EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0805

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011 tal- 10 ta’ Awwissu 2011 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għal liċenzji u ċerti ċertifikati tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 206, 11.8.2011, p. 21–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2015; Imħassar b' 32015R0340

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/805/oj

11.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 805/2011

tal-10 ta’ Awwissu 2011

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għal liċenzji u ċerti ċertifikati tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8c(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) NRU 216/2008 għandu l-għan li jiġi stabbilit u jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. Dak ir-Regolament jipprovdi l-mezzi biex jinkisbu dan l-għan u għanijiet oħra fil-qasam tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili.

(2)

L-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif ukoll il-leġislazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew II (2) teħtieġ l-istabbiliment ta’ regoli ta’ implimentazzjoni aktar dettaljati, b'mod partikolari fir-rigward tal-liċenzjar tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, sabiex jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, sabiex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ responsabbiltà u kompetenza, sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u sabiex jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji filwaqt li jitfittex li jintlaħaq l-għan ta’ titjib ġenerali fis-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u l-kompetenza tal-persunal.

(3)

Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru kif ukoll persuni u organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-kontrolli u l-valutazzjoni medika ta’ dawk il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness Vb għar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Skont dak ir-Regolament, kemm il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru kif ukoll il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ tagħhom għandhom ikunu ċertifikati jew liċenzjati kemm-il darba jinsabu li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali.

(4)

Id-Direttiva 2006/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar Liċenzja Komunitarja għall-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru (3) introduċiet liċenzja li rnexxiet bħala għodda utli biex jiġi rikonoxxut ir-rwol speċifiku li l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom fil-forniment ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru mingħajr periklu. L-istabbiliment ta’ standards ta’ kompetenza fl-Unjoni Ewropea kollha naqqas il-frammentazzjoni f'dan il-qasam, li ffaċilita l-organizzazzjoni iżjed effiċjenti tax-xogħol fil-qafas tal-kollaborazzjoni reġjonali dejjem tiżdied bejn il-fornituri tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru. Għalhekk, li tinżamm u tittejjeb l-iskema komuni tal-liċenzjar għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fl-Unjoni Ewropea, huwa element essenzjali tas-sistema Ewropea ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(5)

Id-Direttiva 2006/23/KE tħassret permezz tar-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/23/KE jibqgħu japplikaw sad-data applikabbli tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 8c(10) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dan ir-Regolament jipprovdi għal dawk il-miżuri.

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jirriflettu l-aħħar żviluppi, fosthom l-aħjar prattiċi u l-progress xjentifiku u tekniku, fil-qasam tat-taħriġ għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Dawn ġew żviluppati abbażi tad-Direttiva 2006/23/KE u jipprovdu lill-Istati Membri traspożizzjoni komuni tal-Istandards u l-Prattiċi Rakkomandati stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 u r-Rekwiżiti Regolatorji dwar is-Sikurezza adottati mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali tat-13 ta’ Diċembru 1960.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti komuni għal-liċenzjar u ċ-ċertifikazzjoni medika tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jeħtieġ li jiġu segwiti proċeduri komuni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, fejn applikabbli, li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, “l-Aġenzija”, tivvaluta l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti; l-Aġenzija għandha tiżviluppa speċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni, mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida sabiex tiffaċilita l-uniformità regolatorja neċessarja.

(8)

Il-karatteristiċi partikolari tat-traffiku tal-ajru fl-Unjoni Ewropea jitolbu l-introduzzjoni u l-applikazzjoni effettiva ta’ standards komuni ta’ kompetenza għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru impjegati minn fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) lill-pubbliku.

(9)

L-Istati Membri għandhom, madankollu, safejn ikun prattikabbli, jiżguraw li s-servizzi pprovduti jew magħmula disponibbli minn persunal militari lill-pubbliku, joffru livell ta’ sikurezza li jkun tal-inqas ekwivalenti għal-livell meħtieġ mir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness Vb għar-Regolament Bażiku. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw il-prinċipji ta’ dan ir-Regolament għall-persunal militari tagħhom li jipprovdi servizzi lill-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(c) ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-awtoritajiet li jwettqu sorveljanza u verifika tal-konformità għandhom ikunu suffiċjentement indipendenti mill-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-fornituri ta’ taħriġ. L-awtoritajiet iridu jibqgħu wkoll kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effiċjenti. L-awtorità kompetenti magħżula għall-għan ta’ dan ir-Regolament tista' tkun l-istess korp jew korpi nominat/i jew stabbilit/i skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (5), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009. L-Aġenzija għandha taġixxi bħala awtorità kompetenti għall-iskop ta’ dan ir-Regolament sabiex toħroġ u ġġedded iċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li jkunu jinstabu barra mit-territorju tal-Istati Membri u fejn ikun rilevanti, il-persunal tagħhom.

(11)

Il-provvediment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jeħtieġ personal imħarreġ ħafna, li l-kompetenza tiegħu tista' tintwera b'diversi mezzi. Għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-mezz xieraq huwa li tinżamm skema komuni ta’ liċenzjar għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fl-Unjoni Ewropea, li għandha titqies bħala tip ta’ diploma, għal kull kontrollur tat-traffiku tal-ajru individwali. Il-klassifikazzjoni li tinsab fuq il-liċenzja għandha tindika it-tip ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru li kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu l-kompetenza li jipprovdi. Fl-istess ħin, l-annotazzjonijiet inklużi fuq il-liċenzja jirriflettu kemm il-ħiliet speċifiċi tal-kontrollur kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdi servizzi lil settur partikolari jew grupp ta’ setturi. Din hija r-raġuni għaliex l-awtoritajiet, meta joħorġu l-liċenzji jew jestendu l-validità tal-annotazzjonijiet, għandhom ikunu f'pożizzjoni li jevalwaw il-kompetenza tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu f'pożizzjoni wkoll li jissospendu liċenzja, klassifikazzjonijiet jew annotazzjonijiet meta jkun hemm dubju dwar il-kompetenza.

(12)

Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-kultura tas-sikurezza, b'mod speċjali bl-integrazzjoni ta’ rappurtaġġ affidabbli tal-inċidenti u Kultura Ġusta sabiex wieħed jitgħallem mill-inċidenti, dan ir-Regolament m'għandux jistabbilixxi rabta awtomatika bejn inċident u s-sospensjoni ta’ liċenzja, klassifikazzjoni jew annotazzjoni. Ir-revoka ta’ liċenzja għandha titqies bħala l-aħħar alternattiva għal każijiet estremi.

(13)

Sabiex tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ħruġ tal-liċenzji ta’ xulxin għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, huma meħtieġa regoli komuni dwar il-ksib u ż-żamma tal-liċenzji. Għalhekk huwa importanti, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sikurezza, li jiddaħħlu rekwiżiti uniformi fir-rigward tat-taħriġ, il-kwalifiki, il-kompetenza u l-aċċess għall-professjoni ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru. Dan għandu jwassal għall-provvediment ta’ servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru sikuri u ta’ kwalità għolja, u jikkontribwixxi għar-rikonoxximent tal-liċenzji madwar l-Unjoni Ewropea kollha, u b'hekk iżid il-libertà tal-moviment u jtejjeb id-disponibbiltà tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

(14)

Dan ir-Regolament m'għandux iwassal għal tidwir mad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru applikanti.

(15)

Sabiex il-ħiliet jsiru komparabbli fl-Unjoni Ewropea kollha, dawn jeħtieġ li jiġu strutturati b'mod ċar u ġeneralment aċċettabli. Dan għandu jgħin sabiex tiġi garantita s-sikurezza mhux biss fl-ispazju tal-ajru taħt il-kontroll ta’ fornitur wieħed ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, iżda speċjalment fil-kollegament operattiv bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi.

(16)

F'bosta inċidenti u aċċidenti, il-komunikazzjoni għandha rwol sinifikanti. Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ddettaljati dwar il-kompetenza lingwistika għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Dawn ir-rekwiżiti huma bbażati fuq ir-rekwiżiti adottati mill-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u jipprovdi mezz sabiex jiġu infurzati dawn l-istandards aċċettati b'mod internazzjonali. Hemm il-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità fir-rekwiżiti lingwistiċi, sabiex jiġi inkoraġġit il-moviment liberu filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza.

(17)

L-għanijiet tat-taħriġ inizjali huma deskritti fl-Ispeċifikazzjoni għat-Taħriġ Inizjali tal-Kontenut Bażiku Komuni tal-ATCO (Specification for the ATCO Common Core Content Initial Training) tal-EUROCONTROL, żviluppat fuq talba tal-membri tal-Eurocontrol u li huma kkunsidrati bħala l-istandards xierqa. Għat-taħriġ tal-unità, in-nuqqas ta’ standards aċċettati b'mod ġenerali jrid jiġi kkumpensat b'firxa ta’ miżuri, fosthom l-approvazzjoni tal-eżaminaturi u tal-assessuri tal-kompetenza, li għandhom jiggarantixxu standards għolja ta’ kompetenza. Dan huwa aktar u aktar importanti peress li t-taħriġ tal-unità jinvolvi ħafna spejjeż u huwa deċiżiv f'termini tas-sikurezza. L-ICAO żviluppat ukoll standards f'oqsma fejn m'hemmx rekwiżiti Ewropej komuni ta’ taħriġ. Fin-nuqqas ta’ rekwiżiti Ewropej ta’ taħriġ, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq dawn l-istandards tal-ICAO.

