EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0316

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta'Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali

COM/2016/0316 final

Brussell, 27.5.2016

COM(2016) 316 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI




It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta'Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta'Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali

1.Lakuni fl-implimentazzjoni u l-impatt tagħhom

Ir-Rapport tal-2015 dwar l-Istat tal-Ambjent mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent isostni li "Il-bażi għal titjib fi żmien qasir u fit-tul tal-ambjent, tas-saħħa tal-bniedem u tal-prosperità ekonomika fl-Ewropa tiddependi fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki, u fuq l-integrazzjoni aħjar tal-ambjent fil-politiki settorjali li jikkontribwixxu l-aktar lejn il-pressjonijiet u l-impatti ambjentali 1 ." Il-Kummissjoni identifikat l-isfidi u s-soluzzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali f'żewġ Komunikazzjonijiet fl-2008 2 u fl-2012 3 rispettivament.

In-natura tal-lakuni fl-implimentazzjoni tvarja bejn setturi u Stati Membri differenti. Il-lakuni jistgħu jseħħu minħabba r-regoli ambjentali nazzjonali li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE; fil-kisba tal-għanijiet prinċipali maqbula dwar il-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma u l-bijodiversità; fit-tlestija tal-infrastruttura meħtieġa tal-iskart u tal-ilma mormi; fil-mod li bih l-awtoritajiet jinteraġixxu mal-pubbliku; fit-twettiq ta' salvagwardji bħat-tlestija fil-ħin ta' pjanijiet ambjentali obbligatorji, bħall-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart; u fil-konformità ma' sett wiesa' ta' regoli applikabbli fil-post bħall-projbizzjoni fuq ir-rimi tal-iskart.

Kif identifikat fil-Komunikazzjoni tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-KE, l-isfidi li jridu jiġu indirizzati huma n-nuqqas ta' attenzjoni li tingħata lid-dati ta' skadenza u l-kompletezza, in-nuqqas ta' għarfien u ta' sensibilizzazzjoni 4 , in-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet amministrattivi, politiki u prattiki nazzjonali u reġjonali dgħajfa ta' infurzar u nuqqas ta' investiment u investiment tardiv fl-infrastruttura meħtieġa biex jitnaqqas it-tniġġis 5 .

Ir-riżultati ta' stħarriġ tal-2015 tal-awtoritajiet ambjentali nazzjonali jindika li hemm fatturi sottostanti komuni li jikkawżaw progress fqir fl-implimentazzjoni 6 . Ir-raġuni sottostanti prinċipali hija l-kapaċità insuffiċjenti fil-korpi amministrattivi responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni, inkluża kapaċità insuffiċjenti fl-organizzazzjonijiet responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-infurzar ambjentali, segwita minn dejta, evidenza u informazzjoni insuffiċjenti, u nuqqas ta' ħiliet fil-livell lokali. Bħallikieku mhux biżżejjed, issemmew sanzjonijiet inadegwati u livell ta' multi għal dawk li jiksru l-liġi li fil-verità ma jikkostitwux deterrent.

Fatturi oħra identifikati fl-istħarriġ bħala li qegħdin jikkontribwixxu għal implimentazzjoni fqira tal-liġi u l-politika ambjentali jinkludu: in-nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell ta' gvern sabiex tkun assigurata l-konsistenza tal-prijoritajiet b'mod orizzontali (fuq livell ta' gvern) u b'mod vertikali (bejn il-livelli ta' amministrazzjoni, jiġifieri lokali, reġjonali, nazzjonali), u l-integrazzjoni fqira ta' kwistjonijiet ambjentali f'diversi politiki, programmi u proġetti.

Il-kawżi ewlenin tal-lakuni fl-implimentazzjoni jridu jiġu indirizzati b'mod komprensiv, sistematiku u kollaborattiv, għal mill-anqas żewġ raġunijiet.

