32010H0410


Titolu u referenza

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni

 ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

tat- 13 ta’ Lulju 2010

dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni

(2010/410/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Billi:

(1) It-Trattat jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politika ekonomika tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) u linji politiċi makrostrutturali.

(2) It-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida dwar l-impjiegi u linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika bħala gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri.

(3) L-Istrateġija ta’ Lisbona, varata fis-sena 2000, kienet imsejsa fuq rikonoxximent tal-ħtieġa tal-Unjoni Ewropea li jiżdiedu l-impjiegi, il-produttività u l-kompetittività, waqt li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, fid-dawl ta’ kompetizzjoni globali, tibdil teknoloġiku, sfidi ambjentali u popolazzjoni li qed tixjieħ. L-Istrateġija ta’ Lisbona ġiet varata mill-ġdid fl-2005, wara analiżi ta’ nofs it-terminu li wasslet għal enfasi aktar qawwija fuq it-tkabbir u aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar.

(4) L-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi għenet biex jintlaħaq kunsens dwar id-direzzjoni ġenerali tal-politika ekonomika u tal-impjiegi tal-Unjoni. Taħt din l-istrateġija, fl-2005 [1] l-Kunsill adotta kemm linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika kif ukoll linji gwida dwar l-impjiegi, li ġew riveduti fl-2008 [2]. L-24 linja gwida stabbilixxew il-pedament għall-programmi nazzjonali ta’ riforma, u fissru l-prijoritajiet ewlenin tar-riforma makroekonomika, mikroekonomika u tas-suq tax-xogħol għall-Unjoni kollha kemm hi. Madanakollu, l-esperjenza turi li l-linji gwida ma kinux jistabbilixxu prijoritajiet ċari biżżejjed u li r-rabta ta’ bejniethom setgħet kienet aktar b’saħħitha. Dan żamm lura l-impatt tagħhom fuq it-tfassil tal-linji politiċi nazzjonali.

(5) Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2008 rriżultat f’telfien sinifikanti ta’ impjiegi u ta’ produttività potenzjali u wasslet għal deterjorament drammatiku fil-finanzi pubbliċi. Madanakollu, il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku [3] għen lill-Istati membri jindirizzaw il-kriżi, fost oħrajn permezz ta’ stimolu fiskali kkoordinat, bl-euro bħala ankra ta’ stabbiltà makroekonomika. Għaldaqstant il-kriżi wriet li, jekk tissaħħaħ u ssir effettiva, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tista’, fil-livell tal-Unjoni, twassal għal riżultati sinifikanti. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi.

(6) Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi strateġija ġdida għad-deċennju li ġej, l-Istrateġija Ewropa 2020 [4], li tippermetti lill-Unjoni toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi, u biex tittrasforma l-ekonomija tagħha f’waħda intelliġenti, sostenibbli u ta’ tkabbir inklużiv. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu għanijiet komuni li jiggwidaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet relattivi tagħhom tal-bidu u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu l-miri nazzjonali u biex ineħħu l-ostakoli li joħonqu t-tkabbir.

(7) Bħala parti mill-"istrateġiji ta’ ħruġ" komprensivi għall-kriżi ekonomika, l-Istati Membri għandhom iwettqu programmi ta’ riforma ambizzjużi biex jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, itejbu l-kompetittività, u jnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi u jsaħħu l-prestazzjoni tas-suq tal-impjiegi. Il-miżuri temporanji li ddaħħlu bħala tweġiba għall-kriżi għandhom jitneħħew b’manjiera kkoordinata kif ikun meħtieġ ladarba jkun ġie żgurat l-irkupru. It-tneħħija tal-istimolu fiskali għandha tiġi implimentata u kkoordinata fi ħdan il-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(8) Fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw riformi bl-għan ta’ "tkabbir intelliġenti", jiġifieri tkabbir immexxi mill-konoxxenza u l-innovazzjoni. Ir-riformi għandu jkollhom l-għan tat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, l-iżgurar tal-aċċess għal kulħadd, it-tisħiħ tar-riċerka u tal-prestazzjoni tan-negozji, u t-titjib ulterjuri tal-qafas regolatorju sabiex jitħeġġu l-innovazzjoni t-trasferiment tal-konoxxenza fl-Unjoni kollha. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-intraprenditorija u jgħinu biex ideat kreattivi jinbidlu fi prodotti, servizzi u proċessi innovattivi li jkunu jistgħu joħolqu tkabbir, impjiegi ta’ kwalità, koeżjoni territorjali ekonomika u soċjali, u jindirizzaw b’mod aktar effiċjenti l-isfidi tas-soċjetà kemm fuq livell Ewropew kif ukoll globali. F’dan il-kuntest huwa essenzjali li jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

