EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG0131(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni għolja Ewropea

OJ C 28, 31.1.2014, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni għolja Ewropea

2014/C 28/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI:

1.

Id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja tad-19 ta' Ġunju 1999 stabbilixxiet proċess intergovernattiv bil-għan li tinħoloq Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) li huwa appoġġat b'mod attiv mill-Unjoni Ewropea, u l-Ministri responsabbli għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi parteċipanti, li ltaqgħu f'Bukarest f'April 2012, adottaw l-istrateġija Mobbiltà għal Tagħlim Aħjar 2020 għall-EHEA bħala parti integrali tal-isforzi biex tiġi promossa l-internalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (1).

2.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE (2) tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju tagħraf li wieħed mill-objettivi tal-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni huwa li l-Ewropa b'mod ġenerali tiġi promossa bħala ċentru dinji ta' eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali.

3.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE (3) tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika għandha għan simili, dak li tagħmel lill-Komunità aktar attraenti għal riċerkaturi minn madwar id-dinja u tagħti spinta lill-pożizzjoni tal-UE bħala ċentru internazzjonali għar-riċerka.

4.

L-istrateġija internazzjonali adottata fil-laqgħa ta' Mejju 2007 tal-ministri ta' Bolonja f'Londra (4) enfasizzat il-ħtieġa li ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja tkun miftuħa u attraenti għal partijiet oħrajn tad-dinja, u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu ta' politika fl-edukazzjoni għolja ma' pajjiżi barra mill-Ewropa.

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ enfasizzaw l-importanza tal-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni għolja permezz ta' sinerġija mill-qrib mal-proċess ta' Bolonja, b'mod partikolari fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-rikonoxximent, il-mobbiltà u l-istrumenti ta' trasparenza.

6.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv adottata f'Ġunju 2010 (5) stabbilixxiet l-objettiv li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, b'mod partikolari billi żżid il-proporzjon ta’ żgħażagħ li jkunu temmew b'suċċess l-edukazzjoni terzjarja jew ta’ livell ekwivalenti sa mill-inqas 40 % sal-2020.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (6) enfasizzaw li programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali u djalogi ta' politika ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja mhux biss jippermettu li l-għarfien jasal b'aktar libertà, iżda wkoll jikkontribwixxu biex jissaħħu l-kwalità u l-isem internazzjonali tal-edukazzjoni għolja Ewropea, biex jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, jitrawmu l-mobbiltà u d-djalogu interkulturali, kif ukoll jiġi promoss l-iżvilupp internazzjonali f'konformità mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE.

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29 ta' Novembru 2011 dwar punt ta’ riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim (7) stabbilixxew punt ta' riferiment li skontu medja tal-UE ta' mill-inqas 20 % ta' gradwati fl-edukazzjoni għolja għandhom, sal-2020, ikollhom perjodu ta' studju jew taħriġ marbut mal-edukazzjoni għolja (inkluż taħriġ fuq post tax-xogħol) barra.

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29 ta' Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija internazzjonali tal-UE għall-edukazzjoni għolja bil-għan li jiżdiedu l-għoti ta' informazzjoni u l-viżibbiltà internazzjonali, u tinvolvi ruħha ma' sħab bil-ħsieb li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u żżid il-bini tal-kapaċità fis-settur tal-edukazzjoni għolja.

U FID-DAWL TA':

Il-konferenza tal-Presidenza dwar l-Edukazzjoni Għolja Ewropea fid-Dinja li saret f'Vilnjus fil-5-6 ta' Settembru 2013, li ssottolinjat il-ħtieġa li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw strateġiji komprensivi ta' internalizzazzjoni li:

jtejbu l-kwalità u l-kompetittività tal-edukazzjoni Ewropea għolja;

jmorru lil hinn mill-mobbiltà u jqisu aktar id-dimensjoni globali fit-tfassil u l-kontenut tal-kurrikuli u l-proċessi ta' tagħlim (spiss imsejħa "internalizzazzjoni d-dar");

jindirizzaw firxa aktar varja u għadd akbar ta' studenti billi jikkombinaw ir-riżorsi diġitali ġodda ma' forom aktar tradizzjonali ta' tagħlim, filwaqt li jiżguraw kwalità għolja;

jsaħħu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz ta' sħubijiet strateġiċi u bini tal-kapaċità.