L-ewwel, implimentazzjoni fqira twassal għal spejjeż ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Pereżempju, ġie stmat li l-ispejjeż tal-ħsara għas-saħħa u l-ambjent ikkawżata mill-inkwinanti fl-arja mill-faċilitajiet industrijali Ewropej jaqbżu l-EUR 100 biljun kull sena 7 . L-ispejjeż ekonomiċi assoċjati man-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-acquis ambjentali kienu stmati għal madwar EUR 50 biljun fis-sena fl-2011, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri legali kontra Stati Membri (każijiet ta' ksur) 8 . Dan ifisser li fl-UE jinħolqu aktar minn EUR 4 biljuni fix-xahar ta' spejjeż bla bżonn, filwaqt li l-esperjenza wriet li huwa ferm irħas li wieħed jikkonforma pjuttost milli jirrettifika wara l-ispejjeż ekonomiċi u ambjentali tan-nuqqas ta' azzjoni jew ta' azzjoni tard 9 . Jiġu mġarrba spejjeż soċjali u ekonomiċi bin-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali eżistenti. Pereżempju, il-konformità sħiħa mal-politika tal-UE dwar l-iskart sal-2020 tista' toħloq 400.000 impjieg żejjed addizzjonali u fatturat annwali addizzjonali ta' EUR 42 biljun fl-industriji tal-immaniġġjar u r-riċiklaġġ tal-iskart 10 .  Bl-istess mod, kieku l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ilma kellha tiġi implimentata b'mod sħiħ, u l-korpi kollha tal-ilma jirċievu klassifikazzjoni ta' status 'tajjeb', il-benefiċċji annwali kombinati jistgħu jkunu ta' mill-anqas EUR 2.8 biljuni 11 . Il-fatt li jeżistu varjazzjonijiet kbar fir-rigward tar-rekord tal-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri joħloq ukoll ostakli għall-funzjonament tas-suq intern (kundizzjonijiet ugwali mhux uniformi għan-negozji).

It-tieni, jekk ma jintlaħqux il-miri ambjentali tal-UE tiġi affettwata l-kredibbiltà kemm tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll tal-UE f'għajnejn iċ-ċittadini. In-numru sinifikanti ta' każijiet ta' ksur, petizzjonijiet u lmenti fil-qasam tal-ambjent 12 u l-isfidi fl-immaniġġjar tagħhom, jirriflettu l-livell insuffiċjenti ta' implimentazzjoni tal-acquis ambjentali. Filwaqt li għandu jiġi rikonoxxut li l-qrati nazzjonali u l-awtoritajiet ambjentali nazzjonali, li huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, għamlu sforzi sabiex jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli ambjentali, dan ma kienx suffiċjenti sabiex jitneħħew il-lakuni fl-implimentazzjoni. F'dan il-kuntest tajjeb ukoll li jiġi nnutat li, għalkemm hemm xi Stati Membri u reġjuni b'rekord eċċellenti fl-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali, oħrajn għadhom lura, xi drabi b'mod sinifikanti.

2.Il-ħtieġa ta' approċċ strateġiku u komprensiv

Filwaqt li l-implimentazzjoni hija fl-ewwel lok kompitu tal-Istati Membri nfushom, il-Kummissjoni, bħala Gwardjana tat-Trattati għandha r-rwol proprju tagħha bħala parti mir-responsabbiltà tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea. Il-proċeduri ta' ksur jibqgħu fl-aħħar mill-aħħar għodda sinifikanti sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet legali, u, għal diversi snin, inbdew azzjonijiet immirati għall-promozzjoni tal-konformità indirizzati lill-Istati Membri, b'mod partikolari f'oqsma bl-aktar rekord fqir ta' implimentazzjoni. Dan sar, fost affarijiet oħra, fis-setturi tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma. Azzjonijiet iffukati bħal dawn jibqgħu kruċjali u se jitkomplew, iżda għandhom jiġu integrati f'approċċ sistemiku maħsub sabiex jindirizza aspetti transsettorjali, joffri stampa komprensiva tal-kisbiet u l-isfidi, u jiddefinixxi l-iskala u l-firxa tal-prijoritajiet li jeħtieġu mhux biss attenzjoni teknika iżda wkoll attenzjoni politika.

