SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
25 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 4(1) – Ġurisdizzjoni ġenerali – Il-punt 4 tal-Artikolu 24 – Ġurisdizzjoni esklużiva – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ reġistrazzjoni jew validità tal-privattivi – Azzjoni għal kontrafazzjoni – Privattiva Ewropea vvalidata fi Stati Membri u fi Stat terz – Kontestazzjoni tal-validità tal-privattiva permezz ta’ eċċezzjoni – Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet l-azzjoni għal kontrafazzjoni”
Fil-Kawża C‑339/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura
BSH Hausgeräte GmbH
vs
Electrolux AB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen u M. Gavalec, Presidenti tal-Awla, E. Regan, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal BSH Hausgeräte GmbH, minn M. Dahlman, T. Grennard, advokater, u R. Sedlmaier, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal Electrolux AB, minn C. Harmsen, Rechtsanwalt, P. Larsson, B. Rundblom Andersson u J. Westerberg, advokater, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel u E. Timmermans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Gustafsson, S. Noë u I. Söderlund, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,
wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tas‑16 ta’ April 2024 u wara s-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal BSH Hausgeräte GmbH, minn M. Dahlman, T. Grennard, advokater, u R. Sedlmaier, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal Electrolux AB, minn C. Harmsen, Rechtsanwalt, u B. Rundblom Andersson, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel u E. Timmermans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková, S. Noë u I. Söderlund, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, BSH Hausgeräte GmbH (iktar ’il quddiem “BSH”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, Electrolux AB, kumpannija rregolata mid-dritt Svediż, dwar il-kontrafazzjoni ta’ privattiva Ewropea. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 13, 15 u 34 tar-Regolament Brussell Ia jipprovdu:
[...]
[...]
|
|
4 |
Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi għaxar taqsimiet. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”: “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet: [...]
[...]” |
|
6 |
L-Artikolu 27 tal-istess regolament li jinsab fit-Taqsima 8 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “ Eżami dwar il-ġurisdizzjoni u l-ammissibbiltà” jipprovdi: “Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment tirrigwarda kwistjoni li fuqha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’għandhiex ġurisdizzjoni.” |
|
7 |
Taħt it-Taqsima 9 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Lis pendens - azzjonijiet relatati”, l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Brussell Ia jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha, jew saħansitra ttemm l-istanza quddiemha, jew, għall-kuntrarju, tkompli din l-istanza, meta l-ġurisdizzjoni tagħha tkun ibbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u meta proċedura tkun pendenti quddiem qorti ta’ Stat terz fil-mument meta din il-qorti ta’ Stat Membru tiġi adita, rispettivament, b’talba bejn l-istess partijiet li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża bħat-talba mressqa quddiem il-qorti tal-Istat terz jew b’talba marbuta ma’ dik imressqa quddiem il-qorti tal-Istat terz. |
|
8 |
L-Artikolu 63(1) tal-imsemmi r-regolament, li jaqa’ taħt il-Kapitolu V tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi li, għall-applikazzjoni tal-istess regolament, il-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi huma ddomiċiljati fil-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom. |
|
9 |
L-Artikolu 73 tar-Regolament Brussell Ia, li jagħmel parti mill-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti oħra”, jipprevedi: “1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni [dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 339, p. 3, iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Lugano’)]. 2. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni [dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata fi New York fl‑10 ta’ Ġunju 1958]. 3. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali bejn Stat terz u Stat Membru li ġew konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-[Regolament Brussell I] li jkopru kwistjonijiet irregolati b’dan ir-Regolament.” |
Id‑dritt Svediż
|
10 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-patentlagen (1967:837) (il-Liġi dwar il-Privattivi (1967:837), iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-Privattivi”), jipprovdi: “Jekk titressaq azzjoni ta’ kontrafazzjoni ta’ privattivi u l-persuna li kontriha titressaq l-azzjoni tallega li l-privattiva tkun invalida, il-kwistjoni tal-invalidità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss wara li tkun tressqet azzjoni f’dan is-sens. Il-qorti għandha tordna lill-parti li tallega li l-privattiva hija invalida sabiex tressaq tali azzjoni f’perijodu speċifiku.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11 |