(9) Il-linji politiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inklużi l-programmi tagħhom ta’ riforma, għandu jkollhom l-għan ta’ "tkabbir sostenibbli". Tkabbir sostenibbli jfisser li t-tkabbir ekonomiku jiġi sseparat mill-użu tar-riżorsi, u tinbena ekonomija b’użu effiċjenti ta’ enerġija u riżorsi, sostenibbli u kompetittiva, distribuzzjoni ekwa tal-ispejjeż u l-benefiċċji filwaqt li jittieħed vantaġġ mit-tmexxija Ewropea fit-tellieqa għall-iżvilupp ta’ proċessi u teknoloġiji ġodda, fosthom teknoloġiji ekoloġiċi. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti, li wkoll jgħin fil-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali u t-telf tal-bijodiversità. Huma għandhom ukoll itejbu l-ambjent kummerċjali, jistimolaw il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi u jgħinu lill-intrapriżi jimmodernizzaw il-bażi industrijali tagħhom.

(10) Il-linji politiċi tal-Unjoni u l-programmi ta’ riforma tal-Istati Membri għandhom finalment ukoll jimmiraw għal "tkabbir inklużiv". Tkabbir inklużiv ifisser il-bini ta’ koeżjoni soċjali fejn il-persuni jingħataw is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u b’hekk jagħtu s-sehem attiv tagħhom fis-soċjetà u fl-ekonomija. Ir-riformi tal-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw aċċess u opportunitajiet għal kulħadd fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu, biex b’hekk jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz tal-eliminazzjoni tal-barrieri għall-parteċipazzjoni fis-suq tal-impjiegi b’mod speċjali għan-nisa, ħaddiema anzjani, żgħażagħ, persuni b’diżabbiltà u migranti legali.

F’dawn il-linji politiċi kollha għandhom jieħdu kont tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Għandhom jiżguraw ukoll li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jilħqu liċ-ċittadini kollha u lir-reġjuni kollha. Għaldaqstant, l-iżgurar tal-funzjonament effettiv tas-swieq tal-impjiegi permezz ta’ investiment fi transizzjonijiet ta’ suċċess, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet adegwati, it-titjib fil-kwalità tal-impjiegi u l-ġlieda kontra s-segmentazzjoni, il-qgħad strutturali u l-inattività waqt li jiġi żgurat ħarsien soċjali adegwat u sostenibbli u inklużjoni attiva biex jonqos il-faqar, b’rispett fl-istess ħin tal-konsolidazzjoni fiskali miftiehma, għandhom ikunu fil-qalba tal-programmi ta’ riforma tal-Istati Membri.

(11) Bħala element essenzjali, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom ikomplu jespandu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-qafas regolatorju tagħhom, speċjalment għall-intrapriżi Ewropej. Billi jsaħħu l-istrumenti tagħhom ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jiggarantixxu li l-leġislazzjoni tkun imfassla tajjeb, proporzjonata, riveduta regolarment u ma toħloqx piżijiet mhux meħtieġa. Il-kisba tal-miri għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi tibqa’ prijorità.

(12) Ir-riformi strutturali tal-Unjoni u tal-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tkabbir u l-impjiegi jekk itejbu l-kompetittività tal-Unjoni fl-ekonomija globali, jiftħu opportunitajiet ġodda għall-esportaturi Ewropej u jipprovdu aċċess kompetittiv għall-importazzjonijiet essenzjali. Għaldaqstant ir-riformi għandhom iqisu l-implikazzjonijiet tal-kompetittività esterna tagħhom biex iwasslu għal tkabbir u parteċipazzjoni Ewropea fi swieq miftuħa u ekwi madwar id-dinja.

(13) L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun mirfuda b’ġabra integrata ta’ linji politiċi Ewropej u nazzjonali, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ u b’pass simili, biex jinkisbu l-effetti pożittivi aktar mifruxa tar-riformi strutturali kkoordinati, u kontribut aktar konsistenti mil-linji politiċi Ewropej għall-objettivi tal-Istrateġija, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet nazzjonali tal-bidu.

