EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0588

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Qafas strateġiku ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

/* KUMM/2008/0588 finali */

52008DC0588

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Qafas strateġiku ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija /* KUMM/2008/0588 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.9.2008

KUMM(2008) 588 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

QAFAS STRATEĠIKU EWROPEW GĦALL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI FL-OQSMA TAX-XJENZA U T-TEKNOLOĠIJA

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

QAFAS STRATEĠIKU EWROPEW GĦALL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI FL-OQSMA TAX-XJENZA U T-TEKNOLOĠIJA

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija (S&T). Hija tkopri wkoll l-aspetti speċifiċi ta' din it-tip ta' kooperazzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (l-ICTs).

Billi ssaħħaħ l-isforz tagħha tar-riċerka u tħaffef l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, l-Ewropa tista' twieġeb b'mod iktar effettiv u effiċjenti għall-isfidi ewlenin li s-soċjetà qed tiffaċċja llum il-ġurnata. It-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (l-ERA) permezz ta' integrazzjoni akbar u koordinazzjoni transkonfinali tal-investimenti u l-attivitajiet tar-riċerka se jżid il-kompetittività tal-Ewropa u jagħmilha aktar attraenti bħala post ta' investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-promozzjoni tal-ICTs Ewropej mad-dinja kollha bħala fattur ewlieni fit-tkabbir soċjoekonomiku wkoll se jikkontribwixxi għall-aġenda għat-Tkabbir u l-Impjiegi[1]. It-tisħiħ tal-ERA għandu jseħħ id f'id mat-twessigħ tagħha, permezz ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-imsieħba internazzjonali.

Għan strateġiku ewlieni għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija u għal aċċess universali għall-ICTs

Il-globalizzazzjoni qed tiżdied b'rata mgħaġġla, u dan għandu impatt fuq il-mod kif nipproduċu, naqsmu u nużaw l-għarfien. Sfidi ewlenin dinjin, bħat-tibdil fil-klima, il-faqar, il-mard li jittieħed, u t-theddid lill-provvista tal-enerġija, l-ikel u l-ilma u lis-sikurezza taċ-ċittadin, is-sigurtà tan-netwerks u l-qasma diġitali, juru l-ħtieġa ta' kooperazzjoni globali effettiva fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija (S&T) sabiex jiġi nkuraġġut l-iżvilupp sostenibbli.

Is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (l-FP7) jirrifletti din il-ħtieġa billi huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' terzi pajjiżi u billi jinkludi għadd ta' strumenti ġodda sabiex jinkuraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali. Madanakollu, l-FP jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tar-riċerka kollha fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tal-investiment fir-riċerka huwa magħmul mill-Istati Membri. Huwa biss billi tissaħħaħ is-sħubija bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea (KE) li l-kooperazzjoni internazzjonali Ewropea fl-oqsma tal-S&T tista' tagħti kontribut effettiv favur l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fid-dinja[2]. Kooperazzjoni aħjar hija meħtieġa wkoll sabiex jiġu nkuraġġuti l-għanijiet tal-politika Ewropea u t-teknoloġiji Ewropej madwar id-dinja kollha. Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi qafas Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T li sħubija ġdida fit-tul bejn l-Istati Membri u l-KE. Tipproponi wkoll modi sabiex jittejbu l-istrumenti ta' kooperazzjoni ma' msieħba strateġiċi. L-għan ewlieni huwa li jingħata kontribut lejn l-iżvilupp globali sostenibbli u li titrawwem l-eċċellenza Ewropea fl-S&T, li hija dejjem aktar il-bażi tal-kompetittività ekonomika, fi żmien meta l-kumpaniji Ewropej qed jiffaċċjaw dejjem aktar kompetizzjoni mill-ekonomiji emerġenti.

Il-qafas Ewropew propost huwa magħmul minn għadd ta' prinċipji bażiċi u orjentamenti għall-azzjoni. L-azzjonijiet taħt dan il-qafas se jsaħħu l-parteċipanti Ewropej mill-pubbliku u mill-privat fil-mod kif jaġixxu mal-imsieħba u l-kompetituri tagħhom f'postijiet oħra fid-dinja. Il-qafas propost se jagħti kontribut lejn iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-għarfien – "il-ħames libertà tal-UE" – fuq livell globali, lejn it-titjib tal-profil tal-S&T tal-Ewropa madwar id-dinja kollha, u lejn it-tixrid tal-għarfien Ewropew tal-ICTs madwar id-dinja. Se jqiegħed liż-Zona Ewropea tar-Riċerka fuq il-mappa dinjija, Żona miftuħa għad-dinja kollha, u se jsaħħaħ il-kompetittività Ewropea fl-ekonomija dinjija.

L-azzjonijiet taħt il-qafas:

- se jsaħħu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-KE li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni strateġika fl-oqsma tal-S&T u d-djalogi tas-soċjetà tal-informatika ma' msieħba madwar id-dinja kollha;

- se joħolqu sinerġiji addizzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u s-soċjetà ċivili sabiex l-azzjoni tal-UE f'dawn l-oqsma tal-politika tkun iktar effiċjenti;

- se jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien, għar-riżorsi u għas-swieq madwar id-dinja kollha;

- se jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-aġenda xjentifika u teknoloġika globali billi tiġbor ir-riżorsi flimkien sabiex tinkiseb massa kritika u billi jisħqu fuq il-valuri demokratiċi fis-soċjetà globali tal-informatika, b'mod partikulari fuq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-aċċess għat-tagħrif[3].

- se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas, skont liema titwettaq ir-riċerka internazzjonali u jippromwovu l-mudell Ewropew tal-konverġenza sabiex isaħħu l-effettività tal-politiki dwar is-soċjetà tal-informatika;

- se jagħmluha iktar faċli għar-riċerkaturi u għall-universitajiet Ewropej li jaħdmu mal-aħjar xjentisti u bl-aħjar infrastrutturi tar-riċerka fid-dinja;

- se jsaħħu l-pożizzjoni dinjija tal-industrija Ewropea fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u f'teknoloġiji avvanzati oħrajn.

Din il-Komunikazzjoni twieġeb għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2008, u hija waħda mill-ħames inizjattivi tal-Kummissjoni meħuda wara d-dibattiti pubbliċi dwar il-ġejjieni tal-ERA[4] u dwar il-globalizzazzjoni tas-Soċjetà tal-Informatika[5]. Hija ssegwi wkoll il-konklużjonijiet tas-"Summit" Dinji tal-2005 dwar is-soċjetà tal-informatika (il-WSIS)[6].