(18)

Fuq talba tal-Istati Membri tal-Eurocontrol, ġew żviluppati rekwiżiti mediċi li huma kkunsidrati bħala standards xierqa għall-iskop li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. B'mod partikolari, il-ħruġ taċ-ċertifikati mediċi għandu jkun konsistenti mar-Rekwiżiti stabbiliti mill-Eurocontrol għaċ-Ċertifikazzjoni Medika Ewropea ta’ Klassi 3 tal-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru.

(19)

Iċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandha titqies, f'termini ta’ sikurezza, bħala wieħed mill-fatturi deċiżivi li jikkontribwixxu għall-kwalità tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ It-taħriġ għandu jitqies bħala servizz simili għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, suġġett ukoll għal proċess ta’ ċertifikazzjoni. Dan ir-Regolament għandu jagħmilha possibbli li t-taħriġ jiġi ċċertifikat skont it-tip ta’ taħriġ, skont il-pakkett ta’ servizzi ta’ taħriġ jew skont il-pakkett ta’ taħriġ u servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, mingħajr ma jintesew il-karatteristiċi partikolari tat-taħriġ.

(20)

Dan ir-Regolament jikkonferma l-każistika li ilha stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-ġustifikazzjonijiet motivati għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens u l-provvediment ta’ proċeduri xierqa ta’ appell, jikkostitwixxu prinċipji bażiċi li jeħtieġ li jsiru applikabbli għas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru b'mod aktar viżibbli. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jirrifjutaw li jirrikonoxxu liċenzji li ma jkunux maħruġa skont dan ir-Regolament. Billi dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji, huwa ma jirregolax il-kundizzjonijiet konnessi mal-aċċess għall-impjieg.

(21)

Il-professjoni ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru hija suġġetta għal innovazzjonijiet tekniċi li jirrikjedu aġġornamenti fuq bażi regolari tal-ħiliet ta’ tali kontrolluri. Dan ir-Regolament għandu jiġi adattat għall-iżviluppi tekniċi u l-progress xjentifiku skont il-proċedura bi skrutinju xierqa prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (6).

(22)

Dan ir-Regolament jista' jkollu impatt fuq il-prattiċi tax-xogħol ta’ kuljum tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu infurmati u kkonsultati b'mod xieraq dwar il-miżuri kollha li jkollhom implikazzjonijiet soċjali sinifikanti.

Għalhekk, l-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati permezz tal-proċedura “mħaffa” tal-aġenzija. Il-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (7) għandu jiġi kkonsultat b'mod xieraq dwar miżuri oħra ta’ implimentazzjoni li jittieħdu mill-Kummissjoni.

(23)

Il-kundizzjonijiet ġenerali sabiex tinkiseb liċenzja, safejn jikkonċernaw l-età, ir-rekwiżiti mediċi, ir-rekwiżiti edukattivi u t-taħriġ inizjali, m'għandhomx jaffettwaw lid-detenturi ta’ liċenzji eżistenti. Il-liċenzji u ċ-ċertifikati mediċi maħruġa mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2006/23/KE għandhom jitqiesu bħala li nħarġu skont dan ir-Regolament sabiex tkun garantita l-kontinwità tal-privileġġi ta’ liċenzji eżistenti u t-tranżizzjoni kemm jista' jkun faċli għad-detenturi kollha ta’ liċenzja u għall-awtoritajiet kompetenti.

(24)

Għandhom jiġu previsti derogi bl-għan li jippermettu l-issoktar tal-applikazzjoni ta’ prattiċi nazzjonali diverġenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet fejn ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti regoli komuni matul il-proċedura aċċellerata applikata għal dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-ewwel fażi.

(25)

L-Aġenzija għandha tagħmel evalwazzjoni tas-sistema Ewropea għal-liċenzjar tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u tat-titjib ulterjuri li hemm bżonn għal “approċċ ta’ sistema totali tal-avjazzjoni” u sabiex tistabbilixxi konformità sħiħa mar-rekwiżiti essenzjali kif deskritti fl-Anness Vb għar-Regolament (KE) Nru 216/2008, bl-għan li tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni, li tinkludi emendi possibbli għal dan ir-Regolament.

(26)

Din l-opinjoni għandha tindirizza wkoll dawk il-kwistjonijiet li, fl-ewwel fażi, bil-proċedura aċċellerata, ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti regoli komuni minflok il-varjetajiet nazzjonali diverġenti u għaldaqstant huwa propost li tinżamm l-applikabbiltà tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, fejn applikabbli, fuq bażi tranżitorja.

(27)

Il-miżuri previsti b'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni maħruġa mill-Aġenzija skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(28)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jsaħħaħ l-istandards tas-sikurezza u jtejjeb l-operat tas-sistema ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru fi ħdan l-Unjoni permezz tal-ħruġ ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru bbażata fuq rekwiżiti komuni tal-liċenzjar.

Artikolu 2

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-ħruġ, is-sospensjoni u r-revoka ta’ liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u tal-istudenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u tal-klassifikazzjonijiet, l-annotazzjonijiet, iċ-ċertifikati mediċi assoċjati u taċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tal-validità, it-tiġdid, il-validazzjoni mill-ġdid u l-użu tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru,

(b)

kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, u

(c)

persuni u organizzazzjonijiet involuti fil-liċenzjar, it-taħriġ, l-ittestjar, il-kontrolli jew il-valutazzjoni medika tal-applikanti skont dan ir-Regolament.

3.   Suġġett għall-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Istati Membri għandhom, safejn ikun prattikabbli, jiżguraw li s-servizzi pprovduti jew magħmula disponibbli minn persunal militari lill-pubbliku msemmija fl-Artikolu 1(2)(c) ta’ dak ir-Regolament, joffru livell ta’ sikurezza li jkun tal-inqas ekwivalenti għal-livell meħtieġ mir-rekwiżiti essenzjali kif definiti fl-Anness Vb għal dak ir-Regolament.

4.   Bl-għan li jintlaħaq livell armonizzat ta’ sikurezza fl-ispazju tal-ajru Ewropew, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-prinċipji ta’ dan ir-Regolament għall-persunal militari tagħhom li jipprovdi servizzi lill-pubbliku msemmija fl-Artikolu 1(2)(c) ta’ dak ir-Regolament.

5.   Is-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jiġu pprovduti biss minn kontrolluri tat-traffiku tal-ajru liċenzjati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1.

“servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru” tfisser servizz mogħti bl-għan li jiġu evitati ħabtiet bejn inġenji tal-ajru, u, fiż-żona ta’ manuvrar, bejn inġenji tal-ajru u ostruzzjonijiet, u sabiex jitħaffef u jinżamm fluss ordnat tat-traffiku tal-ajru;

2.

“fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata li tipprovdi servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali;

3.

“traffiku tal-ajru ġenerali” tfisser il-movimenti kollha tal-inġenji tal-ajru ċivili, kif ukoll il-movimenti ta’ inġenji tal-ajru Statali (fosthom inġenji tal-ajru militari, doganali u tal-pulizija) meta dawn il-movimenti jitwettqu skont il-proċeduri tal-ICAO;

4.

“liċenzja” tfisser ċertifikat, bi kwalunkwe isem li bih jista' jkun magħruf, maħruġ u annotat skont dan ir-Regolament u li jagħti d-dritt lid-detentur leġittimu tiegħu li jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru skont il-klassifikazzjonijiet u l-annotazzjonijiet li jkun hemm fih;

5.

“klassifikazzjoni” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq jew assoċjata ma’ liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kundizzjonijiet, il-privileġġi jew il-limitazzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dik il-liċenzja;

6.

“annotazzjoni tal-klassifikazzjoni” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tagħmel parti minnha, li tindika l-kundizzjonijiet, il-privileġġi jew il-limitazzjonijiet speċifiċi relatati mal-klassifikazzjoni rilevanti;

7.

“annotazzjoni ta’ unità” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-indikatur tal-pożizzjoni tal-ICAO u s-setturi u/jew il-pożizzjonijiet ta’ ħidma fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu l-kompetenza li jaħdem;

8.

“annotazzjoni lingwistika” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kompetenza lingwistika tad-detentur;

9.

“annotazzjoni ta’ għalliem” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kompetenza tad-detentur li jagħti tagħlim ta’ taħriġ fuq ix-xogħol;

10.

“indikatur tal-pożizzjoni tal-ICAO” tfisser il-kodiċi b'erba' ittri fformulat skont ir-regoli preskritti mill-ICAO fil-manwal DOC 7910 tagħha u assenjat lill-pożizzjoni ta’ stazzjon ajrunawtiku fiss;

11.

