EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1905

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1905 tat-22 ta' Ottubru 2015 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ittestjar ta' żjut, xaħmijiet u prodotti derivati minnhom għad-diossini (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 278, 23.10.2015, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1905/oj

23.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1905

tat-22 ta' Ottubru 2015

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ittestjar ta' żjut, xaħmijiet u prodotti derivati minnhom għad-diossini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 jistipula regoli ġenerali dwar l-iġjene tal-għalf, kif ukoll kundizzjonijiet u arranġamenti biex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tal-ipproċessar għall-minimizzazzjoni u l-kontroll tal-perikli potenzjali. Dan jistipula wkoll li l-istabbilimenti kummerċjali tal-għalf għandhom ikunu rreġistrati mal-awtorità kompetenti, jew approvati minnha. Barra minn hekk, l-operaturi tan-negozji tal-għalf li jinsabu aktar 'l isfel fil-katina tal-għalf għandhom l-obbligu li jixtru l-għalf biss mingħand stabbilimenti li huma rreġistrati jew approvati.

(2)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 jistabbilixxi rekwiżiti għan-negozji tal-għalf għajr dawk li jinsabu fil-livell tal-produzzjoni primarja. B'mod partikolari, dan jeżiġi li r-rekwiżiti dwar l-ittestjar għad-diossini stipulati f'dak l-Anness jiġu riveduti sas-16 ta' Marzu 2014.

(3)

Id-definizzjoni ta' prodotti derivati minn żjut veġetali stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 għandha tiġi emendata sabiex jiġi ċċarat li dik id-definizzjoni ma tkoprix il-prodotti derivati minn żejt raffinat u addittivi tal-għalf awtorizzati b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

Id-definizzjoni ta' taħlit tax-xaħmijiet stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 għandha tiġi emendata wkoll sabiex tiġi ċċarata d-differenza bejn it-taħlit tax-xaħmijiet, u l-proċess ta' ħażna ta' lottijiet konsekuttivi ta' xaħmijiet u żjut mingħajr ma dawn jiġu mħallta. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat meta x-xaħmijiet imħallta jkunu qed jitqiesu bħala għalf kompost u meta dawn ikunu materjali tal-għalf.

(5)

Jixraq li jinstabu l-prodotti li jkunu jidhru b'mod ċar li huma kkontaminati bid-diossini malli jidħlu fil-katina tal-għalf, u għalhekk għandu jiġi ċċarat li r-rekwiżiti dwar il-monitoraġġ tad-diossini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 japplikaw għall-operaturi kollha tan-negozji tal-għalf li jqiegħdu l-għalf fis-suq, inklużi l-importaturi.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm traċċabbiltà u informazzjoni xierqa dwar l-għalf, għandha tiġi enfasizzata l-konformità mar-rekwiżiti dwar it-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u b'mod partikolari l-konformità mad-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet u n-numri fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (4).

(7)

Jeħtieġ li r-rekwiżit ta' analiżi rappreżentattiva għal kull kwantità kbira jitwettaq fuq il-bażi ta' kampjun rappreżentattiv. Għalhekk huwa xieraq li f'intervalli regolari jittieħdu kampjuni inkrimentali li jiffurmaw il-kampjun aggregat, eż. mill-inqas kampjun wieħed inkrementali għal kull 50 tunnellata, b'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-kampjuni kif stipulat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (5).

(8)

Ir-riżultati tal-ittestjar għad-diossini stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 183/2005, ir-rapporti (6) tal-verifiki tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni u l-fatt li ma ġew notifikati l-ebda kampjuni mhux konformi ta' prodotti derivati minn żjut veġetali lis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (7), ħlief għal distillati tal-aċidi grassi minn raffinar fiżiku u deodistillati, juri li dawk il-prodotti ma għandhomx riskju għoli ta' kontaminazzjoni mid-diossini. Għaldaqstant, għal dawn il-prodotti huwa xieraq li jitnaqqsu r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 fir-rigward tal-ittestjar ta' 100 % għad-diossini.