(14) Waqt li dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u l-Unjoni, l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata bi sħab mal-awtoritajiet kollha nazzjonali, reġjonali u lokali, il-parlamenti assoċjati mill-qrib, kif ukoll l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li għandhom jikkontribwixxu għall-elaborazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma, l-implimentazzjoni tagħhom u l-komunikazzjoni ġenerali dwar l-istrateġija.

(15) L-istrateġija Ewropa 2020 hija mirfuda minn ġabra iżgħar ta’ linji gwida, li jissostitwixxi l-ġabra preċedenti ta’ 24 u jindirizzaw l-impjiegi u l-kwistjonijiet ta’ politika ekonomika ġenerali b’manjiera koerenti. Il-linji gwida għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni, annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, huma marbuta intrinsikament mal-linji gwida relevanti għal-linji politiċi dwar l-impjiegi. Flimkien huma jifformaw il-"linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020".

(16) Dawn il-linji gwida integrati ġodda huma konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri dwar id-definizzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom ta’ riforma u l-implimentazzjoni tar-riformi, jirriflettu l-interdipendenza u huma konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida ser jifformaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għal pajjiżi partikolari li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri, jew, fil-każ tal-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika, għal twissijiet ta’ politika li l-Kummissjon tista’ toħroġ f’każijiet fejn is-segwitu għal rakkomadazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżi partikolari jkun insuffiċjenti.

(17) Dawn il-linji gwida għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 biex tiġi żgurata enfasi fuq l-implimentazzjoni,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) L-Istati Membri, u fejn ikun rilevanti l-Unjoni Ewropea, fil-politika ekonomika tagħhom għandhom jieħdu kont tal-linji gwida li jinsabu fl-Anness.

(2) L-Istati Membri għandhom ifasslu programmi nazzjonali ta’ riforma li jkunu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fil-"Linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020".

Magħmul fi Brussell, it- 13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Reynders

[1] COM(2005) 141.

[2] COM(2007) 803.

[3] COM(2009) 615, 19.11.2009.

[4] COM(2010) 2020, 3.3.2010.

--------------------------------------------------

ANNESS

Linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni

Linja gwida 1: L-iżgurar tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw vigorożament strateġiji ta’ konsolidazzjoni baġitarja taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) u b’mod partikolari rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Stati Membri taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, u/jew f’memoranda ta’ spjegazzjoni, fil-każ ta’ appoġġ għall-bilanċ tal-ħlasijiet. B’mod partikolari l-Istati Membri għandhom jiksbu l-konsolidazzjoni b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u jilħqu l-objettivi tagħhom għal żmien medju b’mod konformi mal-PST. Mingħajr preġudizzju għall-qafas legali tal-PST, għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri dan ifisser il-kisba ta’ konsolidazzjoni ferm lil hinn mill-punt ta’ riferiment ta’ 0,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) kull sena f’termini strutturali sakemm il-proporzjonijiet tad-dejn ikunu qed jonqsu b’rata sostanzjali. Il-konsolidazzjoni fiskali għandha tibda sa mhux aktar tard mill-2011, u aktar kmieni f’xi Stati Membri fejn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi jippermettu dan, dment li l-previżjonijiet tal-Kummissjoni jibqgħu jindikaw li l-irkupru qed jissaħħaħ u jista’ jsostni lilu nnifsu.

Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-konsolidazzjoni baġitarja l-istrateġiji għandhom jiffokaw fuq it-trażżin tal-infiq u jagħtu prijorità lill-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjegabbiltà, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-investiment f’netwerks b’impatti pożittivi fuq il-produttività, fejn ikun meħtieġ pereżempju l-Internet b’veloċità qawwija, l-enerġija u l-interkonnessjonijiet u l-infrastruttura tat-trasport. Fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ żiediet fit-taxxi, kemm jista’ jkun dan għandu jsir flimkien ma’ miżuri li jwasslu biex is-sistemi fiskali jkunu aktar favorevoli għall-impjiegi, l-ambjent u t-tkabbir pereżempju billi l-piż fiskali jitmexxa għal fuq attivitajiet li huma ta’ ħsara għall-ambjent. Is-sistemi fiskali u tal-benefiċċji għandhom jipprovdu inċentivi aħjar sabiex iħajru lin-nies jaħdmu.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-oqfsa baġitarji nazzjonali, itejbu l-kwalità tan-nefqa pubblika kif ukoll is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u jimmiraw b’mod partikolari għal tnaqqis determinat tad-dejn, riforma tan-nefqa pubblika marbuta mal-età, bħall-pensjonijiet u n-nefqa għall-kura tas-saħħa, u linji politiċi li jikkontribwixxu għaż-żieda fl-impjiegi u l-etajiet effettivi tal-irtirar biex ikun żgurat li n-nefqa pubblika marbuta mal-età u s-sistemi tal-ħarsien soċjali jkunu finanzjarjament sostenibbli.

