EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0254

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew - Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

/* KUMM/2010/0254 finali */

52010DC0254

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew - Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja /* KUMM/2010/0254 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 26.5.2010

KUMM(2010) 254 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

1. Kuntest

Matul il-kriżi li għaddeja bħalissa, il-gvernijiet madwar l-Unjoni Ewropea u internazzjonalment ipprovdew ammonti enormi ta' fondi pubbliċi biex jappoġġaw is-setturi finanzjarji tagħhom[1]. Dan l-appoġġ kien neċessarju biex tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja u jiġu protetti d-depożituri, u kien akkumpanjat minn miżuri biex jappoġġaw lill-ekonomija reali. Madankollu l-effett kumplessiv kien li jiġi impost piż ekonomiku tqil biex jiġġarrab mill-kontribwenti attwali u tal-ġenerazzjonijiet futuri[2].

Messaġġ politiku ċar li joħroġ mil-laqgħa tal-G20 f'Pittsburgh f'Settembru 2009, appoġġat bil-qawwi mill-UE[3], huwa li flus il-kontribwenti ma għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex dan jintlaħaq tal-anqas b'żewġ modi kumplimentari: i) bit-tnaqqis tal-probabilità tal-inadempjenza bankarja permezz ta' superviżjoni aqwa makroekonomika u mikroekonomika, governanza korporattiva aħjar u standards regolatorji aktar strinġenti u; ii) bl-iżgurar li, anki minkejja dawn il-miżuri xorta waħda jkun hemm inadempjenza, jkunu disponibbli għodod adegwati inkluż riżorsi suffiċjenti għar-riżoluzzjoni ordnata u propizja. L-istabiliment tal-fondi ta’ riżoluzzjoni magħmula minn sorsi mis-settur privat huma parti importanti ta’ dan ir-rispons.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-istabiliment tal-fondi ta’ riżoluzzjoni ex ante , iffinanzjati b'imposta fuq il-banek[4], biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ banek inadempjenti b'modi li jiġi evitat it-'tniġġis', tippermetti l-bank jistralċa b'mod ordnat u bi skeda ta’ żmien li tevita l-bejgħ bl-għaġġla tal-assi (" principe de prevoyance "). Il-Kummissjoni temmen li l-fondi ta’ riżoluzzjoni huma parti neċessarja mill-għodda ta’ bosta miżuri differenti li ser ikunu inklużi fil-qafas il-ġdid tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet li jimmira li jimmitiga l-piż fuq il-kontribwenti u jimminimizza - jew aktar minn hekk, jelimina - dipendenza futura fuq il-fondi mill-kontribwenti biex jippleġjaw lill-banek.

Hija kwistjoni ta’ importanza kruċjali, f'era ta’ swieq finanzjarji globali dejjem aktar integrati li jinstabu soluzzjonijiet għall-maniġġ effikaċi tal-kriżijiet bankarji. Il-volitalità estrema reċenti tas-swieq finanzjarji hija xempju ċar u tfakkira ta' kemm is-swieq finanzjarji huma integrati. Huma meħtieġa arranġamenti ta’ finanzjament robusti u kredibbli, aktar minn qatt qabel.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ottubru 2009[5], il-Kummissjoni appoġġat bil-qawwa l-istabiliment ta’ qafas ġdid tal-immaniġjar tal-kriżijiet fil-livell tal-UE maħsub biex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ordnata tal-inadempjenzi bankarji u jimminimizza l-kostijiet għall-kontribwenti. F'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ April 2010[6], is-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw imposta bankarja bħala alternattiva possibbli biex iġġib lis-settur finanzjarju jikkontribwixxi għall-kostijiet tal-kriżi u għall-prevenzjoni tal-okkorenza ta’ kriżijiet futuri. Fid-9 ta’ Mejju 2010, l-ECOFIN ikkonkluda li l-ħidma fuq l-immaniġjar tal-kriżi u r-riżoluzzjoni trid titħaffef.

Qed jikber l-appoġġ politiku għall-applikazzjoni tal- prinċipju "jħallas min iniġġes" , miġjub mill-politika ambjentali, anki fis-settur finanzjarju sabiex dawk responsabbli għall-kawża jħallsu għall-kostijiet ta’ kwalunkwe kriżi finanzjarja futura possibbli. Għadd ta’ pajjiżi diġà introduċew, jew jinsabu fil-proċess li jintroduċu imposti fuq il-banek, minkejja li dawn ivarjaw minn ġuriżdizzjoni għal oħra.

Il-G20 ser jorganizza għall-ewwel darba diskussjoni dwar tali imposti fil-laqgħa Ministerjali tiegħu f'Ġunju. Din il-Komunikazzjoni ser tipprovdi kontribut sostanzjali għal dawn il-laqgħat. L-UE għandha tmexxi l-isforzi tal-G20 biex jinstab approċ u mudell globali bil-ħsieb li jinżamm kuntest ekwu madwar id-dinja.

Din il-Komunikazzjoni tispjega l-ħsibijiet tal-Kummissjoni dwar kif is-settur finanzjarju jista' jikkontribwixxi għall-kostijiet tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni tal-banek inadempjenti. Tispjega wkoll f'liema post jidħlu l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja fis-sett kumplessiv ta’ għodod li għandhom ikunu disponibbli fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-immaniġjar tal-banek. Din il-Komunikazzjoni tispjega wkoll l-ideat ġenerali tal-Kummissjoni dwar għadd ta’ kwisjonijiet importanti, bħall-iskop tal-fondi, id-daqs potenzjali tagħhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet li bihom ikunu jistgħu jintużaw.