Approċċ strateġiku u komprensiv bħal dan – li attwalment huwa nieqes – għandu jippermetti li jiġu identifikati u indirizzati l-kawżi ewlenin tal-lakuni fl-implimentazzjoni fi stadju aktar bikri u bi sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Abbażi ta' din id-dijanjożi, il-Kummissjoni tkun lesta li takkumpanja l-isforzi proprji tal-Istati Membri b'kompetenza teknika u appoġġ finanzjarju aktar immirat bl-użu ta' fondi eżistenti tal-UE.

Dan huwa allinjat mas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, li jipprijoritizza l-implimentazzjoni aħjar bħala abilitatur sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu u jirrispondi wkoll għall-ħtieġa li jiġu offruti analiżi u appoġġ imfasslin skont il-ħtiġijiet partikolari lill-Istati Membri u li jitjieb il-fehim u l-għarfien dwar il-lakuni fl-implimentazzjoni 13 .

3.Prinċipji u Għanijiet tal-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR)

L-għan ġenerali tal-inizjattiva tal-EIR huwa li tkun ta' appoġġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti, filwaqt li tassigura b'mod rigoruż it-trattament indaqs tal-Istati Membri. L-għanijiet definiti fil-politiki u r-regoli maqbula eżistenti jikkostitwixxu s-sett ta' parametri referenzjarji li skonthom jiġi mmonitorjat il-progress fl-implimentazzjoni.

Il-proċess tal-EIR għandu jkun inklużiv u parteċipattiv. L-Istati Membri se jiġu inkoraġġiti jinvolvu partijiet interessati rilevanti bħas-settur privat u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u livelli ta' governanza sabiex jiddiskutu l-lakuni prinċipali fl-implimentazzjoni u s-soluzzjonijiet possibbli.

Il-proċess tal-EIR se jkun flessibbli, l-ewwel nett billi jqis l-isfidi nazzjonali speċifiċi fil-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, u t-tieni billi jirrikonoxxi b'mod sħiħ li l-Istati Membri għandhom l-għażla tal-modi u l-mezzi ta' implimentazzjoni, bil-kundizzjoni li l-azzjoni tagħhom twassal biex jinkisbu l-għanijiet komuni segwiti mill-acquis u l-politiki ambjentali.

Din l-inizjattiva se tkun f'sinerġija mal-ħidma eżistenti dwar l-implimentazzjoni ambjentali. Ir-riżultati se jkunu bbażati fuq informazzjoni u dejta li diġà tinġabar mill-Kummissjoni (inklużi l-Eurostat, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, eċċ., u sorsi nazzjonali uffiċjali. Bl-istess mod, fl-EIR se jiġu kkunsidrati wkoll is-sejbiet ta' diversi Kontrolli tal-Idoneità li jitwettqu mill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti, inkluż dak dwar ir-rappurtar ambjentali, u l-valutazzjonijiet tal-impatt għal proposti leġiżlattivi futuri.

L-EIR għalhekk se titwettaq mill-Kummissjoni sabiex:

tipprovdi stampa infurmata u sintetika ta' fejn jinsab kull Stat Membru fir-rigward tal-lakuni prinċipali fl-implimentazzjoni ambjentali, abbażi ta' sett ta' parametri referenzjarji li jirriflettu l-għanijiet maqbula eżistenti ta' politika u l-obbligi ewlenin definiti mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

toħloq l-opportunità għal djalogu strutturat ma' kull Stat Membru dwar il-kisbiet u l-isfidi sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni u dwar l-azzjonijiet meħtieġa;

tipprovdi appoġġ imfassal skont il-ħtiġijiet partikolari, lill-Istati Membri, sabiex itejbu l-implimentazzjoni tal-acquis u l-politiki ambjentali tal-UE;

issaħħaħ il-kultura ta' konformità tal-UE fil-qasam tal-politiki ambjentali;

tipprovdi bażi infurmata għal dibattiti u deliberazzjonijiet politiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-isfidi orizzontali, l-opportunitajiet u s-soluzzjonijiet possibbli mmirati sabiex jitnaqqsu aktar il-lakuni fl-implimentazzjoni; tidentifika u tara li jiġu kondiviżi l-aqwa prattiċi u problemi komuni u jsir l-aqwa użu mill-esperjenza akkumulata madwar l-UE, kif ukoll billi tinvolvi lill-firxa sħiħa tal-partijiet interessati f'azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni.

