SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Regolament (KE) Nru 1186/2009 – Eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 46 – Tikketti għall-immarkar tal-ħut – Kunċett ta’ ‘strument jew apparat xjentifiku’ – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 39269092 u 39269097”

Fil-Kawża C‑344/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Augstākā tiesa (Senāts) (Cour suprême, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

Pārtikas drošības, dzīvnieku veselības un vides zinātniskais institūts “BIOR”

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn I. Jaunzeme, ģenerāldirektore,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas‑16 ta’ Novembru 2009, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU 2009, L 324, p. 23) u, min-naħa l-oħra, tas-subintestaturi tariffarji 39269092 u 39269097 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 02, P. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar n-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u t-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Volum 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU 2017, L 282, p. 1) (iktar ’il quddiem in- “NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Pārtikas drošības, dzīvnieku veselības un vidi zinātniskais institūts “BIOR” (l-Istitut Xjentifiku tas-Sigurtà tal-Prodotti tal-Ikel, tas-Saħħa tal-Annimali u tal-Ambjent (“BIOR”, il-Latvja), iktar (’il quddiem il-“BIOR”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Latvja, iktar ’il quddiem l- “amministrazzjoni fiskali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja u, għaldaqstant, id-dazji fuq l-importazzjoni dovuti minn BIOR fir-rigward tat-tikketti intiżi għall-immarkar tal-ħut.

Il‑kuntest ġuridiku

Is‑SA

3

Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-Nomenklaturi Tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA.

5

Ir-regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA [traduzzjoni mhux uffiċjali] tipprevedi:

“Meta b’applikazzjoni tar-regola 2(b) jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie f’żewġ intestaturi jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta fuq l-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madankollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi biss għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett offrut għall-bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża tal-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(c)

meta l-oġġetti ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jixirqilhom li jitqiesu b’mod ugwali.”

6

In-nota ta’ spjega dwar ir-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA tistipula:

“VI)

Dan it-tieni metodu ta’ klassifikazzjoni jirrigwarda biss il-każ:

1)

ta’ prodotti mħalltin;

2)

ta’ oġġetti komposti minn materjali differenti:

3)

ta’ oġġetti kkostitwiti mill-assemblaġġ ta’ artikoli differenti;

[…]

VIII)

Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ merkanzija. Jista’, pereżempju, jirriżulta min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-artikoli li jikkomponuha, mill-volum tagħha, mill-kwantità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-valur tagħha, mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fir-rigward tal-użu tal-merkanzija. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

7

In-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 392690 tas-SA huma fformulati kif ġej:

“Din l-intestatura tkopri oġġetti li ma humiex speċifikati jew inklużi band’ oħra (kif iddefiniti f’nota 1 għal dan il-kapitolu) jew materjali oħra tal-intestaturi 39.01 sa 39.14 […]”

In‑NM

8

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Din in-nomenklatura tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta, kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazji doganali komuni skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi regolament jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

10

Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti tal-parti A tat-Taqsima I tan-NM:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli qed jingħataw biss għal finijiet ta’ ħeffa tar-referenza; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jesiġux mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

(a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun ikklassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.

(b)

Kwalunkwe referenza f’titlu [intestatura] għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda [komposti] għandha ssir skond il-prinċipji ta’ regola 3.

3.

Meta b’applikazzjoni tar-regola 2(b) jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie f’żewġ intestaturi jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej.

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta fuq l-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madankollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi biss għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett offrut għall-bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża tal-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(c)

meta l-oġġetti ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jixirqilhom li jitqiesu b’mod ugwali.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

11

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi, it-Taqsima VII, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”. Il-Kapitolu 39 tas-SA huwa intitolat “Plastik u oġġetti magħmula minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12

In-nota 1 tal-Kapitolu 39 hija fformulata kif ġej:

“Matul in-[NM], l-espressjoni ‘plastiks’ tfisser dawk il-materjali ta’ titli 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, li jkunu ffurmati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’suriet li jibqgħu wara t-tneħħija ta’ l-influwenza esterna.

Fin-[NM], kwalunkwe referenza għall-“plastik” tinkludi wkoll il-fibri vulkanizzati. Madankollu, l-espressjoni ma tapplikax għall-materjali meqjusin bħala materjali tessili tat-Taqsima XI.”