Madankollu, ma tittrattax imposti jew taxxi li l-iskop tagħhom ikun li jiġu rkuprati fondi pubbliċi impenjati tul il-kriżi attwali biex tiġi stabilizzata s-sistema bankarja jew biex ikun indirizzat it-teħid tar-riskji jew l-ispekulazzjoni eċċessivi. L-eżami ta’ tali miżuri għandu jkompli parallel bħala kumplimentari utli għall-fondi preventivi li jitqiesu f'din il-Komunikazzjoni.

It-twaqqif ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni jġib miegħu għadd ta’ sfidi – partikolarment fir-rigward tal- preokkupazzjonijiet dwar il-perikli morali , li tqanqlu minn azzjonijiet meħuda matul il-kriżi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din hija preokkupazzjoni kbira li teħtieġ li tiġi indirizzata billi jkun ċar u mingħajr ambigwitajiet li l-azzjonisti (skont il-valur tal-investiment tagħhom) u l-kredituri (eskluż id-depożituri li jkunu ggarantiti permezz ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti) iridu jkunu l-ewwel nies li jiffaċjaw il-konsegwenzi ta’ inadempjenza bankarja u li l-fondi ta’ riżoluzzjoni ma jintużawx bħala assigurazzjoni kontra inadempjenza jew biex jippleġjaw lil banek inadempjenti , imma aktar biex jiffaċilitaw riżoluzzjoni ordnata tal-inadempjenza. Fil-qosor, il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja, kif jissuġġerixxi l-IMF, għandhom jintrabtu sew mar-reġim tar-riżoluzzjoni futur.

L-istabiliment ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja ser jifforma parti mill-qafas il-ġdid ta’ mmaniġjar tal-kriżijiet. Huwa rrikonoxxut li dan jinvolvi kostijiet għall-banek fi żmien meta jinsabu fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali bi tweġiba għall-kriżi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa essenzjali li jiġu żviluppati fehim ċar u valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti kumulattivi tas-sett wiesa’ ta’ riformi li jittrattaw l-imposti, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u l-kapital bankarju, u li jiġu aġġustati l-elementi individwali tal-pakkett ta’ riforma skont dan. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kostijiet ikunu kkalibrati b'mod li jiġi evitat li jinfega l-irkupru ekonomiku u jiżdied il-kost tal-kreditu għall-ekonomija reali. Għandu jiġi evitat ukoll li ż-żieda fil-kostijiet titgħadda fuq il-klijenti bankarji fil-forma ta’ imposti ogħla. Il-Kummissjoni ser tiżgura li jitqiesu kif xieraq dawn l-elementi kollha fil-ħidma anċillari ta’ valutazzjoni tal-impatt.

2. Il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja għandhom ikunu parti mill-Qafas ta’ Stabilità Finanzjarja

L-istabiliment ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja ma għandux jitqies għar-rasu u għandu jinftiehem bħala parti minn firxa ta’ inizjattivi usa’ mmirati lejn it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja fid-dawl tal-kriżi attwali. Bħalissa qed titħejja riforma fundamentali tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet esposti mill-kriżi bankarja. Il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex jissaħħu r-rekwiżiti kapitali, tiġi rriformata l-istruttura superviżorja tal-UE u f'Lulju ser tressaq proposta biex jissaħħu l-Iskemi ta’ Garanziji tad-Depożiti (SGD) eżistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dalwaqt ser tvara konsultazzjoni wiesgħa bil-ħsieb li ssaħħaħ il-governanza korporattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji, partikolarment il-banek.

Li jiftiehem il-kuntest wiesa’ huwa parti essenzjali fid-deċiżjoni dwar x'għandhom jgħamlu l-fondi, kif ser jaħdmu u kemm jista' jeħtieġ li jkunu kbar. Riformi usa' għall-qafas finanzjarju ffukati fuq il- prevenzjoni jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu l-probabilità u s-severità tal-inadempjenza bankarja, u proċeduri aktar effiċjenti li jwasslu għal intervent abkar u miżuri effikaċi ta’ riżoluzzjoni għandhom inaqqsu l-kost ta’ kwalunkwe miżura meħuda u jimmitigaw il-garanziji impliċiti assoċjati mal-istituzzjonijiet meqjusa bħala 'wisq kbar biex ifallu.'

Grafika 1 Fejn jintuża fond ta’ riżoluzzjoni?

[pic]F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni ser tadotta pjan direzzjonali li jistabbilixxi skeda ta' żmien, miżuri konkreti, għodod u pjanijiet għall-qafas komplet tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet. L-intenzjoni hija li sa kmieni fl-2011 jiġu ppreżentati proposti leġiżlattivi rilevanti kemm dwar miżuri u għodod tal-immaniġjar tal-kriżijiet kif ukoll il-fondi ta’ riżoluzzjoni.

L-għan tal-qafas il-ġdid ser ikun biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom għodod komuni li jkunu jistgħu jintużaw b’mod koordinat biex jippermettu azzjoni propizja u legalment soda fil-każ ta’ inadempjenzi bankarji kbar, fejn tiġi protetta s-sistema finanzjarja kumplessiva, u jiġu evitati kostijiet għall-kontribwenti u jiġi żgurat kuntest ekwu. Partikolarment, l-għan ser ikun li jiġi żgurat li r-riżoluzzjoni ordnata tkun alternattiva kredibbli għal kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs jew kumplessità.

