KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑27 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

Kawża C‑389/21 P

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

vs

Crédit Lyonnais

(Appell – Politika ekonomika u monetarja – Sorveljanza prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(d) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni biex istituzzjoni ta’ kreditu teskludi ċerti skoperturi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja – Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Standard ta’ stħarriġ ġudizzjarju – Evalwazzjoni teknika kumplessa – Diskrezzjoni ta’ politika)

I. Introduzzjoni

1.

“Basel III” huwa sett ta’ miżuri maqbul internazzjonalment li ġie żviluppat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja tal-2007-2009, immirat lejn it-tisħiħ tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskju tal-banek. Wieħed mill-elementi ewlenin tal-qafas ta’ Basel III, u tal-implimentazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, huwa l-introduzzjoni ta’ “proporzjon tal-lieva finanzjarja”, li huwa kkalkolat bħala l-kalkolu tal-kapital ta’ bank diviż bil-kalkolu tal-iskopertura totali ta’ dak il-bank, u għandu jiġi espress bħala perċentwal. Il-proporzjon tal-lieva finanzjarja jippermetti l-evalwazzjoni ta’ skopertura tal-banek għar-riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva, li tista’ ġġegħelhom jadottaw miżuri korrettivi mhux intenzjonati għall-pjan imprenditorjali tagħhom, inkluż il-bejgħ b’urġenza ta’ assi, li jista’ jwassal għal telf sinjifikattiv.

2.

Permezz tal-appell tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ April 2021, fl-ismijiet Crédit lyonnais vs BĊE ( 2 ), li annullat id-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta li jagħti eżenzjoni sħiħa lil Crédit Lyonnais mir-rekwiżiti tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja fir-rigward tal-iskoperturi tagħha relatati ma’ ċerti kontijiet ta’ tfaddil irregolat.

3.

Dan l-appell iqajjem kwistjoni ta’ natura sistemika u kostituzzjonali: l-istandard ta’ stħarriġ mill-Qrati tal-Unjoni meta jevalwaw il-legalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi adottati minn istituzzjonijiet oħra, fejn dawn l-istituzzjonijiet igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni.

4.

Intqal li dan is-suġġett huwa, tal-inqas għall-avukati tal-Unjoni Ewropea, “mhux għal min hu dgħajjef” ( 3 ), peress li jqajjem kontroversja konsiderevoli fost il-prattikanti legali u fi ħdan iċ-ċrieki akkademiċi ( 4 ). B’hekk, din il-kawża toffri opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tixħet iktar dawl fuq din il-kwistjoni. Fil-fatt, għalkemm hemm ġurisprudenza abbundanti (u, fil-fehma tiegħi, ġeneralment stabbilita) dwar din il-kwistjoni, nemmen li ċerti kunċetti u prinċipji ewlenin li jikkonċernaw dak l-istandard ta’ stħarriġ jibbenefikaw minn iktar kjarifika.

II. Sfond

5.

Crédit Lyonnais hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata inkorporata taħt id-dritt Franċiż u awtorizzata bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Din hija sussidjarja ta’ Crédit Agricole SA, u bħala tali, hija suġġetta għas-sorveljanza prudenzjali diretta tal-BĊE.

6.

Fil‑5 ta’ Mejju 2015, Crédit Agricole talbet, f’isimha stess u f’isem l-entitajiet tal-grupp Crédit Agricole, inkluż Crédit Lyonnais, l-awtorizzazzjoni tal-BĊE biex teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja l-iskoperturi kkostitwiti minn somom relatati ma’ prodotti rregolati ( 5 ) li hija kellha tittrasferixxi lil Caisse des dépôts et consignations (iktar ’il quddiem iċ-“CDC”), istituzzjoni pubblika Franċiża. Din it-talba saret skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 ( 6 ), kif kien fis-seħħ fiż-żmien materjali ( 7 ).

7.

Skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, kif kien fis-seħħ dak iż-żmien, “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi skoperturi mill-miżura ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ikunu skoperturi għal entità tas-settur pubbliku; (b) ikunu trattati skont l-Artikolu 116(4); (c) joħorġu minn depożiti li l-istituzzjoni tkun legalment obbligata tittrasferixxi għas-settur pubbliku msemmi fil-punt (a) għall-finijiet tal-finanzjament ta’ investimenti ta’ interess ġenerali”.

8.

Fl‑24 ta’ Awwissu 2016, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/2016-969500TJ5KRTCJQWXH05/165 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2016”), adottata skont l-Artikoli 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 8 ), kif ukoll l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, li permezz tagħha rrifjuta li jawtorizza lil Crédit Agricole biex teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja l-iskoperturi għaċ-CDC li jikkonsistu mill-parti tas-somom iddepożitati taħt it-tfaddil irregolat li kienet meħtieġa tittrasferixxi lil dik l-istituzzjoni.

9.

Crédit Agricole kkontestat id-deċiżjoni tal-2016 quddiem il-Qorti Ġenerali li, permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018 ( 9 ), annullat din id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE, meta eżamina t-talba ta’ Crédit Agricole, wettaq (i) żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, u (ii) żball manifest ta’ evalwazzjoni.

10.

Fis‑26 ta’ Lulju 2018, Crédit Agricole, f’isimha u f’isem id-diversi entitajiet tal-grupp Crédit Agricole, inkluż Crédit Lyonnais, talbet għal darba oħra awtorizzazzjoni biex teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja s-somom li huma kienu meħtieġa jittrasferixxu liċ-CDC.

11.

Fit‑3 ta’ Mejju 2019, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRCAG-39 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), meħuda abbażi tal-Artikoli 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE awtorizza l-esklużjoni mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja ta’ Crédit Agricole u tal-entitajiet li jappartjenu għall-grupp tal-parti tas-somom iddepożitati fir-rigward tat-tfaddil irregolat li huma kienu obbligati jittrasferixxu liċ-CDC, bl-eċċezzjoni ta’ Crédit Lyonnais, li fir-rigward tagħha din id-deroga ngħatat biss għal ammont ugwali għal 66 % ta’ tali trasferimenti obbligatorji.

12.

Fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 429(14)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 575/2013 kienu ssodisfatti. Sussegwentement, fil-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE fakkar li kellu setgħa diskrezzjonali fl-għoti ta’ din l-eżenzjoni u wera l-metodoloġija adottata fl-eżami tat-talba għal eżenzjoni. Din il-metodoloġija ħadet tliet elementi inkunsiderazzjoni: l-affidabbiltà kreditizja tal-amministrazzjoni ċentrali, ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv u l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi. Kull wieħed minn dawn l-elementi ġie attribwit perċentwali ta’ eżenzjoni, sabiex il-kombinazzjoni tat-tlieta twassal għall-eżenzjoni ġenerali li għandha tingħata.

13.

Fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja tal-gvern ċentrali Franċiż, fil-punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata l-BĊE kkonstata li ma kienx hemm kwistjonijiet prudenzjali speċifiċi. Madankollu, huwa osserva wkoll li l-korpi esterni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma kinux taw lill-Istat Franċiż l-ogħla klassifikazzjoni possibbli u li l-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (credit default swaps) ta’ ħames snin innegozjati mill-Istat Franċiż kellhom probabbiltà ta’ inadempjenza mhux negliġibbli.

14.

Fir-rigward tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv, fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata l-BĊE kkonstata li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC jista’ jwassal lil istituzzjoni ta’ kreditu biex tirrikorri għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv sabiex tirrimborsa lid-depożitanti, filwaqt li tistenna t-trasferiment ta’ fondi miċ-CDC. Il-BĊE stqarr li, għalkemm perijodu ta’ inqas minn 5 ijiem kien jammonta għal trasferiment kważi istantanju li jinvolvi biss riskju baxx ta’ bejgħ ta’ emerġenza, is-sistema ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC timplika li l-perijodu jista’ jkun sa 10 ijiem. F’dak ir-rigward, il-BĊE nnota li, matul il-kriżijiet bankarji reċenti, 10 sa 30 % tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienu ġew irtirati f’inqas minn ħamest ijiem u li t-tfaddil irregolat kien iktar likwidu minn kontijiet ta’ tfaddil.

15.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-iskoperturi għaċ-CDC, fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata l-BĊE enfasizza li l-grupp Crédit Agricole kellu mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jinvolvi obbligu legali bejn l-entitajiet membri li jipprovdu appoġġ, permezz ta’ kapital u likwidità, u li b’hekk iġġustifika l-evalwazzjoni tal-livell ta’ konċentrazzjoni għall-entitajiet membri fil-livell tal-grupp. Madankollu, il-BĊE osserva li Crédit Lyonnais ma kinitx koperta minn dan il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u, għalhekk, fir-rigward ta’ din il-kumpannija, ir-riskju ta’ konċentrazzjoni kellu jiġi eżaminat fuq bażi subkonsolidata. Peress li l-proporzjon bejn l-iskoperturi għaċ-CDC u l-kapital tal-Grad 1 ta’ Crédit Lyonnais kien 134 % fl-2015 u 231 % fl-2018, il-BĊE sab li l-iskoperturi għaċ-CDC kienu jippreżentaw riskju ta’ konċentrazzjoni.

16.

Il-BĊE kkonkluda li, sabiex jittaffa l-impatt fuq il-kapital ta’ rtirar massiv ta’ depożiti, kien prudenti li jiġi inkluż livell ta’ skoperturi għaċ-CDC fil-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja ta’ Crédit Lyonnais, u ffissa dan il-livell għal 34 %.

III. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

17.

B’rikors ippreżentat fit‑12 ta’ Lulju 2019, Crédit Lyonnais ressqet talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ din it-talba, Crédit Lyonnais invokat tliet motivi ta’ dritt fejn allegat, l-ewwel, ksur tal-Artikolu 266 TFUE abbażi ta’ eżekuzzjoni żbaljata tas-sentenza tal-2018 ( 10 ), it-tieni, ksur tal-Artikolu 429(14) u tal-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 u, it-tielet, żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-BĊE fl-evalwazzjoni tat-talba tagħha.

18.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv li hija qasmet fi tliet partijiet. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati kemm l-ewwel parti (dwar l-affidabbiltà kreditizja tal-Istat Franċiż) kif ukoll it-tieni parti (dwar il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-iskoperturi) ta’ dan il-motiv. Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan il-motiv (dwar ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ċerti argumenti filwaqt li ddeċidiet li jkun jaqbel li argumenti oħra jiġu evalwati flimkien ma’ dawk invokati fil-kuntest tat-tielet aggravju ( 11 ). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali evalwat u ċaħdet it-tieni motiv bħala infondat ( 12 ).

19.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Crédit Lyonnais (imressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv) li jikkritikaw l-evalwazzjoni tal-BĊE tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv. Il-Qorti Ġenerali bdiet l-analiżi tagħha billi rrilevat li, f’dan ir-rigward, il-BĊE essenzjalment ibbaża ruħu fuq żewġ raġunijiet biex jasal għall-konklużjoni li tali riskju jeżisti fir-rigward tal-fondi li Crédit Lyonnais kellu jittrasferixxi liċ-CDC: il-likwidità tat-tfaddil irregolat u l-esperjenza reċenti ta’ kriżijiet bankarji. Fir-rigward tal-ewwel aspett, il-Qorti Ġenerali nnotat li, f’konformità mal-konstatazzjonijiet tas-sentenza tal-2018, il-BĊE kien obbligat iwettaq analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni il-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat ( 13 ).

