SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
16 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Enerġija – Regolament (UE) 2017/459 – Kodiċi tan-network adottat mill-Kummissjoni li jinkludi ‘proċess ta’ kapaċità inkrementali’ – Deċiżjoni tal-ACER li tapprova t-twettiq ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Inkompetenza tal-Kummissjoni – Artikolu 6(11), Artikolu 7(3), u Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009”
Fil-Kawżi magħquda T‑684/19 u T‑704/19,
Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH), stabbilita fi Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn G. Stanka, J. Burai-Kovács, G. Szikla u Á. Kulcsár, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T‑684/19,
FGSZ Földgázszállító Zrt., stabbilita fi Siófok (l-Ungerija), irrappreżentata minn M. Horányi, N. Niejahr u S. Zakka, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T‑704/19,
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata, fil-Kawża T‑684/19, minn P. Martinet, D. Lelovitis u N. Keyaerts, bħala aġenti, assistiti minn E. Ameye, M. de Sousa Ferro u Cs. Nagy, avukati, u, fil-Kawża T‑704/19, minn P. Martinet, D. Lelovitis u N. Keyaerts, bħala aġenti, assistiti minn E. Ameye u M. de Sousa Ferro, avukati,
konvenuta,
sostnuta minn
Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control), irrappreżentata minn S. Polster, avukat,
u minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Sipos, bħala aġenti,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 05/2019 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tad‑9 ta’ April 2019, u tad-Deċiżjoni Nru A-004-2019 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tas‑6 ta’ Awwissu 2019,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, V. Kreuschitz, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
1 |
Fl-2015, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑704/19, FGSZ Földgázszállító Zrt. (iktar ’il quddiem “FGSZ”), jiġifieri l-operatriċi tan-network ta’ trasport tal-gass Ungeriża, kif ukoll l-omologa Bulgara, Rumena u Awstrijaka tagħha, kienu niedu proġett ta’ kooperazzjoni reġjonali intiż sabiex tiżdied l-indipendenza enerġetika billi jiġi introdott il-gass tal-Baħar l-Iswed. Imsejjaħ “Rohuat/BRUA”, fejn dan il-proġett kien jipprevedi ż-żieda tal-kapaċità inkrementali f’żewġ punti ta’ interkonnessjoni, wieħed eżistenti bejn ir-Rumanija u l-Ungerija u l-ieħor eżistenti bejn l-Ungerija u l-Awstrija. |
|
2 |
Fis‑26 ta’ Mejju 2017, il-proġett ġie maqsum f’żewġ proġetti distinti, fosthom dak dwar il-punt ta’ interkonnessjoni li jgħaddi mill-Ungerija lejn l-Awstrija (iktar ’il quddiem il-“proġett HUAT”). F’dan ir-rigward, FGSZ u l-operatriċi tan-network ta’ trasport tal-gass Awstrijak, Gas Connect Austria GmbH (iktar ’il quddiem “GCA”), ippreżentaw applikazzjoni għal evalwazzjoni tat-talba tas-suq għall-proġett HUAT, konformement mal-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU 2017, L 72, p. 1). |
|
3 |
Fis‑27 ta’ Lulju 2017, FGSZ u GCA ppubblikaw rapport ta’ evalwazzjoni konġunt li fih ikkonkludew li kien jeżisti interess mhux vinkolanti għal kapaċità inkrementali, min-naħa tal-utenti tan-network, li jippermetti t-tnedija ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/459. Madankollu, ir-rapport żvela riżultat asimetriku, peress li l-applikazzjonijiet ippreżentati lil GCA min-naħa Awstrijaka kienu kważi darbtejn ogħla minn dawk ippreżentati lil FGSZ min-naħa Ungeriża. |
|
4 |
Mid‑19 ta’ Ottubru sad‑19 ta’ Novembru 2017, FGSZ u GCA wettqu konsultazzjoni pubblika konġunta dwar l-abbozz ta’ proposta ta’ proġett, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament 2017/459. |
|
5 |
Fis‑6 ta’ April 2018, FGSZ ippreżentat formalment lir-rikorrenti fil-Kawża T‑684/19, Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH), jiġifieri l-awtorità regolatorja tal-enerġija u tas-servizzi pubbliċi Ungeriża, il-proposta tal-proġett HUAT ta’ kapaċità inkrementali, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/459, filwaqt li enfasizzat li ma kinitx favur l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett u li għalhekk ma kinitx tipproponi t-tnedija tal-irkant ta’ kapaċità inkrementali, skont l-Artikolu 29 ta’ dan l-istess regolament. |
|
6 |
Fid‑9 ta’ April 2018, GCA ssottomettiet il-proposta ta’ proġett HUAT lill-awtorità regolatorja tas-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali Awstrijaka, Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control), intervenjenti insostenn tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER). |
|
7 |
Fis‑27 ta’ April 2018, E-Control adottat deċiżjoni li tapprova l-proposta ta’ proġett HUAT. |
|
8 |
Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, MEKH adottat deċiżjoni li tiċħad il-proposta tal-proġett HUAT. |
|
9 |
Fl‑10 ta’ Ottubru 2018, l-ACER indikat lil MEKH u lil E-control li hija kienet ikkonstatat li ebda deċiżjoni kkoordinata ma kienet ittieħdet fis-sitt xhur wara r-riċezzjoni tal-proposta ta’ proġett HUAT mill-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali u li, għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), hija kienet awtorizzata tiddeċiedi dwar l-imsemmija proposta. |
|
10 |
Fid‑9 ta’ April 2019, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 05/2019 li tapprova l-proposta ta’ proġett HUAT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”). |
|
11 |
Fis‑6 u fis‑7 ta’ Ġunju 2019, żewġ appelli ġew ippreżentati kontra d-deċiżjoni inizjali quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, rispettivament minn MEKH u minn FGSZ. |
|
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Bord tal-Appell tal-ACER ċaħad l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”). |
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
|
13 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis‑7 u fil‑15 ta’ Ottubru 2019, MEKH u FGSZ ippreżentaw dawn ir-rikorsi. |
|
14 |
Fil‑21 u fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ACER fil-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19. |
|
15 |
Fit‑23 ta’ Jannar 2020, E-Control talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ACER fil-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Marzu u tal‑5 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċettat l-intervent tal-Kummissjoni. |
|
17 |
Permezz ta’ digrieti tat‑28 ta’ April u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet l-intervent ta’ E-Control. |
|
18 |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tieni Awla. |
|
19 |
Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Lulju 2021, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. F’dan l-istess digriet, hija ċaħdet it-talba għal kunfidenzjalità, ifformulata mill-ACER fir-rigward ta’ FGSZ, dwar l-anness tar-risposta fil-Kawża T‑684/19, li tikkorrispondi għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, peress li FGSZ kienet bilfors taf bl-imsemmija deċiżjoni, peress li kienet destinatarja tagħha. |
|
20 |
Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, din iddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
|
21 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. |
|
22 |
Minħabba l-impediment ta’ parteċipazzjoni ta’ membru tat-Tieni Awla Estiża, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti. |
|
23 |
MEKH titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
24 |
FGSZ titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
25 |
L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
