EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0088

Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tas- 7 ta’ Diċembru 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, f’dak li għandu x’jaqsam mal-perijodu ta’ obblig u li tiġi rispettata r-rata standard minima

ĠU L 326, 10.12.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/88/oj

10.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/88/UE

tas-7 ta’ Diċembru 2010

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, f’dak li għandu x’jaqsam mal-perijodu ta’ obblig u li tiġi rispettata r-rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 97(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) jipprevedi li mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata standard m’għandhiex tkun anqas minn 15 %.

(2)

Ir-rata standard ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fis-seħħ bħalissa f’diversi Stati Membri, ikkombinata mal-mekkaniżmu tas-sistema tranżitorja żgurat li din is-sistema ffunzjonat fi grad aċċettabbli. B’regoli ġodda dwar il-post tal-forniment tas-servizzi li jiffavorixxu t-tassazzjoni fil-post tal-konsum, il-possibbiltajiet li jiġu sfruttati d-differenzi fir-rati tal-VAT permezz tar-rilokazzjoni ġew limitati aktar u tnaqqas ukoll it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni.

(3)

Sabiex id-diverġenzi li qed jiżdiedu fir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma jitħallewx iwasslu għal żbilanċ strutturali fl-Unjoni Ewropea u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f’xi setturi ta’ attività, hija prattika komuni fil-qasam tat-taxxi indiretti li jiġu sabbiliti rati minimi. Għadu neċessarju li dan isir għall-VAT.

(4)

Sakemm isiru l-konsultazzjonijiet dwar strateġija ġdida tal-VAT li hija mistennija li tindirizza l-arranġamenti fil-futur u livelli korrispondenti ta’ armonizzazzjoni, ikun prematur li jiġi stabbilit livell permanenti ta’ rata standard jew li jiġi kkunsidrat li jinbidel il-livell ta’ rata minima.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li tinzamm ir-rata standard minima attwali ta’ 15 % għal perijodu ieħor li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa aktar reviżjoni.

(6)

Dan ma jeskludix aktar reviżjoni tal-leġislazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta’ Diċembru 2015 biex tindirizza l-eżitu tal-istrateġija l-ġdida tal-VAT.

(7)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (2), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom li, safejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(8)

Id-Direttiva 2006/112/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KEE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 97

Mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2015, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2011. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod ta’ kif issir din ir-referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top