13

L-imsemmi Kapitolu 39 jinkludi l-intestaturi u s-subintestaturi tan-NM li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata tad-dazju konvenzjonali (%)

Unità Supplimentari

[…]

 

 

 

3926

Oġġetti oħrajn tal-plastik u oġġetti ta’ materjali oħrajn tal-intestaturi 3901 sa 3914:

 

 

[…]

 

 

 

3926 90

oħrajn:

 

 

[…]

 

 

 

 

– – oħrajn

 

 

3926 90 92

– – – Magħmulin minn folja

6.5

3926 90 97

– – – oħrajn

6.5 […]

Ir‑Regolament Nru 1798/75

14

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1798/75, tal‑10 ta’ Lulju 1975, dwar l-importazzjoni b’eżenzjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni ta’ oġġetti ta’ natura edukattiva, xjentifika jew kulturali (ĠU 1975, L 184, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1027/79, tat‑8 ta’ Mejju 1979 (ĠU 1979, L 134, p. 1) (iktar’ il quddiem ir- “Regolament Nru 1798/75), kien jipprevedi:

“1.   L-istrumenti u apparat xjentifiċi mhux koperti mill-Artikolu 2 li huma importati esklussivament għal skopijiet mhux kummerċjali għandhom ikunu eżentati mid-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fejn:

(a)

huma intiżi għal:

stabbilimenti pubbliċi jew ta’ utilità pubblika li l-attività prinċipali tagħhom hija t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, kif ukoll is-servizzi ta’ istituzzjoni pubblika jew ta’ utilità pubblika u li għandhom bħala l-attività prinċipali tagħhom tagħlim jew riċerka xjentifika;

jew stabilimenti privati prinċipalment marbuta f’riċerka edukattiva jew xjentifika u approvata mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri biex jirċievu dawk l-oġġeti ħielsa mid-dazju

u li

(b)

strumenti jew apparat ta’ valur xjentifiku ekwivalenti ma humiex qed jiġu mmanifatturati bħalissa fil-Komunità.

[…]

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu:

“strument jew apparat xjentifiku” tfisser strument jew apparat li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tiegħu u r-riżultati li jippermetti li jinkisbu, ikun esklussivament jew prinċipalment kapaċi li jwettaq attivitajiet xjentifiċi;

[…]”

Ir‑Regolament Nru 1186/2009

15

Il-premessi 1, 2 u 3 tar-Regolament Nru 1186/2009 jistipulaw:

“(2)

Fl-assenza ta’ miżura speċifika ta’ deroga adottata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, dazji tat-tariffa doganali komuni huma applikabbli għall-merkanzija kollha imporata fil-Komunità. […]

3

Iżda, f’ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes, tassazzjoni bħal din mhijiex ġustifikata.”

16

Fi kliem l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament jistipula dawk il-każijiet li fihom, minħabba ċirkustanzi speċjali, ħelsien minn dazji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u miżuri adottati abbażi l-Artikolu 133 [KE] għandhom jingħataw meta oġġetti huma rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera jew jiġu esportati mit-territorju doganali tal-Komunità [skont il-każ].”

17

Il-Kapitolu XI tal-imsemmi regolament, intitolat “Materjali edukattivi, xjentifiċi u kulturali; strumenti u apparat xjentifiku”, jinkludi l-Artikoli 42 sa 52 tiegħu.

18

L-Artikolu 43 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-materjali edukattivi, xjentifiċi u kulturali elenkati fl-Anness II għandhom jiddaħħlu mingħajr dazju fuq l-importazzjoni sakemm huma maħsubin jew:

(a)

għal stabbilimenti jew organizzazzjonijiet pubbliċi, edukattivi, xjentifiċi jew kulturali;

(b)

għall-istabbilimenti jew organizzazzjonijiet fil-kategoriji speċifikati biswit kull oġġett fil-kolonna 3 tal-Anness II, bil-kondizzjoni li jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri biex jirċievu tali oġġetti mingħajr dazju.”

19

L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1186/2009 jipprevedi:

“1.   Soġġett għall-Artikoli 45 sa 49, strumenti u apparat xjentifiku li m’humiex inklużi fl-Artikolu 43 għandhom jiddaħħlu ħielsa mid-dazji ta’ importazzjoni meta jkunu importati esklużivament għal għanijiet mhux kummerċjali.

2.   L-eżenzjoni li għaliha tirreferi l-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal strumenti u apparat xjentifiku li jkunu maħsuba għal:

(a)

stabilimenti pubbliċi prinċipalment okkupati f’riċerka edukattiva jew xjentifika u dawk id-dipartimenti ta’ stabilimenti pubbliċi li huma prinċipalment marbuta f’riċerka edukattiva jew xjentifika; jew

(b)

stabilimenti privati prinċipalment marbuta f’riċerka edukattiva jew xjentifika u approvati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jirċievu dawk l-oġġeti ħielsa mid-dazju.”