1. PRINċIPJI LI FUQHOM HUWA MSEJJES IL-QAFAS EWROPEW GħALL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI FL-OQSMA TAL-S&T U S-SħUBIJI L-ġODDA DWAR IS-SOċJETÀ TAL-INFORMATIKA

It-twessigħ tal-ERA u l-ftuħ tagħha iktar għad-dinja

L-eċċellenza fir-riċerka ġejja mill-kompetizzjoni bejn ir-riċerkaturi u milli wieħed jirnexxilu jqabbad lill-aħjar jikkompetu u jikkooperaw bejniethom.

Mod kruċjali kif dan jista' jinkiseb huwa billi l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji li jiffinanzjaw ir-riċerka, l-istituti tar-riċerka u l-universitajiet pubbliċi u privati jaħdmu flimkien b'mod li jmur lil hinn mill-fruntieri. Din it-tip ta' kooperazzjoni hija fil-qalba tal-ERA. F'arena xjentifika dejjem iktar dinjija, il-fruntieri tal-ERA għandhom jitwessgħu sabiex tkun tinkludi l-ġirien tagħna, u l-kooperazzjoni ma' msieħba ewlenin internazzjonali għandha tkun inkuraġġuta u mħaffa.

L-iżgurar tal-koerenza tal-politiki u tal-kumplimentarjetà tal-programmi

Ir-riċerka ma titwettaqx f'vakwu. Hija tagħti kontribut lejn aġenda soċjali usa' u hija influwenzata minnha.

L-istrateġija internazzjonali Ewropea tal-S&T għandha ssejjes l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-għelib tal-qasma diġitali, l-iżgurar tas-sostenibilità tal-provvisti tal-enerġija, tal-bijodiversità u tal-ekosistemi u l-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju. Koerenza akbar bejn l-attivitajiet tar-riċerka u politiki u strumenti ta' finanzjament oħrajn se jsaħħu l-impatt u l-influwenza tal-S&T fuq dawn il-politiki.

It-trawwim ta' kooperazzjoni strateġika fl-oqsma tal-S&T ma' pajjiżi terzi ewlenin

L-Ewropa ma tistax tikkoopera mal-pajjiżi kollha dwar is-suġġetti kollha.

Iridu jintgħażlu s-suġġetti li dwarhom issir ir-riċerka u l-imsieħba mill-pajjiżi terzi. Trid tiġi ggarantita massa kritika ta' riżorsi li tappoġġa 'l dawn l-għażliet. Il-kooperazzjoni ma' msieħba li huma avvanzati xjentifikament se tkun differenti mill-kooperazzjoni ma' pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw il-bażi xjentifika tagħhom, iżda ż-żewġ tipi ta' kooperazzjoni huma meħtieġa. Strateġija ta' kooperazzjoni internazzjonali effettiva teħtieġ impenn fit-tul mill-KE u mill-Istati Membri u approċċ ġdid lejn it-tfassil konġunt ta' oqsma tar-riċerka prijoritarji għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ewlenin.

L-ERA li qed tinbena mill-Istati Membri u mill-Istati Assoċjati turi l-potenzjal tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi. F'każ fejn gruppi ta' pajjiżi f'reġjun ġeografiku (per eż. l-ASEAN, l-Unjoni Afrikana) jkunu jixtiequ jikkooperaw mal-KE fl-oqsma tal-S&T u f'każ fejn massa kritika fl-oqsma tal-S&T tista' tinkiseb l-aħjar sabiex jiġu indirizzati sfidi ewlenin dinjin, għandu jiġi ffavurit approċċ bireġjonali.

F'oqsma teknoloġiċi avvanzati, bħall-ICTs, il-prijoritajiet tar-riċerka ġeografiċi u settorjali għall-kooperazzjoni għandhom jitnebbħu minn kontribuzzjonijiet konġunti mill-industrija, l-akkademiċi u l-istituti tar-riċerka, per eżempju dawk li ġejjin mill-Aġendi Starteġiċi għar-Riċerka tal-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija, mid-djalogi dwar is-Soċjetà tal-Informatika, u minn kuntatti oħrajn bilaterali u reġjonali. This would facilitate by inclusion of third country partners from the early stages in the research pursued.

Se tkun tinħtieġ attenzjoni partikulari sabiex jingħelbu standards li jvarjaw bejn pajjiż u ieħor, minħabba li ħafna drabi dawn ixekklu t-tixrid tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u jistgħu itellfu l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà.

L-iżvilupp tal-attrazzjoni tal-Ewropa bħala msieħba fir-riċerka

Sabiex tibqa' eċċellenti fir-riċerka u tiżviluppa rabtiet bejn ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet fl-Ewropa u fid-dinja, l-Ewropa trid tkun imsieħba ffavurita għar-riċerka. Sabiex niksbu dan, għandna bżonn finanzjament kompetittiv u istituzzjonali għar-riċerka xieraq, infrastrutturi ta' livell għoli, mobbiltà mtejba għar-riċerkaturi fl-Ewropa u 'l barra minnha u regoli xierqa tad-DPI.

L-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T saru dejjem iktar importanti fil-Programmi ta' Qafas suċċessivi, u l-ħolqien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka saħħaħ ir-reputazzjoni Ewropea għal riċerka innovattiva ta' kwalità għolja. Il-ħidma tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (l-ESFRI) qajmet interess dinji u wasslet għal stqarrijiet min-naħa ta' msieħba internazzjonali li huma lesti jaħdmu flimkien.

ERA miftuħa hija l-aħjar mod kif l-S&T Ewropej isiru iktar attraenti globalment. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tal-ERA jiddependi minn kemm huma disponibbli r-riċerkaturi kkwalifikati sew sabiex isejsu l-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien. Riċerkaturi mħarrġa kemm fl-Ewropa kif ukoll f'pajjiżi terzi, jew marbutin permezz ta' netwerks, se jsiru ambaxxaturi għall-kooperazzjoni internazzjonali.

It-tnedija ta' sħubiji dwar ir-regolament dwar is-soċjetà tal-informatika mmirati biex jilħqu r-riżultati

L-ewwel pass se jkun li d-djalogi dwar il-politika li għaddejjin bħalissa jsiru mmirati aktar lejn ir-riżultati billi jkun hemm identifikazzjoni bikrija tal-prijoritajiet għall-kooperazzjoni regolatorja u għar-riċerka konġunta. Fejn ikun xieraq, dawn id-djalogi għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-konverġenza tal-oqsma tat-telekomunikazzjoni u tal-mezzi tax-xandir. Id-djalogi dwar in-negozju (per eżempju laqgħat ta' diskussjoni ("round tables") dwar in-negozju) u d-djalogi tal-konsumaturi wkoll għandhom jimmiraw biex jilħqu r-riżultati.

