EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0461

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL GĦARFIEN DWAR IL-BAĦAR 2020 dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli

/* KUMM/2010/0461 finali */

52010DC0461

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL GĦARFIEN DWAR IL-BAĦAR 2020 dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli /* KUMM/2010/0461 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.9.2010

KUMM(2010) 461 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

GĦARFIEN DWAR IL-BAĦAR 2020dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli

SEG(2010) 999 SEG(2010) 998

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

GĦARFIEN TAL-BAĦAR 2020dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli

KUNTEST

L-għarfien huwa l-magna għat-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija globali interkonnessa u għalhekk element ewlieni sabiex jinkiseb it-tkabbir intelliġenti fl-Unjoni Ewropea f'konformità mal-istrateġija tal-"Ewropa 2020"[1]. It-titjib tal-għarfien dwar l-ibħra u l-oċeani li flimkien jagħmlu 71% tal-wiċċ tal-pjaneta tagħna huwa wieħed mit-tliet għodod tal-politika marittima integrata tal-UE[2] li jikkonċernaw lil kulħadd. Fil-fatt l-għarfien dwar il-baħar jista' jgħin ukoll fil-kisba taż-żewġ għodod l-oħrajn – l-ippjanar spazjali aħjar u s-sorveljanza marittima integrata. Il-kobor tal-bidliet futuri fis-sistemi oċeaniċi, l-impatt tagħhom fuq l-attività umana u r-reazzjonijiet fuq l-oċean minn dawn il-bidliet fl-imġiba umana ma jistgħux jiġu mbassra mingħajr ma wieħed jifhem il-mod kif taħdem is-sistema issa u kif kienet taħdem fil-passat. L-għarfien huwa neċessarju biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar, skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar), il-kolonna ambjentali tal-politika marittima integrata. L-għarfien huwa komponent ewlieni tal-pjan tal-UE biex tintegra r-riċerka tal-baħar u dik marittima[3] u kontribuzzjoni għall-Aġenda Diġitali[4].

Il-ħolqien tal-għarfien tal-baħar jibda bl-osservazzjoni tal-baħar u tal-oċeani. Id-dejta minn dawn l-osservazzjonijiet tiġi assemblata, u wara tiġi analizzata biex toħloq l-informazzjoni u l-għarfien. Sussegwentament l-għarfien jista' jiġi applikat biex irendi tkabbir intelliġenti sostenibbli, biex jivvaluta s-saħħa tal-ekosistema tal-baħar jew biex jipproteġi l-komunitajiet kostali.

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-aktar l-ewwel żewġ stadji tal-katina tal-proċess – jiġifieri l-ġbir u l-assemblaġġ tad-dejta – abbażi tal-fatt li l-informazzjoni pubblika hija fundamentalment oġġett pubbliku tajjeb li minnha jistgħu jibbenifikaw ħafna partijiet interessati filwaqt li l-applikazzjonijiet huma aktar speċjalizzati u jistgħu jiġu indirizzati permezz tas-suq jew permezz ta' inizjattivi ta' politika immirati. Il-ġabra tad-dejta hija l-aktar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, għal raġunjiet ta' sussidjarjetà. L-UE għandha l-potenzjal li żżid il-valur fil-fażi tal-assemblaġġ minħabba l-bżonn li tiġi żgurata koerenza transkonfinali u bejn komunitajiet ta' utenti differenti.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar politika marittima integrata tas-16 ta' Novembru 2009[5] iħeġġu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti dwar it-titjib tal-użu tal-għarfien xjentifiku. Din il-Komunikazzjoni twieġeb għal din it-talba billi tispjega l-każ għal approċċ aktar koordinat lejn il-ġbir u l-assemblaġġ tad-dejta tal-baħar u tiddeskrivi pjan ta' azzjoni fejn il-miżuri tal-politika tal-UE differenti qed jikkontribwixxu l-biċċiet għall-stampa globali li se tilħaq dan l-għan.

SFIDI KURRENTI

Fil-preżent il-maġġoranza tad-dejta tal-baħar miġbura mill-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE, individwalment jew kollettivament, fuq spiża ta' aktar minn EUR 1 biljun fis-sena[6], hija ġeneralment miġbura għal skop speċifiku - pereżempju sabiex jisfruttaw ir-riżorsi tal-baħar, biex jiżguraw in-navigazzjoni sikura, biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regolamenti jew biex jittestjaw ipoteżi xjentifika. Madankollu, kif ġie kkonfermat f'konsultazzjoni pubblika[7], dawk li qed jipproċessaw jew japplikaw din id-dejta qed jaffaċċaw għadd ta' ostakli. L-utenti isibuha bi tqila biex jiskopru liema dejta teżisti diġà. Hemm restrizzjonijiet għall-aċċess, l-użu u l-użu mill-ġdid. Ostakli oħrajn jinkludu standards, formats u nomenklatura frammentati, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-preċiżjoni u l-korrettezza, il-politika tal-prezzijiet ta' xi fornituri u riżoluzzjoni temporali jew spazjali insuffiċjenti. Għalhekk qed tintilef l-opportunità biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda innovattivi bbażati fuq din id-dejta[8].