20.

Madankollu, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-BĊE naqas milli jagħmel dan għal tliet raġunijiet. L-ewwel, il-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni in-natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat. Il-Qorti Ġenerali qieset bħala ppruvat l-argument li jgħid li, waqt kriżi bankarja, is-somom investiti fi tfaddil irregolat għandhom it-tendenza li jiżdiedu. It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tfaddil irregolat aktarx ma jikkontribwixxix għall-ħolqien ta’ lieva finanzjarja eċċessiva peress li jeħtieġ li jiġi ttrasferit liċ-CDC u ma jistax jiġi investit f’assi riskjużi jew mhux likwidi. It-tielet, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-tfaddil irregolat igawdi minn garanzija doppja tal-Istat, kemm għad-depożitanti kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 14 ).

21.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li l-likwidità tat-tfaddil irregolat ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-konstatazzjonijiet tal-BĊE dwar il-possibbiltà li l-bank jista’ jkollu bżonn jirrikorri għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv waqt li jkun qiegħed jistenna trasferimenti ta’ fondi miċ-CDC. Biex isostni l-konklużjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward, il-BĊE kien ibbaża ruħu fuq eżempju wieħed li, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ma kienx rilevanti peress li kien jikkonċerna prodotti li ma kinux simili għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża ( 15 ).

22.

Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-BĊE, meta evalwa r-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv, kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat (kif mitlub mis-sentenza tal-2018) u, b’mod iktar wiesa’, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ speċifiku, u b’hekk kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali għalhekk laqgħet l-ewwel parti tat-tielet motiv u t-tielet parti tal-ewwel motiv, billi annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din irrifjutat li tippermetti lil Crédit Lyonnais jeskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja tiegħu 34 % tal-iskopertura tiegħu għaċ-CDC, u kkundannat lill-BĊE jbati l-ispejjeż.

IV. Proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet

23.

Fl-appell tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl‑24 ta’ Ġunju 2021, il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Crédit Lyonnais għall-ispejjeż. Fid-difiża tagħha, ippreżentata fis‑7 ta’ Settembru 2021, Crédit Lyonnais titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala infondat u tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

24.

Fit‑23 ta’ Novembru 2021, il-BĊE ppreżenta risposta, u fis‑17 ta’ Jannar 2022, Crédit Lyonnais ippreżentat kontroreplika. Il-BĊE u Crédit Lyonnais ressqu wkoll l-argumenti tagħhom fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li saret fil‑15 ta’ Ġunju 2022.

V. Evalwazzjoni

25.

Il-BĊE jqajjem erba’ aggravji. Dawn l-aggravji jikkonċernaw: l-istandard tal-istħarriġ ġudizzjarju applikat mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (A), l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata (B), allegat żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni kkontestata u tal-provi sottomessi lilha (C), u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(94) u l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 (D).

26.

Dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw prinċipalment fuq l-ewwel aggravju, peress li dan mhux biss iqajjem il-kwistjoni li tinsab fil-qalba tal-proċeduri tal-appell preżenti, iżda, kif diġà ssemma fl-introduzzjoni, huwa wkoll ta’ importanza kostituzzjonali sistemika. Min-naħa l-oħra, it-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravju jidhru pjuttost “anċillari” għall-ewwel aggravju peress li essenzjalment jikkritikaw il-mod kif, u l-intensità li biha, il-Qorti Ġenerali eżerċitat l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn it-tliet aggravji għalhekk jikkoinċidu, fil-parti l-kbira, mal-ewwel aggravju. Għalhekk, peress li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju huwa fondat, dawn it-tliet aggravji ser jiġu ttrattati b’mod iktar konċiż.

A. Standard ta’ stħarriġ ġudizzjarju (l‑ewwel aggravju)

1.   Argumenti tal‑partijiet

27.

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-BĊE jallega li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju, bi ksur tal-istandard tal-istħarriġ stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita. Skont il-BĊE, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ex novo tas-sitwazzjoni, u injorat il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ta lill-BĊE fir-rigward ta’ kwistjonijiet prudenzjali.

28.

B’mod partikolari, il-BĊE jargumenta li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni awtonoma tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, li kienet differenti minn dik tal-BĊE. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq apprezzament żbaljat kemm tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-BĊE jirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata għandha tgawdi minn ċertu marġni ta’ manuvra, bil-konsegwenza li l-atti adottati minnha jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju limitat. Il-Qrati tal-Unjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom ta’ fatti kumplessi b’dik magħmula mill-istituzzjoni kompetenti.

29.

Barra minn hekk, il-BĊE jirrileva li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 espressament tah setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu esklużi ċerti skoperturi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja. Il-BĊE jsostni li l-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali teħtieġ ukoll l-eżerċizzju ta’ ċertu trażżin min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Il-BĊE jargumenta li, bl-issuġġettar tad-deċiżjoni kkontestata għal standard ta’ stħarriġ partikolarment intrużiv, il-Qorti Ġenerali ċaħħditu fil-biċċa l-kbira minn din is-setgħa diskrezzjonali.

30.

Min-naħa tagħha, Crédit Lyonnais issostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi, u żammet mal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju ammissibbli. Skont Crédit Lyonnais, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi li kienu rilevanti għall-analiżi, u li l-konklużjonijiet milħuqa fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux issostanzjati mill-provi li kellu quddiemu.

31.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddikjarat – korrettament, fil-fehma ta’ Crédit Lyonnais – li l-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’każ ta’ tensjoni jew kriżi, it-tfaddil irregolat huwa ġeneralment meqjus bħala “investiment sod”, grazzi għall-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat. Dik il-karatteristika tat-tfaddil irregolat li ma ġietx ikkontestata mill-BĊE quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat – għal darba oħra b’mod korrett, skont Crédit Lyonnais – li l-eżempju dwar ir-riskji li jinqalgħu f’każ ta’ “bank run” ma kienx kapaċi jsostni l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-BĊE, peress li dan l-eżempju kien jikkonċerna tip differenti ta’ kont.

2.   Analiżi

32.

Sabiex jiġu indirizzati bl-aħjar mod il-kwistjonijiet imqajma f’dan l-aggravju, inħoss li huwa utli li l-ewwel niddeskrivi l-isfond legali rilevanti. Għal dan il-għan, permezz ta’ rimarki preliminari, ser infakkar fil-qosor xi prinċipji ewlenin dwar is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni li jidhru rilevanti fil-każ preżenti (a) u, sussegwentement, niddeskrivi r-rwol u s-setgħat tal-BĊE fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali (b). Sussegwentement, ser nispjega l-prinċipji u l-kunċetti ewlenin li jirregolaw l-istandard ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikabbli għal oqsma suġġetti għall-hekk imsejjaħ “stħarriġ marġinali” (ċ). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li finalment ser nevalwa l-argumenti mressqa mill-partijiet (d).

a)   Rimarki preliminari (I): il‑qafas istituzzjonali tal‑Unjoni

33.

L-ewwel nett, nixtieq nirrimarka li, skont l-Artikolu 13(2) TUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom “[jaġixxu] fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilh[om] mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom” ( 16 ). Din id-dispożizzjoni, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, “tirrifletti l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li timplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn” ( 17 ).

34.

Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jifforma parti mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), li l-għan ewlieni tagħha huwa li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan l-għan, is-SEBĊ għandha wkoll tappoġġja l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-oġġettivi tal-Unjoni ( 18 ). Għal dan il-għan, l-Artikolu 132 TFUE u l-Artikolu 34 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jagħtu s-setgħa lill-BĊE biex, inter alia, “jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex jiġu esegwiti l-kompiti fdati lis-SEBĊ taħt it-Trattati u fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”.

35.

Id-deċiżjonijiet tal-BĊE, bħal kull att ieħor tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u, għalhekk, jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunux ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità ( 19 ). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 35 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, li għandha “tikkontrolla l-legalità” ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

b)   Rimarki preliminari (II): il‑BĊE u s‑sorveljanza prudenzjali

36.

Waħda mill-kompiti bażiċi mogħtija lis-SEBĊ hija li twettaq “sorveljanza prudenzjali” ( 20 ), li tinvolvi – b’mod ġenerali – is-sorveljanza tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi, sabiex jiġu evitati jew mitigati r-riskji għall-istabbiltà tagħha, u s-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tagħhom u livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u tad-depożitanti. F’dan il-kuntest, ġew mogħtija xi kompiti speċifiċi lill-BĊE mir-Regolament Nru 1024/2013, inkluża s-setgħa li jiżgura l-konformità mal-atti li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qasam, inter alia, tal-lieva finanzjarja ( 21 ).

37.

Strument leġiżlattiv fundamentali ieħor f’dan ir-rigward huwa r-Regolament Nru 575/2013 li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rekwiżiti prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Dan jinkiseb, inter alia, billi jintalbu li jżommu biżżejjed kapital, obbligazzjonijiet li jassorbu t-telf u assi likwidi, sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tagħhom. L-għan aħħari huwa li dawn l-istituzzjonijiet isiru iktar robusti u reżiljenti f’perijodi ta’ stress ekonomiku ( 22 ).

38.

B’mod iktar speċifiku, ir-Regolament Nru 575/2013 għandu l-għan li jevita sitwazzjonijiet fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji jibnu skopertura eċċessiva fil-konfront tal-fondi proprji tagħhom (iktar ’il quddiem il-“lieva finanzjarja”) ( 23 ). Tabilħaqq, lieva finanzjarja eċċessiva tista’ żżid il-vulnerabbiltà tagħhom, peress li din tinvolvi r-riskju li dawk l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa jadottaw miżuri korrettivi mhux intenzjonati għall-pjan imprenditorjali tagħhom, inkluż il-bejgħ b’urġenza ta’ assi, li jista’ jirriżulta f’telf jew f’aġġustamenti ta’ valutazzjoni tal-assi li jkun fadlilhom ( 24 ).

39.

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 575/2013 jistabbilixxi proporzjon ta’ lieva finanzjarja vinkolanti, li jipprevjeni lill-banek milli jiffinanzjaw parti kbira wisq mill-attivitajiet tagħhom bid-dejn. Madankollu, skont l-Artikolu 429(14) ta’ dan ir-regolament, kif applikabbli fiż-żmien materjali, istituzzjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet li jitħallew jeskludu, mill-iskoperturi rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, ċerti skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni ( 25 ).

40.

Huwa paċifiku bejn il-partijiet f’din il-kawża li, fir-rigward ta’ tali talbiet, il-BĊE kellu marġni ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, kif applikabbli f’dak iż-żmien, l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 kien jipprovdi li “l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi […]” ( 26 ). Għal din ir-raġuni, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti, issa ser niffoka fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha twettaq meta l-legalità ta’ att tal-Unjoni li għall-adozzjoni tiegħu l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni tiġi kkontestata.

c)   Prinċipji u kunċetti ewlenin dwar l‑istandard tal‑istħarriġ ġudizzjarju

41.

L-Artikolu 263 TFUE jistabbilixxi l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tiġi kkontestata l-legalità ta’ att tal-Unjoni: rikors għal annullament jista’ jitressaq “dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom”.