JINNOTA B'INTERESS:

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem L-edukazzjoni għolja Ewropea fid-dinja  (8); u

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa  (9).

JAGĦRAF LI:

1.

L-edukazzjoni għolja għandha rwol kruċjali x'taqdi fl-iżvilupp ta' ċittadini involuti, elokwenti u li jilħqu l-milja tagħhom u hija xprun qawwi ta' soċjetajiet intelliġenti, sostenibbli u inklużivi, riżq individwali u tkabbir ekonomiku. Il-mobbiltà internazzjonali tal-individwi u l-inklużjoni ta' perspettiva globali fi programmi tal-edukazzjoni għolja jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għal dan l-iżvilupp.

2.

Il-qawwa tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa tinsab fl-għoti ta' edukazzjoni u riċerka ta' kwalità għolja, fid-diversità tal-istituzzjonijiet tagħha, u fl-appoġġ tagħha għall-kooperazzjoni f'oqsma fejn din tipprovdi valur miżjud, bħal programmi ta' lawrji konġunti u doppji, skejjel u studji għad-dottorat, u sħubijiet internazzjonali.

3.

Fil-klima ekonomika attwali l-edukazzjoni għolja, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali terzjarju, għandhom rwol kruċjali x'jaqdu fit-tisħiħ tal-ħila tal-Ewropa għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi jipprovdulha r-riżorsi umani b'ħiliet avvanzati li teħtieġ sabiex tiżgura l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u r-riżq.

4.

Il-kompetenzi tal-gradwati mhux dejjem jaqblu mal-ħtiġijiet li qed jiżviluppaw tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà, u min iħaddem fil-pubbliku u fil-privat jirrapporta differenzi u diffikultajiet fis-sejbien ta' kandidati xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

5.

It-tixjiħ demografiku fl-UE x'aktarx li jħalli impatt kbir fl-għexieren ta' snin li ġejjin, peress li r-rati ta' twelid konsistement baxxi jirriskjaw li jiggravaw il-problema tan-nuqqas ta' ħiliet ta' nies gradwati għal min iħaddem fl-Ewropa.

6.

Bħala sorsi ta' għarfien u innovazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom ukoll responsabbiltà soċjali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp uman u l-ġid komuni, kemm fil-kuntest nazzjonali kif ukoll fil-bqija tad-dinja.

JIKKUNSIDRA LI:

1.

L-impenn attiv ta' persunal, riċerkaturi u studenti internazzjonali f'istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja, l-għoti ta' appoġġ finanzjarju u organizzattiv għall-mobbiltà internazzjonali kemm tal-istudenti kif ukoll tal-persunal, u aktar sforzi biex il-kurrikuli jiġu internazzjonalizzati jistgħu jgħinu lill-istudenti jiksbu kompetenzi rilevanti għas-suq tax-xogħol dinji.

2.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja għamlu - bl-appoġġ tal-UE - progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi għall-iżgurar tal-kwalità transkonfinali u r-rikonoxximent ta' kwalifiki fil-Proċess ta' Bolonja, permezz ta' netwerks bħal ENIC/NARIC kif ukoll permezz ta' azzjonijiet bħall-programmi Erasmus Mundus u Tempus.

3.

Iż-żieda globali ta' Riżorsi Edukattivi Miftuħa, Softwer Edukattiv Miftuħ u Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi (MOOCs) hija żvilupp internazzjonali li jista' jkollu implikazzjonijiet importanti għas-sistemi ta' edukazzjoni għolja u jiftaħ opportunitajiet għal forom innovattivi ta' kooperazzjoni transkonfinali globali.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, KIF XIERAQ, JIKKOOPERAW MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-EDUKAZZJONI GĦOLJA, FILWAQT LI JQISU KIF MISTĦOQQ L-AWTONOMIJA TAGĦHOM, SABIEX:

1.

Isegwu approċċi strateġiċi komprensivi għall-internalizzazzjoni, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, li jkopru tliet oqsma ewlenin:

(a)

mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal;

(b)

l-internazzjonalizzazzjoni ta’ kurrikuli u tagħlim diġitali;

(c)

kooperazzjoni strateġika, sħubijiet u l-bini-tal-kapaċità.

2.

