EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0014

Id-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 14–21 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/10/2009; Imħassar b' 32009L0103

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/14/oj

11.6.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

14


ID-DIRETTIVA 2005/14/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2005

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rispett ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ l-inċident. Hi wkoll kwistjoni ta’ tħassib kbir għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja fil-Komunità. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment liberu ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-ikkonsolidar fl-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità għandu jkun għan ewlieni.

(2)

Avvanzi sinifikattivi ħafna f’din id-direzzjoni diġà ntlaħqu mid-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, ma’ l-infurzar ta’ l-obbligu li tassigura kontra tali responsabbiltà (4), mat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (5), mat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (6) u mad-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ir-Raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (7).

(3)

Is-sistema Komunitarja ta’ l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur teħtieġ li tiġi aġġornata u mtejba. Din il-ħtieġa giet ikkonfermata mill-konsultazzjoni mwettqa ma’ l-industrija, mal-konsumaturi u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ vittmi.

(4)

Sabiex tiġi eskluża kwalunkwe interpretazzjoni ħażina possibbli fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 72/166/KEE u jkun iktar faċli li tikseb assigurazzjoni li tkopri vetturi li għandhom pjanċi temporanji, id-definizzjoni ta’ territorju fejn il-vettura hi normalment ibbażata għandha tirreferi għat-territorju ta’ l-Istat li l-vettura għandha l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni tiegħu, kemm jekk tkun pjanċa permanenti kif ukoll temporanja.

(5)

Skond id-Direttiva 72/166/KEE, vetturi li għandhom pjanċi foloz jew illegali huma kkunsidrati li jkunu normalment ibbażati fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ il-pjanċi oriġinali. Din ir-regola sikwit tfisser li l-uffiċċji ta’ l-assiguraturi nazzjonali għandhom l-obbligu li jieħdu ħsieb il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ inċidenti li ma għandhom l-ebda konnessjoni ma’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Mingħajr ma jinbidel il-kriterju ġenerali tal-pjanċa ta’ reġistrazzjoni biex jiġi determinat it-territorju li fih il-vettura hi normalment ibbażata, għandha tiġi stabbilita regola speċjali fil-każ ta’ inċidenti kkawżati minn vettura mingħajr pjanċa ta’ reġistrazzjoni jew li għandha pjanċa ta’ reġistrazzjoni li ma tikkorrispondix mal-vettura. F’dan il-każ, għar-raġuni unika li jiġu solvuti l-pretensjonijiet, it-territorju fejn il-vettura hi bbażata għandu jkun ikkunsidrat bħala t-territorju fejn sar l-inċident.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-terminu “kontrolli każwali” fid-Direttiva 72/166/KEE, id-dispożizzjoni rilevanti għandha tiġi ċċarata. Il-projbizzjoni ta’ kontrolli sistematiċi fuq l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għandha tapplika għal vetturi li normalment huma bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll għal dawk fit-territorju ta’ pajjiż terz li iżda jkunu deħlin mit-territorju ta’ Stat Membru. Huma biss kontrolli li mhumiex sistematiċi, ma jiddiskriminawx u jiġu mwettqa bħala parti minn kontroll li mhux immirat esklussivament għall-verifika ta’ assigurazzjoni li jistgħu jiġu permessi.

(7)

L-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 72/166/KEE jippermetti lil Stat Membru sabiex jaġixxi b’deroga mill-obbligu ġenerali li tinħareġ assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward ta’ vetturi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi pubbliċi jew privati. Għal inċidenti kkawżati minn tali vetturi, l-Istat Membru li jkun qed juża d-deroga għandu jinnomina awtorità jew korp sabiex jikkumpensa għad-dannu lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati fi Stat Membru ieħor. Sabiex jiġi żgurat li kumpens xieraq jitħallas mhux biss lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi meta jkunu f’pajjiż ieħor iżda wkoll lill-vittmi ta’ inċidenti li jseħħu fl-Istat Membru fejn il-vettura hi normalment ibbażata, sew jekk huma jew m’humiex residenti fit-territorju tiegħu, l-Artikolu msemmi qabel għandu jiġi emendat. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lista ta’ persuni eżentati mill-assigurazzjoni obbligatorja u l-awtoritajiet u l-korpi responsabbli mill-kumpens ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn tali vetturi hi kkomunikata lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni.