42.

Madankollu, it-Trattati huma siekta fir-rigward tal-istandard tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi applikat mill-Qrati tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ “standard ta’ stħarriġ” jirreferi, b’mod ġenerali, għall-intensità tal-istħarriġ li l-qrati jistgħu jeżerċitaw meta jivverifikaw il-legalità tal-atti kkontestati. Muri minn angolu ieħor, l-istandard ta’ stħarriġ jikkorrispondi għall-grad ta’ deferenza mogħti mill-qrati lill-korpi li jkunu adottaw l-atti kkontestati. Naturalment, iktar ma tkun għolja l-intensità tar-reviżjoni, inqas ikun il-grad ta’ deferenza mogħti lill-korp inkwistjoni u viċe versa.

43.

F’dan ir-rigward, jidher mhux ikkontestat li, fis-sistema tal-Unjoni, l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju hija l-ogħla ( 27 ) fir-rigward, l-ewwel, tal-istabbiliment ta’ fatti “sempliċi” (jew “primarji”). Fatt huwa jew veru jew falz, u żball f’dan ir-rigward ikun suġġett għal stħarriġ sħiħ mill-Qrati tal-Unjoni ( 28 ). It-tieni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minbarra l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollhom ċertu marġni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni, iżda mhux fl-interpretazzjoni tagħhom. Tabilħaqq, hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – bħala interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni – li għandha “tartikola l-liġi” ( 29 ).

44.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, tingħata ċerta deferenza lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn igawdu ċertu setgħa diskrezzjonali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti. F’dan il-kuntest, niddefinixxi d-diskrezzjoni bħala l-ispazju ta’ manuvra mogħti (espressament jew impliċitament) mid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex jagħżlu bejn diversi mogħdijiet legali ta’ azzjoni meta tiġi applikata regola partikolari sabiex jiġi segwit għan speċifiku.

45.

Sa fejn naf jien, xi forma ta’ trażżin ġudizzjarju mill-ġudikatura fil-konfront tal-amministrazzjoni f’każijiet fejn din tal-aħħar tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni teżisti f’kull sistema legali ( 30 ). Ma nistax nimmaġina sistema legali li tkun taħdem sew – tal-inqas jekk tiġi osservata mill-perspettiva tad-demokraziji tal-Punent tal-lum, li huma msejsa fuq prinċipji bħas-separazzjoni tal-poteri u l-ekwilibriju istituzzjonali – kieku l-ġudikatura kellha s-setgħa li twarrab u tissostitwixxi kull deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni għal kwalunkwe raġuni.

46.

Meta niġu lura għas-sistema tal-Unjoni, jidhirli li, b’mod ġenerali, jistgħu jiġu identifikati żewġ kategoriji wesgħin ta’ diskrezzjoni.

1) Kategoriji ta’ diskrezzjoni

47.

L-ewwel, xi dispożizzjonijiet tal-Unjoni jagħtu espressament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati ċertu latitudni fl-għażla ta’ jekk u/jew kif jaġixxu f’ċerti ċirkustanzi, abbażi ta’ xi kunsiderazzjonijiet ta’ politika. Ser nagħti żewġ eżempji f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara ċerti forom ta’ għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern, meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Skont l-Artikolu 215(2) TFUE, fejn deċiżjoni li tkun adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali. Fiż-żewġ dispożizzjonijiet, l-istituzzjoni inkarigata ngħatat il-kapaċità li tiddeċiedi dwar l-iktar kors ta’ azzjoni xieraq għal raġunijiet ta’ politika. Dawn huma l-każijiet li jistgħu jissejħu sitwazzjonijiet ta’ diskrezzjoni “politika” ( 31 ).

48.

It-tieni, hemm sitwazzjonijiet – li jistgħu jissejħu dawk ta’ “diskrezzjoni teknika” ( 32 ) – li fihom bħala konsegwenza tal-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni jeħtieġu evalwazzjoni teknika kumplessa (pereżempju, ekonomika jew xjentifika), sabiex jiġi żgurat li sitwazzjoni partikolari tkun koperta minn kunċett legali speċifiku (u relattivament mhux iddeterminat), ikun hemm lok ta’ manuvra għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati. Pereżempju, għajnuna partikolari hija kompatibbli mas-suq intern peress li hija “meħtieġa għall-koordinament tat-trasport” għall-finijiet tal-Artikolu 93 TFUE? Sett speċifiku ta’ ċirkustanzi jagħti lok għal “riskju ta’ defiċit eċċessiv” fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 126(3) TFUE?

49.

Fir-rigward tat-tieni kategorija ta’ diskrezzjoni, nixtieq nieħu l-opportunità biex niċċara kunċett wieħed. Fil-fehma tiegħi, evalwazzjoni ma hijiex “kumplessa” sempliċement minħabba li l-istabbiliment tal-fatti rilevanti ma huwiex sempliċi, u minflok jeħtieġ proċess diffiċli, li jieħu ħafna ħin u huwa mmexxi minn għarfien speċifiku. Tabilħaqq, ikun stramb li wieħed jaħseb li l-imħallfin jistgħu joqogħdu lura milli jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-individwi kull darba li każ, mil-lat fattwali, ma jkunx ċar. ( 33 ) Il-kumplessità fattwali ma hijiex skuża għal inerzja jew superfiċjalità min-naħa tal-imħallfin.

50.

Fil-fehma tiegħi, evalwazzjoni “kumplessa” hija biss waħda fejn l-isfond fattwali rilevanti ma jistax jiġi stabbilit b’mod oġġettiv jew b’ċertezza assoluta ( 34 ), peress li persuni raġonevoli u infurmati sew jistgħu, tal-inqas sa ċertu punt, ma jaqblux dwar l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ sejbien tal-fatti jew il-kwalifika legali tal-fatti ( 35 ). Dak jista’ jkun il-każ fejn l-istituzzjoni inkwistjoni tkun meħtieġa, pereżempju, li tagħmel użu minn xi mudelli jew suppożizzjonijiet sabiex tiddeduċi, minn sett ta’ fatti sempliċi, ċerti fatti kumplessi ( 36 ), jew tagħmel xi ġudizzji ta’ valur biex tikkwalifika l-fatti u/jew tiddetermina l-konsegwenzi legali li jirriżultaw ( 37 ).

51.

L-identifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet inkwistjoni jintwerew xi deferenza tista’ tiġi ttraċċata lura għall-bidu tal-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ). B’mod partikolari, fis-sentenza seminali fil-kawża Meroni, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddistingwixxiet iż-żewġ kategoriji ta’ diskrezzjoni ( 39 ).

52.

Dan premess, nirrikonoxxi li din id-distinzjoni ma hijiex dejjem faċli li ssir. Tabilħaqq, jista’ jiġi argumentat li l-użu mil-leġiżlatur ta’ kunċetti partikolarment mhux iddefiniti u fformulati b’mod wiesgħa jammonta, fil-prattika, għal delega impliċita lill-istituzzjonijiet inkwistjoni biex jagħmlu xi għażliet ta’ politika partikolari. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li hemm differenza kunċettwali bejn iż-żewġ kategoriji. Bħala regola ġenerali, jien ngħid li d-diskrezzjoni teknika tikkonċerna prinċipalment il-proċess konjittiv ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet, filwaqt li d-diskrezzjoni ta’ politika tikkonċerna primarjament att ta’ volontà min-naħa tiegħu ( 40 ).

53.

Madankollu, u b’mod importanti għal din il-kawża, il-Qrati tal-Unjoni adottaw approċċ relattivament simili fir-rigward tal-istandard tal-istħarriġ ġudizzjarju fiż-żewġ sitwazzjonijiet. Dan l-istandard jagħti lok għal dak li spiss jissejjaħ “stħarriġ marġinali”. Żewġ linji ta’ ġurisprudenza huma partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward.

2) Stħarriġ marġinali u żbalji manifesti

54.

Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom diskrezzjoni relattivament wiesgħa f’oqsma fejn l-azzjoni tagħhom tinvolvi għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali, u fejn huma mitluba jibbilanċjaw il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika. F’dawn is-sitwazzjonijiet, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżuri adottati f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżuri ( 41 ).

55.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa “limitat neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter” ( 42 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet tekniċi ma tfissirx li l-qrati tal-Unjoni għandhom joqogħdu lura milli jistħarrġu l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ informazzjoni ta’ natura teknika. Mhux biss dawn il-qrati għandhom, inter alia, “[j]ivverifika[w] l-eżattezza materjali tal-provi invokati, jekk humiex affidabbli u koerenti, iżda għandh[om] [j]istħarr[ġu] ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet milħuqa” ( 43 ).

56.

Dawk iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza, minkejja xi differenza terminoloġika – li t-tifsira tagħha ser nikkunsidraha iktar ’il quddiem ( 44 ) – għandhom element komuni importanti. Fir-rigward tal-merti tal-att ikkontestat, il-ġudikatura tal-Unjoni tista’ tiċċensura lill-istituzzjoni inkwistjoni biss f’każ ta’ żbalji manifesti.

57.

Dan premess, nixtieq inżid li l-użu tat-terminu “manifest” f’dan il-kuntest huwa kemxejn sfortunat. Tabilħaqq, dan it-terminu jista’ jagħti l-impressjoni li żbalji li ma humiex evidenti biżżejjed ma jiġux iċċensurati mill-Qrati tal-Unjoni ( 45 ). Fil-fehma tiegħi, dan ikun fehim żbaljat tat-terminu. Tali approċċ għall-istħarriġ ġudizzjarju ftit li xejn ikun kompatibbli ma’, l-ewwel u qabel kollox, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li ma jillimitax id-dritt għal rimedju effettiv għal każijiet ta’ ksur sfaċċat tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi.

58.

Fil-fehma tiegħi, it-terminu “manifest” għandu minflok jinftiehem b’referenza għall-obbligu tar-rikorrenti li tipprova, sal-livell meħtieġ ( 46 ), li l-analiżi mwettqa mill-istituzzjoni inkwistjoni kienet irraġonevoli jew li l-konklużjonijiet milħuqa ma kinux plawżibbli ( 47 ). Kif issemma fil-punt 43 iktar ’il fuq, tal-inqas teoretikament, żball imwettaq minn istituzzjoni meta tiddikjara fatti sempliċi jew tinterpreta l-liġi huwa sitwazzjoni ta’ “iswed jew abjad” (jiġifieri, korretta jew żbaljata). Għall-kuntrarju, fejn l-istituzzjoni kompetenti tgawdi xi diskrezzjoni dwar kif regola għandha tiġi applikata, hemm firxa (usa’ jew idjaq, skont iċ-ċirkustanzi) ta’ għażliet li dik l-istituzzjoni tista’ tagħżel b’mod leġittimu. Għalhekk, żball ta’ evalwazzjoni jeżisti biss fejn l-istituzzjoni tkun għażlet azzjoni li taqa’ barra mill-firxa ta’ applikazzjonijiet tal-liġi permissibbli.

59.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni għall-punt li jmiss li nixtieq nagħmel.

3) L‑ebda stħarriġ ex novo

60.