L-effiċjenza tal-baġit u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi huma wkoll importanti fil-livell tal-Unjoni.

Linja gwida 2: L-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi

L-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi ekonomiċi insostenibbli, li jirriżultaw l-aktar mill-iżviluppi fil-kontijiet kurrenti, is-swieq tal-assi u l-karti tal-bilanċ tas-setturi tal-entitajiet domestiċi u tal-kumpanniji. L-Istati Membri bi żbilanċi kbar fil-kontijiet kurrenti li għandhom l-għeruq tagħhom f’nuqqas persistenti ta’ kompetittività jew minħabba raġunijiet oħra għandhom jindirizzaw il-kawżi sottostanti billi jieħdu azzjoni dwar, pereżempju, il-politika fiskali, l-iżviluppi tal-pagi, ir-riformi strutturali rigward swieq ta’ prodotti u servizzi finanzjarji (inkluż il-fluss ta’ kapital li jaġevola l-produttività), is-swieq tal-impjiegi, f’konformità mal-linji gwida dwar l-impjiegi, jew kwalunkwe qasam ta’ politika ieħor rilevanti. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-aħjar kundizzjonijiet qafas għal sistemi ta’ negozjar tal-pagi u żviluppi ta’ spejjeż tax-xogħol konsistenti mal-istabbiltà tal-prezzijiet, ix-xejriet tal-produttività fuq tul ta’ żmien medju u l-ħtieġa li jonqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi. F’każijiet adatti, l-iffissar adegwat tal-pagi fis-settur pubbliku għandu jitqies bħala sinjal importanti li jiżgura l-moderazzjoni tal-pagi fis-settur privat f’konformità mal-ħtieġa li titjieb il-kompetittività. Qafas li jiffissa l-pagi, inklużi l-pagi minimi, għandu jippermetti proċessi għall-formazzjoni tal-pagi li jieħdu kont tad-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali u jwieġbu għad-diverġenzi kbar fil-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpanniji ġewwa pajjiż. L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest. L-Istati Membri b’bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti għandhom ifittxu miżuri li jkollhom l-għan jimplimentaw riformi strutturali li jwasslu għat-tisħiħ tat-tkabbir potenzjali u b’hekk ukoll jirfdu d-domanda domestika. L-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi, inkluż fost l-Istati Membri, ikun qed jgħin ukoll fil-kisba ta’ koeżjoni ekonomika.

Linja gwida 3: It-tnaqqis tal-iżbilanċi fiż-żona tal-euro

L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom iqisu d-diverġenzi kbar u persistenti fil-pożizzjonijiet tal-kontijiet kurrenti u żbilanċi makroekonomiċi oħra bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jieħdu azzjoni urġenti biex inaqqsu l-iżbilanċi fejn ikun meħtieġ. Hija meħtieġa azzjoni fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda n-natura, l-importanza u l-urġenza tal-isfidi ta’ politika jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor. Il-vulnerabbiltajiet u l-iskala tal-aġġustament meħtieġ jagħmluha partikolarment urġenti li tittieħed azzjoni ta’ politika fl-Istati Membri li juru żbilanċi fil-kontijiet kurrenti u telfien ta’ kompetittività persistentement kbar. Huma għandhom jiksbu tnaqqis permanenti sostanzjali fl-iżbilanċ tal-kontijiet kurrenti. Dawn l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom ukoll jimmiraw sabiex jonqsu l-ispejjeż unitarji tax-xogħol b’kont meħud tal-iżviluppi fil-produttività fil-livell reġjonali, tas-setturi u tal-kumpanniji, kif ukoll jaġevolaw il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti. L-Istati Membri taż-żona tal-euro b’bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti għandhom ifittxu miżuri li jkollhom l-għan jimplimentaw riformi strutturali li jwasslu għat-tisħiħ tat-tkabbir potenzjali u b’hekk ukoll jirfdu d-domanda domestika. Bl-istess mod, l-Istati Membri fiż-żona tal-euro għandhom jieħdu azzjoni dwar kwalunkwe żbilanċ makroekonomiku ieħor bħall-akkumulazzjoni ta’ dejn privat eċċessiv u d-diverġenza fl-inflazzjoni. Il-barrieri istituzzjonali għall-aġġustament flessibbli tal-prezzijiet u l-pagi għall-kundizzjonijiet tas-suq għandhom jitneħħew. Għandu jsir monitoraġġ mill-qrib tal-iżbilanċi makroekonomiċi fil-Grupp tal-euro, li għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju kull fejn meħtieġ.

