KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑256/15

Drago Nemec

vs

Republika Slovenija

[Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja)]

“Dritt tal-UE — Applikabbiltà ratione temporis — Direttiva 2000/35 — Ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali — Kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali — Kunċett ta’ impriża — Regola nazzjonali li tillimita l-ammont massimu ta’ interessi moratorji”

I – Introduzzjoni

1.

F’Ġunju 1993, D. Nemec iffirma kuntratt mal-assoċjazzjoni tal-pompiera voluntieri ta’ Murska Sobota għall-kiri ta’ bawżer biex jittrasporta l-ilma f’perijodi ta’ nixfa (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kiri”). Sa mill-1996, D. Nemec kien involut f’kawżi pendenti fil-qrati Sloveni sabiex jirċievi l-ħlas taħt il-kuntratt ta’ kiri u interessi moratorji. L-interessi akkumulaw matul iż-żmien iżda eventwalment ġie impost limitu massimu permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

2.

Il-pern tal-kwistjoni legali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ huwa jekk regola nazzjonali li tillimita l-ammont tal-interessi għal ħlas tardiv sal-ammont tad-dejn prinċipali (iktar ’il quddiem imsejħa r-“regola ne ultra alterum tantum”) tmurx kontra d-Direttiva 2000/35/KE dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ).

3.

Barra minn hekk, hemm żewġ kwistjonijiet anċillari konnessi ma’ din il-kwistjoni prinċipali. L-ewwel nett, għandha tiġi vverifikata l-applikabbiltà tad-dritt tal-UE ratione temporis għal dan il-każ. It-tieni nett, għall-iskopijiet ta’ dan il-każ, D. Nemec jista’ jiġi kklassifikat bħala “intrapriża [impriża]” u l-kuntratt tal-kiri bħala “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva 2000/35?

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-UE

4.

Skont l-Artikolu 1, id-Direttiva 2000/35 “[…] għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”.

5.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” bħala “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”.

6.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” bħala “kull awtorità jew entità li tikkuntratta [kontraenti], kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku […]”.

7.

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) “‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda”.

8.

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi li “[L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi]l-kreditur għandu jkun intitolat għall-imgħax fuq ħlas tard sal-limitu li: (i) ikun wettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu kuntrattwali u legali; u (ii) ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien”.

9.

Skont l-Artikolu 6(3) tagħha, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/35, “[…] l-Istati Membri jistgħu jeskludu: […] (b) kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it‑8 ta’ Awwissu 2002”.

B – Id-dritt nazzjonali

10.

Mill-1 ta’ Jannar 2002, il-konsegwenzi tal-ħlas tardiv ġew irregolati bl-Obligacijski zakonik (il-kodiċi tal-obbligi, iktar ’il quddiem l-“OZ”). L-Artikolu 376 tal-OZ stabbilixxa r-regola magħrufa bħala ne ultra alterum tantum. Din ir-regola, li ma kinitx teżisti taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, kienet stabbilixxiet limitu massimu ta’ interessi moratorji sal-ammont tad-dejn prinċipali.

11.

Meta ġie konkluż il-kuntratt tal-kiri, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika minn persuni fiżiċi kienu rregolati mill-Obrtni zakon (il-liġi tan-negozji ż-żgħar, iktar ’il quddiem l-“Obr Z/88”). Il-persuni fiżiċi setgħu jwettqu attività ekonomika indipendenti biss jekk huma jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għall-attività msemmija fl-awtorizzazzjoni.

12.

L-Obr Z/88 kienet emendata b’leġiżlazzjoni sussegwenti li biha l-possibbiltà li xi ħadd iwettaq attività imprenditorjali indipendenti kienet suġġetta għan-notifika tal-attività rispettiva lill-organu kompetenti u għar-reġistrazzjoni fuq ir-reġistru tal-imprendituri.

III – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

13.

F’Ġunju 1993, D. Nemec (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), bħala sid il-kera u Gasilsko društvo Murska Sobota (l-assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera ta’ Murska Sobota) (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera”), bħala l-kerrej, ikkonkludew il-kuntratt tal-kiri għall-bawżer tal-ilma. Fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-kiri, ir-rikorrent kellu liċenzja għal attività imprenditorjali taħt id-dritt Sloven, speċifikament għal “oġġetti mekkaniċi li jduru u wweldjar”.

14.

L-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera naqset milli tħallas il-kunsiderazzjoni dovuta taħt il-kuntratt ta’ kiri. Fl-1996, ir-rikorrent ippreżenta kawża fejn talab il-ħlas fl-ammont ta’ EUR 17669.51. Wara litigazzjoni li damet, fis-17 ta’ Frar 2010, il-Višje sodišče Maribor (qorti tal-appell, Maribor) iddeċidiet li l-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera kellha tħallas lir-rikorrent EUR 15061.44 flimkien mal-interessi legali moratorji għall-perijodu mill-25 ta’ Marzu 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Madankollu, il-Višje sodišče Maribor (qorti tal-appell, Maribor) ċaħdet it-talba tar-rikorrent għall-ħlas tal-interessi legali moratorji għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-ġurnata tal-pagament tal-ammont dovut (li seħħ sussegwentement fit-18 ta’ Mejju 2010). Ir-raġuni għaċ-ċaħda ta’ din l-aħħar talba kienet li fl-1 ta’ Jannar 2002, daħlet fis-seħħ OZ li stabbilixxiet ir-regola ne ultra alterum tantum. Għaldaqstant, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2001, l-interessi moratorji akkumulati kienu diġà ekwivalenti għall-ammont tad-dejn prinċipali u għaldaqstant ma setgħux ikomplu jiżdiedu.

15.

B’reazzjoni għas-sentenza ta’ Višje sodišče Maribor (qorti tal-appell, Maribor), ir-rikorrent ippreżenta kawża kontra r-Repubblika tas-Slovenja (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) għal danni b’total ta’ EUR 84614.02 kif ukoll għall-interessi legali moratorji u l-ispejjeż tal-proċeduri. Ir-rikorrent argumenta li r-regola ne ultra alterum tantum ma kinitx kompatibbli mad-Direttiva 2000/35 u li huwa għandu jkun ikkumpensat għad-dannu li huwa sofra minħabba l-allegata implementazzjoni żbaljata ta’ dik id-direttiva fid-dritt Sloven.

16.

B’sentenza tat-18 ta’ Mejju 2011, il-qorti tal-prim’istanza ċaħdet it-talba tar-rikorrent. L-appell tar-rikorrent kontra dik id-deċiżjoni ġie miċħud mill-qorti tal-appell b’sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012. Iż-żewġ istanzi bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-konstatazzjoni li l-kuntratt ta’ kiri ma kienx jaqa’ fl-ambitu tal-attività ta’ negozju rreġistrat tar-rikorrent. Għaldaqstant, huwa ma kienx qiegħed jaġixxi bħala “impriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35 li, b’riżultat ta’ dan, ma kinitx tapplika għall-każ tar-rikorrent.

17.

Ir-rikorrent issa qiegħed jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Višje sodišče Maribor (qorti tal-appell, Maribor) quddiem il-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja). Fil-fehma tiegħu, il-kuntratt ta’ kiri ma kienx jirrigwarda biss il-kiri tal-bawżer tal-ilma. Huwa jsostni li l-kuntratt ta’ kiri kien “tranżazzjoni legali kumplessa” biex tiggarantixxi l-provvista ta’ ilma tax-xorb lill-popolazzjoni lokali matul perijodi ta’ nixfa. Barra minn hekk, huwa jargumenta li huwa ħareġ fattura u allura dan jindika li huwa kien qiegħed jaġixxi bħala “intrapriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35.