4.Iċ-Ċiklu tal-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali

Bħala l-ewwel pass, kull sentejn se jitfasslu rapporti speċifiċi għall-pajjiż li jiffukaw fuq suġġetti essenzjali fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali f'kull Stat Membru. L-ewwel parti tindirizza oqsma tematiċi bħall-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-immaniġġjar tal-iskart; il-bijodiversità, il-protezzjoni tal-baħar, il-protezzjoni tal-ħamrija, l-infrastruttura ekoloġika u l-istima tal-kapital naturali; il-kwalità tal-arja, il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma, is-sustanzi kimiċi u l-ibliet sostenibbli. It-tieni parti tkopri l-qafas ta' abilitazzjoni u l-għodod ta' implimentazzjoni fosthom il-kwalità tal-kapaċità amministrattiva, l-assigurazzjoni tal-konformità, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-mekkaniżmi ta' rimedju, l-aċċess għall-informazzjoni, l-għarfien u l-evidenza ambjentali; it-tassazzjoni ambjentali, l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, l-akkwist pubbliku u l-investimenti ekoloġiċi. Fil-ġejjieni il-mitigazzjoni u l-addattazzjoni tat-tibdil fil-klima se jibdew jiġu indirizzati bħala kwistjonijiet trażversali fl-oqsma tematiċi kollha rilevanti.

Dawn ir-rapporti se jissottolinjaw l-isfidi u s-suċċessi ewlenin ta' kull Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-acquis u l-politiki ambjentali tal-UE u jissuġġerixxu toroq possibbli 'l quddiem. Ir-rapporti se jkunu bbażati fuq, u jiggwidaw ulterjorment, il-ħidma tematika bilaterali eżistenti dwar l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-politika ambjentali f'oqsma oħra ta' politika mwettqa mill-Kummissjoni ma' kull Stat Membru. Huma se jistabbilixxu l-qafas għal tali djalogi bilaterali bejn il-pajjiżi u azzjonijiet settorjali għall-promozzjoni tal-konformità bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-Istati Membri qabel ma tiffinalizza r-rapporti sabiex tkun ċerta mill-preċiżjoni tagħhom. Ladarba jiġu adottati mill-Kummissjoni, ir-rapporti dwar il-pajjiżi jsiru pubbliċi.

It-tieni pass, li se jkun ibbażat fuq dan ta' hawn fuq, qiegħed joħloq il-qafas għal diskussjonijiet ta' livell għoli dwar lakuni sinifikanti fl-implimentazzjoni li huma komuni għal diversi Stati Membri. Is-sejbiet ewlenin tat-28 rapport speċifiku għall-pajjiż se jiġu sintetizzati f'dokument ta' akkumpanjament li se jiġi ppubblikat flimkien mar-rapporti. Skont l-importanza tas-sejbiet, il-Kummissjoni tipprepara dokumenti ta' analiżi speċifiċi sabiex tesplora aktar mal-Kunsill ċerti suġġetti li jkunu rilevanti għal diversi Stati Membri u li jimmeritahom attenzjoni u sforzi partikolari. Dawn id-dokumenti ta' analiżi jiġu ppreżentati lill-Kunsill għal skambji ta' opinjonijiet dwar l-approċċi, l-esperjenzi u l-aqwa prattiċi żviluppati dwar il-kwistjonijiet analizzati, b'mod partikolari meta dawn ikollhom impatti transfruntiera fuq l-ambjent u l-kompetittività.

Il-Kummissjoni se tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew dwar is-sejbiet orizzontali prinċipali tagħha, u dan filwaqt li tqis ir-rwol ta' sorveljanza tagħha definit mit-Trattati. Hija se tikkomunika wkoll mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istess sejbiet orizzontali prinċipali sabiex taħdem ma' rappreżentanti lokali u reġjonali biex tqajjem għarfien dwar azzjonijiet speċifiċi 14 . Ir-riżultati ta' dawn id-djalogi se jkunu qed jiddeterminaw kif il-Kummissjoni ssegwi kull ċiklu tal-EIR.