L-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni flimkien mal-finanzjament mis-settur privat, lil istituzzjoni finanzjarja kbira ħafna u kumplessa tista' tirriżulta fi sfidi partikolari. Għal dawn ir-raġunijiet għodod alternattivi oħra, li ma jinkludux finanzjament pubbliku, jeħtieġ li jkunu disponibbli. Jistgħu jintużaw f'ċirkostanzi speċifiċi biex jiġu stabilizzati sitwazzjonijiet u tiġi evitata likwidazzjoni sfurzata u mgħaġġla li tista' tkun ta’ detriment għall-istabilità finanzjarja fil-perjodu qasir ta' żmien.

Qed titħejja ħidma sinifikanti fil-livell internazzjonali biex titnaqqas il-probabilità u l-impatt tal-inadempjenza ta’ tali istituzzjonijiet (Kaxxa 1).

KAXXA 1: L-indirizzar ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar u kumplessi ħafna f'diffikultà Jeħtieġ ċertezza suffiċjenti li l-maniġġ ta’ entitajiet f'diffikultà jkun jista' jsir mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-istabilità finanzjarja jew li jiġi kkawżat xi avveniment sistemiku. L-għodod imfissra hawn taħt jistgħu jikkumplimentaw fondi ta’ riżoluzzjoni ex ante u jipprovdu lill-awtoritajiet sett ta' miżuri suffiċjentement sodi biex jiġu indirizzati istituzzjonijiet finanzjarji kbar u kumplessi ħafna f'diffikultà. Pjanijiet ta’ Rkupru u Riżoluzzjoni Ix-xogħol għaddej kemm fl-UE (KESB) kif ukoll fil-livell internazzjonali (Financial Stability Board) dwar it-tfassil u l-ittestjar tal-pjanijiet tal-irkupru u r-riżoluzzjoni (il-G20 appella sabiex dawn il-pjanijiet jitfasslu sa tmiem l-2010), li ser ikunu element essenzjali tal-qafas futur tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kriżijiet. L-awtoritajiet rilevanti għandhom ikunu mgħammra sabiex attivament jużaw is-setgħat preventivi eżistenti, jew fejn meħtieġ, ġodda, biex jiġi żgurat, qabel ma tibda kriżi, li l-banek ikunu jistgħu jiġu stralċati b'mod ordnat. Qafas legali effiċjenti għar-riżoluzzjoni ser ikun essenzjali. Telfiet imposti fuq il-kredituri u konverżjoni ta’ dejn f'ekwità Alternattivi speċifiċi għall-istituzzjonijiet inkluż konverżjoni ta’ dejn f'ekwità (kemm jekk amministrattiva, kemm jekk kuntrattwali[7], jew l-applikazzjoni ta’ telfiet imposti ('haircuts') fuq it-titolari ta’ debitu subordinat u kredituri ordinarji (eskluż id-depożiti) sabiex jiġi pprovdut finanzjament sinifikanti lil ditta f'diffikultà u tinżamm bħala negozju avvjat. Hemm dibattitu internazzjonali attiv dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ miżuri bħal dawn. Dan jista' jinkludi l-modifika tar-regoli prudenzjali biex jinġiebu jeħtieġu jew jinkuraġġixxu l-użu ta’ strumenti ta’ dejn konvertibbli (sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu 'jawtoassiguraw'), jew jikkonferixxu setgħat amministrattivi lill-awtoritajiet biex japplikaw telfiet imposti fuq id-dejn mhux konvertibbli jew li jikkonvertu dejn f'ekwità. Rikapitalizzazzjoni qabel l-insolvenza permezz ta' mekkaniżmi bħal dawn tista' sservi biex tistabilizza istituzzjoni. Miżuri ta’ dan it-tip bla dubbju jkollhom impatt fuq il-kost tal-finanzjament għall-banek, fuq l-istruttura tal-kapital u fuq il-prassi tas-suq, imma jgħinu wkoll biex tiġi rinfurzata d-dixxiplina fis-suq permezz tal-iżgurar li l-kredituri ordinarji totalment iġarrbu l-kostijiet tar-riskji li għalihom ikunu esposti. Sabiex dan jiffunzjona fil-prattika, jeħtieġ jingħelbu ostakli konsiderevoli legali u prattiċi u qed jidħejja aktar xogħol. |

3. APPROċ TAL-UE DWAR IL-FONDI TA’ RIżOLUZZJONI BANKARJA HUWA MEħTIEġ

Id-dimensjoni tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji globali teħtieġ li jiġu adottati approċi komuni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll globalment fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja. L-esperjenza tal-maniġġ ta’ inadempjenzi transfruntalieri matul il-kriżi attwali wriet biċ-ċar għaliex huma neċessarji arranġamenti ġodda għall-immaniġjar tal-kriżijiet. Ir-rispons immedjat tal-UE għall-kriżi finanzjarja kien li tipproponi leġiżlazzjoni li ssaħħaħ is-superviżjoni makroekonomika u arranġamenti superviżorji transfruntalieri bit-twaqqif ta’ awtoritajiet ġodda b'rikonoxximent tal-ħtieġa għal kooperazzjoni eqreb. Skont l-arranġamenti l-ġodda, is-superviżjoni ordinarja tibqa' nazzjonali, konsistenti mal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri. Madankollu, din l-għażla li nibqgħu b'sistema superviżżorja essenzjalment deċentralizzata, tiddependi ħafna fuq livell għoli ta’ fiduċja fost l-awtoritajiet u kooperazzjoni fl-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej il-ġodda u ser twassal biss għall-potenzjal sħiħ tagħha jekk tkun appoġġata b'qafas sod ta’ mmaniġjar transfruntalier tal-kriżijiet sostnut minn arranġamenti sodi ta’ finanzjament.

