EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42010X0717(03)

Ir-Regolament Nru 93 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Dispożizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni ta’: I. Tagħmir ta' protezzjoni kontra t-trikkib minn quddiem (TPTQ) – II. Il-vetturi fir-rigward tal-installazzjoni ta' TPTQ ta' tip approvat – III. Il-vetturi fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (PTQ) tagħhom

OJ L 185, 17.7.2010, p. 56–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 063 P. 188 - 205

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/93(2)/oj

17.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/56


It-testi oriġinali UN/ECE biss għandhom effett legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istat UN/ECE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq:

http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html

Ir-Regolament Nru 93 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Dispożizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni ta’:

I.

Tagħmir ta' protezzjoni kontra t-trikkib minn quddiem (TPTQ)

II.

Il-vetturi fir-rigward tal-installazzjoni ta' TPTQ ta' tip approvat

III.

Il-vetturi fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (PTQ) tagħhom

Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Frar 1994

WERREJ

REGOLAMENT

1.

Kamp ta' applikazzjoni

2.

Għan

3.

Definizzjonijiet

4.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

Parti I –   Approvazzjoni tat-tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (TPTQ)

5.

Approvazzjoni għal TPTQ

6.

Rekwiżiti għal TPTQ

Parti II –   Approvazzjoni ta' vettura fir-rigward tal-installazzjoni ta' TPTQ ta' tip approvat

7.

Approvazzjoni ta’ installazzjoni ta’ TPTQ approvat

8.

Rekwiżiti għall-installazzjoni ta’ TPTQ approvat

Parti III –   Aprovazzjoni ta' vettura fir-rigward tal-protezzjoni tagħha kontra t-trikkib fuq quddiem (PTQ)

9.

Approvazzjoni ta’ vettura bil-PTQ

10.

Rekwiżiti għal vettura bil-PTQ

ANNESSI

Anness 1 –

Komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar ta' approvazzjoni jew produzzjoni li twaqqfet għal kollox ta' tip ta' tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (TPTQ) skont ir-Regolament Nru 93 (Parti I)

Anness 2 –

Komunikazzjoni li tikkonċerna l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ approvazzjoni jew il-produzzjoni mwaqqfa għal kollox ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (TPTQ) ta’ tip approvat skont ir-Regolament Nru 93 (Parti II)

Anness 3 –

Komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar ta' approvazzjoni jew produzzjoni li twaqqfet għal kollox ta' vettura fir-rigward tal-protezzjoni tagħha kontra t-trikkib fuq quddiem (PTQ) skont ir-Regolament Nru 93 (Parti III)

Anness 4 –

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

Anness 5 –

Kundizzjonijiet u Proċeduri tat-Test

Anness 6 –

Konformità tal-produzzjoni u proċeduri amministrattivi oħra

1.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

1.1.

Dan ir-Regolament japplika għal:

1.1.1.

PARTI I: it-TPTQ maħsuba biex jintramaw fuq vetturi ta' kategoriji N2 u N3. (1);

1.1.2.

IL-PARTI II: l-installazzjoni fuq vetturi tal-kategoriji N2 u N3  (1) tat-TPTQ li għandhom l-approvazzjoni tat-tip mal-Parti I ta’ dan ir-Regolament;

1.1.3.

PARTI III: vetturi tal-kategoriji N2 u N3 fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem tagħhom (PTQ), mgħammra b’TPTQ li ma ġiex approvat separatament skont il-Parti I ta’ dan ir-Regolament jew imfassla u/jew mgħammra b’tali mod li l-partijiet tal-komponenti tagħhom jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-funzjoni tat-TPTQ.

1.2.

Vetturi tal-kategoriji N2 b'massa massima li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati għandhom jikkonformaw biss mar-rekwiżit ta’ għoli mill-art b’400 mm stabbilit f'dan ir-Regolament.

1.3.

Ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għal:

1.3.1.

vetturi tat-tip off-road tal-kategoriji N2G u N3G (1)

1.3.2.

vetturi li l-użu tagħhom huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem.

2.   GĦAN

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joffri protezzjoni effettiva għall-vetturi tal-kategoriji M1 jew N1  (1) kontra t-trikkib tal-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ ħabta fuq quddiem.

3.   DEFINIZZJONIJIET

3.1.

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

3.1.1.

“Massa massima” tal-vettura tfisser il-massa ddikjarata mill-manifattur tal-vettura li tkun il-massimu teknikament permissibbli (din il-massa tista' tkun ogħla mill-“massa massima permissibbli” stipulata mill-amministrazzjoni nazzjonali);

3.1.2.

“Piż massimu” tal-vettura tfisser il-forza vertikali meħtieġa (f’newtoni) biex tappoġġja l-istess vettura mgħobbija sal-massa massima tagħha;

3.1.3.

“Vettura mingħajr tagħbija” tfisser il-vettura waqt li qed taħdem, mhux okkupata u mhux mgħobbija iżda mimlija bil-fjuwil, bil-lubrikanti, bl-għodda u b'rota awżiljari (jekk mogħtija bħala tagħmir standard mill-manifattur tal-vettura);

3.1.4.

