Il-Presidenzi attwali u li ġejjin għandhom jiffinalizzaw il-preparazzjonjiet tekniċi sabiex jassiguraw li t-tneħħija ma twassalx għal żieda kwalitattiva u kwantitattiva fil-bejgħ ta' l-armi, u għandhom ikomplu jesploraw possibilitajiet sabiex jintlaħaq konsensus għat-tneħħija. L-UE għandha taħdem maċ-Ċina sabiex ittejjeb l-atmosfera għat-tneħħija, billi jsir progress fis-sitwazzjoni taċ-Ċina fir-rigward tad-drittijiet umani; isir xogħol sabiex jiġu mtejba r-relazzjonijiet min-naħa għall-oħra tal-fliegi; u billi tiġi mtejba t-trasparenza dwar l-ispiża militari tagħha.

Non-proliferazzjoni . In-non-proliferazzjoni tirrapreżenta qasam ewlieni għas-sħubija strateġika. Il-kooperazzjoni internazzjonali u bilaterali hija bbażata fuq l-UNSCR 1540 u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar in-Non-Proliferazzjoni miftiehma fis-Samit UE – Ċina 2004. L-UE tappoġġja l-irwol ċentrali taċ-Ċina fil-ħidma dwar il-peniżola Koreana u l-kontinwazzjoni ta' l-appoġġ Ċiniż ser ikun kruċjali għall-progress fil-kwistjoni nukleari ta' l-Iran. Kien hemm bidu tajjeb fir-rigward tad-djalogu u l-kooperazzjoni prattika sabiex jiġu msaħħa u infurzati l-kontrolli ta' l-esportazzjoni. L-UE għandha tibni fuq dan, billi taħdem ma' l-uffiċjali Ċiniżi sabiex tinkoraġġixxi liċ-Ċina:

- Tikkonforma ruħha mat-trattati u l-istrumenti internazzjonali kollha dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm, u tippromwovi l-konformità magħhom fil-livell reġjonali u internazzjonali;

- Issaħħaħ il-kontrolli ta' l-esportazzjoni ta' materjal, apparat u teknoloġiji relatati mal-MWD, u kif ukoll ta' armi konvenzjonali u armi żgħar u armi ħfif.

Iż-żewġ naħat għandhom jaħdmu flimkien sabiex jaqsmu bejniethom l-esperjenza prattika fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli ta' l-esportazzjoni, inkluż permezz ta' taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana Ċiniżi. Għandhom jikkunsidraw hemmx lok għall-inizjattivi konġunti UE/Ażja fil-kuntest tal-Forum Reġjonali ASEAN.

4. Konklużjoni

Iċ-Ċina hija waħda mill-imsieħba l-aktar importanti ta' l-UE. Il-qawmien mill-ġdid taċ-Ċina huwa fenomenu milqugħ tajjeb. Iżda sabiex tirrispondi b'mod pożittiv u effettiv, l-UE għandha ttejjeb il-koordinazzjoni tal-politika fil-livelli kollha, u tassigura vuċi waħda Ewropea ffokata fuq materji ewlenin.

Għandna relazzjoni bilaterali b'saħħitha u li qed tikber. Iżda għandna nkomplu nibnu fuq dan. Ir-rakkomandazzjonijiet f'din il-Komunikazzjoni, li l-Kunsill huwa mistieden jilqa' u jikkumplimenta permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill, jirrapreżentaw aġenda ta' sfida għall-UE sabiex tagħmel dan, u l-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni jipprovdi mekkaniżmu prattiku importanti sabiex din l-aġenda titmexxa 'l quddiem.

Sħubija strateġika aktar mill-qrib u aktar qawwija hija fl-interess ta' l-UE u taċ-Ċina. Iżda ma' dan jiżdiedu r-responsabbiltajiet, u ħtieġa għall-ftuħ li ser tirrekjedi azzjoni miftiehma miż-żewġ naħat.

Top