Fil-prinċipju, l-ippuljar tar-riżorsi f'fond ta' riżoluzzjoni uniku pan-UE jwassal għal benefiċċji ċari: tiżdied id-diversifikazzjoni tar-riskji; tinkiseb l-ekonomija ta’ skala kbira; jitnaqqas l-ammont li jkollu jkun soġġett għall-kondiviżjoni tal-piż; jiġu pprovduti l-inċentivi xierqa għall-kooperazzjoni; jitħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet; u jiġi ggarantit kuntest ekwu. Barra minn hekk jirrifletti aħjar in-natura pan-UE tas-swieq bankarji, partikolarment għal gruppi bankarji transfruntalieri.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jkun tassew diffiċli li tibda mill-ħolqien ta’ Fond ta’ Riżoluzzjoni tal-UE fin-nuqqas ta’ qafas superviżorju u tal-immaniġjar tal-kriżjijiet integrat tal-UE. L-approċ Ewropew għall-istabiliment tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja għandu jirrispekkja l-approċ usa' tal-arranġamenti superviżorji.

Għal dik ir-raġuni, l-ewwel pass xieraq ikun sistema bbażata fuq l-istabiliment ta’ netwerk armonizzat ta’ fondi nazzjonali marbuta ma' sett ta’ arranġamenti nazzjonali koordinati ta' mmaniġjar tal-kriżijiet[8]. Dawn l-arranġamenti jkunu l-ewwel pass u jkunu riveduti sal-2014[9] bl-għan li jinħolqu arranġamenti tal-immaniġjar tal-kriżijiet u superviżorji integrati tal-UE, kif ukoll Fond ta’ Riżoluzzjoni tal-UE għat-tul.

L-istabiliment ta’ aktar ċarezza u fehim reċiproku bejn l-awtoritajiet permezz ta’ arranġamenti aktar sodi ta’ finanzjament ser ikunu wkoll ċentrali għall-alinjament tal-inċentivi fost l-awtoritajiet biex jikkooperaw bis-sħiħ fil-każ ta’ inadempjenza bankarja transfruntaliera. Konsegwentement dan ikun jirrappreżenta sostenn importanti għal arranġamenti transfruntalieri effikaċi għall-immaniġjar tal-kriżijiet.

Nuqqas li jiġi adottat approċ tal-UE fir-rigward tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja jista' jirriżulta f'impożizzjoni unilaterali ta’ imposti ta’ riżoluzzjoni fil-livell domestiku u għalhekk jiġu ssugrati distorsjonijiet kompetittivi bejn is-swieq bankarji nazzjonali. Jista' jwassal ukoll għal dupplikazzjoni ta’ imposti fil-każ ta’ banek transfruntalieri. Barra minn hekk, approċi differenti għal mekkaniżmi ta’ finanzjament mis-settur privat jistgħu joħolqu ostakli għall-maniġġ effiċjenti tal-kriżjiet jew l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni, jekk il-fondi mis-settur privat ikunu disponibbli f'xi Stati Membri imma mhux f'oħrajn, u jista' jwassal biex ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet ikun kumpless aktar, sakemm ma jkunx impossibbli.

Għal dawn ir-raġunijiet, approċ tal-UE huwa t-triq futura xierqa fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Azzjoni tal-UE biss tiżgura li l-gruppi bankarji li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed ikunu soġġetti għal rekwiżiti simili dwar il-fondi ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk kuntest ekwu jevita kostijiet bla bżonn ta’ konformità għal attivitajiet transfruntalieri u jippromwovi aktar integrazzjoni tas-Suq Intern. Barra minn hekk, tali approċ għandu jiżgura l-konsistenza, fejn xieraq, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Tali azzjoni fil-livell tal-UE tirrinforza wkoll l-istabilità finanzjarja fi ħdan l-UE.

4. Finanzjament, ambitu tan-nefqa u governanza ta’ fond ta’ riżoluzzjoni bankarja

Dan il-kapitolu jesplora tliet pilastri ewlenin ta’ tali fondi ta’ riżoluzzjoni: finanzjament (4.1); ambitu u daqs (4.2) u governanza (4.3).

4.1. Finanzjament ta’ Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

It-tfassil ta’ arranġamenti ta’ finanzjament għal fond għandu jimmira li jilħaq żewġ għanijiet: i) li jiġbor l-ammonti neċessarji ta’ flus li jirrispekkja n-natura tal-użu tiegħu (jiġifieri l-eventwalità u l-kost tar-riżoluzzjoni); ii) li jagħmel dan b'mod li jinċentiva mġiba xierqa, li jimmitiga r-riskju tar-riżoluzzjoni. Essenzjalment hemm tliet parametri ewlenin: il-kontribuzzjoni tista' tiġi bbażata fuq l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni, l-assi tagħha, jew il-profitti tagħha.