(9)

Sabiex tiġi ċċarata r-responsabbiltà għall-ittestjar ta' prodotti importati għad-diossini, fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 għandha tiġi stabbilita dispożizzjoni speċifika. Din għandha tiżgura wkoll li l-prodotti importati jkollhom livell ta' sikurezza li jkun simili ta' dak tal-prodotti magħmula fl-Unjoni.

(10)

Is-sistema stabbilita bl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 bl-għan li jkun hemm evidenza, permezz ta' ċertifikat li juri li tkun saret l-analiżi obbligatorja fuq lott speċifiku, għandha tiġi emendata b'diversi speċifikazzjonijiet dwar il-kompiti tal-operaturi differenti tan-negozji tal-għalf sabiex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tad-diversi atturi fil-katina tal-għalf.

(11)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 2(h) tal-paragrafu (3)(b) tal-Anness ta' dan ir-Regolament għandu japplika mit-23 ta' April 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29)

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1)

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1)

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1)

(6)  http://ec.europa.eu/food/fvo/audit_reports/index.cfm: In-numri tal-verifiki 2013-6748, 2013-6749, 2013-6750, 2013-6751, 2013-6752, 2013-6753, 2014-7036, 2014-7037 u 2014-7038

(7)  http://ec.europa.eu/food/safety/rasff/portal/index_en.htm


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima bit-titolu “DEFINIZZJONIJIET”, il-punti (b) u (c) jinbidlu bil-punti (b) u (c) li ġejjin, filwaqt li jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(b)

‘prodotti li ġejjin minn żjut u xaħmijiet’ tfisser kull prodott li ġej b'mod dirett jew indirett minn żjut jew xaħmijiet mhux raffinati jew li jkun ġie rkuprat permezz tal-ipproċessar jew id-distillazzjoni oleokimika jew tal-bijodiżil, jew l-irfinar kimiku jew fiżiku, minbarra

iż-żejt raffinat,

prodotti li ġejjin minn żejt raffinat u

addittivi tal-għalf;

(c)

‘taħlit tax-xaħmijiet’ tfisser il-manifattura ta' għalf kompost jew, fil-każ tal-komponenti kollha li huma parti mill-istess entrata fil-PARTI C tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (*) li huma derivati mill-istess speċijiet ta' pjanti jew annimali, il-manifattura ta' materjali tal-għalf permezz tat-taħlit ta' żjut mhux raffinati, żjut raffinati, xaħmijiet tal-annimali, żjut irkuprati minn operaturi tan-negozji tal-ikel li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 jew prodotti li ġejjin minnhom biex jiġi prodott żejt jew xaħam imħallat, bl-eċċezzjoni

tal-proċess ta' ħażna biss ta' lottijiet konsekuttivi u

t-taħlit, b'mod esklussiv, ta' żjut raffinati;

(d)

‘żejt jew xaħam raffinat’ tfisser żejt jew xaħam li jkun għadda minn proċess ta' raffinar kif imsemmi fin-Nru 53 tal-glossarju tal-proċessi elenkati fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 68/2013.

(*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1).”"

(2)

Fit-Taqsima bit-titolu “PRODUZZJONI”, il-punt 8 jinbidel b'dan li ġej, u jiżdied il-punt 9 li ġej:

“8.

It-tikkettar tal-prodotti għandu jindika b'mod ċar jekk dawn humiex maħsub għall-użu fl-għalf jew għal skopijiet oħra. Jekk lott partikolari ta' prodott jiġi ddikjarat li mhuwiex maħsub għall-użu fl-għalf, dik id-dikjarazzjoni ma tkunx tista' tinbidel wara minn operatur fi stadju aktar tard tal-katina.

9.

Fit-tikkettar tal-materjali tal-għalf skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) għandhom jintużaw, fejn disponibbli, id-denominazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 68/2013.

(**)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).”"