“settur” tfisser parti minn żona ta’ kontroll u/jew parti minn reġjun/reġjun superjuri ta’ informazzjoni dwar it-titjir;

12.

“taħriġ” tfisser it-totalità tal-korsijiet teoretiċi, l-eżerċizzji prattiċi, fosthom is-simulazzjoni, u t-taħriġ fuq ix-xogħol li huma meħtieġa sabiex jinkisbu u jinżammu l-ħiliet meħtieġa sabiex jingħataw servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru li jkunu sikuri u ta’ kwalità għolja; dan jikkonsisti minn:

(a)

taħriġ inizjali, li jipprovdi taħriġ bażiku u għal klassifikazzjoni, li jwassal għall-għoti ta’ liċenzja ta’ student,

(b)

taħriġ tal-unità, inkluż it-taħriġ tranżitorju li jingħata qabel it-taħriġ fuq ix-xogħol, u t-taħriġ fuq ix-xogħol, li jwassal għall-għotja ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru,

(c)

taħriġ ta’ kontinwazzjoni, li jżomm il-validità tal-annotazzjonijiet tal-liċenzja,

(d)

taħriġ tal-għalliema li jagħtu taħriġ fuq ix-xogħol, li jwassal għall-għotja tal-annotazzjoni ta’ għalliem,

(e)

taħriġ tad-detenturi ta’ liċenzja li għandhom id-dritt li jaġixxu bħala eżaminaturi tal-kompetenza u/jew assessuri tal-kompetenza skont l-Artikolu 24;

13.

“organizzazzjoni ta’ taħriġ” tfisser organizzazzjoni li tkun ġiet iċċertifikata mill-awtorità kompetenti sabiex tipprovdi tip wieħed jew aktar ta’ taħriġ;

14.

“Skema ta’ Kompetenza tal-Unità” tfisser skema approvata li tindika l-metodu li permezz tiegħu l-unità żżomm il-kompetenza tad-detenturi tagħha ta’ liċenzja;

15.

“Pjan ta’ Taħriġ tal-Unità” tfisser pjan approvat li jispjega l-proċess u ż-żminijiet neċessarji sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-unità liż-żona lokali taħt is-superviżjoni ta’ għalliem li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol.

Artikolu 4

Awtorità kompetenti

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tkun l-awtorità nnominata jew stabbilita minn kull Stat Membru bħala l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom sabiex tassumi l-kompiti assenjati lil tali awtorità skont dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 27, fejn l-awtorità kompetenti għandha tkun:

(a)

l-awtorità nnominata jew stabbilita mill-Istat Membru meta l-applikant ikollu l-post tal-operat prinċipali tiegħu jew, jekk ikollu, l-uffiċċju reġistrat, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn Stati Membri jew awtoritajiet kompetenti;

(b)

l-Aġenzija jekk l-applikant ikollu l-post tal-operat prinċipali tiegħu jew, jekk ikollu, l-uffiċċju reġistrat, barra mit-territorju tal-Istati Membri.

KAPITOLU II

LIĊENZJI, KLASSIFIKAZZJONIJIET U ANNOTAZZJONIJIET

Artikolu 5

Applikazzjoni għal u ħruġ ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet u annotazzjonijiet

1.   L-applikazzjoni għall-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet u/jew annotazzjonijiet assoċjati, għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti skont il-proċedura stabbilita minn dik l-awtorità.

2.   L-applikazzjoni trid tkun akkumpanjata bi prova tal-kompetenza tal-applikant sabiex iservi bħala kontrollur tat-traffiku tal-ajru jew student kontrollur tat-traffiku tal-ajru skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-prova li turi l-kompetenza tal-applikant għandha tirrigwarda l-għarfien, l-esperjenza, il-ħiliet u l-kompetenza lingwistika.

3.   Il-liċenzja għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li hija relatata mal-privileġġi mogħtija minn dak id-dokument u għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness I.

4.   Il-liċenzja għandha tibqa' l-proprjetà tal-persuna li lilha tkun ingħatat u li għandha tiffirmaha.

Artikolu 6

Sospensjoni u revoka ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet u annotazzjonijiet

Skont l-Artikolu 22(2):

(a)

liċenzja, klassifikazzjoni jew annotazzjoni jistgħu jiġu sospiżi meta jkun hemm dubju dwar il-kompetenza tal-kontrollur tat-traffiku tal-ajru jew f'każijiet ta’ kondotta ħażina;

(b)

liċenzja tista' tiġi revokata f'każijiet ta’ traskuraġni serja jew abbuż.

Artikolu 7

Eżerċizzju tal-privileġġi tal-liċenzji

L-eżerċizzju tal-privileġġi mogħtija minn liċenzja għandu jiddependi fuq il-validità tal-klassifikazzjonijiet, l-annotazzjonijiet u taċ-ċertifikat mediku.

Artikolu 8

Liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru

1.   Id-detenturi ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru taħt is-superviżjoni ta’ għalliem li jipprovdi taħriġ fuq ix-xogħol skont il-klassifikazzjoni(jiet) u l-annotazzjoni(jiet) tal-klassifikazzjoni li jinsabu fil-liċenzja tagħhom.

2.   L-applikanti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru jridu:

(a)

ikollhom tal-inqas 18-il sena;

(b)

ikollhom tal-inqas diploma li tagħti aċċess għall-università jew ekwivalenti, jew kwalunkwe kwalifika oħra tal-edukazzjoni sekondarja li tippermettilhom li jtemmu t-taħriġ għal kontrollur tat-traffiku tal-ajru;

(c)

ikunu temmew b'suċċess taħriġ inizjali approvat li jkun rilevanti għall-klassifikazzjoni, u jekk applikabbli, għall-annotazzjoni tal-klassifikazzjoni, kif stipulat fil-Parti A tal-Anness II;

(d)

ikollhom ċertifikat mediku validu;

(e)

ikunu wrew livell adegwat ta’ kompetenza lingwistika skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13.

3.   Il-liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandha tinkludi l-annotazzjoni(jiet) lingwistika/lingwistiċi u tal-inqas klassifikazzjoni waħda u jekk applikabbli, annotazzjoni waħda tal-klassifikazzjoni.

Artikolu 9

Liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru

1.   Id-detenturi ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru skont il-klassifikazzjonijiet u l-annotazzjonijiet fil-liċenzja tagħhom.

2.   Il-privileġġi ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandhom jinkludu l-privileġġi ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru kif stipulati fl-Artikolu 8(1).

3.   L-applikanti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru jridu:

(a)

ikollhom tal-inqas 21 sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għal età minima iżgħar f'każijiet debitament ġustifikati;

(b)

ikollhom liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru;

(c)

ikunu temmew pjan approvat ta’ taħriġ tal-unità u rnexxilhom jgħaddu mill-eżamijiet jew mill-valutazzjonijiet xierqa skont ir-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness II;

(d)

ikollhom ċertifikat mediku validu;

(e)

ikunu wrew livell adegwat ta’ kompetenza lingwistika skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13.

4.   Il-liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandha tiġi validata bl-inklużjoni ta’ klassifikazzjoni waħda jew aktar u l-annotazzjonijiet rilevanti tal-klassifikazzjoni, tal-unità u lingwistiċi li għalihom ikun intemm b'suċċess it-taħriġ.

Artikolu 10

Klassifikazzjonijiet tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

1.   Il-liċenzji għandhom jinkludu klassifikazzjoni waħda jew akar minn dawn li ġejjin sabiex jindikaw it-tip ta’ servizz li d-detentur tal-liċenzja jista' jipprovdi:

(a)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll Viżiv ta’ Ajrudrom (ADV – Aerodrome Control Visual), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru f'ajrudrom li ma jkollux proċeduri ppubblikati ta’ avviċinament jew tluq bl-istrumenti;

(b)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll Strumentali ta’ Ajrudrom (ADI), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru għat-traffiku ta’ ajrudrom f'ajrudrom li jkollu proċeduri ppubblikati ta’ avviċinament jew tluq bl-istrumenti, u għandha tkun akkumpanjata tal-inqas b'waħda mill-annotazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni deskritti fl-Artikolu 11(1);

(c)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll Proċedurali tal-Avviċinament (APP), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lil inġenji tal-ajru li jaslu, jitilqu jew jittransitaw, mingħajr l-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(d)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll tal-Avviċinament b'Sorveljanza (APS), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lil inġenji tal-ajru li jaslu, jitilqu jew jittransitaw bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza u għandha tkun akkumpanjata tal-inqas b'waħda mill-annotazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni deskritti fl-Artikolu 11(2);

(e)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll Proċedurali ta’ Żona (ACP), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lil inġenji tal-ajru mingħajr l-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(f)

il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll ta’ Żona b'Sorveljanza (ACS), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lill-inġenji tal-ajru bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza u għandha tkun akkumpanjata tal-inqas b'waħda mill-annotazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni deskritti fl-Artikolu 11(3).