- L-assi tal-banek huma indikaturi tajbin dwar ir-riskju tagħhom. Huma jistgħu wkoll jirriflettu preċiżament l-eventwalità potenzjali tal-inadempjenza bankarja u għalhekk il-ħtieġa li l-bank jiġi riżolt[10]. Indirettament l-assi jistgħu jirrappreżentaw indikatur tal-ammont li jista' jkun jeħtieġ li jintnefaq fil-maniġġ tar-risoluzzjoni tal-bank. Madankollu, l-assi tal-banek diġà jkunu soġġetti għal rekwiżiti kapitali prudenzjali peżati għar-riskji fil-forma ta’ imposti kapitali. L-impożizzjoni ta’ imposta bbażata fuq l-assi tista' għalhekk issarraf f'rekwiżit kapitali addizzjonali u jkollha titqies bir-reqqa fil-kuntest ta’ riformi usa' għall-istandards kapitali li qed jitħejjew bħalissa.

- L-obbligazzjonijiet tal-banek [11] jidhru li huma l-aktar indikaturi adegwati tal-ammonti li jistgħu jkunu meħtieġa meta jkun hemm bżonn li jiġi riżolt bank. Il-kostijiet tar-riżoluzzjoni bankarja x'aktarx joriġinaw mill-ħtieġa li jiġu appoġġati ċerti obbligazzjonijiet (eskluż ekwità u obbligazzjonijiet assigurati – eż. depożiti). Madankollu, l-obbligazzjonijiet tal-banek jistgħu jkunu indikatur anqas effikaċi għal-livell tar-riskju.

- Barra mill-imposti b'rabta mal-karta tal-bilanċi, l-imposti jistgħu jkunu relatati mal- profitti u bonusijiet bħala indikatur tad-daqs tal-bank u jkunu jirriflettu aktar il-prinċipju ta’ 'iħallas min iniġġes'[12]. Madankollu l-profitti u l-bonusijiet ma jistgħux ikunu korrelati mill-qrib mal-ammont ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni li bank jista' jeħtieġ jew mal-probabilità li l-bank ikun inadempjenti.

Il-Kummissjoni qed tivvaluta bir-reqqa liema mill-bażijiet differenti msemmija tkun l-aktar xierqa għall-finanzjament ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja. Fi kwlalunkwe każ, irrispettivament mill-bażi finali magħżula, il-Kummissjoni tqis li din għandha tal-anqas tikkonforma mal-prinċipji li ġejjin: a) jiġi evitat kwalunkwe arbitraġġ possibbli, b) jiġu riflessi r-riskji xierqa, c) titqies in-natura sistemika ta’ ċerti entitajiet finanzjarji, d) tissejjes fuq l-ammonti possibbli li jkunu jistgħu jintnefqu jekk ir-riżoluzzjoni ssir neċessarja u e) jiġu evitati d-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni.

Hemm ukoll kunsiderazzjoni importanti dwar jekk il-fondi jeħtiġux jinġabru fuq bażi ex post jew ex ante . Il-Kummissjoni taħseb li l-fondi ta’ riżoluzzjoni għandhom jinbnew fuq il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet mill-banek ex ante . Skemi li jkunu ffinanzjati totalment ex post jistgħu jimplikaw finanzjament bil-quddiem mill-kontribwenti u għalhekk jiżdied ir-riskju li l-inadempjenzi bankarji jkunu akkumpanjati minn impatti ekonomiċi negattivi usa'. Tali approċ jista' jirriżulta proċikliku, u joħloq tensjoni fuq il-baġit pubbliku waqt kriżi finanzjarja fejn l-Istat ikun l-anqas wieħed armat biex jipprovdi finanzjament addizjonali[13].

4.2. Ambitu u Daqs tan-Nefqa tal-Fond

Il-kompitu tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja ser ikun li jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni ordnata tal-entitajiet f'diffikultà finanzjarja. Il-fondi għandhom ikunu disponibbli għar-riżoluzzjoni tal-banek irrispettivament mill-qies u l-interkonnettività tagħhom, imma l-użu tagħhom biex jippleġjaw lil istituzzjonijiet għandu jkun ċarament eskluż. F'dan l-istadju, ma jidhirx li huwa xieraq li l-fondi ta’ riżoluzzjoni jiġu estiżi għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħal fondi ta’ investiment jew istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni. Minkejja li dawn huma wkoll parteċipanti attivi fis-swieq finanzjarji, huma għandhom għadd ta’ speċifiċitajiet li jikkumplikaw l-applikazzjoni għalihom ta’ reġim ta’ riżoluzzjoni simili bħal dak maħsub għall-banek. Minkejja li l-fondi ta’ riżoluzzjoni mhux ser jintużaw biex jirrikapitalizzaw il-banek, dawn ikunu meħtieġa li jingħataw riżorsi biżżejjed biex ikopru mal-kostijiet differenti ta’ riżoluzzjoni, u l-approċ meħud ser jeħtieġ jitfassal skont id-daqs u n-natura differenti tal-entitajiet.

Id-daqs tal-fond ser jiddependi fuq liema tip ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jaqgħu fl-ambitu tal-qafas ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet u ser jeħtieġ ukoll li jitfassal fil-kuntest tar-riformi usa' ppjanati għas-settur finanzjarju.

KAXXA 2: Liema miżuri jkun mistenni li jkopri Fond ta’ Riżoluzzjoni Bankarja?

