EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona Euro tal-2009

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona Euro tal-2009

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2009) 527 final) – Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Hija tipprovdi dettalji dwar ir-reazzjoni taż-żona tal-euro għall-kriżi ekonomika tal-2008 u dwar kif għandu jittejjeb il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
  • Hija tistabbilixxi l-ħtieġa għal sorveljanza makroekonomika usa’ tas-sistemi finanzjarji fi ħdan iż-żona tal-euro biex fil-futur tkun tista’ tiġi stabbilita reazzjoni kkoordinata mil-livell ta’ politika ekonomika aktar rapida u effettiva.

PUNTI EWLENIN

  • Wara l-kriżi ekonomika li bdiet fis-sajf tal-2007 u li laħqet il-qofol tagħha fl-2008, qed jibdew jidhru sinjali ta’ stabbiltà fis-sistema finanzjarja. Tul din il-kriżi, l-euro pproteġiet iż-żona tal-euro b’mod effettiv minn ċaqliq fir-rati tal-kambju u tal-imgħax li jikkawża taqlib, li qabel kienu tant detrimentali għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) fi żminijiet ta’ stress fis-swieq finanzjarji. Il-kapaċità taż-żona tal-euro li taġixxi malajr u tikkoordina mal-banek ċentrali għenet biex tiġi stabbilizzata s-sistema monetarja internazzjonali kollha kemm hi.
  • Il-kriżi finanzjarja wriet il-benefiċċji tas-sħubija fl-euro, u b’hekk żiedet l-attrattività tagħha għal pajjiżi tal-UE mhux fiż-żona tal-euro. Il-benefiċċji jinkludu l-fatt li l-istituzzjonijiet domestiċi ngħataw aċċess għal-likwidità tal-Bank Ċentrali Ewropew.
  • Madankollu l-euro ma hijiex kapaċi tipproteġi ż-żona tal-euro mill-problemi ekonomiċi kollha – b’mod partikolari dawk relatati mal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-kriżi enfasizzat ċerti dgħufijiet fi ħdan iż-żona tal-euro. L-iżbilanċi fi ħdan iż-żona tal-euro kienu jfissru li xi ekonomiji tħallew aktar esposti għall-kriżi minn oħrajn. Qabel il-kriżi ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro kienu jinjoraw ir-riskju ta’ żbilanċi, iżda l-kriżi finanzjarja wriet il-ħtieġa għal bidla.

Ir-reazzjoni taż-żona tal-euro għall-kriżi

  • Kien hemm nuqqas ta’arranġamenti superviżorji sodisfaċenti, li naqsu milli jaġixxu malajr u jipprovdu reazzjoni kkoordinata meta bdiet il-kriżi. Ir-reazzjonijiet inizjali kellhom tendenza jkunu definiti primarjament mill-kunsiderazzjonijiet domestiċi individwali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. F’Ottubru 2008, l-ewwel summit tal-Grupp tal-Euro għen biex jiġġenera reazzjoni fil-livell tal-UE, li permezz tiegħu il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet strateġija komuni għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ salvataġġ għall-banek nazzjonali.
  • Il-Kummissjoni minn dakinhar ippreżentat proposti legali formali li rriżultaw f’sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja ġdida. L-għan kien li tiżdied is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali kif ukoll tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.
  • Minbarra l-politiki interni, l-UE qed tmexxi wkoll ir-riforma regolatorja tas-swieq finanzjarji, u qed tgħin biex jiffurmaw u jiġu żviluppati l-inizjattivi u l-impenji tal-G20.
  • Il-konsolidament fiskali fi ħdan iż-żona tal-euro, b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, kien ifisser li ħafna pajjiżi kienu kapaċi jindirizzaw il-kriżi aħjar minn qabel. Madankollu, il-konsolidazzjoni fiskali ma kinitx tlestiet f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro, fejn il-livelli ta’ dejn pubbliku baqgħu għoljin u l-finanzi pubbliċi saru dipendenti fuq id-dħul fiskali. Bħala riżultat, xi pajjiżi taż-żona tal-euro ma kinux kapaċi jikkontribwixxu għall-istimolu fiskali konġunt stabbilit mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku.
  • Bħala riżultat tar-relazzjoni ekonomika u finanzjarja mill-qrib tagħhom ma’ munita komuni u politika monetarja unika, il-koordinazzjoni hija essenzjali għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Ir-reazzjoni taż-żona tal-euro għall-kriżi setgħet tkun aktar rapida u aktar effettiva li kieku l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi membri kienet aktar effiċjenti.

It-triq ’il quddiem–sorveljanza makroekonomika usa’

  • Il-kriżi uriet il-ħtieġa għall-pajjiżi membri taż-żona tal-euro li jiksbu progress fuq l-aġenda ta’ riforma EMU@10 u japplikawha. F’din il-komunikazzjoni tas-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni pproponiet aġenda ta’riforma politika biex ittejjeb il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) kontra l-ambjent globali li qed jinbidel malajr, il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u tħassib li qed jiżdied dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima. Il-qasam ta’ politika esterna tal-aġenda ta’ riforma pproponiet li ż-żona tal-euro għandu jkollha rwol prominenti fil-governanza ekonomika globali.
  • L-iżbilanċi fi ħdan iż-żona tal-euro ma kinux indirizzati qabel il-kriżi finanzjarja. Għalhekk hija meħtieġa sorveljanza usa’politika kkoordinata biex tiġi stabbilita reazzjoni ta’politika kkoordinata. Din is-sorveljanza usa’ għandha tinkludi l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji. Dejn żejjed fis-settur privat irriżulta f’xejriet ekonomiċi mhux sostenibbli. Tali żbilanċi finanzjarji jeħtieġ li jiġu skoperti u indirizzati aktar kmieni.
  • Is-sorveljanza għandha titwessa’ biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli. It-tkabbir baxx flimkien ma’ dejn li qed jiżdied ipoġġi l-finanzi pubbliċi f’pożizzjoni prekarja fi żmien meta l-impatt tat-tixjiħ qed jibda jidher. Huwa meħtieġ impenn strateġiku konkret biex tinkiseb kooperazzjoni fiskali msaħħa, li tibbilanċja b’mod adegwat it-tħassib dwar l-istabbilizzazzjoni u s-sostenibbiltà b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
  • Il-koordinazzjoni bejn il-politiki u l-pajjiżi taż-żona tal-euro trid tittejjeb biex tippermetti strateġiji adegwati għall-ħruġ mill-kriżi. Tali koordinazzjoni trid tikkonsisti f’fehim komuni dwar iż-żminijiet, ir-ritmi u s-sekwenza tan-normalizzazzjoni tal-orjentazzjonijiet politiki xierqa.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009 (KUMM(2009) 527 finali, 7.10.2009)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja {SEC(2008) 553} (KUMM(2008) 238 finali, 7.5.2008)

l-aħħar aġġornament 28.03.2017

Top