GħANIJIET

Fil-kuntest ta' din il-Komunikazzjoni, qed jiġu stabbiliti tliet għanijiet biex jitjieb l-għarfien dwar il-baħar:

1. jonqsu l-ispejjeż operattivi u d-dewmien għal dawk li jużaw id-dejta tal-baħar u għalhekk:

- jgħinu lill-industrija privata tikkompeti fl-ekonomija globali u tlaħħaq mal-isfida tas-sostenibbiltà;

- titjieb il-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliku fil-livelli kollha;

- tissaħħaħ ir-riċerka xjentifika tal-baħar.

2. tiżdied il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fost l-utenti u l-utenti mill-ġdid tad-dejta tal-baħar billi jkunu pprovduti aċċess usa' għal dejta tal-baħar koerenti li jkunu sarulha l-kontrolli tal-kwalità u li tkun disponibbli malajr;

3. tonqos l-inċertezza fl-għarfien dwar l-oċeani u l-ibħra u għalhekk ikun hemm bażi aktar soda għall-ġestjoni tal-bidliet fil-futur.

Dawn l-għanijiet jikkontribwixxu direttament lejn uħud mill-inizjattivi ewlenin imħabbra fl-istrateġija Ewropa 2020 bħal 'Unjoni tal-Innovazzjoni', 'Ewropa b'effiċjenza fir-riżorsi' u 'politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni'.

Stima konservattiva tal-benefiċċji tal-ħolqien ta' netwerk integrat biex jissostitwixxi is-sistema frammentata tal-osservazzjoni tal-baħar preżenti tissuġġerixxi ċifra ta' EUR 300 miljun fis-sena[9]. Lil hinn minn dan, użu aktar razzjonali tad-dejta tal-baħar mhux biss se jtejjeb l-effiċjenza tal-utenti eżistenti tad-dejta tal-baħar imma se jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni u t-tkabbir.

ŻVILUPP TAL-ISTRUMENTI TAL-UE EżISTENTI

L-Istati Membri diġà jiġbru ħafna dejta, u f’xi każijiet huma legalment obbligati li jagħmlu dan. Barra minn hekk diversi strumenti u azzjonijiet tal-UE ifittxu li jkabbru d-disponibbiltà ta’ sett koerenti ta’ dejta u osservazzjonijiet fl-UE.

Dawn l-azzjonijiet jinkludu kemm obbligi kif ukoll miżuri li jippermettu t-twettiq tagħhom. Id-distinzjoni bejn it-tnejn mhijiex dejjem ċara imma ġeneralment l-obbligi huma dawk fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE tobbliga lill-Istati Membri biex jiġbru, jassemblaw flimkien u jagħtu aċċess għad-dejta, u l-miżuri li jippermettu t-twettiq tagħhom huma dawk fejn l-UE tipprovdi xi appoġġ.

Id-Direttivi tal-UE

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[10] tobbliga lill-Istati Membri biex " jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa tal-istatus ambjentali tal-ilmijiet marini tagħhom. " L-assemblaġġ ta' ritratti tal-baċir tal-baħar u l-baħar panEwropew jirrikjedi l-kollaborazzjoni transkonfinali u fost id-dixxiplini. L-esperjenza s'issa wriet li l-kondiviżjoni tad-dejta f'setturi differenti u madwar l-Istati Membri ma jseħħx b'mod uniformi, adegwat, effiċjenti jew b’ħeffa. Sakemm l-Unjoni Ewropea mhix se tieħu jew tiffaċilita l-azzjonijiet f'dan il-qasam ma tantx jidher li hemm probabbiltà li dan iseħħ.

Id-Direttiva INSPIRE[11] tobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex jikkondividu s-settijiet tad-dejta u s-servizzi bejn l-awtoritajiet pubbliċi għall-iskopijiet ta' ħidmiet pubbliċi u d-Direttiva dwar l-Informazzjoni Ambjentali[12] teħtiġilhom li jirrilaxxaw din id-dejta meta jiġu mitluba. Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku[13] tiffaċilita l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika billi tistabbilixxi qafas leġiżlattiv komuni li jirregola kif il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu l-informazzjoni tagħhom disponibbli għall-użu mill-ġdid sabiex ineħħu l-ostakli bħall-prattiċi diskriminatorji, is-swieq b’monopolju u n-nuqqas ta' trasparenza.