Linja gwida 4: L-aħjar użu mill-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tat-trijanglu tal-konoxxenza u l-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija diġitali

L-Istati Membri għandhom jirrevedu s-sistemi nazzjonali (u reġjonali) tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u jiżguraw kundizzjonijiet qafas effettivi u adegwati għall-investiment pubbliku fil-limiti tal-istrateġiji ta’ konsolidazzjoni baġitarja taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (Linja gwida 1), u jorjentawhom lejn tkabbir b’rata ogħla waqt li jindirizzaw fejn meħtieġ l-isfidi ewlenin tas-soċjetà (inklużi l-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, il-koeżjoni soċjali u territorjali, ix-xjuħija, il-kura tas-saħħa, u s-sigurtà) b’mod kost-effettiv. B’mod partikolari, l-investiment pubbliku għandu jservi biex iħeġġeġ il-finanzjament privat fir-riċerka u l-iżvilupp. Ir-riformi għandhom iħeġġu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, jippromwovu l-integrità xjentifika, isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, atturi tas-settur pubbliku, privat u dak terzjarju, kemm internament kif ukoll internazzjonalment u jiżguraw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u netwerks li jippermettu t-tixrid tal-konoxxenza. Il-governanza tal-istituzzjonijiet tar-riċerka għandhom jitjiebu biex is-sistemi ta’ riċerka nazzjonali jsiru aktar kost-effettivi u produttivi. Għal dan l-għan għandha tiġi mmodernizzata r-riċerka fl-universitajiet, jiġu żviluppati u jsiru aċċessibbli infrastrutturi fost l-aqwa fid-dinja, u ssir promozzjoni ta’ karrieri attraenti u mobbiltà għar-riċerkaturi u l-istudenti. Għandhom jiġu adattati u ssimplifikati l-iskemi għall-finanzjament u l-akkwist, b’għajnuna fejn meħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni transkonfinali, it-trasferiment tal-konoxxenza u l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu, li jibnu fuq is-sinerġiji u l-kisba ta’ valur ikbar.

Il-linji politiċi tal-Istati Membri b’rabta mar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandhom jindirizzaw direttament l-opportunitajiet u l-isfidi nazzjonali u jqisu l-kuntest tal-Unjoni sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ ġbir flimkien ta’ riżorsi pubbliċi u privati f’oqsma fejn hemm valur miżjud mill-Unjoni, jisfruttaw is-sinerġiji b’fondi tal-Unjoni, u b’hekk jiksbu skala suffiċjenti waqt li jevitaw il-frammentazzjoni. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jintegraw l-innovazzjoni fil-linji politiċi rilevanti kollha u jippromwovu l-innovazzjoni f’sens wiesa’ (inkluż fl-innovazzjoni mhux teknoloġika). Bl-għan li jippromwovu l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom itejbu l-kundizzjonijiet qafas — speċjalment rigward l-ambjent kummerċjali, swieq kompetittivi u miftuħa, u l-potenzjal ekonomiku kbir tal-industriji kulturali u kreattivi — jikkombinaw, kif meħtieġ, inċentivi fiskali kost-effettivi, li jiddependu minn kemm għandu lok fejn jimmanuvra l-Istat Membru, u strumenti finanzjarji oħra ma’ miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament privat (inkluż kapital ta’ riskju) u jissimplifikaw l-aċċess għall-SMEs, ikabbru d-domanda, b’mod partikolari fl-eko-innovazzjoni (fejn ikun adatt permezz ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku u standards interoperabbli), jippromwovu swieq u regolamenti favorevoli għall-innovazzjoni, u jipprovdu protezzjoni u ġestjoni effiċjenti, effettivi u bi prezz li jista’ jintlaħaq għall-proprjetà intellettwali. It-tliet naħat kollha tat-trijanglu (edukazzjoni-riċerka-innovazzjoni) għandhom jappoġġaw u jsostnu lil xulxin. F’konformità mal-linji gwida 8 u 9, l-Istati Membri għandhom jarmaw lill-persuni b’firxa wiesgħa ta’ kapaċitajiet li huma meħtieġa għall-innovazzjoni fis-suriet kollha tagħha, inkluża l-eko-innovazzjoni, u għandhom ifittxu sabiex jiżguraw provvista suffiċjenti ta’ gradwati fix-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija.

