EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0708(01)

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

8.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Ġunju 2009

dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 155/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

It-transizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien (Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona 2000) tirrikjedi modernizzazzjoni u titjib kontinwu tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (“ETV”) bi tweġiba għall-bidla mgħaġġla fl-ekonomija u s-soċjetà, sabiex ikunu jistgħu jgħinu biex jiżdiedu l-impjegabilità u l-inklużjoni soċjali u jitjieb l-aċċess għal kulħadd għat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż għall-persuni żvantaġġati.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 stabbilixxa l-mira li jagħmel is-sistemi Ewropej ta' taħriġ u edukazzjoni referenza ta' kwalità dinjija sal-2010.

(3)

Il-Linji Gwida Integrati ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008 jappellaw lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja bi prezz raġjonevoli u aċċessibbli li jwieġbu għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien u tas-soċjetà. L-adattament u l-bini tal-kapaċitajiet tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma meħtieġa sabiex itejbu r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol. Għalhekk, l-objettivi stabbiliti fil-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom progressivament jikkomplementaw lil dawk tal-politika ekonomika u tas-suq tax-xogħol sabiex jgħaqqdu flimkien il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività.

(4)

Wara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill (4) tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (“il-Proċess ta' Kopenħagen”), u bħala riżultat tal-ħidma ta' kooperazzjoni sussegwenti bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, iż-ŻEE-EFTA u l-pajjiżi kandidati dwar il-prijorità tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, ġie żviluppat Qafas Komuni għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (“QKAK”), li jqis l-esperjenza eżistenti u l-“prassi t-tajba” fil-pajjiżi parteċipanti differenti.

(5)

Skont ir-rapport interim konġunt tal-2004 tal-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (5), il-QKAK għall-ETV (bħala parti mis-segwitu għad-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen) u l-iżvilupp ta' “sett ta' standards, proċeduri u linji gwida maqbula dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità” (6) (flimkien mal-proċess ta' Bologna u bħala parti mill-programm ta' ħidma dwar l-objettivi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ) “għandhom ikunu l-ogħla prijoritajiet għall-Ewropa.”

(6)

F’Mejju 2004 (7) l-Kunsill tal-Edukazzjoni endorsja l-approċċ QKAK u stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex jippromwovuh fuq bażi volontarja, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti.

(7)

In-Netwerk Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (8) pprovda pjattaforma Ewropea li ppermettiet segwitu xieraq għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2004 u l-Komunikat ta' Ħelsinki, u ffaċilita kooperazzjoni sostenibbli bejn il-pajjiżi.

(8)

Fl-2006, il-Komunikat ta' Ħelsinki enfasizza l-ħtieġa għal żvilupp u implimentazzjoni ulterjuri tal-għodda Ewropej komuni mmirati speċifikament lejn l-ETV, billi bbaża fuq il-prinċipji li fuqhom huwa mirfud il-QKAK, kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2004 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV, sabiex tiġi promossa kultura ta' titjib tal-kwalità u parteċipazzjoni usa’ fin-Netwerk Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (“il-Qafas”) bħala strument ta' referenza sabiex jgħin lill-Istati Membri jippromwovu u jsegwu t-titjib kontinwu tas-sistemi tagħhom tal-ETV bbażati fuq referenzi Ewropej komuni, li jibni fuq il-QKAK u jiżviluppah aktar. Il-Qafas għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità fl-ETV u għal aktar trasparenza ta', u konsistenza fl-iżviluppi tal-politika tal-ETV fost l-Istati Membri, u b'hekk jippromwovi l-fiduċja reċiproka, il-mobilità tal-ħaddiema u ta' dawk li qed jitgħallmu, u t-tagħlim tul il-ħajja.