26 |
Il-Kummissjoni u E-Control jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
27 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, FGSZ irtirat ir-rikors tagħha sa fejn dan kien dirett kontra d-deċiżjoni inizjali, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. |
III. Id‑dritt
|
28 |
L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza minn FGSZ li rtirat, waqt is-seduta, ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali, MEKH tikkontesta fir-rikors tagħha kemm id-deċiżjoni inizjali kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan l-aħħar rikors sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors fil‑Kawża T‑684/19 sa fejn huwa dirett kontra d‑deċiżjoni inizjali
|
29 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors stabbiliti mill-Artikolu 263 TFUE jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku u għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżaminahom ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-partijiet ippreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi sa fejn dawn kienu diretti kontra d-deċiżjoni inizjali, fid-dawl, minn naħa, tal-premessa 34, tal-Artikolu 28(1) u tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 713/2009, u, min-naħa l-oħra, tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
31 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn rikorrenti li ma humiex privileġġati, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippreċiża li “[a]tti li jistabbilixxu korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”. |
|
32 |
Fil-kuntest ta’ din it-tilwim, il-kundizzjonijiet u modalitajiet partikolari li jikkonċernaw ir-rikorsi, imsemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżultaw mir-Regolament 2019/942. |
|
33 |
Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati bħala li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ħlief sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-iskop u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Isegwi li, f’dan il-każ, ir-regoli proċedurali applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑684/19 sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali huma dawk previsti fir-Regolament 2019/942. Fil-fatt għandu jiġi rrilevat li, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali (id‑9 ta’ April 2019) u dik tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (is‑6 ta’ Awwissu 2019), ir-Regolament Nru 713/2009 ġie ssostitwit bir-Regolament 2019/942, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019. |
|
35 |
Fit-tieni lok, mill-premessa 34 u mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ma jaqblux ma’ deċiżjoni tal-ACER, li tagħha huma destinatarji jew li tikkonċernahom individwalment u direttament, għandhom jadixxu lill-Bord tal-Appell meta din il-possibbiltà tkun miftuħa lilhom. Meta tkun teżisti tali possibbiltà, huma jistgħu jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali biss id-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Appell. |
|
36 |
Fil-fatt, l-ewwel, skont il-premessa 34 tar-Regolament 2019/942: “Fejn l-ACER ikollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell, li jenħtieġ li jkun parti mill-ACER, iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Sabiex jiġu garantiti l-funzjonament u l-indipendenza sħiħa tiegħu, il-Bord tal-Appell jenħtieġ li jkollha linja baġitarja separata fil-baġit tal-ACER. Fl-interess tal-kontinwità, il-ħatra jew it-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Appell jenħtieġ li tippermetti li tkun tista’ ssir sostituzzjoni parzjali tal-membri tal-Bord tal-Appell. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja).” |
|
37 |
It-tieni, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jippreċiża li “[k]awżi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament u azzjonijiet għal nuqqas ta’ azzjoni fil-limiti ta’ żmien applikabbli, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28 […]”. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, it-tielet, l-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 intitolat “Deċiżjonijiet soġġetti għal appell”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[i]l-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien erba’ xhur wara li jkun tressaq l-appell”. |
|
39 |
B’konsegwenza, sa fejn id-deċiżjoni inizjali setgħet tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, mill-qari konġunt tal-premessa 34 u tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li setgħet tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
40 |
Fit-tielet lok, anki jekk jiġi meqjus li r-Regolament Nru 713/2009 kien applikabbli ratione temporis, l-istess konklużjoni tapplika, peress li l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li “[a]zzjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti [Ġenerali] […] konformement mal-Artikolu [263 TFUE] sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma [kien] hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Aġenzija” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Austrian Power Grid u Vorarlberger Übertragungsnetz vs ACER, T‑333/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:760, punti 31 u 32). |
|
41 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, MEKH ma tistax titlob l-annullament tad-deċiżjoni inizjali. |
|
42 |
Isegwi li r-rikors fil-Kawża T‑684/19 għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali. |
B. Fuq il‑fondatezza tar‑rikors
|
43 |
Insostenn tar-rikors rispettiv tagħhom, MEKH u FGSZ iressqu, essenzjalment, erbatax-il motiv. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa biżżejjed li jiġi eżaminat l-ewwel motiv ippreżentat fil-Kawża T‑684/19, li permezz tiegħu MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459. |
|
44 |
MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li dan il-kapitolu jeċċedi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), u li, għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli għal dan it-tilwim skont l-Artikolu 277 TFUE. |
|
45 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata. |
1. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità
|
46 |
L-ewwel, l-ACER issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli peress li, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, huma biss l-aggravji mqajma quddiem il-Bord tal-Appell tagħha li jistgħu jiġu invokati quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
47 |
Huwa minnu li MEKH ma qajmitx l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. |
|
48 |
Barra minn hekk, huwa ġust li l-ACER tenfasizza, essenzjalment, li l-obbligu ta’ eżawriment tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tagħha qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jinsab fl-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, jimplika, bħala prinċipju, li aggravji mhux ippreżentati quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell ma jistgħux jitressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, peress li dan tal-aħħar jirrigwarda esklużivament id-deċiżjoni ta’ dan il-Bord tal-Appell, għandu jsir fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwim kif kien tressaq quddiem Bord tal-Appell simili. |
|
49 |
Madankollu, tali approċċ ma jistax jiġi segwit fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali peress li l-preżentazzjoni ta’ argument ekwivalenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tintlaqa’. |
|
50 |