BSH hija l-proprjetarja tal-privattiva Ewropea EP 1434512, li tipproteġi invenzjoni fil-qasam tal-vacuum cleaners. Din il-privattiva ġiet ivvalidata fil-Ġermanja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fit-Turkija, u dan wassal għall-ħruġ ta’ privattivi nazzjonali f’dawn l-Istati. |
|
12 |
Fit‑3 ta’ Frar 2020, BSH ressqet kontra Electrolux azzjoni għal kontrafazzjoni li tikkonċerna l-partijiet nazzjonali kollha tal-imsemmija privattiva Ewropea quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja). BSH talbet b’mod partikolari li Electrolux tiġi ordnata tieqaf tuża l-invenzjoni protetta bi privattiva fl-Istati kollha fejn l-istess privattiva Ewropea ġiet ivvalidata u li Electrolux tiġi kkundannata tħallas kumpens raġonevoli kif ukoll danni għall-użu allegatament illegali ta’ din l-invenzjoni. |
|
13 |
Electrolux talbet li dawn it-talbiet jiġu miċħuda. Barra minn hekk, hija eċċepixxiet l-inammissibbiltà tat-talbiet dwar il-kontrafazzjoni tal-partijiet nazzjonali tal-privattiva EP 1434512 minbarra l-parti Svediża (iktar ’il quddiem il-“privattivi barranin”). |
|
14 |
F’dan ir-rigward, Electrolux sostniet li l-privattivi barranin kienu invalidi u li l-qrati Svediżi ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kontrafazzjoni tagħhom. Skont Electrolux, l-azzjoni għal kontrafazzjoni għandha titqies li hija tilwima “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu [mal-] [...] validità ta’ privattivi”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, sa fejn hija inseparabbli mill-kwistjoni dwar il-validità tal-privattivi inkwistjoni. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, il-qrati tal-Istati Membri li fihom il-privattivi barranin ġew ivvalidati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet ta’ BSH dwar il-kontrafazzjoni ta’ dawn il-privattivi nazzjonali. Minn dan isegwi li l-qorti Svediża adita ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il kontrafazzjoni tal-imsemmija privattivi. |
|
15 |
Barra minn hekk, skont Electrolux, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-Privattivi, li jipprevedi li l-kwistjoni tal-validità ta’ privattiva għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura separata mill-azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ din il-privattiva, jikkonċerna biss il-privattivi Svediżi. Peress li d-dritt Svediż japplika esklużivament għall-privattivi Svediżi, qorti Svediża ma tistax, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li fiha l-konvenut jeċċepixxi, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, l-invalidità ta’ privattiva maħruġa minn Stat li ma jkunx ir-Renju tal-Isvezja. Minn dan isegwi li BSH għandha tibda azzjonijiet ta’ kontrafazzjoni relatati mal-privattivi barranin fl-Istati fejn dawn ġew ivvalidati. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali), abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 24 u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell Ia, iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattivi vvalidati fl-Istati Membri li ma humiex ir-Renju tal-Isvezja mressqa minn BSH. Hija ddikjarat ukoll li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva vvalidata fit-Turkija (iktar ’il quddiem il-“privattiva Torka”) minħabba li dan il-punt 4 tal-Artikolu 24 huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ta’ ġurisdizzjoni rrikonoxxut fuq livell internazzjonali. |
|
17 |
BSH appellat minn din is-sentenza quddiem is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. BSH sostniet li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma huwiex applikabbli għall-azzjonijiet għal kontrafazzjoni ta’ privattiva “puri”, b’tali mod li l-qorti adita abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia tista’ tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva barranija anki jekk hija ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din il-privattiva. Barra minn hekk, skont din il-parti fil-kawża prinċipali, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) setgħet tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva barranija li ma nħarġitx jew ma ġietx ivvalidata fi Stat Membru, bħal, f’dan il-każ, il-privattiva Torka, minħabba l-ġurisdizzjoni internazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li din il-qorti kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal kontrafazzjoni fl-intier tagħha, anki f’dak li jirrigwarda din il-privattiva Torka. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni prinċipali tal-qrati tal-Istat li fih konvenut huwa ddomiċiljat hija prinċipju rrikonoxxut fid-dritt internazzjonali. |
|
18 |