(10)

Il-Qafas għandu jinkludi ċiklu ta' assigurazzjoni u ta' titjib fil-kwalità għall-ippjanar, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni/valutazzjoni u r-rieżami/reviżjoni tal-ETV, abbażi tal-kriterji ta' kwalità, deskritturi indikattivi u indikaturi komuni. Il-proċessi ta' monitoraġġ, inkluż l-użu kkombinat ta' mekkaniżmi interni u esterni ta' evalwazzjoni, għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri b'mod adegwat sabiex jidentifikaw il-qawwa tas-sistemi, il-proċessi u l-proċeduri u l-oqsma li jridu jittejbu. Il-Qafas għandu jinkludi l-użu ta' għodda ta' kejl sabiex jagħtu prova tal-effettività.

(11)

Il-Qafas għandu jiġi applikat fil-livelli tas-sistema tal-ETV, tal-fornitur tal-ETV u tal-għoti ta' kwalifiki. Huwa jipprovdi approċċ sistematiku għall-kwalità, filwaqt li jkopri u jikkollega l-livelli u l-atturi rilevanti. Il-Qafas għandu jagħmel enfasi qawwija fuq il-monitoraġġ u t-titjib tal-kwalità billi jamalgama l-evalwazzjoni interna u esterna, ir-rieżami u l-proċess għat-titjib, bl-appoġġ ta' kejl u analiżi kwalitattiva. Il-Qafas għandu jkun bażi għal żvilupp ulterjuri permezz tal-kooperazzjoni fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali.

(12)

Billi tipprevedi mezzi konkreti għall-appoġġ ta' kultura ta' evalwazzjoni u ta' titjib tal-kwalità fil-livelli kollha, din ir-Rakkomandazzjoni tikkontribwixxi għall-użu tal-politika u l-prassi bbażati fuq l-evidenza, bħala bażi għal linji politiċi aktar effiċjenti u imparzjali, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-2006 dwar l-effiċjenza u l-imparzjalità fis-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ (9).

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi qafas għall-identifikazzjoni, l-appoġġ u l-iskambju tal-aħjar prassi mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fil-livelli lokali u reġjonali fin-netwerks rilevanti kollha, inkluż in-network tal-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tqis il-“Prinċipji Komuni għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ” komuni li huma inklużi fl-Anness III għar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (10) (“QEK”). Għalhekk, il-Qafas għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-QEK, b'mod partikolari l-kwalità taċ-ċertifikazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim. Huwa għandu jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni ta' strumenti Ewropej oħrajn, bħalma huma s-Sistema Ewropea tal-Krediti għall-ETV, u l-Prinċipji Komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni, billi mhix ta' xorta li torbot, tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat, peress li l-objettiv tagħha huwa li tiġi appoġġata u ssupplimentata l-azzjoni tal-Istati Membri billi tiġi ffaċilitata aktar koperazzjoni bejniethom biex tiżdied it-trasparenza tal-ETV u biex jiġu promossi l-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja. Hija għandha tiġi implimentata skont il-leġislazzjoni u l-prassi nazzjonali. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi f’dak l-Artikolu minħabba li ma tissostitwixxix u lanqas ma tiddefinixxi s-sistemi nazzjonali għall-assigurazzjoni tal-kwalità. Il-Qafas ma jippreskrivix sistema jew strateġija partikolari ta' assikurazzjoni tal-kwalità, iżda jagħti prinċipji komuni, kriterji ta' kwalità, elementi indikattivi li jiddeskrivu u indikaturi li jistgħu jgħinu sabiex jevalwaw u jtejbu s-sistemi eżistenti u l-forniment tal-ETV.

(16)

L-indikaturi ta' referenza proposti fl-Anness II huma maħsuba biex jappoġġaw l-evalwazzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-sistemi u/jew il-fornituri tal-ETV skont il-leġislazzjoni u l-prassi nazzjonali, u biex iservu bħala “kaxxa tal-għodda” li minnha d-diversi utenti jistgħu jagħżlu dawk l-indikaturi li huma jqisu l-aktar rilevanti għar-rekwiżiti tas-sistema partikolari tagħhom tal-assigurazzjoni tal-kwalità. F’dawk li huma in-natura u l-iskop tagħhom, għandu jkun hemm distinzjoni bejnhom u l-indikaturi u l-parametri ta' referenza msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta’ indikaturi u parametri ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta’ Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ (11).