Dawn id-Direttivi jipprovdu l-bażijiet legali neċessarji għall-użu aħjar tad-dejta tal-baħar u, fil-każ ta' INSPIRE, għal standards komuni. Imma weħdihom mhumiex biżżejjed. Dawn ma japplikawx neċessarjament għal dawk il-korpi li mhux qed jeżerċitaw awtorità pubblika li jkollhom ħafna dejta tal-baħar – pereżempju l-istituzzjonijiet xjentifiċi u akkademiċi – u ma jwarbux id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Huma ma jindirizzawx osservazzjonijiet fil-ħin reali jew arkivji storiċi tad-dejta.

F'reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku[14], l-utenti mill-ġdid fis-setturi ġeografiċi u meteoroloġiċi aċċennaw għall-prezzijiet għoljin, il-kundizzjonijiet tal-liċenzja restrittivi u d-diskriminazzjoni bħala ostakli sabiex il-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (ISP) ikun aċċessibbli kompletament. L-aċċess għad-dejta tal-akbar importanza mill-proġetti tar-riċerka tal-baħar tal-Programm tal-Qafas tal-UE huwa mandatorju biss għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-Komunità li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-dejta għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ambjentali.

Qafas tal-Ġbir tad-Dejta għas-sajd (DCF)

Il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta l-ġdid adottat fl-2008[15] jobbliga lill-Istati Membri biex jiġbru, jamministraw u jipprovdu dejta dwar is-sajd ta' kwalità għolja għall-iskop ta' pariri xjentifiċi, primarjament għad-deċiżjonijiet amministrattivi xierqa dwar is-sajd. Dawn l-attivitajiet huma esegwiti fil-qafas tal-programmi nazzjonali multiannwali li huma kofinanzjati mill-Unjoni. Il-qafas il-ġdid jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu aċċess għad din id-dejta għall-konsulenza amministrattiva tas-sajd, għall-pubblikazzjoni xjentifika, għad-dibattitu pubbliku u għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-iżvilupp tal-politika. Lil hinn minn dawn l-iskopijiet, l-aċċess għad-dejta, l-assemblaġġ tagħha fil-livell tal-baċir tal-baħar u l-użu mill-ġdid tad-dejta assemblata flimkien jirrikjedu l-kunsens tas-sidien kollha tad-dejta kkonċernati.

L-inizjattiva għall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)

Il-GMES huwa programm wiesa', li jkopri l-art u l-atmosfera kif ukoll l-ambjent marittimu. Dan jimmira li jwassal servizzi fl-oqsma ambjentali u tas-sigurtà u huwa ġeneralment iffukat fuq kejl mis-satelliti u fuq prodotti bbażati fuq dan il-kejl. L-għażliet għas-servizz ewlieni marittimu tal-GMES qed jiġu ttestjati permezz tal-proġett MyOcean. Il-prodotti huma disponibbli għal kwalunkwe tip ta' użu, inkluż dak kummerċjali (l-attivitajiet minn fuq għal isfel) imma jeskludu "id-distribuzzjoni mill-ġdid mhux ikkontrollata" (it-tixrid, eż. ix-xandir, it-tqegħid fuq l-internet...)".

Is-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża SEIS u WISE-marine

Is-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża SEIS[16], approċċ imħeġġeġ mill-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), timmira li timmodernizza u tissimplifika d-disponibbiltà, l-iskambju u l-użu tad-dejta u l-informazzjoni meħtieġa għad-disinn u l-implimentazzjoni ta' politika ambjentali, skont liema s-sistemi attwali, l-aktar dawk ċentralizzati għar-rappurtar, qed jiġu progressivament mibdula minn sistemi bbażati fuq l-aċċess, il-kondiviżjoni u l-interoperabbiltà.

WISE-marine huwa l-komponent ambjentali tal-baħar ta' SEIS intenzjonat sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' implimentazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE u biex jinforma lill-pubbliku Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-baħar. Dan se jkun estensjoni tas-sistema (WISE), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa, li tkopri l-ilmijiet kostali fil-qrib, lejn l-ambjent tal-baħar.

ur-EMODnet

Il-"ur-EMODnet" li huwa ffinanzjat permezz ta' azzjonijiet preparatorji ta' politika marittima[17] huwa prototip ta' EMODnet[18] li huwa stess għandu jkun utli għall-professjonisti tal-baħar u dawk marittimi imma li huwa primarjament iddisinjat biex jittestja l-kunċett tad-disinn u jqanqal ir-reazzjonijiet. Gruppi tematiċi[19] qed jassemblaw dejta eżistenti minn sorsi differenti, fejn qed ikejlu l-kwalità tagħha, u jiżguraw li hija kompluta bl-espressjonijiet ta' deskrizzjoni (metadejta) bħall-ħin u l-post tal-kejl u jagħmluha disponibbli permezz ta' portali tematiċi. Ħafna mill-intuwizzjonijiet u t-teknoloġiji użati minn dawn il-gruppi ġew żviluppati taħt il-programmi ta' riċerka tal-UE[20]. It-temi assemblati s'issa qedgħin f'sommarju fit-Tabella 1. L-interoperabbiltà tagħhom tissaħħaħ permezz ta' standards indentiċi u laqgħat ta' koordinazzjoni kull sitt xhur. Is-saffi tad-dejta prodotti permezz ta' ur-EMODnet huma disponibbli mingħajr restrizzjoni. Hemm l-intenzjoni li tiġi varata evalwazzjoni interim tar-riżultati fl-2011 u evalwazzjoni finali fl-2013 li se tagħti gwida għal aktar azzjoni.