Electrolux, quddiem il-qorti tar-rinviju, fakkret essenzjalment il-pożizzjoni li hija kienet esponiet quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali), billi sostniet li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia japplika għall-proċedimenti ta’ kontrafazzjoni li fil-kuntest tagħhom tiġi invokata l-invalidità tal-privattiva inkwistjoni bħala motiv ta’ difiża. Il-qrati Svediżi ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-proċedimenti ġudizzjarji, kollha kemm huma, peress li l-kwistjonijiet ta’ kontrafazzjoni u ta’ validità ma jistgħux jiġu separati. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Svediżi. Hija tistaqsi, qabelxejn, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi, [...] indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni”, tinkludix ukoll l-azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva meta l-konvenut ikun qajjem, permezz ta’ eċċezzjoni, l-invalidità ta’ din il-privattiva. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirrendi lill-qorti nazzjonali mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tal-partijiet nazzjonali kollha tal-privattiva Ewropea minbarra dik ivvalidata fl-Istat Membru ta’ din il-qorti, meta l-konvenut ikun qajjem, fil-kuntest tagħha, eċċezzjoni ta’ invalidità ta’ dawn il-partijiet nazzjonali. Proċedura waħda quddiem qorti waħda tnaqqas ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, iżda tali interpretazzjoni tobbliga lir-rikorrent iressaq mill-ġdid azzjonijiet ta’ kontrafazzjoni fi Stati Membri oħra. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li interpretazzjoni oħra possibbli hija li jitqies li l-qorti nazzjonali adita b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva, li fil-kuntest tagħha l-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ invalidità tal-privattivi barranin, ma għandhiex ġurisdizzjoni ħlief sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u tista’, għaldaqstant, tiddeċiedi dwar din l-azzjoni għal kontrafazzjoni. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, min-neċessità li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia jiġi interpretat b’mod restrittiv, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-għan tiegħu li t-tilwimiet dwar il-validità tal-privattivi jiġi rriżervat għall-qrati tal-Istat ta’ reġistrazzjoni. |
|
21 |
Sussegwentement, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia kellu jiġi interpretat fis-sens li, meta eċċezzjoni ta’ invalidità titqajjem fil-kuntest tal-proċedimenti relatati mal-azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva, din l-azzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva li hija prevista f’din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni tistax tiġi eskluża minn dispożizzjoni nazzjonali, bħat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-Privattivi, li jimponi fuq il-konvenut l-obbligu li jressaq azzjoni distinta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija privattiva. |
|
22 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-privattiva Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ivvalidata fi Stat terz huwiex rilevanti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha. Skont din il-qorti, ma huwiex ċar jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia japplikax fil-konfront tal-qrati ta’ Stat terz, f’dan il-każ ir-Repubblika tat-Turkija, filwaqt li l-Artikoli 33 u 34 ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw tali qrati. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mis-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 26 u 35), jista’ jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament Brussell Ia japplika wkoll fir-rigward tal-qrati tal-Istati terzi. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
|
24 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut adita, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni meta, fil-kuntest tagħha, dan il-konvenut jikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ din il-privattiva. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li regola proċedurali nazzjonali timponi fuq l-imsemmi konvenut li jressaq azzjoni separata għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija privattiva jaffettwax ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda. |
|
26 |
F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li tali regola nazzjonali ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, b’tali mod li l-espressjonijiet inklużi fiha għandhom jitqiesu li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha, indipendentement minn regola jew minn proċedura nazzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini,C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fil-kuntest speċifiku tal-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, għandha, barra minn hekk, konformement mal-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, tiġi żgurata kontinwità fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ssostitwixxew dawk li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” fil-leġiżlazzjoni preċedenti, bħall-punt 4 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell I, li ġew issostitwiti bil-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punti 29u 37). |
|
29 |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell 1a, il-persuni b’domiċilju fit-territorju tal-Istat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. L-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi huma ddomiċiljati fil-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom. |