Azzjonijiet meħuda minn awtoritajiet tar-riżoluzzjonijiet biex iwettqu riżoluzzjoni ordnata ta’ bank jistgħu jinvolvu varjetà ta’ kostijiet differenti. Fil-prinċipju, qafas ta’ riżoluzzjoni mfassal sew għandu jobbliga awtorità tar-riżoluzzjonijiet biex tirriżolvi entitajiet f'diffikultà bl-anqas kost ekonomiku u soċjali, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat inkluż regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ miżuri differenti li l-fondi ta’ riżoluzzjoni huma mistennija li jkopru:

- Finanzjament ta’ bank tranżitorju (bl-awtorità tar-riżoluzzjonijiet tieħu l-bank f'idejha) biex tkun possibbli t-tkomplija tal-operazzjonijiet ta’ istituzzjoni insolventi. Dan jista' jimplika, pereżempju, li jiġu pprovduti finanzjament tranżitorju u/jew garanziji.

- Finanzjament ta’ trasferiment totali jew parzjali ta’ assi u/jew obbligazzjonijiet mill-entità f'diffikultà għal parti terza. Il-kostijiet ikunu jinvolvu garanzija fuq l-assi (pereżempju kondiviżjoni ta’ telf ma' akkwirent potenzjali tal-assi ħżiena) u/jew li jiġi ffinanzjat jew garantit it-trasferiment tal-obbligazzjonijiet għal perjodu ta’ żmien sabiex tinżamm il-fiduċja fis-suq u jiġi evitat ir-riskju ta’ paniku mill-kredituri.

- Finanzjament ta’ separazzjoni bank tal-assi tajbin/bank tal-assi ħżiena Il-kostijiet għall-fond jistgħu jinkludu l-akkwist u l-immaniġjar temporanju tal-assi ħżiena u l-forniment ta’ finanzjament tranżitorju tal-bank tal-assi tajba.

- Jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi, it-tariffi legali u ta’ konsulenza, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu ppriservati ċerti funzjonijiet vitali tal-banek – bħas-sistemi ta’ pagamenti.

Matul il-kriżi li għaddeja, il-pleġġijiet mill-gvernijiet b'appoġġ għas-settur bankarju laħqu perċentwal sinifikanti tal-PGD tal-UE. Il-fondi ta’ riżoluzzjoni kif deskritti f'din il-Komunikazzjoni ma mhumiex ippjanati li jilħqu qies ta’ dik id-dimensjoni għaliex l-għan proprju ta’ fond ta’ riżoluzzjoni huwa li jiġi żgurat li l-intervenzjonijiet mill-gvernijiet biex jippleġjaw lill-banek jiġu eliminati. L-aktar importanti huwa li l-Kummissjoni tqis li qafas tal-immaniġjar tal-kriżijiet irid jiżgura li kwalunkwe telf fil-kuntest ta’ inadempjenza bankarja jiġġarrbu l-ewwel u qabel kollox mill-azzjonisti ta’ debitu subordinat u kredituri ordinarji, qabel ma jkunu disponibbli l-fondi ta' riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni ser tieħu pożizzjoni dwar il-limitu mira xieraq għall-fondi wara li jsiru analiżi kwantitattiva dettaljata u valutazzjoni tal-impatt komprensiva. L-eżempji pprovduti fil-Kaxxa 3 huma inklużi għall-finijiet illustrattivi u jirrappreżentaw spettru ta’ qisien mira possibbli bbażati fuq inizjattivi reċenti.

KAXXA 3: Implikazzjonijiet ta’ kost ta’ inizjattivi reċenti biex jinħolqu l-fondi

Xi pajjiżi diġà ħadu d-deċiżjoni li jimponu imposti fuq il-banek bl-għan dikjarat li jistabilixxu fondi dedikati. Madankollu, l-għan preċiż ta’ dawn il-fondi, kif ukoll l-implikazzjonijiet finanzjarji, ivarjaw:

- Fil-Ġermanja, il-proposti li qed jitħejjew għal imposta sistemika fuq il-banek biex titħallas f'fond ta’ stabilità biex jiġu ffinanzjati miżuri f'reġim speċjali ta’ riżoluzzjoni. Id-dettalji dwar l-istruttura tal-imposta, id-daqs tal-fond u l-mod li bih il-fondi għandhom jiġu investiti u użati għad iridu jiġu żviluppati, madankollu l-indikazzjonijiet huma li huwa mistenni li l-imposta tiġbor madwar EUR 1 biljun fis-sena.

- L-Iżvezja riċentement stabilixxiet "fond ta’ stabilità" bankarja, li l-għan tiegħu huwa li jiffinanzja miżuri biex jirreaġixxu għar-riskju ta’ taqlib serju fis-sistema finanzjarja fl-Iżvezja[14]. Fi 15-il sena il-fond huwa maħsub li jilħaq 2.5 fil-mija tal-PGD. Dan ser jinbena fuq il-bażi ta’ tariffa ta’ stabilità mħallsa mill-banek u minn istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu li jammontaw għal 0.036 fil-mija fis-sena imposti fuq ċerti partijiet tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet (eskluż il-kapital azzjonarju u xi titoli ta’ debitu subordinarju).

- L-IMF indika[15] li abbażi tal-esperjenza tal-kriżijiet, madwar 2-4 fil-mija tal-PGD għandhom ikunu biżżejjed bħala proviżjonament għall-fondi ta’ riżoluzzjoni (dan jikkorrispondi mal-kostijiet diretti tal-kriżi bankarja li għaddeja bħalissa), skont l-importanza relattiva tas-settur finanzjarju.