“Approvazzjoni ta' TPTQ” tfisser l-approvazzjoni ta' tip bħal dan ta' TPTQ fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 7 hawn taħt;

3.1.5.

“Tip ta' TPTW” tfisser TPTQ li ma għandux differenzi fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali bħalma huma l-għamla, id-dimensjonijiet, il-mod kif jintrabat, il-materjali, u l-marki msemmija fil-paragrafu 4.2 hawn taħt;

3.1.6.

“Protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (PTQ)” tfisser il-preżenza fuq in-naħa ta' quddiem tal-vettura ta':

3.1.6.1.

Jew tagħmir speċjali (TPTQ); inkella

3.1.6.2.

Karrozzerija, parts taċ-chassis jew komponenti oħra, b'tali mod li, minħabba l-għamla u l-karatteristiċi tagħhom, dawn l-elementi jistgħu jitqiesu li jilħqu l-funzjoni ta' TPTQ;

3.1.7.

“Approvazzjoni ta' vettura” tfisser l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura:

 

għall-Parti II ta' dan ir-Regolament - fir-rigward tal-installazzjoni ta' TPTQ ta' tip approvat skont il-Parti I ta' dan ir-Regolament, jew

 

għall-Parti III ta’ dan ir-Regolament – fir-rigward tal-PTQ tagħha;

3.1.8.

“Tip ta’ vettura” tfisser vetturi li mhumiex essenzjalment differenti f’aspetti bħal:

 

Il-wisa’ tal-fus ta’ quddiem imkejjel fil-parti ta’ barra nett tat-tajers inkluż il-biċċa li toħroġ ‘il barra tat-tajers viċin l-art.

 

L-istruttura, id-dimensjonijiet, il-forma u l-materjali tal-parti ta' quddiem tal-vettura sa fejn għandhom rilevanza skont ir-rekwiżiti tal-Parti rilevanti ta' dan ir-Regolament.

 

Il-TPTQ approvati imwaħħlin mal-vettura, meta l-applikazzjoni tkun tissodisfa l-Parti II ta' dan ir-Regolament.

 

Il-massa massima tat-tip ta’ vettura.

4.   APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI

4.1.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ Parti minn dan ir-Regolament għandha tiġi sottomessa mill-manifattur tat-tip (vettura/TPTQ) jew mir-rappreżentant akkreditat tiegħu.

4.2.

Għal kull tip l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn:

4.2.1.

Dokumentazzjoni fi tliet kopji li tagħti deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tat-tip (vettura/TPTQ): id-dimensjonijiet tagħha, il-linji u l-materjali kostitwenti, safejn meħtieġ għall-iskop ta' dan ir-Regolament.

4.2.2.

Fil-każ ta’ kampjun tat-TPTQ tat-tip: il-kampjun għandu jkun immarkat b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq il-komponenti ewlenin kollha tiegħu, rilevanti għat-trikkib fuq quddiem, bl-isem jew il-marka tan-negozju tal-applikant u d-deskrizzjoni tat-tip;

4.2.3.

Rappreżentant tat-tip ta' tagħmir jew vettura biex tkun approvata għandha tiġi sottomessa għal kull test lis-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet ta' approvazzjoni;

4.2.4.

Għall-applikazzjonijiet skont il-Partijiet II jew III ta' dan ir-Regolament, vettura li ma tinkludix il-komponenti kollha xierqa għat-tip tista' tiġi aċċettata għat-test sakemm dawn ma jaffettwawx ħażin il-protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem.

4.2.5.

Identifikazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-punti P1, P2 u P3 kif definit fl-Anness 5. Għall-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-Parti I ta' dan ir-Regolament, dawn għandhom iqisu r-rekwiżiti li hemm fil-Parti II.

4.3.

Biex jissodisfaw il-Parti II ta' dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn:

4.3.1.

Lista ta' TPTQ maħsuba biex jintramaw fuq it-tip ta’ vettura;

4.3.2.

Fuq talba tal-awtorità kompetenti, għandha tiġi fornuta wkoll il-formola ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip ta' kull TPTQ f’konformità mal-anness 1 ta' dan ir-Regolament.

4.4.

Biex jissodisfaw il-Partijiet II u III ta' dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni dwar it-tip ta' vettura kif definit fil-paragrafu 3.1.8.

4.5.

L-awtorità kompetenti għandha żżomm il-proċeduri amministrattivi li ġejjin skont l-Anness 6 biex tkopri dan li ġej:

4.5.1.

Verifika tal-eżistenza ta' arranġamenti sodisfaċenti biex jiġu żgurati kontrolli effettivi tal-konformità tal-produzzjoni qabel tinħareġ l-approvazzjoni tat-tip,

4.5.2.

Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni,

4.5.3.

Modifika jew estensjoni ta’ approvazzjoni ta’ tip,

4.5.4.

Produzzjoni li tiġi mwaqqfa għal kollox.