(3)

It-Taqsima bit-titolu “MONITORAĠĠ TAD-DIOSSINI” hija emendata kif ġej:

(a)

L-intestatura ta' dik it-Taqsima tinbidel b'din li ġejja:

“MONITORAĠĠ TAD-DIOSSINI GĦAŻ-ŻJUT, IX-XAĦMIJIET U L-PRODOTTI DERIVATI”

(b)

Il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Biex jissupplimentaw is-sistema ta' HACCP tal-operaturi tan-negozji tal-għalf, l-analiżijiet imsemmija fil-punt 1 għandhom jitwettqu minn tal-inqas bil-frekwenzi li ġejjin (jekk mhux speċifikat b'mod aktar preċiż, lott ta' prodotti għall-analiżi m'għandux ikun akbar minn 1 000 tunnellata):

(a)

L-operaturi tan-negozji tal-għalf li jipproċessaw xaħmijiet u żjut veġetali mhux raffinati:

(i)

100 % tal-lottijiet tal-prodotti derivati minn żjut u xaħmijiet ta' oriġini veġetali, ħlief għal dawn li ġejjin:

gliċerina,

leċitina,

gomom,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(ii);

(ii)

żjut aċidużi minn raffinar kimiku, materja prima xaħmija għall-produzzjoni tas-sapun, għajnuniet tal-filtrazzjoni użati, trab tal-ibbliċjar użat u lottijiet li deħlin ta' żejt tal-ġewż tal-indi mhux raffinati għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP.

(b)

L-operaturi ta' negozji tal-għalf li jipproduċu xaħam tal-annimali, inklużi proċessuri tax-xaħam tal-annimali:

(i)

analiżi rappreżentattiva waħda għal kull 5 000 tunnellata b'minimu ta' analiżi rappreżentattiva waħda kull sena ta' xaħam tal-annimali u prodotti li ġejjin minnu li jagħmlu parti minn materjal tal-kategorija 3, kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***) jew minn stabbiliment approvat b'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

(c)

L-operaturi ta' negozji tal-għalf li jipproduċu żejt tal-ħut:

(i)

100 % tal-lottijiet taż-żejt tal-ħut jekk dan ikun prodott minn:

prodotti li ġejjin minn żejt tal-ħut minbarra żejt tal-ħut raffinat;

setturi tas-sajd bl-ebda storja ta' monitoraġġ, ta' oriġini mhux speċifikata jew mill-Baħar Baltiku;

prodotti li ġejjin mill-ħut u magħmula minn stabbilimenti li jimmanifatturaw il-ħut għall-konsum mill-bniedem, liema stabbilimenti mhumiex approvati mill-UE;

stokkafixx jew menhaden;

(ii)

100 % tal-lottijiet ta' prodotti li jkunu ħerġin u li ġejjin minn żejt tal-ħut minbarra żejt tal-ħut raffinat;

(iii)

analiżi rappreżentattiva għal kull 2 000 tunnellata, fir-rigward taż-żejt tal-ħut mhux imsemmi fil-punt (i);

(iv)

żejt tal-ħut dekontaminat permezz ta' trattament approvat b'mod uffiċjali skont kif imsemmi fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 (*****) għandu jiġi analizzat u dokumentat bħala parti mis-sistema tal-HACCP.

(d)

Tqegħid fis-suq ta' għalf mill-industrija oleokimika:

(i)

100 % tal-lottijiet li deħlin ta' xaħmijiet tal-annimali li mhumiex koperti mill-punt (b) jew (h), ta' żejt tal-ħut mhux kopert mill-punt (c) jew (h), ta' żjut u xaħmijiet irkuprati minn operaturi ta' negozji tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u ta' xaħmijiet u żjut imħallta;

(ii)

100 % tal-lottijiet tal-prodotti derivati minn żjut u xaħmijiet imqiegħda fis-suq bħala għalf, ħlief għal dawn li ġejjin:

gliċerina,

aċidi grassi puri distillati minn proċessi ta' qsim,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(iii);

(iii)

aċidi grassi mhux raffinati minn proċessi ta' qsim, aċidi grassi esterifikati bil-gliċerol, monogliċeridi u digliċeridi ta' aċidi grassi, imluħa ta' aċidi grassi u lottijiet li deħlin ta' żejt tal-ġewż tal-indi mhux raffinati għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP.

