EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0105

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2006/500/KE (It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija)

/* KUMM/2011/0105 finali */

52011DC0105




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 10.3.2011

KUMM(2011) 105 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2006/500/KE(It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2006/500/KE(It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija)

Dan ir-rapport sar skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija li tipprovdi li "tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-esperjenzi miksubin mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, [akkumpanjat,] jekk xieraq, bi proposta għal miżuri ulterjuri". Dan ir-rapport janalizza l-miri li l-Komunità tal-Enerġija rnexxiela tilħaq kif ukoll l-isfidi ewlenin li għandha għall-ġejjieni.

1. Daħla - Mid-diżintegrazzjoni għall-kooperazzjoni

Il-Komunità tal-Enerġija hija bbażata fuq Trattat iffirmat bejn, minn naħa waħda, l-Unjoni Ewropea[1] u, minn naħa oħra, dawn id-disa' Partijiet Kontraenti: l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbia, l-Ukraina u l-UNMIK. [2] Barra minn hekk, erbatax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandhom rabta speċjali ma' din l-organizzazzjoni, li tidher fl-istatus li għandhom bħala "parteċipanti" fil-proċess (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit). Sal-lum, il-Ġeorġja, in-Norveġja u t-Turkija għandhom l-istatus ta' Osservaturi.

Il-Komunità tal-Enerġija għandha x'taqsam mal-investimenti, l-iżvilupp ekonomiku, is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija u l-istabbiltà soċjali; iżda – aktar minn hekk – il-Komunità tal-Enerġija hija kkonċernata wkoll bis-solidarjetà, il-fiduċja reċiproka u l-paċi. L-eżistenza tal-Komunità tal-Enerġija, għaxar snin wara li ntemm il-kunflitt fil-Balkani, hija minnha nnifisha suċċess, peress li hija l-ewwel proġett istituzzjonali komuni li daħlu għalih il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

L-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija jinqasmu fuq tliet livelli: nazzjonali, reġjonali u pan-Ewropej. F'terminu ta' żmien qasir, il-Komunità għandha l-għan li toħloq swieq tal-enerġija nazzjonali miftuħa u trasparenti, abbażi ta' oqfsa regolatorji u kummerċjali stabbli, li jkunu kapaċi jattiraw investimenti fil-ġenerazzjoni u n-netwerks tal-enerġija (peress li s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà soċjali); f'terminu ta' żmien medju, għandu jiġi stabbilit suq tal-enerġija integrat fir-reġjun kollu, li jippermetti l-kummerċ transkonfinali tal-enerġija, li jiggarantixxi l-forniment tal-enerġija u li jqis l-aspetti klimatiċi u soċjali; f'terminu ta' żmien twil, is-suq reġjonali għandu jkun integrat bis-sħiħ fis-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija jipprevedi miżuri ta' azzjoni li jistgħu jittieħdu mill-Partijiet Kontraenti, jew b'mod unilaterali jew b'mod konġunt ma' xi Stati Membri tal-UE jew mal-Unjoni Ewropea bħala Parti waħda. Meta ngħaqdu mal-Komunità tal-Enerġija, il-Partijiet Kontraenti impenjaw ruħhom li jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE fir-rigward tal-enerġija, l-ambjent u l-kompetittività; barra minn hekk, it-Trattat jipprovdi l-għodod meħtieġa biex jiġi adattat qafas regolatorju ad hoc li jiffaċilita l-funzjonament transkonfinali tas-swieq tal-enerġija fir-reġjun u biex jiġi stabbilit suq uniku tal-enerġija.

Il-Komunità tal-Enerġija għandha l-qafas istituzzjonali tagħha stess. B'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li huwa bbażat fi Vjenna, huwa l-attur amministrattiv ewlieni; dan jiżgura li jkun hemm il-kooperazzjoni meħtieġa u jipprovdi appoġġ għax-xogħol tal-istituzzjonijiet l-oħra: il-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli, il-Kunsill Ministerjali, il-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija u l-Fora[3]. Is-Segretarjat huwa responsabbli wkoll biex janalizza li l-Partijiet kontraenti jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont it-Trattat b'mod korrett u jippreżenta rapporti annwali lill-Kunsill Ministerjali dwar il-progress li jkun sar. F'dan is-sens, is-Segretarjat jaġixxi bħala " għassies tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija "; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea twettaq irwol ta' koordinatriċi ġenerali skont l-istess Trattat.

Il-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-2011 jammonta għal EUR 3,380,000 u sa 98 % tiegħu (EUR 3,312,400) jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Mill-2009 'l hawn, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea qiegħda titħallas minn Programm Reġjonali IPA ad hoc . Dan il-baġit iservi l-aktar biex jiffinanzja (1) il-funzjonament tas-Segretarjat; (2) l-organizzazzjoni ta' madwar 60 laqgħa u avvenimenti isituzzjonali kull sena u l-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti u l-Osservaturi f'dawk l-avvenimenti; u (3) l-istudji. Il-baġit bijennali (2012-2013) għall-Komunità tal-Enerġija mwessgħa għandu jiġi stabbilit u adottat fl-2011.

Il-Komunità tal-Enerġija ġiet stabbilita għal perjodu ta' 10 snin, li jiskadi f'Lulju 2016 u li jista' jiġi estiż permezz ta' deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ministerjali tagħha.