Skont l-Artikoli 263, 267 u 277 TFUE, il-Qrati tal-Unjoni “[j]eżamina[w] [i]l-legalità” tal-atti tal-Unjoni, li jimplika stħarriġ tal-legalità tagħhom, u mhux tal-espedjenza tagħhom. Il-Qrati tal-Unjoni sempliċement jistħarrġu jekk l-att ikkontestat kienx adottat b’konformità mar-regoli proċedurali u sostantivi rilevanti, fid-dawl tal-aggravji mressqa mill-parti li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att, u tal-provi prodotti minnha ( 48 ).

61.

Il-qrati ma jerġgħux jisimgħu l-kawża kollha sabiex jiddeterminaw liema kienet tkun, fil-fehma tagħhom, l-aħjar azzjoni għall-istituzzjoni kkonċernata fiċ-ċirkustanzi partikolari. Mhux biss il-proċedura ġudizzjarja ma hijiex adattata għal kwalunkwe forma ta’ stħarriġ ex novo ( 49 ) iżda, b’mod iktar kruċjali, hemm raġuni kostituzzjonali li timmilita kontra l-istħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq l-għażliet diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. F’dawn il-każijiet, is-setgħa li tagħmel dawn l-għażliet ġiet espressament fdata f’idejn istituzzjoni oħra li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 50 ). Forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju intrużiv wisq tinterferixxi mal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effettiv, u b’hekk tmur kontra l-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi lill-istituzzjonijiet, u tfixkel il-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali ( 51 ).

62.

Għalhekk, kif ġustament sostna l-Avukat Ġenerali Kokott, sabiex jitqies li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni, ma huwiex suffiċjenti li l-imħallfin ma jaqblux mal-istituzzjoni responsabbli għall-att mistħarreġ. Jekk il-fatti u l-provi juru li diversi evalwazzjonijiet kienu ġustifikabbli, il-fatt li dik l-istituzzjoni tkun għażlet waħda minnhom, anki jekk din ma tkunx dik li l-ġudikatura tal-Unjoni temmen li kienet preferibbli, ma jistax jiġi kkritikat mil-lat ġuridiku. Ikun hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni biss jekk il-konklużjonijiet li tadotta l-istituzzjoni inkwistjoni ma jkunux iktar ġustifikabbli fuq il-bażi tal-fatti u tal-provi. Dan ikun il-każ meta, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni, ma tkun tista’ tinstab l-ebda bażi raġonevoli għalihom ( 52 ).

4) Determinazzjoni tal‑istandard speċifiku f’kull każ

63.

Dan premess, għandu jiġi rrikonoxxut li d-determinazzjoni f’kull każ tal-konfini eżatti tas-setgħa diskrezzjonali permissibbli ta’ istituzzjoni – u, bħala konsegwenza, tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – tista’, xi drabi, tkun diffiċli. Il-latitudni li tgawdi istituzzjoni meta tieħu deċiżjoni partikolari ovvjament tvarja minn każ għall-ieħor, skont għadd ta’ varjabbli. Dawn li ġejjin huma, fil-fehma tiegħi, l-iktar importanti minn dawn il-varjabbli.

64.

L-ewwel, iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza msemmija fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq jissuġġerixxu li l-istituzzjonijiet jingħataw iktar libertà meta jaġixxu fil-funzjoni leġiżlattiva tagħhom, milli meta jaġixxu fil-kuntest tal-funzjonijiet amministrattivi tagħhom ( 53 ). Kif iddikjara ġustament l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Rica Foods, meta jadottaw atti ta’ portata ġenerali, l-istituzzjonijiet “[i]kollhom jarbitraw bejn interessi diverġenti u b’hekk jagħmlu għażliet fil-kuntest ta’ l-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom. Diskrezzjoni li hija ta’ natura “politika” għalhekk tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li dispożizzjoni [tal-Unjoni] tagħti lil istituzzjoni” ( 54 ).

65.

Skont l-Artikolu 10(1) TUE, “[i]l-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” ( 55 ). Għalhekk il-ġudikatura tal-Unjoni ma tistax tiddubita l-għażliet politiċi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, minħabba l-leġittimità demokratika tagħhom, ġew fdati bis-setgħa li jadottaw atti leġiżlattivi. Min-naħa l-oħra, meta att għandu prinċipalment natura eżekuttiva, u huwa intiż li l-effetti tiegħu japplikaw biss fil-konfront ta’ individwu speċifiku wieħed jew iktar, hemm bżonn ikbar, għall-Qrati tal-Unjoni, li jipproteġu d-drittijiet ta’ dawn l-individwi minn potenzjalment azzjoni amministrattiva illegali.

66.

It-tieni, din il-ġurisprudenza tissuġġerixxi wkoll li d-diskrezzjoni ta’ politika għandha ġeneralment timplika latitudni ikbar għall-istituzzjoni kkonċernata. ( 56 ) Dan huwa wkoll, fil-fehma tiegħi, raġonevoli. Tabilħaqq, fil-każ ta’ diskrezzjoni ta’ politika, l-istituzzjoni kkonċernata tingħata espressament is-setgħa li tagħżel bejn azzjonijiet differenti, li lkoll huma leġittimi, abbażi tal-evalwazzjoni tagħha stess taċ-ċirkustanzi rilevanti. Għall-kuntrarju, id-diskrezzjoni teknika hija ġeneralment idjaq peress li hija biss il-konsegwenza (intenzjonata jew mhux intenzjonata) tal-fatt li, sabiex tapplika l-liġi, istituzzjoni hija obbligata tevalwa sitwazzjonijiet kumplessi li fihom xi wħud mill-elementi rilevanti huma intrinsikament inċerti, spekulattivi jew suġġettivi ( 57 ). Barra minn hekk, nosserva li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni ta’ politika jimplika wkoll l-eżerċizzju ta’ ċertu diskrezzjoni teknika ( 58 ), iżda l-kuntrarju ma huwiex (neċessarjament) minnu ( 59 ).

67.

It-tielet, u iktar importanti minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiddependi b’mod partikolari mill-kliem u mill-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Huwa tabilħaqq il-leġiżlatur (kostituzzjonali jew ordinarju) tal-Unjoni li, permezz tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, jiddelega ċerti setgħat lill-istituzzjonijiet u jiddetermina l-limiti li fihom jistgħu jeżerċitaw dawk is-setgħat ( 60 ).

68.

Ħarsa sommarja lejn diversi dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni turi l-għażliet profondament differenti li għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Fir-rigward tad-diskrezzjoni ta’ politika, id-dispożizzjonijiet kultant jagħtu lill-istituzzjoni inkarigata diskrezzjoni mingħajr limitazzjonijiet ( 61 ), filwaqt li f’ċirkustanzi oħra din id-diskrezzjoni hija ristretta, f’diversi gradi, bl-istabbiliment tal-fatturi li l-istituzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ( 62 ). Fir-rigward tad-diskrezzjoni teknika, il-latitudni li għandha tgawdi l-istituzzjoni hija, b’mod partikolari, funzjoni ta’, minn naħa, il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi stabbilita jew evalwata u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ astrazzjoni jew ftuħ tal-kunċett legali li taħtu dik is-sitwazzjoni għandha tiġi inkluża. Għal darba oħra, dawn iż-żewġ aspetti jistgħu jvarjaw ħafna. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat ( 63 ) li l-analiżi prospettivi ( 64 ) huma min-natura tagħhom differenti minn evalwazzjonijiet ta’ avvenimenti attwali jew tal-passat ( 65 ). Barra minn hekk, il-kompitu li tiġi pprovduta kwalifika legali tal-fatti jista’ jeħtieġ valutazzjoni prinċipalment empirika ( 66 ), jew ukoll ċerti ġudizzji ta’ valur ( 67 ).

69.

Ir-raba’, l-intensità tal-istħarriġ tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali għandha tiddependi wkoll min-natura u mil-livell ta’ ndħil fid-dritt invokat mir-rikorrenti. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-kawża Digital Rights Ireland, “ġaladarba jinsabu inkwistjoni inġerenzi fi drittijiet fundamentali, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-[istituzzjoni rilevanti tal-Unjoni] tista’ tirriżulta li hija limitata skont ċertu numru ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, […] in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-inġerenza kif ukoll l-għan tagħha”. Interferenzi serji f’aspetti kruċjali tad-drittijiet fundamentali jimplikaw li “is-setgħa diskrezzjonali tal-[istituzzjoni] tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett” ( 68 ).

70.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, jidhirli li l-kuntest legali u fattwali li fih jiġi adottat att jista’ wkoll ikollu influwenza fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-istituzzjoni inkwistjoni u, konsegwentement, fuq l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni dwar l-eżerċizzju attwali ta’ dik id-diskrezzjoni.

71.

Fir-rigward tal-ewwel aspett, nista’ naħseb, b’mod partikolari, fil-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika jew tal-ħarsien tal-ambjent ( 69 ), jew fil-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 70 ). Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji tista’, f’ċerti każijiet, ixxaqleb il-bilanċ lejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni, jew tagħti lill-istituzzjoni kkonċernata iktar marġni għal tip ta’ intervent partikolari pjuttost milli għal ieħor.

72.

Fir-rigward tat-tieni aspett, huwa loġiku li l-mod kif l-istituzzjonijiet jagħmlu użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom huwa influwenzat mill-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti tagħhom. Pereżempju, l-isfond rilevanti għall-għażliet li għandhom isiru fil-qasam tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni seta’ nbidel f’daqqa u b’mod sinjifikattiv mill‑24 ta’ Frar 2022, meta l-Federazzjoni Russa invadiet l-Ukraina.

73.

Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq iwassluni biex nikkonkludi li ma hemm l-ebda intensità unika u speċifika ta’ stħarriġ ġudizzjarju li hija valida fiċ-ċirkustanzi kollha fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn ċertu grad ta’ diskrezzjoni (politika jew teknika) dwar kif regola partikolari għandha tiġi applikata ( 71 ). Lanqas ma nemmen li jista’ jitfassal test jew formula faċli f’dan ir-rigward ( 72 ). L-istħarriġ “marġinali” li l-Qrati tal-Unjoni b’mod ġenerali alludew għalih jista’ jkun iktar marġinali jew inqas marġinali, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. Għalhekk huma l-Qrati tal-Unjoni li għandhom jiddeterminaw, każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-intensità speċifika tal-istħarriġ li għandha tiġi applikata meta jiġi eżaminat l-użu tad-diskrezzjoni ta’ istituzzjoni ( 73 ).

74.

Naturalment, l-assenza ta’ test ċar tista’ titqies minn xi wħud bħala sors ta’ inċertezza legali. Madankollu, kif issemma qabel f’dawn il-konklużjonijiet, l-intensità xierqa tal-istħarriġ tista’ tiġi ddeterminata billi jiġi eżaminat il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-istituzzjoni inkwistjoni; u xi gwida f’dan ir-rigward tista’ tittieħed mir-regoli u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt istituzzjonali tal-Unjoni.

75.

Huwa kontra dawn ir-regoli u prinċipji li issa ser nevalwa l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-BĊE.

d)   Evalwazzjoni

76.

Essenzjalment, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħad it-talba ta’ Crédit Lyonnais li teskludi l-iskopertura kollha tagħha għaċ-CDC mill-kalkolu tal-proporzjon ta’ lieva finanzjarja tagħha.

77.