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom idaħħlu fis-seħħ il-kundizzjonijiet qafas adatti għall-iżvilupp rapidu ta’ suq diġitali uniku li joffri kontenut u servizzi onlajn faċilment aċċessibbli. L-Istati Membri għandhom jippromwovu t-tifrix u t-teħid tal-Internet b’veloċità qawwija bħala mezz essenzjali ta’ aċċess għall-konoxxenza u l-parteċipazzjoni fil-ħolqien tiegħu. Il-finanzjament pubbliku għandu jkun kost-effiċjenti u mmirat biex jindirizza l-fallimenti tas-suq. Il-linji politiċi għandhom jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tifrix tan-netwerk, b’mod partikolari billi jsaħħu l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jippromwovu l-introduzzjoni u l-użu ta’ servizzi onlajn moderni u aċċessibbli, fosthom permezz tal-iżviluppar ulterjuri tal-gvern elettroniku, il-firma elettronika, l-identità elettronika u ħlas elettroniku; jappoġġaw il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà diġitali, b’mod partikolari billi jippromwovu l-aċċess għal kontenut u servizzi kulturali inkluż bil-mezzi tal-informazzjoni u l-kompetenza diġitali; u jippromwovu ambjent ta’ sigurtà u fiduċja.

Il-mira ewlenija tal-Unjoni Ewropea, li fuq il-bażi tagħha l-Istati Membri ser jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, hi li jitjiebu l-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp, b’mod partikolari bl-għan li sal-2020 il-livell tal-investiment pubbliku u privat flimkien jinġieb għal 3 % tal-PDG. Il-Kummissjoni ser tfassal indikatur li jirrifletti l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

Linja gwida 5: It-titjib tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri li jippromwovu s-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, jibdlu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet għat-tkabbir u jagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi naturali tagħhom, li wkoll jgħin fil-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali u jiżgura l-bijodiversità. Huma għandhom jimplimentaw ir-riformi strutturali meħtieġa biex jirnexxu, taħt restrizzjonijiet globali li qed jiżdiedu fuq il-karbonju u r-riżorsi, fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-impjiegi. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu sforzi biex jaċċelleraw il-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija integrat u kompletament funzjonanti biex jippermettu ċ-ċirkolazzjoni mingħajr ostakoli tal-gass u l-elettriku. Biex inaqqsu l-emissjonijiet u jtejbu l-effiċjenza, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu estensiv minn strumenti bbażati fuq is-suq, b’appoġġ għall-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, inkluża t-tassazzjoni, u strumenti oħra ta’ appoġġ effettivi biex inaqqsu l-emissjonijiet u jadattaw aħjar għat-tibdil fil-klima, jappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi b’manjiera kost-effettiva, jinċentivaw l-użu ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju u adattabbli għat-tibdil fil-klima, jersqu lejn modi ta’ trasport aktar favorevoli għall-ambjent u interkonnessi, u jippromwovu l-iffrankar tal-enerġija u l-eko-innovazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeliminaw gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jiżguraw tqassim ġust tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħhom.

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jużaw strumenti regolatorji, non-regolatorji u fiskali, pereżempju standards ta’ prestazzjoni fl-enerġija għall-Unjoni kollha rigward prodotti u bini, tikkettar, u "akkwist ekoloġiku", biex jinċentivaw it-transizzjoni kost-effettiva tal-mudelli tal-produzzjoni u l-konsum, jippromwovu r-riċiklaġġ, iwettqu t-transizzjoni lejn effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi u ekonomija sigura u sostenibbli b’użu baxx ta’ karbonju, u jiżguraw il-progress lejn trasport aktar sostenibbli u produzzjoni ta’ enerġija sigura u nadifa waqt li jimmassimizzaw is-sinerġiji Ewropej f’dan ir-rigward u jieħdu kont tal-kontribut tal-agrikoltura sostenibbli. L-Istati Membri għandhom iħabirku b’mod deċiżiv biex ikollhom infrastrutturi tat-trasport u tal-enerġija li jkunu intelliġenti, modernizzati u kompletament interkonnessi, jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, konformement mal-Linja gwida 4, biex jiksbu żieda fil-produttività, jiżguraw l-implimentazzjoni kkoordinata tal-proġetti ta’ infrastruttura u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ swieq ta’ netwerks miftuħa, kompetittivi u integrati.

