EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0250

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Lulju 2012.
Lietuvos geležinkeliai AB vs Vilniaus teritorinė muitinė Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės.
Eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti — Karburant li jinsab fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur li jinsaqu fuq l-art — Kunċett ta’ ‘vettura tat-triq bil-mutur’ — Lokomotivi — Transport bit-triq u transport ferrovjarju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ newtralità.
Kawża C-250/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:496

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti — Karburant li jinsab fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur li jinsaqu fuq l-art — Kunċett ta’ ‘vettura tat-triq bil-mutur’ — Lokomotivi — Transport bit-triq u transport ferrovjarju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ newtralità”

Fil-Kawża C-250/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Lietuvos geležinkeliai AB

vs

Vilniaus teritorinė muitinė,

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lietuvos geležinkeliai AB, minn J. Sakalauskas u K. Švirinas, avukati,

għall-Vilniaus teritorinė muitinė, minn L. Markevičienė, bħala aġent,

għall-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos, minn A. Šipavičius, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u D. Stepanienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn G. Papadaki u I. Bakopoulos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:

tal-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoni[j]iet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1315/88, tat-3 ta’ Mejju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 918/83”);

tal-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, p. 23);

tal-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 91), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/331/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 131, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/181”); u

tal-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lietuvos geležinkeliai AB (kumpannija b’responsabbiltà limitata Litwana tal-ferroviji, iktar ’il quddiem “LG”) u Vilniaus teritorinė muitinė (dipartiment tad-dwana ta’ Vilnius) dwar dazji supplimentari tas-sisa u t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), kif ukoll dwar multa imposta fuq LG minn dan id-dipartiment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 918/83 jifforma parti mit-Titolu XXVII tiegħu, intitolat “Karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur ta’ l-art [li jinsaqu fuq l-art]”.

4

L-Artikolu 112(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-karburant miżmum fit-tankijiet standard ta’ karozzi privati u kummerċjali u muturi, li jidħlu fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, għandu jkun eżenti mid-dazji fuq l-importazzjoni.

5

Skont l-Artikolu 112(2)(a) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “vettura b’mutur [karozza] kummerċjali” huwa ddefinit kif ġej:

“kwalunkwe vettura għat-triq [tat-triq] b’mutur (inklużi t-tratturi bil-karrijiet jew mingħajrhom) li bit-tip ta’ kostruzzjoni tagħhom u t-tgħammir tagħhom huma mfassla għal u kapaċi jittrasportaw, kemm jekk bil-ħlas jew le:

iktar minn disa’ persuni inkluż is-sewwieq,

il-merkanzija,

u kwalunkwe vettura għat-triq għal skop speċifiku li mhux għat-trasport”.

6

Fil-verżjonijiet tal-Artikolu 112(2)(a) tal-istess regolament bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena u Finlandiża, id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tikkwalifika l-vettura inkwistjoni bħala vettura “għat-triq [tat-triq]”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Svediża ma hemmx tali kwalifika.

7

L-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 918/83 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jillimitaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għal dak li jirrigwarda l-karburant fit-tankijiet standard ta’ karozzi kummerċjali għal 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

8

Ir-Regolament 1186/2009 ħassar ir-Regolament Nru 918/83 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. L-Artikolu 107(1)(a) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 108 tiegħu jirriproduċu madankollu l-Artikoli 112(1)(a) u 113 tar-Regolament Nru 918/83 bi kliem identiku, jew, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bi kliem essenzjalment identiku.

9

L-Artikolu 82 tad-Direttiva 83/181, li jifforma parti mill-Kapitolu VI ta’ din tal-aħħar, huwa intitolat “Karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur ta’ l-art [li jinsaqu fuq l-art] u f’kontenituri speċjali”.

10

L-Artikolu 82(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi, bi kliem essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, li l-karburant li jkun fit-tankijiet standard, b’mod partikolari ta’ karozzi kummerċjali, għandu jkun eżenti mill-VAT fuq l-importazzjoni.

