EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0309

2010/309/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Ġunju 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2008/721/KE fir-rigward tal-indennizzi mħallsa lill-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti fl-oqsma tas-sigurtà tal-konsumatur, tas-saħħa pubblika u tal-ambjent

ĠU L 138, 4.6.2010, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/309/oj

4.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Ġunju 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2008/721/KE fir-rigward tal-indennizzi mħallsa lill-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti fl-oqsma tas-sigurtà tal-konsumatur, tas-saħħa pubblika u tal-ambjent

(2010/309/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 168 u 169 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta’ Settembru 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (1) tistipula li membri tal-Kumitati Xjentifiċi, il-konsultenti xjentifiċi mill-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskju (minn hawn ‘il quddiem “il-Grupp”) u esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitati, laqgħat ta’ ħidma tematiċi, gruppi ta’ ħidma u laqgħat u avvenimenti oħrajn organizzati mill-Kummissjoni, u talli jservu ta’ Relaturi dwar xi kwistjoni speċifika.

(2)

L-Anness III għad-Deċiżjoni 2008/721/KE jistipula l-ammonti ta’ indennizzi li jridu jitħallsu lill-membri tal-Kumitati Xjentifiċi, il-konsulenti xjentifiċi tal-Grupp u l-esperti esterni.

(3)

Attwalment l-indennizzi għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat jistgħu jitħallsu biss lill-esperti fiżikament preżenti f’dawk il-laqgħat. It-teknoloġiji moderni jippermettu l-iskambju ta’ opinjonijiet esperti fil-laqgħat virtwali billi jużaw apparat awdjo jew vidjow jew applikazzjonijiet online. L-użu ta’ dawn l-għodod jista’ jippermetti l-parteċipazzjoni usa’ ta’ esperti fl-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi filwaqt li jimminimizzaw l-impatt ambjentali u l-ispejjeż u jnaqqsu l-ħin espert li hemm bżonn għall-ivvjaġġar.

(4)

Fil-każ ta’ parteċipazzjoni minn distanza b’mezzi elettroniċi, l-ammont tal-indennizzi għandu jkun relatat mat-tul tal-laqgħa (attendenza qasira, laqgħa ta’ ġurnata sħiħa jew ta’ filgħodu jew ta’ wara nofsinhar biss).

(5)

Għalhekk huwa neċessarju li naġġustaw ir-regoli tal-pagament għall-indennizzi ta’ parteċipazzjoni lil membri, konsulenti u esperti esterni. L-Artikolu 19 u l-Anness III tad-Deċiżjoni 2008/721/KE għandhom jiġu emendati kif jixraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/721/KE hija emendata skont li ġej:

(1)

Fl-Artikolu 19, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostiwit b’dan li ġej:

“Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom, personali jew minn distanza b’mezzi elettroniċi fil-laqgħat tal-Kumitati, laqgħat ta’ ħidma tematiċi, gruppi ta’ ħidma u laqgħat oħra u avvenimenti organizzati mill-Kummissjoni, u talli jservu ta’ Relaturi fuq kwistjoni speċifika, kif stipulat fl-Anness III.”

(2)

L-Anness III huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ il-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21.


ANNESS

“ANNESS III

INDENNIZZI

1.

Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitati, laqgħat ta’ ħidma tematiċi, gruppi ta’ ħidma u laqgħat oħra u avvenimenti organizzati mill-Kummissjoni, kif ġej:

(a)

Fil-każ ta’ parteċipazzjoni personali, EUR 385 għal kull jum fejn kienu preżenti;

(b)

Fil-każ ta’ parteċipazzjoni minn distanza, EUR 100 għal kull siegħa ta’ attendenza li tkun bdiet, b’limitu massimu ta’:

(i)

EUR 385 għal attendenza tul filgħodu jew wara nofsinhar u

(ii)

EUR 195 għal attendenza tul filgħodu jew wara nofsinhar;

2.

Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizz talli jaġixxu bħala Relatur kif ġej:

(a)

L-indennizz għandu jkun mibdul, skont l-ammont ta’ xogħol relatat mal-kumplessità tal-kwistjoni, it-tul tal-perjodu li hemm bżonn biex l-opinjoni tkun kompluta, l-ammont u l-aċċessibilità tad-dejta u tal-letteratura xjentifika u l-informazzjoni li trid tinġabar u tkun ipproċessata u l-ammont u l-kumplessità ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet interessati u kuntatti ma’ korpi oħrajn, fid-dawl tal-kriterji indikattivi li ġejjin:

Ammont

Kriterji indikattivi

EUR 385

Kwistjoni sempliċi u ta’ rutina

Opinjoni bbażata fuq l-eżaminar tal-fajl, b’tiftix minimu ta’ dejta u eżaminar minimu ta’ letteratura

L-ebda konsultazzjoni pubblika

Mhux aktar minn ħames xhur bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

EUR 770

Kwistjoni kumplessa

Opinjoni bbażata fuq ammont sinifikanti ta’ dejta u tiftix u eżaminar ta’ letteratura

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u/jew pubblika b’ammont ta’ xogħol limitat ta’ eżaminar tar-risposti

Minn ħamsa sa disa’ xhur bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

EUR 1 155

Kwistjoni kumplessa ħafna

Bżonn ta’ tiftix u analiżi intensivi ħafna ta’ dejta u letteratura

Konsultazzjonijiet intensivi u kumplessi mal-partijiet interessati, mal-pubbliku u ma’ korpi xjentifiċi oħrajn, b’eżaminar importanti tar-risposti

Aktar minn disa’ xhur bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

(b)

F’kull każ speċifiku, abbażi tal-kriterji msemmija fil-punt (a), il-Kummissjoni għandha tindika fit-talba għal opinjoni liema ammont japplika għall-indennizz tar-Relatur. L-għażla tal-ammont applikabbli tista’ titbiddel mill-Kummissjoni matul ix-xogħol preparatorju għall-opinjoni mitluba jekk dan ikun iġġustifikat minn tibdil mhux previst fir-rigward tal-kriterji rilevanti.”


Top