Fil-fatt, mis-sistema leġiżlattiva u ġudizzjarja stabbilita mit-Trattat FUE jirriżulta li hija biss il-qorti tal-Unjoni Ewropea li tista’, skont l-Artikolu 277 TFUE, tikkonstata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali u tislet il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà li tirriżulta minn dan f’dak li jikkonċerna l-att ta’ portata individwali kkontestat quddiemha, billi l-istituzzjoni, l-aġenzija jew l-organu tal-Unjoni li jipprovdu r-rimedji interni ma jiġux irrikonoxxuti tali kompetenza mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 49). |
|
51 |
Għaldaqstant, sa fejn il-Bord tal-Appell tal-ACER ma kellux dritt jevalwa l-validità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, iżda kellu, bil-kontra, japplika dan sa fejn il-qorti tal-Unjoni ma kinitx stabbilixxiet l-illegalità eventwali tiegħu, MEKH ma tistax tiġi kkritikata li ma qajmitx l-illegalità tal-imsemmi kapitolu quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell. |
|
52 |
It-tieni, l-ACER tenfasizza, fil-kontroreplika, li t-“terminu stabbilit mill-Artikolu 263 [TFUE] sabiex tiġi kkontestata l-validità tar-[Regolament 2017/459] kien skada fil-mument tar-rikors”. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 277 TFUE nnifsu jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali fl-okkażjoni ta’ kawża li tqajjem dubju dwaru teżisti “[m]inkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 TFUE”. |
|
54 |
Minbarra dan, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ACER tinvoka l-ġurisprudenza li l-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista mill-Artikolu 277 TFUE ma tistax tiġi invokata minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun naqset milli tippreżenta rikors kontra l-att inkriminat fit-termini previsti għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li din il-ġurisprudenza tapplika biss meta tali rikors kien mingħajr ebda dubju ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle,C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 41 u 42, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dan il-każ, ma jistax jitqies li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn MEKH kontra r-Regolament 2017/459 kienet tkun evidenti. Għall-kuntrarju, peress li dan huwa att ta’ portata ġenerali li jimplika miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u peress li MEKH ma hijiex simili għal rikorrent privileġġat fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors kienet, tal-inqas, dubjuża. |
|
56 |
It-tielet, l-ACER essenzjalment issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, sa fejn ir-Regolament 2017/459 ma jikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, peress li din ġiet adottata skont is-setgħat iddelegati lill-ACER permezz tar-Regolament Nru 713/2009. |
|
57 |
Tali argument ma jistax jiġi aċċettat. |
|
58 |
Fil-fatt, għalkemm jirriżulta mill-ġurisprudenza li eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE tista’ tiġi ppreżentata biss kontra att ta’ portata ġenerali li huwa applikabbli direttament jew indirettament għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta fir-rigward mhux biss tad-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjonijiet individwali kkontestati, iżda wkoll ta’ dawk li għandhom rabta ġuridika diretta ma’ tali deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 67 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Issa, permezz tal-ewwel motiv tagħha, MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li dan il-kapitolu jeċċedi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 715/2009. Sa fejn ir-Regolament 2017/459 huwa l-oriġini ta’ regoli li l-Bord tal-Appell tal-ACER applika fid-deċiżjoni tiegħu, teżisti neċessarjament rabta ġuridika diretta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq. |
|
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija ammissibbli. |
2. Fuq il‑fondatezza tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità
|
61 |
MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li r-Regolament Nru 715/2009 ma jippermettix lill-Kummissjoni tadotta kodiċi tan-network li jipprevedi proċess ta’ ħolqien ta’ kapaċità inkrementali li twassal sabiex jiġi impost fuq l-operatur li jagħmel l-investimenti neċessarji għall-ħolqien tal-imsemmija kapaċità inkrementali. |
|
62 |
Essenzjalment, dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet. Minn naħa, MEKH issostni li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huwa inkompatibbli mal-bażi legali tar-Regolament Nru 715/2009, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-imsemmi kapitolu ma jaqax taħt is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni minn dan l-aħħar regolament sabiex tadotta kodiċijiet tan-network. |
|
63 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv ma humiex fondati. L-ewwel, hija tallega n-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għal tliet raġunijiet. |
|
64 |
L-ewwel raġuni invokata mill-ACER tikkonċerna n-natura żbaljata tal-premessa li fuqha hija bbażata l-eċċezzjoni ta’ illegalità peress li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 ma jimponix fuq l-operaturi ta’ network ta’ trasport it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment sabiex tinħoloq kapaċità inkrementali fuq in-network. |
|
65 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
|
66 |
Fil-fatt, il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jistabbilixxi proċedura li tinkludi, essenzjalment, seba’ stadji, li jwasslu, jekk ikun il-każ, għall-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport li jagħmlu l-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network. |
|
67 |
L-ewwel, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 2017/459, l-operaturi tan-network ta’ trasport ikkonċernati għandhom jevalwaw it-talba tas-suq fir-rigward tal-proġetti ta’ kapaċità inkrementali ta’ kull naħa ta’ punt ta’ interkonnessjoni. |
|
68 |
It-tieni, jekk tirriżulta mill-istadju preċedenti l-indikazzjoni li talba tas-suq tista’ teżisti għal proġett ta’ kapaċità inkrementali, l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/459 jipprevedi li fażi ta’ tfassil ta’ proġett f’dan is-sens tinbeda mill-operaturi ta’ network ta’ trasport ikkonċernati. |
|
69 |
It-tielet, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/459, l-operaturi ta’ network ta’ trasport ikkonċernati għandhom jippreżentaw il-proġett ta’ kapaċità inkrementali għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom. |
|
70 |
Ir-raba’, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament 2017/459, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti għandhom japprovaw jew jaslu għal ftehim dwar il-proġett. |
|
71 |
Il-ħames, ladarba l-proġett ta’ kapaċità inkrementali huwa approvat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2017/459 jippreċiża li l-imsemmija kapaċità inkrementali tiġi rkantata sabiex jinkisbu impenji vinkolanti tal-utenti tan-network li jiksbu kapaċità għal livelli differenti ta’ offerti. |
|
72 |
Is-sitt, mill-Artikoli 22 sa 25 tar-Regolament 2017/459 jirriżulta li, jew l-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur tan-network ta’ trasport iwettaq test ekonomiku fuq il-bażi tal-impenji vinkolanti magħmula. |
|
73 |
Fl-aħħar, is-seba’, jekk it-test ekonomiku jagħti riżultat pożittiv miż-żewġ naħat ta’ punt ta’ interkonnessjoni għal mill-inqas livell wieħed ta’ offerta li jinkludi kapaċità inkrementali, l-Artikolu 22(3) tar-Regolament 2017/459 jipprevedi li “l-proġett għandu jinbeda”. Fl-assenza ta’ riżultat pożittiv, “proċess speċifiku ta’ kapaċità inkrementali għandu jintemm”. |