11

L-Artikolu 82(2)(a) tad-Direttiva 83/181 fih definizzjoni tal-kunċett ta’ “vettura bil-mutur [karozza] kummerċjali” li hija, f’kull verżjoni lingwistika bl-eċċezzjoni tal-verżjonijiet bil-lingwa Rumena u Svediża, identika, jew essenzjalment identika, għal dik li tidher fl-Artikolu 112(2)(a) tar-Regolament Nru 918/83.

12

Fil-verżjonijiet tal-Artikolu 82(2)(a) tal-istess regolament bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża, id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tikkwalifika l-vettura inkwistjoni bħala vettura “tat-triq”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Rumena ma hemmx tali kwalifika.

13

L-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jillimitaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għal dak li jirrigwarda l-karburant fit-tankijiet standard ta’ karozzi kummerċjali għal 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

14

Id-Direttiva 2009/132 ħassar id-Direttiva 83/181 b’effett mit-30 ta’ Novembru 2009. L-Artikolu 84(1)(a) u (2)(a) tad-Direttiva 2009/132 jirriproduċi madankollu id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(1)(a) u (2)(a) tad-Direttiva 83/181 bi kliem identiku, jew, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bi kliem essenzjalment identiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/132 fih dispożizzjonijiet li huma essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181.

Id-dritt Litwan

15

L-Artikolu 40 tal-Liġi tar-Repubblika Litwana Nru IX-751 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas no IX-751, Žin., 2002, no 35-1271, 2002, no 40, 2002, no 46, 2002, no 48), kif emendata (Žin., 2004, no 17-505, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), intitolat “Każijiet speċifiċi li fihom il-prodotti importati ma humiex suġġetti għall-VAT fuq l-importazzjoni”, jipprovdi fil-punt 21 tal-paragrafu 1 tiegħu li “l-karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur [karozzi], neċessarji għall-użu ta’ dawn il-vetturi” għandhom ikunu eżenti mill-VAT fuq l-importazzjoni.

16

Il-punt 18.1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 438, dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ prodotti importati (dėl importuojamų prekių neapmokestinimo pridėtinės vertės mokesčiu, Žin., 2004, no 58-2048), tas-16 ta’ April 2004, jippreċiża li l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni prevista fil-punt 21 tal-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar il-VAT tapplika fir-rigward tal-karburant li jinsab:

“fil-vetturi tat-triq kummerċjali bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, inklużi t-tratturi jew il-vetturi bil-karrijiet, fit-tankijiet tagħhom ta’ karburant imwaħħla b’mod permanenti, imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur (inklużi ċ-ċilindri tal-gass, installati fi vettura fil-kuntest ta’ installazzjoni bil-gass), li minnhom dan il-karburant huwa direttament injettat f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant tal-vettura jew huwa użat fis-sistemi għat-tkessiħ jew f’sistemi oħra.”

17

L-Artikolu 41 tal-Liġi tar-Repubblika Litwana Nru IX-1987 dwar id-dazji tas-sisa (Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas, Žin., 2004, no 26-802, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazji tas-sisa”), intitolat “Każijiet speċifiċi fejn il-prodotti ta’ enerġija huma eżenti mid-dazju tas-sisa”, jipprovdi, fil-punt 8 tal-paragrafu 1 tiegħu, għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal dak li jirrigwarda:

“il-prodotti ta’ enerġija, importati fir-Repubblika tal-Litwanja fi vetturi, fit-tankijiet tagħhom ta’ karburant u ta’ żejt għall-mutur imwaħħla b’mod permanenti, imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur, li minnhom dan il-karburant jew dan iż-żejt huma direttament injettati f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant jew għal-lubrikazzjoni tal-mutur tal-vettura”.

18

L-Artikolu 41(2) tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa jipprovdi li s-sistema ta’ eżenzjoni u l-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma ddefiniti mill-gvern jew minn istituzzjoni awtorizzata minnu.