Il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni regolatorja se jinkludu l-promozzjoni tat-twaqqif ta' awtoritajiet regolatorji indipendenti u effettivi, l-allokazzjoni mhux diskriminatorja ta' riżorsi skarsi, kriterji għal-liċenzjar li jkunu disponjibbli pubblikament u proċeduri għall-għotjiet li jkunu trasparenti, l-interkonnessjoni mhux diskriminatorja u mmirata lejn l-ispejjeż, u l-użu ta' tekonoloġiji miftuħin. Għandu jiżdied il-monitoraġġ ta' xkiel mhux tariffarju u ta' diffikultajiet regolatorji li l-parteċipanti tal-UE jiffaċċaw fi swieq terzi.

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri jaħdmu flimkien

Jekk jaħdmu flimkien, l-Istati Membri u l-KE se jiksbu ħafna iktar, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwar id-dinja kollha. Dan jgħodd għall-oqsma tal-politika bħall-ambjent u l-enerġija, u jgħodd ukoll għar-riċerka u għall-politiki dwar is-soċjetà tal-informatika.

Il-ħidma flimkien se żżid l-attrazzjoni tar-riċerka Ewropea u se trawwem kundizzjonijiet aħjar għall-investiment u għall-kisbiet fi swieq ewlenin. Koordinazzjoni aħjar twieġeb ukoll għall-interess ta' ħafna msieħba dinjin li jitgħallmu mill-approċċ regolatorju tagħna dwar kwistjonijiet bħall-konverġenza. Fl-istess ħin, il-ġbir flimkien tal-isforzi tagħna se jagħti lill-Ewropa intelliġenza ekonomika aħjar dwar il-pajjiżi/ir-reġjuni ewlenin fl-oqsma tar-riċerka u tas-soċjetà tal-informatika.

Flimkien, l-Istati Membri u l-KE għandhom bżonn ifasslu l-oqsma prijoritarji tagħhom tar-riċerka mal-pajjiżi terzi sabiex jinkisbu l-akbar għadd ta' benefiċċji mill-inizjattivi u l-azzjonijiet ikkoordinati.

Il-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (l-ITER) juri x'jista' jinkiseb fuq skala kbira meta jkun hemm ir-rieda politika favur ħidma flimkien b'mod internazzjonali u favur il-ġbir flimkien tar-riżorsi. Iżda, fuq skala iżgħar, hemm ħafna eżempji tal-impatt qawwi ta' aġendi tar-riċerka Ewropej ikkoordinati u finanzjament konġunt, bħall-Inizjattiva Ewropea għar-Riċerka Agrikola għall-Iżvilupp.

Użu aktar koerenti tar-riżorsi tal-Istati Membri u tal-KE għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T se jgħin biex tinġabar il-massa kritika meħtieġa sabiex tingħata tweġiba effettiva għall-isfidi tal-politika li huma dejjem iktar globali.

Sħubija msaħħa bejn il-KE u l-inizjattivi intergovernattivi Ewropej (bħall-EUREKA u l-COST) u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, b'mod partikulari l-EIROforum[7] u l-membri individwali tiegħu, ukoll tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal dan il-għan.

Strateġija internazzjonali tal-S&T ikkoordinata tajjeb u kkomunikata b'mod effettiv se tippermetti lill-Ewropa tiżviluppa "leħen wieħed" dwar l-isfidi globali ewlenin u se tgħin lill-UE tipparteċipa b'mod iktar effettiv fit-tfassil tal-aġendi fil-fora internazzjonali, bħall-OECD, u b'mod partikulari f'dawk li jiffukaw fuq in-NU bħall-UNESCO, il-WHO u l-UIT.

2. ORJENTAMENTI GħALL-AZZJONI SABIEX L-ERA TINFETAħ AKTAR GħAD-DINJA

L-iżvilupp ta' sħubija mill-qrib u fit-tul bejn l-Istati Membri u mal-KE, imsejsa fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, huwa essenzjali għall-ERA sabiex tikseb il-potenzjal internazzjonali kollu tagħha.

Il-qsim tal-għanijiet, il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' aġendi tar-riċerka komuni Ewropej u ta' pożizzjonijiet fir-rigward ta' pajjiżi terzi u fil-fora internazzjonali, it-twettiq ta' attivitajiet konġunti u l-ġbir flimkien tal-isforzi u tar-riżorsi se jkunu essenzjali sabiex din is-sħubija tirnexxi.

Dan il-proċesss joħloq flussi lejn l-Ewropa u lil hinn minnha. Huwa jattira riċerkaturi mid-dinja kollha, filwaqt li jtejjeb il-potenzjal teknoloġiku Ewropew fis-swieq madwar id-dinja kollha, bħal per eżempju fil-każ tal-ICTs.

Sabiex jinkisbu r-riżultati massimi, għandhom jiġu implimentati l-proposti li ġejjin fil-livelli kemm tal-KE kif ukoll tal-Istati Membri, u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi. Huwa meħtieġ kuntest istituzzjonali xieraq sabiex dan il-proċess jitmexxa 'l quddiem.

2.1. It-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-ERA

- L-integrazzjoni tal-ġirien tal-Ewropa fl-ERA

L-assoċjazzjoni fl-FP7 hija l-iktar forma ta' kooperazzjoni intensiva fil-livell Komunitarju. Iċ-ċans li pajjiżi msieħba fil-viċinat Ewropew jipparteċipaw f'ċerti politiki u programmi tal-KE, inkluż fl-FP7, hija aspett importanti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (il-PEV)[8].

Issa kważi l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent huma assoċjati mal-FP7. L-assoċjazzjoni hija miftuħa wkoll għall-ġirien tal-UE tan-Nofsinhar u tal-Lvant. It-twessigħ tal-ambitu ġeografiku tal-ERA sabiex tinkludi l-pajjiżi msieħba fil-PEV se jagħti kontribut importanti lejn l-għanijiet tal-politika tal-UE għal dawn il-pajjiżi, b'mod partikulari sabiex tinbena prosperità ekonomika sostenibbli. Il-proċess ta' assoċjazzjoni se jseħħ b'mod gradwali, fuq bażi ta' każ b'każ, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet endoġeniċi fl-oqsma tal-S&T, il-livelli attwali u potenzjali tal-kooperazzjoni, u l-interess reċiproku tal-KE u tal-pajjiżi msieħba fil-PEV. Il-pajjiżi tal-PEV ukoll jixirqilhom attenzjoni partikulari fit-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-ICTs, kemm minħabba l-ħerqa tagħhom li jadottaw il-mudelli Ewropej, kif ukoll minħabba li xi wħud minnhom jirrappreżentaw swieq sinifikanti għall-kumpnaiji teknoloġiċi Ewropej.

