EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0779

2005/779/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Novembru 2005 dwar miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja (innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4273) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 293, 9.11.2005, p. 28–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 349M, 12.12.2006, p. 563–567 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 082 P. 4 - 9
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 082 P. 4 - 9
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 051 P. 74 - 78

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/03/2019; Imħassar b' 32019D0470

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/779/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

563


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Novembru 2005

dwar miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4273)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/779/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jitlesta s-suq intern (1), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Irriżultaw tifqigħat tal-marda vesikulari tal-ħnieżer f'ċerti reġjuni ta' l-Italja.

(2)

L-Italja ħadet miżuri sabiex tiffaċċja t-tifqigħat skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vesikulari tal-ħnieżer (2).

(3)

L-Italja ħadet ukoll miżuri addizzjonali għall-qerda u l-monitoraġġ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer li jkopru l-Italja kollha kemm hi. Dawn il-miżuri jinsabu fil-programmi annwali għall-qerda u l-monitoraġġ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ippreżentati mill-Italja u approvati skond l-Artikolu 24(6) u l-Artikoli 29 u 32 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (3).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/840/KE tat-30 ta' Novembru 2004, li tapprova programmi għall-qerda u l-monitoraġġ ta' ċertu mard ta' l-annimali u għal kontrolli mmirati lejn il-prevenzjoni taż-żoonosi ppreżentati mill-Istati Membri għas-sena 2005 u li tistabbilixxi l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità (4), approvat il-programm għall-qerda u l-monitoraġġ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ippreżentat mill-Italja għall-2005.

(5)

Il-miżuri stabbiliti fil-programmi annwali għall-qerda u l-monitoraġġ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer huma maħsuba li jirrikonoxxu stabbilimenti tal-ħnieżer bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer u sabiex jiżguraw li r-reġjuni kollha ta' l-Italja jiksbu dak l-istatus. Il-programmi jinkludu wkoll regoli dwar il-moviment ta' u l-kummerċ fi ħnieżer ħajjin minn reġjuni u stabbilimenti li mhumiex ta' l-istess status fir-rigward tal-marda vesikulari tal-ħnieżer.

(6)

Il-maġġoranza tar-reġjuni ta' l-Italja bl-eċċezzjoni ta' l-Abruzzi, il-Kampanja, il-Kalabrija u Sqallija ġew rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer wara r-riżultati favorevoli ta' kkampjunar u ttestjar ripetut ta' ħnieżer fl-istabbilimenti kollha taħt il-programmi annwali għall-qerda u l-monitoraġġ.

(7)

Madankollu, minħabba n-natura tal-marda u l-persistenza tagħha f'ċerti reġjuni ta' l-Italja, is-sorveljanza għad-detezzjoni tal-marda vesikulari tal-ħnieżer minn kmieni, għandha tibqa' kif inhi f'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer.

(8)

Is-sitwazzjoni tal-marda f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer tista' wkoll tipperikola stabbilimenti tal-ħnieżer f'reġjuni oħra fl-Italja permezz tal-kummerċ fil-ħnieżer ħajjin. Il-ħnieżer għalhekk m'għandhomx jiġu mċaqalqin minn reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għal reġjuni oħra fl-Italja sakemm ma joriġinawx minn stabbilimenti li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

(9)

Ħnieżer f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer m'għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħra. Ħnieżer f'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għandhom jintbagħtu biss minn stabbilimenti rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

(10)

Ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE. Huwa xieraq li tiġi stabbilita definizzjoni għal “ċentru ta' assemblaġġ għall-ħnieżer” differenti minn dik stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini u suwini (5).