Mit-tieni ċiklu 'l quddiem, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni, inkluż bħala segwitu għall-konklużjonijiet taċ-ċiklu preċedenti.

5.Benefiċċji mistennija

L-EIR għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza fit-twassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali billi tikkumplimenta l-infurzar. Vantaġġ ċar ta' dan l-approċċ huwa li jista' jippreżenta kwistjonijiet kritiċi u possibbilment soluzzjonijiet strutturali b'mod preventiv u trasparenti, f'xi każijiet saħansitra qabel ma jiskadu d-dati tal-għeluq għall-konformità u jkollu għalfejn jidħol fis-seħħ l-infurzar. L-għarfien dwar l-azzjoni sistemika u l-effikaċja tal-Istati Membri fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-lakuni fl-implimentazzjoni għandu rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-infurzar. Implimentazzjoni aħjar iżżid il-fiduċja taċ-ċittadini fil-liġi tal-Unjoni dwar l-ambjent, iżżid il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-atturi ekonomiċi li joperaw fis-suq intern 15 . Barra minn hekk, regolamentazzjoni aħjar hija kwistjoni ta' implimentazzjoni aħjar: aktar ma r-regoli eżistenti jilħqu l-għanijiet li għalihom ikunu ġew ippromulgati, anqas ma jkun meħtieġ intervent regolatorju ġdid sabiex jiġu riveduti r-regoli eżistenti jew jiġu adottati oħrajn addizzjonali.

L-Istati Membri se jiksbu l-opportunità li jiskambjaw prattiċi tajba u jirċievu għarfien u kompetenza esperta mingħand xulxin sabiex jindirizzaw l-isfidi ambjentali individwali tagħhom. Kwistjonijiet ambjentali komuni se jiġu identifikati b'mod ċar u jistgħu jiġu indirizzati b'mod kollettiv fejn ikun xieraq. B'mod ġenerali, fehim aħjar iżid l-aċċettazzjoni u l-appoġġ għar-riżultati tal-EIR. Stampa komprensiva tal-isforzi magħmula minn kull Stat Membru tista' tipprovdi opportunitajiet sabiex dawn jitgħallmu minn xulxin (bejn il-pari). Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għal użu aktar immirat tal-fondi tal-UE, jistimula rati ogħla ta' assorbiment u jissottolinja l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet reali tal-politiki ta' investiment intelliġenti. Barra minn hekk, il-kisbiet mill-Istati Membri meta jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw, kif ukoll l-ispejjeż jew il-benefiċċji tal-miżuri neċessarji, se jkunu aktar viżibbli għall-pubbliku u għall-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni se tikseb l-opportunità li tidentifika soluzzjonijiet sistemiċi potenzjali għall-problemi tal-implimentazzjoni ambjentali, li tqajjem kuxjenza fi stadju aktar bikri u li ssaħħaħ id-dimensjoni preventiva relatata mal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri jantiċipaw aħjar il-kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni korrettiva, skont il-prinċipji tal-ordni pubbliku mnaqqxa fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE 16 . L-eżerċizzju tal-EIR se jagħti wkoll idea aħjar tal-isfidi li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw meta jkunu qegħdin japplikaw il-liġi tal-Unjoni, li hija utli wkoll meta tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti jew tiġi proposta oħra ġdida. L-inizjattiva se ttejjeb l-użu tad-dejta diġà disponibbli għall-Kummissjoni billi l-inizjattiva titlob il-kompilazzjoni u l-valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli b'mod aktar immirat u speċifiku għall-pajjiż. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-inizjattiva ta' monitoraġġ regolatorju 17 għandha twassal għad-disponibbiltà ta' dejta ambjentali aħjar fil-ġejjieni. Fl-aħħar nett hija se tipprovdi ħarsa ġenerali trasversali tal-isfidi prinċipali għall-implimentazzjoni.