(17)

Il-Qafas, jekk jintuża u jiġi żviluppat aktar mill-Istati Membri, jista’ jgħinhom biex ikomplu jtejbu u jiżviluppaw is-sistemi tal-ETV, jappoġġaw l-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja, ikattru l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew u l-implimentazzjoni tal-QEK u jippromwovu kultura ta' titjib tal-kwalità fil-livelli kollha, filwaqt li tiġi rrispettata d-diversità kbira tas-sistemi ta' edukazzjoni nazzjonali.

(18)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għat-titjib fl-effettività tat-taħriġ billi tfittex li tiżgura li n-nies ma titlaqx mingħajr kwalifiki, għat-titjib tal-interrelazzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, għall-bini ta’ rabtiet bejn it-tagħlim formali, dak mhux formali u informali u għall-espansjoni tal-għoti ta’ kwalifiki fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba,

B’DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

(1)

jużaw u jiżviluppaw aktar il-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (“il-Qafas”), il-kriterji tal-kwalità, id-deskritturi indikattivi u indikaturi ta' referenza kif imniżżlin u deskritti aktar fl-Annessi I u II, sabiex ikomplu jtejbu u jiżviluppaw is-sistemi tagħhom tal-ETV, jappoġġaw l-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u l-implimentazzjoni tal-QEK u tal-Karta Ewropea tal-Kwalità għall-Mobilità, jippromwovu kultura ta' titjib tal-kwalità u l-innovazzjoni fil-livelli kollha. Għandha ssir aktar enfasi fuq it-transizzjoni mill-ETV għall-edukazzjoni ogħla;

(2)

kull wieħed minnhom ifassal, mhux aktar tard mit-18 ta' Ġunju 2011, approċċ immirat għat-titjib tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell nazzjonali, fejn xieraq, u li jagħmel l-aħjar użu mill-Qafas, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha skont il-leġislazzjoni u l-prassi nazzjonali;

(3)

jieħdu sehem attiv fin-netwerk tal-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (“in-netwerk tal-Qafas”) bħala bażi għal żvilupp ulterjuri tal-prinċipji, il-kriterji ta' referenza u l-indikaturi, il-linji gwida u l-għodda komuni għat-titjib tal-kwalità fl-ETV fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif xieraq;

(4)

jistabbilixxu, fejn dan għadu ma jeżistix, Punt Nazzjonali ta' Referenza għall- Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-ETV li jkun ikkollegat mal-istrutturi u r-rekwiżiti partikolari ta’ kull Stat Membru u li, skont il-prassi nazzjonali, jlaqqa’ flimkien il-korpi rilevanti eżistenti u jinvolvi l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati kkonċernati kollha fil-livelli nazzjonali u reġjonali, sabiex jiżgura s-segwitu ta' inizjattivi. Il-punti ta' referenza għandhom:

iżommu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati infurmati dwar l-attivitajiet tan-netwerk tal-Qafas,

jipprovdu appoġġ attiv għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tan-netwerk tal-Qafas,

jieħdu inizjattivi konkreti sabiex jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri tal-Qafas fil-kuntest nazzjonali,

jappoġġaw l-awtoevalwazzjoni bħala mezz komplementarju u effettiv għall-assigurazzjoni tal-kwalità li jippermetti li jitkejjel is-suċċess u li jiġu identifikati l-oqsma għat-titjib fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tan-netwerk tal-Qafas,

jiżguraw li t-tagħrif ikun mgħoddi b'mod effettiv lill-partijiet interessati;

(5)

jimpenjaw ruħhom li jagħmlu reviżjoni tal-proċess tal-implimentazzjoni kull erba’ snin - din ir-reviżjoni trid tkun inkorporata f'kull tieni rapport nazzjonali dwar il-progress magħmul fil-kuntest tal-qafas stateġiku ġejjieni għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ - abbażi ta' kriterji ta' referenza li għandhom ikunu definiti permezz tan-netwerk tal-Qafas b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri.