Sabiex jiġi indirizzat l-ewwel aggravju tal-BĊE, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, meta waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali applikatx standard ta’ stħarriġ korrett. Il-Qorti Ġenerali – kif allegat mill-BĊE – wettqet evalwazzjoni ex novo tas-sitwazzjoni inkwistjoni, fejn injorat il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lil din l-istituzzjoni fuq kwistjonijiet prudenzjali? Jew il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat – kif sostniet Crédit Lyonnais – li l-BĊE ma kienx adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ informazzjoni fattwalment preċiża, affidabbli u konsistenti?

78.

Jiena għandi ċertu simpatija għall-argumenti mressqa minn Crédit Lyonnais. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, it-test tas-sentenza appellata jista’ tabilħaqq jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet il-kompitu tagħha li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata skont il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ġie debitament imfakkar fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata. Fuq livell superfiċjali, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li: (i) fl-analiżi tiegħu, il-BĊE injora jew naqas milli jevalwa sew ċerti elementi li kienu rilevanti għas-sitwazzjoni (in-natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat, it-trasferiment obbligatorju tal-fondi liċ-CDC, l-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat), u (ii) l-elementi ewlenin imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata (il-likwidità tat-tfaddil irregolat u l-eżempju dwar kriżijiet bankarji reċenti) ma sostnewx il-konklużjoni milħuqa mill-BĊE.

79.

Madankollu, skrutinju iktar profond tas-sentenza appellata jiżvela li, kif isostni l-BĊE, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, billi de facto wettqet stħarriġ awtonomu tas-sitwazzjoni inkwistjoni, u eventwalment issostitwixxiet l-opinjoni tagħha stess għal dik tal-BĊE.

80.

Fit-taqsimiet li jmiss, l-ewwel sejjer nispjega għalfejn, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, forma partikolarment intrużiva ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq is-sustanza tad-deċiżjoni tal-BĊE ma kinitx, fil-fehma tiegħi, xierqa. Sussegwentement, ser nirrikorri għas-siltiet speċifiċi tas-sentenza appellata li, fil-fehma tiegħi, juru l-istandard żbaljat ta’ stħarriġ applikat mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża.

1) Il‑marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħti lill‑BĊE

81.

Hija l-fehma konvinta tiegħi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-BĊE jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa taħt l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 (kif applikabbli fiż-żmien materjali).

82.

L-ewwel, huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni tagħti lill-BĊE kemm diskrezzjoni ta’ politika kif ukoll diskrezzjoni teknika fid-deċiżjoni tiegħu dwar jekk u, jekk iva, sa liema punt, għandha tingħata eżenzjoni f’sitwazzjoni partikolari.

83.

It-tieni, il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti jindika marġni wiesa’ ta’ manuvra fiż-żewġ aspetti. Minn naħa, il-BĊE jingħata s-setgħa diskrezzjonali li jawtorizza l-eżenzjoni (“jista’”), mingħajr ma din is-setgħa tkun ġiet ristretta minn fatturi jew parametri speċifiċi li l-istituzzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni meta tagħmel l-evalwazzjoni tagħha. Għalhekk huwa l-BĊE li għandu jiddetermina l-livell xieraq ta’ protezzjoni tal-interessi involuti (b’mod partikolari, il-livell ta’ riskju li jista’ jitqies aċċettabbli), u li jfassal il-qafas analitiku li jqis l-iktar xieraq għal dan il-għan.

84.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-diskrezzjoni teknika, il-BĊE mhux biss huwa obbligat li jwettaq analiżi prospettiva, iżda wkoll analiżi bbażata fuq numru ta’ ġudizzji ta’ valur u tbassir li huma ferm spekulattivi u inċerti. F’każ ta’ “bank run”, x’ammont ta’ depożiti jista’ jkun mistenni li jiġi rtirat u f’liema perijodu ta’ żmien? Dak il-bank ikun f’pożizzjoni li jonora dan l-irtirar mingħajr ma jkollu jirrikorri għal miżuri korrettivi ta’ emerġenza? X’inhu l-ammont ta’ fondi proprji li dak il-bank huwa meħtieġ li jkollu biex ikun jista’ raġonevolment ikopri telf mhux mistenni f’tali sitwazzjonijiet ( 74 )?

85.

It-tielet, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (li tiġi żgurata, fl-ewwel lok, is-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-protezzjoni tal-investituri u tad-depożitanti u, b’estensjoni, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi ( 75 )) huwa tal-ikbar tifsira ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-indħil fil-libertajiet ekonomiċi tal-banek ikkonċernati li jirriżulta minn rifjut taħt l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 huwa relattivament limitat peress li dawn il-banek setgħu jadottaw liberament diversi miżuri kummerċjali sabiex inaqqsu lieva finanzjarja eċċessiva.

86.

Ir-raba’, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-iżbalji tat-Tip I magħmula mill-BĊE (jiġifieri riżultati pożittivi foloz li jwasslu għal strettezza eċċessiva) ikunu ferm inqas sinjifikattivi mill-iżbalji tat-Tip II (jiġifieri riżultati negattivi foloz li jwasslu għal klemenza eċċessiva). Għalhekk huwa loġiku li, f’sitwazzjonijiet ta’ inċertezza partikolari jew fejn jidher li jistgħu għażliet riskjużi, il-BĊE jingħata iktar latitudni meta jiddeċiedi li jaġixxi b’mod kawt u għalhekk japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti b’mod strett. Dan huwa konsistenti mal-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija parti mill-pakkett ta’ miżuri adottat b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja tal‑2007-2009, bil-ħsieb stess li tiġi evitata, kemm jista’ jkun, l-okkorrenza ta’ sitwazzjonijiet simili fil-futur ( 76 ).

87.

Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq iwassluni biex inqis li, meta adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, il-BĊE kellu marġni ta’ diskrezzjoni pjuttost wiesa’, kemm fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti, kif ukoll fid-determinazzjoni ta’ jekk tingħatax u kemm tkun eżenzjoni ( 77 ). Jekk dan huwa minnu, il-konsegwenza hija li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jistax ikun intrużiv wisq fir-rigward tal-elementi sostantivi tad-deċiżjoni kkontestata (livell xieraq ta’ protezzjoni mir-riskji ta’ lieva finanzjarja eċċessiva, l-identità u l-piż tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit tali riskju, għażliet magħmula f’sitwazzjonijiet dubjużi, eċċ.), fuq l-indħil f’dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

88.

Il-punti li ġejjin tas-sentenza appellata li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni issa juru għalfejn, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

2) In‑natura ta’ “investiment sod” tat‑tfaddil irregolat

89.

Kemm f’din il-proċedura ta’ appell kif ukoll matul il-proċeduri fl-ewwel istanza, Crédit Lyonnais enfasizzat b’mod sinjifikattiv n-natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat, element li l-BĊE allegatament injora. Il-Qorti Ġenerali qablet ma’ Crédit Lyonnais f’dan ir-rigward. Fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-BĊE li ma semmiex din il-karatteristika tat-tfaddil irregolat fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Crédit Lyonnais kienet ipprovat sal-livell legali meħtieġ li, matul kriżijiet bankarji, iktar milli jitnaqqsu minħabba l-irtirar tal-flus mid-depożitanti, il-volumi investiti bħala tfaddil irregolat fi Franza kellhom tendenza li jiżdiedu, peress li d-depożitanti jqisuh bħala investment sod ( 78 ).

90.

Madankollu, jeżisti ċertu nuqqas ta’ qbil bejn ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, u l-loġika tad-deċiżjoni eżaminata minnha.

91.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma wettaqx evalwazzjoni tar-riskji prudenzjali maħluqa minn tfaddil irregolat b’mod astratt. Il-BĊE eżamina, b’mod konkret, is-sitwazzjoni speċifika ta’ Crédit Lyonnais. Tabilħaqq jidher li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jeħtieġ evalwazzjoni speċifika għal kull każ ( 79 ).

92.

Kif iddikjara l-BĊE fil-punt 2.2. tad-deċiżjoni kkontestata, “il-BĊE jagħti eżenzjoni fid-dawl tar-riskji prudenzjali ġenerali relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-istituzzjonijiet suġġetti għal sorveljanza prudenzjali u l-ispeċifiċitajiet tat-tfaddil irregolat” ( 80 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni, inter alia, il-kobor u t-tkabbir gradwali tal-espożizzjoni ta’ Crédit Lyonnais liċ-CDC, u l-fatt li dan il-bank ma kienx kopert mill-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-grupp Crédit Agricole.

93.

In-natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat – li l-BĊE ma ċaħadx la quddiem il-Qorti Ġenerali ( 81 ) u lanqas quddiem din il-Qorti – tista’ twassal għal żieda ġenerali fid-depożiti matul perijodi ta’ kriżi ekonomika u/jew finanzjarja, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali. Madankollu, fih innifsu, dan ma jeskludix il-possibbiltà li jista’ jseħħ irtirar massiv ta’ flus minn bank speċifiku, pereżempju, minn bank li s-sitwazzjoni tiegħu tiddeterjora sal-punt li d-depożitanti jibdew jibżgħu li dalwaqt jista’ jsir insolventi.

94.

Il-BĊE ssenjala dan l-aspett meta osserva li xejn ma jipprekludi lid-depożitanti mħassba dwar il-funzjonament korrett ta’ bank speċifiku milli jirtiraw il-flus li jkollhom investiti fi tfaddil irregolat minn dan il-bank, u jagħmlu depożitu ġdid, ukoll fi tfaddil irregolat, f’bank ieħor. li jkun perċepit bħala “iktar b’saħħtu”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx tali argument.

95.

B’mod iktar ġenerali, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq eżami bir-reqqa ta’ kif il-perċezzjoni mid-depożitanti tan-natura ta’ investiment sod tat-tfaddil irregolat setgħet effettivament tinfluwenza l-aġir tagħhom matul perijodu ta’ stress partikolari għal Crédit Lyonnais. Ma huwiex evidenti minnu nnifsu li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura ta’ investiment sod tat-tfaddil irregolat neċessarjament jirrendu l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE dwar ir-riskji għal Crédit Lyonnais, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tiegħu, implawżibbli jew irraġonevoli. Lanqas il-provi msemmija fis-sentenza appellata fuq din il-kwistjoni ( 82 ) ma jidhru li jipprovdu xi element addizzjonali f’dan ir-rigward.

3) Il‑probabbiltà li tfaddil irregolat jista’ jikkontribwixxi għall‑ħolqien ta’ lieva finanzjarja eċċessiva

96.

Sussegwentement, fil-punti 111 sa 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tfaddil irregolat ftit jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ lieva eċċessiva. Skont il-Qorti Ġenerali, dan għaliex dawn id-depożiti ma jitħallewx għad-dispożizzjoni (ħielsa) tal-istituzzjoni ta’ kreditu, li jista’ jinvestihom kif jidhirlu, inkluż f’assi mhux likwidi jew riskjużi, iżda għandhom neċessarjament jiġu trasferiti liċ-CDC.

97.

Madankollu, għal darba oħra, ma narax kif tali sejba tinvalida r-raġunament tal-BĊE. Il-fatt li l-iskoperturi inkwistjoni ta’ Crédit Lyonnais jirriżultaw minn depożiti li għandhom jiġu ttrasferiti lil entità tas-settur pubbliku huwa waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 isir applikabbli fl-ewwel lok. Madankollu, kif diġà ssemma, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex awtomatika: il-BĊE ma huwiex obbligat li jagħti l-eżenzjoni kull darba li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, u għandu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

98.