(8)

L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 72/166/KEE jippermetti lil Stat Membru sabiex jaġixxi b’deroga mill-obbligu ġenerali li tinħareġ assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li għandhom pjanċa speċjali. F’dak il-każ, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jeżiġu, fid-daħla għat-territorju tagħhom, karta ħadra valida jew kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-fruntieri, sabiex jiżguraw il-provediment ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kwalunkwe inċident ikkawżat minn dawk il-vetturi fit-territorji tagħhom. Iżda, billi t-tneħħija ta’ kontrolli tal-fruntieri fi ħdan il-Komunità tfisser li m’għadux aktar possibli li tiġi żgurata li l-vetturi li qed jaqsmu l-fruntiera huma koperti mill-assigurazzjoni, kumpens għal vittmi ta’ inċidenti kkawżati f’pajjiż ieħor ma jistax jiġi garantit aktar. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-kumpens dovut jingħata mhux biss lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawk il-vetturi meta barra minn pajjiżhom, iżda wkoll lil vittmi ta’ inċidenti kkawżati fl-Istat Membru fejn il-vettura hi bbażata. Għal dan l-għan, Stati Membri għandhom jittrattaw lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawk il-vetturi bl-istess mod bħal vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li mhumiex assigurati. Tassew, kif previst fid-Direttiva 84/5/KEE, kumpens għal vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li mhumiex assigurati għandhom jitħallsu mill-korp ta’ kumpens ta’ l-Istat Membru fejn seħħ l-inċident. Fejn isir ħlas lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li huma soġġetti għad-deroga, il-korp tal-kumpens għandu jkollu pretensjoni kontra l-korp ta’ l-Istat Membru fejn il-vettura hi bbażata. Wara perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, fid-dawl ta’ l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-deroga, tippreżenta proposti għas-sostituzzjoni jew it-tħassir tagħha bil-għan tiġi emendata jew imħassra. Id-dispożizzjoni li tikkorrispondi fid-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi mħassra wkoll.

(9)

Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ direttivi dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur skond l-Artikolu 299 tat-Trattat, ir-referenza għat-territorju mhux Ewropew ta’ l-Istati Membri fl-Artikoli 6 u 7(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandhom jiġu mħassra.

(10)

L-obbligi ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu assigurazzjoni li tkopri mill-inqas ċerti ammonti minimi tikkostitwixxi element importanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammonti minimi previsti fid-Direttiva 84/5/KEE m’ għandhomx jiġu aġġornati biss biex jittieħed kont ta’ l-inflazzjoni, iżda għandhom jiżdiedu f’termini reali biex tiġi mtejjba l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammont minimu għal dannu personali sabiex dan jiġi kopert għandu jkun ikkalkolat b’mod li l-vittmi kollha li soffrew dannu serju jkunu kumpensati b’mod sħiħ u ġust, filwaqt li jittieħed kont tal-frekwenza baxxa ta’ inċidenti li jinvolvu numru ta’ vittmi li jsofru danni serji ħafna matul l-istess inċident. Ammont minimu ta’ EUR 1 000 000 għal kull vittma jew EUR 5 000 000 għal kull pretensjoni, irrispettivament min-numru ta’ vittmi, huwa ammont raġjonevoli u adegwat. Sabiex tiġi faċilitata l-introduzzjoni ta’ dawn l-ammonti minimi, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżazzjoni ta’ ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Stati Membri għandhom iżidu l-ammonti għal mill-inqas nofs il-livelli fi żmien tletin xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-ammont minimu ta’ kopertura ma jonqosx tul iż-żmien, għandha tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni perjodika billi jintuża bħala punt ta’ referenza l-Indiċi Ewropew ta’ Prezzijiet tal-Konsumaturi (EICP), ippubblikat mill-Eurostat, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 li jikkonċerna indiċijiet armonizzati ta’ prezzijiet tal-konsumaturi (8). Ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw tali reviżjoni jeħtieġ li jiġu stabbiliti.

