SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 805/2004 — Titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati — Kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta’ titolu eżekuttiv ta’ deċiżjoni — Sitwazzjoni li fiha tkun ġiet mogħtija deċiżjoni fl-Istat Membru tal-kreditur f’kawża bejn żewġ persuni li ma humiex impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali”

Fil-Kawża C‑508/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Walter Vapenik

vs

Josef Thurner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn W. Vapenik, iddomiċiljat f’Salzburg (l-Awstrija), kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu dwar ħruġ ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għal deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja kontra J. Thurner, iddomiċiljat f’Ostende (il-Belġju), peress li l-kawża mressqa kontra dan tal-aħħar, konsumatur, ma kinitx ġiet imressqa fl-Istat Membru li dan kien iddomiċiljat fih.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 805/2004

3

Skont il-premessi 8, 9 u 20 tar-Regolament Nru 805/2004:

“(8)

Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Tampere, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-aċċess għall-infurzar fi Stat Membru li ma ikunx dak li fih kienet ingħatat is-sentenza jitħaffef u jiġi simplifikat billi jitneħħew xi miżuri intermedjarji li jkollhom jittieħdu qabel l-infurzar fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] mill-qorti ta’ oriġini għandha, għall-finijiet ta’ l-infurzar, tiġi ttrattata daqslikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. […] L-arranġamenti għall-infurzar ta’ dawn is-sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.

(9)

Dik il-proċedura għandha toffri vantaġġi sinjifikanti meta mqabbla mal-proċedura exquatur li hemm provvediment dwarha fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2002 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1496/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 60, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru°44/2001”]; minħabba li m’hemmx il-ħtieġa għall-approvazzjoni mill-ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru bid-dewmien u l-ispejjeż li dan jinvolvi.

[…]

20)

L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati għandhom ikun bl-għażla għall-kreditur, li jista’ jagħżel is-sistema ta’ rikonoxximent u infurzar taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 jew strumenti oħra tal-Komunità.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti [ftehim approvat mill-qorti], u strumenti awtentiċi dwar talbiet mhux kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

(a)

id-debitur ikun espressament qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement li ikun ġie approvat minn qorti jew konkluż quddiem qorti fil-kors ta’ proċeduri; jew

(b)

id-debitur ma jkun oġġezzjoni qatt għalih, b’konformità mal-ħtiġiet relevanti proċedurali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, fil-kors tal-proċeduri tal-qorti; jew

(ċ)

id-debitur ma jkunx deher jew ġie rappreżentat fis-smigħ tal-qorti fir-rigward ta’ dik it-talba wara li kien inizjalment oġġezzjoni għat-talba fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, kemm-il darba dak il-koportament ikun jammonta għal ammissjoni siekta tat-talba jew tal-fatti allegati mill-kreditur taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini; jew

(d)

id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

6

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ħtiġiet għal ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza dwar talba mhux kontestata mwassla fi Stat Membru għandha, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk:

(a)

is-sentenza hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini;

(b)

is-sentenza ma tkunx f’konflitt mar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kif preskritti fit-taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001; u

(ċ)

il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu ħarsu l-ħtiġiet kif stipulati fil-Kapitolu III fejn talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

(d)

is-sentenza kienet ingħatat fl-Istat Membru tad-domiċilju tad-debitur skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, fil-każi fejn:

it-talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

tkun tirrelata ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, li għal fini tagħha tista’ titqies bħala li tkun barra n-negozju jew professjoni tagħha; u

id-debitur ikun il-konsumatur.”

7

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004 jistabilixxi standards minimi applikabbli għal proċeduri dwar debiti mhux ikkontestati.

Ir-Regolament Nru 44/2001

8

Skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001:

“B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm [ip]provduti fir-regoli ġenerali.”

9

L-Artikolu 15(1) li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, huwa redatt kif ġej:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni […] jekk:

(a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

(b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi mezzi, [t]mexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

10

L-Artikolu 16(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

11

Skont l-Artikolu 35(1) tal-istess regolament, is-“sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II.”

12

Is-Sezzjonijiet 3, 4 u 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu regoli ta’ kompetenza fil-qasam tal-assigurazzjoni, tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi rispettivament u tal-kompetenzi esklużivi.