Madankollu, il-ur-EMODnet attwali minnu nnfisu mhux se jipprovdi informazzjoni biżżejjed għal evalwazzjoni kompluta fl-2013. Il-kampjun huwa żgħir wisq. L-għadd ta' parametri u l-baċiri tal-baħar koperti huma inqas milli jkun hemm bżonn biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-komunità tal-baħar u dik marittima. Ir-riżoluzzjoni hija ta' kwalità ħażina wisq. Tkun qabża kbira u mossa riskjuża wisq biex wieħed imur direttament minn ur-EMODnet ibbażat fuq l-azzjoni preparatorja għal EMODnet kumplessiv tal-iskala li l-estimi attwali qed jindikaw li se jkun neċessarju[21]. Se jkun ipproponut Regolament biex jiffinanzja aktar żvilupp ta' Politika Marittima Integrata fil-perjodu 2011-2013. L-arrikkiment tal-EMODnet se jkun fost l-azzjonijiet li se jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

L-UE u l-aġenziji nazzjonali

Barra mill-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima għandhom il-mandat li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Waqt ħidmiethom huma jiġbru d-dejta rilevanti[22] li jista' jkollha użu usa' għal skopijiet oħrajn. Sakemm jiġu osservati salvagwardji adattati rigward il-kunfidenzjalità, din id-dejta tista', f'forma aggregata li tixraq, titqassam aktar fil-wisa'.

Firxa kbira ta' korpi governattivi tal-Istati Membri huma involuti wkoll fil-ġbir tad-dejta.

Dejta kostali

L-awtoritajiet kostali jeħtieġu li jiġbru, jużaw u jikkondividu l-informazzjoni sabiex isostnu t-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ingaġġ pubbliku. Il-qafas għas-sistemi ta' informazzjoni kostali huwa pprovdut mir-rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-ġestjoni integrata taż-żona kostali[23].

Ir-reġjuni kostali ġew definiti mill-Eurostat bħala reġjuni ta' statistika standard (NUTS livell 3)[24], li għandhom tal-inqas nofs il-popolazzjoni tagħhom ġewwa 50 km tal-kosta[25]. Dan jirrappreżenta 446 reġjun, li 372 minnhom għandhom linja tal-kosta. Il-parametri soċjoekonomiċi bħall-indikaturi tal-popolazzjoni jew l-PGD huma disponibbli b'xejn permezz tas-sit tal-internet tal-Eurostat għall-maġġoranza ta' dawn ir-reġjuni. Għal xi pajjiżi, bħall-Polonja, l-Isvezja jew ir-Renju Unit, dawn ir-reġjuni tant huma kbar li jkopru wkoll popolazzjonijiet li jgħixu ferm il-ġewwa u għalhekk ma jistgħux jaċċennaw l-attenzjoni fuq il-karatteristiċi partikolari li jikkaratterizzaw il-komunitajiet kostali. L-attentati biex tinġabar dejta ta' riżoluzzjoni aktar fina ma kellhomx suċċess minħabba azzjonijiet projbittivi minn xi uffiċċji ta' statistika nazzjonali, għaliex uħud mill-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali ma għandhomx mod sistematiku ta' kif jindirizzaw it-talbiet għad-dejta u għax, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, id-dejta ma tistax tiġi pprovduta għal reġjuni b'intrapriża waħda jew tnejn biss f'settur partikolari.

Id-dejta ekonomika - id-dħul, l-ispejjeż, ix-xogħol - mis-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar tal-ħut tinġabar ukoll bħala parti mill-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta. Id-dejta ekonomika dwar il-flotot ta' bastimenti tas-sajd Ewropej tinsab f'sommarju f'rapport ekonomiku annwali[26] fil-livell nazzjonali u dejjem aktar fil-livell tal-baċir tal-baħar[27].

Għadd ta' awtoritajiet reġjonali qed jibnu sistemi ta' informazzjoni kostali sabiex jamministraw u jippjanaw l-attivitajiet. Id-Direttiva INSPIRE u proġetti Interreg[28] differenti qed jibdew jiżguraw xi interoperabbiltà bejn dawn is-sistemi.