19

Il-punt 12 tar-Regoli dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fil-punti 3 sa 8 tal-Artikolu 41(1) tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa, approvati permezz tad-Digriet tal-Gvern Nru 821, tal-4 ta’ Ġunju 2002 (Žin., 2002, no 56-2264), jipprovdi li d-dazji tas-sisa ma humiex imposti fuq il-prodotti ta’ enerġija importati fil-Litwanja “jekk jinsabu fi vetturi tat-triq kummerċjali bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, inklużi t-tratturi jew il-vetturi bil-karrijiet, fit-tankijiet tagħhom ta’ karburant imwaħħla b’mod permanenti msemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur (inklużi ċ-ċilindri tal-gass, installati fi vettura fil-kuntest ta’ installazzjoni bil-gass), li minnhom dawn il-prodotti ta’ enerġija huma direttament injettati f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant tal-vettura jew huma użati fis-sistemi għat-tkessiħ jew f’sistemi oħra, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti ta’ enerġija jintużaw fl-istess vettura li fiha ġew importati”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ April 2010, LG xtrat regolarment diżil mill-istazzjonijiet ferrovjarji ta’ Nesterov u ta’ Sovetsk, fit-territorju taż-żona ta’ Kaliningrad (ir-Russja), bħala fjuwil għal-lokomotivi tagħha. Dan il-karburant tpoġġa fit-tankijiet standard tal-lokomotivi u sussegwentement ġie importat fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea fl-imsemmija tankijiet, mingħajr ma kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali.

21

L-awtoritajiet Litwani kienu indikaw lil LG li hija kienet tibbenefika minn eżenzjoni fuq l-importazzjoni għal dak li jirrigwarda l-karburant importat fit-tankijiet tal-lokomotivi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, il-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (dipartiment tad-dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja) kien indika, f’ittra tas-26 ta’ Frar 2002, li ma kienx neċessarju li tiddikajra separatament il-karburant fit-tankijiet tal-lokomotivi li jaqsmu l-fruntiera tar-Repubblika tal-Litwanja, peress li dan il-karburant ma huwiex is-suġġett la tad-dazji tas-sisa u lanqas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

22

Fit-8 ta’ Ġunju 2007, LG ippreżentat, barra minn hekk, talba lill-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (Direttorat nazzjonali tat-taxxi fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja) sabiex tingħata kjarifika dwar jekk il-lokomotivi kellhomx jitqiesu, skont il-liġi dwar il-VAT, bħala vetturi tat-triq bil-mutur. Fit-tweġiba tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2007, din l-awtorità kkonfermat li l-lokomotivi kienu ekwiparati ma’ dawn il-vetturi.

23

F’ittra tal-14 ta’ Novembru 2008, indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja, il-Kummissjoni Ewropea indikat li l-lokomotivi ma jistgħux jiġu ekwiparati ma’ vetturi tat-triq bil-mutur u li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 918/83 kif ukoll fl-Artikolu 82 tad-Direttiva 83/181 ma japplikawx, konsegwentement, għall-karburant importat u li jinsab fit-tankijiet standard tal-lokomotivi.

24

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2008, il-Ministeru tal-Finanzi informa lil LG li l-eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni previsti fil-Liġi dwar il-VAT ma kinux japplikaw għal-lokomotivi. Konsegwentement, LG waqfet milli timla’ t-tankijiet ta’ karburant tal-lokomotivi tagħha fit-territorju Russu. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2009, l-imsemmi Ministeru informa lil LG li d-dipartimenti tiegħu kienu ser jipproċedu għall-irkupru tat-taxxi dovuti fuq il-karburant ittrasportat fit-tankijiet standard tal-lokomotivi.

25

Il-Vilniaus teritorinė muitinė wettaq, sussegwentement, kontroll fiskali għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ April 2010, fir-rigward tal-karburanti importati fit-territorju doganali tal-Unjoni fit-tankijiet standard ta’ lokomotivi u, fis-16 ta’ Diċembru 2010, innotifika lil LG, permezz tad-Deċiżjoni Nru OVM320138M, rettifika ta’ taxxa għall-ammont ta’ LTL 28 860 895 li jinkludi d-dazji tas-sisa, il-VAT fuq l-importazzjoni, l-interessi moratorji kif ukoll multa talli ma ħallsitx id-dazji tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni.