18.

Il-konvenuta ssostni li d-Direttiva 2000/35 ma tapplikax għal dan il-każ peress li meta din id-direttiva ġiet trasposta fid-dritt Sloven, l-applikazzjoni tagħha għall-kuntratti konklużi qabel l-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni kienet eskluża. Barra minn hekk, il-konvenuta ssostni li l-kuntratt ta’ kiri ma huwiex “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva 2000/35. Ir-rikorrent ikkonkluda l-kuntratt ta’ kiri barra mill-ambitu tal-attività kummerċjali tiegħu u għaldaqstant ma kienx qiegħed jaġixxi bħala “intrapriża” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)

It-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sistema fejn tinħareġ awtorizzazzjoni lil persuni fiżiċi sabiex iwettqu attività eknomika, li għandha espressament tinkludi riferiment għall-attività konkretament awtorizzata, ma għandux jitqies li teżisti impriża u, għaldaqstant, lanqas ma teżisti tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta t-tranżazzjoni legali li minnha tirriżulta tardività fil-ħlas tirreferi għal attività li ma taqax taħt din l-awtorizzazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti:

(2)

It-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika għandha titqies li hija impriża u li t-tranżazzjoni legali li minnha tirriżulta tardività fil-ħlas tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta t-tranżazzjoni legali ma taqax fl-ambitu tal-attività rreġistrata tal-imsemmija persuna fiżika iżda, min-natura tagħha, tista’ tkun attività eknomika u tkun inħarġet fattura għal din it-tranżazzjoni?

u

(3)

Il-prinċipju li interessi minħabba ħlas tardiv jieqfu jiddekorru meta l-ammont tal-interessi akkumulati u mhux imħallsa jilħaq l-ammont prinċipali dovut (prinċipju ne ultar alterum tantum) huwa kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/35?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Sloven u Latvjan kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2016.

IV – Analiżi

21.

Peress li l-fatti ta’ din il-kawża jippreċedu l-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea, ser nindirizza l-ewwel nett il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-UE b’mod ġenerali u d-Direttiva 2000/35 b’mod partikolari japplikawx ratione temporis għal dan il-każ (A).

22.

Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni sostantiva tad-domandi magħmula, jiena tal-fehma li r-regola ne ultra alterum tantum ma tmurx per se kontra d-Direttiva 2000/35. Għaldaqstant jidhirli li jkun iktar xieraq li l-ewwel nindirizza t-tielet domanda preliminari (B). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi fuq din il-kwistjoni, allura ma jkunx hemm bżonn fil-fatt li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti nazzjonali. Madankollu, għall-fini ta’ kompletezza, u sabiex nassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod sħiħ, ser neżamina wkoll jekk ir-relazzjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ kiri tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 2000/35 (C).

A – L-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-UE

23.

L-evalwazzjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tad-dritt tal-UE tikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-applikabbiltà ġenerali tad-dritt tal-UE ratione temporis, stabbilita mid-dritt primarju. Ir-risposta għal din id-domanda hija deċiżiva wkoll għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni parti tiffoka fuq l-istrument leġiżlattiv speċifiku li jkun irid jiġi applikat għall-każ: malli jiġi aċċertat li d-dritt tal-UE jista’ japplika għall-każ b’mod ġenerali, id-domanda li jmiss tkun jekk il-miżura leġiżlattiva sekondarja speċifika tbiddilx b’xi mod ir-regola ġenerali?

24.

Dan l-approċċ huwa kostituzzjonalment importanti peress li kull dispożizzjoni tad-dritt sekondarju (inkluża d-Direttiva 2000/35) tista’ tiġi kkunsidrata biss ladarba jiġi stabbilit li d-dritt tal-UE jista’ jiġi ġeneralment applikat għall-fatti tal-każ. Għandu jkun hemm approċċ ġenerali, li jista’ jvarja fid-dawl tal-istrument tad-dritt sekondarju rilevanti, jekk dan tal-aħħar jeżiġi hekk.

1. Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Is-Slovenja aderixxiet mal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Skont l-Artikolu 2 u 54 tal-Att ta’ Adeżjoni (iktar ’il quddiem l-“Att tal-Adeżjoni”), ( 3 ) id-dritt tal-UE sar vinkolanti immedjatament fis-Slovenja fid-data tal-adeżjoni, sakemm ma kienx ipprovdut terminu ieħor fl-Att tal-Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu. Għaldaqstant, huwa ċar li r-regola kostituzzjonali ġenerali hija li d-dritt tal-UE għandu saħħa vinkolanti jew effett immedjat, sakemm l-Att tal-Adeżjoni ma jipprovdix mod ieħor.

26.

F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ kiri ġie konkluż fl-1993. Ġie eżegwit parzjalment ( 4 ) f’nofs id-90’ijiet. Sussegwentement D. Nemec ippreżenta azzjoni kontra l-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera fl-1996 talli naqset milli tosserva l-obbligi tagħha taħt il-kuntratt billi tħallas il-kera. Dawn il-ġrajjiet kollha seħħew qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant id-domanda hija: id-dritt tal-UE jista’ japplika ratione temporis għas-sitwazzjoni legali inkwistjoni?

27.

Nammetti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-UE għall-Istati ta’ adeżjoni ma hijiex faċli biex tiġi segwita.

28.

Fis-sentenza tal-Awla Manja Ynos ( 5 ) il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha biex tirrispondi t-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-fatti tal-każ kienu seħħew qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-UE. Jekk tiġi applikata s-sentenza Ynos u l-linja ta’ ġurisprudenza li ssegwiha għal dan il-każ, dan iwassal għall-konklużjoni li d-dritt tal-UE ma japplikax ratione temporis.

29.

Madankollu, barra mill-approċċ xi ftit kategoriku adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ynos, hemm ukoll ammont sinjifikattiv ta’ ġurisprudenza kemm qabel kif ukoll wara Ynos li tadotta approċċ differenti għall-applikazzjoni temporali tad-dritt tal-UE. Jista’ jingħad li dawn il-każijiet jiddistingwu bejn fatti qabel l-adeżjoni u l-effetti kontinwi tagħhom wara l-adeżjoni. Is-suġġeriment tiegħi huwa biex is-sentenza Ynos tinqara f’dan il-kuntest ta’ ġurisprudenza iktar wiesa’. Jekk dan l-approċċ jiġi aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja, allura dan il-każ jista’ jitqies bħala ammissibbli ratione temporis.

a) Ynos

30.

Ynos kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 6 ) għal kuntratt ta’ aġenzija. It-tilwima kienet tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt u n-natura inġusta ta’ kundizzjoni kuntrattwali li tipprovdi għall-kummissjoni tal-aġent. Mingħajr ma kkunsidrat id-dettalji dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-UE u għaldaqstant ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-direttiva ( 7 ).

31.

