EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija' for an updated information about the subject.

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-passiġġieri tal-ferroviji sabiex jipproteġihom, b’mod partikolari meta jkun hemm tħarbit fl-ivvjaġġar, u sabiex itejjeb l-effiċjenza u l-attraenza tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament jirrigwarda l-vjaġġi u s-servizzi bil-ferrovija kollha pprovduti minn impriża ferrovjarja liċenzjata waħda jew aktar skont id-Direttiva 2012/34/UE (ara s-sommarju dwarNetwerk ferrovjarju uniku għall-Ewropa).
  • Ma japplikax għal vjaġġi u servizzi li jsiru fit-territorju ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
  • Pajjiż tal-UE jista’ jagħżel li jeżenta lil servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri mill-biċċa l-kbira tal-artikoli tar-regolament għal massimu ta’ 5 snin, liema perjodu jista’ jjiġġdded darbtejn. Jista’ jeżenta wkoll lil servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri minn dan ir-regolament.

Drittijiet tal-passiġġieri

Il-passiġġieri tal-ferroviji għandhom id-drittijiet bażiċi li ġejjin:

Kuntratt ta’ trasport u informazzjoni

Il-passiġġieri għandhom jingħataw informazzjoni ċara u aċċessibbli:

  • qabel il-vjaġġ, b’mod partikolari rigward il-kundizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-kuntratt, l-iskedi tal-ħin u n-nollijiet applikati;
  • waqt il-vjaġġ, b’mod partikolari rigward kwalunkwe dewmien jew interruzzjoni fis-servizzi;
  • rigward proċeduri għall-preżentazzjoni ta’ lmenti;

L-informazzjoni pprovduta lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandha tkun f’format aċċessibbli.

Dewmien u kanċellazzjonijiet

F’każ ta’ dewmien ta’ aktar minn 60 minuta fil-wasla tad-destinazzjoni finali, il-passiġġieri għandhom id-dritt għal:

  • rimborż sħiħ tal-prezz sħiħ tal-biljett għall-parti tal-vjaġġ li ma saritx; jew
  • tkomplija jew tibdil tar-rotta taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli mal-ewwel opportunità jew f’data aktar tard li hija konvenjenti għall-passiġġieri.

Jekk il-passiġġieri ma jagħżlux ir-rimborż iżda li jkomplu l-vjaġġ, jistgħu jitolbu kumpens minimu ekwivalenti għal:

  • 25% tal-prezz tal-biljett għal dewmien ta’ bejn 60 u 119-il minuta;
  • 50% tal-prezz tal-biljett għal dewmien ta’ 120 minuta jew aktar.

Fil-każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq ta’ aktar minn 60 minuta, il-passiġġieri għandhom id-dritt li:

  • jingħataw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-ħinijiet tat-tluq u l-wasla stmati;
  • ikliet u xorb f’limiti raġjonevoli;
  • akkomodazzjoni fejn isir neċessarju li wieħed jibqa’ hemm għal lejl wieħed jew aktar;
  • trasport lejn l-istazzjon tal-ferroviji jew għall-punt tat-tluq alternattiv jew lejn id-destinazzjoni finali jekk il-ferrovija tkun imwaħħla fuq il-linji.

Persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa

Il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji tal-UE se tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod komparabbli għal ċittadini oħra. Għalhekk, ir-regolament jagħtihom id-drittijiet li ġejjin:

  • id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għat-trasport mingħajr l-ebda spiża żejda;
  • li, fuq talba, jingħataw informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi u l-istazzjonijiet tal-ferrovija;
  • għajnuna bla ħlas abbord ferroviji u fi stazzjonijiet bil-persunal (il-passiġġieri huma mitluba jagħtu notifika tal-bżonnijiet ta’ għajnuna tagħhom 48 siegħa qabel it-tluq);
  • id-dritt għal kumpens jekk l-impriża ferrovjarja tkun responsabbli għat-telf jew għall-ħsara lit-tagħmir għall-mobbiltà tagħhom.

Sigurtà, ilmenti u kwalità tas-servizz

  • Is-sigurtà personali tal-passiġġieri tiġi assigurata fil-ferroviji u fl-istazzjonijiet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi.
  • Għandu jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu effettiv biex jittratta l-ilmenti. Il-passiġġieri jistgħu jilmentaw ma’ kwalunkwe impriża ferrovjarja involuta.
  • L-istandards minimi tal-kwalità tas-servizz għall-impriżi ferrovjarji jinkludu:
    • informazzjoni għall-passiġġieri u biljetti;
    • puntwalità fis-servizz u prinċipji ġenerali biex wieħed ikampa ma’ tħarbit;
    • kanċellazzjoni ta’ servizzi;
    • vaguni u faċilitajiet tal-istazzjonijiet nodfa;
    • stħarriġiet dwar il-livell ta’ sodisfazzjon tal-klijenti;
    • indirizzar tal-ilmenti, rimborżi u kumpens għal nuqqas ta’ konformità ma’ standards tal-kwalità tas-servizz;
    • għajnuna mogħtija lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Infurzar mill-pajjiżi tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE jridu jaħtru korp jew korpi indipendenti li jkun/u inkarigat/i mill-infurzar tar-regolament. Il-passiġġieri jistgħu jissottomettu lment lil kwalunkwe wieħed minn dawn il-korpi jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ma ġewx irrispettati.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu wkoll sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur tar-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Din ilha tapplika mit-3 ta’ Diċembru 2009.

SFOND

Għalaktar informazzjoni, ara:

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 14-41)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 32-77)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/34/UE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU C 220, 4.7.2015, pp. 1-10)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferrovija (COM(2015) 117 final, 11.3.2015)

l-aħħar aġġornament 19.03.2020

Top