26

Fis-6 ta’ Jannar 2011, LG ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem id-dipartiment tad-dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Billi dan id-dipartiment ma tax id-deċiżjoni tiegħu fit-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, LG ippreżentat, fit-3 ta’ Marzu 2011, rikors intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

27

L-imsemmija qorti tosserva li t-titolu tar-Regolament Nru 918/83 li jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti jirreferi biss għall-“vetturi bil-mutur li jinsaqu fuq l-art” u li l-lokomotivi jaqgħu taħt din il-kategorija. Hija tiddubita jekk il-fatt li tiġi applikata sistema fiskali distinta għall-kategoriji differenti ta’ vetturi li jinsaqu fuq l-art huwiex xieraq u jekk għandux bażi ġuridika. Fl-opinjoni tagħha, għandu jiġi eżaminat jekk trattament fiskali differenti għal-lokomotivi u għall-vetturi tat-triq jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ kriterji oġġettivi, peress li l-fatturi kollha l-oħra inkwistjoni, jiġifieri l-għan tal-vettura (f’dan il-każ, kummerċjali), l-importazzjoni tal-karburanti (f’tankijiet standard) u l-mod kif dawn il-karburanti jintużaw (għall-użu ta’ vetturi) huma identiċi.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni tal-kwistjonijiet fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni stipulata fl-Artikolu 107(2)(a) [107(1)(a)] tar-Regolament Nru 918/83 [Nru 1186/2009] u fl-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009 [Nru 918/83] għandha tiġi interpretata bħala li tapplika għal vetturi bil-mutur li huma lokomotivi?

2)

L-eżenzjoni mill-VAT stipulata fl-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181[...] u fl-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132[...] għandha tiġi interpretata bħala li tapplika għall-vetturi bil-mutur li huma lokomotivi?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, dawn ir-regoli, kif stipulati fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181[...] u tal-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132[...], għandhom jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu lil Stat Membru li jillimita l-każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni tal-karburant, billi jistipula li din l-eżenzjoni tapplika biss għall-karburant impurtat fit-territorju tal-Unjoni Ewropea fit-tankijiet normali [standard] tal-vetturi awtomobilistiċi [bil-mutur] u meħtieġ għall-operazzjoni ta’ dawn il-vetturi?”

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181 u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal-lokomotivi.

30

Għandu jitfakkar li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-karburant fit-tankijiet standard ta’ “vetturi bil-mutur [karozzi] kummerċjali” li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni huwa eżenti mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT fuq l-importazzjoni.

31

Il-kunċett ta’ “vettura bil-mutur [karozza] kummerċjali” huwa ddefinit fl-Artikolu 112(2)(a) tar-Regolament Nru 918/83, fl-Artikolu 107(2)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, fl-Artikolu 82(2)(a) tad-Direttiva 83/181 kif ukoll fl-Artikolu 84(2)(a) tad-Direttiva 2009/132 bħala “kwalunkwe vettura għat-triq [tat-triq] b’mutur” li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, li jistgħu, bħala prinċipju, jiġu sodisfatti kemm minn lokomotivi kif ukoll minn vetturi oħra li jinsaqu fuq l-art.

32

F’dan ir-rigward, kif ġie osservat fil-punti 6, 8, 12 u 14 ta’ din is-sentenza, jeżistu differenzi bejn il-varji verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena u Finlandiża, il-vettura inkwistjoni hija espressament ikkwalifikata bħala vettura “tat-triq”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża u Olandiża ma hemmx tali kwalifika. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jirreferu biss għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”.

33

Fil-verżjonijiet bil-lingwa Rumena u Svediża, teżisti differenza fuq dan il-punt bejn it-tfassil tar-regolamenti u dik tad-direttivi inkwistjoni. Fil-verżjoni bil-lingwa Rumena, filwaqt li d-definizzjoni li tinsab fir-Regolamenti Nri 918/83 u 1186/2009 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura tat-triq b’mutur”, dik li tinsab fid-Direttivi 83/181 u 2009/132 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”. Bil-kontra, fil-verżjoni bil-lingwa Svediża, d-definizzjoni li tinsab fir-Regolamenti Nri 918/83 u 1186/2009 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”, u dik li tinsab fid-Direttivi 83/181 u 2009/132 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura tat-triq b’mutur”.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C-341/01, Ġabra p. I-4883, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-VAT, li tapplika wkoll fil-qasam tad-dazji doganali, it-termini użati sabiex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq l-oġġetti u s-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C-540/09, Ġabra p. I-1509, punt 20).

