EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward tas-Somalja

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI U TAD-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni u r-regolamenti jiddeskrivu miżuri restrittivi (sanzjonijiet) kontra persuni u entitajiet li jiriżultaw mis-sitwazzjoni fis-Somalja.

PUNTI EWLENIN

Attivitajiet militari u assistenza teknika

Il-provvista (jew promozzjoni) ta’ dawn li ġejjin lil xi persuna, entità jew korp fis-Somalja hu pprojbit.

  • il-finanzjament għal attivitajiet militari, jew għal bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ prodotti jew teknoloġija;
  • assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari li jinvolvu prodotti u teknoloġija;
  • Il-provvista, bejgħ jew trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u spare parts, minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) jew minn territorji tal-Istati Membri tal-UE, sew jekk joriġinaw fit-territorju tagħhom, kif ukoll jekk le;
  • ix-xiri jew l-importazzjoni ta’ faħam ġol-UE mis-Somalja jew finanzjament ta’ tali operazzjonijiet, u
  • il-bejgħ, esportazzjoni, provvista jew trasferiment ta’ komponenti ta’ tagħmir esplożiv minn Stati Membri, jew minn ċittadini tal-UE jew l-użu ta’ vetturi jew inġenji tal-ajru tal-UE mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq raġunijiet li mhux ser jintużaw biex jagħmlu tagħmir esplożiv improvviżat.

Il-projbizzjoni dwar il-finanzjament jew assistenza teknika tapplika għal tagħmir inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea imma ma tapplikax jekk it-tagħmir militari hu:

  • għal persunal tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluża l-Missjoni ta’ Assistenza tan-NU fis-Somalja;
  • għall-Missjoni ta’ Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) u s-sieħba tagħha, li topera unikament taħt l-aħħar kunċett strateġiku ta’ operazzjonijiet, u b’kooperazzjoni ma’ ATMIS;
  • għal skopijiet ta’ taħriġ mill-UE, it-Turkija, ir-Renju Unit jew l-Istati Uniti, jew ċerti stati oħra li joperaw fi ħdan il-pjan ta’ tranżizzjoni ġos-Somalja, jew taħt ċerti ftehimiet uffiċjali oħra.
  • biex jintużaw biex jiżviluppaw l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja taħt ċerti kundizzjonijiet;
  • ilbies protettiv esportat temporanjament għas-Somalja minn persunal tan-NU, il-media, u ħaddiema umanitarji u fl-iżvilupp għall-użu personali biss; jew
  • tagħmir militari mhux letali intenzjonat għal użu umanitarju jew protettiv.

Sanzjonijiet ekonomiċi

  • Il-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha huma ffriżati jekk jappartjenu jew huma posseduti, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni, entitajiet jew korpi mniżżla f’Anness I tar-Regolament (UE) Nru 356/2010.
  • Ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jkunu disponibbli għall-persuni, entitajiet jew korpi mniżżla.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati għal:

  • bżonnijiet bażiċi, inklużi l-ikel, il-kera jew il-pagamenti ipotekarji, il-mediċini u t-trattament mediku, it-taxxi, il-primjums tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet tal-utilità pubblika;
  • tariffi u spejjeż professjonali raġonevoli mġarrba għas-servizzi legali;
  • tariffi jew imposti għaż-żamma ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew
  • ċerti spejjeż straordinarji oħra, meta tagħti lill-Istati Membri oħra u lill-Kummissjoni Ewropea tal-inqas ġimagħtejn avviż minn qabel.

Persuni u entitajiet imniżżla fil-lista

Miżuri restrittivi huma imposti kontra persuni u entitajiet (mniżżla fl-Annessi) speċifikati mill-Kumitat ta’ Sanzjonijiet tan-NU għax jieħdu sehem f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja.

  • atti ta’ ppjannar, direzzjoni jew ta’ twettiq li jinvolvu vjolenza sesswali jew abbażi tal-ġeneru;
  • atti li jheddu l-proċess ta’ paċi jew rikonċiljazzjoni
  • atti li jheddu l-gvern tas-Somalja jew lil ATMIS b’forza;
  • atti b’vjolazzjoni tas-sanzjonijiet internazzjonali tal-armi jew restrizzjonijiet oħra ta’ bejgħ, jew ta’ forniment ta’ assistenza relatata;
  • tfixkil tal-assistenza umanitarja
  • ir-reklutaġġ jew l-użu ta’ tfal f’konflitt armat;
  • mira lejn il-popolazzjoni ċivili inklużi tfal u nisa f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat, inkluż il-qtil u l-immankar, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, attakki fi skejjel u sptarijit, u żamma illegali u spostament furzat;
  • li tkun assoċjat ma’ Al-Shabaab, inkluż:
    • parteċipazzjoni fil-finanzjament, ippjannar jew perpetwazzjoni tal-attivitajiet tiegħu;
    • li tipprovdilu l-armi u materjal relatat, u
    • li tirreklutalu u xi grupp assoċjat.

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri bżonnjużi biex jipprevenu attivitajiet ipprojbiti, inkluż:

  • spezzjoni ta’ tagħbija (għax konsistenti ma’ liġi internazzjonali) lejn u mis-Somalja fit-territorju tagħhom, inkluż fl-ajruporti u portijiet marittimi;
  • spezzjoni, fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja, ta’ vetturi li jkunu sejrin lejn jew ġejjin mis-Somalja li għandhom raġunijiet raġunevoli li jemmnu li qed iġorru:
    • faħam mis-Somalja bi ksur tal-projbizzjoni tal-faħam;
    • armi jew tagħmir militari bi ksur tas-sanzjonijiet internazzjonali dwar l-armi jew li tibgħat lil individwi jew entitajiet speċifikati fis-Sanzjonijiet tal-Kumitat tan-NU;
    • komponenti ta’ tagħmir esplożiv improvviżat.

Eżenzjonijiet umanitarji

Konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2664 (2022), Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/331 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/338 jintroduċu fil-liġi tal-UE eżenzjoni għas-sanzjonijiet fil-forma ta’ ffriżar tal- assi għall-assistenza umanitarja u attivitajiet oħra li jappoġġjaw bżonnijiet bażiċi umani, applikabbli għal ċerti individwi jew entitajiet

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI U D-DEĊIŻJONI?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 356/2010 ilu japplika mit-28 ta’ April 2010.
  • Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK ilha tapplika mis-26 ta’ April 2010.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 ilu japplika mit-30 ta’ Jannar 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta’ April 2010 jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalia (ĠU L 105, 27.4.2010, pp. 1–9).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 356/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 li tirrigwarda miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, pp. 17–21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas- 27 ta’ Jannar 2003 rigward ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja (ĠU L 24, 29.1.2003, pp. 2–3).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Frar 2022 (tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jiggvernaw l-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari) (u li taġġorna u tissistitwixxi l-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Frar 2020 (ĠU C 85, 13.3.2020, p. 1.)) (PESK) (ĠU C 100, 1.3.2022, pp. 3–35).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 1 — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 29 (ex Artikolu 15 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 33).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Il-Ħames parti — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Il-miżuri restrittivi — Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

l-aħħar aġġornament 30.01.2023

Top