F'għadd ta’ Stati Membri, diġà qed jitħaddmu Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (SGD) għall-finanzjament tat-trasferiment tad-depożiti minn entitajiet inadempjenti[16]. Il-Kummissjoni temmen li l-użu ta’ fondi ta’ garanzija tad-depożiti għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkun limitat għall-ammont li jkun neċessarju li jitħallsu d-depożiti koperti. Il-kostijiet 'il fuq minn dan il-limitu għandhom jiġġarrbu mill-fondi ta' riżoluzzjoni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni meta jitfasslu s-sistemi biex tiġi evitata kwalunkwe dupplikazzjoni.

4.3. Il-Governanza tal-Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

Billi d-daqs tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja x'aktarx li jkun sinifikanti f'bosta ekonomiji, ir-regoli ta’ governanza għal tali fond huma ta’ importanza kbira. Kontribuzzjonijiet mill-banek biex jiġu koperti l-kostijiet ta’ riżoluzzjonijiet futuri jistgħu jkunu allokati fil-baġit tal-amministrazzjoni pubblika jew f'fond. Xi Stati Membri jistgħu jarawha interessanti li jużaw dawn il-kontribuzzjonijiet biex inaqqsu d-defiċit pubbliku tagħhom. Madankollu fit-tul, in-nuqqas li jiġu stabiliti fondi ta’ riżoluzzjoni dedikati jista' jirriżulta f'żieda fid-dipendenza tas-settur finanzjarju fuq fondi pubbliċi f'każ li jkun hemm kriżijiet ġodda, u dan jirrinforza aktar il-periklu morali tal-problema marbuta mal-istituzzjonijiet 'kbar wisq biex ifallu'. Barra minn hekk, dejjem ser jibqa' r-riskju li l-imposti mħallsa fil-baġit ġenerali tul iż-żmien jiġu ddevjati għal użijiet oħra.

Il-Kummissjoni għalhekk taħseb li l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja għandhom jibqgħu separati mill-baġit nazzjonali u jkunu ddedikati biss għall-kostijiet ta’ riżoluzzjoni.

Għal raġunijiet prattiċi, l-immaniġjar tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja għandu jingħata f'idejn awtoritajiet li jkunu inkarigati mir-riżoluzzjoni ta' entitajiet finanzjarji u li jaġixxu bħala korpi eżekuttivi indipendenti. Ser ikunu meħtieġa linji ċari ta’ responsabilità pubblika fejn jingħataw setgħat ġodda għall-allokazzjoni ta’ fondi. L-indipendenza funzjonali mill-gvern tiżgura li l-fondi jkunu strettament riżervati biex jitħallsu miżuri ta’ riżoluzzjoni. Id-dettalji tal-arranġamenti ta’ governanza jeħtieġu li jiġu żviluppati aktar. F'dan il-kuntest, hemm tliet mistoqsijiet li huma ta’ rilevanza partikolari tall-immaniġjar ta’ fond:

i) Kif għandhom jinżammu l-flus miġbura, ii) B'liema kundizzjonijiet għandhom jintużaw il-fondi biex jiġu riżolti l-banek, u iii) Kif għandha tiġi deċiża l-allokazzjoni tal-kostijiet pagabbli mill-fondi fil-każ ta’ riżoluzzjoni transfruntaliera:

(i) L-investiment tal-fondi jkun jeħtieġ li jkun f'portafoll ġeografikament diversifikat sew f'assi mhux bankarji ta’ likwidità għolja b'riskju baxx ta’ kreditu u tas-suq u b'mod li jappoġġa l-ekonomija reali.

(ii) Fir-rigward tal-użu tal-fondi, il-Kummissjoni fi ħsiebha ddaħħal fis-seħħ qafas armonizzat ta’ riżoluzzjoni li għandu jimmira li jevita kwalunkwe differenza li tirriżulta mill-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw is-setgħat u l-għodod ta’ riżoluzzjoni, u b'hekk jiġu llimitati d-distorzjonijiet għall-kompetizzjoni. Dan ser jiddetermina meta u kif il-fondi ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jintużaw.

(iii) Fir-rigward tal-arranġamenti fil-każ ta’ riżoluzzjoni transfruntaliera, il-Kummissjoni fi ħsiebha tressaq proposti biex tistabilixxi regoli ċari dwar kif ser tkun mistennija li sseħħ il-koordinazzjoni. Fil-qofol ta’ dawn l-arranġamenti jista' jkun hemm kulleġġi li jinvolvlu l-awtoritajiet inkarigati mir-riżoluzzjoni bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni konġunta dwar il-preparazzjoni tar-riżoluzzjoni ta' grupp bankarju transfrontalier taħt is-sorveljanza ta' entità bħall-Awtorità Bankarja Ewropea futura proposta mill-Kummissjoni. Tali pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, imsejsa fuq prinċipji ċari li jiġu stabiliti b'liġi, ikunu jinkludu diskussjoni dwar kif jistgħu jinqasmu b'mod ġust il-piżijiet u l-kondiviżjoni tal-kostijiet bejn il-fondi ta’ riżoluzzjoni ffinanzjati mis-settur privat.