Kieku t-test adottat fis-sentenza Ynos kellu jiġi applikat mingħajr interpretazzjoni, allura d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jkollhom jiġu ddikjarati bħala li jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ratione temporis, u dan kif ġie ssuġġerit mill-Gvern Sloven waqt is-seduta. Bħas-sentenza Ynos, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri seħħ qabel l-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni. Il-fatt li l-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali għall-ksur ta’ dak il-kuntratt kienu għadhom pendenti wara l-adeżjoni tas-Slovenja ma jkunx rilevanti peress li fis-sentenza Ynos, il-proċeduri nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kienu wkoll pendenti wara l-adeżjoni tal-Ungerija ( 8 ).

32.

Madankollu, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tħares lejn is-sentenza Ynos minn lenti iktar wiesgħa u tikkunsidra l-ġurisprudenza li kien hemm qabel u wara dik is-sentenza, kif ukoll l-isfond fattwali u legali partikolari tas-sentenza Ynos stess. Minflok tiffoka fuq distinzjoni binarja bejn il-fatti ta’ qabel u ta’ wara l-adeżjoni, din il-linja ta’ ġurisprudenza iktar varjata tikkunsidra jekk relazzjoni ġuridika ta’ qabel l-adeżjoni tkomplix tipproduċi effetti legali wara d-data tal-adeżjoni.

b) Is-sentenza Ynos fil-kuntest ġurisprudenzjali iktar wiesa’ tagħha

33.

Fil-ġurisprudenza ta’ qabel Ynos, il-Qorti tal-Ġustizzja uriet disponibbiltà ikbar biex tirrispondi għal rinviji preliminari fejn il-fatti rilevanti kienu seħħew qabel l-adeżjoni.

34.

Pereżempju, id-domandi preliminari magħmula fil-Kawża Data Delecta ( 9 ) u Saldanha ( 10 ) kienu jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teżiġi li atturi barranin jipprovdu garanzija għall-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji. Fiż-żewġ każijiet, l-ordnijiet tal-qorti li jeżiġu l-garanzija għall-ispejjeż inħarġu qabel l-adeżjoni tal-Isvezja u tal-Awstrija mal-UE. Madankollu, l-appelli kontra dawk l-ordnijiet kienu pendenti wara l-adeżjoni. F’Data Delecta, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet direttament biex tiddeċiedi fuq il-mertu, u għaldaqstant bl-implikazzjoni li d-dritt tal-UE kien japplika ratione temporis. F’Saldhana, din iddeċidiet li l-Artikolu 6 KE (illum l-Artikolu 18 TFUE) kien vinkolanti immedjatament b’effett mid-data tal-adeżjoni u pprekludiet ir-regola nazzjonali inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dritt tal-UE kien japplika ratione temporis għall-“effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu bdew qabel […] l-adeżjoni” ( 11 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

35.

Dak li dawn iż-żewġ kawżi ( 12 ) juru huwa li anki jekk il-kwistjonijiet bejn il-partijiet ikkristallizzaw qabel l-adeżjoni rispettiva mal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien xieraq li l-effetti legali kontinwi tas-sitwazzjonijiet ta’ qabel l-adeżjoni jkunu suġġetti għad-dritt tal-UE u għaldaqstant għall-ġurisdizzjoni tagħha. Dan ir-riżultat kien madankollu suġġett għall-kundizzjoni li l-proċeduri legali f’dawn il-kawżi jkunu għadhom għaddejjin wara l-adeżjoni ( 13 ).

36.

Il-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenza Ynos hija iktar kumplessa. Jista’ jiġi argumentat, madankollu, li l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja reġa’ sar iktar varjat, fejn l-enfasi ssir fuq jekk is-sitwazzjoni legali kinitx eżawrita jew le fiż-żmien tal-adeżjoni.

37.

Fis-sentenza Telefónica O2, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha minkejja li l-isfond fattwali ta’ dak il-każ kien imur lura għal qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni. Dan kien minħabba li d-deċiżjoni li kienet qed tiġi kkontestata kienet reġgħet ġiet adottata b’effetti prospettivi mill-awtorità regolatorja wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-UE ( 14 ).

38.

Bl-istess mod, fil-kawża CIBA, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkonċerna s-snin finanzjarji 2003 u 2004 filwaqt li l-Ungerija aderixxiet mal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 biss. Madankollu, hija żiedet tgħid li “[p]eress li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew parzjalment sussegwentement għall-imsemmija data, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula” ( 15 ).

39.

Is-sentenza Kuso kienet tikkonċerna impjegata Awstrijaka li kkonkludiet il-kuntratt ta’ impjieg tagħha fl-1980. Sussegwentement hija kkontestat id-data tal-irtirar mandatorju tagħha, ibbażat fuq l-età ta’ rtirar mandatorja ta’ 60, u argumentat li din kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess taħt id-Direttiva 76/207/KEE ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rinviju billi qalet li “[l]-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni preċedenti” ( 17 ).

40.

Għaldaqstant, jekk is-sentenza Ynos tinqara fil-kuntest ġurisprudenzjali iktar wiesa’ tagħha, l-approċċ ġenerali għall-applikabbiltà tad-dritt tal-UE ratione temporis jidher li hu wieħed ta’ effetti legali kontinwi. Ir-relazzjonijiet legali li jkunu għadhom ma humiex eżawriti fil-mument tal-adeżjoni tal-Istat Membru għandhom jadattaw għall-qafas legali ġdid. Naturalment, dik l-addattazzjoni għandu jkollha biss effetti prospettivi: l-effett immedjat tad-dritt tal-UE jfisser li r-relazzjonijiet legali kontinwi li l-effetti tagħhom jkunu għandhom ma humiex eżawriti fil-mument tal-adeżjoni, jistgħu jitbiddlu prospettivament. A contrario sensu, it-tibdil verament retrospettiv, f’termini ta’ evalwazzjoni effettiva mill-ġdid ta’ fatti jew ġrajjiet passati huwa pprojbit.

41.

Jekk nieħdu l-eżempju ta’ kuntratt konkluż qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-UE, il-kwistjoni prinċipali hija jekk il-kuntratt u r-relazzjoni legali maħluqa bih tkomplix tipproduċi effetti legali jew le wara l-adeżjoni. Jekk dan ikun il-każ (pereżempju, bħal fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat u/jew għal kunsiderazzjoni ripetittiva) allura d-dritt tal-UE jsir applikabbli għall-kuntratt fil-mument tal-adeżjoni, anki jekk il-fatti (kostituttivi) kollha seħħew qabel id-data tal-adeżjoni. Is-sustanza futura tar-relazzjoni legali tiġi mibdula prospettivament mid-dritt tal-UE.

42.

Barra minn hekk, huwa ġeneralment aċċettat li għal dak li jirrigwarda r-regoli tal-proċedura, ir-regola ġenerali hija li dawn japplikaw immedjatament meta dawn jidħlu fis-seħħ, anki għal każijiet u kwistjonijiet pendenti sakemm il-miżura speċifika inkwistjoni ma tipprovdix mod ieħor ( 18 ).

43.

Fi kwalunkwe każ, il-prinċipji prinċipali tal-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-projbizzjoni fuq il-vera retroattività, japplikaw biex jibbilanċjaw kontra l-effett immedjat tad-dritt tal-UE fil-każijiet individwali kollha.

44.