Minkejja li t-Trattat ilu li ddaħħal fis-seħħ minn Lulju 2006, li ġara kien li l-Komunità tal-Enerġija ma bdietx tiffunzjona bis-sħiħ qabel ma ġie ffurmat is-Segretarjat, jiġifieri fl-2007. Filwaqt li, oriġinarjament, il-Komunità tal-Enerġija ġiet maħluqa bħala strument ta' preadeżjoni mal-Unjoni Ewropea, minn dak iż-żmien, is-sħubija f'din il-Komunità ġiet miftuħa għal pajjiżi li jinsabu fiż-żona tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-ewwel membru ġdid kien il-Moldova, li ssieħbet fl-1 ta' Mejju 2010; l-Ukraina ssieħbet b'seħħ mill-1 ta' Frar 2011) u pajjiżi lil hinn minn din iż-żona (l-Armenja applikat biex tingħata rwol ta' osservatur). Wara li ġie ffirmat it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, kompliet issir dejjem aktar evidenti l-importanza tat-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tas-suq tal-enerġija tal-UE; nibdew bit-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija li saret mill-Kummissjoni fl-2008. Il-Komunikazzjoni reċenti "Enerġija 2020 – Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sigura" [traduzzjoni mhux uffiċjali] tidentifika l-kunċett tal-Komunità tal-Enerġija bħala komponent ewlieni biex tinkiseb kooperazzjoni internazzjonali b'saħħita mal-pajjiżi ġirien tal-UE.

2. Storja "ta' suċċess"

Fl-ewwel erba' snin tal-eżistenza tagħha, il-Komunità tal-Enerġija kibret u saret organizzazzjoni matura li tipprovdi qafas istituzzjonali b'saħħtu għall-kooperazzjoni, l-appoġġ reċiproku u l-iskambju ta' esperjenza, u għalhekk isservi bħala mudell għall-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-enerġija.

Meta ffirmaw it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, il-Partijiet Kontraenti impenjaw ruħhom li jwettqu proġett ambizzjuż li jitlob minnhom sforz enormi f'termini kemm ta' xogħol leġiżlattiv, kapaċità amministrattiva u riżorsi, kif ukoll mil-lat ta' perċezzjoni politika u soċjali. Dan l-impenn qiegħed jiġi mġedded f'kull laqgħa tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija, u barra minn hekk, jidher fix-xogħol ta' kuljum li jitwettaq f'livell tekniku mid-diversi gruppi ta' ħidma u task forces.

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija identifika serje ta' dispożizzjonijiet tal-UE li l-Partijiet Kontraenti kienu impenjaw ruħhom li jwettqu f'tul ta' żmien speċifiku u li, bażikament, kienu relatati mat-Tieni Pakkett ta' regoli komuni għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku, għadd ta' Direttivi magħżula dwar il-protezzjoni tal-ambjent u r-regoli prinċipali dwar l-antitrust u l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Partijiet Kontraenti impenjaw ruħhom li jistabbilixxu pjanijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Fl-2007, l-" acquis tal-Komunità tal-Enerġija" ġie estiż għad-direttivi tal-UE dwar is-sigurtà tal-forniment tal-gass u tal-elettriku.

Mill-2010, dan l- acquis sar ikopri wkoll il-leġiżlazzjoni prinċipali tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari, id-Direttivi dwar il-prestazzjoni fl-użu tal-enerġija tal-bini, dwar it-tikkettar tal-enerġija, u dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija. Din il-leġiżlazzjoni, b'mod ġenerali, għandha tiġi implimentata mill-Partijiet Kontraenti sa tmiem l-2011.

Barra minn hekk, il-Partijiet Kontraenti qablu li għandhom jibdew jimplimentaw partijiet mid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mit-"Tielet Pakkett" dwar is-suq intern tal-gass u tal-elettriku fuq bażi volontarja, bħala l-ewwel pass u fuq rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Ministerjali.

L-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija komplew jiġu estiżi għal oqsma oħra. Abbażi tal- Memorandum ta' Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali , il-Partijiet Kontraenti kollha – għajr għall-Moldova u l-Ukraina, peress li huma membri ġodda – ħejjew Pjanijiet ta' azzjoni Soċjali u bdew jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali relatati mal-Implimentazzjoni tat-Trattat. Diġà kien hemm xi progress sinifikanti f'dan il-qasam; madankollu, dan il-proċess jidher li għaddej b'pass pjuttost bil-mod u inkonsistenti minħabba li n-natura tal-Memorandum mhix vinkolanti u/jew minħabba l-impenn dgħajjef għall-kwistjonijiet soċjali. Il-Moldova u l-Ukraina huma mistennija jiffirmaw il-Memorandum bla dewmien.

Fir-rigward tad-" Dimensjoni taż-Żejt ", qiegħed isir xi xogħol ta' tħejjija bl-għan li d-Direttiva tal-2009 dwar il-ħażniet taż-żejt tiġi implimentata fi żmien qasir.

Qed isiru wkoll sforzi biex tingħata għajnuna lill-Partijiet Kontraenti sabiex jarmonizzaw l-istatistiċi tagħhom dwar l-enerġija mal-metodoloġija u r-rekwiżiti għar-rappurtar kif applikati mill-Eurostat, abbażi ta' pjan direzzjonali dettaljat stabbilit għall-perjodu 2010 - 2012.

L-estensjoni tal-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija għal oqsma oħra, minbarra li turi l-impenn tal-Partijiet Kontraenti biex jikkonformaw ruħhom mal-istandards tal-UE, tixhed ukoll l-approċċ dinamiku li ttieħed minn din l-organizzazzjoni u l-flessibbiltà tal-mekkaniżmi li tuża għat-teħid ta' deċiżjonijiet.