36

Għal dak li jirrigwarda l-iskop tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni sostnew, matul is-seduta, li l-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan, minn naħa, li jiffaċilitaw fir-rigward ta’ individwi l-qsim ta’ fruntieri esterni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jissemplifikaw il-kontrolli doganali u fiskali li għandhom isiru mill-awtoritajiet kompetenti. Il-verifika sistematika tal-kontenut tat-tankijiet tal-vetturi tat-triq kollha li jidħlu kuljum fit-territorju tal-Unjoni tammonta għal kompitu kważi impossibbli u, f’kull każ, enormi għal dak li jirrigwarda spejjeż u inkonvenjenzi għal min ikun qed jivvjaġġa, fid-dawl tal-ammonti ta’ dazji fuq l-importazzjoni u ta’ VAT li hija tista’ tiġġenera.

37

Issa, ma jeżisti ebda indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għan ieħor minn dak stabbilit fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Kuntrarjament, tali għan huwa kkonfermat mill-fakultà, mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 918/93, fl-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1186/2009, fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181 u fl-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/132, li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal 200 litru ta’ karburant għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

38

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-lokomotivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-kapaċità tat-tankijiet tagħhom tista’ tilħaq sa 7000 litri. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Litwan, LG kellha biss 136 lokomotivi b’mutur tad-diżil matul is-sena 2008 u kienu biss numru minn dawn li qasmu regolarment il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Federazzjoni Russa. Issa, ma jidhirx li l-verifika sistematika tat-tankijiet ta’ lokomotivi tippreżenta l-istess inkonvenjenzi bħal dawk imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda vetturi tat-triq, liema inkonvenjenzi l-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament ried jevita bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

39

Minn dan jirriżulta li l-fatt li jiġu applikati l-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għal lokomotivi ma jissodisfax l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

40

Huwa minnu li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, Rauh, C-314/89, Ġabra p. I-1647, punt 17, u tal-1 ta’ April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 30).

41

LG issostni li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati skont liema t-trasport ferrovjarju ma jibbenefikax mill-istess vantaġġi bħat-trasport bit-triq tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

42

Skont LG, it-trasport ferrovjarju jinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mat-trasport bit-triq u ma jeżisti ebda kriterju oġġettiv li jiġġustifika li ssir distinzjoni fil-qasam ta’ tassazzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ vetturi li jinsaqu fuq l-art. LG tenfasizza, f’dan il-kuntest, li, fil-qasam fiskali, il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jseħħ permezz ta’ tipi oħra ta’ diskriminazzjoni li jaffettwaw lill-operaturi ekonomiċi li għalkemm mhux bilfors huma kompetituri xorta waħda jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli taħt aspetti oħra (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 49).

43

LG issostni li, kemm għat-trasport ta’ merkanzija kif ukoll għat-trasport ta’ persuni, it-trasport bit-triq jikkostitwixxi alternattiva għat-trasport ferrovjarju. Barra minn hekk, dawn il-metodi ta’ trasport huma simili, għall-inqas għal dak li jirrigwarda t-tqassim tar-rotot, it-tip ta’ merkanzija ttrasportata u l-metodi użati, u huma bbażati l-iktar fuq l-użu ta’ vetturi b’mutur b’kombustjoni interna li jiċċaqilqu b’veloċità simili.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95).

45

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa ekwivalenti fil-qasam tal-VAT għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekuldi b’mod partikolari li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu trattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group, C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 96 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li l-metodi differenti ta’ trasport ma humiex, b’mod ġenerali, interkambjabbli u li s-sitwazzjoni ta’ impriżi li joperaw fis-settur ta’ attività ta’ kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ trasport ma hijiex, għaldaqstant, komparabbli.

47

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-lokomotivi ma humiex, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik li fiha jinsabu l-vetturi tat-triq.

48

Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jimponix li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jiġu interpretati bħala li japplikaw ukoll għal-lokomotivi.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181 u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal-lokomotivi.

50

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoni[j]iet minn dazju doganali, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1315/88, tat-3 ta’ Mejju 1988, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/331/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988, u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal-lokomotivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top