Sabiex jitħeġġu rabtiet xjentifiċi ikbar ma' dawn il-pajjiżi u sabiex titħejja l-assoċjazzjoni fl-FP7, se jitwettqu inizjattivi sabiex tinbena l-kapaċità fl-oqsma tal-S&T u kooperazzjoni fir-riċerka mill-KE permezz tal-Istrumenti Ewropej ta' Viċinat u Sħubija u attivitajiet immirati tal-FP7 (per eż. Azzjonijiet Speċifiċi ta' Kooperazzjoni Internazzjonali).

Id-djalogu politiku ma' dawn il-pajjiżi huwa importanti. Ftehimiet bilaterali tal-KE dwar l-S&T ma' wħud minnhom (bħall-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija u l-Ukraina) huma kuntest tajjeb għad-djalogu. Barra minn hekk, id-djalogi bilaterali dwar il-politika għall-S&T se jitnieda mal-pajjiżi li juru interess speċifiku li jissieħbu fl-FP7 imma li jkun għadhom ma kkonkludewx ftehim bilaterali dwar l-oqsma tal-S&T mal-KE.

Il-proġetti tal-INCO-Net tal-FP7 li tnedew dan l-aħħar jappoġġaw il-pjattaformi reġjonali għad-djalogu tal-politika dwar l-S&T u għat-tfassil tal-prijoritajiet fil-livell bireġjonali; huma jinvolvu lill-Istati Membri u lill-pajjiżi msieħba fil-PEV fl-identifikazzjoni ta' prijoritajiet tar-riċerka u azzjonijiet ikkoordinati għall-ġejjieni.

Ir-Russja, bħala pajjiż ġar b'kapaċitajiet sinifikanti fl-oqsma tal-S&T, diġà hija msieħba importanti u għamlitha ċara li tqis lill-UE bħala l-prijorità fit-tul tagħha għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-S&T. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-oqsma tal-S&T tista' tittejjeb permezz ta' ftehim ta' assoċjazzjoni fl-FP, kif ġie rrikonoxxut miż-żewġ naħat waqt il-Kunsill tas-Sħubija Permanenti bejn l-UE u r-Russja dwar ir-Riċerka li sar f'Mejju 2008. Dan jagħti kontribut għall-implimentazzjoni taż-Zona Komuni tal-UE u r-Russja għar-riċerka u l-edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali. Madanakollu, il-perspettiva ta' assoċjazzjoni possibbli fl-FP għandha titqies fil-kuntest usa' tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u fil-kuntest tal-Ftehim il-Ġdid bejn l-UE u r-Russja, li dwaru tnedew in-negozjati fis-"Summit" li sar f'Ġunju 2008 bejn l-UE u r-Russja.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Jiżguraw implimentazzjoni kkoordinata u/jew kumplimentari tal-prijoritajiet fl-oqsma tal-S&T identifikati fid-diversi djalogi dwar il-politika mal-pajjżi msieħba fil-PEV, sabiex titħaffef assoċjazzjoni possibbli fl-FP7.

- Itejbu d-djalogi reġjonali dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-soċjetà tal-informatika.

- Jippromwovu l-prinċipji regolatorji Ewropej billi jiżviluppaw sinerġiji aħjar mar-regolaturi Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha:

- Tistabbilixxi djalogi dwar il-politika ma' dawk il-pajjiżi msieħba fil-PEV li jkunu interessati u li ma għandhom l-ebda ftehim bilaterali mal-KE dwar l-oqsma tal-S&T, bil-ħsieb li jingħaqdu possibbilment mal-FP7.

- Tgħaġġel it-tixrid tal-aqwa prattiki u l-allinjament tal-politiki fil-pajjiżi tal-PEV billi tiftħilhom b'mod gradwali l-Programm ta' Appoġġ Politiku (il-PSP) dwar l-ICTs fil-qafas tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (is-CIP).

- It-trawwim ta' kooperazzjoni strateġika ma' pajjiżi terzi ewlenin permezz ta' mmirar ġeografiku u tematiku

L-Istati Membri u l-KE huma involuti f'ħafna attivitajiet tar-riċerka f'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. In-nuqqas ta' strateġija komuni fuq livell Ewropew wassal għal xogħol doppju f'din il-kooperazzjoni, u b'hekk għal ħela ta' riżorsi u impatt imnaqqas[9].

Fejn hemm interess komuni u benefiċċju reċiproku, fejn jistgħu jiġu identifikati riżorsi u kapaċità umani eċċellenti fl-oqsma tal-S&T, u fejn tkun meħtieġa tweġiba kollettiva għall-impenji internazzjonali, approċċ iktar ikkoordinat ikun ta' benefiċċju għall-Ewropa u għall-pajjiż/pajjiżi terz/terzi msieħeb/imseħbin. Għalhekk, il-KE u l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu flimkien il-prijoritajiet strateġiċi għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-S&T ma' pajjiżi terzi ewlenin u jfittxu li jwettqu dawn il-prijoritajiet b'mod koerenti.

Fil-każ tal- ekonomiji industrijalizzati u dawk emerġenti ewlenin , il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni ikkoordinata fl-oqsma tal-S&T għandhom jiffukaw fuq oqsma ta' interess reċiproku li jeħtieġu sforzi internazzjonali wesgħin sabiex jiġu indirizzati sfidi globali soċjali u fl-oqsma tal-S&T. Minħabba li l-arena internazzjonali tal-oqsma tal-S&T tibqa' qasam ta' kompetizzjoni qawwija bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi, hemm bżonn jinstab bilanċ tajjeb bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' infrastrutturi konġunti, lir-riċerka innovattiva u prekompetittiva, u lir-riċerka li twassal għal standards komuni jew kompatibbli li jħaffu l-aċċess għas-suq. B;mod partikulari fl-ICT, il-kooperazzjoni fir-riċerka se tindirizza l-kwistjoni tal-istandards li jvarjaw, li ħafna drabi huma ta' xkiel għat-tixrid tat-teknoloġiji u jtellfu l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà. Il-kooperazzjoni fir-riċerka għandha tiffoka wkoll fuq oqsma li jkunu ta' benefiċċju għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, filwaqt li tevita li dawn il-benefiċċji jiddgħajfu, per eżempju minħabba n-nuqqas ta' ħarsien tal-proprjetà intellettwali.