L-evoluzzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-Komunità tal-Enerġija tidher fir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni għall-2010, li ġie mħejji mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. Dan ir-rapport jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal- acquis skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija u jiddeskrivi l-progress li sar minn kull Parti Kontraenti, filwaqt li jevalwa s-sitwazzjoni ġenerali. Ir-Rapport tas-Segretarjat[4] jikkonferma l-isforz leġiżlattiv li sar mill-Partijiet Kontraenti, li rnexxilhom jadattaw l-oqfsa regolatorji tagħhom tal-enerġija f'perjodu ta' żmien pjuttost qasir (fejn, xi wħud minnhom bdew "mix-xejn"); barra minn hekk, ir-rapport jinkludi twissija li d-distakk bejn l-adozzjoni formali tar-regoli u l-implimentazzjoni vera qiegħed dejjem jikber, u jindika l-ostakli identifikati li qed jimpedixxu l-ftuħ effettiv tas-swieq tal-enerġija u jxekklu l-investimenti.

L-interess fil-Komunità tal-Enerġija qiegħed jikber fir-reġjun kollu. L-ewwel tkabbir tal-Komunità tal-Enerġija seħħ fl-2010, permezz tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova; minħabba l-adeżjoni tal-Ukraina, id-daqs tas-suq reġjonali potenzjali kważi ttriplika (minn madwar 26 miljun abitant għal madwar 73 miljun). In-negozjati mat-Turkija bdew f'Settembru 2009; Il-Ġeorġja għandha l-ħsieb li tapplika biex issir membru u l-Armenja talbet li tingħata r-rwol ta' osservatur. Għalhekk, iċ-ċentru ta' gravità ta' dan il-proġett – li fil-bidu kellu komponent qawwi ta' preadeżjoni mal-UE – issa beda miexi lejn il-Lvant.

3. L-isfidi ewlenin

Għalkemm tirrikonoxxi l-isforzi konsiderevoli li saru mill-Komunità tal-Enerġija sa issa, speċjalment mil-lat istituzzjonali, il-Kummissjoni hija konxja li hemm żewġ oqsma prinċipali li fihom jista' jsir titjib.

(a) Mit-teorija għall-prattika . Minkejja x-xogħol intensiv li sar, l-ewwel livell ta' għanijiet – il-ħolqien ta' swieq tal-enerġija nazzjonali miftuħa, trasparenti u kompetittivi fil-pajjiżi tal-Partijiet Kontraenti kollha – għadu ma ġiex milħuq; fir-rigward tal-ħolqien ta' suq reġjonali, in-nuqqas ta' progress fil-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Irkant Koordinat għall-elettriku fit-tmien Reġjun (ix-Xlokk tal-Ewropa) – minkejja r-riżorsi finanzjarji u umani li ntużaw għal dan il-proġett – huwa xhieda tad-diffikultajiet sistemiċi li jinqalgħu; spiss, l-inizjattivi reġjonali jiġu bblokkati minħabba xi pożizzjonijiet ta' prinċipju irrikonċiljabbli li jkunu konsegwenza ta' diskrepanzi politiċi, etniċi u reliġjużi mnissla mill-imgħoddi. L-ostakoli kontinwi li diversi partijiet jagħmlu kontra l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kosovo[5] fil-mekkaniżmi reġjonali jagħmlu ħafna ħsara. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan finali li jrid jintlaħaq – l-integrazzjoni fis-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea – għalissa jidher li huwa għan li jista' jintlaħaq biss f'terminu ta' żmien twil.

L-ikbar sfida tibqa' dik li jitnaqqas id-distakk bejn it-teorija (l-impenji politiċi) u l-prattika (l-implimentazzjoni sħiħa tal- acquis tal-Komunità tal-Enerġija u l-infurzar tar-regoli adottati), u l-mistoqsija ewlenija hi kif il-Partijiet Kontraenti tar-reġjun jistgħu jiġu mħeġġa japplikaw u jinfurzaw ir-regoli.

L-iffissar ta' għanijiet realistiċi u skadenzi realistiċi għandu jgħin biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità, kif jgħinu wkoll dispożizzjonijiet ta’ akkumpanjament li jqisu b'mod xieraq il-profil u l-ħtiġijiet tal-Partijiet Kontraenti, kif indikat b'mod espliċitu fl-Artikolu 24 tat-Trattat.

It-traspożizzjoni formali tal-" acquis tal-Komunità tal-Enerġija" ma tistax tkun skop minnha nnifisha, iżda għandha tkun mezz li jintuża biex jintlaħqu l-għanijiet tar-regoli. L-iskop hu li jinħoloq suq tal-enerġija awtentiku, fejn l-ewwel ma għandu jsir huwa riforma tas-sistema eżistenti ta' prezzijiet regolati u sussidji ġenerali. Għalhekk, sakemm jibqgħu eżistenti swieq li żmienhom għadda u li jxekklu l-kompetittività u l-investiment u li huma bbażati fuq fornituri pubbliċi marbuta ma' produtturi titulari nazzjonali li japplikaw prezzijiet regolati li mhumiex definiti b'mod ċar u mhumiex tranżitorji, trasparenti, mhux diskriminatorji (inkluż bejn il-fornituri) u verifikabbli, kif ukoll li ma jfixklux il-kompetittività, kif tesiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[6], la jkun possibbli l-ftuħ awtentiku tas-swieq tal-enerġija nazzjonali u aktar u aktar ma tkunx possibbli l-integrazzjoni tas-suq reġjonali. Ma jkunx biżżejjed li jiġu adottati liġijiet nazzjonali li sempliċiment "jittraduċu" r-regoli tal-UE f'leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm dawn ma jkunux akkumpanjati bid-dispożizzjonijiet sekondarji, il-kapaċità amministrattiva u l-mekkaniżmi ta' superviżjoni u infurzar neċessarji. Jeħtieġ li jkun hemm Awtoritajiet Regolatorji tal-Enerġija b'saħħithom, li jkollhom biżżejjed setgħa, riżorsi u indipendenza biex iwettqu d-doveri tagħhom u li jkunu kapaċi jiżguraw in-nondiskriminazzjoni, il-kompetittività effikaċi u l-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-enerġija.