Minn din il-perspettiva, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ynos ma hijiex sorprendenti fir-rigward tar-riżultat tagħha: is-sentenza Ynos kienet tirrigwarda n-natura ġusta ta’ terminu kuntrattwali nnegozjat u konkluż qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni. Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, kieku ngħatat risposta għaliha, kienet twassal verament għal evalwazzjoni ġdida retroattiva ta’ terminu kuntrattwali konkluż u miftiehem ħafna qabel l-adeżjoni.

c) L-applikazzjoni tal-approċċ iktar wiesa’ għal dan il-każ

45.

Nikkunsidra li fil-mument tal-adeżjoni tas-Slovenja, il-kuntratt ta’ kiri ma kienx eżawrixxa l-effetti legali kollha tiegħu minn żewġ aspetti.

46.

L-ewwel nett, il-kuntratt ta’ kiri kien konkluż f’Ġunju 1993, Mid-digriet tar-rinviju wieħed jista’ jifhem li r-rikorrent osserva l-obbligi tiegħu qabel l-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni iżda l-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera onoraw biss l-obbligi tagħha billi ħallset il-kunsiderazzjoni tal-kuntratt ta’ kiri f’Mejju 2010 li kien ħafna wara l-adeżjoni tas-Slovenja. Għaldaqstant, mal-adeżjoni tas-Slovenja, il-kuntratt ta’ kiri kompla jipproduċi xi effetti legali u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu minnu kien għadhom iridu jiġu osservati.

47.

It-tieni nett, u forsi iktar importanti, b’kuntrast mas-sentenza Ynos, dan il-każ ma jirrigwardax l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-klawżoli kuntrattwali konklużi fil-passat. Il-kontenut tal-kuntratt u l-validità tat-termini kuntrattwali ma humiex jintmissu. Dan il-każ jikkonċerna l-infurzar ta’ kuntratt u, b’mod partikolari, l-interessi li akkumulaw minħabba t-twettiq tardiv (jiġifieri, il-ħlas) taħt dak il-kuntratt. Din is-sitwazzjoni twieldet qabel l-adeżjoni tas-Slovenja mal-UE u għadha tistenna riżoluzzjoni finali wara l-adeżjoni.

48.

Għaldaqstant, il-fatt li leġiżlazzjoni ġdida li tirrigwarda l-interessi moratorji tiġi applikata prospettivament għall-każijiet pendenti mill-mument tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-UE huwa konformi mal-effett immedjat tad-dritt tal-UE fl-Istati tal-adeżjoni.

2. L-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/35 għall-kuntratt ta’ kiri

49.

Wara li ġie stabbilit li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni b’mod ġenerali, il-kwistjoni li jmiss f’dan il-każ hija li jiġi analizzat jekk id-Direttiva 2000/35 b’mod partikolari tistax tapplika għall-kuntratt ta’ kiri, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-applikazzjoni temporali tagħha.

50.

Skont l-Artikolu 6(3)(b), id-Direttiva 2000/35 tapplika fil-prinċipju għal kuntratti konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni tagħha sakemm Stat Membru ma jeskludix l-applikazzjoni tagħha għal tali kuntratti. Fi kliem ieħor, sakemm ma jkunx hemm azzjoni espliċita mill-Istat Membru, id-direttiva testendi għall-kuntratti eżistenti.

51.

Id-dokumenti tal-adeżjoni rilevanti, kif anki rrikonoxxa r-rappreżentant tas-Slovenja fis-seduta, ma fihomx tali esklużjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/35 ( 19 ). Għaldaqstant, skont l-Artikoli 2 u 54 tal-Att tal-Adeżjoni, fir-rigward tas-Slovenja, it-tmiem tal-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/35 kien l-1 ta’ Mejju 2004, u ma hemm ebda deroga li tapplika fir-rigward ta’ din id-direttiva.

52.

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) hija rilevanti wkoll biex issir distinzjoni mad-dritt sekondarju involut fi-sentenza Ynos. Id-Direttiva 93/13 li kienet involuta fil-kawża Ynos, fl-Artikolu 10(1) tipprovdi li hija tapplika biss prospettivament għall-kuntratti konklużi wara l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni [li għal Stat Membru ġdid kienet id-data tal-adeżjoni (jiġifieri l‑1 ta’ Mejju 2004)]. Jiġifieri, fil-fatt, l-oppost tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35 peress li din tal-aħħar tapplika għal kuntratti konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni tad-direttiva ( 20 ).

53.

Għaldaqstant, minn qari tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35 flimkien mal-Att tal-Adeżjoni, mal-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni, id-Direttiva 2000/35 saret applikabbli immedjatament għall-kuntratti eżistenti konklużi qabel dik id-data, inkluż il-kuntratt ta’ kiri inkwistjoni f’dan il-każ. Nikkonkludi għaldaqstant li b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, id-Direttiva 2000/35 saret applikabbli ratione temporis għal dan il-każ.

54.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biex tirrispondi għad-domandi magħmula lilha mill-qorti nazzjonali.

B – It-tielet domanda preliminari

55.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regola ne ultra alterum tantum hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/35. L-istess bħall-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Sloven u Latvjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll mill-gvern Sloven u mill-Kummissjoni waqt is-seduta, nissuġġerixxi li din ir-regola hija kompatibbli mad-Direttiva 2000/35.

56.

Kif diġà nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat ( 21 ) u l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fis-seduta f’dan il-każ, id-Direttiva 2000/35 hija strument ta’ armonizzazzjoni minima.

57.

Għaldaqstant, id-Direttiva tkopri biss elementi magħżula u għaldaqstant limitati li jirrigwardaw il-ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari l-aspetti ta’ (i) interessi moratorji, (ii) iż-żamma tat-titolu u (iii) il-proċeduri għall-irkupru għat-talbiet mhux ikkontestati.

58.

Għal dak li jirrigwarda r-regoli fuq l-interessi moratorji, l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2000/35 huwa dispożizzjoni pjuttost dettaljata li tikkonċerna l-livell minimu ta’ dawn l-interessi u l-mod li bih dawn għandhom jiġu kkalkolati. Madankollu, id-Direttiva 2000/35 ma fiha ebda regoli li jipprojbixxu l-impożizzjoni ta’ limitu massimu fuq l-akkumulazzjoni tal-interessi.

59.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni dwar jekk jiġix stabbilit dan il-limitu massimu tibqa’ fis-setgħa tal-Istati Membri, sakemm dawn josservaw ir-rekwiżiti doppji tal-ekwivalenza u effettività ( 22 ).

60.

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi, essenzjalment, id-diskriminazzjoni bejn talbiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u talbiet simili bbażati fuq id-dritt tal-UE. Fi kliem ieħor, it-trattament tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-UE ma għandux ikun inqas favorevoli mit-trattament ta’ drittijiet korrispondenti li joħorġu mid-dritt nazzjonali.

61.

Il-fatti ta’ dan il-każ ma jqajmu ebda kontestazzjoni dwar il-konformità tar-regola ne ultra alterum tantum ma’ dan il-prinċipju. L-ebda waħda mill-partijiet ma qajmet oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

62.

Ir-rekwiżit tal-effettività jipprekludi lill-Istati Membri milli jrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

63.

Ċertament jista’ jiġi argumentat li l-għan ġenerali tal-effettività li jiġi miġġieled il-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali jiżdied kieku l-akkumulazzjoni tal-interessi moratorji ma tkunx limitata. Malli jintlaħaq il-limitu massimu, huwa ċar li d-debitur ftit ikollu inċentiv li jħallas. L-ammont tal-interessi sempliċiment jieqaf jiżdied.