|
74 |
Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-diversi kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huma ssodisfatti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ impenji vinkolanti min-naħa tal-utenti tan-network għall-kisba tal-kapaċità inkrementali li fuq il-bażi tagħha l-vijabbiltà ekonomika ta’ żieda fil-kapaċità tintwera permezz tat-test ekonomiku, il-“proġett jinbeda” skont it-termini tal-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament, li jimplika li l-operatur tan-network ta’ trasport huwa obbligat joħloq il-kapaċità inkrementali billi jagħmel fih l-investimenti neċessarji. |
|
75 |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni ġiet segwita mid-dipartimenti tal-ACER stess. Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tad-deċiżjoni inizjali (Artikolu 2(4) tad-dispożittiv) jirriżulta li l-ACER kienet tipprevedi l-obbligu għal FGSZ u għal GCA li jimplimentaw il-proġett HUAT sal‑1 ta’ Ottubru 2024 jekk ir-riżultat tat-test ekonomiku għall-imsemmi proġett jirriżulta pożittiv. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell tal-ACER stess irrikonoxxa fil-punt 99 tad-deċiżjoni tiegħu li l-Artikolu 22(3) flimkien mal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2017/459 flimkien setgħu jwasslu għal tali obbligu. |
|
76 |
It-tieni raġuni invokata mill-ACER tirrigwarda n-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma ġietx adottata abbażi tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, iżda abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009. |
|
77 |
Għandu jitfakkar, permezz tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li l-ACER ssostitwixxiet lir-regolaturi nazzjonali sabiex twettaq ir-raba’ stadju tal-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, stabbilit fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u deskritt fil-punt 66 sa 73 iktar ’il fuq. |
|
78 |
Għaldaqstant, u għal raġunijiet analogi għal dawk spjegati fil-punt 59 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, anki jekk tittieħed abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009, tapplika r-regoli li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, li għalhekk jikkundizzjona l-legalità tagħha, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma għandhiex in-natura ineffettiva allegata mill-ACER. |
|
79 |
Fl-aħħar, fil-kuntest tat-tielet raġuni, l-ACER tenfasizza li MEKH tikkontesta biss il-validità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, minkejja li dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jirreferu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-fatt li dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 2017/459 jirreferu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali u ma humiex espliċitament previsti minn din l-eċċezzjoni ta’ illegalità huwa irrilevanti peress li hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, li ġie applikat fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, huwiex ivvizzjat b’illegalità, li jimplika li huwa ddikjarat inapplikabbli għal dan it-tilwim skont l-Artikolu 277 TFUE. |
|
81 |
Peress li dawn il-kontestazzjonijiet preliminari tal-ACER ġew miċħuda, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza taż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv. |
a) Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel parti, ibbażata fuq l‑inkompatibbiltà tar‑Regolament 2017/459 mal‑bażi legali tar‑Regolament Nru 715/2009
|
82 |
Essenzjalment, MEKH issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprevedi, fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, il-possibbiltà li tindirizza deċiżjonijiet individwali lill-operaturi ta’ network ta’ trasport, billi timponilhom li jagħmlu investimenti, mingħajr ma tikser il-bażi legali tar-Regolament Nru 715/2009, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, li ma jistgħux jinkludu l-istabbiliment ta’ sistema legali li tinvolvi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali indirizzati lil operaturi privati. |
|
83 |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 114(1) TFUE, “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern”. |
|
84 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 715/2009 jippreċiża li dan ir-regolament għandu, b’mod partikolari, l-għan li “jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament adatt tas-suq intern tal-gass”, li “jiffaċilita swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw tajjeb u huma trasparenti b’livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass ” u li “jipprovdu mekkaniżmi li jarmonizzaw ir-regoli ta’ aċċess għan-netwerk għal skambju transkonfinali tal-gass”. |
|
85 |
L-ewwel, għandu jitfakkar li, permezz tal-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni”, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn aspetti tekniċi kumplessi (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102). |
|
86 |
It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, f’ċerti oqsma, l-approssimazzjoni ta’ regoli ġenerali biss tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-unità tas-suq u, min-naħa l-oħra, xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, għall-Istati Membri biss (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 106 u 107). |
|
87 |
It-tielet u konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 114 TFUE ma jipprekludix li, skont ir-Regolament Nru 715/2009, il-Kummissjoni tfassal leġiżlazzjoni li timplika, jekk ikun il-każ, l-obbligu għal operatur wieħed jew iktar ta’ network ta’ trasport li jagħmlu l-investimenti neċessarji għall-kisba ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, sa fejn l-imsemmi obbligu ma jidhirx manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ armonizzazzjoni tiegħu. |
|
88 |
Ir-raba’, fid-dawl tal-importanza li jista’ jkollha l-eżistenza ta’ kapaċità suffiċjenti fuq in-networks sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u s-sigurtà tal-provvista, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ta’ żieda tal-kapaċità li jinsab fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u spjegat fil-punti 66 sa 73 iktar ’il fuq jista’, mingħajr diffikultà, jintrabat mal-għanijiet tar-Regolament Nru 715/2009 kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu. |
|
89 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq il‑fondatezza tat‑tieni parti, ibbażata fuq il‑fatt li l‑Kapitolu V tar‑Regolament 2017/459 jeċċedi s‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mir‑Regolament Nru 715/2009
|
90 |
MEKH issostni, essenzjalment, li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jeċċedi l-limiti tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009 sabiex tadotta kodiċi tan-network. |
|
91 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/459 dwar il-kapaċità inkrementali huma konformi mar-Regolament Nru 715/2009. Hija tenfasizza li l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-kapaċità inkrementali tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, kwistjoni ta’ natura sovranazzjonali, li dawn ir-regoli huma indispensabbli għat-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar u li dawn jaqgħu taħt is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni, li tippermettilha temenda l-elementi mhux essenzjali tal-istess regolament fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ kodiċijiet tan-network li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-allokazzjoni tal-kapaċità, is-sigurtà tal-provvista u l-konnessjoni man-network. |
|
92 |
Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-importanza, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali u għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, ta’ regolamentazzjoni tan-networks kbar ta’ pipelines, peress li dawn jikkostitwixxu monopolji naturali, li jistgħu jagħtu lok għal aġir abbużiv, bħar-restrizzjoni ta’ investimenti strateġiċi fl-iżvilupp u fl-estensjoni tan-network. Hija żżid li n-neċessità li tiġi ggarantita interkonnessjoni adegwata bejn is-sistemi tal-enerġija nazzjonali fl-interess tal-istabbiliment tas-suq intern tal-enerġija tirriżulta mill-Artikoli 170, 172 u 194 TFUE. |
|
93 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, essenzjalment, li, minkejja s-separazzjoni strutturali bejn, minn naħa, il-produzzjoni u l-kummerċ tal-gass u, min-naħa l-oħra, it-trasport tiegħu, jistgħu jeżistu inċentivi ekonomiċi sabiex ma jsirux l-investimenti neċessarji fil-qasam tal-infrastruttura, sabiex tinżamm ir-rata ta’ użu tan-network u sabiex jiġu applikati tariffi ta’ konġestjoni. Din hija r-raġuni għaliex kemm ir-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), jipprevedu, fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport, obbligi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ kapaċità ta’ trasport transkonfinali u, fir-rigward tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kompitu li jiżguraw l-osservanza tagħhom. |
|
94 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2) u (5) tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li l-kunċett ta’ allokazzjoni transkonfinali jimplika, neċessarjament, il-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità eżistenti fl-interess tal-istabbiliment ta’ suq intern operattiv tal-enerġija u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Barra minn hekk, hija tfakkar, essenzjalment, li l-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport li jieħdu deċiżjoni ta’ investiment meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ allokazzjoni kkoordinata tal-kapaċità transkonfinali stabbilita fl-Artikolu 42(2)(a) tad-Direttiva 2009/73. |
|
95 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-Regolament 2017/459 għandu bħala bażijiet legali l-Artikolu 6(11) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009 u jistabbilixxi “Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass” filwaqt li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 tal‑14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 273, p. 5), fl-oriġini tal-kodiċi tan-network preċedenti. Il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jirrigwarda l-“Proċess ta’ kapaċità inkrementali”. Kif dan ġie spjegat fil-punti 67 sa 74 iktar ’il fuq, l-imsemmi proċess jista’ jwassal għall-obbligu għall-operatur ta’ network ta’ trasport tal-gass li joħloq kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. |
|
96 |
Fit-tieni lok, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta kodiċijiet tan-network tirriżulta mill-Artikolu 6(11), mill-Artikolu 7(3) u mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009. Fil-fatt, mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni għandha dritt tfassal kodiċijiet tan-network, f’ċerti oqsma elenkati b’mod eżawrjenti, minflok network Ewropew tal-operaturi ta’ network ta’ trasport tal-gass (iktar ’il quddiem l-“ENTSO”), li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, l-istruttura ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-operaturi kollha ta’ network ta’ trasport tal-gass. |
|
97 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 715/2009, dan jistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment tal-kodiċijiet tan-network. Għalkemm din il-proċedura tipprevedi t-tfassil tal-kodiċijiet tan-network mill-ENTSO b’rabta mal-ACER u mal-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 11 tiegħu jipprevedi li l-“Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizjattiva tagħha meta l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jħejji kodiċi tan-network […], kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6)”. Għalhekk, il-portata tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta kodiċijiet tan-network hija limitata biss għall-oqsma li fihom l-ENTSO seta’ jfassal l-imsemmija kodiċijiet, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament. |
|
98 |
It-tieni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009 jippreċiża li l-miżuri adottati fil-kodiċi tan-network huma “mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh” u “ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2)”. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), imsejħa “deċiżjoni komitoloġija”, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas‑17 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 76M, p. 100). Referenza ekwivalenti tinsab fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009, li jikkonċerna l-emendi magħmula mill-Kummissjoni għall-kodiċijiet tan-network eżistenti. |
|
99 |
Fit-tielet lok u konsegwentement, din il-parti timplika li jiġi eżaminat, l-ewwel, jekk il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jistax jintrabat mal-oqsma previsti mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, li għalihom jirreferi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) ta’ dan l-aħħar regolament. Fin-negattiv, it-tieni,għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi kapitolu huwiex simili għal emenda ta’ element mhux essenzjali tar-Regolament Nru 715/2009, li hija awtorizzata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u tal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament. |
1) Fuq il‑portata tas‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mill‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 6(11) u mill‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009
|
100 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-portata tas-setgħa ddelegata mill-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009 hija limitata għall-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) ta’ dan ir-regolament, li għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati. |
|
101 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
i) Fuq l‑interpretazzjoni letterali tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009
|
102 |
Fost l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, li għalihom hija prevista l-adozzjoni ta’ kodiċi tan-network, huma previsti, fil-paragrafu (g), l-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni”, li għalihom tirreferi MEKH fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-ACER issemmi, barra minn hekk, l-oqsma li jinsabu taħt (a) sa (c), li jirrigwardaw rispettivament ir-“regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network”, ir-“regoli dwar il-konnessjoni man-network” u r-“regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi”. |
|
103 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku qasam li għalih huwa previst l-istabbiliment ta’ kodiċi tan-network, li l-formulazzjoni tiegħu tista’ eventwalment tkopri l-kwistjoni tal-kapaċità inkrementali, huwa dak imsemmi fl-Artikolu 8(6)(g) tar-Regolament Nru 715/2009, dwar l-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni”. Fil-fatt, l-oqsma l-oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw ir-“regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network”, ir-“regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk” u r-“regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi”, li għalihom tirreferi l-ACER, ma għandhomx formulazzjoni li tista’ tinkludi l-kwistjoni tal-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network. |
|
104 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 715/2009 jagħti definizzjonijiet tat-termini u espressjonijiet użati fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 8(6)(g) ta’ dan ir-regolament. Il-kunċett ta’ kapaċità huwa ddefinit b’mod ġenerali fil-punt 3. Sussegwentement, dan huwa maqsum f’komponenti differenti: fil-punt 4, skont il-”kapaċità mhux użata”, fil-punt 16, skont il-“kapaċità kostanti”, fil-punt 18 skont il-“kapaċità teknika” u, fil-punt 19, skont il-“kapaċità kuntrattata”. Il-kunċett ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni huwa ddefinit fil-punt 5. Il-punti 21 u 23 jirrigwardaw wkoll il-kunċett ta’ konġestjoni skont id-definizzjoni rispettivament tal-konġestjoni “kuntrattwali” u tal-konġestjoni “fiżika”. |
|
105 |
Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ kapaċità jirrigwarda b’mod inkontestabbli l-kapaċità attwali fuq in-network u li l-amministrazzjoni tal-konġestjoni hija prevista fuq il-bażi tal-kapaċità eżistenti fuq l-imsemmi network. Min-naħa l-oħra, minn ebda waħda minn dawn id-definizzjonijiet ma jirriżulta b’mod espliċitu li l-imsemmi kunċett jista’ jinftiehem bħala li jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network jew li l-“amministrazzjoni tal-konġestjoni” tista’ tiġi interpretata bħala li tipprevedi l-assorbiment mill-ġdid ta’ konġestjoni eventwali permezz tal-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali. |
|
106 |
Għalhekk, l-ewwel, il-kunċett ta’ kapaċità huwa ddefinit bħala “il-fluss massimu […] li hu intitolat għalih l-utent tan-network taħt id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasport”. Sa fejn hija kkonċernata biss il-kapaċità li “hu intitolat għalih[a]” utent ta’ network, tali definizzjoni timplika pjuttost li hija prevista biss il-kapaċità attwali fuq in-network u mhux eventwali kapaċità futura. |
|
107 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li għalkemm ir-Regolament Nru 715/2009 jindirizza l-kunċett ta’ kapaċità f’numru kbir tal-varjazzjonijiet possibbli tiegħu, dan ma jsemmix il-“kapaċità futura”. Huwa biss fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2017/459 li din hija ddefinita mill-Kummissjoni, bħala li tirreferi għal “żieda futura possibbli permezz ta’ proċeduri bbażati fuq is-suq f’kapaċità teknika, jew kapaċità ġdida possibbli maħluqa fejn bħalissa ma teżistix u li tista’ tiġi offruta fuq il-bażi ta’ investimenti fl-infrastruttura fiżika jew l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità fit-tul u li sussegwentement tista’ tiġi allokata soġġett għal eżitu pożittiv f’test ekonomiku, fil-każijiet [differenti]”. |
|
108 |
It-tielet, la d-definizzjoni tal-espressjoni “amministrazzjoni tal-konġestjoni” u lanqas dawk tal-espressjonijiet “konġestjoni kuntrattwali” u “konġestjoni fiżika” ma jipprevedu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network bħala soluzzjoni għall-problemi ta’ konġestjoni jew ta’ saturazzjoni tan-network. |
ii) Fuq l‑interpretazzjoni kuntestwali tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009
|
109 |
Skont l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, għandu jiġi eżaminat jekk mill-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament jew, jekk ikun il-każ, minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżultax li l-portata tal-kompetenza ddelegata lill-ENTSO permezz tal-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament fl-okkażjoni tal-istabbiliment tal-kodiċijiet tan-network, u, konsegwentement, lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) ta’ dan ir-regolament, testendi għar-regoli li jirrigwardaw il-ħolqien tal-kapaċità inkrementali fuq in-network. |
|
110 |
Dan ma huwiex il-każ peress li tirriżulta minn eżami tar-Regolament Nru 715/2009 kollu kemm hu l-eżistenza ta’ distinzjoni ċara bejn, minn naħa, l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament, li għalihom l-ENTSO huwa kompetenti sabiex ifassal r-regoli rilevanti fil-kuntest tal-kodiċijiet tan-network u, min-naħa l-oħra, il-qafas tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, li fir-rigward tagħha l-ENTSO jeżerċita biss rwol ta’ sostenn u ta’ koordinazzjoni. |
|
111 |
Dan jidher, fl-ewwel lok, min-natura tas-setgħat iddelegati lill-ENTSO fir-rigward tal-iżvilupp tan-network, kif jirriżultaw mill-qari flimkien tal-Artikolu 8(3)(b) u tal-Artikolu 8(10) tar-Regolament Nru 715/2009. |
|
112 |
Fil-fatt, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009 jipprevedi li l-ENTSO għandu jadotta l-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha, huwa speċifikat fih li l-imsemmi pjan għandu biss “natura mhux obbligatorja”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(10) tal-istess regolament, dan il-pjan huwa bbażat fuq “pjanijiet nazzjonali ta’ investiment”. |
|
113 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm il-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha, stabbilit mill-ENTSO skont l-Artikolu 8(10) tar-Regolament Nru 715/2009, “jidentifika” skont il-punt (c) tiegħu “[i]l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta’ kapaċitajiet transkonfinali”, din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda setgħa lill-ENTSO sabiex jimla l-lakuni identifikati. Permezz tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-imsemmi regolament, għalih hija miftuħa biss il-possibbiltà li jannetti mal-imsemmi pjan “reviżjoni ta’ l-ostakoli għal żieda fil-kapaċità transkonfinali tan-network minn diversi proċeduri jew prattiki ta’ approvazzjoni”. |
|
114 |
Minn dan jirriżulta li l-iżvilupp tan-network fl-Unjoni kollha jaqa’ primarjament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li r-rwol tal-ENTSO huwa relatat biss mal-koordinazzjoni tal-eżerċizzju mill-imsemmija Stati Membri tal-kompetenza tagħhom. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għal-loġika interna tar-Regolament Nru 715/2009 li dan jiġi interpretat fis-sens li jagħti, skont l-Artikolu 8(6) tiegħu, kompetenza normattiva lill-ENTSO fir-rigward tat-tfassil tar-regoli li jfasslu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network. |
|
115 |
Fit-tieni lok, kemm mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll mill-paragun ta’ dan ir-regolament mad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-modalitajiet ta’ żieda tal-kapaċità fuq in-network ma humiex previsti, fl-imsemmi regolament, bħala li jikkostitwixxu qasam li jista’ jkun is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni sussegwenti abbażi tiegħu. |
|
116 |
L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, dan jikkonċerna l-“allokazzjoni ta’ kapaċità” u l-“amministrazzjoni tal-konġestjoni”, u jkopri, għaldaqstant, l-istess qasam bħall-kodiċi tan-network li l-ENTSO għandu s-setgħa li jfassal skont l-Artikolu 8(1) u (6)(g) tal-imsemmi regolament. |
|
117 |