20

Skont l-Artikolu 46(a) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-għanijiet tal-Artikoli 44 u 45:

(a)

‘strument jew apparat xjentifiku’ tfisser kull strument jew apparat li, skont il-karatteristiċi tal-objettiv tekniku tiegħu u r-riżultati li jagħmilha possibbli li jiġu miksuba, ikun prinċipalment jew esklużivament addattat għall-attivitajiet xjentifiċi;

[…]”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1225/2011

21

L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1225/2011 tat‑ 28 ta’ Novembru 2011 għall-finijiet tal-Artikoli 42 sa 52, 57 u 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU 2011, L 314, p. 20), jinsab fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar id-Dħul Liberu Minn Drittijiet ta’ Importazzjoni ta’ Strumenti Xjentifiċi u Apparat taħt l-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009”. Dan l-artikolu jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 46 tar-[Regolament Nru 1186/2009], il-karatteristiċi tekniċi oġġettivi ta’ strument xjentifiku jew apparat għandu jinftiehem li jfisser dawk il-karatteristiċi li jirriżultaw mill-kostruzzjoni ta’ dak l-istrument jew apparat jew minn aġġustament lejn strument jew apparat standard li jagħmilha ppossibbli li jintlaħaq livell għoli ta’ qadi ’il fuq minn dawk li huma normalment meħtieġa għall-użu industrijali jew kummerċjali.

Fejn mhux possibbli li jiġi stabbilit b’mod ċar abbażi tal-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tagħha jekk strument jew apparat għandux jitqies bħala strument jew apparat xjentifiku, għandha ssir riferenza għall-użu ta’ l-istrument jew apparat li għalih id-dħul mingħajr drittijiet ta’ importazzjoni tiegħu ikun intalab. Jekk dan l-eżami juri li l-istrument jew apparat imsemmi jkun użat għal finijiet xjentifiċi, dan għandu jitqies li jkun ta’ natura xjentifika.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

Il-BIOR, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, importat tikketti tat-tip “T-bar tag”, “streamer tag”, “Standard anchor t-bar tag” u “tagging applicators”, jiġifieri tikketti miksija b’materjal plastiku jew ikkostitwiti minn virga tal-polyethylene, intiżi sabiex jitwaħħlu mal-ħut ħaj, sabiex jiġu osservati l-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom fil-kuntest ta’ riċerka xjentifika (iktar ’il quddiem it-“tikketti inkwistjoni”).

23

Fix-xahar ta’ Ġunju 2018, il-BIOR iddikjara li t-tikketti inkwistjoni kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 39269092 tan-NM bħala “[o]ġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn tal-intestaturi 3901 sa 3914” li huma “magħmulin minn folja”. Il-BIOR sostna li dawn it-tikketti kienu “strumenti jew apparat xjentifiku” importati esklużivament għal finijiet mhux kummerċjali. Fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni, dawn it-tikketti ġew eżentati mid-dazju doganali.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018, l-amministrazzjoni fiskali kklassifikat it-tikketti inkwistjoni fis-subintestatura 39269097 tan-NM bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik u oġġetti ta’ materjali oħrajn tal-intestaturi 3901 sa 3914” li ma humiex “magħmulin minn folji”, suġġetti għal rata ta’ dazju doganali ta’ 6.5 %, minħabba li dawn it-tikketti ma setgħux jitqiesu bħala “strumenti jew apparat xjentifiku”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, peress li l-imsemmija tikketti kienu intiżi għall-immarkar tas-suġġett tal-istudju xjentifiku, li jippermettu li tinġabar l-informazzjoni neċessarja għar-riċerka, iżda ma jippermettux li jitwettqu operazzjonijiet speċifiċi li normalment jitwettqu permezz ta’ strumenti. Għaldaqstant, permezz ta’ din id-deċiżjoni, din l-amministrazzjoni imponiet fuq BIOR il-ħlas ta’ dazji doganali fl-ammont ta’ EUR 612.20 u ta’ ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ EUR 128.56 kif ukoll penalitajiet moratorji.

25

Il-BIOR ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sabiex tikseb eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tat-tikketti inkwistjoni. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2020, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), fl-appell, annullat l-imsemmija deċiżjoni u laqgħet din l-eżenzjoni. Huwa qies li dawn it-tikketti setgħu jitqiesu bħala “strumenti xjentifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 44 tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, peress li dawn kienu jintużaw esklużivament għal finijiet xjentifiċi u mhux kummerċjali.

26

L-amministrazzjoni fiskali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) kienet interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1186/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 46 (a) tiegħu, peress li t-tikketti inkwistjoni huma ta’ natura esklużivament informattiva u ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “strument”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, din l-eżenzjoni għandha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata b’mod strett.

27

Il-BIOR isostni li, mingħajr l-immarkar tal-ħut, ma huwiex possibbli għax-xjenzati la li jistudjaw it-tendenzi migratorji ta’ dawn l-annimali, la li jiddeterminaw ir-rata ta’ sopravivenza tagħhom, u lanqas li jistudjaw it-tkabbir tagħhom, b’tali mod li t-tikketti inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala “strumenti” intiżi sabiex jimmarkaw oġġetti ta’ riċerka xjentifika li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tagħhom u r-riżultati li huma jippermettu li jinkisbu, huma esklużivament jew prinċipalment adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi. Barra minn hekk, il-BIOR isostni li dawn it-tikketti ġew importati esklużivament għal finijiet mhux kummerċjali, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-amministrazzjoni fiskali.

28

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-BIOR u l-amministrazzjoni fiskali ma jaqblux dwar jekk it-tikketti inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 39269092 jew 39269097 tan-NM. Madankollu, din il-qorti tippreċiża li, peress li l-istess rata ta’ dazju doganali tapplika għal dawn iż-żewġ subintestaturi, din id-domanda hija ta’ importanza sekondarja. L-element determinanti huwa jekk dawn it-tikketti jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strument jew apparat xjentifiku”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, kunċett li għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

29

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-kunċett fil-kuntest tar-Regolament Nru 1798/75 li, b’differenza mill-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1186/2009, kien jipprevedi kundizzjoni addizzjonali għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, jiġifieri l-fatt li strumenti u apparat ta’ valur xjentifiku ekwivalenti ma kinux immanifatturati fil-Komunità.

30

Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju ssostni li mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1986, Nicolet Instrument (203/85, EU:C:1986:269, punt 21), jirriżulta li “karatteristiċi tekniċi oġġettivi” tfisser dawk li, filwaqt li jirriżultaw mill-kostruzzjoni ta’ dan l-istrument jew mill-adattamenti li għalihom kien suġġett meta mqabbel ma’ strument tat-tip kurrenti, jippermettulu jwettaq prestazzjonijiet li jeċċedu dawk normalment meħtieġa għal użu industrijali jew kummerċjali.

31

Sussegwentement, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1978, Universiteitskliniek (72/77, EU:C:1978:21, punt 15), tad‑29 ta’ Jannar 1985, Gesamthochschule Duisburg (234/83, EU:C:1985:30, punt 27) u tal‑21 ta’ Jannar 1987, Control Data Belgium vs Il-Kummissjoni (13/84, EU:C:1987:16, punt 16), jirriżulta li l-kriterju li, sabiex jitqies bħala “strument jew apparat xjentifiku”, l-istrument jew l-apparat inkwistjoni għandu jkun, minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tiegħu u r-riżultati li jippermetti li jinkisbu, “esklużivament jew prinċipalment adatti” għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi, jeħtieġ biss li dan l-istrument ikun prinċipalment speċifiku għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet xjentifiċi, mingħajr ma l-fatt li huwa wkoll, għalkemm b’mod sekondarju, xieraq għal għanijiet oħra, bħall-isfruttament industrijali, jikkostitwixxi raġuni ta’ skwalifika.

32

Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 1983, Gesamthochschule Essen (300/82, EU:C:1983:324, punt 15) u tas‑26 ta’ Jannar 1984, Ludwig-Maximilians-Universität München (45/83, EU:C:1984:31, punti 11, 1214), jirriżulta li artiklu li, skont in-natura tiegħu stess, ma huwiex mezz ta’ studju, iżda għodda għat-twettiq ta’ riċerka xjentifika ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “strument jew apparat xjentifiku”, filwaqt li materjal li, skont id-disinn tekniku tiegħu stess u l-funzjonament tiegħu, iservi huwa stess u direttament bħala għodda ta’ riċerka xjentifika jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett.

33

Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza hijiex applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet tal-lingwi kollha tal-Unjoni.

34

Issa, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-termini “apparat” u “instruments” għandhom tifsiriet differenti fil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Franċiża u Latvjana. Għalhekk, minn naħa, fir-rigward tal-kelma “apparat” tqum il-kwistjoni dwar jekk dan għandux jiġi ddefinit bħala apparat tekniku, għodda jew tagħmir li jissodisfa funzjoni jew pjuttost bħala sett ta’ elementi tekniċi, ta’ għodda jew ta’ partijiet ta’ tagħmir li jissodisfaw tali funzjoni. Min-naħa l-oħra, it-terminu “strument” jista’ jiġi interpretat kemm b’mod wiesa’ bħala għodda jew mezz li jista’ jintuża sabiex jitwettaq xogħol jew kompitu konkret, kif ukoll b’mod restrittiv billi jiġi impost ir-rekwiżit addizzjonali li din l-għodda jew dan il-mezz għandhom iservu sabiex jitwettqu operazzjonijiet konkreti normalment imwettqa bl-istrumenti.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-terminu ‘strument jew apparat xjentifiku’ li jinsab fl-Artikolu 46(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas 16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jinkludi oġġetti li, minħabba l-istruttura teknika u l-funzjonament proprju tagħhom, iservu minnhom infushom u direttament bħala mezz ta’ riċerka xjentifika?

2)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat 23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat 12 ta’ Ottubru 2017, għandha tiġi interpretata fis-sens li s-subintestatura 3926909290 tan-Nomenklatura Magħquda tista’ tinkludi tikketti tal-plastik għall-ħut?In- [NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li s-subintestatura [39269092] tan- [NM] tista’ tinkludi marki tal-plastik għall-ħut?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(a) tar-Regolament Nru 1186/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikketti miksija b’materjal plastiku jew magħmula minn virga tal-polietilen u li, skont id-disinn tekniku tagħhom stess u l-funzjonament tagħhom, iservu, bħala tali, bħala għodda ta’ riċerka xjentifika, sa fejn huma marbuta ma’ ħut ħaj sabiex josservaw il-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strumenti” jew ta’ “apparat”, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xjentifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Skont l-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, “strument jew apparat” jista’ jiġi kklassifikat bħala “xjentifiku” meta, “minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tiegħu u r-riżultati li huwa jippermetti li jinkisbu”, ikun “esklużivament jew prinċipalment adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi”.

38

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk it-tikketti inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “strument” jew “apparat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 1186/2009 u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1225/2011 ma jipprovdu definizzjoni tal-kunċett ta’ “strument” jew ta’ dak ta’ “apparat” u lanqas ma jagħmlu riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt nazzjonali.

40

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, DSR–Montagem e Manutenção de Ascensores e Escadas Rolantes, C‑218/21, EU:C:2022:355, punt 29, u tat‑22 ta’ Frar 2024, Randstad Empleo et, C‑649/22, EU:C:2024:156, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, minn naħa, skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “apparat” huwa mifhum bħala assemblaġġ ta’ partijiet intiżi sabiex jiffunzjonaw flimkien jew sett ta’ elementi tekniċi organizzati f’unità iktar kompluta minn għodda u li għandha funzjoni. Issa, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jistax jitqies li t-tikketti inkwistjoni jikkostitwixxu tali assemblaġġ ta’ partijiet jew tali sett ta’ elementi tekniċi, b’tali mod li dawn ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett.

42

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “strument” jindika, skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, għodda jew oġġett immanifatturat li jippermetti li titwettaq operazzjoni jew xogħol. Għalhekk, dan il-kunċett huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikun jista’ jkopri t-tikketti inkwistjoni li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, huma għodda jew oġġetti mmanifatturati sabiex jiġi mmarkat ħut ħaj.

43

Fir-rigward tal-kuntest li fih il-kunċett ta’ “strument” jidħol fil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1186/2009 jeżenta mid-dazji fuq l-importazzjoni l-“istrumenti xjentifiċi” li huma importati esklużivament għal finijiet mhux kummerċjali.

44

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-VAT, li tapplika wkoll fil-qasam tad-dazji doganali, it-termini użati sabiex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq l-oġġetti u s-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Lietuvos geležinkeliai, C‑250/11, EU:C:2012:496, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li l-kelma “any” tidher qabel il-kelma “strument” fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 46(a) tar-Regolament Nru 1186/2009 ma jistax jikkorrobora interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “strument”. Fil-fatt, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u Franċiża, li jirreferu rispettivament għal “diejenigen Instrumente” u għal “un instrument”, ma jinkludux kelma ekwivalenti “any”. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ disparità bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-finalità tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “strument xjentifiku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1798/75, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi materjal li jservi mhux bħala oġġett, iżda bħala għodda ta’ riċerka xjentifika, jiġifieri meta r-riċerka titwettaq permezz ta’ dan il-materjal, b’tali mod li r-rwol tal-imsemmi materjal fil-kuntest tal-proċess ta’ riċerka ma huwiex purament passiv. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 1983, Gesamthochschule Essen, 300/82, EU:C:1983:324, punt 15, u tas‑26 ta’ Jannar 1984, Ludwig-Maximilians-Universität München, 45/83, EU:C:1984:31, punt 11).

47

Issa, minbarra l-kundizzjoni addizzjonali għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1798/75, li tipprovdi li “strumenti jew apparat ta’ valur xjentifiku ekwivalenti [ma kinux] immanifatturati fil-Komunità”, li ma tidhirx iktar fl-Artikolu 44(1) u (2) tar-Regolament Nru 1186/2009, kundizzjoni li ma hijiex determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “strument xjentifiku”, din l-aħħar dispożizzjoni hija fformulata f’termini, essenzjalment, identiċi għal dawk tal-Artikolu 3(1). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1798/75 u l-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009 jiddefinixxu dan il-kunċett b’mod assolutament identiku. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett fil-kuntest tar-Regolament Nru 1798/75, imsemmija fil-punt preċedenti, hija rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istess kunċett fis-sens tar-Regolament Nru 1186/2009.

48

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kelma “strument”, meta għandha tiġi kklassifikata bħala “xjentifika”, tista’ tinftiehem bħala li tkopri mhux biss l-għodda u l-oġġetti mmanifatturati sabiex titwettaq attività speċifika, iżda wkoll materjal li, skont id-disinn tekniku u l-funzjonament tiegħu stess, huwa intiż li jservi bħala għodda ta’ riċerka xjentifika, kif jidher li huwa l-każ tat-tikketti inkwistjoni, li huma marbuta ma’ ħut ħaj, sabiex josservaw il-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom.

49

Għall-bqija, il-kuntest li fih it-terminu “strument” jaqa’ fir-Regolament Nru 1186/2009, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1225/2011 u fin-NM, l-istess bħall-għanijiet intiżi minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, ma tantx huma konklużivi sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira ta’ din il-kelma.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li t-tikketti inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “strument”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009.

51

Fit-tieni lok, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “strumenti xjentifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, dawn it-tikketti għandhom, minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tagħhom u r-riżultati li huma jippermettu li jinkisbu, ikunu esklużivament jew prinċipalment adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi.

52

Fir-rigward tal-punt dwar jekk it-tikketti inkwistjoni għandhomx “karatteristiċi tekniċi oġġettivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jagħmluhom adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1225/2011, il-“karatteristiċi tekniċi oġġettivi” ta’ strument xjentifiku huma ddefiniti bħala dawk “li jirriżultaw mill-kostruzzjoni ta’ dak l-istrument […] jew minn aġġustament lejn strument […] standard li jagħmilha possibbli li jintlaħaq livell għoli ta’ qadi ’il fuq minn dawk li huma normalment meħtieġa għall-użu industrijali jew kummerċjali”.

53

F’dan il-każ, hemm inkwistjoni tikketti miksija bil-plastik jew magħmula minn virga tal-polyethylene u marbuta mal-ħut, sabiex josservaw il-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom fil-kuntest ta’ riċerka xjentifika. Għalkemm huwa minnu li, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tali tikketti jidhru adatti sabiex jintużaw għal finijiet xjentifiċi, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li dawn għandhom karatteristiċi li jirriżultaw mill-kostruzzjoni jew mill-adattament tagħhom li jippermettulhom jiksbu prestazzjonijiet ta’ livell għoli li jmorru lil hinn minn dawk meħtieġa għal użu industrijali jew kummerċjali. Fil-fatt, kif essenzjalment irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tikketti bħat-tikketti inkwistjoni jidhru wkoll li jistgħu jsibu użu xieraq fil-kuntest tal-akwakultura jew tas-sajd sportiv, għal finijiet industrijali jew kummerċjali.

54

Għalkemm, ċertament, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1225/2011, strument użat għall-finijiet ta’ attivitajiet xjentifiċi jitqies li għandu natura xjentifika, għandu jiġi kkonstatat li din il-preżunzjoni tapplika biss meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tiegħu, jekk l-istrument inkwistjoni għandux jitqies bħala “strument xjentifiku”. Issa, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punt preċedenti, f’dan il-każ, jidher possibbli li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità li t-tikketti inkwistjoni ma għandhomx tali “karatteristiċi tekniċi oġġettivi” li jagħmluhom adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi.

55

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, it-tikketti inkwistjoni ma għandhomx “karatteristiċi tekniċi oġġettivi”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1225/2011, li jirrenduhom adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi.