64.

Madankollu, b’din il-loġika, kull dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi kkontestata jew jintalab il-ħolqien ta’ regola ġdida. Biex nagħti eżempju, kieku l-impriġjonament tad-debituri ( 23 ) kellu jerġa’ jiġi introdott, fejn id-debitur jintbagħat awtomatikament il-ħabs malli l-ħlas isir tardiv, dan ma jsaħħaħx ukoll l-effet utile ta’ direttiva li hija intiża li tiġġieled il-ħlas tardiv? Dan ikun pjuttost effettiv biex iġiegħel lil dik il-persuna u/jew lill-familjari tiegħu jħallsu malajr.

65.

L-eżempji assurdi jgħinu biex jiċċaraw il-fehma dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti limiti raġjonevoli fuq ir-rekwiżit ta’ effettività li huwa potenzjalment mingħajr limiti. Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ effettività għandu jkun limitat għal żewġ istanzi: l-impossibbiltà jew id-diffikultà ġenwinament eċċessiva. Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed minn dawn l-istandards ma jintlaħqu bir-regola ne ultra alterum tantum. Hemm żewġ punti ta’ rilevanza partikolari fir-rigward ta’ din l-aħħar dikjarazzjoni.

66.

L-ewwel nett, fis-sistema regolatorja nazzjonali li ma hijiex mimsusa mil-armonizzazzjoni minima taħt id-Direttiva 2000/35, ir-regola ne ultra alterum tantum tesprimi ċerta għażla leġiżlattiva li taqsam l-ispejjeż tal-ħlas tardiv bejn il-kredituri u d-debituri. Ir-regola tirrifletti viżjoni soċjali tad-distribuzzjoni tal-piżijiet għal dak li jirrigwarda l-infurzar tal-ħlas tad-djun. Minnha nfisha, din l-għażla ma tidhirx li hija arbitrarja jew mhux magħrufa. Fil-fatt, ċerti forom ta’ limitazzjoni fuq l-interessi sal-livell tad-dejn prinċipali jistgħu jiġu rrintraċċjati anki lura għad-dritt Ruman ( 24 ).

67.

Barra minn hekk, ir-regola ne ultra alterum tantum tista’ tidher li tipprovdi ċertu tip ta’ bilanċ bejn li jiġi żgurat li l-ħlas isir malajr u interessi jew valuri oħrajn. Il-ħlas tardiv normalment jirriżulta dejjem fil-prinċipju mill-impossibbiltà jew min-nuqqas ta’ rieda min-naħa tad-debitur li jħallas. Madankollu, in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-kreditur jista’ jkabbar id-dejn akkumulat. Madankollu, ir-regola ne ultra alterum tantum tinkoraġġixxi lill-kreditur sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu jew tagħha malajr. Fil-fatt, regola simili tinsab f’diversi kuntesti f’sistemi legali nazzjonali oħrajn. Pereżempju il-kodiċijiet ċivili tal-Awstrija u tar-Repubblika Ċeka jillimitaw il-possibbiltà tal-kreditur li jirċievi interessi moratorji f’ammont ikbar mid-dejn prinċipali għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel il-litigazzjoni jekk il-kreditur ma bediex il-proċeduri għall-infurzar tal-ħlas tad-dejn fil-ħin ( 25 ).

68.

It-tieni nett, kif issuġġerixxa l-gvern Sloven, regola nazzjonali bħalma hija ne ultra alterum tantum ma għandhiex tiġi evalwata iżolatament, iżda pjuttost fil-kuntest ta’ strumenti rilevanti oħrajn tad-dritt nazzjonali li fihom japplika l-limitu massimu.

69.

Fost dawn l-istrumenti hemm il-possibbiltà li jintalab kumpens għat-telf attwalment soffrut (jekk dak it-telf jeċċedi l-ammont ta’ interessi moratorji pagabbli) kontra d-debitur. Fil-fatt, filwaqt li t-talba għall-interessi moratorji ġeneralment “tqieset li hija mod konvenjenti kif kreditur jitħalla jirkupra d-danni li huwa jsofri tipikament, mingħajr il-bżonn speċifiku li jippruvahom” ( 26 ), dan ma jfissirx neċessarjament li l-kreditur huwa prekluż milli jitlob id-dannu soffrut li jkun jaqbeż l-interessi akkumulati. Jekk din il-possibbiltà tkunx teżisti tiddependi fuq id-dritt nazzjonali applikabbli u huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tanalizza dan. Madankollu, kif spjega l-Gvern Sloven waqt is-seduta, taħt id-dritt Sloven huwa fil-fatt possibbli għall-kreditur li jitlob kumpens sħiħ u attwali tad-dannu soffrut.

70.

Barra minn hekk, jekk it-telf li jsofri l-kreditur ikun attribwit għal difetti fit-tħaddim tas-sistema ġudizzjarja, inkluż dewmien żejjed u tul ta’ proċeduri eċċessiv, l-azzjoni għad-danni kontra l-Istat tista’ tikkostitwixxi forma oħra possibbli ta’ rimedju ( 27 ).

71.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi tiddikjara li d-Direttiva 2000/35 ma tipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tillimita l-ammont massimu tal-interessi moratorji pagabbli sal-ammont tad-dejn prinċipali.

C – L-ewwel u t-tieni domanda

72.

Kif innotajt iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domonda magħmula mill-qorti nazzjonali fin-negattiv, allura r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda ma tkunx neċessarja. Minħabba li d-Direttiva 2000/35 ma tipprekludix ir-regola ne ultra alterum tantum, it-talba tar-rikorrent ma tistax tirnexxi anki jekk jiġi stabbilit li r-relazzjoni legali li tirriżulta mill-kuntratt ta’ kiri taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-Direttiva 2000/35 tipprekludi r-regola inkwistjoni, allura l-ewwel żewġ domandi preliminari jkunu rilevanti.

73.

F’din il-parti, l-ewwel u t-tieni domanda ser jiġu analizzati flimkien. It-tnejn li huma għandhom l-għan li jaċċertaw jekk ir-rikorrent, meta kkonkluda l-kuntratt ta’ kiri, aġixxiex bħala “impriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35, peress li l-għan tal-kuntratt ta’ kiri jaqa’ barra mill-ambitu tal-liċenzja nazzjonali tiegħu. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistieden speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex fir-risposta għat-tieni domanda preliminari tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet ta’ natura ekonomika u li r-rikorrent ħareġ fattura għaliha.

74.

Skont l-Artikolu 1, id-Direttiva 2000/35 tapplika għall-“ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda dwar jekk it-tranżazzjoni fil-kuntratt ta’ kiri taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35 teħtieġ kjarifika tal-kunċett ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” li min-naħa tiegħu juża l-kunċett ta’ “intrapriża”.

75.

Dawn iż-żewġ kunċetti ser jiġu esplorati [parti (a) u (b) rispettivament], qabel ma neżamina jekk liċenzja nazzjonali għal attività partikolari hijiex rilevanti għad-definizzjoni ta’ impriża [parti (ċ)]. Finalment, ser nagħmel diversi rimarki finali fuq in-natura legali tal-kontraent l-ieħor fil-kuntratt tal-kiri, jiġifieri l-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera [parti (d)].

a) Il-kunċett ta’ “transazzjonijiet kummerċjali”

76.