Minn naħa, il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 jistabbilixxu obbligi preċiżi fir-rigward tal-operaturi tan-network ta’ trasport fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni kuntrattwali u fiżika fuq in-network. Madankollu, dawn l-obbligi jikkonċernaw esklużivament l-allokazzjoni tal-kapaċità attwali u l-amministrazzjoni tal-konġestjoni fuq il-bażi biss tal-kapaċità eżistenti, jiġifieri mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni kapaċità inkrementali li tista’ tirriżulta minn investimenti futuri. Fil-fatt, la l-kapaċità inkrementali u lanqas l-investimenti l-ġodda relatati magħha ma huma previsti f’dawn il-paragrafi. Il-kwistjoni tal-investimenti l-ġodda fuq in-network hija, għall-kuntrarju, indirizzata espliċitament fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. |
|
118 |
Issa, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 715/2009 huwa ta’ natura ħafna inqas preskrittiva mill-ewwel erba’ paragrafi ta’ dan l-artikolu. Dan jillimita ruħu, fil-fatt, li jenfasizza, minn naħa, li l-“operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom regolarment jivvalutaw id-domanda fis-suq għal investiment ġdid” u, min-naħa l-oħra, li, meta “jippjanaw l-investimenti ġodda, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jivvalutaw id-domanda fis-suq u jqisu l-kriterji tas-sigurtà tal-provvista”. Ebda obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jwettqu l-investimenti addizzjonali implikati mis-sitwazzjoni fuq in-network jew fuq is-sigurtà tal-provvista ma huwa previst. |
|
119 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-uniċi dispożizzjonijiet li jistgħu jimplikaw obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jwettqu investimenti ġodda fuq in-network sabiex tinħoloq kapaċità inkrementali jinsabu fid-Direttiva 2009/73, li ġiet adottata fl-istess ħin mar-Regolament Nru 715/2009, fil-kuntest tat-“tielet pakkett tal-enerġija”. |
|
120 |
Għalhekk, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/73 jimponi fuq l-operaturi tan-network ta’ trasport li jibnu “l-kapaċità transkonfinali suffiċjenti biex tiġi integrata l-infrastruttura ta’ trasmissjoni Ewropea li takkomoda t-talbiet kollha għall-kapaċità li jkunu ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli u filwaqt li titqies is-sigurtà tal-provvista tal-gass”. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żvilupp fin-netwerk u setgħat sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li “l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti ”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-aħħar artikolu, dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq “suppożizzjonijiet raġjonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, il-provvista, il-konsum u l-iskambji ma’ pajjiżi oħrajn”. |
|
121 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 41(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li hija l-awtorità regolatorja li għandha tiżgura l-osservanza mill-operatur tan-network ta’ trasport tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-kwistjonijiet transkonfinali, u li din il-missjoni ta’ sorveljanza testendi għall-pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi ta’ network ta’ trasport. |
|
122 |
Din il-missjoni ta’ sorveljanza timmanifesta ruħha, b’mod partikolari, fl-Artikolu 22(4) sa (7) tad-Direttiva 2009/73, li jimponi fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali, rispettivament, li tikkonsulta l-utenti effettivi jew potenzjali tan-network fuq il-pjan fuq għaxar snin ta’ żvilupp tan-network ippreżentat mill-operatur tan-network ta’ trasport, li teżamina n-natura kompleta ta’ dan il-pjan u n-natura koerenti tiegħu mal-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009, li tissorvelja u li tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan fuq għaxar snin ta’ żvilupp tan-network u, skont il-każ, li tieħu miżuri fl-assenza ta’ twettiq ta’ investiment mill-operator tan-network. |
|
123 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa skont id-Direttiva 2009/73 li operatur ta’ network ta’ trasport huwa suġġett għall-obbligu li jagħmel l-investimenti neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-network u, jekk ikun il-każ, għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali u li huwa l-Istat Membru li għandu jiżgura l-osservanza ta’ dawn l-obbligi, permezz tar-regolatur nazzjonali tiegħu. |
|
124 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 ma tipprevedi l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ qafas regolatorju fil-livell tal-Unjoni, ta’ modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligi tal-operaturi ta’ network ta’ trasport fil-qasam tal-investiment jew tal-modalitajiet ta’ sorveljanza tal-imsemmija obbligi mir-regolaturi nazzjonali. |
|
125 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 42(2)(a) tad-Direttiva 2009/73, li għalih tirreferi l-Kummissjoni, jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali, b’mod partikolari, “sabiex ikun possibbli livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni, inkluż permezz ta’ interkonnessjonijiet ġodda”, dan jistabbilixxi biss obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji “fuq livell reġjonali”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li tipprevedi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fil-punti ta’ interkonnessjoni. |
|
126 |
Għalhekk, mill-analiżi tar-Regolament Nru 715/2009 u tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tat-“tielet pakkett tal-enerġija”, xtaq li l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar l-iżvilupp tan-network u l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri biss, mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta l-kompetenza f’dan is-sens lill-ENTSO u lill-Kummissjoni. |
iii) Fuq l‑interpretazzjoni teleoloġika tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009
|
127 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, l-ACER u l-Kummissjoni jressqu diversi argumenti sabiex jiġġustifikaw il-fondatezza tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-investimenti li jippermettu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali. Dawn jirreferu, għalhekk, għan-neċessità tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali ta’ regolamentazzjoni tan-networks kbar ta’ pipelines sabiex dawn ikollhom investimenti suffiċjenti u ma jkunux is-suġġett ta’ aġir restrittiv tal-kompetizzjoni min-naħa tal-operaturi ta’ network ta’ trasport, li, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ monopolju naturali. |
|
128 |
F’dan ir-rigward, għalkemm kien ċertament possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi, fir-Regolament Nru 715/2009, il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, għall-finijiet, b’mod partikolari, li jintlaħaq l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija intiża sabiex “tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni”, previst fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-motivi ta’ dan ir-regolament ma jippermetti li jiġi identifikat skop li jikkonsisti li tingħata setgħa lill-ENTSO u, konsegwentement, lill-Kummissjoni, li jfasslu kodiċi ta’ network li jestendi għall-kwistjoni tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ tali kapaċità inkrementali. |
|
129 |
Għall-kuntrarju, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 126 iktar ’il fuq, mir-Regolament Nru 715/2009 u mid-Direttiva 2009/73 jirriżulta li, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tat-“tielet pakkett tal-enerġija”, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jiddelega lill-Istati Membri biss l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni f’dan il-qasam. |