Il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst fit-Trattat jidher li kien effiċjenti f'każijiet fejn il-partijiet kienu lesti jinnegozjaw soluzzjoni amikevoli. Madankollu, l-esperjenza turi li s-soluzzjoni finali għat-tilwim tista' tmur lil hinn mill-interpretazzjoni stretta tal- acquis tal-Komunità tal-Enerġija u tirreferi għal kwistjonijiet kumplessi tad-Dritt Internazzjonali Pubbliku. Meta jitqies il-fatt li sa issa għadu nfetaħ biss għadd limitat ta' każijiet (sitt każijiet biss, fil-biċċa l-kbira konsegwenza ta' lmenti) u l-ineżistenza ta' approċċ sistematiku li jindirizza ksur tal-istess tip b'mod simultanju fid-diversi Partijiet Kontraenti, għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar l-effiċjenza tal-proċedura ta' ksur kif stabbilita fit-Trattat. Il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li l-partijiet kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-konformità.

(b) Kif jista' jiġi promoss l-investment? Il-Komunità tal-Enerġija għandha quddiemha sfidi ta' investiment magħrufa[7], bħal dawk li huma konsegwenza tal-modernizzazzjoni tan-netwerks u interkonnetturi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni tal-elettriku, tar-rekwiżiti u miżuri tal-UE relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni, id-Direttiva dwar il-Kontenut ta' Kubrit fil-Karburanti u tal-istandards tal-Unjoni Ewropea għall-emissjonijiet, li jeħtieġu r-riabilitazzjoni tal-impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija eżistenti jew iż-żarmar u s-sostituzzjoni possibbli ta' għadd minnhom sa Diċembru 2017

Il-Komunità tal-Enerġija rnexxielha tidentifika għadd ta' proġetti prijoritarji ta' importanza strateġika għar-reġjun, li l-Kunsill Ministerjali approva fl-2010, fejn ingħatat preċedenza għall-proġetti li jiffaċilitaw l-iskambji transkonfinali; il-kapaċità attwali ta' interkonnessjoni mhix suffiċjenti, u fil-fatt hija ostaklu għall-iżvilupp tas-swieq reġjonali. Il-promozzjoni tal-iskambji u s-sistemi reġjonali tal-enerġija, minbarra li tgħin lir-reġjun, tgħin ukoll għas-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tal-UE. Sa issa ttieħdu xi passi li kienu bbażati fuq il-kunċett ta' "Ċirkwit tal-Gass", kif żviluppat fl-istudju "South East Europe Gasification Study" (li ġie sponsorjat mill-Bank Dinji u mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau [KfW] u ppubblikat bit-titlu "The future of the natural gas market in Southeast Europe")[8] u saru sforzi konsiderevoli fuq livell istituzzjonali biex il-proġetti ta' prijorità identifikati jiġu appoġġati u promossi.

Barra minn hekk, il-Komunità tal-Enerġija għenet lill-Partijiet Kontraenti biex jattiraw finanzjament pubbliku sostanzjali, kemm jekk minn donaturi bilaterali (eż., il-KfK jew l-USAid) kif ukoll jekk minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (eż., il-BEI, il-Bank Dinji jew il-BERŻ).

Minkejja l-livell għoli ta' finanzjament li r-reġjun jirċievi minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-livell ta' investimenti privati għadu pjuttost baxx. Ir-raġunijiet għalfejn dan iseħħ jinkludu l-implimentazzjoni dgħajfa tal-qafas regolatorju (ir-regoli ma jiġux implimentati u/jew ma jiġux applikati b'mod korrett) u d-daqs żgħir tas-swieq nazzjonali (l-istess raġunijiet li wasslu għall-kunċett tal-Komunità tal-Enerġija fl-2005).

Madankollu, jidher li l-ikbar problema tibqa' dik li l-gvernijiet jonqsu milli jirristrutturaw il-prezzijiet regolati għall-utenti finali u s-sussidji impliċiti u espliċiti assoċjati għas-swieq kollha tal-enerġija. Dawn is-sussidji, li jiġu applikati mingħajr distinzjoni, iżommu, b'mod partikolari, il-prezz tal-operaturi tal-elettriku aktar baxx mil-livell ta' sostituzzjoni tal-kapital u ma jħajjarx l-iffrankar ta' enerġija u l-investimenti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan iwassal biex jibqa' jintuża investiment ta' kapital qadim, mhux effiċjenti u ta' ħsara għall-ambjent, li ma jistax jipprovdi s-sigurtà ta' forniment ta' enerġija li tixraq lill-popolazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Din is-sitwazzjoni ma tħajjar ebda tip ta' investiment – pubbliku, privat jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Il-Kummissjoni tqis li t-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investiment għandu jkun waħda mill-miżuri prijoritarji li jmiss jittieħdu mill-Komunità tal-Enerġija u se taħdem flimkien mas-Segretarjat u mad-Donaturi biex jirnexxilha twettaq dan l-impenn.