Il-mira ewlenija tal-Unjoni Ewropea, li fuq il-bażi tagħha l-Istati Membri ser jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, hija li sal-2020 l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jonqsu b’20 % mqabbel mal-livelli tal-1990; il-perċentwal ta’ għejun ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tagħna tal-enerġija tiżdied għal 20 %; u li noqorbu lejn żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; l-Unjoni hija impenjata li tieħu deċiżjoni li tasal għal tnaqqis ta’ 30 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, bħala l-offerta kondizzjonali tagħha bil-ħsieb ta’ ftehim globali u komprensiv għall-perijodu wara l-2012, dment li pajjiżi żviluppati oħra jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament konformement mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

Linja gwida 6: It-titjib tal-ambjent kummerċjali u tal-konsum, u l-immodernizzar u l-iżvilupp tal-bażi industrijali biex ikun żgurat il-funzjonament sħiħ tas-suq intern

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-swieq jiffunzjonaw għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, u l-intrapriżi. Filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet qafas prevedibbli u jiżguraw swieq tal-prodotti u s-servizzi li jkunu miftuħa, kompetittivi u jiffunzjonaw tajjeb. B’mod partikolari, dawn l-azzjonijiet għandhom jimmiraw għall-approfondiment tas-suq uniku u s-sistema ta’ regolamentazzjoni, speċjalment fis-settur finanzjarju, kif ukoll għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fis-swieq finanzjarji f’livell globali, l-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku u tal-kompetizzjoni, u l-iżvilupp tal-infrastruttura fiżika neċessarja, anke bil-ħsieb li jonqsu d-disparitajiet reġjonali.

Id-dimensjoni esterna tas-suq intern għandha tiġi żviluppata aktar bl-għan tat-tisħiħ tal-kummerċ u l-investiment. Fil-kuntest tas-suq uniku għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għar-rispett tal-forniment xieraq tas-servizzi ta’ interess ġenerali. L-Istati Membri għandhom jissoktaw bit-titjib tal-ambjent kummerċjali billi jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi, itejbu l-governanza tal-kumpanniji, ineħħu l-ostakoli li għad fadal għas-suq intern, jeliminaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u jevitaw piżijiet ġodda mhux meħtieġa billi japplikaw strumenti ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, inkluż billi jiżviluppaw aktar servizzi interoperabbli tal-gvern elettroniku, ineħħu l-ostakoli fiskali, jappoġġaw l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), itejbu l-aċċess tagħhom għas-suq uniku konformement mas-"Small Business Act għall-Ewropa" u l-prinċipju "L-ewwel Aħseb fiż-Żgħir", jiżguraw swieq tas-servizzi finanzjarji stabbli u integrati, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi, itejbu l-kundizzjonijiet li jippromwovu l-aċċess għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tagħhom, jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u jippromwovu l-intraprenditorija, inkluża dik femminili. L-akkwist pubbliku għandu jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs, u jappoġġa t-transizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija (konformement mal-Linja gwida 5), waqt li jirrispetta l-prinċipji ta’ suq miftuħ, trasparenza u kompetizzjoni effettiva.

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw bażi industrijali moderna, innovattiva, diversifikata, kompetittiva, b’użu baxx ta’ karbonju, u effiċjenti fl-użu ta’ riżorsi u enerġija, fost oħrajn billi jiffaċilitaw ir-ristrutturar meħtieġ b’manjiera kost-effettiva u f’konformità sħiħa mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u ma’ regoli rilevanti oħra. F’dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw mill-ġdid il-fondi tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet interessati biex jikkontribwixxu għar-rwol ewlieni u l-kompetittività tal-Unjoni fi żvilupp globali sostenibbli u inklużiv, b’mod partikolari billi jħeġġu r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji, jidentifikaw l-ostakoli u jippermettu l-bidla.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet