EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0204

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2010 tat- 2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/01/2016; Imħassar b' 32016R0044

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/204/oj

3.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 204/2010

tat-2 ta' Marzu 2011

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1), adottata b’konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970 (2011) tas-26 ta' Frar 2011, id-Deċiżjoni 2011/137/PESK tipprovdi għal embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' tagħmir ta' repressjoni interna, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni u entitajiet involuti f'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż l-involviment f'attakki li jiksru d-dritt internazzjonali, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili. Dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet huma elenkati fl-Annessi għad-Deċiżjoni.

(2)

Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat b’konformità ma’ dawk id-drittijiet.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta wkoll bis-sħiħ l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)

Is-setgħa biex jiġu emendati l-listi fl-Annessi II u III għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali ppreżentata mil-Libja, u sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-emendament u r-reviżjoni tal-Annessi III u IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK.

(6)

Il-proċedura għall-emendament tal-listi fl-Annessi II u III għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nominati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif ikun meħtieġ.

(7)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fi ħdan l-Unjoni, l-ismijiet u data oħra rilevanti li tikkonċerna persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jeħtieġ li jiġu ffriżati b’konformità ma’ dan ir-Regolament, iridu jiġu ppubblikati. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali għandu jikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3).

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, li jinkludi iżda li mhumiex limitati għal:

(i)

flus, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' pagament;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli nnegozjati pubblikament u privatament u strumenti ta' dejn, inklużi ishma u azzjonijiet, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, nota, garanziji, ċedoli ta’ obbligazzjoni u kuntratti tad-derivati;

(iv)

imgħax, dividends jew introjtu ieħor fuq jew valur dovut minn jew iġġenerat minn assi;

(v)

kreditu, dritt għal kalkolazzjoni tal-valur nett, garanziji, garanziji fuq xogħol b'kuntratt jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ;

(vii)

dokumenti ta' prova ta' interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', jew negozjar ta' fondi fi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura, id-destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar ta' portafolli;

(c)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm dawk tanġibbli kemm dawk intanġibbli, mobbli u immobbli, li mhumiex fondi iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti u servizzi;

(d)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, li jinkludi, iżda li mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar;

(e)

“għajnuna teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, it-trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza, inklużi forom verbali ta’ għajnuna;

(f)

“Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit b’konformità mal-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“RKSNU”) 1970 (2011);

(g)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b'mod dirett jew indirett, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja, jew għall-użu fil-Libja;

(b)

il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

2.   Huma pprojbiti x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ tagħmir mil-Libja li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk it-tagħmir joriġina mil-Libja kif ukoll jekk le.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-ħwejjeġ protettivi, inklużi sdieri rinfurzati bil-metall u elmi, esportati b'mod temporanju fil-Libja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u ta' żvilupp u persunal assoċjat għall-użu tagħhom personali biss.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness IV jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

Artikolu 3

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (4) (Lista Militari Komuni), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(b)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(c)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatat(a) mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness I, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe provvediment ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(d)

il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għall-provvediment ta' għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal finijiet umanitarji jew użu protettiv, jew għal bejgħ jew forniment ieħor ta' armi u materjal relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kondizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

Artikolu 4

Sabiex jiġi evitat it-trasferiment ta' oġġetti u teknoloġija li huma koperti mil-Lista Militari Komuni jew il-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni tagħhom li huwa pprojbit b'dan ir-Regolament, għall-oġġetti kollha li jiddaħħlu jew joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni mil-Libja jew lejha, flimkien mar-regoli li jirregolaw l-obbligu li jiġi pprovdut tagħrif ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq kif iddeterminati fid-dispożizzjonijiet rilevanti rigward id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ kif ukoll id-dikjarazzjonijiet doganali fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (5) u fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu (6), il-persuna li tipprovdi dak it-tagħrif għandha tiddikjara jekk l-oġġetti humiex koperti mil-Lista Militari Komuni jew minn dan ir-Regolament u, fejn l-esportazzjoni tagħhom tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni, tispeċifika l-partikolaritajiet tal-liċenzja ta' esportazzjoni mogħtija. Dawn l-elementi addizzjonali għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew bil-miktub jew bl-użu ta' dikjarazzjoni doganali skont il-każ.

Artikolu 5

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi II u III għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom isiru disponibbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi II u III.

3.   Il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom tkun, b’mod dirett jew indirett, l-evażjoni mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 hija pprojbita.

Artikolu 6

1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b’konformità mal-paragrafu 22 tal-RKSNU 1970 (2011).

2.   Anness III għandu jikkonsisti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi mhux koperti mill-Anness II li, f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni u entitajiet involuti jew kompliċi fil-kmand, il-kontroll, jew inkella d-direzzjoni, il-kummissjoni ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż billi huma involuti fi jew kompliċi fl-ippjanar, il-kmand, l-ordni jew it-tmexxija ta' attakki, bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż il-bombardamenti mill-ajru, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili, jew individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.

3.   L-Annessi II u III għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-elenkar ta' persuni, entitajiet u korpi elenkati, kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Anness II.

4.   L-Annessi II u III għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati, kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Anness II. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness II għandu jinkludi wkoll id-data tan-nomina mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness II jew III, u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' imposti professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma assoċjati mal-provvediment ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

bil-kundizzjoni li, fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dak il-perkors ta’ azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.

2.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat dwar dik id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

(b)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness III, l-awtorità kompetenti nnotifikat ir-raġunijiet għala tikkunsidra li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

B'deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet inkluż(a) fl-Anness II jew III, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw it-talbiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fi żmien il-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III;

(d)

ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat;

(e)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru dwar il-garanzija jew is-sentenza, u

(f)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness III, l-Istat Membru rilevanti għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.

Artikolu 9

1.   L-Artikolu 5(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li okkorrew qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet innominat(a) mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill,

bil-kundizzjoni li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħra jkunu ffriżati b’konformità mal-Artikolu 5(1).

2.   L-Artikolu 5(2) ma għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi ttrasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat(a), bil-kundizzjoni li kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar kwalunkwe tali tranżazzjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 10

B'deroga mill-Artikolu 5, u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III jkun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li okkorra għall-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat(a), qabel id-data li fiha dik il-persuna, l-entità jew il-korp kien/kienet innominat/innominata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li:

(i)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III;

(ii)

il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 5(2);

(b)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni għaxart ijiem qabel;

(c)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness III, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-anqas ġimgħatejn qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.

Artikolu 11

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq bona fede abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta' kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkun/tkun qed jimplimentah/timplimentah, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) ma għandhiex tagħti lok għal responsabbiltà ta' kwalunkwe tip min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li għamlu disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-projbizzjoni inkwistjoni.

Artikolu 12

L-ebda pretensjoni, inklużi dawk għal kumpens, jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni ta' tpaċija jew pretensjoni koperta minn garanzija, f'rabta ma' kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kienet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi b’konformità mal-UNSCR 1970 (2011), inklużi miżuri tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru f'konformità, kif rekwiżit mill-implimentazzjoni jew b'konnessjoni mal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà jew miżuri koperti b'dan ir-Regolament, ma għandhom jiġu sodisfatti favur il-Gvern tal-Libja, jew favur kwalunkwe persuna jew entità li tressaqhom permezz tiegħu jew għall-benefiċċju tiegħu.

Artikolu 13

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu minnufih kwalunkwe tagħrif li jista’ jiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati b’konformità mal-Artikolu 4, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, kif indikat fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, u għandhom jittrażmettu dan it-tagħrif, b’mod dirett jew permezz tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw ma' dik l-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta' dan it-tagħrif.

2.   Kwalunkwe tagħrif li jingħata jew li jiġi riċevut b’konformità ma’ dan l-Artikolu għandu jintuża biss għall-finijiet li għalihom ikun ġie pprovdut jew riċevut.

Artikolu 14

L-Istati Membri ul-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih dwar il-miżuri meħuda b’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe tagħrif ieħor rilevanti, b'rabta ma' dan ir-Regolament, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari tagħrif dwar problemi ta' ksur u ta' infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

Artikolu 15

Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li temenda l-Anness IV abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 16

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness II.

2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(1), huwa għandu jemenda l-Anness III kif meħtieġ.

3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, u b'hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif meħtieġ.

5.   F'każ li n-Nazzjonjiet Uniti jiddeċiedu li jneħħu persuna fiżika jew ġuridika, entità, jew korp, mil-lista jew li temenda d-data ta' indentifikazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ.

6.   Il-lista fl-Anness III għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet ipprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 18

F'dan ir-Regolament, fejn ikun hemm rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li jsir xi tip ieħor ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra ta' kuntatt li għandhom jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness IV.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe negozju mwettaq, b'mod sħiħ jew parzjali, fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  Ara paġna 53 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.

(5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS I

Lista ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 2, 3 u 4

1.

Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1

Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (1) (il-Lista Militari Komuni);

1.2

Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati apposta għalihom;

1.3

Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

2.

Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

3.