(12)

Id-Direttiva 84/5/KEE li tippermetti lil Stati Membri, fl-interess li jitrażżan il-frodi, biex jillimitaw jew jeskludu ħlas mill-korp ta’ kumpens fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà minn vettura mhux identifikata, tista’ timpedixxi kumpens leġittimu ta’ vittmi f’ċerti każi. Il-possibiltà li tillimita jew teskludi kumpens abbażi li l-vettura mhux identifikata m’ għandhiex tapplika fejn il-korp ħallas kumpens għal danni personali konsiderevoli lil kwalunkwe vittma ta’ l-istess inċident fejn saret il-ħsara lill-proprjetà. Stati Membri jistgħu jipprovdu għall-eċċess sal-limitu stabbilit fid-Direttiva msemmija li għalih il-vittma tal-ħsara lill-proprjetà jista’ jkun responsabbli. Il-kondizzjonijiet għal danni personali li għandhom jiġu kkunsidrati sinifikanti għandhom jiġu determinati mill-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru fejn sar l-inċident. Meta jkun qed jistabbilixxi dawn il-kondizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jikkosidra jekk id-dannu kienx jeħtieġ kura fi sptar.

(13)

Fil-preżent, possibbiltà li tinsab fid-Direttiva 84/5/KEE tippermetti lil Stati Membri biex jawtorizzaw, sa limitu speċifikat, eċċessi li għalihom il-vittma għandha tkun responsabbli fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà kkawżata minn vetturi li mhumiex assigurati. Din il-possibbiltà tnaqqas b’mod inġust il-protezzjoni ta’ vittmi u toħloq diskriminazzjoni fir-rigward ta’ vittmi ta’ inċidenti oħra. Għalhekk m’ għandiex tkun permessa iżjed.

(14)

It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta li mhix assigurazzjoni fuq il-ħajja u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li tipprovdi s-servizzi (9), għandha tiġi emendata sabiex tippermetti li fergħat ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni jsiru rappreżentanti fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, kif diġà jiġri fir-rigward ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni li mhumiex dwar assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

(15)

L-inklużjoni fil-kopertura ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalunkwe passiġġier fil-vettura hi kisba kbira tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan l-għan jitqiegħed fil-periklu jekk leġiżlazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali f’kuntratt ta’ assigurazzjoni teskludi l-passiġġieri milli jkunu assigurati minħabba li kienu jafu jew misshom kienu jafu li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tax-xorb jew ta’ kwalunkwe sustanza oħra li tikkawża sakra fil-ħin ta’ l-inċident. Il-passiġġier normalment mhux f’pożizzjoni li jivvaluta sew il-livell ta’ sakra tas-sewwieq. L-għan li tiskuraġġixxi persuni milli jsuqu meta jkunu taħt l-influwenza ta’ sustanzi li jikkawżaw sakra ma jintlaħaqx billi jitnaqqas il-livell ta’ kopertura ta’ l-assigurazzjoni għall-passiġġieri li huma vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Il-kopertura ta’ dawn il-passiġġieri taħt l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura ma tippreġudikax kwalunkwe responsabbiltà li jista’ jkollhom skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, lanqas il-livell ta’ kwalunkwe għotja ta’ danni f’inċident speċifiku.

(16)

Danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr muturi, li s-soltu huma l-partijiet l-iżjed dgħajfa f’inċident, għandhom jiġu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura involuta fl-inċident fejn dawn il-persuni ikunu intitolati għall-kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax ir-responsabbiltà jew l-għotja għad-danni f’inċident speċifiku, taħt leġiżlazzjoni nazzjonali.

(17)

Xi impriżi ta’ assigurazzjoni jinserixxu fil-polzi ta’ assigurazzjoni klawżoli li għandhom l-effett li l-kuntratt jiġi kkanċellat jekk il-vettura tibqa’ barra mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għal perjodu itwal minn dak speċifikat. Din il-prattika toħloq kunflitt mal-prinċipju stabbilit fid-Direttiva 90/232/KEE, skond liema l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri, abbażi ta’ prijmjum wieħed, it-territorju kollu tal-Komunità. Għandu għalhekk jiġi speċifikat li l-kopertura ta’ l-assigurazzjoni għandha tibqa’ valida tul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, irrispettivament jekk il-vettura tibqax fi Stat Membru ieħor għal perjodu partikolari, mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi.