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 jiddefinixxi “transazzjonijiet kummerċjali” bħala tranżazzjonijiet “bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”.

77.

Din id-definizzjoni tidher li tikkonsisti minn żewġ elementi: (i) il-partijiet fit-tranżazzjoni għandhom ikunu impriżi jew impriża u awtorità pubblika, (ii) irid ikun hemm provvista ta’ oġġetti jew servizzi, u (iii) irid ikun hemm remunerazzjoni għal dawk l-oġġetti jew servizzi.

78.

Ma hemmx dubju li l-kuntratt ta’ kiri jissodisfa l-kundizzjonijiet (ii) u (iii). Ġie pprovdut servizz: il-kiri tal-bawżer tal-ilma. Ir-remunerazzjoni għal dak is-servizz kienet miftiehema u eventwalment imħallsa. Id-domanda li tibqa’ miftuħa hija għalhekk jekk il-kundizzjoni (i) hijiex issodisfatta wkoll. Huwa ċar li r-rikorrent ma huwiex awtorità pubblika. Jista’ dan jiġi kklassifikat bħala “intrapriża”?

b) Il-kunċett ta’ “intrapriża”

79.

Il-kunċett ta’ “intrapriża” huwa ddefinit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 bħala “kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda” ( 28 ).

80.

Biex ikun hemm “intrapriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35, (i) il-persuna inkwistjoni għandha tkun ikklassifikata bħala organizzazzjoni u (ii) l-attività għandha jkollha natura ekonomika jew professjonali indipendenti.

81.

Ninnota li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 jirreferi espressament għal-“kull organizzazzjoni”, inkluża dik li tikkonsisti f’persuna waħda, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha.

82.

It-test ta’ din id-dispożizzjoni jindika għaldaqstant li, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni” ma għandux jinftiehem bħala li jirreferi għal xi forma legali speċifika, iżda pjuttost għat-twettiq ta’ attività strutturata u kontinwa. F’dan is-sens, il-persuna inkwistjoni għandha torganizza ruħha biex twettaq negozju fuq bażi ripetittiva u fit-tul.

83.

Simili għal dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest ieħor, l-istruttura ta’ din l-organizzazzjoni tista’ tkun pjuttost bażika peress li, f’ċerti setturi, l-“attività [tista’ tkun] ibbażata essenzjalment fuq ix-xogħol tal-bniedem” ( 29 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

84.

Il-fatt li r-rikorrent ħareġ fattura għas-servizz ipprovdut taħt il-kuntratt ta’ kiri jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, element importanti li jindika li huwa aġixxa fil-kors ta’ attività ekonomika organizzata.

85.

Għal dak li jirrigwarda n-natura tat-tranżazzjoni taħt il-kuntratt ta’ kiri, din kienet ċertament ekonomika peress li l-bawżer tal-ilma kien ipprovdut mir-rikorrent lill-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera għal ħlas. Il-flus biddlu l-idejn, jew kellhom ibiddlu l-idejn.

86.

Għaldaqstant, mad-daqqa ta’ għajn, id-definizzjoni ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 tidher li hija ssodisfatta.

c) Rilevanza tal-liċenzja nazzjonali

87.

Il-qorti tar-rinviju hija madankollu mħassba minħabba l-fatt li l-iskop tal-kuntratt ta’ kiri kien jaqa’ barra mill-ambitu tal-liċenzja nazzjonali tar-rikorrent. Minn dan il-fatt il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni jinferixxu li r-rikorrent ma jistax jiġi kklassifikat bħala “intrapriża” taħt id-Direttiva 2000/35. Huma jipproponu, essenzjalment, li l-għan preċiż tal-liċenzja nazzjonali maħruġa għandu jkun deċiżiv għad-definizzjoni ta’ “intrapriża” għall-iskopijiet tad-Direttiva 2000/35.

88.

Jien ma naqbilx għal żewġ raġunijiet prinċipali.

89.

L-ewwel nett, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “intrapriża” msemmija iktar ’il fuq bl-ebda mod ma tirreferi għal-liġijiet tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-UE. Għandu jiġi ddefinit indipendentement mis-sistemi nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni ( 30 ).

90.

It-tieni nett, id-definizzjoni awtonoma tad-dritt tal-UE f’dan il-każ isservi skop addizzjonali, pjuttost importanti: il-prevedibbiltà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu taħt il-portata tad-direttiva. Kieku l-portata tal-kunċett ta’ “intrapriża” taħt id-direttiva kellha tkun marbuta mal-għan tal-awtorizzazzjoni għal ċerti attivitajiet ta’ negozju mogħtija taħt id-dritt nazzjonali, dik tkun effettivament qiegħda tobbliga lill-kontraenti fil-kuntratt biex jibdew jiċċekkjaw kull darba jekk il-kontraent l-ieħor huwiex qiegħed, fil-fatt, jiffirma l-kuntratt fl-ambitu tal-attività tiegħu taħt id-dritt nazzjonali jew le. Il-frammentazzjoni legali konsegwenti ma hijiex biss indeżiderabbli per se. Hija tkun estremament oneruża fil-prattika tan-negozju, speċjalment fi tranżazzjonijiet transkonfinali.

91.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-portata tal-liċenzja nazzjonali ma hijiex dispożittiva għad-definizzjoni ta’ “intrapriża” taħt id-Direttiva 2000/35. Dan madankollu ma jfissirx li l-eżistenza ta’ sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni hija kompletament irrilevanti. Madankollu, hija tista’ biss toħloq preżunzjoni li l-parti kienet qiegħda taġixxi fl-attività ekonomika jew professjonali tagħha.

92.

Fi kliem ieħor, kieku l-kuntratt ta’ kiri kien jidħol fl-ambitu tal-liċenzja nazzjonali tar-rikorrent, dan kien jikkostitwixxi preżunzjoni li r-rikorrent aġixxa fil-kors ta’ attività ekonomika indipendenti. Fil-każ invers, madankollu, il-fatt li l-iskop tal-kuntratt ta’ kiri jkun jaqa’ barra mill-ambitu tal-liċenzja tar-rikorrent, ma jeskludix lir-rikorrent milli jiġi kklassifikat bħala impriża, sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet awtonomi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 imsemmija iktar ’il fuq.

93.

Għall-iskopijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li x-xenarji li ma humiex koperti, fil-fehma tiegħi, bil-kunċett ta’ “intrapriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35 huma sitwazzjonijiet ta’ persuni li jwettqu istanzi iżolati ta’ attività li jistgħu jkunu kklassifikati bħala “ekonomiċi”. Għalkemm ikollhom natura ekonomika, dawn l-istanzi ma jistgħux jitqiesu bħala attività ta’ negozju strutturat u kontinwu.

94.

Lura għal dan il-każ, il-kiri ta’ bawżer tal-ilma jista’ jitqies li jifforma parti mill-attivitajiet ta’ negozju ġenerali u kontinwu tar-rikorrent, Min-naħa l-oħra, pereżempju, il-bejgħ ta’ kejkijiet tat-tfal mir-rikorrent f’suq ta’ nhar ta’ Ħadd li jinżamm f’festival annwali tal-iskola diffiċli li jitqies fl-istess sens. Bl-istess mod, għajnuna fil-ġardinaġġ ipprovduta minn negozjant stabbilit lil ġar tiegħu inkambju għal stedina għal tazza te u forsi xi kejk diffiċli titqies li taqa’ fl-attività ta’ negozju strutturat u kontinwu tal-ewwel wieħed.