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li s-somom ittrasferiti liċ-CDC ma jistgħux jiġu investiti liberament f’assi riskjużi jew mhux likwidi – punt enfasizzat mill-Qorti Ġenerali – huwa ta’ importanza relattiva f’dan il-kuntest. Tabilħaqq, għall-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, l-iskoperturi ma humiex ippeżati għar-riskju individwalment, iżda huma kollha inklużi fil-miżura tal-iskopertura. ( 83 ) Il-pożizzjoni awtomatika hija li l-iskoperturi kollha għandhom jitqiesu, irrispettivament mill-profil tar-riskju tagħhom. Huwa biss eċċezzjonalment li xi skoperturi jistgħu jiġu eżentati mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja ( 84 ), fejn dawk l-iskoperturi jitqiesu li għandhom riskju partikolarment baxx ( 85 ), fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. ( 86 ) Interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjoni tmur kontra l-loġika u l-għan inerenti tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, u tinjora l-fatt li, peress li huwa eċċezzjoni għal regola ġenerali, l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 kellu jingħata interpretazzjoni stretta.

99.

Madankollu, kif imsemmi iktar ’il fuq, ma hemm ebda indikazzjoni fis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali evalwat jekk it-tfaddil irregolat, fis-sitwazzjoni speċifika ta’ Crédit Lyonnais, jistax jitqies li għandu riskju partikolarment baxx.

100.

Għalhekk, fir-rigward tat-tifsira ta’ dan l-element (il-fatt li d-depożiti jiġu ttrasferiti b’mod obbligatorju liċ-CDC), il-Qorti Ġenerali tidher li għamlet l-evalwazzjoni tagħha stess, mingħajr ma spjegat kif il-konstatazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward jidħlu fl-iskema tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa sorprendenti, speċjalment peress li l-korrettezza tal-metodoloġija ġenerali adottata mill-BĊE biex jeżamina t-talba għal eżenzjonijiet ta’ Crédit Agricole tidher li ġiet approvata mill-Qorti Ġenerali. ( 87 )

4) Eżistenza ta’ garanzija doppja tal‑Istat

101.

Fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, għall-kuntrarju tad-depożiti normali, it-tfaddil irregolat igawdi minn garanzija doppja tal-Istat.

102.

Dan ma huwiex ikkontestat u, fil-fatt, ġie espressament imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata ( 88 ). Madankollu, għal darba oħra l-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif dan l-element kien jikkontradixxi l-analiżi tal-BĊE. Jekk qiegħed nifhem korrettament il-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali riedet sempliċement tqajjem element ieħor li, fil-fehma tagħha, irrenda improbabbli l-possibbiltà ta’ “bank run” fir-rigward ta’ tfaddil irregolat: minħabba l-garanzija doppja tal-Istat, ma jkun hemm ebda raġuni biex jiġu rtirati fondi anki f’sitwazzjoni ta’ kriżi għal Crédit Lyonnais ( 89 ).

103.

Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti Ġenerali kellha forsi tispjega r-raġunijiet għalfejn tista’ tiġi adottata l-fehma li l-biċċa l-kbira tad-depożitanti li investew fi tfaddil irregolat jistgħu jkunu mistennija li jaġixxu b’mod razzjonali f’sitwazzjoni fejn, tal-inqas għad-depożitanti ordinarji, setgħet tat lok għal “bank run”. L-istint tiegħi hu li l-esperjenza reċenti, kemm fl-Ewropa kif ukoll f’postijiet oħra, weriet li mġieba razzjonali bħal din ma hija bl-ebda mod ċerta ( 90 ). F’sitwazzjonijiet ta’ paniku dejjem jikber fost dawk li jfaddlu, bil-midja turi stampi ta’ kjuwijiet twal ta’ nies jistennew biex jirtiraw id-depożiti tagħhom, jidher li hemm xi riskju ta’ effett ta’ ballun tas-silġ nieżel mingħajr kontroll. Madankollu, irrispettivament mill-istint personali tiegħi – probabbilment iffurmat mill-esperjenza diretta tiegħi tal-kriżi finanzjarja Ċiprijotta tal-2012-2013 –, sal-punt li dan l-element ma kienx ġie kkunsidrat mill-BĊE, kien id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tittrattah espressament u tappoġġja s-sejbiet tagħha bl-evidenza meħtieġa.

104.

Barra minn hekk, nemmen li kellha tiġi inkluża xi spjegazzjoni dwar kif id-dikjarazzjoni xotta tal-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata tista’ tiġi rrikonċiljata mal-konstatazzjonijiet preċedenti tagħha dwar il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kien ħa inkunsiderazzjoni kif xieraq ir-riskju ta’ inadempjenza tal-amministrazzjoni ċentrali, filwaqt li nnota li l-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Franza ma kinitx l-ogħla possibbli u li, fil-kuntest ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (credit default swaps), ir-riskju ta’ inadempjenza tagħha kien meqjus baxx iżda mhux ineżistenti ( 91 ).

105.

Ċertament, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-BĊE kien evalwa dan ir-riskju ta’ inadempjenza b’mod żbaljat. Madankollu, minkejja li Crédit Lyonnais ressqet xi argumenti fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma ħadet ebda pożizzjoni f’dan ir-rigward ( 92 ).

106.

B’hekk, fuq dan l-element ukoll, il-Qorti Ġenerali tidher li wettqet evalwazzjoni awtonoma tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat u t-tifsira tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, jiġifieri waħda kemxejn iddistakkata mit-test u mil-loġika tad-deċiżjoni kkontestata.

5) Il‑“likwidità” tat‑tfaddil irregolat

107.

Fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, il-likwidità tat-tfaddil irregolat ma setgħetx, waħedha, tiġġustifika b’mod suffiċjenti l-konklużjoni tal-BĊE rigward ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, filwaqt li tippermetti lil dawk li jfaddlu jirtiraw id-depożiti tagħhom, il-likwidità tikkontribwixxi wkoll biex dawn iqisu t-tfaddil irregolat bħala investiment sod.

108.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-Qorti Ġenerali li l-fatt li d-depożitanti jistgħu liberament u immedjatament jirtiraw il-fondi tagħhom mill-bank, minnu nnifsu, ma huwiex element deċiżiv biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv. Madankollu, kif spjegat iktar ’il fuq, ma iniex konvint mill-kritika tal-Qorti Ġenerali tal-elementi l-oħra li l-BĊE ħa jew ma ħax inkunsiderazzjoni.

109.

Iktar importanti minn hekk, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali kkaratterizzat u ġabret fil-qosor ir-raġunament segwit mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata huwa pjuttost imħawwad. Minn qari tas-sentenza appellata, wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li l-likwidità tat-tfaddil irregolat kienet element ewlieni għall-BĊE biex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu.

110.

Madankollu, dan ikun qari pjuttost żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raġunament segwit mill-BĊE f’din id-deċiżjoni huwa, essenzjalment, li f’każ ta’ irtirar massiv minn min ifaddal, bħal f’sitwazzjoni ta’ “bank run”, Crédit Lyonnais tista’ ssibha diffiċli biex tonora l-irtirar, mingħajr ma jkollha tadotta miżuri ta’ emerġenza, peress li parti sinjifikattiva tad-depożiti tagħha huma ttrasferiti liċ-CDC, li għandha perijodu ta’ aġġustament ta’ 10 ijiem li matulu l-bank jibqa’ responsabbli għall-irtirar.

111.

F’dan il-kuntest, il-fatt li t-tfaddil irregolat huwa partikolarment likwidu, u għalhekk jista’ jiġi rtirat faċilment u immedjatament minn min ifaddal, huwa ċertament aspett rilevanti għall-analiżi. Ovvjament, ir-riskju ta’ bejgħ ta’ emerġenza jkun ferm inqas jekk ikun hemm ostakli legali jew prattiċi għall-irtirar immedjat ta’ fondi mid-depożitanti. Madankollu, dan ma huwiex element ċentrali tal-analiżi. Fi kliem sempliċi, ngħid li l-likwidità ma hijiex waħda mis-sorsi tar-riskju iżda faċilitatur tar-riskju. F’dan ir-rigward, ir-referenza (relattivament leġġera) għal-likwidità fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata hija pjuttost indikattiva.

112.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tkun korretta peress li l-likwidità tat-tfaddil irregolat hija waħda mir-raġunijiet li jagħmluh attraenti għal min ifaddal matul perijodi ta’ inċertezza finanzjarja ( 93 ). Madankollu, anki fuq dan il-punt jidher li hemm element nieqes fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali: din is-sensazzjoni ġenerali ta’ “sigurtà” mid-depożitanti dwar it-tfaddil irregolat tkun biżżejjed biex tipprekludihom milli jgħaġġlu biex jirtiraw il-fondi tagħhom jekk, pereżempju, jitfaċċaw xi problemi speċifiċi relatati mal-istabbiltà finanzjarja ta’ Crédit Lyonnais?

113.

Loġikament, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt tidher li hija eżempju klassiku tax-“xafra li taqta’ miż-żewġ naħat”. Jekk il-likwidità tat-tfaddil irregolat tikkontribwixxi biex depożitanti jħossuhom siguri għaliex tippermettilhom li jirtiraw liberament il-fondi tagħhom fi kwalunkwe ħin, dan ma jimplikax li dawk li jfaddlu jkunu jridu fil-fatt jirtiraw dawk il-fondi meta s-sitwazzjoni tal-bank tagħhom issir inkwetanti?

114.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt tidher għalhekk inkompleta. Dan juri għal darba oħra li, minflok ma eżaminat il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet l-evalwazzjoni tagħha stess tas-sitwazzjoni.

6) L‑eżempju dwar l‑esperjenza tal‑kriżijiet bankarji reċenti

115.

Fil-punti 117 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkontestat id-dikjarazzjoni tal-BĊE li skontha l-esperjenza ta’ kriżijiet bankarji reċenti turi li l-irtirar massiv jista’ jseħħ fi żmien ħamest ijiem. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE bbaża ruħu fuq eżempju wieħed biss f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem l-“eżempju”), u dan l-eżempju kien jikkonċerna depożiti ordinarji, li għalhekk kienu differenti minn tfaddil irregolat f’diversi aspetti. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-allegat riskju ta’ rtirar massiv li potenzjalment iwassal għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv minn Crédit Lyonnais ma kienx suffiċjentement sostnut minn provi.

116.

Naqbel mal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kkontestata ċertament ma hijiex mudell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, il-kritika tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt tidher li ġejja minn qari ħażin ta’ dik id-deċiżjoni.

117.

Il-BĊE ma kellux l-intenzjoni li jagħmel paragun bejn l-eżempju u s-sitwazzjoni ta’ Crédit Lyonnais. Ir-riferiment għall-esperjenza reċenti kien sempliċement maħsub biex juri l-ħeffa li biha jista’ jsir irtirar massiv meta jinqalgħu dubji serji dwar l-istabbiltà ta’ bank u, konsegwentement, ir-raġuni għalfejn id-dewmien potenzjali ta’ 10 ijiem bejn l-irtirar minn min ifaddal u r-rimbors tas-somom miċ-CDC jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu problematiċi.

118.

Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE irrikonoxxa li reċentement ma kienet seħħet l-ebda “bank run” fir-rigward ta’ forom simili ta’ tfaddil. Madankollu, il-BĊE enfasizza li ma kienx meħtieġ li jillimita t-tħassib prudenzjali tiegħu għal tipi ta’ riskji li kienu diġà mmaterjalizzaw fil-passat ( 94 ).

119.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tkun korretta fir-rigward tal-paragunabbiltà limitata taż-żewġ sitwazzjonijiet. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed biex jinvalida l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE dwar il-punt. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali (i) ma kkontestatx il-korrettezza tad-data pprovduta mill-BĊE, (ii) ma spjegatx għalfejn, fil-fehma tagħha, it-terminu ta’ ħamest ijiem ma setax japplika fil-każ ta’ Crédit Lyonnais; u (iii) ma poġġietx f’dubju l-matriċi użata mill-BĊE f’dan il-kuntest, tiddifferenzja l-perċentwal ta’ eżenzjoni skont id-dewmien ta’ żmien għar-rimbors mill-entità pubblika rilevanti (inqas minn 5 ijiem, bejn 5 u 10 ijiem, bejn 10 ijiem u xahar, u iktar minn xahar) ( 95 ).

120.

Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda spjegazzjoni għalfejn approċċ kawt u viġilanza ikbar min-naħa tal-BĊE ma humiex iġġustifikati. Fil-fatt, jidhirli li, fid-dawl tal-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni (li tiġi evitata l-okkorrenza ta’ kriżijiet finanzjarji ġodda) kif ukoll tal-għan tad-dispożizzjonijiet speċifiċi inkwistjoni (biex tiġi żgurata s-solidità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji billi tiġi llimitata l-lieva finanzjarja tagħhom), li l-evalwazzjoni prudenzjali ma tiġix limitata biss għal riskji li mmaterjalizzaw fil-passat hija applikazzjoni sensibbli tal-liġi.

7) L‑assenza ta’ bażi għar‑rifjut ta’ eżenzjoni totali

121.

Fl-aħħar, inqis bħala fondata l-kritika tal-BĊE fuq il-punt 126 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali l-ewwel iddikjarat li, “[f]id-dawl tal-metodoloġija applikata mill-BĊE”, il-motivi “li jirrigwardaw rispettivament il-kwalità ta’ kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali u l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-[CDC] – anki jekk jitqiesu eżenti minn illegalità, ma kinux jippermettu li jiġi ġġustifikat ir-rifjut kontra r-rikorrenti”. Il-Qorti Ġenerali mbagħad żiedet li “abbażi tal-imsemmija metodoloġija, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-motivi biss ma jwassalx għar-rifjut li r-rikorrenti tingħata l-benefiċċju sħiħ tad-deroga prevista fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013” ( 96 ).

122.

Dawn id-dikjarazzjonijiet riżoluti u ċari huma sorprendenti. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali mkien ma ssemmi l-konsegwenza globali tal-evalwazzjoni individwali tagħha tad-diversi elementi li, fil-fehma tagħha, il-BĊE kien injora jew naqas milli jevalwa sew, fir-rigward tal-livell ta’ riskju (baxx, partikolarment baxx, negliġibbli, de facto ineżistenti?) ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv minn Crédit Lyonnais. It-tieni, anki jekk wieħed jassumi li l-Qorti Ġenerali għamlet dan, is-sentenza appellata hija nieqsa minn kull spjegazzjoni konkreta dwar kif il-konstatazzjonijiet tagħha dwar ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv kellhom jiġu riflessi fil-metodoloġija tal-BĊE. Is-silenzju tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward huwa notevoli, peress li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-punt 126 tagħha jikkostitwixxu l-bażi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ( 97 ). It-tielet, il-Qorti Ġenerali tidher li tieħu pożizzjoni dwar dak li kien jagħmel il-BĊE – u mhux dwar dak li kellu jew ma kellux jagħmel il-BĊE – kieku dawn l-elementi ġew apprezzati b’mod korrett. Id-differenza ma hijiex kwistjoni ta’ terminoloġija. Il-Qorti Ġenerali ma tidentifikax il-limiti tal-azzjoni amministrattiva tal-BĊE, iżda tidher li “tidħol fiż-żarbun” tal-BĊE, u tinjora l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ta’ din l-istituzzjoni fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet sostantivi taħt l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

8) Konklużjoni fuq l‑ewwel aggravju

123.

Normalment huwa mistenni li, fis-sistema ta’ “stħarriġ tal-legalità” stabbilita mit-Trattati tal-Unjoni, il-punt ta’ tluq tal-analiżi mwettqa mill-qorti li qiegħda tisma’ kawża bħal dik preżenti ikun it-test innifsu tal-att ikkontestat. Din l-analiżi ġeneralment tieħu inkunsiderazzjoni l-loġika u l-istruttura ta’ dan l-att, u mbagħad tittratta s-sekwenza tal-argumenti mressqa mill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex issostni l-konklużjoni eventwalment milħuqa. Il-kwistjoni ewlenija għandha tkun jekk l-istituzzjoni li adottat id-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha, applikatx id-dispożizzjoni rilevanti b’mod raġonevoli.

124.

Għar-raġunijiet spjegati fit-taqsimiet iktar ’il fuq, insibha diffiċli biex insib elementi ta’ dan l-approċċ f’dan il-każ.

125.

Il-kritika tal-analiżi tal-BĊE hija espressa l-iktar fi ftit siltiet qosra tas-sentenza appellata, li kultant jinjoraw il-kumplessità tal-kwistjonijiet involuti. Il-Qorti Ġenerali mbagħad tissostitwixxi din l-analiżi b’waħda tagħha, ibbażata fuq evalwazzjoni alternattiva ta’ ċerti elementi ta’ fatt, li spiss tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet jew provi mhux sostnuti li l-valur probatorju tagħhom ma huwa bl-ebda mod evidenti. B’mod importanti, il-Qorti Ġenerali tidher li evalwat dawn l-elementi b’mod iżolat, mingħajr ma verament għamlet il-konnessjonijiet neċessarji: ma evalwatx l-interazzjoni bejn dawn l-elementi u, iktar minn hekk, ma spjegatx kif l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn l-elementi tkun riflessa fir-riżultat finali, meta tiġi integrata fil-metodoloġija użata mill-BĊE li – ta’ min wieħed jerġa’ jenfasizza – ma ġietx ikkritikata mill-Qorti Ġenerali.

126.

B’mod partikolari, kif jindika ġustament il-BĊE, il-Qorti Ġenerali ffukat esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-irtirar massiv iseħħ f’perijodu qasir ta’ żmien, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li l-materjalizzazzjoni ta’ dan ir-riskju jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Crédit Lyonnais, minħabba l-livell ta’ espożizzjoni tiegħu għaċ-CDC. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jgħid li, l-iżjed l-iżjed, il-Qorti Ġenerali għamlet “nofs ix-xogħol” billi ħarset lejn il-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat b’mod ġenerali, iżda – kuntrarjament għall-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata ( 98 ) – hija ma għamlitx in-“nofs l-ieħor tax-xogħol”, li kien jikkonsisti fl-eżami tas-sitwazzjoni speċifika ta’ Crédit Lyonnais.

127.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet forma ta’ stħarriġ partikolarment intrużiva ta’ ċerti elementi tal-analiżi magħmula mill-BĊE (livell ta’ riskju aċċettabbli, identità u natura tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju eċċ.), mingħajr ma sostniet is-sejbiet tagħha f’dan ir-rigward minn motivazzjoni suffiċjenti u evidenza xierqa.

128.

Minflok ma wriet li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kien għamel applikazzjoni mhux raġonevoli tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ex novo tat-talba ta’ Crédit Agricole għal eżenzjoni, billi ssostitwiet il-fehma tagħha għal dik tal-BĊE, u b’hekk indaħlet fil-marġni ta’ diskrezzjoni li, f’din il-kwistjoni, il-BĊE kien mogħti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

129.

Peress li l-Qorti Ġenerali applikat standard ta’ stħarriġ żbaljat fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel aggravju għandu jitqies bħala fondat u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

B. Suffiċjenza tal‑motivazzjoni (it‑tieni aggravju)

1.   Argumenti tal‑partijiet

130.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fil-fehma tiegħu, is-sentenza appellata ma tispjegax b’mod adegwat b’liema mod żbalja fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-garanzija doppja tal-Istat li jgawdi minnha t-tfaddil irregolat.

131.

Crédit Lyonnais issostni li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa espost b’mod ċar fis-sentenza appellata. B’mod partikolari, Crédit Lyonnais tirreferi għall-punti 59 u 114 sa 122 ta’ din is-sentenza. Fil-qosor, il-fehma tal-BĊE li l-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat fuq it-tfaddil irregolat ma kinitx tippreveni r-riskju ta’ rtirar massiv minn min ifaddal f’perijodu qasir ta’ żmien instabet li ma kinitx issostanzjata mill-Qorti Ġenerali.

2.   Analiżi

132.

Jiena tal-fehma li dan l-aggravju huwa infondat.

133.

Il-motivazzjoni inkluża fis-sentenza appellata dwar it-tifsira tal-garanzija doppja tal-Istat fir-rigward tar-riskju tal-bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire sale) tal-attiv minn Crédit Lyonnais hija tabilħaqq qasira u sa ċertu punt mhux espliċita. Madankollu, kif issemma fil-punti 102 iktar ’il fuq, il-qofol tal-argument tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt isir iktar ċar meta s-siltiet rilevanti tas-sentenza appellata jinqraw fil-kuntest usa’ tagħhom. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat fir-rigward tat-tfaddil irregolat irrendiet improbabbli l-possibbiltà ta’ “bank run” fir-rigward ta’ tali tfaddil.

134.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għalhekk huwa ċar biżżejjed. Jekk din il-fehma hijiex sostnuta mill-provi meħtieġa tirrigwarda s-sustanza tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, u mhux is-suffiċjenza tagħha.

C. Żnaturament tal‑provi (it‑tielet aggravju)

1.   Argumenti tal‑partijiet

135.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li kienu ġew ippreżentati lilha matul il-kawża. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet qari manifestament żbaljat ta’ ċerti siltiet tad-deċiżjoni kkontestata, u wetqet distorsjoni tal-metodoloġija applikata sabiex tiġi evalwata t-talba ta’ Crédit Agricole għal eżenzjoni.

136.

B’mod partikolari, il-BĊE jsostni li fil-fatt kien ħa inkunsiderazzjoni n-natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat u l-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat. Fir-rigward tal-iżnaturament tal-metodoloġija użata fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li l-materjalizzazzjoni ta’ dan ir-riskju jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Crédit Lyonnais, fid-dawl tal-livell għoli ta’ konċentrazzjoni. Fi kliem sempliċi, ir-riskju stess jista’ verament ikun pjuttost żgħir iżda, jekk dak ir-riskju jimmaterjalizza, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji ħafna għall-bank.

137.

Barra minn hekk, skont il-BĊE, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-eżempju użat fid-deċiżjoni kkontestata billi biddlitu f’kundizzjoni għall-evalwazzjoni tar-riskju ta’ rtirar massiv fuq żmien qasir, filwaqt li l-uniku għan ta’ dan l-eżempju kien li juri l-konsegwenzi potenzjali tal-materjalizzazzjoni ta’ tali riskju. Fl-aħħar nett, il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta wettqet eżami individwali tal-kriterji li ħadet inkunsiderazzjoni fil-metodoloġija tagħha, filwaqt li dawn il-kriterji kellhom jinqraw bħala interdipendenti.