(18)

Għandhom jittieħdu passi biex isir iktar faċli tinkiseb kopertura ta’ assigurazzjoni għal vetturi impurtati minn Stat Membru għal ieħor, anke jekk il-vettura għadha mhix reġistrata fl-Istat Membru destinatarju. Deroga temporanja mir-regola ġenerali li tiddetermina l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju għandha tkun disponibbli. Għal perjodu ta’ tletin ġurnata mid-data ta’ meta l-vettura hi kkunsinjata, magħmula disponibbli jew mibgħuta lix-xerrej, l-Istat Membru destinatarju għandu jkun ikkunsidrat li jkun l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju.

(19)

Kwalunkwe persuna li tixtieq tagħmel kuntratt ġdid ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur ma’ assiguratur ieħor għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika r-rendikont ta’ inċidenti u pretensjonijiet tagħha taħt il-kuntratt il-qadim. Persuni li għandhom poloz ta’ assigurazzjoni għandu jkollhom id-dritt li jitolbu f’kull ħin stqarrija li tikkonċerna l-pretensjonijiet, jew in-nuqqas ta’ pretensjonijiet, li jinvolvu l-vettura jew vetturi koperti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-inqas matul il-ħames snin preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali. L-impriża ta’ assigurazzjoni, jew kwalunkwe korp li jista’ jkun ġie maħtur minn Stat Membru biex jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja jew jipprovdi tali stqarrijiet, għandu jipprovdi din l-istqarrija lil persuna li għandha polza ta’ assigurazzjoni fi żmien ħmistax-il jum mit-talba.

(20)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni dovuta għall-vittmi ta’ inċidenti ta’ vettura bil-mutur, Stati Membri m’ għandhomx jippermettu li impriżi ta’ assigurazzjoni jserrħu fuq eċċessi kontra l-parti li ġarrbet id-danni.

(21)

Id-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Id-Direttiva 2000/26/KE diġà tipprovdi lill-vittmi ta’ inċidenti li seħħew fi Stat Membru li mhuwiex l-istat ta’ residenza tal-parti li ġarrbet il-ħsara, li huma kkawżati mill-użu ta’ vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru, bi dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili. Sabiex jiġi faċilitat ħlas ta’ pretensjonijiet effiċjenti u malajr u sabiex jiġu evitati safejn hu possibbli proċeduri legali għaljin, dan id-dritt għandu jiġi estiż għal vittmi ta’ kwalunkwe inċident ta’ vettura bil-mutur.

(22)

Sabiex tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur, il-proċedura ta’ “proposta raġunata” prevista fid-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi estiża għal kull tip ta’ inċidenti b’vetturi bil-mutur. Din l-istess proċedura għandha tapplika ukoll mutatis mutandis fejn l-inċident hu mħallas mis-sistema ta’ l-uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi previst fid-Direttiva 72/166/KEE.

(23)

Sabiex ikun iktar faċli għal parti li ġarrbet il-ħsara li tikseb kumpens, iċ-ċentri ta’ informazzjoni stabbiliti skond id-Direttiva 2000/26/KE ma għandhomx ikunu limitati għal provvediment ta’ informazzjoni dwar inċidenti koperti minn dik id-Direttiva, iżda għandhom jipprovdu l-istess tip ta’ informazzjoni għal kwalunkwe inċident b’vettura bil-mutur.

(24)

Skond l-Artikolu 11(2) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (10), partijiet danneġġjati jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra provvedituri ta’ l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati.

(25)

Billi d-Direttiva 2000/26/KE ġiet adottata qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar l-istess kwistjoni għal numru ta’ Stati Membri, ir-referenza għal tali Konvenzjoni f’dik id-Direttiva għandha tiġi adattata kif xieraq.