|
30 |
Madankollu, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut hija prevista mill-imsemmi Artikolu 4(1) “[s]oġġetti għal” dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, filwaqt li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tikkostitwixxi, skont il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, regola ta’ prinċipju, l-imsemmi regolament jipprevedi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet. Fost dawn, l-Artikolu 24 tal-istess regolament jipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Stat Membru partikolari għal ċerti materji msemmija f’dan l-artikolu, “independentement mid-domiċilju tal-partijiet”. |
|
31 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-privattivi, konformement mal-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 4 tal-imsemmi Artikolu 24, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi [...], indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun saret [...] ir-reġistrazzjoni [tal-privattiva], tkun seħħet jew tkun meqjusa li seħħet taħt it-termini ta’ strument tal-Unjoni jew ta’ konvenzjoni internazzjonali” (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ta’ ħruġ tal-privattiva”). |
|
32 |
Skont it-tieni paragrafu ta’ dan il-punt 4, il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwimiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattiva Ewropea maħruġa għal dan l-Istat Membru. |
|
33 |
Għalhekk, skont it-tieni paragrafu tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, privattiva Ewropea, maħruġa mill- UEP skont il-proċedura prevista f’dan ir-rigward mill-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej iffirmata, f’München fil‑5 ta’ Ottubru 1973, li sussegwentement ġiet ivvalidata fi Stat Membru, hija suġġetta għall-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni f’tilwimiet dwar il-validità bħalma hija privattiva nazzjonali. |
|
34 |
Barra minn hekk, mill-kliem tal-ewwel paragrafu tal-punt 4 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar li, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, huwa irrilevanti li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattiva titqajjem permezz ta’ azzjoni jew ta’ eċċezzjoni. |
|
35 |
Konsegwentement, skont l-imsemmi punt 4 tal-Artikolu 24, il-qrati tal-Istat Membru li joħroġ il-privattiva biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kontestazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ din il-privattiva, irrispettivament minn jekk din il-kontestazzjoni titqajjimx permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni bħala motiv ta’ difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
36 |
Din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ħruġ tal-privattiva għat-tilwimiet dwar reġistrazzjoni jew validità ta’ din il-privattiva hija ġġustifikata kemm mill-fatt li l-ħruġ tal-privattivi jimplika l-intervent tal-amministrazzjoni nazzjonali kif ukoll minħabba l-fatt li dawn il-qrati huma l-iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li fihom it-tilwima tirrigwarda hija stess il-validità tal-privattiva jew l-eżistenza tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni. Fil-fatt, il-qrati tal-Istat Membru fit-territorju li fih jinżammu r-reġistri jistgħu jagħtu deċiżjoni b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom dwar il-validità tal-privattivi li nħarġu f’dan l-Istat. Dan it-tħassib dwar l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tikseb iktar importanza fil-qasam tal-privattivi peress li, fid-dawl tal-ispeċifiċità ta’ dan il-qasam, diversi Stati Membri stabbilixxew sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja partikolari, b’tali mod li rriżervaw dawn it-tilwimiet għal qrati speċjalizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT,C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 22 sa 23). |
|
37 |
Minn dan jirriżulta li, meta qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut tiġi adita, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor, li fil-kuntest tagħha l-konvenut jikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ din il-privattiva, din il-qorti ma tistax tikkonstata, b’mod inċidentali, l-invalidità tal-imsemmija privattiva, iżda għandha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni, konformement mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tal-istess privattiva, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ħruġ tal-privattiva prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament (ara, fir-rigward tal-punt 4 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT,C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 26 u 31). |
|
38 |
Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’tali ipoteżi, il-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut tibqax kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni għal kontrafazzjoni jew jekk hija għandhiex tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni għat-tilwima kollha relatata mal-privattiva mogħtija minn Stat Membru ieħor. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva li ġiet stabbilita fih tirrigwarda biss it-tilwimiet “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi”. |
|
40 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li ma humiex ikkonċernati minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni ta’ privattiva, minkejja li l-eżami ta’ tali azzjoni jimplika analiżi fil-fond tal-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva fid-dawl tad-dritt tal-privattivi tal-Istat li fit-territorju tiegħu ngħatat l-imsemmija privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee,288/82, EU:C:1983:326, punti 22 sa 23, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 48). |
|
41 |
Minn dan jirriżulta li r-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia tikkonċerna biss il-parti tal-kawża dwar il-validità tal-privattiva. Għaldaqstant, qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor, ma titlifx din il-ġurisdizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li dan il-konvenut jikkontesta, bħala eċċezzjoni, il-validità ta’ din il-privattiva. |
|
42 |
L-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, adottata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata mill-istruttura ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-għanijiet imfittxija kemm minnu kif ukoll minn din id-dispożizzjoni. |
|
43 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “tilwimiet dwar il-validità ta’ privattivi”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jistabbilixxi ġurisdizzjoni esklużiva li tagħmel eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee,288/82, EU:C:1983:326, punt 23, u tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Barra minn hekk, interpretazzjoni fis-sens li qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut titlef il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi fatt li dan il-konvenut jikkontesta, b’mod inċidentali, il-validità ta’ din il-privattiva timplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024, li l-eċċezzjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ssir ir-regola f’parti kbira mit-tilwimiet dwar privattivi. |
|
45 |
Fil-fatt, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, EU:C:2006:457), il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva titqajjem ta’ spiss bħala motiv ta’ difiża fil-kuntest tal-azzjonijiet għal kontrafazzjoni ta’ privattivi. L-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia hija għalhekk limitata għat-tilwimiet li fihom tali motiv ta’ difiża ma titqajjimx, filwaqt li din ir-regola hija l-espressjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, li, kif jirriżulta mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi l-prinċipju li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-imsemmi regolament. |
|
46 |
Fit-tieni lok, minn din il-premessa 15 jirriżulta li r-Regolament Brussell Ia huwa intiż li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali permezz tal-livell għoli ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Issa, tali għan ma jistax jintlaħaq jekk jiġi aċċettat li, skont id-difiża magħżula mill-konvenut, u jekk ikun il-każ fil-mument meta dan jidhirlu xieraq, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn ir-regoli tal-proċedura tal-qorti jawtorizzaw li tali motiv ta’ difiża jitqajjem f’kull stadju tal-proċedura, qorti ta’ Stat Membru titlef il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni li tressqet quddiemha b’mod regolari. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024, tali interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia jkollha l-konsegwenza li, matul il-proċedura kollha quddiem din il-qorti, jeżisti r-riskju li hija jkollha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni. |
|
47 |
Barra minn hekk, peress li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell Ia, qorti ta’ Stat Membru hija obbligata tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba l-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma tkun tista’ tittrasferixxi l-kawża lil din tal-aħħar, tali interpretazzjoni timplika li konvenut jista’, billi jqajjem eċċezzjoni ta’ invalidità ta’ privattiva mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tiegħu, itemm il-proċedimenti ta’ kontrafazzjoni li madankollu jkunu nbdew b’mod regolari kontrih quddiem qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu. |
|
48 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia adottata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza tissodisfa b’mod sħiħ l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li t-tilwimiet li jirrigwardaw huma stess ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattiva jiġu rriżervati għall-qrati tal-Istat Membru ta’ ħruġ ta’ din il-privattiva li, minħabba l-prossimità materjali u ġuridika, huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-tilwimiet, mingħajr ma jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