(11)

Għal skopijiet ta' trasparenza, għandhom jiġu stabbiliti regoli fuq il-livell Komunitarju dwar l-istatus ta' stabbilimenti tal-ħnieżer u reġjuni fir-rigward tal-marda vesikulari tal-ħnieżer u movimenti ta' u kummerċ intra-Komunitarju fil-ħnieżer ħajjin minn stabbilimenti u reġjuni bi status differenti ta' mard.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

IS-SUĠĠETT, L-AMBITU U D-DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali fir-rigward tal-marda vesikulari tal-ħnieżer għal reġjuni ta' l-Italja li huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer u għal reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

id-definizzjonijiet fid-Direttiva 92/119/KEE għandhom japplikaw;

2.

“ċentru ta' assemblaġġ għall-ħnieżer” ifisser l-istabbiliment ta' kummerċjant li lejh u li minnu ħnieżer akkwistati jiġu mċaqilqa regolarment fi żmien 30 jum mill-akkwist.

KAPITOLU II

RIKONOXXIMENT TA' REĠJUNI U STABBILIMENTI FL-ITALJA BĦALA ĦIELSA MILL-MARDA VESIKULARI TAL-ĦNIEŻER

Artikolu 3

Rikonoxximent tar-reġjuni

1.   Ir-reġjuni ta' l-Italja elenkati fl-Anness I huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer.

2.   Ir-reġjuni ta' l-Italja elenkati fl-Anness II m'humiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer.

Artikolu 4

Rikonoxximent ta' l-istabbilimenti

1.   L-Italja għandha tiżgura li l-paragrafi 2 sa 6 jiġu rispettati.

2.   F'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer, stabbiliment tal-ħnieżer għandu jiġi rikonoxxut bħala ħieles minn dik il-marda jekk:

a)

f'żewġ okkażjonijiet f'intervall ta' 28 sa 40 jum, kampjunar għal testijiet sjeroloġiċi twettaq fuq numru għoli biżżejjed ta' ħnieżer għat-tgħammir sabiex tinsab prevalenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ta' 5 % b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 % u r-riżultati kienu negattivi, u

b)

fejn l-ebda ħnieżer għat-tgħammir ma jinżammu fi stabbilimenti f'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer, kull ħanżir li jiġi mċaqlaq għal stabbilimenti bħal dawn joriġina minn stabbilimenti li huma rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

3.   F'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer, stabbiliment tal-ħnieżer għandu jiġi rikonoxxut bħala ħieles minn dik il-marda jekk f'żewġ okkażjonijiet f'intervall ta' 28 sa 40 jum, kampjunar għal testijiet sjeroloġiċi twettaq fuq numru għoli biżżejjed ta' ħnieżer sabiex tinsab prevalenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ta' 5 % b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 % u r-riżultati kienu negattivi,

4.   Stabbiliment tal-ħnieżer rikonoxxut bħala ħieles mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għandu jżomm dak l-istatus jekk:

a)

il-proċeduri ta' kkampjunar u ta' ċċekkjar jitwettqu skond l-Artikolu 5 (1) u l-Artikolu 6 u r-riżultati jkunu negattivi, u

b)

il-ħnieżer li jiġu mċaqilqa lejn stabbiliment bħal dan joriġinaw minn stabbilimenti li huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer.

5.   Ir-rikonoxximent ta' stabbiliment bħala ħieles mill-marda vesikulari tal-ħnieżer:

a)

għandu jiġi sospiż fejn jirriżulta u jiġi kkonfermat, permezz ta' investigazzjonijiet ulterjuri, kwalunkwe każ sjeropożitiv, sakemm il-ħanżir ikkonċernat jinqatel taħt superviżjoni uffiċjali, jew

b)

għandu jiġi rtirat fejn żewġ każijiet sjeropożitivi jew aktar jirriżultaw.

6.   Stabbiliment tal-ħnieżer għandu jiġi rikonoxxut għal darb' oħra bħala ħieles mill-marda vesikulari tal-ħnieżer jekk il-proċeduri ta' kkampjunar u ċċekkjar stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, skond il-każ, ikunu twettqu u r-riżultati jkunu negattivi.