|
130 |
Din il-konklużjoni hija msaħħa mit-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 715/2009. Fil-fatt, jirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 12/2009, tad‑9 ta’ Jannar 2009, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU, 2009/C 075E/03, p. 38), li dan iffavorixxa l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(3)(b) u dak tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, imsemmija, rispettivament, fil-punt 112 u fil-punt 118 iktar ’il fuq, għal dik prevista mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew, u b’hekk warrab ir-riferimenti maħsuba għall-investimenti fuq in-network u għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali |
|
131 |
Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009, MEKH fakkret, ġustament, fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kunsill, fir-rigward tar-rwol mogħti lill-ENTSO fil-qasam tal-ippjanar, iddevja mill-proposta tal-Kummissjoni billi pprefera l-espressjoni “pjan ta’ żvilupp tan-netwerk” mill-espressjoni “pjan ta’ investiment” u introduċa enfasi tan-natura “mhux vinkolanti” tal-imsemmi pjan. |
|
132 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, il-Kunsill ma segwiex emenda tal-Parlament Ewropew, li dwarha l-Kummissjoni kienet tat il-kunsens tagħha, li kienet twassal għar-rikonoxximent ta’ obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jipproċedu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, wara proċedura li jkollha xebh ċert ma’ dik prevista taħt il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u deskritta fil-punti 66 sa 73 iktar ’il fuq. |
|
133 |
Fil-fatt, din l-emenda kienet intiża li żżid mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 paragrafu li jipprevedi, minn naħa, l-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport “[f]’kaz ta’ kongestjoni fizika fuq medda twila ta’ zmien, [li tiġi rrimedjata] permezz ta’ zieda ta’ kapacitajiet godda skond id-domanda fis-suq” u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li dawn l-operaturi li jwettqu proċeduri open-season “[s]abiex tigi evalwata d-domanda fis-suq”. |
|
134 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li ma jagħti ebda setgħa lill-ENTSO li tippermettilu jinkludi f’kodiċi tan-network regoli li jistgħu jimponu fuq operatur ta’ network ta’ trasport tal-gass l-obbligu li joħloq kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network. |
|
135 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex setgħa, abbażi biss tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009, li tadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459. |
2) Fuq il‑portata tas‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 6(11) u mill‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 715/2009
|
136 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punt 99 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk tali setgħa tistax, jekk ikun il-każ, tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni temenda l-elementi mhux essenzjali tal-imsemmi regolament fl-okkażjoni tal-adozzjoni jew tal-emenda ta’ kodiċi tan-network. |
|
137 |
Skont leġiżlazzjoni stabbilita, l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
138 |
L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u timponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
139 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huwa simili għal emenda tar-Regolament Nru 715/2009 li jwassal sabiex tiġi estiża, għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, is-setgħa rrikonoxxuta mill-Artikolu 8(6)(g) tar-Regolament Nru 715/2009 fil-qasam tal-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni” għall-ENTSO u, konsegwentement, għall-Kummissjoni, minkejja li l-imsemmija setgħa tikkonċerna biss il-kapaċità eżistenti fuq in-network. |
|
140 |
Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 114 sa 126 iktar ’il fuq, mill-istruttura tar-Regolament Nru 715/2009, kif ukoll mill-qari tiegħu flimkien mad-Direttiva 2009/73, adottata b’mod konkomitanti, jirriżulta li l-leġiżlatur għamel għażla politika li tikkonsisti fl-allokazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali għall-Istati Membri biss, mingħajr ma ddelega kompetenza f’dan is-sens lill-ENTSO u lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-modifika magħmula mill-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 tikkonċerna element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2009, li ma hijiex koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u mill-Artikolu 7(3) ta’ dan l-aħħar regolament. |
|
141 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex setgħa skont ir-Regolament Nru 715/2009 sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459. |
|
142 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tintlaqa’ u l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 għandu jiġi ddikjarat mhux applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tapplika l-imsemmi kapitolu, għandha tiġi annullata b’effett erga omnes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma fil-kuntest ta’ dan it-tilwim. |
|
143 |
Konsegwentement, sa fejn dawn huma diretti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dawn ir-rikorsi għandhom jintlaqgħu. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
|
144 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-ACER essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll l-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti, konformement mat-talbiet tagħhom. |
|
145 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
146 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li E-Control tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Tomljenović Kreuschitz Schalin Škvařilová-Pelzl Nõmm Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Marzu 2022. Firem |
Werrej
|
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
|
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
III. Id‑dritt |
|
|
A. Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors fil‑Kawża T‑684/19 sa fejn huwa dirett kontra d‑deċiżjoni inizjali |
|
|
B. Fuq il‑fondatezza tar‑rikors |
|
|
1. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità |
|
|
2. Fuq il‑fondatezza tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità |
|
|
a) Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel parti, ibbażata fuq l‑inkompatibbiltà tar‑Regolament 2017/459 mal‑bażi legali tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
b) Fuq il‑fondatezza tat‑tieni parti, ibbażata fuq il‑fatt li l‑Kapitolu V tar‑Regolament 2017/459 jeċċedi s‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mir‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
1) Fuq il‑portata tas‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mill‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 6(11) u mill‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
i) Fuq l‑interpretazzjoni letterali tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
ii) Fuq l‑interpretazzjoni kuntestwali tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
iii) Fuq l‑interpretazzjoni teleoloġika tal‑Artikolu 8(6) tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
2) Fuq il‑portata tas‑setgħa mogħtija lill‑Kummissjoni mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 6(11) u mill‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 715/2009 |
|
|
IV. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Ungeriż.