13

L‑Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni [ta’ saħħa eżekuttiva] tista’ tkun appellata minn kull parti.”

14

L-Artikolu 45(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1. Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l‑Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il‑bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.”

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

15

Il-premessi 23 u 24 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6), jipprovdu:

“(23)

Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.

(24)

Fir-rigward, aktar partikolarment, ta’ kuntratti konsumistiċi, ir-regola tal-konflitt għandha twassal sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għad-deċiżjoni ta’ disputi li jikkonċernaw talbiet li ħafna drabi jkunu ta’ valur relattivament żgħir, u sabiex jittieħed kont ta’ l-iżvilupp tat-teknika ta’ bejgħ minn distanza. Il-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 44/2001 teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ “attività indirizzata” bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, […]”.

16

L‑Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“[…][K]untratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-konsumatur”), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-professjonist”) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

(a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Bezirksgericht Salzburg (l-Awtrija), W. Vapenik talab li J. Thurner jiġi kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 3 158, bl-interessi u l-ispejjeż skont il-kuntratt ta’ self ta’ flus konkluż bejniethom. W. Vapenik ressaq ir-rikors tiegħu quddiem din il-qorti Awstrijaka bħala l-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt magħżul mill-partijiet. L-ebda waħda mill-partijiet ma kienet impenjata f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-preżentata tar-rikors.

18

Minkejja n-notifika tat-taħrika permezz ta’ marixxall sabiex jidher quddiem il-qorti magħmula lil J. Thurner fil-Belġju, dan tal-aħħar ma deherx. Għaldaqstant, il-Bezirksgericht Salzburg tat sentenza f’kontumaċja. Din is-sentenza ġiet innotifikata lil J. Thurner permezz tal-posta; J. Thurner ma kienx ippreżenta appell mill-imsemmija sentenza, li konsegwentement saret, res judicata u eżekuttiva.

19

Sussegwentement, W. Vapenik ippreżenta talba għall-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv Ewropew ta’ din is-sentenza quddiem il-Bezirksgericht Salzburg, skont ir-Regolament Nru 805/2004. L-imsemmija qorti ċaħdet din it-talba billi rreferiet għall-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament, peress li kkunsidrat li r-rikors kontra J. Thurner, il-konsumatur, ma kienx ġie ppreżentat fl-Istat Membru li fih dan kellu d-domiċilju tiegħu.

20

W. Vapenik appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tat-titolu eżekuttiv Ewropew skont l-Artikolu 6(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 805/2004 kienu ġew issodisfatti, peress li l-ftehim ta’ self ġie konkluż bejn żewġ individwi. L-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament, billi jipprovdi li dan it-titolu jiġi maħruġ, b’mod partikolari, meta l-parti kontraenti mal-konsumatur taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali jew professjonali tagħha, ma jkunx japplika fil-kawża prinċipali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Salzburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri biss kuntratti bejn impriżi fil-pożizzjoni ta’ kreditur u konsumaturi fil-pożizzjoni ta’ debitur, jew huwa biżżejjed li minn tal-inqas id-debitur ikun konsumatur, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal pretensjonijiet li jitressqu minn konsumatur kontra konsumatur ieħor?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment jekk l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika bl-istess mod għall-kuntratti konklużi bejn żewġ persuni li ma humiex impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jiġi kkunsidrat il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries, C‑320/12, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li l-konsumatur huwa persuna li tikkonkludi kuntratt għal użu li jista’ jkun barra mill-attività professjonali tiegħu. Din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk il-kwalità professjonali jew le tal-parti kontraenti ma’ dan il-konsumatur għandha rwol għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-parti l-oħra bħala “konsumatur”. Il-kwalità ta’ parti kontraenti mal-konsumatur ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament u, fl-assenza tal-imsemmija dispożizzjoni li tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, għaldaqstant ikun jista’ jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “konsumatur” li jkollha din l-istess dispożizzjoni fir-rigward tal-kuntest li fih tkun involuta u l-għan mixtieq mir-Regolament Nru 805/2004.

25

F’dan ir-rigward, u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur Ewropew fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, huwa xieraq li, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura komplementari tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 805/2004 fir-rigward ta’ dawk li jistabbilixxi r-Regolament Nru 44/2001, id-dipożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma partikolarment rilevanti.