KAPITOLU III

SORVELJANZA

Artikolu 5

Sorveljanza f'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer

1.   L-Italja għandha tiżgura li l-proċeduri ta' kkampjunar u ċċekkjar sabiex tinsab il-marda vesikulari tal-ħnieżer jitwettqu hekk kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 f'reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

2.   Fi stabbilimenti fejn jinżammu aktar minn żewġ ħnieżer għat-tgħammir, l-ikkampjunar għall-ittestjar sjeroloġiku għandu jitwettaq fl-intervalli li ġejjin fuq kampjun mhux meħud sistematikament ta' 12-il ħanżir għat-tgħammir jew fuq il-ħnieżer kollha għat-tgħammir fejn hemm anqas minn 12-il ħanżir għat-tgħammir fl-istabbiliment.

a)

darba fis-sena fejn l-istabbiliment fil-parti l-kbira jipproduċi ħnieżer għall-qatla,

b)

darbtejn fis-sena f'każijiet oħra.

3.   F'ċentri ta' assemblaġġ għall-ħnieżer, l-ikkampjunar tal-ħmieġ għat-testjar viroloġiku għandu jitwettaq f'intervalli ta' xahar f'kull stalla li fiha s-soltu jinżammu l-ħnieżer.

Artikolu 6

Sorveljanza f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer

1.   L-Italja għandha tiżgura li l-proċeduri ta' kkampjunar u ċċekkjar sabiex tinsab il-marda vesikulari tal-ħnieżer jitwettqu hekk kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

2.   Fi stabbilimenti rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer fejn ħnieżer għat-tgħammir jinżammu u f'ċentri ta' assemblaġġ għall-ħnieżer, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 għandhom jinżammu.

3.   Fi stabbilimenti rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer fejn ma jinżammu l-ebda ħnieżer għat-tgħammir, l-ikkampjunar għall-ittestjar sjeroloġiku għandu jitwettaq darbtejn fis-sena fuq kampjun mhux meħud sistematikament ta' 12-il ħanżir għat-tgħammir jew fuq il-ħnieżer kollha għat-tgħammir fejn hemm anqas minn 12-il ħanżir fl-istabbiliment. L-ikkampjunar tal-ħnieżer fi stabbiliment jista', madankollu, iseħħ fil-biċċerija fil-ħin tal-qatla.

KAPITOLU IV

IL-MOVIMENT TA' ĦNIEŻER ĦAJJIN FL-ITALJA U LEJN STATI MEMBRI OĦRA

TAQSIMA I

Moviment fl-italja

Artikolu 7

Miżuri fir-rigward tal-moviment ta' ħnieżer ħajjin fl-Italja

1.   L-Italja għandha tiżgura li l-paragrafi 2, 3 u 4 jiġu rispettati għall-moviment ta' ħnieżer ħajjin fl-Italja.

2.   Meta ħnieżer li jiġu minn stabbilimenti li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer jiġu mċaqalqin lejn biċċerija għall-qatla, għandu jitwettaq kampjunar sjeroloġiku fuq numru ta' ħnieżer li hu kbir biżżejjed li tista' tinsab prevalenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ta' 5 % b'intervall ta' kunfidenza 95 %.

3.   Iċ-ċaqliq ta' ħnieżer minn stabbilimenti li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għal stabbiliment oħra huwa pprojbit.

4.   Iċ-ċaqliq ta' ħnieżer minn stabbilimenti li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għal reġjuni oħra ta' l-Italja huwa pprojbit.