4. X'se jkun il-futur tal-Komunità tal-Enerġija?

Skont il-konklużjonijiet indikati hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-futur ta' din l-organizzazzjoni internazzjonali għandu jiġi mfassal abbażi ta' tliet għanijiet prinċipali: il-Komunità tal-Enerġija trid tiffoka fuq l-infurzar tar-regoli, għandha tadotta t-Tielet Pakkett tas-Suq Intern u d-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli u trid tiġi żviluppata strateġija ta' investiment koordinata. Għandhom jitqiesu wkoll elementi ġodda li jiddaħlu fl- acquis , b'mod partikolari biex jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija.

(1) Fokus fuq l-implementazzjoni

B'differenza minn inizjattivi reġjonali eżistenti oħra, il-Komunità tal-Enerġija hija bbażata fuq trattat internazzjonali li joħloq qafas ta' regoli li jistgħu jiġu infurzati legalment:

- Meta jissieħbu fil-Komunità tal-Enerġija, il-Partijiet Kontraenti jkunu daħlu għal impenn legali li mhux biss jadottaw ir-regoli rilevanti tal-UE b'mod formali, iżda wkoll li japplikawhom u jinfurzawhom fil-prattika.

- L-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija jiżguraw li jkun hemm monitoraġġ permanenti u indipendenti tas-swieq rilevanti min-naħa tas-Segretarjat, li jgħin lill-Partijiet Kontraenti biex jimplimentaw ir-regoli u jikkontrolla l-konformità formali tar-regoli nazzjonali ta' traspożizzjoni (anke qabel ma dawn jiġu adottati) u l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika, permezz ta' żjarat fil-pajjiżi, fost miżuri oħra;

- It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija jipprovdi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li jippermetti l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' kwalunkwe ksur tar-regoli rilevanti, jew wara li jsir xi lment jew fuq inizjattiva tas-Segretarjat stess, anke jekk sal-lum dan il-mekkaniżmu għadu qatt ma ġie applikat b'mod sistematiku.

Madankollu, il-fatt li fil-prattika għadu ma sarx wisq progress fir-riforma u l-ftuħ tas-swieq tal-enerġija, jindika li sa issa, l-infurzar tal- acquis tal-enerġija ma kienx suffiċjenti. Sabiex jittejjeb l-infurzar, il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu bla dewmien awtoritajiet regolatorji tas-settur tal-enerġija u ta' kompetenza b'saħħithom u indipendenti u li jingħataw is-setgħa u l-għodod biex jimmonitorjaw il-konformità u jimponu sanzjonijiet effettivi f'każ ta' ksur. Anke l-qrati nazzjonali u t-tribunali tal-investimenti għandhom irwol kruċjali xi jwettqu fl-infurzar tar-regoli adottati u biex jimponu sanzjonijiet effettivi f'każijiet ta' infrazzjoni. Fl-aħħar nett, is-Segretarjat għandu jwettaq bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' għassies tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, billi jirrikorri għall-indipendenza u l-kompetenza tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha l-impenn li ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar attiv tar-regoli tal-Komunità tal-Enerġija b'dan il-mod:

(a) Fil-każ tal-Partijiet Kontraenti li laħqu l-istatus ta' kandidati jew kandidati potenzjali għal sħubija fl-UE, il-livell ta' implimentazzjoni u infurzar nazzjonali tal- acquis rilevanti tal-Komunità tal-Enerġija jitqies deċisiv fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. In-nuqqas ta' infurzar jitqies b'mod negattiv fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress u jista' jwassal biex - fin-negozjati tal-adeżjoni - il-Kapitoli tal-Enerġija jerġa' jinfetaħ. Il-kuntrarju jgħodd ukoll: il-pajjiżi kandidati għandhom jippretendu li d-diskussjonijiet dwar il-Kapitolu tal-Enerġija fin-negozjati tal-adeżjoni jimxu b'pass aktar imgħaġġel jekk kemm-il darba jimplimentaw l- acquis skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

(b) Abbażi ta' regoli u proċeduri trasparenti, u b'kunsiderazzjoni għall-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni Ewropea se tanalizza l-mod li bih tista' torbot b'mod aħjar l-għajnuna finanzjarja bilaterali mar-rispett tal-impenji li l-Partijiet Kontraenti jidħlu għalihom skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur persistenti mill-Parti Kontraenti, b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu “Lejn Strateġija tal-Enerġija ġdida għall-Ewropa 2011-2020”, li ġiet adottata fil-25 ta' Novembru 2010. Skont l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-konformità tal-Partijiet Kontraenti mal- acquis ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tat-traspożizzjoni tal- acquis fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biss iżda anke abbażi tal-effettività fl-implementazzjoni u l-infurzar, u mbagħad din l-effettività għandha titqies b'mod pożittiv meta tiġi allokata l-għajnuna finanzjarja addizzjonali.

Meta tikkoordina l-Komunità tad-Donaturi, il-Kummissjoni se tqis ukoll il-possibbiltà li tħeġġeġ lil Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u donaturi bilaterali oħra biex isegwu l-istess politika u jagħmlu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli bħala kundizzjoni obbligatorja għall-finanzjament.

(c) Barra minn hekk, l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' infurzar aktar b'saħħithom se tkun kundizzjoni oħra biex il-Partijiet Kontraenti jkunu jistgħu jibbenifikaw mid-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni skont id-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' statistika mal-Istati Membri.