(26)

Id-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 72/166/KEE

Id-Direttiva 72/166/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, il-punt 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“—

it-territorju ta’ l-Istat li tiegħu l-vettura għandha l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni, irrispettivament jekk il-pjanċa hijiex permanenti jew temporanja; jew”

;

(b)

għandu jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

f’każijiet fejn il-vettura m’ għandhiex pjanċa ta’ reġistrazzjoni jew għandha pjanċa ta’ reġistrazzjoni li ma tikkorrispondix mal-vettura u kienet involuta f’inċident, it-territorju ta’ l-Istat fejn l-inċident seħħ, iħallas il-pretensjoni kif previst fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Direttiva jew fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (*);

(*)  ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17.”;"

2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jastjenu milli jagħmlu kontrolli dwar assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fir-rigward ta’ vetturi normalment bbażati fit-territorju ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Però, jistgħu jeżegwixxu kontrolli mhux sistematiċi dwar assigurazzjoni sakemm mhumiex diskriminatorji u huma eżegwiti bħala parti minn kontroll mhux immirat esklussivament għal verifika ta’ assigurazzjoni.”

;

3)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

f’ punt (a), it-tieni subparagrafu:

(i)

l-ewwel sentenza għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Stat Membru li jidderoga b’dan il-mod għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura li l-kumpens hu mħallas fir-rigward ta’ kwalunkwe telfa jew dannu kkawżat fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ Stati Membri oħra minn vetturi ta’ tali persuni.”

;

(ii)

l-aħħar sentenza għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-lista ta’ persuni eżentati mill-assigurazzjoni obbligatorja u l-awtoritajiet jew korpi responsabbli għall-kumpens. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista.”

;

(b)

f’punt (b), it-tieni subparagrafu għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“F’dak il-każ Stati Membri għandhom jiżguraw li vetturi kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt huma trattati fl-istess mod bħal vetturi li għalihom l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) ma ġiex sodisfatt. Il-korp ta’ kumpens ta’ l-Istat Membru fejn seħħ l-inċident għandu mbagħad ikollu pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE fl-Istat Membru fejn il-vettura hi normalment ibbażata.

Wara perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (**), Stati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika ta’ dan il-punt. Il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat dawn ir-rapporti, għandha, jekk xieraq, tippreżenta proposti dwar is-sostituzzjoni jew it-tħassir ta’ din id-deroga.

(**)  ĠU L 149, ta’ 11.6.2005, p. 14.”;"

4)

fl-Artikoli 6 u 7 (1) il-kliem “jew it-territorju mhux Ewropew ta’ Stat Membru” għandhom jiġu mħassra.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 84/5/KEE

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/5/KEE għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal garanziji għola li Stati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jeżiġi li l-assigurazzjoni tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward ta’ l-ammonti li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ dannu personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1 000 000 għal kull vittma; jew EUR 5 000 000 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

(b)

fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1 000 000 għall kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

Jekk hemm bżonn, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (***); li fih jadattaw l-ammonti minimi tagħhom koperti għall-ammonti previsti f’dan il-paragrafu.

Stati Membri li jistabbilixxu dan il-perjodu ta’ tranżazzjoni għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u jindikaw it-tul tal-perjodu ta’ tranżazzjoni.

Fi żmien 30 xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/14/KE, l-Istati Membri għandhom iżidu l-garanziji għal mill-inqas nofs tal-livelli previsti f’dan il-paragrafu.

3.   Kull ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/14/KE jew fl-aħħar tal-perjodu ta’ tranżazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-ammonti msemmija f’dak il-paragrafu għandhom jiġu riveduti skond l-Indiċi Ewropew ta’ Prezzijiet tal-Konsumatur (EICP), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar indiċi armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur (****).