56

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li t-tikketti inkwistjoni għandhom tali “karatteristiċi tekniċi oġġettivi”, dawn it-tikketti ma jidhrux li huma, minħabba dawn il-karatteristiċi u riżultati li huma jippermettu li jinkisbu, “prinċipalment jew esklużivament addattat għall-attivitajiet xjentifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009. Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan ir-rekwiżit jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk l-istrument inkwistjoni huwiex, l-ewwel nett, kapaċi għall-attivitajiet xjentifiċi, jiġifieri l-akkwist u l-approfondiment tal-għarfien xjentifiku, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li dan ikun ukoll, għalkemm b’mod sekondarju, xieraq għal għanijiet oħra, bħall-isfruttament industrijali jew kummerċjali. (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 1985, Gesamthochschule Duisburg, 234/83, EU:C:1985:30, punt 27, u tal‑21 ta’ Jannar 1987, Control Data Belgium vs Il-Kummissjoni, 13/84, EU:C:1987:16, punt 16).

57

Issa, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li t-tikketti inkwistjoni ma jidhrux li huma iktar adatti għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi milli għal għanijiet oħra, b’mod partikolari għal finijiet industrijali jew kummerċjali. Għaldaqstant, anki b’riżerva għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, dawn it-tikketti ma humiex, minħabba l-karatteristiċi tekniċi oġġettivi tagħhom, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, u tar-riżultati li huma jippermettu li jinkisbu, “prinċipalment jew esklużivament addattat għall-attivitajiet xjentifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 46 (a) tar-Regolament Nru 1186/2009.

58

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamlu l-Kummissjoni u l-amministrazzjoni fiskali, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-tikketti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strument xjentifiku”, fis-sens tal-Artikolu 46(a) tar-Regolament Nru 1186/2009.

59

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata kemm mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li tgħid li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif ukoll mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1186/2009, moqri fid-dawl tal-premessi 2 u 3 tiegħu, li jipprovdi li eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifikata biss f’“ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes”.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(a) tar-Regolament Nru 1186/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikketti miksija b’materjal plastiku jew magħmul minn virga tal-polyethylene u li, skont id-disinn tekniku tagħhom stess u l-funzjonament tagħhom, iservu, bħala tali, bħala għodda ta’ riċerka xjentifika, sa fejn huma marbuta ma’ ħut ħaj sabiex josservaw il-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strumenti xjentifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

61

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tikketti miksija b’materjal plastiku jew ikkostitwiti minn virga tal-polyethylene u li huma mwaħħla ma’ ħut ħaj għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jaqgħux taħt is-subintestatura 39269092 tan-NM jew jekk tali tikketti jaqgħux taħt is-subintestatura 39269097 ta’ din in-nomenklatura.

62

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, li din il-kwistjoni hija ta’ importanza sekondarja sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kawża prinċipali, peress li r-rata ta’ dazju applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt kull waħda minn dawn iż-żewġ subintestaturi hija identika, jiġifieri 6.5 %.

63

Madankollu, ma huwiex eskluż li l-qorti tar-rinviju jkollha tiddeċiedi jekk l-amministrazzjoni fiskali wettqitx klassifikazzjoni tariffarja korretta fir-rigward tat-tikketti inkwistjoni, anki jekk dan ma għandux impatt fuq ir-rata tad-dazju doganali applikabbli.

64

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tariffarji tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-NM għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli titqies li għandha biss valur indikattiv. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm in-noti ta’ spjega, minn naħa, tas-SA, u min-naħa l-oħra, tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Mill-formulazzjoni tal-intestatura 3926 tan-NM jirriżulta li din tkopri l-“[o]ġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ titli 3901 sa 3914”.

68

Barra minn hekk, in-Nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-NM tiddefinixxi l-kunċett ta’ “plastiks” bħala li jkopri b’mod partikolari “materjali ta’ titli 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, li jkunu ffurmati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’suriet li jibqgħu wara t-tneħħija ta’ l-influwenza esterna.”

69

Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi li jqajmu dubji dwar ir-rilevanza ta’ klassifikazzjoni tat-tikketti inkwistjoni fl-intestatura 3926 tan-NM, kif iddefinita fin-nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-NM.

70

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tikketti tat-tip “streamer tag” jinkludux, minbarra strixxa tal-polyethylene, ponta tal-metall li sservi sabiex dawn it-tikketti jitqiegħdu fuq il-ħut. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, għandha ssir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dawn it-tikketti b’applikazzjoni tar-regola ġenerali 3 għall-interpretazzjoni tan-NM.