(d) Il-Kummissjoni se tappoġġja miżuri li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u li jipprevjenu l-każijiet ta' nuqqas ta' konformità milli jseħħu, billi jżidu l-kooperazzjoni u x-xogħol bi sħubija amministrattivi. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-involviment aktar mill-qrib tal-parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE fil-laqgħat tekniċi tal-Komunità tal-Enerġija, biex il-Partijiet Kontraenti jkunu jistgħu jgawdu mill-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom.

(e) Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu sistematiku tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li jħares b'mod xieraq it-trattament ugwali tal-Partijiet Kontraenti u se tappoġġja l-ftuħ tal-proċeduri rilevanti li jsir fuq inizjattiva tas-Segretarjat stess. F'każ ta' ksur serju jew ripetut tar-regoli, il-Kummissjoni temmen li l-Unjoni Ewropea għandha tħaddem id-dritt tagħha skont l-Artikolu 90 tat-Trattat u tikkunsidra jekk tippreżentax il-każ direttament lill-Kunsill Ministerjali.

(f) Skont l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-adeżjoni ta' membri ġodda mal-Komunità tal-Enerġija għandha tkun possibbli biss għal dawk il-pajjiżi li juru r-rieda u l-kapaċità li jinkorporaw l- acquis rilevanti tal-Komunità tal-Enerġija fil-leġiżlazzjoni tagħhom f'limitu ta' żmien raġonevoli qabel l-adeżjoni u skont il-kredibbiltà mitluba mill-Partijiet Kontraenti.

(2) L-implementazzjoni tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern u d-Direttivi dwar is-Sorsi Rinnovabbli u dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, bħala mezz biex titħaffef l-integrazzjoni tar-reġjun fis-suq uniku tal-enerġija Ewropew.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli stipulati hija kundizzjoni importanti għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni prospettivi tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija u għall-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fl-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) jew fin-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-estensjoni tal- acquis tal-Komunità tal-Enerġija għad-direttivi u r-regolamenti tat-"Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija". L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett għandha tippertmetti lill-Partijiet Kontraenti jirriformaw is-swieq tagħhom tal-enerġija aktar malajr u aktar fil-fond, u b'hekk titwitta t-triq għall-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-swieq tal-UE, u n-negozji u l-konsumaturi fil-pajjiżi tal-Partijiet Kontraenti jkunu jistgħu jgawdu l-vantaġġi ta' swieq li jiffunzjonaw bla problemi.

Biex tiżgura li flimkien mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jseħħu riformi awtentiċi fis-suq, il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, għandha l-intenzjoni li toffri konsulenza speċifika lill-Partijiet Kontraenti, fl-għamla ta' programmi ta' implimentazzjoni, prijoritajiet, u possibbilment, l-adozzjoni gradwali tal- acquis . Naturalment, dan ikun jagħmel parti integrali mill-konsulenza dwar ir-riforma tas-suq li tifforma l-bażi għall-promozzjoni tal-investiment.

Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli mill-Komunità tal-Enerġija. Il-Partijiet Kontraenti għandhom potenzjal ta' enerġija rinnovabbli li mhux jintuża u li, kieku jintuża, jippermettilhom jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżidu s-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa u jindirizzaw il-problemi ta' pajjiżhom fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa.

Fil-qasam tal-effiċjienza fl-użu tal-enerġija, l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE fil-pajjiżi tal-Partijiet Kontraenti għandha tkun importanti biex jiġi żgurat li huma jikkontribwixxu kemm jista' jkun malajr għall-ilħiq tal-miri tal-effiċjenza u l-iffrankar ta' enerġija u għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. Fost il-vantaġġi relatati sinifikanti nsibu dak tal-iffrankar fil-kontijiet tal-enerġija tal-abitanti tal-pajjiżi tal-Partijiet Kontraenti kif ukoll dak ta' opportunitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda. Il-possibbiltà ta' ffrankar konsiderevoli b'konsegwenza taż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fir-reġjun ġiet analizzata f'rapport reċenti li ġie ppubblikat mill-Bank Dinji[9].

Dawn ir-regoli diġà huma l-punt ta' referenza għan-negozjati bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija (jew għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jew fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat).

Għalhekk, il-Kummissjoni se tippromwovi l-adozzjoni kemm jista' jkun malajr - mill-Komunità tal-Enerġija - tad-direttivi u regolamenti rilevanti, fejn jitqiesu l-qafas istituzzjonali tal-Komunità tal-Enerġija u s-sitwazzjoni speċifika tal-Partijiet Kontraenti.

(3) Strateġija ta' investiment koordinat

Il-Komunità tal-Enerġija għandha bżonn toħloq ambjent ta' investiment attraenti li jkun ibbażat fuq strateġija ta' investiment koordinat. Il-Partijiet Kontraenti joffru bażi ġeografika tajba biex jinkiseb aċċess għal suq tal-enerġija Ewropew aktar wiesa' u l-potenzjal li l-vantaġġi oġġettivi tagħhom, bħalma huma r-riżorsi ta' enerġija idroelettrika rinnovabbli, jiġu sfruttati bħala opportunitajiet għall-esportazzjoni. Ċertament, jeżistu xi problemi; bħalma huma l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali, is-sistemi instabbli ta' ppjanar u xi għanijiet limitati ħafna.