L-ammonti għandhom jiġu aġġustati awtomatikament. Tali ammonti għandhom jiżdiedu bil-bidla perċentewali indikata mill-EICP għall-perjodu rilevanti, jew aħjar, il-ħames snin li jiġu minnufih qabel ir-reviżjoni, u approssimizzati sa multiplu ta’ EUR 10 000.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ammonti aġġustati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura mhix identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fil-paragrafu 1 ma ġiex sodisfatt.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jqisu kumpens minn korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-ħlas ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħra jew korpi ta’ siġurta soċjali meħtieġa li jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta’ l-istess inċident. Iżda, Stati Membri ma jistgħux iħallu l-korp jagħmel il-ħlas għall-kumpens kondizzjonali jekk il-vittma tistabbilixxi b’xi mod li l-persuna responsabbli ma tistax jew tirrifjuta li tħallas.

5.   Il-vittma tista’ fi kwalunkwe każ tapplika direttament lill-korp li, abbażi ta’ informazzjoni provduta minnha, għandu jkun obbligat li jagħtiha risposta raġunata dwar il-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens.

Madankollu, Stati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li daħħlu volontarjament il-vettura li kkawżat il-ħsara u d-dannu meta l-korp jista’ juri li kienu jafu li ma kinitx assigurata.

6.   Stati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-ħlas ta’ kumpens mill-korp fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà minn vettura mhix identifikata.

Madankollu, fejn il-korp ħallas kumpens għal danni personali sinifikanti lil kwalunkwe vittma ta’ l-istess inċident fejn ħsara lill-proprjetà ġiet kkawżata minn vettura mhix identifikata, Stati Membri ma jistgħux jeskludu l-ħlas ta’ kumpens għal danni lill-proprjetà fuq il-bażi li l-vettura mhix identifikata. Madankollu, Stati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċess ta’ mhux iktar minn EUR 500 li għalih il-vittma ta’ tali ħsara lill-proprjetà jista’ jkun responsabbli.

Il-kondizzjonijiet li fihom danni personali għandhom jiġu kkunsidrati sinifikanti għandhom jiġu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru fejn iseħħ l-inċident. F’dan ir-rigward, Stati Membri għandhom jieħdu kont, inter alia, jekk id-dannu kienx jeħtieġ kura l-isptar.

7.   Kull Stat Membru għandu japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens mill-korp, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe prattika oħra li hi iktar favorevoli għall-vittma.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 88/357/KEE

It-tieni sentenza fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 12a(4) tad-Direttiva 88/357/KEE għandha tiġi mħassra.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 90/232/KEE

Id-Direttiva 90/232/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal bejn l-ewwel u t-tieni paragrafu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew imissu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol jew ta’ kwalunkwe sustanza li ssakkar fil-ħin ta’ l-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ tali passiġġier.”

;

2)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“Artikolu 1a

L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

;

3)

Fl-Artikolu 2, l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“—

kopertura, abbażi ta’ prijmjum wieħed u matul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, it-territorju kollu tal-Komunità, inkluż għal kwalunkwe perjodu meta l-vettura tibqa’ fl-Istati Membri oħra matul it-terminu tal-kuntratt; u”

;

4)

L-Artikoli li ġejjin għandhom jiġu mdaħħla:

“Artikolu 4a

1.   B’deroga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE (*****), fejn vettura hi mibgħuta minn Stat Membru wieħed għal ieħor, l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju għandu jiġi kkunsidrat l-Istat Membru destinatarju, minnufih mill-aċċettazzjoni ta’ kunsinja mix-xerrej għal perjodu ta’ tletin ġurnata, anke jekk il-vettura ma ġietx formalment reġistrata fl-Istat Membru destinatarju.

2.   Fil-każ li l-vettura hi nvoluta f’inċident matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta ma kinitx assigurata, il-korp imsemmi fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE fl-Istat Membru destinatarju għandu jkun responsabbli għall-kumpens previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva msemmija.

Artikolu 4b

Stati Membri għandhom jiżguraw li min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jkollu d-dritt li jitlob f’kull ħin stqarrija li għandha x’taqsam mal-pretensjonijiet tar-responsabbiltà ta’ parti terza li jinvolvu vettura jew vetturi koperti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-inqas fil-ħames snin preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali, jew man-nuqqas ta’ tali pretensjonijiet. L-impriża ta’ assigurazzjoni, jew korp li jista’ jkun maħtur minn Stat Membru biex jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja jew jipprovdi tali stqarrijiet, għandhom jipprovdu din l-istqarrija lill-persuna li għandha polza ta’ assigurazzjoni fi ħmistax-il jum mit-talba.