95.

Fi kliem ieħor, in-nies jipparteċipaw f’diversi forom ta’ attività ta’ natura ekonomika iżda ftit biss minn dawk l-attivitajiet ikunu parti minn attivitajiet ta’ negozju strutturat u kontinwu ta’ dik il-persuna. Fl-evalwazzjoni dwar jekk l-attività kkonċernata tifformax parti minn dak in-negozju strutturat u kontinwu, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza rilevanti kollha favur jew kontra dik il-konklużjoni.

96.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika din il-gwida ġenerali għall-fatti tal-każ. Madankollu, fuq il-fatti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, il-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ raġjonevolment titqies bħala parti minn attività ekonomika indipendenti strutturata u kontinwa iktar wiesgħa mwettqa mir-rikorrent, li għaliha nħarġet fattura, jwassalni biex nikkonkludi li meta jidħol fil-kuntratt ta’ kiri, ir-rikorrent jista’ jitqies bħala li qiegħed jaġixxi bħala “intrapriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35.

97.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li d-definizzjoni awtonoma ta’ “intrapriża” fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35 tikkontempla persuni li jipparteċipaw f’attività ekonomika jew professjonali indipendenti li hija strutturata u kontinwa. Il-fatt jekk istanza individwali ta’ din l-attività, bħal kuntratt individwali, kinitx koperta mill-ambitu tas-sistema tar-reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni nazzjonali ma huwiex konklużiv għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni. Madankollu, il-fatt li tali persuna aġixxiet fl-ambitu tar-reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni nazzjonali joħloq preżunzjoni favur il-konklużjoni li dik il-persuna kienet qiegħda taġixxi fil-parametri tal-attività ekonomika jew professjonali tagħha. L-eżistenza ta’ fattura tikkostitwixxi wkoll element li jindika li dik il-persuna kienet qiegħda taġixxi fil-kors ta’ attività ekonomika strutturata u kontinwa.

d) In-natura tal-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera

98.

Bħala post-scriptum, ninnota li l-ewwel u t-tieni domandi preliminari jiffokaw fuq id-definizzjoni ta’ “intrapriża” fis-sens tad-Direttiva 2000/35 biss fir-rigward tar-rikorrent. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjoni li tirriżulta minn dak il-kuntratt ta’ kiri tistax tiġi kklassifikata bħala “transazzjonijiet kummerċjali” taħt din id-direttiva tkun tiddependi wkoll mill-istat tal-kontraenti l-oħra, jiġifieri l-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera.

99.

Kif innotajt iktar ’il fuq, “transazzjonijiet kummerċjali” tfisser, taħt id-Direttiva 2000/35, tranżazzjoni “bejn intrapriżi [impriżi] jew bejn intrapriżi [impriżi] u awtoritajiet pubbliċi”. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ dan l-aħħar kunċett, id-Direttiva 2000/35 tirreferi għal “awtorità jew entita li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku”.

100.

L-imsemmija direttivi tal-kuntratti pubbliċi jiddefinixxu l-“awtoritajiet jew entitajiet kontraenti” bħala l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mid-dritt pubbliku, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi rregolati mid-dritt pubbliku. “Korp irregolat mil-liġi pubblika [mid-dritt pubbliku”], min-naħa tieħu, huwa ddefinit taħt id-direttivi applikabbli bħala korp “stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u li jkollu personalità ġuridika u ffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika” ( 31 ).

101.

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jibqa’ l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika x’kienet in-natura legali eżatta tal-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera taħt id-dritt nazzjonali fiż-żmien rilevanti sabiex tikkonkludi jekk kienx hemm “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35.

V – Konklużjoni

102.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja) bil-mod kif ġej:

Domandi 1 u 2:

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat bħala li jipprovdi definizzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “intrapriża [impriża]” li tinkludi persuni li jipparteċipaw f’attività ekonomika jew professjonali indipendenti li hija strutturata u kontinwa. Il-fatt jekk istanza individwali ta’ din l-attività, bħal kuntratt individwali, kinitx koperta mill-ambitu preċiż tas-sistema tar-reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni nazzjonali ma huwiex konklużiv għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni awtonoma. Madankollu, il-fatt li tali persuna aġixxiet fl-ambitu tar-reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni nazzjonali joħloq preżunzjoni favur il-konklużjoni li dik il-persuna kienet qiegħda taġixxi fil-parametri tal-attività ekonomika jew professjonali tagħha. L-eżistenza ta’ fattura tikkostitwixxi wkoll element li jindika li dik il-persuna kienet qiegħda taġixxi fil-kors ta’ attività ekonomika strutturata u kontinwa.

Domanda 3:

Id-Direttiva 2000/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tillimita l-ammont massimu ta’ interessi moratorji pagabbli sal-ammont tad-dejn prinċipali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226). Din id-direttiva tħassret, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, u ġiet issostitwita bid-direttiva riveduta: Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 (ĠU 2011, L 48, p. 1).

( 3 ) (ĠU 2003, L 236).

( 4 ) Meta ngħid eżegwit parzjalment, nirreferi għall-fatt li r-rikorrent jidher li wettaq in-naħa tiegħu tal-kuntratt billi pprovda l-bawżer tal-ilma lill-Assoċjazzjoni tal-pompiera voluntiera filwaqt li l-assoċjazzjoni ma wettqitx in-naħa tagħha tan-negozju billi tħallas il-kera tal-bawżer.

( 5 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C–302/04, EU:C:2006:9).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 7 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C–302/04, EU:C:2006:9, punti 36 sa 38).

( 8 ) Ara wkoll id-digrieti tal-5 ta’ Novembru 2014, VG Vodoopskrba (C–254/14, EU:C:2014:2354, punti 1011); tat-3 ta’ April 2014, Pohotovosť s (C–153/13, EU:C:2014:1854, punti 23 sa 25); tat-8 ta’ Novembru 2012, SKP (C–433/11, EU:C:2012:702, punti 35 sa 37); tas-6 ta’ Marzu 2007, Ceramika Paradyż (C–168/06, EU:C:2007:139, punti 20 sa 25); tad-9 ta’ Frar 2006, Lakép et (C–261/05, EU:C:2006:98, punti 17 sa 20).

( 9 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg vs MSL Dynamics Ltd. (C–43/95, EU:C:1996:357).

( 10 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS vs Hiross (C–122/96, EU:C:1997:458).

( 11 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS vs Hiross (C–122/96, EU:C:1997:458, punt 14). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2001, Schieving-Nijstad et (C–89/99, EU:C:2001:438, punti 49 sa 50). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Andersson u Wåkerås-Andersson (C–321/97, EU:C:1999:9, b’mod partikolari l-punti 61 et seq) li jittrattaw l-applikabbiltà ratione temporis tad-dritt tal-UE skont jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni kinitx stabbilita permanentement qabel l-adeżjoni.

( 12 ) Ara wkoll is-sentenzi segwenti li ma ġewx ittrattati fit-tul f’dawn il-konklużjonijiet: sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, (C–195/98, EU:C:2000:50, punt 55); tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer (C–28/00, EU:C:2002:82, punti 42 sa 59); tat-18 ta’ April 2002, Duchon (C–290/00, EU:C:2002:234, punti 44 sa 46). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C–162/00, EU:C:2002:57 punti 50 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Iktar minn hekk, ara Kaleda, “Immediate Effect of Community Law in the New Member States: Is there a Place for a Consistent Doctrine?” (2004) 10 ELJ 102 jew Półtorak, “Ratione Temporis Application of the Preliminary Rulings Procedure” 200, vol. 45, (CMLRev) p. 1357.