Tabella 1 Kif l-inizjattivi tal-UE jikkontribwixxu għal infrastruttura tad-dejta tal-baħar. Proġetti ta' riċerka u inizjattivi nazzjonali mhumiex inklużi. Lanqas ma huma "l-obbligi" bħal INSPIRE. It-tabella tkopri biss "miżuri li jippermettu t-twettiq" li parti minnhom huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE.

Parametri | ġbir | assemblaġġ | applikazzjoni |

Batimetria | ur-EMODnet | WISE marine |

Ġeoloġija | ur-EMODnet |

Fiżika | GMES (spazju) | GMES (bl-eċċezzjoni ta' ħdejn il-kosta), ur-EMODnet[29] | GMES, |

Sajd (inkluża l-ekonomija tas-sajd) | Qafas tal-Ġbir tad-Dejta15 | Ċentru Konġunt tar-Riċerka (u utenti oħrajn) | ICES[30], STECF[31], GFCM[32], |

Kimika | ur-EMODnet | WISE-Marine |

Bijoloġija | ur-EMODnet, GMES[33] | WISE Marine |

Attività umana (barra mis-sajd)[34] | ur-EMODnet37 | WISE Marine |

Dejta kostali | Eurostat |

Proposti għat-titjib tal-istrumenti eżistenti

Il-Kummissjoni qed tipproponi għadd ta' titjib sabiex ittejjeb l-effetti tal-istrumenti u l-azzjonijiet ta' hawn fuq:

- Il-Kummissjoni se tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura li d-dejta minn programmi ta' riċerka li huma appoġġati mill-UE dwar l-iżvilupp reġjonali, tal-baħar u dawk marittimi se jkunu aktar disponibbli għall-użu mill-ġdid.

- Il-Kummissjoni se teżamina liema miżuri oħra huma meħtieġa biex issir promozzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni kostali fis-segwitut tagħha għar-Rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali [35].

- Id-demostrazzjonijiet tas-servizzi tal-baħar GMES se jkunu appoġġati permezz tat-tema tal-ispazju tas-Seba' Programm Kwadru sal-2014. L-aġġornamenti qed jiġu kkunsidrati.

- Fit-terminu taż-żmien qasir, il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli tal-aċċess il-ġodda għad-dejta dwar is-sajd se jkunu infurzati kompletament mill-Istati Membri. Fiż-żmien medju u twil, se jiġu esplorati mezzi biex jitwessa’ l-ambitu tal-aċċess għad-dejta.

- Biex isir l-aqwa użu tar-riżorsi, WISE-Marine u EMODnet se jiġu abbinati flimkien fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. WISE-Marine qegħda skedata li tiġi stabbilita sa nofs l-2012 u se tiġbor u tivviżwalizza d-dejta tal-Istati Membri dwar l-ambjent tal-baħar u l-attivitajiet umani. Bħall-EMODnet, WISE-marine se tibni fuq WISE, is-sistema ta' rappurtar eżistenti diġà użata mill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw il-valutazzjonijiet tagħhom għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

- Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tvara sett ieħor ta' azzjonijiet sabiex ittejjeb il-kopertura tad-dejta, ir-riżoluzzjoni u l-firxa tal-parametri assemblati[36][37].

- Il-Kummissjoni se tiżgura li l-Aġenziji tagħha jirrilaxxaw id-dejta regolarment .

- Il-Kummissjoni tinkoraġixxi l-Istati Membri fl-istess spirtu sabiex jirrilaxxaw dejta miġbura għal skop speċifiku, jekk neċessarju aggregata fil-ħin u l-ispazju.

- Il-Eurostat se jistudja parametri dettaljati dwar il-popolazzjoni u ż-żona sabiex jipprovdi parameterizzazzjoni aħjar tal-influwenza kostali fir-reġjuni territorjali għall-istatistika.

L-inizjattivi biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet fis-sistema tad-dejta tal-baħar Ewropea għalhekk se jipprogressaw matul għadd ta' mogħdijiet. L-iskopijiet prinċipali ta' dawn l-inizjattivi huma simili imma mhux identiċi. Għalhekk hija meħtieġa aktar azzjoni biex jinħolqu sinerġiji bejn l-iżviluppi varji.