Artikolu 4ċ

impriżi ta’ assigurazzjoni m’għandhomx iserrħu fuq eċċessi kontra l-parti li ġarrbet ħsara f’inċident safejn l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE hi konċernata.

Artikolu 4d

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li ġarrbu ħsara f’inċidenti kkawżati minn vettura koperta mill-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandhom dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili.

Artikolu 4e

Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċedura prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2000/26/KE (******) għall-ħlas ta’ pretensjonijiet li jqumu minn kwalunkwe inċident kkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE.

Fil-każ ta’ inċidenti li jistgħu jiġu mħallsa mis-sistema ta’ uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 72/166/KEE, Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-istess proċedura bħal fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2000/26/KE. Sabiex tiġi applikata din il-proċedura kwalunkwe referenza għal impriża ta’ assigurazzjoni għandha tiġi mifhuma bħala referenza għall-uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi kif definiti fl-Artikolu 1, punt 3 tad-Direttiva 72/166/KEE.

(*****)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta li mhix assigurazzjoni tal-ħajja u jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65)."

(******)  Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65).”;"

5)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2000/26/KE, iċ-ċentri ta’ informazzjoni stabbiliti jew approvati skond l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, jipprovdu l-informazzjoni speċifikata f’dak l-Artikolu lil kwalunkwe parti involuta fi kwalunkwe inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE.”

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2000/26/KE

Id-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Il-premessa li jmiss 16a għandha tiġi mdaħħla:

“(16a)

Skond l-Artikolu 11 moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (*******), partijiet danneġġjati jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra provvedituri tal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati.

(*******)  ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, tat-28.12.2004, p. 10).”;"

2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 8 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“8.   Il-ħatra ta’ rappreżentant ta’ pretensjonijiet m’ għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi l- ftuħ ta’ fergħa fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/49/KEE u r-rappreżentant tal-pretensjonijiet m’ għandux jitqies bħala stabbiliment fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 88/357/KEE jew

stabbiliment fis-sens tat-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (********) — safejn id-Danimarka hi kkonċernata,

stabbiliment fis-sens tat-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 safejn l-Istati Membri l-oħra huma kkonċernati.

(********)  ĠU C 27, tas-26.1.1998, p. 1 (verżjoni konsolidata).”;"

3)

Fl-Artikolu 5(1)(a), punt 2(ii) għandu jiġi mħassar.

4)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“Artikolu 6a

Korp Ċentrali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiffaċilitaw id-disponibilita’ fi żmien dovut tad-data bażika meħtieġa għas-soluzzjoni tal-pretensjonijiet lill-vittmi, lill-assiguraturi tagħhom jew lir-rappreżentanti legali tagħhom.

Fejn ikun xieraq, din id-data bażika għandha tkun magħmula disponibbli f’forma elettronika f’post għall-ħażna ċentrali f’kull Stat Membru, u tkun aċċessibli mill-partijiet involuti fil-każ fuq talba espressa.”

Artikolu 6

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 Ġunju 2007 mill-iktar tard. Għandhom minnufih jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati b’mod uffiċjali.

Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   Stati Membri jistgħu, skond it-Trattat, iżommu jew idaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet li huma iżjed favorevoli għal parti li ġarrbet il-ħsara mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva.

3.   Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjoni prinċipali ta’ liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Is-Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Indirizzati

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, bhar il-11 ta’ Mejju 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 227 E, ta’ l-24.9.2002, p. 387.

(2)  ĠU C 95, tat-23.4.2003, p. 45.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, ta’ l-1.4.2004, p. 297), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2004 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Jannar 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2005.

(4)  ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 84/5/KEE (ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17).

(5)  ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 90/232/KEE (ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33).

(6)  ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33.

(7)  ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65.

(8)  ĠU L 257, tas-27.10.1995, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE.

(10)  ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, tat-28.12.2004, p. 10).


Top