L-ewwel kundizzjoni għal investimenti ġodda hi li titwettaq riforma fis-sistema tal-prezzijiet u s-sussidji. Il-livelli attwali tal-prezzijiet u tariffi, li spiss ikunu aktar baxxi mill-irkupru tal-kosti, jikkostitwixxu tgħawwiġ tas-suq u jxekklu l-politiki fil-promozzjoni tagħhom favur il-ġestjoni tad-domanda u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan, flimkien ma' livelli baxxi ta' fatturar tal-enerġija elettrika u ta' ġbir ta' ħlasijiet, jipperikola l-vijabbiltà finanzjarja ta' xi wħud mill-impjanti tal-enerġija, li attwalment, qed jiġi kkumpensat permezz ta' sussidji pubbliċi li jiswew ħafna lill-istat. Għalhekk, jeħtieġ li jsiru sforzi partikolari biex isseħħ riforma fis-sistema tal-prezzijiet u t-tariffi, fejn tingħata attenzjoni xierqa għall-protezzjoni ta' konsumaturi vulnerabbli, għat-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi u għall-ħolqien ta' Awtorità Regolatorja indipendenti li tiggarantixxi t-trasparenza tas-suq u t-trattament mhux diskriminatorju tal-parteċipanti tas-suq. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma jagħmilx sens li tippretendi li r-riforma sseħħ bla ma jkun hemm pjan alternattiv għall-investiment, għar-ristrutturar tal-prezzijiet u għall-protezzjoni speċifika tal-konsumaturi vulnerabbli. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tieħu l-inizjattiva f'dan il-qasam billi toffri konsulenza speċifika dwar ir-riforma strutturali.

Se ssir enfasi fuq l-impatti soċjali tar-riforma. Il-Partijiet Kontraenti jridu jiżviluppaw sistemi effikaċi ta' protezzjoni soċjali fil-qasam tal-enerġija u skemi ta' sussidju speċifiċi. L-aktar mod effikaċi huwa dak li jiżdied il-livell tal-kopertura tal-ħlasijiet (jiġifieri, jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jiġu fornuti l-enerġija, imma li ma jħallsux għaliha). Mod ieħor li għandu jitqies biex tiżdied din l-effiċjenza huwa dak fejn jitneħħew is-sussidji ġenerali u jingħataw sussidji speċifiċi lil persuni fqar u vulnerabbli. Il-Partijiet Kontraenti għandhom isiru konxji tal-kosti li jkunu l-konsegwenza ta' jekk ir-riforma ma ssirx; żieda fl-intensità tal-enerġija, tnaqqis fil-livell tal-benessri, nuqqas ta' tkabbir ekonomiku, ambjent degradat u impatti fuq is-saħħa[10].

It-tieni kundizzjoni hi li l-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu lil hinn mill-fruntieri tagħhom u jipparteċipaw fl-ekonomiji tal-kobor li l-pjanijiet reġjonali ta' investiment joffru. Dan jeħtieġ ir-rieda politika li wieħed jafda fil-pajjiżi ġirien, u biex dan iseħħ, l-Unjoni Ewropea trid tieħu interess kbir b'mod dirett fil-Komunità tal-Enerġija kull darba li tiġiha l-opportunità.

It-tielet nett, fid-dibattitu dwar l-enerġija fil-pajjiżi tal-Partijiet Kontraenti, il-Kummissjoni se tagħti aktar importanza lill-kriterji relatati mal-ambjent u l-klima. Il-ħtieġa ta' investiment f'kapaċità ġdida ta' produzzjoni tal-enerġija biex tissostitwixxi l-impjanti tal-enerġija qodma, mhux effiċjenti u li jniġġsu hija aktar urġenti meta wieħed iqis il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Il-kapaċità tal-Partijiet Kontraenti biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337/KEE, dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, kif emendata, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409/KEE, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, jixraqilha wkoll li titqies b'mod partikolari mill-Kummissjoni.

Il-valur miżjud tal-Komunità tal-Enerġija għandu jinżamm u għandu jiġi evitat li jsir xogħol doppju fil-qasam tal-enerġija f'inizjattivi reġjonali oħra (il-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Isħubija tal-Lvant, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, l-Istrateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju u l-inizjattiva Baku). Il-koordinazzjoni bejn dawn l-inizjattivi kollha hija essenzjali biex jiġi evitat it-teħid ta' azzjonijiet simili u l-iffinanzjar doppju.

Meta twettaq ir-rwol ġenerali tagħha bħala koordinatriċi tal-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija, u filwaqt li tapprofitta mir-relazzjoni privileġġata li għandha mad-donaturi, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tieħu l-inizjattiva fil-ħolqien ta' ambjent li jħajjar l-investiment.

Abbażi tal-Istrateġija tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea għall-2020, dawk il-proġetti tal-infrastruttura li jsaħħu s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, eż., permezz ta' interkonnetturi ġodda fil-fruntieri, għandhom ikunu suġġetti għall-istess attenzjoni u politiki bħall-proġetti li jitwettqu fl-UE. Il-Komunikazzjoni "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat", li ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2010, tidentifika l-konnessjonijiet tal-elettriku fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa, kif ukoll flimkien mal-kuritur tal-gass bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa., bħala tnejn mill-kurituri prijoritarji. Id-disinn ta' dawn il-kurituri jqis il-ħtieġa li l-Komunità tal-Enerġija tiġi integrata. Sakemm il-Partijiet kontraenti jiftehmu dwar proġetti komuni ta' investiment, dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala "proġetti ta' interess Ewropew".

Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità għat-tlestija ta' proġetti reġjonali, bħalma huma l-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Irkant Koordinat għall-elettriku, il-bini ta' " Ċirkwit tal-Gass " b'pipelines ta' alimentazzjoni, u – possibbilment – il-ħolqien ta' Entità Ċentrali ta' Ħażniet taż-Żejt għar-Reġjun, li għandhom iservu bħala l-aħjar eżempji tal-Komunità tal-Enerġija.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-finanzjament tal-UE disponibbli għall-proġetti tal-enerġija fiż-żona tal-Komunità tal-Enerġija jiġi mtejjeb kemm jista' jkun u, skont il-każ, jiżdied, jekk anke n-natura reġjonali tal-proġetti tkun tiġġustifika li jsir hekk.