( 14 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech (C–64/06, EU:C:2007:348). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’dik il-kawża, punt 32 u s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010fil-kawża Bezpečnostní softwarová (C–393/09, EU:C:2010:816, punti 22 sa 27).

( 15 ) Sentenza tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C–96/08, EU:C:2010:185, punti 13 sa 15). Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti (C–283/10, EU:C:2011:772, punt 29).

( 16 ) Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u nisa fir-rigward ta’ aċċess għal impjiegi, formazzjoni vokazzjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).

( 17 ) Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Kuso (C–614/11, EU:C:2013:544, punt 30). Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, fil-kawża X (C–318/13, EU:C:2014:2133, punti 21 sa 24).

( 18 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C–17/10, EU:C:2012:72, punt 47). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, fil-kawża Meridionale Industria Salumi et (Kawżi magħquda 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9).

( 19 ) B’hekk, id-dikjarazzjoni opposta magħmula mill-konvenuta fil-kawża prinċipali tidher li ma hijiex sostanzjata (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

( 20 ) Din id-diversità fir-regoli li jirregolaw l-applikabbiltà temporali tal-istrumenti speċifiċi tad-dritt sekondarju tikkonferma l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn l-approċċ ġenerali li jirregola l-applikabbiltà temporali tad-dritt tal-UE u r-regoli speċifiċi li jistgħu jkunu jinsabu fi strument tad-dritt sekondarju konkret, kif indikat fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Caffaro (C‑265/07, EU:C:2008:496, punti 14 sa 16). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C–302/05, EU:C:2006:683, punt 23) u tat-3 ta’ April 2008, fil-kawża 01051 Telecom, (C‑306/06, EU:C:2008:187, punt 21) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża IOS Finance EFC, (C–555/14, EU:C:2016:341, punt 36).

( 22 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, fil-kawża Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014 fil-kawża Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C–654/13, EU:C:2014:2127, punt 35) u s-sentenza tat-18 ta’ April 2013 fil-kawża Irimie (C–565/11, EU:C:2013:250, punt 23).

( 23 ) Peress li jekk jingħata sempliċi argumentum ad absurdum, l-implikazzjonijiet potenzjali tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ “Marshalsea(s)” fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fid-dawl tal-Artikolu 1 tar-Raba’ Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jistgħu jibqgħu mhux ittrattati. Għall-paralleliżmu litterarju, ara Charles Dickens, Little Dorrit (Penguin Classics, 2004).

( 24 ) Il-Kodiċi Ġustinjanu CJ.1.2.17.3 kien jipprovdi li “Jekk waħda mill-affarijiet imsemmija ma tiġix inkluża, il-kreditur u x-xerrej jitilfu l-proprjetà, id-dejn u l-prezz imħallas; u min għamel skambju għandu jitlef kemm dak li ta kif ukoll dak li rċieva; kull min irċieva proprjetà f’ċens (kirja twila) għal għomru jew b’rigal jew bi trasferiment, għandu jirritorna dak li rċieva u ammont addizzjonali ugwali għal dak li ngħata’ [‘reddit quod accepit et alterum tantum eius, quanti est quod datum fuerit.’]. Traduzzjoni disponibbli fi Blume, The Annotated Justinian Code, Ed. minn Kearley (It-Tieni Edizzjoni), disponibbli fis-sit http://www.uwyo.edu/lawlib/blume-justinian/ajc-edition-/books/book1/index.html. Espressjoni iktar qadima ta’ idea simili tista’ tinstab f’Ulpianus, Ulp. D. 12, 6, 26, 1. “Supra duplum autem usurae et usurarum usurae nec in stipulatum deduci, nec exigi possunt, et solutae repetuntur” f’Zimmerman, “The Law of Obligations: Roman Foundations of the Civilian Tradition” (Oxford University Press, 1996), p. 169. Għal diskussjoni dwar din ir-regola, inkluża l-kontinwazzjoni medjevali tagħha, ara pereżempju, Jörs, Römisches, “Recht: Römisches Privatrecht. Abriss des Römisches Zivilprozessrechts”, (Springer-Verlag, 2013) p. 183 jew Honsell, “Römisches Recht” (Springer-Verlag, 2010) p. 95.

( 25 ) Ara l-Artikolu 1335 tal-ABGB (Kodiċi Ċivili Awstrijaku) “Hat der Gläubiger die Zinsen ohne gerichtliche Einmahnung bis auf den Betrag der Hauptschuld steigen lassen, so erlischt das Recht, vom Kapital weitere Zinsen zu fordern. Vom Tag der Streitanhängigkeit an können jedoch neuerdings Zinsen verlangt werden”. Ara wkoll L-Artikolu 1805(2) tal-Občanský zákoník, Act No. 89/2012 Sb. (Kodiċi Ċivili Ċek) li jipprovdi li l-kreditur li jonqos milli jinforza d-drittijiet tiegħu mingħajr dewmien żejjed ma jkunx intitolat għall-interessi għall-ħlas tardiv li jkunu ikbar mid-dejn prinċipali, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel il-litigazzjoni.

( 26 ) Zimmermann, R. “Interest for Delay in Payment for Money” f’Gullifer, Vogenauer (eds) “English and European Perspectives on Contract and Commercial law: Essays in Honour of Hugh Beale”, (Hart Publishing, Oxford u Portland, 2014) p. 329.

( 27 ) Ikkunsidrata f’dan il-kuntest iktar wiesa’ ta’ rimedji disponibbli oħrajn u t-tħaddim tas-sistema legali bħala tali, jidher li l-impożizzjoni ta’ limitu massimu fuq l-interessi tista’ tilħaq għan ieħor: mhux li tipproteġi lid-debitur kontra n-nuqqas ta’ azzjoni tal-kreditur, iżda lid-debitur kontra n-“nuqqas ta’ azzjoni ġudizzjarja” tal-Istat Membru fis-sens ta’ problemi strutturali fis-sistema ġudizzjarja li jwasslu għal dewmien eċċessiv tal-proċeduri. Il-mistoqsija relatata dwar kemm hu ġust li parti minn dawn l-“ispejjeż” jiġu ttrasferiti indirettament fuq il-kredituri hija interessanti, iżda ċertament barra mill-iskop ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 28 ) Għandu jiġi nnotat li d-definizzjonijiet ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” u “intrapriża” baqgħu l-istess taħt id-Direttiva 2011/7, fejn din tal-aħħar speċifikat biss iktar minn hekk li “intrapriża” hija distinta minn “awtorità pubblika”.

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et (C–127/96, C‑229/96 u C–74/97, EU:C:1998:594, punt 27), ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C–108/10, EU:C:2011:542, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Pfotenhilfe-Ungarn (C–301/14, EU:C:2015:793, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik (C–508/12, EU:C:2013:790, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322); Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110); Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163); Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194). Dawn id-direttivi ġew imħassra mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, u permezz tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Ara l-Artikoli 2(1)(a) u 1(9) ta’ dawn id-direttivi rispettivament. Minn dakinhar ’l hawn, dawn ġew imħassra permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65) u permezz tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).