(e)

Tqegħid fis-suq ta' għalf mill-industrija tal-bijodiżil:

(i)

100 % tal-lottijiet li deħlin ta' xaħmijiet tal-annimali li mhumiex koperti mill-punt (b) jew (h), ta' żejt tal-ħut mhux kopert mill-punt (c) jew (h), ta' żjut u xaħmijiet irkuprati minn operaturi ta' negozji tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u ta' xaħmijiet u żjut imħallta;

(ii)

100 % tal-lottijiet tal-prodotti derivati minn żjut u xaħmijiet imqiegħda fis-suq bħala għalf, ħlief għal dawn li ġejjin:

gliċerina,

leċitina,

gomom,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(iii);

(iii)

żjut aċidużi minn raffinar kimiku, materja prima xaħmija għall-produzzjoni tas-sapun u żejt tal-ġewż tal-indi mhux raffinati għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP.

(f)

Stabbilimenti li jħalltu x-xaħam:

(i)

100 % tal-lottijiet li deħlin ta' żejt tal-ġewż tal-indi mhux ipproċessat, ta' xaħmijiet tal-annimali li mhumiex koperti mill-punt (b) jew (h), ta' żejt tal-ħut mhux kopert mill-punt (c) jew (h), ta' żjut u xaħmijiet irkuprati minn operaturi ta' negozji tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, ta' xaħmijiet u żjut imħallta u prodotti derivati minn żjut u xaħmijiet, għajr dawn li ġejjin:

gliċerina,

leċitina,

gomom,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(ii);

(ii)

żjut aċidużi minn raffinar kimiku, aċidi grassi mhux raffinati minn proċessi ta' qsim, aċidi grassi puri distillati minn proċessi ta' qsim u materja prima xaħmija għall-produzzjoni tas-sapun għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP

jew

(iii)

100 % tal-lottijiet ta' xaħmijiet u żjut imħallta maħsuba biex jintużaw bħala għalf.

L-operatur tan-negozju tal-għalf għandu jiddikjara lill-awtorità kompetenti liema alternattiva biħsiebu jagħżel.

(g)

Il-produtturi tal-għalf kompost għall-annimali li jipproduċu l-ikel, għajr dawk imsemmija fil-punt (f):

(i)

100 % tal-lottijiet li deħlin ta' żejt tal-ġewż tal-indi mhux ipproċessat, ta' xaħmijiet tal-annimali li mhumiex koperti mill-punt (b) jew (h), ta' żejt tal-ħut mhux kopert mill-punt (c) jew (h), ta' żjut u xaħmijiet irkuprati minn operaturi ta' negozji tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, ta' xaħmijiet u żjut imħallta u prodotti derivati minn żjut u xaħmijiet, għajr dawn li ġejjin:

gliċerina,

leċitina,

gomom,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(ii);

(ii)

żjut aċidużi minn raffinar kimiku, aċidi grassi mhux raffinati minn proċessi ta' qsim, aċidi grassi puri distillati minn proċessi ta' qsim; għajnuniet tal-filtrazzjoni, trab tal-ibbliċjar u materja prima xaħmija għall-produzzjoni tas-sapun għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP;

(iii)

1 % tal-lottijiet fir-rigward tal-għalf kompost immanifatturat li fih il-prodotti msemmija f'(i) u (ii).