5. Il-pass li jmiss

Il-Kummissjoni tqis li l-progress li sar sa issa u n-natura dinamika tax-xogħol li twettaq – li qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-settur tal-enerġija fuq livell tal-Unjoni Ewropea – jindikaw li hemm il-ħtieġa li l-Komunità tal-Enerġija tibqa' teżisti anke wara l-2016.

Il-Komunità tal-Enerġija speċifikat il-vantaġġi li l-Partijiet Kontraenti jiksbu meta jsegwu approċċ reġjonali, kif imqabbel mal-approċċ tradizzjonali ta' relazzjonijiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, ippruvat li, ikunu xi jkunu l-prospetti ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni, il-Partijiet Kontraenti diġà jistgħu jgawdu - f'terminu ta' żmien qasir - mill-vantaġġi tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea.

Il-mudell tal-Komunità tal-Enerġija ta prova li huwa qafas effikaċi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi ġirien tal-UE, li jista' jiġi estiż għal pajjiżi u żoni ġeografiċi oħra.

Il-kooperazzjoni reġjonali hija essenzjali u l-integrazzjoni sħiħa tal-Komunità tal-Enerġija fis-suq tal-enerġija pan-Ewropew se tkun tiddependi fuq il-livell ta' impenn politiku ta' kull Parti Kontraenti u fuq kemm ikunu kapaċi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' suq reġjonali fil-Komunità tal-Enerġija u kemm jirnexxilhom jagħmluh suċċess.

Abbażi tal-kontenut ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija, b'dan il-mod:

- Billi tippromwovi tibdil fil-metodi li jaħdmu bihom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tal-Enerġija, inkluż l-organizzazzjoni ta' laqgħat ad hoc f'livelli Ministerjali dwar prijoritajiet speċifiċi relatati mal-ilħuq tal-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija.

- Billi tħeġġeġ biex l-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tar-regoli jsiru bla dewmien;

- Billi tippromwovi l-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija u tad-Direttivi dwar is-Sorsi Rinnovabbli u dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija bħala mezz kif titħaffef l-integrazzjoni sħiħa tal-Komunità tal-Enerġija fis-suq uniku tal-enerġija Ewropew u billi tqis il-possibbiltà ta' estensjoni tal- acquis permezz ta' elementi ġodda, b'mod partikolari biex tippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija;

- Billi tippromwovi investimenti xierqa fir-reġjun, permezz tal-adozzjoni ta' strateġija ta' investiment koerenti li tqis, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet ta' infrastruttura tas-settur tal-enerġija, il-ħtieġa ta' dekarbonizzazzjoni fil-forniment tal-enerġija, l-impatt tal-iffrankar ta' enerġija u l-potenzjal għall-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u

- Billi tippromwovi l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali .

[1] Oriġinarjament iffirmat mill-Komunità Ewropea, li wara saret l-Unjoni Ewropea.

[2] Din il-lista tindika il-Partijiet Kontraenti attwali, wara t-Tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-2007 u t-tibdil reċenti ta' din l-organizzazzjoni.

[3] Erba' Fora, dedikati għall-elettriku, il-gass, iż-żejt u l-aspetti soċjali, jiġbru l-partijiet interessati kollha tal-industrija, l-entitajiet regolatorji, il-gruppi rappreżentattivi tal-industrija u l-konsumaturi.

[4] It-test sħiħ tar-rapport jista' jinsab fuq http://www.energy-community.org/pls/portal/docs/722178.PDF

[5] Skont UNSCR 1244/99

[6] Ara d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Awla Manja) tal-20 ta' April 2010, Federutility u Oħrajn v Autorità per l'energia elettrica e il gas, Każ C-265/08 (European Court reports 2010 Paġna 00000).Id-distakki li kien għad fadal jiġu indirizzati ġew analizzati fir-rapport ippubblikat mill-Bank Dinji f'Ġunju 2010 "South East Europe Wholesale market opening", li jinsab fuq http://www.energy-community.org/pls/portal/docs/594181.PDF

[7] Ara, pereżempju, r-rapport imħejji mill Bank Dinji "Lights out? : the outlook for energy in Eastern Europe and the former Soviet Union" li jinsab fuq http://siteresources.worldbank.org/ECAEXT/Resources/258598-1268240913359/Full_report.pdf

[8] Ara r-rapport li jinsab fuq http://go.worldbank.org/ZM7XE8RM10

[9] "Status of Energy Efficiency in the Western Balkans, Stocktaking report" li jinsab fuq http://www.energy-community.org/pls/portal/docs/664179.PDF

[10] L-importanza li l-kriterji ambjentali jiġu ssodisfati għandu jkollha rwol ċentrali fl-istrateġija. It-taħlita tal-karburanti fir-reġjun, b'mod partikolari l-linjite li jintuża fl-impjanti tal-enerġija u l-użu domestiku ta' karburanti solidi (linjite, injam, faħam) iżżid is-sottovalutazzjoni tal-ambjent u l-kosti soċjali relatati, kif diġà ddokumentat fl-2004 fil-Programm tal-Iżvilupp tal-Ġnus Maghquda.(ara http://www.undp.org/energy/docs/Stuck_in_the_Past.pdf)

Top