Il-Kummissjoni se tieħu l-miżura neċessarja biex iġġib dawn l-inizjattivi flimkien sabiex tiżgura provvista ta' dejta tal-baħar lixxa u mingħajr truf u fl-istess ħin tevita x-xogħol żejjed fl-isforzi tal-ġbir tad-dejta. Dan se jinvolvi:

- li jiġu żgurati standards komuni[38]

- li jkun hemm konformità progressiva tal-politiki tad-dejta. L-għan aħħari huwa li tipprovdi aċċess b'xejn mingħajr restrizzjoni fl-użu

- li jiġi żgurat li d-dejta assemblata fl-inizjattivi bħall-ur-EMODnet jew il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta tixraq għall-bżonnijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina

- azzjoni ur-EMODnet speċifika fl-2010 37 sabiex tassembla dejta fiżika in-situ bħala kontribut għal GMES, biex tivvalida r-riżultati tal-mudell GMES u biex tkopri l-ilmijiet ta' ħdejn il-kosta[39] li mhumiex indirizzati mill-GMES

- li fl-2012-2013, la darba jkunu disponibbli riżultati mill-ur-EMODnet u mill-azzjonijiet tal-prototip tas-servizz ċentrali marittimu GMES, biex jivvalutaw in-nuqqasijiet fin-netwerk ta' monitoraġġ.

- li jinbeda djalogu mal-pajjiżi msieħba u l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jiżguraw li l-isforz tal-UE jikkontribwixxi lejn sistema interoperabbli ta' għarfien globali dwar il-baħar..

LEJN ARKITETTURA TAD-DEJTA TAL-BAħAR OPERAZZJONALI

Filwaqt li l-istrumenti u l-azzjoni msemmija hawn fuq għandhom il-mertu tagħhom, l-integrazzjoni tal-għarfien dwar il-baħar tirrikjedi pass aktar robust. Sett koerenti ta' dejta, li jaqsam il-konfini tal-Istati Membri jeħtieġ arkitettura operazzjonali mmirata. L-aħħar forma se tiddependi fuq l-esperjenza operazzjonali miksuba minn proġetti u inizjattivi bħall-ur-EMODnet u MyOcean. Madankollu f'dan l-istadju diġà jixraq li jiġu mmarkati xi elementi li għandhom jiġu inkorporati:

1. Id-dejta tal-baħar Ewropea hija fil-preżent miġbura għal skop speċifiku – pereżempju n-navigazzjoni sikura jew il-ġestjoni tas-sajd - imma l-għan huwa li nimxu lejn paradigma fejn, mill-bidu, jiġi mbassar użu bi skop multiplu.

2. Id-dejta għandha tinżamm qrib tas-sorsi kemm jista' jkun possibbli. Din id-dejta għandha tkun taħt kurazija xierqa f'ċentri tad-dejta akkredetati. Kwalunkwe proċessar tad-dejta li jikkostitwixxi dejta personali kif definit fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta[40] jrid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

3. L-infrastruttura tad-dejta tal-baħar Ewropea effettiva għandha tinkludi għadd ta' gruppi tematiċi ta' assemblaġġ[41] li jkunu fdati bid-dejta li trid tiġi "assemblata". Grupp tematiku tal-assemblaġġ huwa konsorzju ta' organizzazzjonijiet li jassemblaw id-dejta fuq tema speċifika bħas-saffi ġeoloġiċi jew il-kontaminanti kimiċi.

4. Sabiex tinkiseb operazzjoni sostenibbli tas-sistemi tal-osservazzjoni tal-baħar u l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet kritiċi f'dawn is-sistemi hija meħtieġa perspettiva integrata fil-livell tal-baċir tal-baħar. Organizzazzjonijiet eżistenti li għandhom mandat tal-baċir tal-baħar bħall-Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar[42], il-Kunsilli Reġjonali Konsultattivi għas-sajd u l-EUROGOOS[43] ikunu mistennija li jikkontribwixxu.

5. F'għadd limitat ta' każijiet jista' jkun xieraq li l-appoġġ tal-UE għad-dejta tal-baħar u l-infrastruttura tal-osservazzjoni jmorru lil hinn mill-assemblaġġ tad-dejta lejn l-annliżi u l-applikazzjoni ta' din id-dejta; pereżempju biex tappoġġa l-provvista ta' indikaturi għall-istat tal-ambjent tal-baħar.

6. L-arkitettura tal-għarfien tirrikjedi proċess ta' teħid ta' deċiżjoni li jiddeċiedi liema dejta se tinġabar u kif għandha tiġi assemblata. Teħtieġ ukoll segretarjat biex jamministra l-proċess.

Sabiex taħdem lejn infrastruttura bħal din il-Kummissjoni qed tipproponi li:

- L-għarfien mhuwiex biss ir-responsabbiltà tal-Gvern. L-industrija Ewropea għandha tiddedika riżorsi adegwati sabiex tiżgura salvagwardja adegwata tal-għarfien u, meta dan ma għadx għandu valur kummerċjali, ikollu tixrid usa’.

- Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-komunikazzjoni fost iċ-ċentri nazzjonali tad-dejta permezz ta' diskussjonijiet regolari fil-gruppi esperti dwar l-osservazzjoni tal-baħar u d-dejta tagħha u l-forum marittimu fuq l-internet tagħha sabiex tippromwovi prattika tajba fil-kura u t-tixrid tad-dejta.