2.   Id-detentur ta’ klassifikazzjoni li ma jkunx eżerċita l-privileġġi assoċjati ma’ dik il-klassifikazzjoni għal kwalunkwe perjodu ta’ erba' snin wara xulxin, jista' jibda biss taħriġ tal-unità f'dik il-klassifikazzjoni wara li ssir valutazzjoni xierqa sabiex jiġi determinat jekk il-persuna kkonċernata tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dik il-klassifikazzjoni, u wara li tissodisfa kwalunkwe rekwiżit ta’ taħriġ li jirriżulta minn din il-valutazzjoni.

Artikolu 11

Annotazzjonijiet tal-klassifikazzjoni

1.   Il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll Strumentali ta’ Ajrudrom (ADI) għandu jkollha tal-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Torri ta’ Kontroll” (TWR), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll fejn il-kontroll tal-ajrudrom ikun ipprovdut minn pożizzjoni operattiva waħda;

(b)

l-annotazzjoni “Kontroll tal-Moviment fl-Art” (GMC), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi kontroll tal-movimenti fl-art;

(c)

l-annotazzjoni “Sorveljanza tal-Moviment fl-Art” (GMS), mogħtija flimkien mal-annotazzjoni “Kontroll tal-Moviment fl-Art” jew mal-annotazzjoni “Torri ta’ Kontroll”, li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi kontroll tal-movimenti fl-art bil-għajnuna ta’ sistemi ta’ gwida tal-moviment fuq is-superfiċji ta’ ajrudrom;

(d)

l-annotazzjoni “Kontroll tal-Ajru” (AIR), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi kontroll tal-ajru;

(e)

l-annotazzjoni “Kontroll bir-Radar ta’ Ajrudrom” (RAD), mogħtija flimkien mal-annotazzjoni “Kontroll tal-Ajru” jew l-annotazzjoni “Torri ta’ Kontroll”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi kontroll ta’ ajrudrom bil-għajnuna ta’ tagħmir tar-radar ta’ sorveljanza.

2.   Il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll tal-Avviċinament b'Sorveljanza (APS) għandu jkollha tal-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Radar” (RAD), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tal-avviċinament bl-użu ta’ tagħmir tar-radar primarju u/jew sekondarju;

(b)

l-annotazzjoni “Avviċinament b'Radar ta’ Preċiżjoni” (PAR), li tingħata flimkien mal-annotazzjoni “Radar”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi lill-inġenji tal-ajru li jkunu fil-fażi finali ta’ avviċinament għar-runway, avviċinamenti ta’ preċiżjoni kkontrollati mill-art bl-użu ta’ tagħmir tar-radar għall-avviċinament ta’ preċiżjoni;

(c)

l-annotazzjoni “Avviċinament b'Radar ta’ Sorveljanza” (SRA), li tingħata flimkien mal-annotazzjoni “Radar”, li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi lill-inġenji tal-ajru li jkunu fil-fażi finali ta’ avviċinament għar-runway, kontroll mill-art ta’ avviċinamenti mhux ta’ preċiżjoni, bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(d)

l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika” (ADS), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta’ kontroll tal-avviċinament bl-użu ta’ sorveljanza dipendenti awtomatika;

(e)

l-annotazzjoni “Kontroll tat-Terminal” (TCL), li tingħata flimkien mal-annotazzjoni “Radar” jew l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika”, li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru bl-użu ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ sorveljanza lil inġenji tal-ajru li joperaw f'żona speċifika ta’ terminal u/jew f'setturi kontigwi.

3.   Il-klassifikazzjoni ta’ Kontroll ta’ Żona b'Sorveljanza (ACS) għandu jkollha tal-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Radar” (RAD), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll ta’ żona bl-użu ta’ tagħmir tar-radar ta’ sorveljanza;

(b)

l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika” (ADS), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll ta’ żona bl-użu ta’ sorveljanza dipendenti awtomatika;

(c)

l-annotazzjoni “Kontroll tat-Terminal” (TCL), li tingħata flimkien mal-annotazzjoni “Radar” jew l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika”, li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru bl-użu ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ sorveljanza lil inġenji tal-ajru li joperaw f'żona speċifika ta’ terminal u/jew f'setturi kontigwi;

(d)

l-annotazzjoni “Kontroll Oċeaniku” (OCN), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lil inġenji tal-ajru li joperaw f'Żona ta’ Kontroll Oċeanika.

4.   Id-detentur ta’ annotazzjoni ta’ klassifikazzjoni li ma jkunx eżerċita l-privileġġi assoċjati ma’ dik l-annotazzjoni ta’ klassifikazzjoni għal kwalunkwe perjodu ta’ erba' snin wara xulxin, jista' jibda biss taħriġ tal-unità f'dik l-annotazzjoni ta’ klassifikazzjoni wara li ssir valutazzjoni xierqa sabiex jiġi determinat jekk il-persuna kkonċernata tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dik l-annotazzjoni ta’ klassifikazzjoni, u wara li tissodisfa kwalunkwe rekwiżit ta’ taħriġ li jirriżulta minn din il-valutazzjoni.

Artikolu 12

Annotazzjonijiet tal-unità

1.   L-annotazzjoni tal-unità għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru għal settur partikolari, grupp ta’ setturi jew pożizzjonijiet ta’ ħidma taħt ir-responsabbiltà ta’ unità ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru.

2.   L-annotazzjonijiet tal-unità għandhom ikunu validi għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar.

3.   Il-validità ta’ annotazzjonijiet tal-unità għandha tiġi estiża għal perjodu sussegwenti ta’ 12-il xahar aktar mill-perjodu previst fil-paragrafu 2 jekk il-fornitur tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru juri lill-awtorità kompetenti li:

(a)

l-applikant eżerċita l-privileġġi tal-liċenzja għal għadd minimu ta’ sigħat, kif indikat fl-iskema approvata ta’ kompetenzi tal-unità, matul l-aħħar 12-il xahar.

(b)

il-kompetenza tal-applikant tkun ġiet ivvalutata skont il-Parti C tal-Anness II, u

(c)

l-applikant ikollu ċertifikat mediku validu.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-unitajiet operattivi tal-operaturi ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom iżommu rekords tal-għadd effettiv ta’ sigħat maħduma fis-setturi, grupp ta’ setturi jew fil-pożizzjonijiet ta’ ħidma għal kull detentur ta’ liċenzja li jaħdem fl-unità u għandhom jipprovdu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u lid-detentur tal-liċenzja meta jiġu mitluba.

4.   L-għadd minimu ta’ sigħat ta’ xogħol, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-kompiti ta’ tagħlim, meħtieġa sabiex tinżamm il-validità tal-annotazzjoni tal-unità, jistgħu jitnaqqsu għall-għalliema li jagħtu taħriġ fuq ix-xogħol, b'mod proporzjonali mal-ħin ta’ tagħlim fuq il-pożizzjonijiet ta’ ħidma li għalihom tiġi applikata l-estensjoni, kif indikat fl-iskema approvata tal-kompetenzi tal-unità.

5.   Fejn ma jibqgħux validi l-annotazzjonijiet tal-unità, għandu jiġi kompletat b'suċċess pjan ta’ taħriġ tal-unità sabiex terġa' tiġi vvalidata l-annotazzjoni.

Artikolu 13

Annotazzjoni lingwistika

1.   Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u l-istudenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru m'għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom jekk ma jkollhomx annotazzjoni fil-lingwa Ingliża.

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti lingwistiċi lokali meta dawn ikunu meqjusa meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza.

Tali rekwiżiti għandhom ikunu nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti u għandhom jiġu nnotifikati lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

3.   Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2, l-applikant għal annotazzjoni lingwistika għandu tal-inqas juri livell operattiv (livell erbgħa) ta’ kompetenza lingwistika kemm fl-użu tal-frażjoloġija kif ukoll tal-lingwaġġ komuni.

Biex jagħmel dan, l-applikant għandu:

(a)

jikkomunika b'mod effettiv f'sitwazzjonijiet ta’ kuntatt orali biss (bit-telefon/bir-radjutelefonija) u f'sitwazzjonijiet wiċċ imbwiċċ;

(b)

jikkomunika bi preċiżjoni u ċarezza dwar argumenti komuni, konkreti u relatati max-xogħol;

(c)

juża strateġiji komunikattivi xierqa sabiex jiskambja messaġġi u biex jagħraf u jsolvi nuqqas ta’ ftehim f'kuntest ġenerali jew relatat max-xogħol;

(d)

jirnexxilu jindirizza, b'faċilità relattiva, id-diffikultajiet lingwistiċi li jinħolqu minn kumplikazzjoni jew żvilupp mhux mistenni ta’ sitwazzjonijiet li jseħħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni tax-xogħol ta’ rutina jew kompitu ta’ komunikazzjoni li normalment ikunu familjari miegħu, u

(e)

juża djalett jew aċċett li jinftiehem mill-komunità ajrunawtika.

4.   Il-livell ta’ kompetenza lingwistika għandu jiġi determinat skont l-iskala ta’ klassifikazzjoni ppreżentata fl-Anness III.

5.   Minkejja l-paragrafu 3, il-fornitur tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jista' jitlob għal livell ogħla (livell ħamsa) tal-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-kompetenza lingwistika stipulata fl-Anness III għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, fejn iċ-ċirkustanzi operattivi tal-klassifikazzjoni jew l-annotazzjoni partikolari jitolbu livell ogħla għal raġunijiet imperattivi ta’ sikurezza. Tali rekwiżit għandu jkun nondiskriminatorju, proporzjonat, trasparenti u ġustifikat b'mod oġġettiv mill-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jkun jixtieq japplika l-livell ogħla ta’ kompetenza u approvat mill-awtorità kompetenti.

6.   Il-kompetenza lingwistika tal-applikant għandha tiġi evalwata b'mod formali f'intervalli regolari.

Ħlief għal dawk l-applikanti li jkunu wrew kompetenza lingwistika f'livell espert (livell sitta) skont l-Anness III, l-annotazzjoni lingwistika għandha tkun valida għal perjodu rinnovabbli ta':

(a)

tliet snin jekk il-livell muri jkun livell operattiv (livell erbgħa) skont l-Anness III, jew

(b)

sitt snin jekk il-livell muri jkun livell estiż (livell ħamsa) skont l-Anness III.

7.   Il-kompetenza lingwistika għandha tiġi murija permezz ta’ ċertifikat maħruġ wara proċedura trasparenti u oġġettiva ta’ valutazzjoni approvata mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 14

Annotazzjoni ta’ għalliem

1.   Id-detenturi ta’ annotazzjoni ta’ għalliem għandhom ikunu awtorizzati sabiex jipprovdu taħriġ fuq ix-xogħol u superviżjoni f'pożizzjoni tax-xogħol għall-oqsma koperti minn annotazzjoni valida tal-unità.

2.   L-applikanti għall-ħruġ ta’ annotazzjoni ta’ għalliem iridu:

(a)

ikollhom liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru;

(b)

ikunu eżerċitaw il-privileġġi ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għal perjodu, immedjatament preċedenti, ta’ mill-anqas sena, jew għal perjodu ta’ żmien itwal kif stabbilit mill-awtorità kompetenti wara li jitqiesu l-klassifikazzjonijiet u l-annotazzjonijiet li għalihom jingħata t-tagħlim, u

(c)

ikunu rnexxilhom itemmu kors approvat ta’ taħriġ għal għalliem li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol, li matulu l-għarfien meħtieġ u l-ħiliet pedagoġiċi jkunu ġew ivvalutati permezz ta’ eżamijiet adegwati.

3.   L-annotazzjoni ta’ għalliem għandha tkun valida għal perjodu rinnovabbli ta’ tliet snin.

KAPITOLU III

ĊERTIFIKAZZJONI MEDIKA

Artikolu 15

Applikazzjonijiet u ħruġ ta’ ċertifikati mediċi

1.   L-applikazzjonijiet għall-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ ċertifikati mediċi għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti skont il-proċedura stabbilita minn dik l-awtorità.

2.   Iċ-ċertifikati mediċi għandhom jinħarġu minn organu mediku kompetenti tal-awtorità kompetenti jew minn eżaminaturi ajrumediċi jew ċentri ajrumediċi approvati minn dik l-awtorità.

3.   Il-ħruġ ta’ ċertifikati mediċi għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u r-Rekwiżiti stabbiliti mill-Eurocontrol għaċ-Ċertifikazzjoni Medika Ewropea ta’ Klassi 3 tal-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri effettivi ta’ reviżjoni jew ta’ appell bl-involviment xieraq ta’ konsulenti mediċi indipendenti.

Artikolu 16

Validità taċ-ċertifikati mediċi

1.   Iċ-ċertifikati mediċi għandhom ikunu validi għal perjodu ta':

(a)

24 xahar sakemm il-kontrollur tat-traffiku tal-ajru jagħlaq l-erbgħin (40) sena;

(b)

12-il xahar wara l-età ta’ 40 sena.

2.   Il-perjodi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati mid-data tal-eżami mediku fil-każ ta’ ħruġ inizjali u tiġdid ta’ ċertifikat mediku, u mid-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat mediku preċedenti fil-każ ta’ validazzjoni mill-ġdid.

3.   L-eżaminazzjonijiet għall-validazzjoni mill-ġdid ta’ ċertifikat mediku jistgħu jsiru sa 45 ġurnata qabel id-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat mediku.

4.   F'każ li l-kontrollur tat-traffiku tal-ajru ma jissottomettix ruħu għal eżaminazzjoni għall-validazzjoni mill-ġdid sad-data li fiha jiskadi ċ-ċertifikat, ikun meħtieġ eżaminazzjoni għat-tiġdid.

5.   Iċ-ċertifikat mediku jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat fi kwalunkwe ħin jekk il-kundizzjoni medika tad-detentur titlob dan.

Artikolu 17

Tnaqqis fis-saħħa fiżika

1.   Id-detenturi ta’ liċenzja:

(a)

m'għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom fl-ebda ħin meta jindunaw b'xi tnaqqis fis-saħħa fiżika tagħhom li jista' jżommhom milli jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja mingħajr periklu;

(b)

għandhom jinnotifikaw lill-fornitur rilevanti tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru li qegħdin jindunaw b'xi tnaqqis fis-saħħa fiżika tagħhom jew li qegħdin taħt l-influwenza ta’ xi sustanza jew mediċini psikoattivi li jistgħu jfixkluhom milli jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja mingħajr periklu.

2.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-ġestjoni tal-impatt fuq it-tħaddim f'każijiet ta’ tnaqqis fis-saħħa fiżika u jinformaw lill-awtorità kompetenti meta detentur ta’ liċenzja jkun ġie eżaminat u nstab li mhux f'saħħtu.

3.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu (2) għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti.

KAPITOLU IV

REKWIŻITI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET TA' TAĦRIĠ

Artikolu 18

Ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ

1.   L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti skont il-proċedura stabbilita minn dik l-awtorità.

2.   L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandhom juru, permezz ta’ evidenza, li għandhom persunal u tagħmir adegwat u joperaw f'ambjent adattat għall-għoti tat-taħriġ neċessarju sabiex jinkisbu jew jinżammu liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u liċenzji ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

3.   L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandhom jagħtu aċċess għall-bini rilevanti lil kwalunkwe persuna awtorizzata mill-awtorità kompetenti sabiex teżamina r-rekords, l-informazzjoni, il-proċeduri u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tal-awtorità rilevanti.

Artikolu 19

Sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ

L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandhom:

(a)

ikollhom sistema ta’ ġestjoni effiċjenti u persunal suffiċjenti bi kwalifiki u esperjenza adegwati sabiex jagħtu taħriġ skont dan ir-Regolament;

(b)

jiddefinixxu b'mod ċar lista tal-persuni responsabbli mis-sikurezza fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ approvata, li tindika wkoll min mill-amministrazzjoni għolja jkun direttament responsabbli mis-sikurezza.

(c)

ikollhom il-faċilitajiet, it-tagħmir u l-akkomodazzjoni adattati meħtieġa għat-tip ta’ taħriġ offrut;

(d)

jagħtu prova tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni fis-seħħ sabiex timmonitorja l-konformità u l-adegwatezza tas-sistemi u l-proċeduri li jiżguraw li s-servizzi ta’ taħriġ mogħtija jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament;

(e)

jinkludu sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti ħażna adegwata u traċċabilità affidabbli tal-attivitajiet rilevanti;

(f)

juru li għandhom fondi suffiċjenti sabiex imexxu t-taħriġ skont dan ir-Regolament u li l-attivitajiet huma koperti b'assigurazzjoni suffiċjenti skont in-natura tat-taħriġ mogħti.

Artikolu 20

Rekwiżiti għall-korsijiet ta’ taħriġ, għall-pjanijiet ta’ taħriġ inizjali u tal-unità u għall-iskemi ta’ kompetenzi tal-unità

1.   L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti, il-metodoloġija li se jużaw sabiex jistabbilixxu d-dettalji tal-kontenut, l-organizzazzjoni u t-tul tal-korsijiet ta’ taħriġ u fejn applikabbli, il-pjanijiet ta’ taħriġ tal-unità u l-iskemi ta’ kompetenzi tal-unità.

2.   Din għandha tinkludi l-mod kif jiġu organizzati l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet. Għall-eżamijiet relatati mat-taħriġ inizjali, inkluż it-taħriġ b'simulazzjoni, il-kwalifiki tal-eżaminaturi u tal-assessuri għandhom jiġu indikati b'mod dettaljat.

KAPITOLU V

REKWIŻITI GĦALL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 21

Indipendenza tal-awtorità kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u mill-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ. Din l-indipendenza għandha tinkiseb permezz ta’ separazzjoni adegwata, tal-anqas fil-livell funzjonali, bejn l-awtoritajiet kompetenti u dawn il-fornituri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw il-poteri tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll bi kwalunkwe tibdil fihom.

Artikolu 22

Kompiti tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex jiġu żgurati dawk il-livelli ta’ kompetenza indispensabbli għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru sabiex iwettqu xogħlhom skont standards għolja ta’ sikurezza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw u jimmonitorjaw it-taħriġ tagħhom.

