EUR-Lex Rochtain ar dhlí an Aontais Eorpaigh

Fill ar leathanach baile EUR-Lex

Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo

Ħasil tal-flus

Il-ħasil tal-flus huwa l-proċess li permezz tiegħu l-kriminali jaħbu l-oriġini illegali tal-proprjetà jew tal-introjtu.

L-UE qiegħda taħdem sabiex timpedixxi l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja u sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE ħalli jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus. Il-miżuri tagħha huma rregolati mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):

  • taħt it-Titolu VII (l-approssimazzjoni tal-liġijiet għas-suq intern): bil-ħolqien tas-suq intern, ġew implimentati regoli madwar l-UE kollha bil-għan li jimpedixxu b’mod effettiv il-ħasil tal-flus, kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu. Il-flussi finanzjarji jiġu rregolati sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu traċċati u mmonitorjati b’mod sħiħ. L-operaturi finanzjarji u ċerti operaturi mhux finanzjarji għandhom jidentifikaw ukoll lill-klijenti tagħhom (inklużi s-sidien benefiċjarji ta’ kumpaniji u fiduċjarji), jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet u jirrapportaw kwalunkwe suspetti ta’ ħasil ta’ flus lit-Taqsimiet tal-Intelliġenza Finanzjarja;
  • taħt it-Titolu V (il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali): tiffoka fuq id-definizzjoni tar-reati u fuq it-tisħiħ tal-assistenza reċiproka.

Ir-regoli tal-UE dwar il-kriminalità finanzjarja huma bbażati l-aktar fuq l-istandards internazzjonali adottati mit-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja.

  • Id-Direttiva (UE) 2018/843 — il-Ħames Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus, li temenda r-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (Direttiva (UE) 2015/849) — għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex tipprevjeni l-użu ħażin tas-suq finanzjarju għal dawn l-iskopijiet.
  • Id-Direttiva (UE) 2018/1673 għandha l-għan li tikkriminalizza l-ħasil tal-flus meta jkun intenzjonat u bl-għarfien li l-proprjetà ġiet minn attività kriminali. Din tiddefinixxxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tippermetti l-Istati Membri biex jikkriminalizzaw il-ħasil tal-flus meta t-trasgressur issuspetta jew kellu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali.

Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jinkludi miżuri li ser tieħu biex issaħħaħ, tissorvelja u tikkoordina r-regoli relevanti tal-UE. Fl-istess ħin, hija ppubblikat metodu biex tidentifika pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li għandhom riskju għoli u li għandhom sistemi laxki kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, li mbagħad joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-UE.

ARA WKOLL

Barr