EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-proċess ta' Bologna: stabbiliment tal-qasam Ewropew tal-edukazzjoni ogħla

Il-proċess ta' Bologna, li nbeda fid-Dikjarazzjoni ta' Bologna (1999) u vvalutat kull 3 snin f'konferenzi ministerjali, jimmira li jintroduċi sistema aktar komparabbli, kompatibbli u koerenti għal edukazzjoni ogħla Ewropea.

ATT

Id-Dikjarazzjoni ta' Bolognan tad-19 ta' Ġunju 1999 - Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej (mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Il-proċess ta' Bologna, li nbeda fid-Dikjarazzjoni ta' Bologna (1999) u vvalutat kull 3 snin f'konferenzi ministerjali, jimmira li jintroduċi sistema aktar komparabbli, kompatibbli u koerenti għal edukazzjoni ogħla Ewropea.

PUNTI EWLENIN

  • Jimmira li joħloq sistema ta' degrees akkademiċi li jiġu rikonoxxuti u jistgħu jitqabblu faċilment; jippromwovi l-mobilità tal-istudenti, għalliema u riċerkaturi; u jiżgura tagħlim u twassil ta' għarfien ta' kwalità għolja.
  • Oqsma ta' fokus ewlenin tal-proċess jinkludu t-tagħlim tul il-ħajja, l-impjegabilità, il-finanzjament, l-istrutturi tad-degrees, il-ftuħ internazzjonali, il-ġbir ta' dejta u l-assigurazzjoni tal-kwalità.
  • Objettiv primarju matul l-ewwel 10 snin tal-proċess kien li tiġi stabbilita Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA), li tnediet fl-2010 bid-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna. Għall-għaxar snin li ġejjin, l-objettivi sejrin iduru madwar il-konsolidazzjoni tal-EHEA.
  • Attwalment, il-proċess qiegħed jiġi implimentat fi 48 pajjiż, li, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jiffurmaw il-membri tal-Proċess ta' Bologna.
  • Il-proċess mhuwiex impost fuq gvernijiet nazzjonali jew universitajiet. Minflok, huwa impenn intergovernattiv, volontarju minn kull pajjiż firmatarju li jirriforma s-sistema edukattiva tiegħu stess.
  • Il-proċess ta' Bologna kien ta' suċċess bla preċedent fil-kooperazzjoni transfruntiera reġjonali fl-edukazzjoni ogħla u ġibed l-attenzjoni minn partijiet oħrajn tad-dinja. Għaldaqstant, il-ħolqien ta' djalogu mal-imsieħba globali sar fokus għat-tisħiħ tal-proċess. Il-Kunsill saħaq ukoll fuq dan il-punt fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2014 dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni ogħla Ewropea.
  • L-aktar Konferenza Ministerjali reċenti saret f'Yerevan, l-Armenja fl-14-15 ta' Mejju 2015. Il-Konferenza Ministerjali li jmiss hija ppjanat li ssir fi Franza fl-2018.

SFOND

Pajjiżi li jissottoskrivu ruħhom għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea (1954) huma eleġibbli għas-sħubija tal-EHEA, diment li huma jiddikjaraw l-intenzjonijiet tagħhom li jinkorporaw l-objettivi tal-proċess ta' Bologna fis-sistema tal-edukazzjoni għolja tagħhom stess. Għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar kif huma sejrin jimplimentaw il-prinċipji u l-objettivi.

Il-proċess ta' Bologna huwa konformi mal-objettivi tal-qafas tal-edukazzjoni u taħriġ tal-UE u mal-Istrateġija Ewropa 2020 tiegħu għat-tkabbir u xogħlijiet.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mis-sit elettroniku tal-EHEA.

ATTI RELATATI

Il-qasam Ewropew tal-edukazzjoni ogħla fl-2015: Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-proċess ta' Bologna

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni ogħla Ewropea (ĠU C 28 tal-31.1.2014, pp. 2-5).

l-aħħar aġġornament 23.07.2015

Top