Għall- pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw , il-kooperazzjoni fir-riċerka għandha tkun allinjata mal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u mal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju[10]. Ċerti oqsma tar-riċerka prijoritarji, bħall-iżvilupp ta' provvisti sostenibbli tal-ilma, l-ikel u l-enerġija nodfa, il-ġlieda kontra l-mard li jittieħed, l-iffaċċjar tal-impatt tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-qasma diġitali, u t-tnaqqis tat-theddid tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fuq l-art u fil-baħar, għandhom rilevanza partikulari. Minbarra l-proġetti kollaborattivi fl-oqsma tal-S&T, il-kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjżi li qegħdin jiżviluppaw trid tinkludi l-bini tal-kapaċità fl-oqsma tal-S&T (per eż. l-infrastruttura, ir-riżorsi umani, il-politika tar-riċerka, in-netwerks tar-riċerkaturi u tal-istituti tar-riċerka). Dan se jippermetti lir-riċerkaturi f'dawn il-pajjiżi jagħtu kontribut għas-soluzzjoni ta' problemi lokali, reġjonali u globali u għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Kapaċità mtejba għar-riċerka se tinkuraġġixxi lir-riċerkaturi wkoll biex jikkompetu b'mod internazzjonali f'termini tal-eċċellenza xjentifika u se żżid l-inċentivi tagħhom biex ikomplu jibbażaw l-attivitajiet tar-riċerka tagħhom fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Fil-każ tal-Afrika, l-isforz ikkonċertat tal-KE u l-Istati Membri għandu jkun iffukat fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika maqbula fis-"Summit" ta' Liżbona li sar fl-2007[11]. Is-sħubija speċifika bejn l-UE u l-Afrika dwar " Ix-Xjenza, is-Soċjetà tal-Informatika u l-Ispazju " hija msejsa fuq ir-rikonoxximent li x-xjenza, t-teknoloġija u l-innovazzjoni huma essenzjali sabiex jinqered il-faqar, jiġu miġġielda l-mard u n-nuqqas ta' ikel, titwaqqaf il-qerda tal-ambjent u jinbena tkabbir agrikolu u ekonomiku sostenibbli fl-Afrika. L-għelib tal-qasma xjentifika u diġitali huwa essenzjali sabiex jinstabu tweġibiet immexxija mill-Afrika għal dawn l-isfidi.

Tipikament, il-bini tal-kapaċità jaqa' fi ħdan il-politika dwar l-iżvilupp u l-finanzjament tiegħu, li hija r-raġuni għaliex il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-istrumenti tal-oqsma tal-S&T mal-istrumenti u l-programmi l-oħrajn għall-azzjoni u għall-għajnuna esterni għandhom jissaħħu kemm fil-livell Komunitarju[12] kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. F'każ fejn ikun hemm qbil mal-pajjiżi terzi, l-użu mmirat ta' dawn it-tipi ta' strumenti u programmi għall-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-S&T għandu jiġi nkuraġġut. Għandhom jitfittxu wkoll il-kumplimentarjetà ma' korpi ta' finanzjament oħrajn, inkluż l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, u l-inizjattivi globali tar-riċerka (per eż. il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Riċerka Agrikola Internazzjonali). It-trawwim tal-kuxjenza tal-partijiet interessati tal-politika fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw dwar l-importanza tal-oqsma tal-S&T għal kwalità tal-ħajja aħjar huwa prerekwiżit. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tar-rwol tal-investiment mis-settur privat fl-oqsma tal-S&T fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Il-prijoritajiet strateġiċi tar-riċerka se jkollhom jiġu implimentati b'mod koerenti u kkoordinat mill-Istati Membri u mill-KE. Dal-ħin, l-Istati Membri individwali qed jużaw ftehimiet bilaterali u programmi nazzjonali sabiex jikkooperaw ma' pajjiżi terzi. Bl-istess mod, il-KE qed trawwem kooperazzjoni strateġika ma' pajjiżi terzi ewlenin, b'mod partikulari fi ħdan ftehimiet bilaterali tal-KE dwar l-oqsma tal-S&T[13]. Dawn il-ftehimiet issaħħew taħt l-FP7 bi strumenti speċifiċi sabiex igħinuhom jiġu implimentati u sabiex ikun appoġġat approċċ immirat (per eż. l-Azzjonijiet Speċifiċi tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u s-sejħiet ikkoordinati). Il-qsim tat-tagħrif dwar inizjattivi li se jsiru fil-ġejjieni taħt dawn il-ftehimiet iwassal għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-KE u l-Istati Membri.

Approċċ bireġjonali għall-gruppi ta' pajjiżi (per ez. l-ASEAN, l-Unjoni Afrikana) ikollu aktar vantaġġi milli meta wieħed joqgħod dejjem iżid l-għadd ta' ftehimiet bilaterali tal-KE dwar l-oqsma tal-S&T. Iżda dan it-tip ta' djalogu bireġjonali dwar l-oqsma tal-S&T ma jistax ikun effettiv mingħajr struttura reġjonali li tkun tista' tiżgura l-koordinazzjoni mal-grupp ta' pajjiżi u fi ħdanu, u li jista' jkollha rwol sinifikanti fit-tfassil tal-prijoritajiet u fil-finanzjament tar-riċerka fl-oqsma tal-S&T. Fit-tul, dan it-tip ta' djalogu dwar il-politika jista' jwassal għal ftehimiet bireġjonali dwar l-oqsma tal-S&T. Il-proġetti attwali tal-INCO-Net tal-FP7 iħejju l-pedamenti għal dawn it-tipi ta' pjattaformi bireġjonali u għad-djalogu tal-politika dwar l-S&T u jġibu magħhom approċċ ġdid għall-involviment tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi fl-identifikazzjoni ta' prijoritajiet tar-riċerka fl-oqsma tal-S&T għall-ġejjieni.

F'każ fejn ma jkunux iġġustifikati ftehimiet sħaħ bilaterali jew bireġjonali tal-KE dwar l-oqsma tal-S&T, il-KE se tiżgura li komponenti speċifiċi tal-oqsma tal-S&T se jissaħħu taħt kwalunkwe Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jkun konkluż bejn il-KE u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi terzi.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Jidentifikaw, flimkien, u jaqblu dwar il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-S&T ma' pajjiżi terzi msieħba ewlenin f'każijiet fejn il-kooperazzjoni twassal għal valur miżjud ċar għall-Ewropa hija u tindirizza l-isfidi ewlenin dinjin, u jwettqu inizjattivi konġunti. Fejn hu possibbli dan għandu jitwettaq skont l-approċċ imniżżel fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa "Lejn ipprogrammar konġunt fir-riċerka: naħdmu flimkien sabiex niffaċċjaw sfidi komuni b'mod iktar effettiv"[14] u fil-pjan ta' azzjoni tal-i2010[15] f'dak li għandu x'jaqsam mal-politiki dwar l-ICT u dwar il-mezzi tax-xandir;

- Jaqsmu l-esperjenza miksuba u l-inizjattivi maħsuba taħt il-ftehimiet bilaterali dwar l-oqsma tal-S&T u jippromwovu netwerk effiċjenti ta' konsulenti tal-KE u tal-Istati Membri dwar ix-xjenza, l-ICT u l-mezzi tax-xandir fid-Delegazzjonijiet tal-KE u fl-ambaxxati tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi.

