EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sikurezza ferrovjarja fl-UE kollha

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2016/798 dwar is-sikurezza ferrovjarja

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ miżuri biex tiżviluppa u ttejjeb is-sikurezza u biex ittejjeb l-aċċess għas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, fosthom:

  • l-istabbiliment tal-aġenzija bħala korp li joħroġ ċertifikati ta’ sikurezza lil intrapriżi ferrovjarji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE;
  • id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-korpi differenti involuti fis-sistema ferrovjarja tal-UE;
  • l-iżvilupp ta’ miri komuni ta’ sikurezza u metodi komuni ta’ sikurezza, bil-għan li jitneħħew regoli nazzjonal u b’hekk l-ostakoli għall-iżvilupp ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea;
  • l-istabbiliment tal-prinċipji għall-ħruġ, it-tiġdid, l-emendar u r-restrizzjoni jew ir-revokar taċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza;
  • kull pajjiż tal-UE jintalab jistabbilixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza u korp investigattiv għall-aċċidenti u l-inċidenti tal-ferrovija;
  • id-definizzjoni ta’ prinċipji komuni għall-ġestjoni u s-superżjoni tas-sikurezza ferrovjarja.

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tapplika għas-sistemi ferrovjarji fl-Istati Membrii tal-UE, imma ma tapplikax għal:

  • metros;
  • trammijiet u vetturi ta’ ferrovija ħfief, u infrastruttura użata esklużivament minn dawn il-vetturi;
  • netwerks li ma jagħmlux parti mis-sistema ferrovjarja tal-UE u li huma maħsuba biss biex joperaw servizzi tal-passiġġieri lokali, urbani jew suburbani, flimkien ma’ kumpaniji li joperaw biss fuq dawk in-netwerks.

L-iżvilupp u l-maniġment tas-sigurtà

  • Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-UE, l-aġenzija u l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li s-sikurezza ferrovjarja tinżamm u ġeneralment tittejjeb billi tingħata prijorità lill-prevenzjoni ta’ aċċidenti.
  • L-Istati Membri tal-UE huma responsabbli wkoll biex jiżguraw li:
    • il-miżuri għall-iżvilupp u t-titjib tas-sikurezza jsegwu approċċ ibbażat fuq sistema;
    • l-amministraturi tal-infrastruttura u l-kumpaniji ferrovjarji huma responsabbli għall-operazzjoni sikura tas-sistema ferrovjarja tal-UE u l-kontroll ta’ kwalunkwe riskju assoċjat.

Metodi u miri komuni tas-sikurezza

  • L-evalwazzjoni ta’ livelli ta’ sikurezza, il-kisbiet ta’ miri tas-sikurezza u l-konformità ma’ rekwiżiti tas-sikurezza jiġu stabbiliti permezz ta’ metodi komuni ta’ sikurezza, partikolarment għal:
    • valutazzjoni tar-riskju u analiżi tal-evalwazzjoni;
    • valutazzjoni tal-konformità għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-sikurezza u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza;
    • superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u għall-monitoraġġ mill-kumpaniji ferrovjarji, maniġers tal-infrastruttura u korpi tal-manutenzjoni tal-ferroviji;
    • valutazzjoni tal-ilħuq tal-miri tas-sikurezza fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
  • Miri tas-sikurezza minimi li għandhom jintlaħqu mis-sistema ferrovjarja tal-UE kollha kemm hi huma stabbiliti f’miri komuni tas-sikurezza. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ kriterji ta’ aċċettazzjoni tar-riskju jew livelli ta’ sikurezza fil-mira.

Ċertifikat uniku ta’ sikurezza

  • Aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja tal-UE se jingħata biss lill-kumpaniji li għandhom ċertifikat uniku tas-sikurezza maħruġ mill-aġenzija jew mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti.
  • L-għan taċ-ċertifikat huwa li jipprovdi evidenza li l-kumpanija kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħha u li tkun kapaċi topera b’mod sikur fiż-żona tal-operazzjoni maħsuba tagħha.

L-emeda fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja u r-regoli tal-interoperabilitá fil-Kanal Punt ta’ Qsim Fiss

Ir-Regolament (UE) 2020/1530 jestendi d-definizzjoni tal-awtorità tas-sikurezza nazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe korp fdat minn Stat Membru tal-UE u pajjiż mhux tal-UE u jistabbilixxi l-arranġamenti relatati.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-16 ta’ Ġunju 2020. Madankollu, biex tipprovdi aktar ċertezza legali u flessibilità lis-settur ferrovjarju biex jittratta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, din id-data kienet estiża mill-ġdid bid-Direttiva emendatorja (UE) 2020/700sal-31 ta’ Ottubru 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU 138, 26.5.2016, p. 102–149).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2016/798 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID‐19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 10–24).

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, pp. 1–43).

Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44–101).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 22.12.2023

Top