6.Relazzjonijiet ma' inizjattivi oħra

L-EIR hija maħsuba sabiex tingħaqad ma' sett aktar wiesa' ta' attivitajiet u inizjattivi dwar l-implimentazzjoni. Hija tkopri firxa wiesgħa ta' temi ambjentali, li xi wħud minnhom jiġġeneraw għarfien speċiku għall-pajjiż li jista' jkun rilevanti għall-proċess tas-Semestru Ewropew u se tippromwovi djalogu u skambju ta' prattiċi aktar dettaljati dwar temi ambjentali speċifiċi rilevanti għall-Aġenda dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi. Barra minn hekk, l-EIR se tikkontribwixxi għal aktar għarfien dwar il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika bħala waħda mill-kawżi tal-lakuni fl-implimentazzjoni ambjentali, li hija koerenti mal-analiżi aktar wiesgħa tal-kwalità amministrattiva fis-Semestru.

Bi qbil mal-aġenda għal Regolamentazzjoni aħjar 18 , din l-inizjattiva tenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-impenji legali u politiċi eżistenti. L-UE għandha qafas ta' politika ambjentali żviluppat tajjeb li jinkludi diversi direttivi u miri u għanijiet oħra ta' politika mhux vinkolanti, li l-implimentazzjoni tagħhom ġeneralment tiġi segwita fuq bażi settorjali. L-EIR għandha l-għan li teżamina l-kwistjonijiet prinċipali ta' implimentazzjoni f'kull Stat Membru tul is-setturi ambjentali, b'mod sistemiku biex hekk tippromwovi l-koerenza fil-politika. L-EIR se tikkontribwixxi wkoll għal Regolamentazzjoni aħjar billi tipprovdi evidenza dwar kif jaħdmu fil-prattika l-istrumenti eżistenti sabiex tipprepara kwalunkwe azzjoni korrettiva.

Il-proċess tal-EIR huwa relatat mal-kontroll kontinwu tal-idoneità b'rabta mar-rappurtar ambjentali li għandu l-għan li jwassal approċċ iżjed koerenti u kkoordinat għar-rappurtar tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-konformità. Dan l-objettiv se jkun ta' benefiċċju kbir għall-EIR, billi jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-livell ta' implimentazzjoni u d-"distanza għall-mira" bħala punt tat-tluq għal djalogu u azzjoni mal-Istati Membri. Huwa objettiv li għandu jappoġġa wkoll l-approċċ proattiv tal-EIR billi jipprovdi informazzjoni li tindika r-riskju ta' nuqqas ta' konformità fil-ġejjieni, u b'hekk jippermetti s-sejbien ta' soluzzjonijiet f'waqthom. L-involviment tal-pubbliku permezz tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja huwa essenzjali għall-implimentazzjoni. L-istess hija l-assigurazzjoni tal-konformità, jiġifieri l-azzjonijiet kombinati tal-awtoritajiet pubbliċi biex jipprevjenu l-każijiet ta' ksur permezz tal-promozzjoni tal-konformità u anki tal-ħidma man-negozji; hu b'dan il-mod li l-każijiet ta' ksur jixirfu mill-ispezzjonijiet u minn forom oħra ta' monitoraġġ tal-konformità u jiġu indirizzati permezz tal-infurzar. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-EIR se jkopri dawn is-suġġetti, u b'hekk jassigura l-koerenza sħiħa.

7.Konklużjonijiet u Prospettiva

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi proċess li juri l-impenn imġedded tal-Kummissjoni għal implimentazzjoni aħjar tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali. L-għan huwa li taħdem b'mod aktar trasparenti u inklużiv sabiex tassigura li r-regoli u l-politiki ambjentali eżistenti jilħqu għanijiet soċjali importanti b'mod aktar effettiv u f'koordinazzjoni mill-qrib ma' oqsma ta' politika rilevanti oħra.

Sabiex tilħaq dan, il-Kummissjoni se tippubblika rapporti dwar il-pajjiżi li se jiġu mtejba b'mod progressiv. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tasal waħedha. Dan il-proċess jeħtieġ impenn kondiviż mill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, l-Istati Membri u atturi oħra. It-tħejjija tar-rapporti biennali speċifiċi għall-pajjiż mhix se tinvolvi piż addizzjonali għall-Istati Membri u mhux se jkun hemm obbligi ġodda ta' rappurtar. Il-valur miżjud ta' dan l-eżerċizzju u l-għadd ta' benefiċċji mistennija msemmija hawn fuq fl-aħħar mill-aħħar se jkunu jiddependu fuq l-impenn tal-awtoritajiet nazzjonali biex ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni. Sabiex tiffaċilita l-impenn min-naħa tagħhom ukoll, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha fil-livell tekniku fid-diversi gruppi ta' ħidma li jkopru kwistjonijiet settorjali relatati mal-ilma, l-iskart, in-natura, l-arja jew l-emissjonijiet industrijali.