Vetturi kif ġej:

3.1

Vetturi mgħammra b'kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

3.2

Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

3.3

Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta' kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

3.4

Vetturi ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta' priġunieri u/jew detenuti;

3.5

Vetturi ddisinjati speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

3.6

Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 ddisinjati speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

Nota 1

Dan l-oġġett ma jikkontrollax il-vetturi speċifikament iddisinjati għall-finijiet ta' tifi tan-nar.

Nota 2

Għall-finijiet tal-oġġett 3.5 t-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

4.

Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1

Tagħmir u apparat iddisinjat speċifikament biex iqabbad splużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tat-tqabbid, detonaturi, apparati li jqabbdu, busters u fil detonatur, u komponenti ddisinjati speċifikament għalihom; minbarra dawk iddisinjati speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operar b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2

Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

4.3

Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

a.

amatol;

b.

nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

c.

nitroglikol;

d.

tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

e.

klorur tal-pikril;

f.

2,4,6-trinitrotoluwen (TNT).

5.

Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

5.1

Korazzi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

5.2

Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

Nota:

Dan il-punt ma jikkontrollax:

tagħmir iddisinjat speċifikament għal attivitajiet sportivi;

tagħmir iddisinjat speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

6.

Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u softwer imfassal speċifikament għalihom.

7.

Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, termografiku u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

8.

Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta'.

9.

Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm.

10.

Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

11.

Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.


(1)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.


ANNESS II

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)

1.

QADHAFI, Aisha Muammar

Data tat-twelid: 1978. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja.

Bint Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

2.

QADHAFI, Hannibal Muammar

Numru tal-passaport: B/002210. Data tat-twelid: 20/09/1975. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja.

Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

3.

QADHAFI, Khamis Muammar

Data tat-twelid: 1978. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja.

Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim. Kmand tal-unitajiet militari involuti fir-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

4.

QADHAFI, Muammar Mohammed Abu Minyar

Data tat-twelid: 1942. Post tat-twelid: Sirte, il-Libja.

Mexxej tar-Rivoluzzjoni, Kmandant Suprem tal-Forzi Armati. Responsabbilità għall-ordni tar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

5.

QADHAFI, Mutassim

Data tat-twelid: 1976. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja.

Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali. Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

6.

QADHAFI, Saif al-Islam

Direttur, Fondazzjoni Qadhafi. B014995. 25/06/1972.

Tripli, il-Libja.

Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim. Dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa li jinkoraġġixxu l-vjolenza kontra d-dimostranti.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.


ANNESS III

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6(2)

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

1.

ABDULHAFIZ, Kurunell Mas'ud

Pożizzjoni: Kmandant tal-Forzi Armati

it-tielet fil-kmand tal-Forzi Armati. Rwol sinifikanti fl- Intelligence Militari.

28.2.2011

2.

ABDUSSALAM, Abdussalam Mohammed

Pożizzjoni: Kap ta' Kontra t-Terroriżmu, Organizzazzjoni għas-Sigurtà Esterna

Data tat-twelid: 1952

Post tat-twelid: Tripli, il-Libja

Membru prominenti tal-Kumitat Rivoluzzjonarju. Sieħeb qrib ta' Muammar QADHAFI.

28.2.2011

3.

ABU SHAARIYA

Pożizzjoni: Viċi Kap, Organizzazzjoni għas-Sigurtà Esterna

Membru prominenti tar-reġim. Ħaten Muammar QADHAFI.

28.2.2011

4.

ASHKAL, Al-Barrani

Pożizzjoni: Viċi Direttur, Intelligence Militari

Membru anzjan tar-reġim.

28.2.2011

5.

ASHKAL, Omar

Pożizzjoni: Kap, Moviment tal-Kumitati Rivoluzzjonarji

Post tat-twelid: Sirte, il-Libja

Kumitati Rivoluzzjonarji involuti fi vjolenza kontra d-dimostranti.

28.2.2011

6.

AL-BAGHDADI, Dr Abdulqader Mohammed

Pożizzjoni: Kap tal-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Kumitati Rivoluzzjonarji

B010574

Data tat-twelid: 01/07/1950

Kumitati Rivoluzzjonarji involuti fi vjolenza kontra d-dimostranti.

28.2.2011

7.

DIBRI, Abdulqader Yusef

Pożizzjoni: Kap tas-sigurtà personali ta' Muammar QADHAFI.

Data tat-twelid: 1946

Post tat-twelid: Houn, il-Libja

Responsabbiltà għas-sigurtà tar-reġim. Storja ta' vjolenza kontra dissidenti.

28.2.2011

8.

DORDA, Abu Zayd Umar

Pożizzjoni: Direttur, Organizzazzjoni għas-Sigurtà Esterna

Fidil għar-reġim. Kap tal-aġenzija tal-intelligence esterna.