2.   Il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu:

(a)

il-ħruġ u r-revoka ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet u annotazzjonijiet li għalihom ikun sar it-taħriġ u l-valutazzjoni rilevanti taħt il-qasam ta’ responsabbiltà tal-awtorità kompetenti;

(b)

il-validazzjoni mill-ġdid, it-tiġdid u s-sospensjoni ta’ klassifikazzjonijiet u annotazzjonijiet, li l-privileġġi tagħhom jiġu eżerċitati taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti;

(c)

iċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ;

(d)

l-approvazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ, pjanijiet ta’ taħriġ tal-unità u skemi ta’ kompetenza tal-unità;

(e)

l-approvazzjoni ta’ eżaminaturi jew ta’ assessuri tal-kompetenza;

(f)

il-monitoraġġ u l-verifika tas-sistemi ta’ taħriġ;

(g)

l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ appell u ta’ notifika;

(h)

l-approvazzjoni tal-ħtieġa ta’ kompetenza lingwistika fil-livell estiż (livell ħamsa) skont l-Artikolu 13(5).

(i)

l-approvazzjoni tal-proċeduri relatati mat-tnaqqis ta’ saħħa fiżika skont l-Artikolu 17(3).

Artikolu 23

Ħruġ u żamma ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet, annotazzjonijiet u ċertifikati

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-applikazzjoni u l-ħruġ, it-tiġdid u l-validazzjoni mill-ġdid ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet, annotazzjonijiet u ċertifikati mediċi assoċjati.

2.   Wara li tirċievi applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta tkun sodisfatta li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ, iġġedded jew terġa' tivvalida l-liċenzja rilevanti, il-klassifikazzjoni, l-annotazzjoni jew iċ-ċertifikat mediku assoċjati.

4.   Il-liċenzja maħruġa mill-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-elementi stipulati fl-Anness I.

5.   Meta liċenzja tinħareġ b'lingwa li ma tkunx l-Ingliż, din għandha tinkludi traduzzjoni bl-Ingliż tal-elementi stipulati fl-Anness I.

Artikolu 24

Valutazzjoni tal-kompetenza

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japprovaw lid-detenturi ta’ liċenzja li jkollhom id-dritt li jaġixxu bħala eżaminaturi tal-kompetenza jew assessuri tal-kompetenza għal taħriġ tal-unità u ta’ kontinwazzjoni.

2.   L-approvazzjoni għandha tkun valida għal perjodu rinnovabbli ta’ tliet snin.

Artikolu 25

Żamma tar-rekords

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li tinżamm database li telenka l-kompetenzi tad-detenturi ta’ liċenzja li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom u d-dati ta’ validità tal-annotazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 26

Skambju ta’ informazzjoni

B'rispett għall-prinċipji tal-kunfidenzjalità stipulati fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni xierqa u jassistu li xulxin biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, b'mod partikolari f'każijiet li jinvolvu l-moviment liberu ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fl-Unjoni.

Artikolu 27

Proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-applikazzjoni, ħruġ u żamma tal-validità taċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu ċertifikati meta l-organizzazzjoni ta’ taħriġ applikanta tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu IV.

3.   Jista' jinħareġ ċertifikat għal kull tip ta’ taħriġ jew flimkien ma’ servizzi oħra ta’ navigazzjoni bl-ajru, sabiex it-tip ta’ taħriġ u t-tip ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jiġu ċċertifikati bħala pakkett ta’ servizzi.

4.   Iċ-ċertifikat għandu jispeċifika l-informazzjoni msemmija fl-Anness IV.

Artikolu 28

Monitoraġġ tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ u infurzar

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni ta’ taħriġ.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ fuq bażi regolari bl-għan li jiggarantixxu konformità effettiva mal-istandards stipulati f'dan ir-Regolament.

3.   Minbarra l-verifika regolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu spezzjonijiet għal għarrieda sabiex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti kontenuti f'dan ir-Regolament.

4.   Jekk awtorità kompetenti ssib li d-detentur ta’ ċertifikat ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikat tiegħu, hija għandha tieħu l-miżuri xierqa ta’ infurzar, li jistgħu jinkludu l-irtirar taċ-ċertifikat.

5.   Iċ-ċertifikati maħruġa skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu rikonoxxuti b'mod reċiproku.

Artikolu 29

Rikonoxximent tal-liċenzji

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u tal-istudenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u l-klassifikazzjonijiet, l-annotazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u l-annotazzjonijiet lingwistiċi assoċjati magħhom kif ukoll iċ-ċertifikati mediċi assoċjati magħhom maħruġa minn Stati Membri oħra skont dan ir-Regolament.

Madankollu, f'każ li Stat Membru jkun ippreveda għal età minima iżgħar minn 21 sena skont l-Artikolu 9(3), id-dritt li jeżerċita l-privileġġi tad-detentur ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jkun limitat għat-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja sakemm id-detentur jagħlaq 21 sena.

F'każijiet fejn detentur ta’ liċenzja jeżerċita l-privileġġi tal-liċenzja fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun inħarġet il-liċenzja, id-detentur tal-liċenzja għandu jkollu d-dritt li jibdel il-liċenzja tiegħu ma’ liċenzja maħruġa fl-Istat Membru fejn ikunu eżerċitati l-privileġġi, mingħajr ma jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali.

Sabiex tagħti annotazzjoni tal-unità, l-awtorità kompetenti għandha tesiġi li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet partikolari marbuta ma’ din l-annotazzjoni, billi tispeċifika l-unità, is-settur jew il-pożizzjoni ta’ ħidma. Meta tistabbilixxi l-pjan ta’ taħriġ tal-unità, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ għandha tikkunsidra l-kompetenzi miksuba u l-esperjenza tal-applikant.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova jew tirrifjuta l-pjan għat-taħriġ tal-unità li jkun fih it-taħriġ propost għall-applikant mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara l-preżentazzjoni tal-evidenza, bla ħsara għad-dewmien li jirriżulta minn kwalunkwe appell li jista' jsir. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jiġu rrispettati l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Konformità mar-rekwiżiti essenzjali

L-Aġenzija għandha tagħmel evalwazzjoni tas-sistema ta’ liċenzjar tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament u tat-titjib ulterjuri meħtieġ għal “approċċ ta’ sistema totali tal-avjazzjoni” u sabiex tistabbilixxi konformità sħiħa mar-rekwiżiti essenzjali kif deskritti fl-Anness Vb tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 bl-għan li tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni, li tinkludi l-emendi li jista' jkun hemm għal dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Derogi

1.   B'deroga mill-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri li jkunu żviluppaw annotazzjonijiet nazzjonali tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2006/23/KE jistgħu jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom kif tkun fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   B'deroga mill-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri li jkunu pprovdew li l-privileġġi ta’ annotazzjoni tal-unità jiġu eżerċitati biss minn detenturi ta’ liċenzja taħt età partikolari skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/23/KE, jistgħu jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom kif tkun fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   F'każ li Stat Membru jiddeċiedi li japplika d-derogi previsti fil-paragrafi 1 u 2, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija.

Artikolu 32

Arranġamenti tranżitorji

1.   B'deroga mill-Anness II, Parti A ta’ dan ir-Regolament, l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ jistgħu jkomplu japplikaw il-pjanijiet ta’ taħriġ abbażi tal-edizzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2004 tal-Linjigwida għat-Taħriġ Inizjali tal-Kontenut Bażiku Komuni tal-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru “Guidelines for air traffic controllers Common Core Content Initial Training” tal-Eurocontrol, għal perjodu ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-liċenzji, klassifikazzjonijiet, annotazzjonijiet, ċertifikati mediċi u ċertifikati għall-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali bbażata fuq id-Direttiva 2006/23/KE fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu li nħarġu skont dan ir-Regolament.

3.   L-applikanti għal liċenzja, klassifikazzjoni, annotazzjoni, ċertifikat mediku jew ċertifikat ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ, li jkunu ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkunu għadhom ma nħarġulhomx liċenzja, klassifikazzjoni, annotazzjoni, ċertifikat mediku jew ċertifikat ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ, għandhom juru konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament qabel ma tinħarġilhom il-liċenzja, klassifikazzjoni, annotazzjoni, ċertifikat mediku jew ċertifikat ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ.

4.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li jkollhom lill-Aġenzija bħala l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 4 ikunu applikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha tiffinalizza l-proċess ta’ ċertifikazzjoni b'koordinazzjoni mal-Aġenzija u tittrasferixxi l-fajl lill-Aġenzija malli jinħareġ iċ-ċertifikat.

5.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li kellha r-responsabbiltà għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li kellhom lill-Aġenzija bħala l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 4, għandha tittrasferixxi l-funzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza ta’ dawk l-organizzazzjonijiet lill-Aġenzija, sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34).

(3)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 22.

(4)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 51

(5)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦAL-LIĊENZJI

Il-liċenzji maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

1.   Dettalji

1.1.