(1) http://www.eea.europa.eu/soer EEA, 2015. The European Environment: State and Outlook 2015: Synthesis report. L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, Kopenħagen, ara , p. 15
(2) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52008DC0773&rid=1 COM (2008) 773 finali  
(3) COM (2012) 95 finalhttp://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012DC0095&from=EN https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012DC0095&rid=1
(4) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52012DC0095 Fil-COM (2012) 95 reġa' ġie sostnut li l-għarfien dwar l-implimentazzjoni għadu problematiku, , p.4.
(5) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52008DC0773&rid=1 COM (2008) 773 finali , p.3
(6) http://impel.eu/wp-content/uploads/2015/07/Implementation-Challenge-Report-23-March-2015.pdf IMPEL, 2015. Challenges in the practical implementation of EU environmental law and how IMPEL could help overcome them. European Union Network for the Implementation and Enforcement of Environmental Law, rapport finali: 23 ta' Marzu 2015, , p.6 u p.44 Figura 3.2
(7) http://www.eea.europa.eu/soer EEA, 2015. The European Environment: State and Outlook 2015: Synthesis report. L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, Kopenħagen, ara , p.19-20
(8) http://ec.europa.eu/environment/enveco/economics_policy/pdf/report_sept2011.pdf http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012DC0095&from=EN L-ispejjeż tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent (COWI 2011) , p.9;  COM (2012) 95 final , p. 3
(9) http://www.eea.europa.eu/publications/late-lessons-2 Ara pereżempju l-istudji tal-każ dwar l-ispejjeż ta' azzjoni tard jew ta' nuqqas ta' azzjoni fir-rapport tal-EEA 'Late Lessons from Early Warnings:  science, precaution, innovation' (2013). .
(10) http://ec.europa.eu/environment/waste/studies/pdf/study%2012%20FINAL%20REPORT.pdf DĠ ENV, 2011. Implementing EU legislation for Green Growth. Studju miksub mis-Servizz tal-Bijo Intelliġenza, inkluż is-sehem ta' kull Stat Membru fil-ħolqien tal-impjiegi u fil-fatturat, ara
(11) http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU(2015)536369 Is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, 2015 Water Legislation: Cost of Non-Europe Report. Ara
(12) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52015DC0329&rid=1 COM (2015) 329 final, Rapport Annwali mill-Kummissjoni: Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni 2014, , p. 8: minn total ta' 3715-il ilment ġdid irreġistrat fl-2014, 508 kienu jirrigwardaw l-ambjent; p. 13: minn total ta' 893 każ ta' ksur ġdid mibdi fl-2014, 174 każ kienu fil-qasam ambjentali;
(13) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D1386&rid=1 Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna.” (7ba' EAP) Ara  
(14) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D1386&from=EN Pereżempju permezz tal-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent stabbilita mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni, imsemmija fis-7ba' EAP, p. 189,  
(15) http://ec.europa.eu/environment/enveco/economics_policy/pdf/report_sept2011.pdf Pereżempju, kundizzjonijiet mhux ugwali bejn kumpaniji li jittrattaw l-iskart skont il-leġiżlazzjoni u dawk li jesportaw l-iskart b'mod illegali. Ara: L-ispejjeż tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent (COWI 2011) , p. 67
(16) L-Artikolu 191.2 TFUE: "Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta' protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas."
(17) http://ec.europa.eu/environment/legal/reporting/fc_overview_en.htm Monitoraġġ u rappurtar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent - Il-Kontroll tal-Idoneità dwar il-Monitoraġġ u r-Rappurtar. Ara  
(18) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0215&rid=1 Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar tad-19 ta' Mejju 2015 (COM(2015)215)  
Top