- Jiżguraw li l-politiki internazzjonali dwar l-oqsma tal-S&T u dwar l-iżvilupp ikunu konsistenti u li l-mekkaniżmi ta' finanzjament fil-livell tal-KE (kemm il-fondi mill-FP kif ukoll l-istrumenti għall-azzjoni esterna u għall-għajnuna) u fil-livell tal-Istati Membri jikkumplimentaw 'il xulxin.

- Isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana dwar l-oqsma tal-S&T permezz ta l-implimentazzjoni l-Pjan ta' Azzjoni u tas-Sħubija Strateġika Konġunti bejn l-UE u l-Afrika, b'mod partikulari t-tmien Sħubija dwar ix-Xjenza, is-Soċjetà tal-Informatika u l-Ispazju; dan se jkun jeħtieġ kemm ir-riżorsi tal-KE u tal-Istati Membri kif ukoll l-involviment attiv tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, tal-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali u tal-partijiet interessati relevanti mis-settur pubbliku u dak privat.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha:

- Tibqa' tanalizza l-istrumenti differenti tal-FP7 sabiex tiżgura li jitwettaq il-potenzjal kollu tagħhom biex irawmu kooperazzjoni strateġika ma' terzi pajjiżi ewlenin;

- Tintensifika l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-S&T, inkluż fl-ICT, fil-livell tal-gruppi reġjonali tal-pajjiżi (per ez. l-ASEAN, l-Unjoni Afrikana), tiżviluppa d-djalogu dwar il-politika mal-istrutturi reġjonali xierqa u, fejn xieraq, tinnegozja ftehimiet bireġjonali dwar l-oqsma tal-S&T;

- Tinkuraġġixxi lil pajjiżi terzi idaħħlu l-bini tal-kapaċità fl-oqsma tal-S&T, inkluż l-aspett tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali jew Reġjonali tagħhom għall-programmi tal-KE għall-fondi għall-assistenza esterna u għall-kooperazzjoni.

- Tkompli tipprovdi għajnuna teknika dwar il-politiki dwar is-soċjetà tal-informatika lil pajjiżi terzi, filwaqt li tuża l-esperjenza miksuba mill-programmi ta' għajnuna u proġetti mmirati lejn żona ġeografika partikulari, bħalma huma l-proġett "@LIS" għall-Amerika Latina; il-proġett "EUMEDIS" għaż-żona EwroMediterranja, u l-IT&C bejn l-UE u l-Ażja għall-Ażja.

2.2. It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T

- L-iffaċċjar ta' sfidi xjentifiċi permezz ta' infrastrutturi globali tar-riċerka

Qasam essenzjali xjentifiku li għandu dimensjoni globali u li dwaru b'mod partikulari jista' jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali huwa l-iżvilupp u l-użu konġunti ta' infrastrutturi tar-riċerka. Ħafna dixxiplini fl-oqsma tal-S&T jeħtieġu investiment konsiderevoli fl-infrastruttura sabiex isiru avvanzi xjentifiċi kbar.

Hemm eżempji ta' ħidma effettiva flimkien bejn l-Istati Membri, il-KE, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi tar-riċerka u pajjiżi terzi għall-izvilupp ta' infrastrutturi globali tar-riċerka (per eż. GEOSS, GEANT). GEANT li huwa netwerk ta' komunikazzjoni b'kapaċità qawwija u veloċità għolja li jgħaqqad flimkien in-Netwerks Ewropej għar-Riċerka Nazzjonali u għall-Edukazzoni, fil-bidu kien jgħaqqad netwerks tar-riċerka fil-pajjiżi industrijalizzati (l-Amerika ta' Fuq u l-Ġappun). Illum il-ġurnata dan għandu rabtiet maċ-Ċina, l-Indja, l-Amerika Latina, ix-Xlokk tal-Ażja, l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani u l-Balkani. Dan it-twessigħ qeda l-komunitajiet tar-riċerka u tal-edukazzjoni fid-diversi reġjuni tad-dinja u ppermetta li jkun hemm pjattaformi ta' kooperazzjoni f'ħafna oqsma f'dawn ir-reġjuni u mal-Ewropa. Fis-snin li ġejjin, dawn l-inizjattivi se jkomplu jittawlu u jitwessgħu fil-kopertura ġeografika u fl-ambitu tagħhom.

Madanakollu, hemm bżonn ta' approċċ iktar strutturat għall-izvilupp konġunt ta' infrastrutturi globali tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi. Fl-Ewropa, l-ESFRI[16] għamel l-ewwel pass f'din id-direzzjoni billi waqqaf Pjan Ewropew għall-infrastrutturi tar-riċerka l-ġodda li minnhom infushom huma diġà globali jew għandhom il-potenzjal li jsiru globali.

Fil-livell internazzjonali qed ikomplu taħditiet dwar proġetti globali għall-infrastrutturi tar-riċerka li jeħtieġu kooperazzjoni internazzjonali sabiex jitwettqu f'dixxiplini u oqsma tar-riċerka differenti (per eż. il-"LIFEWATCH" dwar il-bijodiversità, is-Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju, u r-Radjuteleskopju Astronomiku Globali b'Firxa ta' Kilometru Kwadru).

Fil-qasam tal-ICT, flimkien mal-Amerika, l-Awstralja u l-Ġappun, il-KE qed tippromwovi aġenda globali għar-riċerka f'infrasstrutturi li ta' min joqgħod fuqhom, inkluż il-qsim tal-għarfien u tal-aqwa prattiki tar-riċerka sabiex tittejjeb is-saħħa tan-netwerks u tal-infrastrutturi globali attwali u fil-ġejjieni.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali f'infrastrutturi tar-riċerka fuq skala kbira sabiex jiffaċilitaw il-qsim tal-ispejjeż fejn dan ikun xieraq;

- Iħarsu lejn modi ġodda kif inaqqsu l-qasma diġitali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inklużi s-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat.

- Jipparteċipaw fil-grupp ta' uffiċjali għolja ad hoc, li huwa magħmul minn rappreżentanti ta' membri tal-G8 kif ukoll ta' pajjiżi indiviwali, u jibnu fuq ix-xogħol ta' fora eżistenti bħall-Forum Globali tax-Xjenza tal-OECD, sabiex ikomplu d-djalogu f'dan il-qasam.

- Jintensifikaw il-kooperazzjoni fl-infrastrutturi tal-aġenda globali tar-riċerka fil-qasam tal-ICT fil-perjodu tal-2009 sa l-2010, inklużi l-isforzi sabiex jikkoordinaw il-politiki tar-riċerka u politiki oħrajn.