Id-dettalji li ġejjin iridu jidhru fuq il-liċenzja, b'asterisk li tindika dawk l-elementi li jridu jiġu tradotti għall-Ingliż:

(a)

*l-isem tal-Istat jew tal-Awtorità li toħroġ il-liċenzja (b'tipa grassa);

(b)

*it-titlu tal-liċenzja (b'tipa grassa ħafna);

(c)

in-numru tas-serje tal-liċenzja, b'numerazzjoni Għarbija, mogħti mill-awtorità li toħroġ il-liċenzja;

(d)

l-isem sħiħ tad-detentur (bl-użu tal-alfabett Ruman anki jekk l-iskrittura tal-lingwa nazzjonali tkun differenti minn dik Rumana);

(e)

id-data tat-twelid;

(f)

in-nazzjonalità tad-detentur;

(g)

il-firma tad-detentur;

(h)

*Ċertifikazzjoni fir-rigward tal-validità u l-awtorizzazzjoni tad-detentur sabiex jeżerċita l-privileġġi xierqa għal-liċenzja, li tindika:

(i)

il-klassifikazzjonijiet, l-annotazzjonijiet tal-klassifikazzjoni, l-annotazzjonijiet lingwistiċi, l-annotazzjonijiet ta’ għalliem u l-annotazzjonijiet tal-unità,

(ii)

id-dati meta nħarġu l-ewwel darba,

(iii)

id-dati meta tiskadi l-validità tagħhom;

(i)

il-firma tal-uffiċjal li ħareġ il-liċenzja u d-data ta’ tali ħruġ;

(j)

is-siġill jew timbru tal-awtorità li ħarġet il-liċenzja.

1.2.

Il-liċenzja trid tkun akkumpanjata minn ċertifikat mediku validu.

2.   Materjal

Il-materjal użat għandu jkun karta ta’ kwalità prima jew materjal adegwat ieħor u għandhom jidhru fuqu b'mod ċar l-elementi msemmija fil-punt 1.

3.   Kulur

3.1.

Fejn jintuża materjal tal-istess kulur għal-liċenzji kollha relatati mal-avjazzjoni maħruġa minn Stat Membru, dan il-kulur irid ikun abjad.

3.2.

Fejn il-liċenzji relatati mal-avjazzjoni maħruġa minn Stat Membru jkunu distinti permezz ta’ mmarkar bil-kulur, il-kulur tal-liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jkun isfar.


ANNESS II

REKWIŻITI TA’ TAĦRIĠ

PARTI A

Rekwiżiti ta’ taħriġ inizjali għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

It-taħriġ inizjali għandu jassigura li l-istudenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jissodisfaw tal-inqas l-għanijiet għat-taħriġ bażiku u ta’ klassifikazzjoni, kif deskritt fl-edizzjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 tal-Ispeċifikazzjoni għat-Taħriġ Inizjali tal-Kontenut Bażiku Komuni tal-ATCO “Specification for the ATCO Common Core Content Initial Training” (1) tal-Eurocontrol, sabiex il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jkunu kapaċi jimmaniġġaw it-traffiku tal-ajru b’mod sikur, rapidu u effiċjenti.

It-taħriġ inizjali għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin: il-liġi tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inklużi l-proċeduri għall-kooperazzjoni ċivili-militari, il-meteoroloġija, in-navigazzjoni, l-inġenji tal-ajru u l-prinċipji tat-titjir, inkluż il-fehim bejn il-kontrollur tat-traffiku tal-ajru u l-pilota, il-fatturi umani, it-tagħmir u s-sistemi, l-ambjent professjonali, is-sikurezza u l-kultura tas-sikurezza, is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza, sitwazzjonijiet mhux tas-soltu/ta’ emerġenza, is-sistemi degradati u l-għarfien lingwistiku, inkluż il-frażjoloġija użata fir-radjutelefonija.

Is-suġġetti għandhom jiġu mgħallma b’mod li jippreparaw lill-applikanti għat-tipi differenti ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru u jenfasizzaw l-aspetti tas-sikurezza. It-taħriġ inizjali għandu jikkonsisti minn korsijiet teoretiċi u prattiċi, fosthom is-simulazzjoni, u t-tul tiegħu għandu jiġi ddeterminat fil-pjanijiet approvati tat-taħriġ inizjali. Il-ħiliet miksuba għandhom jassiguraw li l-kandidat ikun jista’ jitqies bħala kompetenti sabiex jimmaniġġa sitwazzjonijiet kumplessi u densi ta’ traffiku, li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għat-taħriġ tal-unità.

Il-kompetenza tal-kandidat wara t-taħriġ inizjali għandha tiġi vvalutata permezz ta’ eżamijiet xierqa jew sistema ta’ valutazzjoni kontinwa.

PARTI B

Rekwiżiti ta’ taħriġ tal-unità għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

Il-pjanijiet ta’ taħriġ tal-unità għandhom jispeċifikaw il-proċessi u l-perjodi neċessarji għall-applikazzjoni tal-proċeduri tal-unità għaż-żona lokali taħt is-superviżjoni tal-għalliem li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol. Il-pjan approvat għandu jinkludi indikazzjonijiet tal-elementi kollha tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kompetenza, fosthom l-arranġamenti tax-xogħol, il-valutazzjoni u l-eżami tal-progress, flimkien mal-proċeduri sabiex tiġi nnotifikata l-awtorità kompetenti. It-taħriġ tal-unità jista’ jinkludi ċerti elementi mit-taħriġ inizjali li jkunu speċifiċi għall-kundizzjonijiet nazzjonali.

Waqt it-taħriġ tal-unità, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom jitħarrġu b’mod suffiċjenti dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

It-tul ta’ taħriġ tal-unità għandu jiġi ddeterminat fil-pjan ta’ taħriġ tal-unità. Il-ħiliet meħtieġa għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ eżamijiet xierqa jew sistema ta’ valutazzjoni kontinwa, minn eżaminaturi jew assessuri approvati tal-kompetenza li għandhom ikunu newtrali u oġġettivi fil-ġudizzju tagħhom. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ appell sabiex jiżguraw trattament ġust tal-kandidati.

PARTI C

Rekwiżiti ta’ taħriġ ta’ kontinwazzjoni għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

Il-klassifikazzjonijiet u l-annotazzjonijiet tal-unità fuq il-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom jinżammu validi permezz ta’ taħriġ approvat ta’ kontinwazzjoni, li jikkonsisti f’taħriġ għaż-żamma tal-ħiliet tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, korsijiet ta’ aġġornament, taħriġ għall-emerġenzi u, fejn ikun xieraq, taħriġ lingwistiku.

Waqt it-taħriġ ta’ kontinwazzjoni, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom jitħarrġu b’mod suffiċjenti dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

It-taħriġ ta’ kontinwazzjoni għandu jikkonsisti f’korsijiet teoretiċi u prattiċi, flimkien mal-użu ta’ simulazzjoni. Għal dan l-għan, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ għandha tistabbilixxi skemi ta’ kompetenza tal-unità li jispeċifikaw il-proċessi, il-persunal u ż-żmien neċessarju sabiex jipprovdu għat-taħriġ adegwat ta’ kontinwazzjoni u sabiex juru l-kompetenza. Dawn l-iskemi għandhom jiġu riveduti u approvati tal-inqas kull tliet snin. It-tul tat-taħriġ ta’ kontinwazzjoni għandu jiġi deċiż skont il-ħtiġijiet funzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li jaħdmu fl-unità, b’mod partikolari fid-dawl ta’ bidliet jew ta’ bidliet ippjanati fil-proċeduri jew fit-tagħmir, jew fid-dawl tar-rekwiżiti ġenerali ta’ ġestjoni tas-sikurezza. Il-kompetenza ta’ kull kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandha tiġi vvalutata b’mod xieraq tal-inqas kull tliet snin. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jassigura li jiġu applikati mekkaniżmi li jiżguraw it-trattament ġust tad-detenturi ta’ liċenzji meta l-validità tal-annotazzjonijiet tagħhom ma tkunx tista’ tiġi estiża.


(1)  Edizzjoni 1.0, Data tal-edizzjoni: 21.10.2008, Nru ta’ Referenza: EUROCONTROL-SPEC-0113.


ANNESS III

REKWIŻITI GĦALL-KOMPETENZA LINGWISTIKA

Skala ta’ klassifikazzjoni tal-kompetenza lingwistika: livell ta’ espert, livell avvanzat u livell operattiv.

Livell

Pronunzja

Juża djalett u/jew aċċent li jinftiehem mal-komunità aeronawtika.

Struttura

Strutturi grammatikali rilevanti u frażijiet rilevanti huma ddeterminati mill-funzjonijiet tal-lingwa meħtieġa għall-funzjoni.

Vokabularju

Ħeffa fil-kliem

Komprensjoni

Interazzjonijiet

Espert

6

Pronunzja, aċċent, ritmu u intonazzjoni, għalkemm possibilment influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, kważi qatt ma jaffettwaw il-faċilità li wieħed jiftiehem.-{}-

Kemm l-istrutturi grammatikali bażiċi u kumplessi u frażijiet rilevanti huma kkontrollati tajjeb u b’ konsistenza.