JENDORSJAW L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

(1)

tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti msemmija hawn fuq, b'mod partikolari billi tiffaċilita l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku, l-ittestjar u l-iżvilupp ta' materjal ta' gwida, u tagħti informazzjoni dwar l-iżviluppi fil-kwalità tal-ETV fl-Istati Membri;

(2)

tippromwovi u tipparteċipa flimkien mal-Istati Membri fin-netwerk tal-Qafas, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika f'dan il-qasam permezz ta' proposti u inizjattivi konkreti, kif ikun xieraq;

(3)

tiżgura segwitu għall-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni billi kull erba’ snin tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur, inkluż, jekk meħtieġ, rieżami ta' din ir-Rakkomandazzjoni magħmul b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u li jinvolvi d-diversi partijiet interessati;

(4)

timpenja ruħha, abbażi ta' dak ir-rapport u b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, li tagħmel evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, li tirrevediha.

Magħmula fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Štefan FÜLE


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 136.

(2)  ĠU C 325, 19.12.2008, p. 48.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2009.

(4)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

(5)  ĠU C 104, 30.4.2004, p. 1.

(6)  “Realising the European Higher Education Area”: Komunikat tal-Konferenza tal-Ministri responsabbli għall-edukazzjoni ogħla, Berlin, 19 ta' Settembru 2003.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, 28 ta' Mejju 2004.

(8)  In-Netwerk Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali twaqqaf f'Ottubru 2005 mill-Kummissjoni wara l-opinjoni favorevoli tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali. Il-membri tiegħu ġew magħżula mill-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-EFTA-ŻEE u l-organizzazzjonijiet tal-Imsieħba Soċjali Ewropej skont proċedura espliċita.

(9)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 3.

(10)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(11)  ĠU C 311, 21.12.2007, p. 13.


INTRODUZZJONI GĦALL-ANNESSI

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (“il-Qafas”), li jinkludi ċiklu ta' assigurazzjoni u titjib tal-kwalità (ippjanar, implimentazzjoni, evalwazzjoni/valutazzjoni u rieżami/reviżjoni) imsejjes fuq għażla ta' kriterji ta' kwalità, deskritturi u indikaturi applikabbli għall-ġestjoni tal-kwalità kemm fil-livell tas-sistemi tal-ETV u kemm tal-fornituri tal-ETV. L-għan m'huwiex li jiġu introdotti standards ġodda, iżda li jkun hemm appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri, filwaqt li tinżamm id-diversità tal-approċċi tagħhom.

Il-Qafas għandu jitqies aktar bħala “kaxxa tal-għodda”, li minnha l-bosta utenti jistgħu jagħżlu dawk id-deskritturi u l-indikaturi li huma jqisu l-aktar rilevanti għar-rekwiżiti tas-sistema partikolari tagħhom għall-assigurazzjoni tal-kwalità.

Id-deskritturi (Anness I) u l-indikaturi (Anness II) proposti qed jingħataw biss bħala gwida u jistgħu jintgħażlu u jiġu applikati mill-utenti tal-Qafas skont ir-rekwiżiti u l-fatturi eżistenti kollha tagħhom, jew parti minnhom.

Huma jistgħu jiġu applikati għal taħriġ vokazzjonali tal-bidu (TVB) u/jew taħriġ vokazzjonali kontinwu (TVS), skont il-karatteristiċi individwali rilevanti tas-sistema tal-ETV ta' kull Stat Membru u t-tip ta' fornituri tal-ETV.

Huma għandhom jintużaw fuq bażi purament volontarja, filwaqt li jitqies il-valur miżjud potenzjali tagħhom u skont il-prassi u l-leġislazzjoni nazzjonali. Huma m'għandhomx jitqiesu la bħala parametri ta’ referenza, u lanqas bħala mezz biex isiru rapporti dwar il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali differenti, jew biex isiru paraguni bejniethom. Ir-responsabbilità għall-monitoraġġ tal-kwalità ta' dawn is-sistemi tibqa′ kompletament tal-Istati Membri.