|
49 |
B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024, din l-interpretazzjoni, kuntrarjament għal dik imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, tippermetti lill-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea, li jqis li din il-privattiva hija s-suġġett ta’ kontrafazzjoni mill-istess konvenut f’diversi Stati Membri, li jikkonċentra t-talbiet kollha tiegħu ta’ kontrafazzjoni u li jikseb kumpens globali quddiem forum wieħed, b’tali mod li jevita b’mod partikolari r-riskju ta’ deċiżjonijiet diverġenti. |
|
50 |
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia esposta fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ma titqegħidx f’dubju mill-fatt li l-applikazzjoni tagħha tista’ twassal għal diviżjoni tal-proċedimenti ta’ kontrafazzjoni, li jibqgħu pendenti quddiem qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, u tat-tilwima dwar il-validità tal-privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor, li fir-rigward tagħha l-qrati ta’ dan tal-aħħar biss għandhom ġurisdizzjoni, skont din id-dispożizzjoni. |
|
51 |
Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 sa 94 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024, tali diviżjoni ma timplikax li l-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut adita bl-azzjoni għal kontrafazzjoni għandha tinjora l-fatt li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor tressqet debitament minn dan il-konvenut f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Jekk hija tqis li dan huwa ġġustifikat, b’mod partikolari meta hija tqis li teżisti possibbiltà raġonevoli u mhux negliġibbli li din il-privattiva tiġi annullata mill-qorti kompetenti tal-imsemmi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay,C-616/10, EU:C:2012:445, punt 49), il-qorti adita bl-azzjoni għal kontrafazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tissospendi l-proċedura, li jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-azzjoni għal kontrafazzjoni, deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita bl-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, adita fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa fi Stat Membru ieħor, tibqa’ kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni meta, fil-kuntest tagħha, dan il-konvenut jikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ din il-privattiva, filwaqt li l-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-validità tappartjeni esklużivament għall-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. |
Fuq it‑tielet domanda
|
53 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal qorti ta’ Stat terz u, konsegwentement, jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil din il-qorti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata f’dan l-Istat. |
|
54 |
Skont il-punt 4 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva, b’mod partikolari, fil-qasam tal-validità ta’ privattivi, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet, il-qrati tal-Istat Membru ta’ ħruġ tal-privattiva. Kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx, f’dan ir-rigward, distinzjoni bejn privattiva nazzjonali maħruġa fi Stat Membru u privattiva Ewropea vvalidata fi Stat Membru. |
|
55 |
Mill-formulazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istati Membri għat-tilwimiet dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità tal-privattivi maħruġa minn dawn l-Istati Membri. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu tal‑5 ta’ Settembru 2024, is-sistema prevista mir-Regolament Brussell Ia, bħall-atti preċedenti għaliha, hija sistema ta’ kompetenza interna għall-Unjoni , li ssegwi għanijiet proprji bħalma huma l-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll l-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma jistax jitqies li huwa applikabbli f’sitwazzjoni fejn il-privattivi kkonċernati jinħarġu jew jiġu vvalidati mhux fi Stat Membru, iżda fi Stat terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 35). |
|
57 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma japplikax għal qorti ta’ Stat terz u, konsegwentement, ma jagħti ebda ġurisdizzjoni, esklużiva jew le, lil tali qorti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata f’dan l-Istat. |
|
58 |
Madankollu, fid-dawl tad-dubji li l-qorti tar-rinviju semmiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia u sabiex tipprovdi risposta utli lil din il-qorti, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk, meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita, abbażi ta’ dan l-Artikolu 4(1), b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz li fil-kuntest tagħha titqajjem, permezz ta’ eċċezzjoni, il-kwistjoni tal-validità ta’ din il-privattiva, din il-qorti għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-imsemmi Artikolu 4(1), sabiex tiddeċiedi dwar din l-eċċezzjoni. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, huwa meħtieġ li r-relazzjoni ġuridika inkwistjoni jkollha element barrani. Dan jista’ jirriżulta kemm mill-post fejn huwa stabbilit id-domiċilju tal-konvenut kif ukoll mis-suġġett tal-kawża, peress li dan tal-aħħar jista’ tinsab fi Stat terz, peress li din ir-relazzjoni hija ta’ natura li tqajjem, quddiem qorti ta’ Stat Membru, kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punti 27 sa 29). |