26

Għalhekk, għandu l-ewwel nett jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementata, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur qiegħed f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward ta’ professjonist (bejjiegħ jew fornitur) kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ nnegozzjar kif ukoll fil-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 39; tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, punt 41, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, punt 31).

27

Barra dan, is-sistema individwali stabbilita b’mod partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-konsumatur, bħala parti kontraenti li hija meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u b’inqas esperjenza legali mill-parti kontraenti professjonali.

28

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jirreferi għall-kunċett ta’ “konsumatur”, jirrigwarda biss il-konsumatur finali privat, li ma huwiex impenjat f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, punt 32).

29

Fl-aħħar nett, kif ukoll minn dak li jirriżulta mill-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 593/2008, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni, fil-kuntest kuntrattwali, tal-partijiet l-iktar dgħajfa, li huma l-konsumaturi, huwa wkoll rikonoxxut meta jkun se jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għall-kuntratti tal-konsumaturi. L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi għal dan il-għan li l-kuntratti konkluż bejn konsumatur u professjonist huma, taħt ċerti ċirkustanzi, irregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu l-konsumatur.

30

Dawn l-istrumenti legali jirrikonoxxu għalhekk in-neċessità li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa fil-kuntratt meta dan tal-aħħar ikun ġie konkluż bejn persuna li ma tkunx impenjata f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali u persuna impenjata f’dawn l-attivitajiet.

31

Inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmijin iktar ’il fuq, li huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kuntratti konklużi bejn konsumatur u professjonist, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiġi estiża għal persuni li fir-rigward tagħhom din il-protezzjoni ma hijiex ġġustifikata.

32

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma jistgħux jiġu applikati għall-kuntratti konklużi bejn żewġ persuni impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar Shearson Lehman Hutton, C-89/91, Ġabra p. I-139, punti 11 u 24).

33

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li żbilanċ bejn il-partijiet joħloq nuqqas f’relazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik bejn żewġ persuni li ma humiex impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali. Għaldaqstant, din ir-relazzjoni ma tkunx suġġetta għas-sistema ta’ protezzjoni applikabbli fir-rigward tal-konsumaturi kontraenti mal-persuni impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali.

34

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura u l-loġika tar-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi pprovduti fl-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdu għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur għall-kawżi mressqa minn dan tal-aħħar jew kontra tiegħu. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kuntratti li fihom żbilanċ bejn il-partijiet kontraenti.

35

Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura kumplimentari ta’ regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 805/2004 meta mqabbla ma’ dawk dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni previst mir-Regolament Nru 44/2001.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk iċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004 ta’ sentenza dwar debitu mhux ikkontestat tippermetti li tissupera l-proċedura għal exequatur prevista mir-Regolament Nru 44/2001, l-assenza ta’ tali ċertifikazzjoni ma teskludix il-possibbiltà tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza b’applikazzjoni tal-proċedura għal exequatur, prevista minn dan l-aħħar regolament.

37

Madankollu, jekk jinżamm, fil-kuntest tar-Regolament Nru 805/2004, definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” iktar wiesgħa minn dik fir-Regolament Nru 44/2001 din tista’ twassal għal tista’ twassal għal nuqqas ta’ koerenza fl-applikazzjoni taż-żewġ regolamenti. Fil-fatt, is-sistema ta’ deroga stabbilta fl-ewwel regolament tista’ twassal għan-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv ta’ sentenza, filwaqt li l-eżekuzzjoni tagħha tkun għaldaqstant possibbli fil-kuntest ta’ sistema ġenerali prevista mir-Regolament Nru 44/2001, peress li ma jkunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet li fihom din is-sistema tippermetti lill-konvenut li jikkontesta l-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur.

38

Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004, ifisser persuna li tikkonkludi kuntratt għall-użu li jista’ jiġi kkunsidrat bħala estern għall-attività professjonali tiegħu ma’ persuna li tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħha.

39

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-kuntratti konklużi bejn żewġ persuni li ma humiex impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-kuntratti konklużi bejn żewġ persuni li ma humiex impenjati f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.