Fl-aħħar nett, l-użu tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja ser jeħtieġu l-osservanza tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Id-definizzjoni tal-aspetti operazzjonali tal-fondi ta’ riżoluzzjoni ser jeħtieġu li jqisu adegwatement l-implikazzjonijiet potenzjali dwar l-għajnuniet mill-Istat. L-intervenzjonijiet li jużaw il-fondi ta’ riżoluzzjoni għalhekk jeħtieġ li jinkorporaw elementi li jagħmlu eħfef il-valutazzjoni tal-kompatibilità tagħhom, partikolarment fir-rigward tat-tip ta’ appoġġ mogħti, il-kondiviżjoni xierqa tal-piżijiet u l-evitar tad-distorzjonijiet mhux xierqa għall-kompetizzjoni.

5. Il-passi li jmiss

Din il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar l-imposti u l-fondi ta’ riżoluzzjoni li ser isseħħ fil-kuntest tal-laqgħat tal-G20 li ġejjin. Huwa importanti li jinstab ftehim wiegħsa – fi ħdan l-UE u globalment – dwar il-prinċipji ġenerali u l-orjentazzjonijiet ta’ dawn il-kwistjonijiet kemm jista' jkun malajr biex jiġi evitat l-iżvilupp ta’ approċi nazzjonali diverġenti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 biex jendorsja l-prinċipji u t-triq futura ssuġġerita f'din il-Komunikazzjoni u tistieden lir-rappreżentanti tal-UE fil-G20 biex jirrappreżentawha fil-laqgħat li ġejjin.

Bħala l-pass li jmiss fil-ħolqien ta’ qafas komprensiv għall-prevenzjoni u l-immaniġjar tal-kriżijiet, il-Kummissjoni ser tippreżenta f'Ottubru 2010 Komunikazzjoni li tfassal pjan direzzjonali u l-pjanijiet usa' u dettaljati tagħha għall-iżvilupp ta’ qafas ġdid għall-immaniġjar tal-kriżijiet, inkluż il-valutazzjoni ulterjuri tal-vijabilità tal-għodod biex jiġi żgurat li l-kredituri jikkontribwixxi fi stadju bikri għar-riżoluzzjoni (eż. permezz tal-użu tat-telfiet imposti fuq il-kredituri). Il-Kummissjoni tippjana li jiġu adottati proposti leġiżlattivi għall-immaniġjar tal-kriżijiet u l-fondi ta’ riżoluzzjoni kmieni fl-2011.

[1] Skont l-IMF, il-kost fiskali dirett nett tal-kriżi wera medja ta’ 2.7% tal-PGD għall-pajjiżi avvanzati tal-G20 minkejja l-ammonti ppleġjati, inkluż garanziji u obbligazzjonijiet kontinġenti oħra wrew medja ta’ 25% tal-PGD.

[2] Id-dejn tal-gvern fl-ekonomiji avvanzati tal-G20 huwa pproġettat li jiżdied bi kważi 40 punt perċentwali matul l-2008-15 (cf. IMF).

[3] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-18 ta’ Mejju 2010.

[4] Skont l-ambitu tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE, jiġifieri d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 2006/48/KE, ir-referenza għal "bank" f'din il-Komunikazzjoni għandha tinftiehem li tinkludi banek u ditti ta’ investiment.

[5] COM(2009) 561.

[6] Finanzjament Innovattiv fil-Livell Globali – SEC(2010) 409, 1.4.2010.

[7] Pereżempju permezz tal-ħruġ ta’ kapital kontinġenti b'karatteristiċi ta’ konverżjoni ta’ dejn f'ekwità jew ta’ stralċ. Għadd ta’ banek bħal Lloyd's u Rabobank diġà ħarġu strumenti bħal dawn.

[8] Dan l-approċ jikkunsidra li l-fondi ta' riżoluzzjoni diġà jeżistu f'xi Stati Membri.

[9] L-2014 hija d-data prevista fir-Regolament propost dwar l-ABE għar-reviżjoni tal-awtorità superviżorja ġdida.

[10] F'termini tar-regolazzjoni bankarja dan ifisser li wieħed jibni fuq il-kapaċità eżistenti tal-monitoraġġ tar-riskjużità tal-assi biex jiġu vvalutati kemm il-Probabilità tal-Inadempjenza (PI) kif ukoll it-Telf fil-Każ ta’ Inadempjenza (LGD) sabiex jiġi stmat id-daqs relattiv tal-imposti.

[11] L-użu tal-obbligazzjonijiet bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-imposta huwa l-approċ preferut mill-IMF.

[12] Xi Stati Membri riċentement iddeċidew li jintroduċu taxxi fuq il-bonisijiet. Dan huwa differenti mill-imposta bankarja diskussa f'din il-Komunikazzjoni.

[13] Fil-każ li l-fondi ex ante jkunu insuffiċjenti biex ikopru l-kostijiet ta’ riżoluzzjoni, il-fondi ta’ riżoluzzjoni jkollhom madankollu jiġu sostnuti b'finanzjament alternattiv suffiċjentement kredibbli.

[14] Il-mandat għandu jinftiehem b'mod aktar wiesa' mill-"fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja" mfisser mill-Kummissjoni.

[15] A Fair and Substantial Contribution by the Financial Sector, Interim report for the G-20, April 2010.

[16] Kien hemm għadd ta’ eżempji ta’ riżoluzzjonijiet ordnati ta’ inadempjenza bankarja fejn intużaw Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti matul il-kriżi finanzjarja riċenti. Dawn iservu biex jindikaw il-kostijiet potenzjali marbuta ma' inadempjenzi bankarji żgħar u medji (eż. Dunfermline Building Society £ 1.5 biljun, Bradford & Bingley £ 14-il biljun).

Top