28.2.2011

9.

JABIR, Ġeneral Maġġur Abu Bakr Yunis

Pożizzjoni: Ministru tad-Difiża.

Data tat-twelid: 1952

Post tat-twelid: Jalo, il-Libja

Responsabbiltà ġenerali għall-azzjonijiet tal-forzi armati.

28.2.2011

10.

MATUQ, Matuq Mohammed

Pożizzjoni: Segretarju għall-Utilitajiet

Data tat-twelid: 1956

Post tat-twelid: Khoms

Membru anzjan tar-reġim. Involvement with Revolutionay Committees. Past history of involvement in suppression of dissent and violence.

28.2.2011

11.

QADHAF AL-DAM, Ahmed Mohammed

Data tat-twelid: 1952

Post tat-twelid: L-Eġittu

Kuġin ta' Muammar QADHAFI. Huwa mifhum li ilu mill-1995 jikkmanda battaljun elitista tal-armata responsabbli għas-sigurtà personali ta' Qadhafi u li għandu rwol ewlieni fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà Esterna. Huwa kien involut fl-ippjanar ta' operazzjonijiet kontra dissidenti Libjani barra mill-pajjiż u kien direttament involut f'attivitajiet terroristiċi.

28.2.2011

12.

QADHAF AL-DAM, Sayyid Mohammed

Data tat-twelid: 1948

Post tat-twelid: Sirte, il-Libja

Kuġin ta' Muammar QADHAFI. Fit-tmeninijiet, Sayyid kien involut fil-kampanja tal-qtil ta' dissidenti u allegatament responsabbli għal diversi mwiet fl-Ewropa. ta' armi.

28.2.2011

13.

QADHAFI, Mohammed Muammar

Pożizzjoni: Chairman tal-Kumpannija Ġenerali tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni

Data tat-twelid: 1970

Post tat-twelid: Tripli, il-Libja

Iben Muammar QADHAFI. Assoċjazzjoni mill-qrib mar- reġim.

28.2.2011

14.

QADHAFI, Saadi

Pożizzjoni: Kmandant tal-Forzi Speċjali

Nru tal-passaport 014797

Data tat-twelid: 25/05/1973

Post tat-twelid: Tripli, il-Libja

Iben Muammar QADHAFI. Assoċjazzjoni mill-qrib mar- reġim. Kmand tal-unitajiet militari involuti fir-ripressjoni ta' dimostrazzjonijiet.

28.2.2011

15.

QADHAFI, Saif al-Arab

Data tat-twelid: 1982

Post tat-twelid: Tripli, il-Libja

Iben Muammar QADHAFI. Assoċjazzjoni mill-qrib mar- reġim.

28.2.2011

16.

AL-SENUSSI, Kurunell Abdullah (Al-Megrahi)

Pożizzjoni: Direttur tal-Intelligence Militari

Data tat-twelid: 1949

Post tat-twelid: Sudan

Involviment tal-Intelligence Militari fis-soppressjoni ta' dimostrazzjonijiet. Fil-passat, issuspettat bl-involviment fil-massakru tal-ħabs Abu Selim. Ikkundannat in absentia għall-bumbardament ta' titjira tal-UTA. Ħaten Muammar QADHAFI.

28.2.2011

17.

AL-BARASSI, Safia Farkash

Data tat-twelid: 1952

Post tat-twelid: Al Bayda, il-Libja

Mart Muammar QADHAFI.

Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim.

28.2.2011

18.

SALEH, Bachir

Data tat-twelid: 1946

Post tat-twelid: Traghen

Kap tal-Kabinett tal-Mexxej.

Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim.

28.2.2011

19.

Il-Ġeneral TOHAMI, Khaled

Data tat-twelid: 1946

Post tat-twelid: Genzur

Direttur tal-Uffiċċju għas-Sigurtà Interna.

Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim.

28.2.2011

20.

FARKASH, Mohammed Boucharaya

Data tat-twelid: 1 ta' Lulju 1949

Post tat-twelid: Al-Bayda

Direttur tal-intelligence fl-Uffiċċju għas-Sigurtà Esterna.

Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim.

28.2.2011


ANNESS IV

Lista ta' awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 7(1), 8(1), 10 u 13(1) u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

A.   Awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru:

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/Global+Issues/International+Sanctions/

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

http://www.minbuza.nl/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

B.   Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew għal xi komunikazzjoni oħra magħha:

European Commission

Foreign Policy Instruments Service

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel

Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel.: (32 2) 295 55 85

Fax: (32 2) 299 08 73


Top