Jippromwovu lawrji internazzjonali bidirezzjonali u mobbiltà tal-kreditu għall-istudenti, kif ukoll jipprovdu opportunitajiet għall-mobbiltà tal-persunal bejn l-Ewropa u l-pajjiżi terzi, fost l-oħrajn billi:

(i)

jiżguraw li l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni jkun fihom komponent qawwi ta' mobbiltà tal-istudent, tar-riċerkatur u tal-persunal, appoġġat minn qafas ta' kwalità li jista' jinkludi fost l-oħrajn servizzi ta' gwida u konsulenza;

(ii)

joħolqu skemi ta' mobbiltà bidirezzjonali ta' interess reċiproku ma' pajjiżi terzi, li jilħqu bilanċ raġonevoli bejn mobbiltà fiżika u virtwali, kif ukoll bejn mobbiltà 'l ġewwa u 'l barra, li fihom firxa wiesgħa ta' suġġetti u, fejn xieraq, li jimmiraw għal oqsma b'nuqqas ta' ħiliet;

(iii)

jappoġġaw ir-rikonoxximent ta' krediti, lawrji, kwalifiki u kompetenzi miksuba barra minn studenti, riċerkaturi u persunal mobbli internazzjonalment, f'konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali;

(iv)

tissaħħaħ il-konċentrazzjoni fuq ir-riżultati tat-tagħlim, kif ukoll koerenza mal-għodod ta' trasparenza Ewropej bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti, is-Suppliment tad-Diploma u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, u ma' mekkaniżmi li jiżguraw il-kwalità; u

(v)

jaċċelleraw il-progress fuq ir-riformulazzjoni proposta tad-direttivi dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-iskopijiet ta' riċerka u studji.

3.

Jippromwovu l-iternazzjonalizzazzjoni d-dar u t-tagħlim diġitali biex jiżguraw li l-maġġoranza kbira ta' studenti Ewropej li ma jipparteċipawx f'azzjonijiet ta' mobbiltà fiżika jkunu jistgħu wkoll jiżviluppaw ħiliet internazzjonali, fost l-oħrajn billi:

(i)

jiżguraw l-għoti ta' faċilitajiet u servizzi għall-istudenti ta' kwalità għolja fl-edukazzjoni terzjarja li huma rilevanti għall-ħtiġijiet tal-istudenti;

(ii)

jagħmlu użu effettiv mill-esperjenza u l-kompetenzi internazzjonali li għandu l-persunal tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u jħeġġuhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' kurrikuli ta' kwalità għolja b'direzzjoni internazzjonali għall-ġid kemm ta' studenti mobbli kif ukoll le;

(iii)

jipprovdu aktar opportunitajiet għal studenti, riċerkaturi u persunal biex jiżviluppa l-kompetenzi lingwistiċi tiegħu, partikolarment permezz ta' tagħlim fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti għal individwi li jsegwu korsijiet li mhumiex f'ilsien pajjiżhom, bil-ħsieb li jitkattru l-benefiċċji tad-diversità lingwistika Ewropea u l-integrazzjoni soċjali tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal fil-pajjiż ospitanti tagħhom;

(iv)

joffru opportunitajiet akbar għal tagħlim kollaborattiv internazzjonali online u jesploraw l-użu ta' Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u Riżorsi Edukattivi Miftuħa għal metodi ġodda bil-għan li jinfirex l-aċċess, jiġu internazzjonalizzati l-kurrikuli u titwitta t-triq għal forom ġodda ta' sħubijiet.

4.

Jippromwovu l-ħolqien ta' sħubijiet kemm fl-Ewropa kif ukoll barra, sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, fost l-oħrajn billi:

(i)

jipprovdu l-kurrikuli li jistimulaw l-intrapriża u l-innovazzjoni, kif ukoll jiġi promoss l-iżvilupp ta' ħiliet trasferibbli, u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' taħriġ internazzjonali permezz ta' kollaborazzjoni ma' min iħaddem kemm mill-UE kif ukoll minn barra;

(ii)

jippromwovu konċentrazzjoni fuq il-qawwiet u l-prijoritajiet partikolari ta' kull HEI bħala mezz ta' kif jiġi żgurat użu effiċjenti u effettiv tal-investiment pubbliku;

(iii)

jieħdu ħsieb l-ixkiel li fadal li jwaqqaf l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' lawrji konġunti, doppji u multipli, u t-titjib tad-dispożizzjoni għall-iżgurar tal-kwalità u r-rikonoxximent transkonfinali;

