Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Politika ekonomika

Il-politika ekonomika tkopri firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet imwettqa mill-gvernijiet sabiex jamministraw l-ekonomija tagħhom. Dawn jinkludu l-politika monetarja (il-provvista u d-domanda għall-flus), it-tassazzjoni, il-baġit, il-ħolqien tal-impjiegi, eċċ.

Fl-Unjoni Ewropea (UE), għalkemm il-politika ekonomika hija r-responsabbiltà ta’ kull pajjiż tal-UE, hemm koordinazzjoni multilaterali konsiderevoli tal-politiki ekonomiċi bejn il-pajjiżi individwali, b’mod partikolari dawk li jagħmlu parti miż-żona tal-euro, sabiex jiġi żgurat li l-unjoni monetarja Ewropea topera bl-aħjar mod possibbli, u biex żgurat l-allinjament tal-pajjiżi tal-UE mal-għanijiet u responsabbiltajiet komuni.

  • L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-għanijiet tal-UE, li jinkludu tkabbir ekonomiku bilanċjat, stabbiltà fil-prezzijiet, u unjoni ekonomika u monetarja.
  • L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-UE responsabbiltà esklussiva għall-politika monetarja għall-pajjiżi tal-UE li jagħmlu parti miż-żona tal-euro.
  • L-Artikolu 5 tat-TFUE jistabbilixxi li l-politiki ekonomiċi għandhom jiġu kkoordinati fl-Unjoni.
  • It-Titolu VIII tat-TFUE jittratta l-politika ekonomika u monetarja. Dan jiddefinixxi kif isseħħ il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jwettqu l-politiki ekonomiċi nazzjonali tagħhom “bil-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni”.

Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tinkludi: l-adozzjoni ta’ linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika u linji gwida dwar l-impjiegi, il-monitoraġġ tal-iżviluppi ekonomiċi biex jiġu identifikati u kkoreġuti politiki riskjużi jew mhux sostenibbli, u diskussjonijiet makroekonomiċi bejn il-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u s-sħab soċjali. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat li l-pajjiżi tal-UE jimmiraw lejn finanzi pubbliċi sodi u jikkoordinaw il-politiki fiskali tagħhom.

Sa mill-2008, fid-dawl tad-diffikultajiet li kellha l-UE (b’mod partikolari ż-żona tal-euro) sabiex tiffaċċja l-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn sovran, saru diversi riformi:

  • 1.

    Il-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir issaħħaħ permezz tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, li daħal fis-seħħ fl-2013. Ġew adottati s-6 liġijiet (“6-pack”), li jsaħħu l-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir u s-sorveljanza makroekonomika tal-pajjiżi tal-UE, kif ukoll żewġ liġijiet oħrajn (“2-pack”) li jipprevedu koordinazzjoni u monitoraġġ addizzjonali fiż-żona tal-euro.

  • 2.

    Inħoloq is-Semestru Ewropew, qafas annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika. Dan għandu l-għan li jidentifika u jirranġa l-iżbilanċi makroekonomiċi bejn il-pajjiżi tal-UE, u li jissorvelja l-politika baġitarja. Il-Kummissjoni tanalizza wkoll il-politiki għar-riforma strutturali ta’ kull pajjiż tal-UE u mbagħad toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi sabiex tittieħed azzjoni fuqhom.

  • 3.

    Il-ħolqien ta’ unjoni bankarja integrata, li għandha l-għan li tallinja r-responsabbiltà għas-superviżjoni, għar-riżoluzzjoni u għall-finanzjament fil-livell tal-UE u li tiżgura li l-banek fiż-żona tal-euro kollha jikkonformaw mal-istess regoli. Responsabbli għal telf possibbli huma l-banek u l-azzjonisti tagħhom, mhux il-kontribwenti.

ARA WKOLL

Op