- Jinkludu l-kwistjonijiet tas-sigurtà u ta' fiduċja bħala prijorità f'kull djalogu dwar is-soċjetà tal-informatika ma' pajjiżi u reġjuni terzi li qed isir dal-ħin u fil-ġejjieni.

- Il-mobbiltà tar-riċerkaturi u n-netwerking globali

Il-mobbiltà tar-riċerkaturi hija karatteristika essenzjali tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T, u l-kompetizzjoni għall-aqwa mħuħ hija qawwija. F'dan il-kuntest huwa kruċjali li r-riċerkaturi Ewropej li jaħdmu f'pajjiż terz jibqgħu jiffurmaw parti mill-ERA, minħabba li huma riżors ta' valur għoli kemm f'pajjiżhom kif ukoll 'il barra minnu. Bl-istess mod, riċerkaturi li jiġu fl-Ewropa minn ekonomiji emerġenti jew minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom jiġu megħjuna jagħtu kontribut lejn l-iżvilupp ta' pajjiżhom stess. Din it-tip ta' konnettività, permezz tan-netwerking, jew ta' għotjiet "għar-ritorn", se jsarrfu f'realtà ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ. Barra minn hekk, għandha tiġi nkuraġġuta l-possibbiltà li wieħed jistabbilixxi laboratorji tar-riċerka fiżiċi jew virtwali konġunti bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Qed tittieħed azzjoni[17] sabiex jiġi żgurat li r-riċerkaturi li jkunu qed jaħdmu fl-UE jgawdu minn taħriġ eċċellenti, jkollhom karrieri attraenti u ma jsibu l-ebda xkiel għall-mobbiltà tagħhom. Il-Programm tal-FP7 imsejjaħ "In-nies" joffri bosta opportunitajiet għall-mobbiltà tar-riċerkaturi bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja. L-implimentazzjoni sħiħa tal-"Pakkett tal-Viża Xjentifika"[18] mill-Istati Membri kollha se jiffaċilita d-dħul fl-Ewropa ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi. Madanakollu, jista' u għandu jsir ħafna iktar.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Ikomplu jiżviluppaw – f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi – netwerks għar-riċerkaturi Ewropej li qed jaħdmu barra minn pajjiżhom u għar-riċerkaturi mhux Ewropej li qegħdin fl-Ewropa.

L-Istati Membri għandhom:

- Jittrasponu l-"Pakkett tal-Viża Xjentifika" (inkluża r-Rakkomandazzjoni tal-KE dwar il-viżi maħruġin għal terminu taż-żmien qasir għar-riċerkaturi) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jiżguraw proċeduri amministrattivi li jimxu tajjeb għall-approvazzjoni tal-viżi.

- Iżidu l-mekkaniżmi speċifiċi għall-finanjament u/jew l-għotjiet għall-integrazzjoni mill-ġdid għar-riċerkaturi Ewropej li jkunu qed jerġgħu jiġu lura lejn l-Ewropa u għar-riċerkaturi mill-pajjiżi terzi li jkunu qed jerġgħu jmorru lura f'pajjiżhom.

Il-Kummissjoni għandha:

Tisfrutta bl-aħjar mod l-istrumenti eżistenti tal-KE għall-mobbiltà internazzjonali, inkluż il-Programm tal-FP7 imsejjaħ "In-nies".

- Programmi tar-riċerka iktar miftuħin

Il-ftehimiet bilaterali tal-KE dwar l-oqsma tal-S&T huma msejsa fuq il-prinċipji ta' sħubija ġusta, is-sjieda komuni, il-vantaġġ reċiproku, l-għanijiet maqsumin u r-reċiprocità. Filwaqt li dawn il-prinċipji ma ġewx implimentati dejjem bis-sħiħ, għandu jitfittex l-aċċess reċiproku għall-programmi u għall-fondi għar-riċerka sabiex jitjieb il-benefiċċju reċiproku tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T.

L-FP7 huwa miftuħ għal imsieħba minn pajjiżi terzi. Is-soltu l-finanzjament ikun limitat għall-parteċipanti li ġejjin minn pajjiżi msieħba fil-kooperazzjoni internazzjonali[19]. Madanakollu, minħabba li l-kompetizzjoni miftuħa tippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka, il-finanzjament għall-proġetti kollaborattivi jista' jitwessa' sabiex ikun jinkludi organizzazzjonijiet tar-riċerka u riċerkaturi li jinsabu f'terzi pajjiżi industrijalizzati f'każ li finanzjament reċiproku jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' riċerkaturi Ewropej.

L-Istati Membri qed jiżviluppaw skemi għall-finanzjament sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali; xi wħud qed jibdew jiftħu dawn l-iskemi sabiex jippermettu wkoll il-finanzjament ta' xogħol tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) imwettaq 'il barra mill-pajjiż. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex iniedu inizjattivi kooperattivi tar-riċerka ma' pajjiżi terzi fuq oqsma tar-riċerka ddefiniti sew u sabiex jiftħu bil-mod il-mod l-iskemi rispettivi tagħom (inkluż il-finanzjament) f'oqsma speċifiċi għal pajjiżi li jkunu lesti jipprovdu aċċess reċiproku.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Jintensifikaw l-użu tal-istrumenti ta' koordinazzjoni tal-FP7 (per eż. l-iskemi tal-ERA-NET) sabiex jipprovdu inċentivi biex jgħaqqdu r-riżorsi tal-KE u dawk nazzjonali għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

L-Istati Membri għandhom:

- Jaħdmu sabiex jiftħu, pass pass, il-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom f'oqsma tar-riċerka ddefiniti sew ma' pajjiżi terzi ewlenin fuq bażi reċiproka; Ifasslu u jimplimentaw inizjattivi u programmi konġunti ma' terzi pajjiżi f'każ fejn il-kundizzjonijiet reċiproċi fil-programmi tal-pajjiżi msieħba jeżistu jew jistgħu jiġu żviluppati.

Il-Kummissjoni għandha:

- Tibdel – fi ħdan il-kuntest tal-ftehimiet bilaterali tal-KE dwar l-oqsma tal-S&T – il-prinċipju tar-reċiproċità f'aċċess reċiproku għall-programmi pubbliċi tar-riċerka u għall-opportunitajiet ta' kooperazzjoni f'pajjiżi terzi. Minħabba f'hekk, għandha tintroduċi, b'mod progressiv, il-finanzjament għax-xjentisti minn pajjiżi terzi industrijalizzati f'sejħiet taħt l-FP7, suġġett għal kundizzjonijiet reċiproċi fil-programmi tar-riċerka tal-pajjiżi msieħba.

- Kwistjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali

Il-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali (PI) hija rekwiżit importanti sabiex ikun hemm kooperazzjoni internazzjonali fit-tul u ta' suċċess fl-oqsma tal-S&T, li jippromwovi l-fiduċja u l-qsim u l-isfruttament tal-għarfien f'attivitajiet kooperattivi tar-riċerka.