- Sabiex tiżgura perspettiva integrata tal-ħtiġijiet tal-monitoraġġ, il-Kummissjoni se tesplora kif punt ta' kontroll tal-baċir tal-baħar [44] jista' jaħdem billi jiġu stabbiliti l-piloti 37 fil-perjodu 2011-2013.

- Il-Kummissjoni, abbażi ta' pariri mill-Istati Membri, mill-punti ta' kontroll tal-baċir tal-baħar u l-esperti tagħha se tkompli tiddefinixxi l-prijoritajiet biex tassembla d-dejta fil-ur-EMODnet imma fil-perjodu 2011-2013 se tiżviluppa proposta għal governanza aktar permanenti.

- Il-Kummissjoni se tistabbilixxi segretarjat tal-prototip 37 sabiex jamministra l-proċess tal-ur-EMODnet - jipprepara l-laqgħat, jivvaluta r-riżultati tal-gruppi tematiċi tal-assemblaġġ u l-punti ta' kontroll tal-baċir tal-baħar, jiżgura li jiġu osservati d-dati ta' skadenza u jipprepara rapport annwali dwar l-attività.

TMEXXIJA TAL-PROċESS

L-aċċess akbar għad-dejta u għall-osservazzjoni tal-baħar ġie mmonitorjat minn grupp ta' esperti indipendenti fil-ġbir, l-assemblaġġ u l-applikazzjoni tad-dejta tal-baħar. L-appoġġ ta' dan il-grupp għen lill-Kummissjoni fl-għażliet li għamlet dwar il-prijoritajiet tematiċi u l-metodi ta' ħidma. Il-grupp se jassisti f'valutazzjoni formali ta' nofs it-term li tibda fl-2011 u tiġi rrappurtata fil-bidu tal-2012. Din il-valutazzjoni se tinkludi l-indikaturi kwantitattivi li jkejlu t-teħid tad-dejta mill-prototip ur-EMODnet mix-xjentisti, l-awtoritajiet u l-industrija. Se jirrapporta dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-għanijiet stipulati f'din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll Grupp Espert tal-Istati Membri biex tiżgura l-koerenza max-xogħol li jkun għaddej fl-Istati Membri.

ŻMIEN

Il-proposti stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni jiddeskrivu azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fil-perjodu 2011-2013. Fl-aħħar ta' dan il-perjodu se ssir valutazzjoni tal-impatt oħra sabiex tiggwida l-passi li jmiss. Il-Kummissjoni tistieden ir-reazzjonijiet għal dan il-pjan.

[1] Ewropa 2020, Strateġija Ewropea għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, 03.03.2010 COM(2010) 2020

[2] Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea, Brussell, 10.10.2007 COM(2007) 575 finali

[3] Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima; Qafas koerenti Ewropew fil-Qasam tar-Riċerka biex jappoġġa l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra, Brussell, 3.9.2008, COM(2008) 534 finali

[4] Aġenda Diġitali għall-Ewropa 19.05.2010 COM (2010) 245

[5] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika marittima integrata, l-2973 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali Brussell, is-16 ta' Novembru 2009

[6] Stima li saret fil-valutazzjoni tal-impatt għal din il-Komunikazzjoni.

[7] Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Riżultat tal-Infrastruttura tad-Dejta tal-Baħar tal-Konsultazzjoni Pubblika" 22.1.2010 SEC(2010)73 finali

[8] Pereżempju l-bioprospettar għal prodotti ġodda fil-mediċina jew l-industrija tal-proċess għandhom jibbenifikaw minn għarfien aħjar dwar il-ħabitats ta' qiegħ il-baħar.

[9] Il-valutazzjoni tal-impatt tagħti stima ta' madwar EUR 100 miljun għax-xjenza, EUR 56 miljun għall-awtoritajiet pubbliċi u EUR 150 miljun għas-settur privat

[10] Id-Direttiva 2008/56/KE

[11] Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea.

[12] Id-Direttiva 2003/4/KE

[13] Id-Direttiva 2003/98/KE

[14] L-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku – Reviżjoni tad-Direttiva 2003/98/KE. Brussell, 7.5.2009, COM(2009) 212 finali,

[15] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008

[16] Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) COM(2008) 46 finali Brussell, l-1 ta' Frar 2008

[17] Mekkaniżmu finanzjarju ddisinjat biex jipprepara proposti bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' azzjonijiet futuri

[18] Netwerk Ewropea tal-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Baħar

[19] Gruppi tematiċi huma konsorzji ta' laboratorji li ħadu r-responsabbiltà li jassemblaw id-dejta ta' tip partikulari u jagħmluha disponibbli permezz ta' aċċessi uniċi. Bħalissa hemm erba' gruppi – għall-idrografija/il-batimetrija, għall-ġeoloġija, għall-bijoloġija u għall-kimika (ara t-tabella 1). Hemm il-pjanijiet għal waħda dwar id-dejta fiżika.