Il-firxa tal-vokabularju u l-preċiżjoni huma suffiċjenti biex jikkomunika b'mod effettiv fuq medda wiesgħa ta’ suġġetti kemm familjari u le. Il-vokabularju huwa idjomatiku, varjat u tajjeb biex jiġi reġistrat.

Kapaċi jitkellem fit-tul b'mod naturali u mingħajr tbatija. Kapaċi jvarja d-diskors biex jikseb effett stilistiku, eż. biex jenfasizza punt. Jagħmel użu b'mod spontanju mill-marki u l-konnetturi tad-diskors.

Il-komprensjoni hija kontinwament preċiża kważi fil-kuntesti kollha u tinkludi l-komprensjoni ta’ irqaqat lingwistiċi u kulturali.

Interazzjoni mingħajr tbatija kważi fis-sitwazzjonijiet kollha. Jirrispondi b'mod tajjeb u huwa sensittiv għas-sinjali verbali u mhux verbali.

Avvanzat

5

Pronunzja, aċċent, ritmu u intonazzjoni, għalkemm influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, rarament jaffettwaw il-faċilità li wieħed jiftiehem.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u kumplessi u frażijiet rilevanti huma kkontrollati tajjeb u b’ konsistenza. Jipprova juża strutturi kumplessi, iżda bi żbalji li xi kultant jaffetwaw is-sinifikat.

Il-firxa tal-vokabularju u l-preċiżjoni huma suffiċjenti biex jikkomunika b'mod effettiv fuq argumenti komuni, konkreti, u dwar suġġetti relatati max-xogħol. Jagħmel użu konsistenti u tajjeb ta’ parafrażi. Il-vokabularju huwa xi kultant idjomatiku.

Kapaċi jitkellem fit-tul mingħajr tbatija dwar suġġetti familjari, iżda mhux kapaċi jvarja d-diskors biex jikseb effett stilistiku. Kapaċi jagħmel użu mill-marki u l-konnetturi tad-diskors kif suppost.

Il-komprensjoni hija preċiża għal argumenti komuni, konkreti, u dwar suġġetti relatati max-xogħol u b'mod preċiż meta l-kelliem ikun iffaċċjat bi problema lingwistika jew b'sitwazzjoni kumplikata jew minn sitwazzjoni mhux mistennija. Kapaċi jifhem firxa ta’ varjetà fid-diskors (djalett u/jew aċċent) jew reġistri.

Jirrispondi b'mod immedjat, adegwat u informattiv. Jikkontrolla r-relazzjoni kelliem/semmiegħ b'mod effettiv.

operazzjonali

4

Pronunzja, aċċent, ritmu u intonazzjoni, huma influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, iżda xi kultant jaffettwaw il-faċilità li wieħed jiftiehem.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u frażijiet rilevanti huma użati b'mod kreattiv u huma ġeneralment ikkontrollati tajjeb. Jistgħu jseħħu xi żbalji, b'mod partikulari f' sitwazzjonijiet mhux tas-soltu jew mhux mistennija, iżda rarament jaffettwaw is-sinifikat.

Il-firxa tal-vokabularju u l-preċiżjoni huma normalment suffiċjenti biex jikkomunika b'mod effettiv fuq argumenti komuni, konkreti, u dwar suġġetti relatati max-xogħol. Kapaċi, ta’ spiss, jagħmel użu minn parafrażi b'mod tajjeb fin-nuqqas ta’ vokabularju f'sitwazzjonijiet mhux tas-soltu jew mhux mistennija.

Kapaċi jesprimi kunċett b'ritmu tajjeb. Xi kultant jaf ikun hemm xi telf fil-ħeffa tal-kliem minn diskors ipprattikat jew ifformulat għal interazzjoni spontanja, iżda dan ma jfixkilx il-komunikazzjoni effettiva. Kapaċi jagħmel użu limitat mill-marki u l-konnetturi tad-diskors. Kliem żejjed biex jimla ma jtellfux l-attenzjoni.

Il-komprensjoni hija fil-biċċa l-kbira preċiża għal argumenti komuni, konkreti, u dwar suġġetti relatati max-xogħol meta l-aċċent jew varjazzjoni wżata hija suffiċjentament intelliġibli għal komunità internazzjonali li tagħmel użu minnha. Meta l-kelliem ikun iffaċċjat bi problema lingwistika jew b'sitwazzjoni kumplikata jew minn sitwazzjoni mhux mistennija, il-komprensjoni taf iseħħ iktar bil-mod jew ikunu meħtieġa strateġiji għall-kjarafikazzjoni.

Normalment, jirrispondi b'mod immedjat, adegwat u informattiv. Jibda u jżomm il-konversazzjoni anki meta jitratta sitwazzjoni mhux mistennija. Jitratta b'mod adegwat f'każijiet ta’ nuqqas ta’ fehim apparenti billi jivverifika, jikkonferma u jikkjarifika.


Skala ta’ klassifikazzjoni tal-kompetenza lingwistika: livell preoperattiv, livell elementari u livell preelementari.

Livell

Pronunzja

Juża djalett u/jew aċċent li jinftiehem mal-komunità ajrunawtika.

Struttura

Strutturi grammatikali rilevanti u frażijiet rilevanti huma ddeterminati mill-funzjonijiet tal-lingwa meħtieġa għall-kompitu.

Vokabularju

Ħeffa fil-kliem

Komprensjoni

Interazzjonijiet

Preoperattiv

3

Pronunzja, aċċent, ritmu u intonazzjoni, huma influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, u ta’ spiss jaffettwaw il-faċilità li wieħed jifhem.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u frażijiet rilevanti assoċjati ma’ sitwazzjonijiet prevedibbli mhumiex dejjem kontrollati tajjeb. Żbalji ta’ spiss jaffettwaw is-sinifikat.

Il-firxa tal-vokabularju u l-preċiżjoni huma ta’ spiss suffiċjenti biex jikkomunika b'mod effettiv fuq argumenti komuni, konkreti, jew dwar suġġetti relatati max-xogħol iżda din il-firxa hija limitata u l-għażla tal-kliem ta’ spiss mhijiex kif għandha tkun. Ta' spiss mhux kapaċi jagħmel użu minn parafrażi b'suċċess meta jkollu vokabularju limitat.

Kapaċi jesprimi kunċett, iżda l-użu ta’ frażijiet u l-waqfiet ta’ spiss mhumiex kif għandhom ikunu. Il-komunikazzjoni effettiva taf ma tinkisibx minħabba f'eżitazzjoni jew proċessar tal-lingwa bil-mod. Kliem żejjed biex jimla jafu jtellfu l-attenzjoni.

Il-komprensjoni hija ta’ spiss preċiża għal argumenti komuni, konkreti, u dwar suġġetti relatati max-xogħol meta l-aċċent jew varjazzjoni wżata hija suffiċjentament intelliġibli għal komunità internazzjonali li tagħmel użu minnha. Jaf ma jirnexxilux jifhem problema lingwistika jew sitwazzjoni kumplikata jew sitwazzjoni mhux mistennija.

Xi kultant, jirrispondi b'mod immedjat, adegwat u informattiv. Jaf jibda u jżomm konversazzjoni mingħajr tbatija fuq suġġetti familjari u f'sitwazzjonijiet prevedibbli. Ġeneralment inadegwat meta jkollu x'jaqsam ma’ sitwazzjoni mhux mistennija.

Elementari

2

Pronunzja, aċċent, ritmu u intonazzjoni, huma influwenzati b'mod qawwi mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, u normalment jaffettwaw il-faċilità li wieħed jifhem.

Juri biss kontroll limitat ta’ ftit strutturi grammatikali sempliċi u frażijiet rilevanti li jaf bl-amment.

Firxa ta’ vokabularju limitat li jikkonsisti biss minn kliem iżolat u frażijiet li jaf bl-amment.

Kapaċi biss jesprimi kunċetti ferm qosra, iżolati, li jaf bl-amment, b'waqfiet spissi u, biex jimla, juża kliem żejjed li jtellef l-attenzjoni, sakemm jaħseb f'espressjonijiet u biex ilissen kliem inqas familjari.

Il-komprensjoni hija limitata għal frażijiet iżolati, ta’ bl-amment meta dawn ikunu artikulati b'attenzjoni u bil-mod.

Normalment, jirrispondi bil-mod, u spiss b'mod inadegwat. L-interazzjoni hija limitata għal konversazzjonijiet sempliċi u ta’ rutina.

Preelementari

1

Ma jilħaqx il-livell Elementari

Ma jilħaqx il-livell Elementari

Ma jilħaqx il-livell Elementari

Ma jilħaqx il-livell Elementari

Ma jilħaqx il-livell Elementari

Ma jilħaqx il-livell Elementari


ANNESS IV

Speċifikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ

Iċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa minn awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat;

(b)

l-applikant (isem u indirizz);

(c)

it-tip ta’ taħriġ u/jew servizzi pprovduti li jkunu ċċertifikati, kif applikabbli;

(d)

dikjarazzjoni tal-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti definiti fil-Kapitolu V;

(e)

id-data tal-ħruġ u l-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat.


Top