Għandha tissejjes fuq prinċipji u prattiki maqsumin li jiżguraw ir-reċiproċità, it-trattament ġust u l-benefiċċji reċiproki. L-UE u l-pajjiżi terzi għandhom japplikaw regoli xierqa u għandhom jittrattaw bl-istess mod l-entitajiet ġuridiċi ta' xulxin. Il-prinċipji u l-prattiki tal-PI se jkomplu jiġu nkuraġġuti permezz ta' ftehimiet bilaterali ta' kooperazzjoni fl-oqsma tal-S&T u se jiġi ffaċilitat l-aċċess adegwat tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (il-PAŻ) għar-riżultati tar-riċerka.

- L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

- Jippromwovu globalment, inkluż permezz ta' ftehimiet bilaterali tal-KE kif ukoll ta' ftehimiet internazzjonali tal-Istati Membri ta' kooperazzjoni dwar l-oqsma tal-S&T, il-prinċipji mniżżlin fir-Rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni tal-PI u l-Kodiċi tal-Prattika assoċjat magħha[20]. Huma għandhom ikomplu jiżviluppawhom sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ġusti u ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet kollha, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-PAŻ.

- Qabel l-istandardizzazzjoni

Fil-kooperazzjoni fir-riċerka dwar l-ICTs se tingħata attenzjoni partikulari lill-kwistjoni tal-istandards li jvarjaw, għaliex ħafna drabi dawn ixekklu t-tixrid tat-teknoloġiji u jtellfu l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà.

Il-Kummissjoni għandha:

- Tippromwovi t-tisħiħ tar-rabta bejn ir-riżultati tal-programmi tar-riċerka u l-istandardizzazzjoni, tisħaq iktar fuq il-kollaborazzjoni fir-riċerka industrijali internazzjonali prekompetittiva u tagħti iktar każ tal-kooperazzjoni ta' qabel l-istandardizzazzjoni msejsa fuq standards miftuħin.

3. L-IMPLIMENTAZZJONI TA' SħUBIJA SOSTENIBBLI

Kif imniżżel f'din il-Komunikazzjoni, il-KE u l-Istati Membri se jkollhom bżonn isaħħu l-kooperazzjoni strateġika tagħhom fl-oqsma tal-S&T ma' msieħba ewlenin madwar id-dinja kollha. Dan jista' jinkiseb bl-aħjar mod billi tinbena sħubija qawwija bejn l-Istati Membri u l-KE. Dal-ħin ma hemm l-ebda kuntest istituzzjonali ddedikat sabiex imexxi 'l quddiem u jiggwida 'l din it-tip ta' sħubija.

Għaldaqstant huwa essenzjali li:

- l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni jimpenjaw irwieħhom favur il-qafas strateġiku Ewropew propost għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T, inkluż favur is-sħubija għall-azzjoni, spjegata f'din il-Komunikazzjoni;

- il-Kunsill jidentifika l-kuntesti istituzzjonali xierqa sabiex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T, filwaqt li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-politiki dwar is-soċjetà tlal-informatika;

- il-Kunsill jissorvelja u jimmonitorja l-progress tal-ftuħ ulterjuri tal-ERA għad-dinja u, jekk ikun meħtieġ, iqis passi ulterjuri biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet proposti;

- il-Parlament Ewropew jagħti l-appoġġ tiegħu għal qafas koerenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-S&T u jkompli jsegwi t-taħditiet dwar kwistjonijiet dinjin, b'mod partikulari f'fora bħall-Forum dwar il-governanza tal-internet, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

[1] L-UE hija responsabbli għal iktar minn 15% tal-kummerċ dinji fil-prodotti u s-servizzi tal-ICT. Il-prodotti tal-ICT għandhom sehem sostanzjali wkoll mill-kummerċ kollu li jsir bejn l-UE u l-imsieħba ekonomiċi tagħha. Huma jirrappreżentaw 10.2% tal-esportazzjonijiet kollha tal-prodotti 'l barra mill-UE u 14.4% tal-importazzjonijiet kollha.

[2] Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda (COM(2007)161 tal-4.4.2007.

[3] Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27.4.2006 imsejħa "Lejn Sħubija Dinjija fis-Soċjetà tal-Informatika", il-Kummissjoni stiednet lill-industrija tiżviluppa kodiċijiet tal-kondotta dwar l-abbuż tal-ICTs sabiex tiġi ristretta l-libertà tal-espressjoni. S'issa din is-sejħa għall-azzjoni ma ġietx segwita.

[4] SEC(2008)430 tat-2.4.2008.

[5] Bejn it-18 ta' Ġunju u l-1 ta' Ottubru 2007 tnediet konsultazzjoni pubblika dwar strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-ICT.

[6] Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Soċjetà tal-Informatika (nru 2004/2204), il-Parlament "jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu lill-WSIS bħala dak li jagħti spinta lill-kooperazzjoni f'oqsma tradizjonali li huma qrib xulxin ġeografikament jew storikament (...) u għal kooperazzjoni ġdida ma' pajjiżi emerġenti iktar imbiegħda". Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Forum dwar il-governanza tal-internet (nru B6-/2008), il-Parlament "jitlob lill-Istituzzjonijiet ikkonċernati tal-UE sabiex iqisu l-Aġenda ta' Tuneż fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom."

[7] L-EIROforum jinkludi: l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari, il-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni, il-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekulari, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Osservatorju Ewropew tan-Nofsinhar, il-Faċilità Ewropea tar-Radjazzjoni Sinkrotrona, u l-Istitut Laue-Langevin.

[8] COM (2006) 724 finali tal-4.12.2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10657/07 tat-18.6.2007.

[9] Ir-Rapport tal-CREST nru 1207/07 tat-13.12.2007.

[10] SEC (2008) 434, il-Kunsill tal-UE nru 9907/08 tas-27.5.2008.

[11] ec.europa.eu/development/eu-africa- summit -2007

[12] Dawn huma: L-Istrument għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni (l-IPA), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-EDF), l-Istrument ta' finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (id-DCI), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (l-ENPI).

[13] www.ec.europa.eu/research/inco

[14] COM(2008) 468 finali tal-15.7.2008.

[15] COM(2005) 229 finali tal-1.6.2005.

[16] Il-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka, http://cordis.europa.eu/esfri/home.html

[17] COM(2008) 317 finali tat-23.5.2008.

[18] Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE (ĠU L 289/15, 3.11.2005), ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 (2005/761/KE) (ĠU L 289/23, 3.11.2005).

[19] Ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tat-18.12.2006.

[20] C(2008)1329 tal-10.4.2008.

Top