ANNESS I

IL-QAFAS TA' REFERENZA EWROPEW GĦALL-ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ: KRITERJI TA' KWALITÀ U DESKRITTURI INDIKATTIVI  (1)

Dan l-Anness jipproponi kriterji ta' kwalità komuni u deskritturi indikattivi bħala appoġġ għall-Istati Membri, kif huma jqisu li jkun xieraq, waqt l-implimentazzjoni tal-Qafas (2).

Kriterji ta' Kwalità

Deskritturi indikattivi fil-livell tas-sistema tal-ETV

Deskritturi indikattivi fil-livell tal-fornitur tal-ETV

L-ippjanar jirrifletti viżjoni strateġika kkondiviża mill-partijiet interessati rilevanti u jinkludi għanijiet/objettivi, azzjonijiet u indikaturi espliċiti

L-għanijiet/objettivi tal-ETV huma deskritti għall-perijodi medji u fit-tul, u huma konnessi mal-għanijiet Ewropej

Il-partijiet interessati rilevanti jipparteċipaw fl-istabbiliment ta' l-għanijiet u l-objettivi tal-ETV fil-livelli differenti

Il-miri huma stabbiliti u mmonitorjati permezz ta' indikaturi speċifiċi (kriterji ta' suċċess)

Il-mekkaniżmi u l-proċeduri ġew stabbiliti sabiex jidentifikaw ħtiġijiet tat-taħriġ

Ġiet imfassla politika ta' informazzjoni sabiex tiżgura diffużjoni ottima ta' riżultati/eżiti ta' kwalità soġġetta għar-rekwiżiti nazzjonali/reġjonali tal-protezzjoni tad-data

Ġew iddefiniti standards u linji gwida għar-rikonoxximent, il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi ta' individwi

L-għanijiet/objettivi Ewropej, nazzjonali u reġjonali tal-politika tal-ETV huma riflessi fil-miri lokali stabbiliti mill-fornituri tal-ETV

L-għanijiet/objettivi u l-miri espliċiti huma stabbiliti u mmonitorjati

Issir konsultazzjoni kontinwa mal-partijiet interessanti rilevanti sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet lokali/individwali speċifiċi

Responsabbiltajiet fil-ġestjoni u l-iżvilupp tal-kwalità ġew allokati espliċitament

Hemm involviment bikri tal-personal fl-ippjanar, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tal-kwalità

Il-fornituri jippjanaw inizjattivi ta' kooperazzjoni ma' fornituri oħra tal-ETV

Il-partijiet interessati rilevanti jieħdu sehem fil-proċess ta' analiżi tal-ħtiġijiet lokali

Il-fornituri tal-ETV japplikaw sistema ta' assikurazzjoni tal-kwalità espliċita u trasparenti

Il-pjani ta' implimentazzjoni huma mfassla f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati u jinkludu prinċipji espliċiti

Il-pjani ta' implimentazzjoni huma stabbiliti f'kooperazzjonji mal-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-ETV u partijiet interessati rilevanti oħra fil-livelli differenti

Il-pjani ta' implimentazzjoni jinkludu konsiderazzjoni tar-riżorsi meħtieġa, il-kapaċità ta l-utenti u l-għodda u l-linji gwida meħtieġa bħala appoġġ

Il-linji gwida u l-istandards tfasslu għall-implimentazzjoni fil-livelli differenti

Il-pjani ta' implimentazzjoni jinkludu appoġġ speċifiku għat-taħriġ tal-għalliema u dawk li jħarrġu

Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri tal-ETV fil-proċess ta' implimentazzjoni huma espliċitament deskritti u magħmula trasparenti

Tfassal qafas nazzjonali u/jew reġjonali ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jinkludi linji gwida u standards tal-kwalità fil-livell ta' fornitur tal-ETV sabiex jippromwovi titjib kontinwu u awtoregolazzjoni

Ir-riżorsi huma allinjati/assenjati internament b'mod adegwat bil-ħsieb li jinkisbu l-miri stabbiliti fil-pjani ta' implimentazzjoni

Sħubijiet rilevanti u inklużivi huma appoġġati espliċitament għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati

Il-pjan strateġiku għall-iżvilupp tal-kompetenza tal-personal jispeċifika l-ħtieġa ta' taħriġ għall-għalliema u għal dawk li jħarrġu

Il-personal jieħu taħriġ regolari u jiżviluppa kooperazzjoni mal-partijiet interessati esterni rilevanti għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet u t-titjib tal-kwalità, u għat-tisħiħ tal-prestazzjoni

L-evalwazzjoni tal-eżiti u l-proċessi titwettaq regolarment u hija appoġġata minn kejl

Tfasslet metodoloġija għall-evalwazzjoni, li tkopri evalwazzjoni interna u esterna

Jintlaħaq qbil u jiġi deskritt b'mod ċar l-involviment tal-partijiet interessati fil-monitoraġġ u l-proċess ta' evalwazzjoni

L-istandards u l-proċessi nazzjonali/reġjonali għat-titjib u l-assigurazzjoni tal-kwalità huma rilevanti u proporzjonati għall-ħtiġijiet tas-settur

Is-sistemi huma soġġetti għall-awtoevalwazzjoni, ir-rieżami intern u estern, kif ikun xieraq

Jiġu implimentati sistemi ta' twissija bikrija

Jiġu applikati l-indikaturi tal-prestazzjoni

Iseħħ il-ġbir rilevanti, regolari u koerenti data, sabiex jitkejjel is-suċċess u jiġu identifikati oqsma li jistgħu jittejbu. Jitfasslu metodoloġiji adatti tal-ġbir tad-data, per eżempju kwestjonarji u indikaturi/kriterji miżurabbli

Titwettaq perjodikament awtovalutazzjoni/awtoevalwazzjoni skont ir-regolamenti/l-oqfsa nazzjonali u reġjonali jew fuq inizjattiva tal-fornituri tal-ETV

L-evalwazzjoni u r-rieżami jkopru proċessi u riżultati/eżiti tal-edukazzjoni inkluż il-valutazzjoni tas-sodisfazzjon ta' dawk li qed jitgħallmu kif ukoll tal-prestazzjoni u s-sodisfazzjon tal-personal

L-evalwazzjoni u r-rieżami jinkludu mekkaniżmi adegwati u effettivi li jinvolvu l-partijiet interessati interni u esterni

Jiġu implimentati sistemi ta' twissija bikrija

Rieżami

Jiġu ddefiniti fil-livelli kollha l-proċeduri, il-mekkaniżmi u l-istrumenti għat-twettiq tar-rieżamijiet

Jiġu rieżaminati regolarment il-proċessi u jitfasslu pjani ta' azzjoni għall-bidla. Is-sistemi jiġu aġġustati kif meħtieġ

L-informazzjoni dwar l-eżiti tal-evalwazzjoni tkun disponibbli pubblikament

Tinġabar informazzjoni mingħand min qed jitgħallem dwar l-esperjenza individwali tagħhom tat-tagħlim u dwar l-ambjent tat-tagħlim. Flimkien mat-tagħrif tal-għalliema din ser tintuża sabiex isservi ta' informazzjoni għal azzjonijiet ulterjuri

L-informazzjoni dwar l-eżiti tar-rieżami tkun disponibbli b'mod wiesa' u pubbliku

Il-proċeduri dwar l-informazzjoni mogħtija u r-rieżami huma parti minn proċess strateġiku ta' tagħlim fl-organizzazzjoni

Ir-riżultati/l-eżiti tal-proċess tal-evalwazzjoni huma diskussi mal-partijiet interessati rilevanti u jiġu stabbiliti pjani ta' azzjoni adatti


(1)  Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, id-definizzjonijiet li japplikaw huma bbażati fuq il-Glossarju Cedefop dwar il-Kwalità fit-Taħriġ (dokument ta' ħidma, Novembru 2003).

(2)  Sett ieħor ta' indikaturi ta' kwalità magħżula huwa deskritt fid-dettall fl-Anness II.

ANNESS II

SETT TA' REFERENZA TA' INDIKATURI TA' KWALITÀ MAGĦŻULA GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-KWALITÀ FL-ETV

Dan l-Anness jipproponi sett komprensiv ta' indikaturi tal-kwalità magħżula li jistgħu jintużaw għall-appoġġ tal-evalwazzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-sistemi u/jew il-fornituri tal-ETV. Is-sett ta' indikaturi ser jiġi żviluppat aktar permezz tal-kooperazzjoni Ewropea fuq bażi bilaterali u/jew multilaterali, li tibni fuq data Ewropea u reġistri nazzjonali.

F’dawk li huma n-natura u l-iskop tagħhom, għandu jkun hemm distinzjoni bejnhom u l-indikaturi u l-parametri ta' referenza msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta’ indikaturi u parametri ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta’ Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Barra minn hekk, it-tabella tal-indikaturi ma tinkludix indikaturi aggregati fil-livell nazzjonali f'każijiet fejn dawn ma jeżistux jew huma diffiċli li jinkisbu. L-aggregazzjoni ta’ dawn l-indikaturi fil-livell nazzjonali tista’ titwettaq fi stadju iktar 'il quddiem fuq-il-bażi ta’ ftehim konġunt bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u n-netwerk tal-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

Indikatur

Tip ta' indikatur

Għan tal-politika

Indikaturi Ġenerali għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità

Nru 1

Rilevanza tas-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-fornituri tal-ETV:

(a)

proporzjon tal-fornituri tal-ETV li japplikaw sistemi interni ta' assigurazzjoni tal-kwalità definiti mil-liġi/b'inizjattiva proprja

(b)

proporzjon mill-fornituri akkreditati tal-ETV

Indikatur tal-kuntest/input

Promozzjoni tal-kultura ta' titjib tal-kwalità fil-livell ta' fornituri tal-ETV

Żieda fit-trasparenza tal-kwalità tat-taħriġ

Titjib tal-fiduċja reċiproka fil-forniment tat-taħriġ

Nru 2

Investiment fit-taħriġ tal-għalliema u ta' min iħarreġ:

(a)

proporzjon tal-għalliema u min qed iħarreġ li jieħdu sehem f'taħriġ ulterjuri

(b)

ammont ta' fondi investiti

Indikatur tal-input/proċess

Promozzjoni tas-sens ta' appartenenza tal-għalliema u ta' min iħarreġ għall-proċess tal-iżvilupp tal-kwalità fl-ETV

Titjib tar-responsività tal-ETV għat-tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol

Żieda fil-bini tal-kapaċità tat-tagħlim individwali

Titjib tal-kisbiet ta' min jitgħallem

Indikaturi li jappoġġaw l-objettivi tal-kwalità fil-politiki tal-ETV

Nru 3

Rata ta' parteċipazzjoni fil-programmi tal-ETV:

Numru ta' parteċipanti fil-programmi (1) tal-ETV, skond it-tip ta' programm u l-kriterji individwali (2)

Indikatur tal-input/proċess/output

Kisba ta' informazzjoni bażika fil-livelli ta' sistemi tal-ETV u ta' fornituri tal-ETV dwar kemm l-ETV huma attraenti

Identifikazzjoni tal-appoġġ għaż-żieda tal-aċċess għall-ETV, inkluż għal gruppi żvantaġġati

Nru 4

Rata ta' tlestija fil-programmi tal-ETV:

Għadd ta' persuni li jkunu temmew b'suċċess/abbandunaw programmi tal-ETV, skond it-tip tal-programm u l-kriterji individwali

Indikatur tal-proċess/output/eżitu

Kisba tal-informazzjoni bażika dwar il-kisbiet edukattivi u l-kwalità tal-proċessi ta' taħriġ

Kalkolu tar-rati ta' rtirar imqabbla mar-rata ta' parteċipazzjoni

Appoġġ għat-tlestija b'suċċess bħala wieħed mill-objettivi ewlenin għall-kwalità fl-ETV

Appoġġ għall-forniment adattat ta' taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati

Nru 5

Rata ta' kollokazzjoni fil-programmi tal-ETV:

(a)

destinazzjoni ta' dawk li jitgħallmu l-ETV f'mument speċifiku wara t-tlestija tat-taħriġ, skont it-tip tal-programm u l-kriterji individwali (3)

(b)

sehem ta' dawk li jitgħallmu li huma impjegati f'mument speċifiku wara t-tlestija tat-taħriġ, skont it-tip tal-programm u l-kriterji individwali

Indikatur tal-eżitu

Appoġġ tal-impjegabilità

Titjib tar-responsività tal-ETV għall-bidliet fid-domanda tas-suq tax-xogħol

Appoġġ għall-forniment adattat ta' taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati

Nru 6

Utilizzazzjoni ta' ħiliet miksuba fuq il-post tax-xogħol:

(a)

informazzjoni dwar impjieg miksub minn individwi wara t-tlestija tat-taħriġ, skont it-tip ta' taħriġ u l-kriterji individwali

(b)

rata ta' sodisfazzjon ta' individwi u min jimpjega bil-ħiliet/kompetenzi miksuba

Indikatur tal-eżitu

(taħlita ta' data kwalitattiva u kwantitattiva)

Żieda fil-kapaċità ta' impjieg

Titjib tar-responsività tal-ETV għall-bidliet fid-domanda tas-suq tax-xogħol

Appoġġ għall-forniment adattat ta' taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati

Informazzjoni dwar il-kuntest

Nru 7

Rata tal-qgħad (4) skont kriterji individwali

Indikatur tal-kuntest

Informazzjoni ta' sfond għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politika fil-livell tas-sistemi tal-ETV

Nru 8

Prevalenza ta' gruppi vulnerabbli:

(a)

perċentwali ta' parteċipanti fl-ETV kklassifikati bħala gruppi żvantaġġati (f'reġjun definit jew f'żona mmirata) skont l-età u s-sess

(b)

rata ta' suċċess ta' gruppi żvantaġġati skont l-età u s-sess

Indikatur tal-kuntest

Informazzjoni ta' sfond għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika fil-livell ta' sistema tal-ETV.

Appoġġ tal-aċċess għall-ETV għall-gruppi żvantaġġati

Appoġġ ta' forniment adattat ta' taħriġ għal gruppi żvantaġġati

Nru 9

Mekkaniżmi għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ fis-suq tax-xogħol:

(a)

Informazzjoni dwar mekkaniżmi stabbiliti biex jidentifikaw il-bidliet fid-domanda fil-livelli differenti

(b)

evidenza tal-effettività tagħhom

Indikatur tal-kuntest/input

(informazzjoni kwalitattiva)

Titjib tar-responsività tal-ETV għall-bidliet fid-domanda tas-suq tax-xogħol.

Appoġġ tal-kapaċità ta' impjieg

Nru 10

Skemi użati għall-promozzjoni ta' aċċess aħjar għall-ETV:

(a)

informazzjoni dwar skemi eżistenti fil-livelli differenti

(b)

evidenza tal-effettività tagħhom

Indikatur tal-proċess

(informazzjoni kwalitattiva)

Promozzjoni tal-aċċess għall-ETV, inkluż għal gruppi żvantaġġati

Appoġġ għall-forniment adattat tat-taħriġ


(1)  Għat-TVI: jeħtieġ perjodu ta' 6 ġimgħat taħriġ qabel min jitgħallem jgħodd bħala parteċipant.

Għat-tagħlim tul il-ħajja: perċentwali tal-popolazzjoni ammessa għal programmi formali tal-ETV.

(2)  Minbarra informazzjoni bażika dwar is-sess u l-età, jistgħu jiġu applikati kriterji soċjali oħrajn, eż. min jitlaq kmieni mill-iskola, l-ogħla kisbiet edukattivi, il-migranti, il-persuni b'diżabbilità, it-tul tal-qgħad.

(3)  Għat-TVI: inkluż tagħrif dwar id-destinazzjoni ta' min ma jkomplix.

(4)  Definizzjoni skont l-ILO u l-OECD: individwi bejn 15 u 74 sena mingħajr xogħol u li qed ifittxu impjieg b'mod attiv u li huma lesti biex jibdew jaħdmu.


Top