|
60 |
Issa, huwa paċifiku li r-relazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija s-suġġett tat-tielet domanda, tinkludi elementi barranin li huma marbuta, minn naħa, mad-domiċilju tar-rikorrent, sa fejn jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tal-konvenut, u, min-naħa l-oħra, mas-suġġett tagħha, sa fejn il-privattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ivvalidata fi Stat terz, jiġifieri fit-Turkija. Għaldaqstant, din ir-relazzjoni ġuridika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
|
61 |
Minn dan isegwi li, skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa kontrih mill-proprjetarju ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru hekk adita testendi, bħala prinċipju, skont din ir-regola ġenerali, għall-kwistjoni tal-validità ta’ din il-privattiva mqajma permezz ta’ eċċezzjoni fil-kuntest ta’ din l-azzjoni għal kontrafazzjoni. |
|
62 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li din il-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut li hija adita b’tali kawża sabiex tieħu konjizzjoni tal-parti ta’ din il-kawża dwar il-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz tista’ tiġi limitata minn regoli speċjali bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolament Brussell Ia. |
|
63 |
Għalhekk, skont l-Artikolu 73(1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Lugano għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni dwar il-validità ta’ privattiva maħruġa f’wieħed minn dawn l-Istati kontraenti, peress li din il-konvenzjoni tinkludi, fil-punt 4 tal-Artikolu 22 tagħha, regola analoga għal dik li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament. |
|
64 |
Bl-istess mod, konvenzjoni bilaterali konkluża bejn Stat Membru u Stat terz taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 73(3) tal-istess regolament tista’ tistipula li l-qrati ta’ dan l-Istat terz għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwimiet dwar il-validità ta’ privattivi maħruġa fl-imsemmi Stat terz. |
|
65 |
Barra minn hekk, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Brussell Ia, qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jista’ jkollha tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stati terzi, billi tissospendi l-proċeduri quddiemha, jew saħansitra billi ttemm l-istanza quddiemha, meta proċedura tkun diġà pendenti quddiem qorti ta’ Stat terz fil-mument meta din l-ewwel qorti tiġi adita jew b’talba bejn l-istess partijiet li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża bħat-talba mressqa quddiem il-qorti tal-Istat terz, jew b’talba marbuta ma’ dik imressqa quddiem il-qorti tal-Istat terz. |
|
66 |
Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ebda limitazzjoni prevista minn tali regoli speċjali ma tidher li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Repubblika tat-Turkija ma hijiex Stat kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Lugano u l-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ konvenzjoni applikabbli bejn ir-Renju tal-Isvezja u dan l-Istat terz jew ta’ proċedura pendenti quddiem qorti tal-imsemmi Stat terz, fis-sens tal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Brussell Ia. |
|
67 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024, il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej iffirmata f’München fil‑5 ta’ Ottubru 1973, ma fiha ebda dispożizzjoni li tiddefinixxi jew tillimita espressament il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-partijiet kontraenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwimiet transkonfinali dwar il-privattiva Ewropea. |
|
68 |
Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ġurisdizzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni tal-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz meta din il-kwistjoni titqajjem permezz ta’ eċċezzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li biha tkun adita din il-qorti hijiex limitata mid-dritt internazzjonali ġenerali. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali jorbtu, bħala tali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK,C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47, u tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina,C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li att adottat bis-saħħa tal-kompetenzi tal-Unjoni, bħar-Regolament Brussell Ia, għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu limitat, fid-dawl ta’ dawn ir-regoli u prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291). |
|
70 |
Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, minħabba l-post tad-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jagħtu deċiżjoni f’kawża marbuta, tal-inqas parzjalment, minħabba s-suġġett tagħha, ma’ Stat terz, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu,C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 30 u 31). |