PARTI I

APPROVAZZJONI TAT-TAGĦMIR TA' PROTEZZJONI KONTRA T-TRIKKIB FUQ QUDDIEM (TPTQs)

5.   APPROVAZZJONI TA’ TPTQ

5.1.

Jekk it-TPTQ mressaq għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 6 ta’ hawn taħt, l-approvazzjoni ta’ dak it-tip ta’ TPTQ għandha tingħata skont l-arranġamenti li hemm fl-anness 4.

5.2.

L-avviż tal-approvazzjoni, jew l-estensjoni jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni ta' tip ta’ TPTW skont dan ir-Regolament għandu jintbagħat lill-Partijiet tal-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament.

6.   REKWIŻITI GĦAT-TPTQ

6.1.

It-TPTQ irid joffri reżistenza adegwata għall-forzi applikati b'mod parallel għall-assi lonġitudinali tal-vettura u jrid jissodisfa wkoll certi rekwiżiti dimensjonali. Dawn għandhom jintwerew skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet tat-test speċifikati fl-Anness 5 ta' dan ir-Regolament.

6.2.

L-għoli tat-taqsima tas-sezzjoni trasversali tat-TPTQ m'għandux ikun inqas minn 100 mm għall-vetturi tal-kategorija N2 u ta’ 120 mm għall-vetturi tal-kategorijaN3. L-estremitajiet laterali tas-sezzjoni trasversali m’għandhomx jitgħawġu għan-naħa ta’ quddiem jew ikollhom tarf jaqta’ fuq barra; din il-kundizzjoni tkun ssodisfatta meta l-estremitajiet laterali tas-sezzjoni trasversali jkunu ttundjati fuq barra u jkolhom raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux anqas minn 2,5 mm.

6.3.

Il-mezz jista' jkun hekk maħsub li l-pożizzjoni tiegħu fuq quddiem tal-vettura tista' tiġi varjata. F’dan il-każ, għandu jkun hemm metodu garantit biex jiġi assigurat fil-pożizzjoni tas-servizz sabiex b’hekk tiġi prekluża kwalunkwe bidla mhux intenzjonata ta’ pożizzjoni. Għandu jkun possibbli għall-operatur li jvarja l-pożizzjoni tal-mezz billi japplika forza li ma teċċedix l-40 daN;

6.4.

L-uċuħ l-aktar imbiegħda ta’ kull installazzjoni gwardja ta' quddiem għandhom ikunu essenzjalment lixxi jew korrugati orizzontalment ħlief għall-irjus tondi (“domed heads”) tal-boltijiet jew rivits li jistgħu jisporġu lil hinn mill-wiċċ sa għoli ta' mhux aktar minn 10 mm.

PARTI II

APPROVAZZJONI TA' VETTURA FIR-RIGWARD TA' INSTALLAZZJONI TA' TPTQ TA' TIP APPROVAT

7.   APPROVAZZJONI TA' INSTALLAZZJONI TA’ TPTQ APPROVAT

7.1.

Jekk il-vettura sottomessa għall-approvazzjoni skont din il-Parti ta' dan ir-Regolament tkun provduta b’TPTQ u tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 8 ta’ hawn taħt, l-approvazzjoni ta’ dak it-tip ta’ vettura għandha tingħata skont l-arraġamenti li hemm fl-anness 4.

7.2.

L-avviż tal-approvazzjoni, jew l-estensjoni jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni ta' tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament għandu jintbagħat lill-Partijiet tal-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 2 ta' dan ir-Regolament.

8.   IR-REKWIŻITI GĦALL-INSTALLAZZJONI TA’ TPTQ APPROVAT

8.1.

Il-massa massima tat-tip tal-vettura li għalih intalbet approvazzjoni ma għandhiex taqbeż il-valur indikat tal-formola tal-komunikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip ta' kull TPTQ approvat maħsub biex jintrama fuq dik il-vettura.

8.2.

Il-vettura bit-TPTQ installat għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti dimensjonali speċifikati fl-Anness 5 b'kont meħud tal-kundizzjonijiet tat-test u l-informazzjoni indikati fid-dokument ta' komunikazzjoni li jinsab fl-anness 1 maħruġ fir-rigward tat-TPTQ.

8.3.

It-TPTQ għandu jkun imwaħħal b’mod li d-distanza orizzontali mkejla fid-direzzjoni ta’ wara mill-parti l-iktar ‘il quddiem tal-vettura għall-faċċata tat-TPTQ ma tkunx taqbeż l-400 mm imnaqqsa mid-deformazzjoni reġistrata (l-Anness 1, punt 9) imkejla fi kwalunkwe wieħed mill-punti fejn il-forzi tat-test ġew applikati matul l-approvazzjoni tat-tip tat-TPTQ u dan f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Parti I ta' dan ir-Regolament u reġistrata fil-formula ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (ara l-figuri 1 u 2).

8.4.

Fil-kejl ta' dawn id-distanzi, kull parti tal-vettura li tkun iktar minn 2 m 'il fuq mill-art għandha tiġi eskluża.

8.5.

Distanza massima mill-art fir-rigward tal-qiegħ tat-TPTQ m'għandux ikun aktar minn 400 mm, kif speċifikat fil-paragrafu 3 tal-anness 5, bejn iż-żewġ punti P1 fil-kundizzjoni installata. In-naħa ta’ barra ta' kull punt P1 dan l-għoli jista' jkun akbar minn 400 mm b’mod li l-qiegħ ma jkunx fuq pjan li jgħaddi mill-qiegħ tat-TPTQ direttament taħt il-punt P1 u jifforma inklinazzjoni ta' 15° ‘il fuq mill-orizzontali (ara l-figura 3).

8.6.

L-għoli 'l fuq mill-art tal-punti tal-applikazzjoni tat-test għall-forzi applikati lit-TPTQ skont il-Parti I ta' dan ir-Regolament u rreġistrata fil-formola ta' komunikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (l-Anness 1, punt 8) m'għandux jeċċedi l-445 mm kif speċifikat fil-paragrafu 3 tal-anness 5.

8.7.

Id-distanza massima mill-art fir-rigward tal-qiegħ tat-TPTQ bejn iż-żewġ punti P1 m'għandhiex tkun aktar minn 450 mm b'kont meħud tal-moviment tagħhom matul l-applikazzjoni tat-tagħbija tat-test, skont il-Parti I.

8.8.

Il-wisa' tat-TPTQ m’għandha fl-ebda punt teċċedi l-wisa' tal-parafangi li jkopru r-roti tal-fus u lanqas m'għandha tkun aktar minn 100 mm iqsar fuq kull naħa mill-fus prinċipali mkejjel mill-punti l-aktar imbiegħda tat-tajers, eskluża l-projjezzjoni tat-tajers qrib l-art (ara l-figura 1), jew 200 mm iqsar fuq kull naħa, imkejla mill-punti l-aktar imbiegħda tat-turġien li jagħtu aċċess għall-kabina tas-sewwieq.

PARTI III

L-APPROVAZZJONI TA’ VETTURA FIR-RIGWARD TAL-PROTEZZJONI TAGĦHA KONTRA T-TRIKKIB FUQ QUDDIEM (PTQ)

9.   APPROVAZZJONI TA’ VETTURA BIL-PTQ

9.1.

Jekk il-vettura mressqa għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament hija mgħammra b’PTQ li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 10 ta’ hawn taħt, l-approvazzjoni ta’ dik it-tip ta’ vettura għandha tingħata skont l-arranġamenti li hemm fl-anness 4.

9.2.

L-avviż tal-approvazzjoni, jew l-estensjoni jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni ta' tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament għandu jintbagħat lill-Partijiet tal-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 3 ta' dan ir-Regolament.

10.   REKWIŻITI GĦAL VETTURA BIL-PTQ

10.1.

Kwalunkwe vettura f'waħda mill-kategoriji N2 jew N3 titqies li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 jekk din hija mgħammra b'sistema ta’ TPTQ li ma ġietx separatament approvata għall-Parti I ta' dan ir-Regolament jew hija hekk maħsuba u/jew mgħammra fuq quddiem li, bis-saħħa tal-forma u karatteristiċi tagħhom, il-partijiet komponenti tagħha jistgħu jitqiesu bħala li jissostitwixxu t-tagħmir protettiv kontra t-trikkib fuq quddiem. Komponenti li l-funzjoni kombinata tagħhom tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin huma meqjusa li jiffurmaw tagħmir protettiv kontra t-trikkib fuq quddiem.

10.2.

Il-PTQ għandha toffri reżistenza adegwata għall-forzi applikati b'mod parallel għall-assi lonġitudinali tal-vettura. Il-PTQ għandha wkoll tissodisfa ċerti rekwiżiti dimensjonali. Dawn għandhom jiġu murija skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet tat-test speċifikati fl-Anness 5 ta' dan ir-Regolament.

10.3.

Għal applikazzjoni skont il-Parti III, l-għoli tat-taqsima tas-sezzjoni trasversali tat-TPTQ (mhux approvata separatament għall-Parti I) m'għandux ikun inqas minn 100 mm għall-vetturi tal-kategorija N2 u ta’ 120 mm għall-vetturi tal-kategorija N3.

10.4.

Il-mezz jista' jkun hekk maħsub li l-pożizzjoni tiegħu fuq quddiem tal-vettura tista' tiġi varjata. F’dan il-każ, għandu jkun hemm metodu garantit biex jiġi assigurat fil-pożizzjoni tas-servizz sabiex b’hekk tiġi prekluża kwalunkwe bidla mhux intenzjonata ta’ pożizzjoni. Għandu jkun possibbli għall-operatur li jvarja l-pożizzjoni tal-mezz billi japplika forza li ma teċċedix l-40 daN;

10.5.

Il-PTQ għandha tkun b’saħħitha biżżejjed b’mod li d-distanza orizzontali mkejla fid-direzzjoni lura bejn il-parti ta' quddiem tal-vettura wara l-applikazzjoni tal-forzi tat-test (speċifikati f'dan l-anness) u l-wiċċ ta’ kuntatt tal-istrument tat-test jagħti d-daqqa fuq il-vettura ma teċċedix l-400 mm.

10.6.

Fil-kejl ta' dawn id-distanzi, kull parti tal-vettura li tkun iktar minn 2 m 'il fuq mill-art għandha tiġi eskluża.

10.7.

Distanza massima mill-art fir-rigward tal-qiegħ tal-PTQ m'għandux ikun aktar minn 400 mm, kif speċifikat fil-paragrafu 2 tal-anness 5, bejn iż-żewġ punti P1. In-naħa ta’ barra ta' kull punt P1 dan l-għoli tista' tkun akbar minn 400 mm b’mod li l-qiegħ ma jkunx fuq pjan li jgħaddi mill-qiegħ tal-PTQ direttament għal taħt il-punt P1 u jifforma inklinazzjoni ta' 15° ‘il fuq mill-orizzontal (ara l-figura 3).

10.8.

Id-distanza massima mill-art fir-rigward tal-qiegħ tal-PTQ bejn iż-żewġ punti P1 m'għandhiex tkun aktar minn 450 mm b'kont meħud tal-moviment tagħhom matul l-applikazzjoni tat-tagħbija tat-test.

10.9.

Il-wisa' tal-PTQ m’għandha fl-ebda punt teċċedi l-wisa' tal-parafangi li jkopru r-roti tal-fus u lanqas m'għandha tkun aktar minn 100 mm iqsar fuq kull naħa mill-fus prinċipali mkejjel mill-punti l-aktar imbiegħda tat-tajers, eskluża l-projjezzjoni tat-tajers qrib l-art (ara l-figura 1), jew 200 mm iqsar fuq kull naħa, imkejla mill-punti l-aktar imbiegħda tat-turġien li jagħtu aċċess għall-kabina tas-sewwieq.

Figura 1

Image

Figura 2

Image

Figura 3

Image


(1)  Ara: Reżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Bini tal-Vetturi (R.E.3), anness 7 (TRANS/SC1/WP29/78/Amend.3).


ANNESS 1

KOMUNIKAZZJONI

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 2

KOMUNIKAZZJONI

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 3

KOMUNIKAZZJONI

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 4

ARRANĠAMENTI TAL-MARKI TAL-APPROVAZZJONI

1.   NUMRU TA' APROVAZZJONI

1.1.

Għandu jingħata numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ ċifri tiegħu (bħalissa 00) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li tinkorpora l-aktar emendi tekniċi ewlenin li saru l-aktar riċenti fir-Regolament fiż-żmien meta nħarġet l-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma għandhiex tagħti l-istess numru lil tip ieħor.

1.2.

L-avviż tal-approvazzjoni, jew l-estensjoni jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni ta' tip ta’ TPTW skont dan ir-Regolament għandu jintbagħat lill-Partijiet tal-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudelli fl-Annessi 1, 2 jew 3 ta' dan ir-Regolament.

1.3.

Għandu jkun hemm imwaħħla, f'post fejn tidher u fil-każ ta' unità teknika f'pożizzjoni fejn fil-kundizzjoni installata tkun faċilment aċċessibbli u speċifikata fuq il-formola ta' approvazzjoni, għal kull wieħed minn serje li tikkonforma mat-tip approvat skont dan ir-Regolament, marka ta' approvazzjoni internazzjonali li tikkonsisti f'dan li ġej:

1.3.1.

Ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru li jiddistingwi l-pajjiż li ta l-approvazzjoni (1);

1.3.2.

In-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit bl-ittra “R”, sing u n-numru tal-approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku kif imsemmi fil-paragrafu 1.3.1.

1.3.3.

Simbolu addizzjonali separat min-numru ta' dan ir-Regolament permezz ta' linja vertikali u li jikkonsisti minn numeral(i) Ruman(i) għall-Parti (I, II jew III) tar-Regolament skont liema mezz jew vettura tkun ġiet approvata.

1.4.

Jekk il-vettura tkun konformi ma’ tip ta’ vettura approvat, skont Regolament wieħed jew aktar annessi mal-Ftehim, fil-pajjiż li ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu preskritt fil-paragrafu 1.3.1 ta' dan l-anness m’għandux għalfejn jiġi ripetut; f’każ bħal dan, ir-Regolament u n-numri tal-approvazzjoni u s-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha, li abbażi tagħhom tkun ingħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, għandhom jitqiegħdu f’kolonni vertikali fuq il-lemin tas-simbolu preskritt fil-paragrafu 1.3.1 ta' dan l-anness.

1.5.

Il-marka tal-approvazzjoni trid tkun tista' tinqara b'mod ċar u ma tkunx tista’ titħassar.

2.   ARRANĠAMENTI TAL-MARKI TAL-APPROVAZZJONI

2.1.   Mudell A

Image

2.1.1.

Il-marka ta' approvazzjoni ta' hawn fuq imwaħħla ma' vettura turi li t-tip ta' vettura kkonċernata, fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem fil-każ ta' ħabta, ġiet approvata fir-Renju Unit (E11) skont ir-Regolament Nru 93, Parti II (l-installazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni kontra t-trikkib fuq quddiem (TPTQ) ta' tip approvat) taħt numru ta' approvazzjoni 002439. L-ewwel żewġ ċifri tan-numru ta’ approvazzjoni jindikaw li l-approvazzjoni ngħatat skont ir-rekwiżi ta’ Regolament Nru 93, Parti II fil-forma originali tiegħu.

2.2.   Mudell B

Image

2.2.1.

Il-marka ta' approvazzjoni ta' hawn fuq imwaħħla ma' vettura turi li t-tip ta' vettura konċernata ġiet approvata fir-Renju Unit (E 11) skont ir-Regolament Nru 93, Parti II u r-Regolament Nru 31. (2) In-numri ta' approvazzjoni jindikaw li, fid-dati meta l-approvazzjonijiet rispettivi ġew mogħtija, ir-Regolament Nru 93 kien fil-forma oriġinali tiegħu u r-Regolament Nru 31 kien jinkludi s-serje 02 ta' emendi.


(1)  1 għall-Ġermanja, 2 għal Franza, 3 għall-Italja, 4 għall-Olanda, 5 għall-Isvezja, 6 għall-Belġju, 7 għall-Ungerija, 8 għar-Repubblika Ċeka, 9 għal Spanja, 10 għall-Jugoslavja, 11 għar-Renju Unit, 12 għall-Awstrija, 13 għal-Lussemburgu, 14 għall-Iżvizzera, 15 (vakanti), 16 għan-Norveġja, 17 għall-Finlandja, 18 għad-Danimarka, 19 għar-Rumanija, 20 għall-Polonja, 21 għall-Portugall, 22 għall-Federazzjoni Russa, 23 għall-Greċja, 24, 25 (vakanti), 26 għas-Slovenja u 27 għas-Slovakkja. In-numri sussegwenti għandhom jiġu assenjati lil pajjiżi oħra fl-ordni kronoloġika li fiha jirratifikaw jew jaderixxu għall-Ftehim li jikkonċerna r-Rikonoxximent tal-Approvazzjoni għal Tagħmir u Partijiet ta' Vetturi bil-Mutur, u n-numri assenjati għandhom jiġu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.

(2)  In-numru tal-aħħar qed jingħata biss bħala eżempju.


ANNESS 5

KUNDIZZJONIJIET U PROĊEDURI TAT-TEST

1.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAT-TEST GĦAT-TPTQ

1.1.

Fuq talba tal-manifattur it-test jista' jitwettaq jew:

1.1.1.

Fuq vettura tat-tip li għaliha hu maħsub it-TPTQ; f'dak il-każ għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2; inkella

1.1.2.

Fuq parti mix-chassis tat-tip ta' vettura li għalih hu maħsub it-TPTQ; din il-parti għandha tkun rappreżentattiva tat-tipi(i) ta’ vettura relevanti; inkella

1.1.3.

Fuq bank riġidu tat-testijiet.

1.2.

Fil-każ tal-paragrafi 1.1.2 u 1.1.3 imsemmija fuq, l-partijiet użati biex jikkollegaw it-TPTQ ma' parti mix-chassis tal-vettura jew mal-bank riġidu tat-testijiet għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk li jintużaw biex jorbtu t-TPTQ meta jintrama fuq il-vettura.

1.3.

Fuq talba tal-manifattur u bil-kunsens tas-servizz tekniku l-proċedura tat-test deskritta fil-paragrafu 3 tista' ssir b'simulazzjoni permezz tal-kalkolu jew metodu ieħor bħal din sakemm l-ekwivalenza tiegħu tkun murija.

2.   KUNDIZZJONIJIET TAT-TEST GĦALL-VETTURI

2.1.

Il-vettura, jekk hu meħtieġ li jinkisbu l-forzi meħtieġa tat-test fil-paragrafu 3.1 hawn taħt, tista' titrażżan bi kwalunkwe metodu, dan il-metodu għandu jkun speċifikat mill-manifattur tal-vettura.

2.2.

Id-dimensjonijiet għandhom jittieħdu jekk il-vettura tkun fil-kundizzjoni li ġejja:

2.2.1.

Il-vettura ma tkunx mgħobbija.

2.2.2.

Il-vettura kienet wieqfa fuq art invellata, ċatta, riġida u lixxa.

2.2.3.

Ir-roti ta' quddiem kienu ppuntati dritt 'il quddiem.

2.2.4.

It-tajers kienu minfuħa sal-pressjoni rakkomandata mill-manifattur tal-vettura.

2.2.5.

Vetturi mgħammra b'sospensjoni idropnewmatika, ħajdrolik jew pnewmatika jew tagħmir għall-invellar awtomatiku skont it-tagħbija kienu fil-kundizzjoni normali tat-tħaddim speċifikat mill-manifattur.

3.   PROĊEDURA TAT-TEST

3.1.

Il-punti P1 huma lokalizzati sa 200 mm mill-pjani lonġitudinali tanġenzjali għall-punti l-aktar imbiegħda tat-tajers fuq il-fus ta' quddiem, eskluża l-projjezzjoni tat-tajers qrib l-art; il-punti P2 huma simmetriċi għall-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura f'distanza minn xulxin ta' 700 sa 1 200 mm inklussivi. Il-pożizzjonijiet preċiżi għandhom ikunu speċifikati mill-manifattur.

3.2.

L-ogħli ‘l fuq mill-art tal-punti P1 u P2 għandu jiġi definit mill-manifattur tal-vettura fil-linji li żammew il-wiċċ ta' quddiem tal-mezz. L-għoli ma għandux, madankollu, jeċċedi l-445 mm meta l-vettura mhijiex mgħobbija. P3 huwa fil-pjan medjan vertikali lonġitudinali tal-vettura (ara figura 1 tar-Regolament).

3.3.

Il-forzi tat-test msemmija hawn taħt għandhom jiġu applikati għal kull wieħed mill-punti tat-test f'testijiet separati fuq l-istess vettura jew apparat jew, jekk mitlub mill-fabbrikant/aġent, fuq vetturi differenti jew kampjuni ta' tagħmir.

3.3.1.

Jekk l-istruttura u l-komponenti tal-vettura rilevanti għall-protezzjoni kontra trikkib fuq quddiem jinsabu sostanzjalment simmetriċi għall-pjan medjan lonġitudinali tagħha, it-testijiet fil-punti P1 u P2 għandhom isiru fuq naħa waħda biss.

3.3.2.

Meta ttestjati l-forzi għandhom ikunu applikati malajr kemm jista' jkun u t-tagħmir jew vettura għandhom ikunu kapaċi jifilħu l-forzi msemmija fil-paragrafi li ġejjin għal mill-inqas 0,2 sekondi.

3.3.3.

Forza orizzontali ugwali għal 50 % tal-piż massimu tal-vettura jew tat-tip(i) ta' vettura maħsub imma li ma teċċedix 80 × 103 N għandha tiġi applikata suċċessivament liż-żewġ punti P1;

3.3.4.

Forza orizzontali ugwali għal 100 % tal-piż massimu tal-vettura jew tat-tip(i) ta' vettura maħsuba imma li ma teċċedix 160 × 103 N għandha tiġi applikata suċċessivament liż-żewġ punti P2; Jekk il-mezz mhux kontinwu u huwa mnaqqas fiż-żona trasversali bejn żewġ punti P2 imbagħad it-testijiet għandhom ikomplu bl-applikazzjoni ta' forza orizzontali applikata fuq il-punt P3 l-istess bħal dak li l-punti P1;

3.4.

L-ispostamenti massimi orizzontali u vertikali ta' kull punt tat-test matul l-applikazzjoni tal-forzi ta' hawn fuq għandu jiġi rreġistrat u l-ogħla livell għandu jkun irrekordjat fuq id-dokument ta' komunikazzjoni.

3.5.

Kull meta jitwettaq test prattiku sabiex jivverifika l-konformità mal-ħtiġiet imsemmija fuq, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti:

3.5.1.

Għall-applikazzjoni skont il-Parti III, it-TPTQ (mhux approvat separatament għall-Parti I) għandu jkun imqabbad mat-travi man-naħa tax-chassis tal-vettura jew ma' kwalunkwe ħaġa li tissostitwihom jew struttura b'kapaċitajiet li jagħtu prestazzjoni ekwivalenti.

3.5.2.

Il-forzi speċifikati għandhom jiġu applikati bi staneg li huma artikolati b'mod adattat (eż. permezz ta' ġonot ta' użu universali) u għandhom ikunu paralleli mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura permezz ta' superfiċi ta' mhux aktar minn 250 mm fl-għoli (l-għoli eżatt u l-wisa' għandu jkun indikat mill-manifattur) u mhux aktar minn 400 mm wiesa, b'radju ta' kurvatura ta' 5 + 1 mm fit-truf vertikali; iċ-ċentru tas-superfiċi jitqiegħed suċċessivament fil-punti P1, P2 u P3.


ANNESS 6

Konformità tal-produzzjoni u proċeduri amministrattivi oħra

1.   KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

1.1.

It-TPTQ u vetturi approvati għal dan ir-Regolament għandhom jiġu mmanifatturati b’mod li jkunu konformi mal-approvazzjoni tat-tip billi jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

1.2.

Sabiex jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 1.1 ġew sodisfatti, għandhom isiru kontrolli adegwati tal-produzzjoni.

1.3.

Il-pussessur tal-approvazzjoni għandu, b’mod partikolari:

1.3.1.

jassigura l-eżistenza ta’ proċeduri għal kontroll effettiv tal-kwalità tal-vettura jew it-tagħmir;

1.3.2.

ikollu aċċess għat-tagħmir neċessarju għall-ittestjar u għall-kontroll tal-konformità ma’ kull tip approvat;

1.3.3.

jirrekordja d-dejta tar-riżultati tat-test u dokumenti annessi li jibqgħu disponibbli għal perjodu li jrid jiġi determinat bi ftehim mas-servizz amministrattiv;

1.3.4.

janalizza r-riżultati ta’ kull tip ta’ test, sabiex jikkontrolla u jiżgura l-istabbiltà tal-karatteristiċi tal-vettura jew tat-tagħmir, filwaqt li jagħmel konċessjoni għal varjazzjonijiet fil-produzzjoni industrijali;

1.3.5.

jiżgura li għal kull tip ta’ vettura jew mezz jiġu mwettqa kontrolli u testijiet xierqa fir-rigward tad-dimensjonijiet, il-materjali u l-prestazzjoni tal-komponenti, li jissodisfaw il-funzjoni tal-PTQ u ta’ dawk maħsuba biex ikunu installati fuq il-vettura;

1.3.6.

jassigura li kull sett ta’ kampjuni jew biċċiet tal-prova li jagħtu evidenza li hemm nuqqas ta’ konformità fit-tip ta’ test meqjus għandhom iwasslu għal teħid ta’ kampjuni oħra u għal test ieħor. Il-passi kollha meħtieġa għandhom jittieħdu sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-konformità tal-produzzjoni korrispondenti.

1.4.

L-awtorità kompetenti li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tista’ tivverifika fi kwalunkwe mument il-metodi ta’ kontroll applikabbli għal kull unità ta’ produzzjoni.

1.4.1.

F’kull spezzjoni, il-kotba tat-test u r-rekords tal-produzzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-ispettur li jkun qed iżur;

1.4.2.

L-ispettur jista’ jieħu kampjuni b’mod aleatorju sabiex jiġu ttestjati fil-laboratorju tal-manifattur. In-numru minimu ta’ kampjuni jista’ jiġi determinat skont ir-riżultati tal-verifika tal-manifattur stess;

1.4.3.

Meta l-livell tal-kwalità ma jidhirx sodisfaċenti jew jidher li hemm bżonn li tiġi ppruvata l-validità tat-testijiet li jkunu saru bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1.4.2 hawn fuq, l-ispettur jista’ jagħżel il-kampjuni li għandhom jintbagħtu lis-servizz tekniku li jkun wettaq il-provi tal-approvazzjoni tat-tip;

1.4.4.

L-awtorità kompetenti tista’ twettaq kwalunkwe test stabbilit f’dan ir-Regolament;

1.4.5.

Il-frekwenza normali ta’ spezzjonijiet awtorizzati mill-awtorità kompetenti għandha tkun ta’ darba kull sentejn. F’każijiet fejn jinstabu riżultati mhux sodisfaċenti matul waħda minn dawn l-ispezzjonijiet, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex terġa’ tinkiseb il-komformità tal-produzzjoni malajr kemm jista’ jkun.

2.   SANZJONIJIET GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

2.1.

L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ TPTQ jew vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stipulati hawn fuq ma jintlaħqux jew jekk it-tagħmir protettiv ma jkunx għadda mit-test preskritt f’dan ir-Regolament.

2.2.

Jekk Parti Kontraenti għall-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira approvazzjoni li tkun tat qabel, minnufih għandha tinnotifika b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tkun konformi mal-mudell fl-annessi 1, 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament.

3.   MODIFIKA U ESTENSJONI TAL-APPROVAZZJONI

3.1.

Kull modifikazzjoni ta’ tip tat-TPTQ jew vettura għandha tkun mgħarrfa lid-dipartiment amministrattiv li ta l-approvazzjoni tat-tip. Id-dipartiment imbagħad jista’ jew:

3.1.1.

Iqis li l-modifiki li saru m’għandhomx tendenza li jkollhom kull effett kuntrarju konsiderevoli u li, f’kull każ, it-TPTQ jew il-vettura xorta tibqa’ konformi mar-rekwiżiti; inkella

3.1.2.

Jitlob rapport ieħor ta’ test mis-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet.

3.2.

Konferma jew ċaħda ta’ approvazzjoni, li tispeċifika l-alterazzjonijiet għandha tiġi kkomunikata permezz ta’ formola li tkun konformi mal-mudell fl-annessi 1, 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament.

3.3.

L-awtorità kompetenti li toħroġ l-estensjoni ta’ approvazzjoni għandha tagħti numru ta’ serje għal estensjoni bħal din u tgħarraf dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formula ta’ komunikazzjoni li taqbel mal-mudell fl-annessi 1, 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   PRODUZZJONI MWAQQFA GĦAL KOLLOX

Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jwaqqaf għal kollox il-manifattura ta’ tip ta’ TPTQ jew PTQ ta’ vettura approvati skont dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tkun ħarġet l-approvazzjoni. Malli tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tkun konformi mal-mudell fl-annessi 1, 2 jew 3 ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-ISMIJIET U L-INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI BIEX JAGĦMLU T-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI, U TAD-DIPARTIMENTI AMMINISTRATTIVI

Il-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli għat-twettiq ta’ testijiet ta’ approvazzjoni u tad-dipartimenti amministrattivi li joħorġu l-approvazzjoni u li lilhom għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni, jew ċaħda jew irtirar ta’ approvazzjoni jew il-produzzjoni mwaqqfa għal kollox, maħruġa f’pajjiżi oħra.


Top