71

F’dan ir-rigward, mir-regola ġenerali 3 (a) għall-interpretazzjoni tan-NM jirriżulta li l-intestatura l-iktar speċifika għandu jkollha l-prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk it-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi. Issa, fir-rigward ta’ tikketti li jinkludu, minbarra strixxa tal-polyethylene, ponta tal-metall, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ partijiet ta’ dawn it-tikketti huma magħmula minn materjali li ma jaqgħux taħt l-istess intestatura tan-NM, b’tali mod li dawn l-intestaturi għandhom jitqiesu li huma wkoll speċifiċi u li klassifikazzjoni tariffarja ma tidhirx għaldaqstant possibbli skont din ir-regola ġenerali.

72

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li dan huwa effettivament il-każ, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tat-tikketti tat-tip “streamer tag”, għandha tiġi applikata r-regola ġenerali 3 (b) għall-interpretazzjoni tan-NM, li tipprovdi li “[i]l-prodotti mħalltin [u] oġġetti komposti minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti […], li l-klassifikazzjoni tagħhom ma tistax issir skont ir-[Regola Ġenerali 3 (a) għall-interpretazzjoni tan-NM] għandhom ikunu klassifikati daqslikieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom”.

73

Dan il-karattru essenzjali jista’ jiġi ddeterminat billi jiġi mistoqsi jekk il-prodott, privat ta’ wieħed jew ieħor mill-komponenti tiegħu, iżommx jew le l-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Kif jindika l-punt VIII tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar ir-Regola 3 (b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, li tikkorrispondi mar-regola ġenerali 3 (b) għall-interpretazzjoni tan-NM, il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodotti, jiġi identifikat min-natura tal-materjal li jkun magħmul minnhom jew mill-komponenti tiegħu, mill-volum tiegħu, mill-kwalità tiegħu, mill-piż tiegħu, mill-valur tiegħu jew mill-importanza li għandu wieħed mill-materjali li jkun magħmul minnhom għall-użu ta’ dawn il-prodotti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, PR Pet, C‑24/22, EU:C:2023:507, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, il-ponta tal-metall li għandhom it-tikketti tat-tip “streamer tag” isservi biss għat-twaħħil tagħhom fuq il-ġisem tal-ħut, għandu jiġi kkonstatat li l-istrixxa tal-polyethylene li minnha dawn it-tikketti huma magħmula tagħtihom in-natura essenzjali tagħhom, b’tali mod li, konformement mar-regola ġenerali 3 (b) għall-interpretazzjoni tan-NM, l-imsemmija tikketti għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 3926 tan-NM, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

75

Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM u mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza, f’liema subintestatura tal-intestatura 3926 tan-NM it-tikketti inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element li jista’ jiġġustifika klassifikazzjoni ta’ dawn it-tikketti f’subintestatura oħra minbarra fis-subintestatura 39269097 tan-NM, intitolata “Oħrajn”.

76

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li tikketti miksija b’materjal plastiku jew magħmula minn virga tal-polyethylene u li huma mwaħħla ma’ ħut ħaj għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jaqgħu taħt is-subintestatura 39269097 tan-NM, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn it-tikketti huma jew esklużivament komposti minn “materjali tal-plastik”, fis-sens tan-Nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-NM, jew li l-materjal plastiku jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, jekk dawn ikunu prodotti mħallta jew magħmula minn materjali differenti jew magħmula mill-assemblaġġ ta’ oġġetti differenti, fis-sens tar-regola ġenerali 3 (b), għall-interpretazzjoni tan-NM, li l-klassifikazzjoni tagħha ma tistax issir skont il-punt (a) ta’ din ir-regola ġenerali.

Fuq l‑ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 46(a)tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas‑16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tikketti miksija b’materjal plastiku jew magħmul minn virga tal-polyethylene u li, skont id-disinn tekniku tagħhom stess u l-funzjonament tagħhom, iservu, bħala tali, bħala għodda ta’ riċerka xjentifika, sa fejn huma marbuta ma’ ħut ħaj sabiex josservaw il-migrazzjoni u t-tkabbir tagħhom, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strumenti xjentifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tikketti miksija b’materjal tal-plastik jew magħmula minn virga tal-polyethylene u li huma mwaħħla ma’ ħut ħaj għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jaqgħu taħt is-subintestatura 39269097 tan-NM, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn it-tikketti huma jew esklużivament komposti minn “materjali tal-plastik”, fis-sens tan-Nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-NM, jew li l-materjal plastiku jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, jekk dawn ikunu prodotti mħallta jew magħmula minn materjali differenti jew magħmula mill-assemblaġġ ta’ oġġetti differenti, fis-sens tar-regola ġenerali 3 (b), għall-interpretazzjoni tan-NM, li l-klassifikazzjoni tagħha ma tistax issir skont il-punt (a) ta’ din ir-regola ġenerali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.