[20] Id-Deċiżjoni 1982/2006/KE dwar is-Seba' (7) Programm Kwadru ta' Riċerka hija l-aħħar f'serje ta' programmi ta' fondi għall-produzzjoni u l-użu tad-dejta marittima.

[21] Il-valutazzjoni tal-Impatt għall-EMODnet

[22] Bħat-tniġġiż taż-żejt, iċ-ċaqliq tal-bastimenti u l-attività tas-sajd

[23] 2002/413/KE

[24] Għal deskrizzjoni tar-reġjuni tal-istatistika ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/nuts_nomenclature/introduction

[25] Ħamburg ġiet miżjuda mal-lista minkejja li ma tissodisfax il-kriterji ta' hawn fuq.

[26] Il-kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonimiku għas-Sajd (STECF). Ir-rapport ekonomiku annwali tal-2009 dwar il-flotta tas-sajd Ewropea EUR 24069 – ISBN 976-92-79-13869-6

[27] Il-baċir tal-baħar huwa l-post fejn iseħħ is-sajd. Dan mhuwiex dejjem dak il-post fejn jinħatt il-ħut jew fejn jinsab il-port oriġinali tal-bastimenti kkonċernati.

[28] Inizjattiva tal-Komunità li timmira li tistimula l-kooperazzjoni interreġjonali fl-Unjoni Ewropea. Bdiet fl-1989, u hija ffinanzjata taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

[29] Ma jinkludix kejl mill-ispazju allura GMES ma jagħtix kontribut lill-ur-EMODnet

[30] Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar

[31] Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd stabbilit skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill KE 2371/2002

[32] Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran

[33] Il-kejl tal-klorofill mill-ispazju minflok il-fitoplankton

[34] L-enerġija lil hinn mill-kosta, rotot tal-bastimenti, estrazzjoni taż-żrar, eċċ.

[35] Il-proġett PEGASO, appoġġat mis-7 Programm Kwadru, qed jeżamina l-għażliet.

[36] Bħalma huma: l-estensjoni tal-mappa ġeoloġika għall-Mediterran u l-Kosta Iberika Atlantika; ir-riżoluzzjoni tal-batimetrija minn kwart ta' minuta għall-anqas frazzjoni ta' għaxra ta' minuta; tinkludi aktar pestiċidji.

[37] Iffinanzjat permezz tar-regolament finanzjarju propost għall-politika marittima integrata

[38] Inkluża n-nomenklatura, il-formats u l-unitajiet. Dan se jiżgura li d-dejta li ġejja minn inizjattivi differenti tista' titqabbel u tiġi kkumbinata. INSPIRE tipprovdi l-qafas bażiku. INSPIRE hija minnha nfisha kompletament konsistenti mal-istandards internazzjonali.

[39] L-ilmijiet ta' ħdejn il-kosta huwa terminu xjentifiku użat biex jiddefinixxi dawk l-ilmijiet fejn l-ilma baxx, topografija kostali kumplessa u x-xmajriet tal-marea ifissru li l-immudellar fiżiku jirrikjedi approċċ ħafna aktar dettaljat minn dak imbassar fil-preżent fi ħdan is-servizz ċentrali tal-baħar GMES.

[40] Id-Direttiva 95/46/KE

[41] Dan ikopri (1) l-aċċess għall-osservazzjonijiet mhux proċessati kollha li jinżammu fiċ-ċentri tad-dejta ta’ ċertu tip (2) il-produzzjoni u t-tixrid tas-saffi tad-dejta li jindikaw kemm hija fonda l-osservazzjoni, il-kwalità tad-dejta, (3) saffid tad-dejta mingħajr truf (fil-forma ta’ grilja jew poligonu) fuq u madwar il-baċiri tal-baħar kollha.

[42] Il-konvenzjonijiet ta' OSPAR, HELCOM, Barcelona u Bucharest

[43] EuroGOOS hija assoċjazzjoni ta' aġenziji nazzjonali governattivi u organizzazzjonijiet tar-riċerka, impenjati fl-oċeanografija operazzjonali fuq iskala Ewropea

[44] Il-punti ta' kontroll ikunu qed jagħmlu l-kontrolli tas-saffi tad-dejta indipendentament minn kull grupp tematiku tal-assemblaġġ, jiżguraw li d-dejta minn gruppi differenti hija kompatibbli bl-istess mod u jiddefinixxu l-prijoritajiet għal aktar osservazzjonijiet ibbażati fuq l-interazzjoni mal-partijiet interessati lokali. Dawn il-punti ta’ kontroll għandhom jaġixxu f’isem l-utenti kollha tad-dejta tal-baħar fi ħdan dak il-baċir u jkopru l-inzjattivi tal-UE dwar id-dejta tal-baħar – EMODnet, GMES, il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta, eċċ...

Top