(h)

Importaturi li jqiegħdu fis-suq l-għalf li ġej:

(i)

100 % tal-lottijiet importati ta' żejt tal-ġewż tal-indi, xaħmijiet tal-annimali, żjut tal-ħut, żjut u xaħmijiet irkuprati minn operaturi tan-negozju tal-ikel, xaħmijiet u żjut imħallta, tokoferols estratti minn żejt veġetali u aċetat tat-tokoferol magħmul minnhom, kif ukoll prodotti li ġejjin minn żjut u xaħmijiet, ħlief għal dawn li ġejjin:

gliċerina,

leċitina,

gomom,

il-prodotti li ssir referenza għalihom f'(ii);

(ii)

żjut aċidużi minn raffinar kimiku, aċidi grassi mhux raffinati minn proċessi ta' qsim, aċidi grassi puri distillati minn proċessi ta' qsim u materja prima xaħmija għall-produzzjoni tas-sapun għandhom jiġu analizzati u dokumentati bħala parti mis-sistema tal-HACCP.

(***)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1)."

(****)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55)."

(*****)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 tad-19 ta' Mejju 2015 li jiddefinixxi l-kriterji ta' aċċettabilità għall-proċessi ta' detossifikazzjoni applikati għal prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 10)”"

(c)

Il-punti 4, 5 u 6 jinbidlu b'dan li ġej:

“4.

Fejn operatur ta' negozju tal-għalf ikollu prova dokumentata li lott ta' prodott, jew il-komponenti kollha ta' lott ta' prodott kif imsemmi fil-punt 2, li jkun(u) dieħel/daħlu fl-istabbiliment tiegħu ikun(u) diġà ġie/ġew analizzati fi stadju aktar bikri tal-produzzjoni, l-ipproċessar jew id-distribuzzjoni, l-operatur tan-negozju tal-għalf għandu jinħeles mill-obbligu li janalizza dak il-lott.

5.

Kull lott ta' prodotti analizzat skont il-punt 2 għandu jkun akkumpanjat minn prova dokumentata li turi li dawn il-prodotti, jew il-komponenti kostitwenti kollha tagħhom, ġew analizzati jew ġew sottomessi għal analiżi f'laboratorju akkreditat imsemmi fil-punt 1, ħlief għal-lottijiet ta' prodotti msemmija fil-punt 2 (a)(ii), (b)(i), (c)(iii), (c)(iv), (d)(iii), (e)(iii), (f)(ii), (g)(ii) u (h)(ii).

Il-prova ta' analiżi għandha toħloq, mingħajr ebda ambigwità, ħolqa bejn il-konsenja u l-lott ittestjat jew lottijiet ittestjati. Din il-ħolqa għandha tiġi deskritta fis-sistema dokumentata ta' traċċar fis-seħħ fl-istabbiliment tal-fornitur. B'mod partikolari, meta l-konsenja tinkiseb għal aktar minn lott jew komponent wieħed, il-prova dokumentata li trid tingħata għandha sservi ta' prova għal kull wieħed mill-komponenti tal-konsenja. F'każijiet fejn l-ittestjar jitwettaq fuq prodott li jkun ħiereġ, il-prova li l-prodott ikun ġie analizzat għandha tkun ir-rapport analitiku.

Kull konsenja ta' prodotti kif imsemmi fil-punt 2(b)(i) jew (c)(iii) għandha tkun akkumpanjata minn evidenza li dawn il-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti tal-punti 2(b)(i) jew (c)(iii). Jekk ikun meħtieġ, il-prova ta' analiżi li tinkludi l-lott jew il-lottijiet ikkonsenjati għandha tingħata lid-destinatarju meta l-operatur jirċievi l-analiżi mingħand il-laboratorji awtorizzati.

6.

Jekk il-lottijiet kollha li deħlin ta' prodotti msemmija fil-punt 2(g)(i) li jaslu għal proċess ta' produzzjoni jkunu ġew analizzati skont ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, u jekk ikun jista' jiġi żgurat li l-proċess ta' produzzjoni, l-immaniġġar u l-ħażna ma jżidux il-kontaminazzjoni mid-diossini, l-operatur tan-negozju tal-għalf għandu jinħeles mill-obbligu li janalizza l-prodott li jkun ħiereġ u minflok għandu janalizzah skont is-sistema tal-HACCP.”



Top