(iv)

iħeġġu l-koerenza bejn l-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni tal-Istati Membri u l-politika tal-UE ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi jqisu l-prinċipji ta' ekwità u s-sjieda tal-pajjiż sieħeb, kif ukoll il-ħtiġijiet tal-HEIs;

(v)

jitgħallmu mill-esperjenzi tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal minn pajjiżi terzi bħala ambaxxaturi tal-kooperazzjoni mal-HEIs f'dawn il-pajjiżi;

(vi)

Iħeġġu l-HEIs biex jiżviluppaw strateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni komprensivi tagħhom infushom, billi jagħrfu n-natura trasversali tal-internazzjonalizzazzjoni, li tolqot l-oqsma kollha tal-ħajja universitarja, fosthom ir-riċerka, il-ġestjoni tat-tagħlim, l-amministrazzjoni u s-servizzi, u jappoġġawhom fl-isforzi tagħhom.

JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

1.

Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex isegwu approċċi strateġiċi komprensivi lejn l-internazzjonalizzazzjoni, u jisfruttaw l-opportunitajiet għal kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja fil-programmi Erasmus+ u Orizzont 2020, fost l-oħrajn billi:

(i)

tagħti aktar appoġġ finanzjarju permezz ta' Erasmus+ għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal minn pajjiżi terzi u lejnhom, u permezz ta' azzjonijiet taħt Orizzont 2020 għall-mobbiltà tar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi u lejnhom;

(ii)

tappoġġa konsorzji internazzjonali tal-HEIs biex jiżviluppaw lawrji ta' Master u Dottorat Konġunti permezz ta' Erasmus+ u azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie, u tagħti opportunitajiet biex studenti u kandidati għal dottorati jgawdu minn boroż ta' studju u fellowships;

(iii)

tappoġġa sħubijiet strateġiċi għall-kooperazzjoni u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, fosthom sħubijiet għall-bini ta’ kapaċità bejn l-UE u l-HEIs ta' pajjiżi terzi.

2.

B'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tagħmel sforzi biex iżżid il-ġibda u tippromwovi d-diversità tal-edukazzjoni għolja Ewropea madwar id-dinja, fost l-oħrajn billi:

(i)

ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza, tippromwovi mekkaniżmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità transkonfinali, u trawwem il-komparabilità tal-kwalifiki, tal-krediti u s-sistemi ta' rikonoxximent permezz ta’ kooperazzjoni u djalogu internazzjonali;

(ii)

ittejjeb il-kwalità tal-mobbiltà akkademika billi tissaħħaħ il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja fost l-oħrajn permezz ta' linji gwida għall-HEIs għall-awtovalutazzjoni u għall-monitoraġġ;

(iii)

tippromwovi, fejn rilevanti, u filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-implimentazzjoni ta' U-Multirank, l-għodda multidimensjonali internazzjonali ġdida ta' trasparenza li għandha l-għan li ttejjeb il-komparabilità bejn l-HEIs;

(iv)

tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u fost agenziji nazzjonali ta' promozzjoni u assoċjazzjonijiet tal-alumni billi taqsam l-informazzjoni magħhom, tniedi u tikkoordina azzjonijiet konġunti sabiex tbiegħ lill-Ewropa bħala destinazzjoni ta' kwalità għolja għall-istudju u għar-riċerka, pereżempju f'fieri għall-istudenti u permezz tat-tfassil ta' għodod konġunti ta’ promozzjoni.

3.

Tippromwovi kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja għall-innovazzjoni u l-iżvilupp bejn l-UE u s-sħab globali tagħha, fost l-oħrajn billi:

(i)

ikollha djalogi ta' politika bilaterali u multilaterali ma' sħab internazzjonali ewlenin, f'konformità mal-politika esterna tal-UE;

(ii)

tippromwovi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tiegħu bħala bibien għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni għolja biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà;

(iii)

tappoġġa u ttejjeb it-tfassil ta' politika fuq il-bażi ta' evidenza fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali, permezz tar-riċerka, tal-ġbir u l-analiżi ta' statistika, u d-djalogu ma’ esperti.


(1)  Komunikat ta' Bukarest, 27 ta' April 2012, p. 3.

(2)  ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

(3)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

(4)  Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja f'Xenarju Globali

(5)  EUCO 13/10.

(6)  ĠU C 135, 26.5.2010, p.12.

(7)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.

(8)  12453/13.

(9)  14116/13 + ADD 1


Top