Artikolu 8

Derogi u kundizzjonijiet

B'deroga mill-Artikolu 7(4), l-awtoritajiet Taljani jistgħu jawtorizzaw iċ-ċaqliq ta' ħnieżer minn stabbilimenti f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għal reġjuni oħra fl-Italja bil-kundizzjoni li:

a)

l-istabbiliment ta' l-oriġni ġie rikonoxxut bħala ħieles mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għall-inqas għal sentejn mingħajr interruzzjoni;

b)

fis-60 jum qabel iċ-ċaqliq, l-istabbiliment ta' l-oriġni ma kienx jinsab f'żona ta' protezzjoni jew ta' sorveljanza wara tifqigħa tal-marda vesikulari tal-ħnieżer;

c)

l-ebda ħanżir ma ġie introdott fl-istabbiliment ta' l-oriġni fit-12-il xahar qabel il-moviment minn stabbilimenti fejn kienet suspettata l-marda vesikulari tal-ħnieżer;

d)

ħnieżer fl-istabbiliment ta' l-oriġni jiġu kkampjunati bejn 20 u 30 jum qabel iċ-ċaqliq u l-ittestjar sjeroloġiku jitwettaq fuq numru kbir biżżejjed ta' ħnieżer sabiex ikun possibbli li tinsab prevalenza ta' 5 % tal-marda vesikulari tal-ħnieżer b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 %;

e)

ħnieżer fl-istabbiliment tad-destinazzjoni jiġu kkampjunati għall-inqas 28 jum qabel iċ-ċaqliq u l-ittestjar sjeroloġiku jitwettaq fuq numru kbir biżżejjed ta' ħnieżer sabiex ikun possibbli li tinsab prevalenza ta' 5 % tal-marda vesikulari tal-ħnieżer b'intervall ta' kunfidenza ta' 95.%; Ma jistgħux jiġu mċaqalqin ħnieżer mill-istabbiliment tad-destinazzjoni sakemm ma jkunx sar l-ittestjar u r-riżultati joħorġu negattivi.

f)

l-annimali mċaqalqin jiġu ttrasportati f'vetturi ssiġillati taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet;

g)

iċ-ċaqliq tal-ħnieżer jiġi nnotifikat għall-inqas 48 siegħa minn qabel lill-awtorità veterinarja lokali responsabbli għall-istabbiliment tad-destinazzjoni;

h)

il-vetturi użati għall-ġarr tal-ħnieżer jitnaddfu u jiġu diżinfettati taħt sorveljanza uffiċjali qabel wara ċ-ċaqliq.

TAQSIMA II

Ċaqliq intra-komunitarju

Artikolu 9

It-tluq ta' ħnieżer ħajjin mill-Italja lejn Stati Membri oħra

1.   L-Italja għandha tiżgura li l-paragrafi 2 u 3 jiġu rispettati.

2.   It-tluq ta' ħnieżer minn reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għal Stati Membri oħra huwa pprojbit.

3.   Ħnieżer mibgħuta minn reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer lejn Stati Membri oħra għandhom joriġinaw minn stabbilimenti rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

Artikolu 10

Obbligu fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni

L-Italja għandha tiżgura li ċertifikati tas-saħħa kif previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 64/432/KEE li jakkumpanjaw ħnieżer mibgħuta mill-Italja lejn Stati Membri oħra skond l-Artikolu 9 ta' din id-Deċiżjoni jiġu approvati bil-kliem li ġej:

“Annimali f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/779/KE dwar miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja”.

KAPITOLU V

OBBLIGU TA' KOMUNIKAZZJONI

Artikolu 11

Komunikazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri

L-awtoritajiet Taljani għandhom iressqu kull informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kull sitt xhur permezz tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru. 806/2003.(ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru. 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 361, 8.12.2004, p. 41.

(5)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).


ANNESS I

Reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer

Ir-Reġjuni ta':

Il-Basilikata

L-Emilja-Romanja

Il-Friuli-Venezia Giulia

Il-Lazio

Il-Ligurja

Il-Lombardija

Il-Marke

Il-Moliże

Il-Pjedmont

L-Apulja

Sardinja

It-Toskana

Trentino-Alto Adige

L-Umbrija

Valle d'Aosta

Il-Veneto.


ANNESS II

Reġjuni ta' l-Italja li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer

Ir-Reġjuni ta':

l-Abruzzi

il-Kampanja

il-Kalabrija

Sqallija.


Top