EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0634

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika f'dak li hu intensifikar u twessigħ tal-Ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f'affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f'dik li hi sigurtà fir-rigward ta' containers u affarijiet relatati

ĠU L 304, 30.9.2004, p. 32–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/634/oj

Related international agreement

32004D0634



Official Journal L 304 , 30/09/2004 P. 0032 - 0033


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-30 ta' Marzu 2004

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika f'dak li hu intensifikar u twessigħ tal-Ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f'affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f'dik li hi sigurtà fir-rigward ta' containers u affarijiet relatati

(2004/634/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien ma' l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f'affarijiet doganali [1] (CMAA) jagħmel dispożizzjoni għall-possibiltå tat-tkabbir tiegħu bil-ħsieb li jogħlew il-livelli ta' koperazzjoni doganali u li dawn ikunu supplimentati bi ftehimiet f'setturi jew suġġetti speċifiċi.

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat ftehim għan-nom tal-Komunità ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jintensifika u jwessa' iċ-CMAA biex tkun inkluża l-koperazzjoni fir-rigward tas-sigurtà ta' containers u affarijiet relatati oħra (il-Ftehim)

(3) Il-Ftehim ikabbar iżjed il-koperazzjoni doganali bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta' l-Amerika biex ikopri s-sigurtà tal-containers u affarijiet oħra relatati. Dan jaħseb għal tkabbir fil-pront u b'suċċess ta' l-Inizjattiva għas-Sigurtà dwar Containers fil-portijiet kollha tal-Komunità li jissodisfaw il-ħtiġijiet rilevanti. Il-Ftehim fih ukoll programm ta' xogħol għal iżjed miżuri ta' implimentazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' standards f'tekniki ta' maniġġjar b'riskju, informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati tagħbijiet li jkunu ser jiġu impurtati mill-Partijiet, u programmi ta' sħubija fl-industrija.

(4) Il-kordinament estern ta' standards ta' kontrolli doganali ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika hu meħtieġ biex tkun żgurata s-sigurtà f'dik li hi l-katina ta' fornimenti waqt li jkun garantit ix-xogħol bla ma jaqta' tal-kummerċ leġittmu tal-containers. B'mod partikolari, hu essenzali li jkun żgurat li l-portijiet kollha tal-Komunità jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-Inizjattiva għas-Sigurtà dwar Containers fuq il-bażi ta' prinċipji uniformi u li standards bħal dawn jiġu nkoraġġiti fil-portijiet ta' l-Istati Uniti (US). Għalhekk, l-iskop dirett u l-kontenut tal-Ftehimiet jirrigwarda l-faċilitazzjoni ta' kummerċ leġittmu bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta' l-Amerika waqt li jkun żgurat fuq bażi reċiproka livell għoli ta' sigurtà billi tinħoloq koperazzjoni fl-iżvilupp ta' azzjonijiet f'żoni speċifiċi ta' kontroll li fihom il-Komunità għandha kompetenza.

(5) L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jifirxu l-Inizjattiva għas-Sigurtà dwar Containers fil-portijiet kollha tal-Komunità permezz ta' arranġamenti ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jidentifikaw portijiet fil-Komunità li jieħdu sehem fl-Inizjattiva għas-Sigurtà dwar Containers u li jipprovdu għall-istazzjonar fihom ta' uffiċjali tad-dwana ta' l-US biex iħarsu xi dikjarazzjonijiet ta' prinċipji eżistenti bħal dawn għal dak il-għan, basta li dawn l-arranġamenti ikunu jikkonformaw mat-Trattat u kompatibbli maċ-CMAA kif imkabbra bil-Ftehim.

(6) Hu meħtieġ li tkun żgurata koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-iskop ta' intensifikazzjoni u twessigħ tal-koperazzjoni doganali taħt iċ-CMAA kif tkun hekk imkabbra.

(7) Għal dak il-għan għandha tiġi stabbilita proċedura ta' konsultazzjoni li biha Stati Membri bil-ħsieb li jinnegozjaw arranġamenti ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar materji koperti miċ-CMAA kif imkabbra ikunu jistgħu javżaw minnufih b'dan il-ħsieb u jagħtu l-informazzjoni meħtieġa. Jekk ikunu mitluba dan minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni f'limiti ta' żmien qasir l-informazzjoni għandha tkun is-suġġett ta' konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(8) L-għan ewlieni tal-konsultazzjonijiet għandu jkun li jiġi faċilitat il-bdil ta' informazzjoni u li jkun żgurat li l-arranġamenti jkunu konsistenti mat-Trattat u ma' proċeduri komuni, b'mod partikolari l-qafas komuni ta' koperazzjoni ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika skond dak li hemm fiċ-CMAA kif imkabbra.

(9) Meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha li xi arranġament li Stat Membru jixtieq jimplimenta ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika ma jkunx kompatibbli maċ-CMAA kif imkabbra jew li l-materja għandha tiġi ndirizzata fil-qafas taċ-CMAA kif imkabbra, għandha tinforma b'dan lill-Istati Membri.

(10) Il-proċedura ta' konsultazzjoni għandha tkun bla ħsara għall-kompetenzi rispettivi ta' l-Istati Membri u l-Komunità biex jikkonkludu l-arranġamenti maħsuba.

(11) L-Arranġament għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika biex ikun intensifikat u mwessa' l-Ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f'affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f'dik li hi sigurtà dwar containers u affarijiet relatati (il-Ftehim) hu hawnekk approvat f'isem il-Komunità Ewropea.

It-test ta' dan il-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jinnomina persuna(i) bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim biex ikun jorbot lill-Komunità.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri jistgħu iżommu fis-seħħ jew jikkonkludu arranġamenti ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika biex jinkludu portijiet tal-Komunità fl-Inizjattiva għas-Sigurtà dwar Containers. Kull arranġament bħal dan għandu jagħmel riferenza għaċ-CMAA kif imkabbra u jħares dak li din titlob, inklużi standards minimi darba dawn jiġu adottati.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati jistgħu jikkonsultaw lil xulxin biex jiżguraw li dawn l-arranġamenti jaqblu maċ-CMAA kif imkabbra.

2. Qabel ma' Stat Membru jibda n-negozjati dwar arranġamenti ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar materji għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 iżda koperti miċ-CMAA kif imkabbra, għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u jagħti kull informazzjoni rilevanti man-notifika.

3. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu, fi żmien tmint ijiem minn meta jirċievu n-notifika, għal konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru fi żmien tliet ġimgħat minn meta tasal in-notifika. Meta l-materja tkun urġenti, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru bla dewmien.

4. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet, tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub dwar il-kompatibbiltà ta' l-arranġamenti notifikati liċ-CMAA kif imkabbra, inkluż, meta xieraq, il-bżonn li l-materja tiġi ndirizzata fil-qafas ta' dak il-Ftehim.

5. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-kumitat stabbilit bl-Artikolu 247 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [2].

6. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kopja ta' l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll kull denunzja ta', jew emenda għal dawn.

Magħmul fi Brussel, 30 ta' Marzu 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU L 222, 12.08.97, p. 17.

[2] ĠU L 302, 19.10.92, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17).

--------------------------------------------------

Top