|
71 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li din il-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut għandha tiġi eżerċitata mingħajr ma tinterferixxi mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li bis-saħħa tiegħu Stat ma jistax jindaħal fit-tilwimiet li jaqgħu essenzjalment taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat ieħor. |
|
72 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, Stat jista’ joħroġ, jivvalida u jirreġistra strumenti ta’ proprjetà intellettwali li, fit-territorju ta’ dak l-Istat, jagħtu drittijiet esklużivi ta’ proprjetà intellettwali lill-proprjetarju tagħhom, bħal privattiva. Barra minn hekk, mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), jirriżulta li waħda mir-raġunijiet għalfejn il-punt 4 tal-Artikolu 16 ta’ din il-konvenzjoni, li għalih jikkorrispondi l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, ta ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat kontraenti li jkun ħareġ privattiva sabiex jagħtu deċiżjonijiet f’tilwimiet dwar ir-reġistrazzjoni jew tal-validità tagħha tinsab fil-fatt li “l-għoti ta’ privattiva nazzjonali jirriżulta mis-sovranità nazzjonali”. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija ġġustifikata kemm mill-fatt li l-ħruġ tal-privattivi jimplika l-intervent tal-amministrazzjoni nazzjonali kif ukoll mill-fatt li dawn il-qrati huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li fihom it-tilwima tkun tirrigwarda hija stess il-validità tal-privattiva jew l-eżistenza tal-preżentata jew tar-reġistrazzjoni. |
|
73 |
Issa, peress li deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla privattiva taffettwa l-eżistenza jew, fil-każ ta’ annullament parzjali, il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet esklużivi, huma biss il-qrati kompetenti ta’ dan l-Istat li jistgħu jagħtu tali deċiżjoni. Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil imsemmi fil-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huma biss il-qrati tal-Istat terz ta’ ħruġ jew ta’ validazzjoni ta’ privattiva li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddikjaraw l-invalidità ta’ din il-privattiva, permezz ta’ deċiżjoni li tista’ twassal għall-emenda tar-reġistru nazzjonali ta’ dan l-Istat fir-rigward tal-eżistenza jew tal-kontenut tal-imsemmija privattiva. |
|
74 |
Għall-kuntrarju, il-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, adita, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, b’azzjoni għal kontrafazzjoni li fil-kuntest tagħha titqajjem bħala eċċezzjoni l-kwistjoni tal-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni jekk ebda waħda mil-limitazzjonijiet imsemmija fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza ma tkun applikabbli, peress li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti mitluba f’dan ir-rigward ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-eżistenza jew il-kontenut ta’ din il-privattiva f’dan l-Istat terz, jew li twassal għall-emenda tar-reġistru nazzjonali tiegħu. |
|
75 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Frar 2024 u kif indikaw il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea matul is-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2024 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-deċiżjoni għandha unikament effetti inter partes, jiġifieri portata limitata għall-partijiet fil-kawża. Għalhekk, meta l-kwistjoni tal-validità ta’ privattiva mogħtija fi Stat terz titqajjem permezz ta’ eċċezzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ din il-privattiva quddiem qorti ta’ Stat Membru, din l-eċċezzjoni hija intiża biss sabiex tikseb iċ-ċaħda ta’ din l-azzjoni, u ma hijiex intiża sabiex tinkiseb deċiżjoni li twassal għall-annullament totali jew parzjali tal-imsemmija privattiva. B’mod partikolari, dik id-deċiżjoni fl-ebda każ ma tista’ tinkludi ordni indirizzata lill-awtorità amministrattiva responsabbli għaż-żamma tar-reġistru nazzjonali tal-Istat terz ikkonċernat. |
|
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal qorti ta’ Stat terz u, konsegwentement, ma jagħti ebda ġurisdizzjoni, esklużiva jew le, lil tali qorti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata minn dan l-Istat. Jekk qorti ta’ Stat Membru tiġi adita, abbażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, b’azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva maħruġa jew ivvalidata fi Stat terz li fil-kuntest tagħha titqajjem, permezz ta’ eċċezzjoni, il-kwistjoni tal-validità ta’ din il-privattiva, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni, skont dan l-Artikolu 4(1), sabiex tagħti deċiżjoni dwar din l-eċċezzjoni, peress li d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-eżistenza jew il-kontenut tal-imsemmija privattiva f’dan l-Istat terz jew li twassal għall-emenda tar-reġistru nazzjonali tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
77 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.