138.

Crédit Lyonnais hija tal-fehma li l-allegazzjonijiet imressqa mill-BĊE insostenn tat-tielet aggravju tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Crédit Lyonnais tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, ma tissemma l-ebda natura ta’ “investiment sod” tat-tfaddil irregolat. Fir-rigward tal-kritika li saret fil-konfront tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-metodoloġija użata mill-BĊE, Crédit Lyonnais issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-kundizzjoni stabbilita fis-sentenza tal-2018, li kienet titlob lill-BĊE jikkunsidra l-possibbiltà ta’ rtirar massiv fid-dawl tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat.

139.

Crédit Lyonnais issostni wkoll li n-natura allegatament illustrativa tal-eżempju inkwistjoni ma teżentax lill-BĊE mill-obbligu li jibbaża ruħu fuq elementi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, il-punt 126 tas-sentenza appellata juri – skont Crédit Lyonnais – li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tikkunsidra l-interdipendenza tal-kriterji użati mill-BĊE fil-metodoloġija tiegħu.

2.   Analiżi

140.

Ma ninsabx konvint minn dan l-aggravju.

141.

Naqbel ma’ xi wħud mill-kritika tal-BĊE fir-rigward tal-qari mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, u tal-mod kif il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi prodotti mill-partijiet fil-kuntest tal-proċeduri tal-ewwel istanza. Madankollu, ma nsib l-ebda żnaturament tas-sens ċar tal-evidenza.

142.

Skont ġurisprudenza stabbilita, tali żnaturament jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument li tmur kontra l-kontenut tal-istess dokument. Tali żnaturament għandu jkun evidenti mid-dokumenti fil-proċess, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument seta’ jiġi interpretat b’mod differenti mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali: din tal-aħħar għandha tkun marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi ( 99 ).

143.

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fehma tiegħi, il-problema tas-sentenza appellata ma hijiex fir-riżultat finali tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ma teżisti ebda konstatazzjoni sostantiva li tidher manifestament żbaljata abbażi tal-informazzjoni u tad-dokumenti inklużi fil-proċess.

144.

L-iżbalji magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżultaw mill-mod kif il-Qorti Ġenerali wettqet tali stħarriġ. Kif ġie spjegat qabel, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni ex novo ta’ diversi elementi tal-analiżi, u tal-konsegwenzi tagħhom, fir-rigward tal-każ quddiem il-BĊE. Dan għamlitu billi ftit li xejn tat attenzjoni lill-evalwazzjonijiet li saru u lill-metodoloġija użata mill-BĊE u, b’mod iktar ġenerali, lil-loġika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

D. L‑Artikolu 4(1)(94) u l‑Artikolu 429(14) tar‑Regolament Nru 575/2013 (ir‑raba’ aggravju)

1.   Argumenti tal‑partijiet

145.

Fl-aħħar nett, fir-raba’ aggravju tiegħu, il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 4(1)(94) u l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 b’mod ħażin.

146.

Fir-rigward tal-ewwel dispożizzjoni, il-BĊE jargumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta żiedet, mad-definizzjoni tar-riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva, xi kriterji li ma humiex stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti (senjatament, il-libertà ta’ użu ta’ kwalunkwe depożiti jew il-possibbiltà ta’ investiment f’assi riskjużi jew mhux likwidi). Fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-aħħar, il-BĊE jsostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha l-effett li ċċaħħad lill-BĊE mill-marġni ta’ manuvra mogħtija lilu mil-leġiżlatur fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk ċerti skoperturi jistgħux jiġu eżentati mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja.

147.

Crédit Lyonnais tikkontesta l-argumenti mressqa mill-BĊE. Fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(94) tar-Regolament Nru 575/2013, Crédit Lyonnais twarrab l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali żiedet kriterji li ma humiex stabbiliti f’din id-dispożizzjoni: din il-qorti sempliċement ikkonstatat li l-BĊE kien injora ċerti karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, li jindikaw li tali tfaddil għandu livell ta’ riskju partikolarment baxx.

148.

Fir-rigward tal-argument tal-BĊE dwar l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, Crédit Lyonnais tippreċiża li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ċċaħħad lill-BĊE mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu. Skont Crédit Lyonnais, il-BĊE kien ikun intitolat li jirrifjuta l-applikazzjoni tal-eżenzjoni (b’mod sħiħ jew parzjali) fejn, pereżempju, it-tfaddil irregolat ma kellu l-ebda garanziji tal-Istat, jew kieku pprova l-probabbiltà li l-Istat seta’ effettivament ikun inadempjenti.

2.   Analiżi

149.

Fir-rigward ta’ dan l-aggravju, nerġa’ naqbel ma’ Crédit Lyonnais.

150.

L-Artikolu 4(1)(94) tar-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi r-“riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva” bħala “ir-riskju li jirriżulta mill-vulnerabbiltà ta’ istitizzjoni minħabba lieva finanzjarja jew lieva finanzjarja kontinġenti li tista’ teħtieġ miżuri korrettivi mhux intenzjonati għall-pjan imprenditorjali tagħha, inkluż il-bejgħ b’urġenza ta’ assi li jista’ jirriżulta f’telf jew f’aġġustamenti tal-valutazzjoni tal-assi li jkun fadlilha”.

151.

Ma narax kif il-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-kunċett ta’ “riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva” f’din il-kawża. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet li, fil-fehma tagħha, il-BĊE kien eżamina b’mod żbaljat iċ-ċirkustanzi li kienu rilevanti għall-għoti tal-eżenzjoni, billi injora jew naqas milli jevalwa sew ċerti karatteristiċi tat-tfaddil irregolat.

152.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament 575/2013 ma ċċaħħadx lill-BĊE mill-marġni ta’ manuvra tiegħu. Tabilħaqq, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu jikkonċernaw tip speċifiku ta’ depożiti li, fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, ma kienx probabbli li jwassal għal irtirar massiv minħabba numru ta’ karatteristiċi tiegħu, li jħeġġu lil dawk li jfaddlu sabiex iqisu dawn id-depożiti bħala partikolarment sikuri. Xejn fis-sentenza appellata ma jista’ jissuġġerixxi li l-BĊE ma jgawdix minn libertà meta jieħu deċiżjonijiet fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ depożiti.

VI. Konsegwenzi tal‑evalwazzjoni

153.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju huwa fondat. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

154.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha jew, fejn l-istat tal-proċeduri jagħmilha possibbli, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess.

155.

F’dan il-każ, jiena tal-fehma li l-istat tal-kawża jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni definittiva fil-kawża.

156.

Is-sentenza appellata ċaħdet bħala infondati l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju, u t-tieni aggravju. Crédit Lyonnais ma appellatx minn din is-sentenza, bil-konsegwenza li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dawn il-kwistjonijiet saru res judicata.

157.

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina, minn naħa, it-tielet parti tal-ewwel aggravju, u l-ewwel parti tat-tielet aggravju, billi tapplika standard korrett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (A). Min-naħa l-oħra, hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina t-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju, li dwarhom il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx (B).

A. It‑tielet parti tal‑ewwel aggravju, u l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju

158.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa minn Crédit Lyonnais fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju u tal-ewwel parti tat-tielet aggravju ma humiex konvinċenti.

159.

L-ewwel, għalija huwa pjuttost ċar li, fl-evalwazzjoni tiegħu tat-talba ta’ Crédit Agricole għal eżenzjoni, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tat-tfaddil irregolat. Il-metodoloġija ġenerali adottata għal dak il-għan, u l-evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tal-elementi speċifiċi meħuda inkunsiderazzjoni f’dak il-kuntest, juru li l-evalwazzjoni tal-BĊE kkunsidrat kif l-ispeċifiċitajiet tat-tfaddil irregolat jistgħu jaffettwaw kunsiderazzjonijiet prudenzjali.

160.

B’mod partikolari, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ garanzija doppja tal-Istat, ir-riskju ta’ inadempjenza tal-Istat Franċiż, u jekk irtirar massiv ikunx “biżżejjed kbir u jseħħ f’daqqa” biex jiġġustifika l-allegati riskji.

161.

Għalhekk, jiena tal-fehma li Crédit Lyonnais ma ressqet ebda argument konvinċenti fis-sens li l-BĊE naqas milli jadotta l-konsegwenzi neċessarji mis-sentenza tal-2018 u, b’mod partikolari, mill-punt 81 tagħha. Barra minn hekk, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, ma nsib ebda żball manifest fl-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE fir-rigward taċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għad-deċiżjoni tiegħu li jagħti biss eżenzjoni parzjali taħt l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Crédit Lyonnais naqset milli tistabbilixxi li l-konklużjoni milħuqa f’dan ir-rigward taqa’ barra mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-BĊE għandu jgawdi f’dan ir-rigward. Id-deċiżjoni tal-BĊE ma tidhirx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u fid-dawl tal-għan segwit mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li hija irraġonevoli jew implawżibbli.

162.

Għaldaqstant, nikkonkludi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

B. It‑tieni u t‑tielet parti tat-tielet aggravju

163.

Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Crédit Lyonnais issostni li l-BĊE kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja tal-gvern ċentrali (punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata), u tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-iskoperturi tagħha għaċ-CDC (punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

164.

Dawn l-aggravji ma jiġġustifikawx, fil-fehma tiegħi, eżami fit-tul.

165.

Fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju, f’silta qasira tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Crédit Lyonnais ikkritikat lill-BĊE li ma ressaq ebda element li jissostanzja l-eżistenza ta’ possibbilta ta’ riskju ta’ inadempjenza mill-Istat Franċiż. Sussegwentement, fir-replika tagħha, Crédit Lyonnais ifformulat mill-ġdid l-argument tagħha billi ddikjarat li ma tiċħadx l-eżistenza ta’ riskju minimu ta’ inadempjenza mill-Istat Franċiż, iżda ssostni li tali riskju ma jistax jiġġustifika rifjut taħt l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

166.

Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-formulazzjoni preċiża tal-argument, dan jidher manifestament infondat.

167.

L-ewwel, kif issemma, fid-deċiżjoni kkontestata l-BĊE osserva li l-korpi esterni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma kinux taw lill-Istat Franċiż l-ogħla klassifikazzjoni possibbli u li l-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (credit default swaps) ta’ ħames snin innegozjati mill-Istat Franċiż kellhom probabbiltà ta’ inadempjenza mhux negliġibbli. It-tieni, il-probabbiltà ta’ inadempjenza mill-Istat Franċiż ovvjament ma hijiex ir-raġuni (jew waħda mir-raġunijiet) li tiġġustifika rifjut parzjali ta’ eżenzjoni fil-konfront ta’ Crédit Lyonnais ma hijiex. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħra li jappartjenu għall-grupp Crédit Agricole kisbu eżenzjoni sħiħa fir-rigward tat-tfaddil irregolat. It-tielet, sa fejn wieħed mill-argumenti ewlenin li fuqu insistiet Crédit Lyonnais kien in-natura ta’ investiment sod tat-tfaddil irregolat minħabba l-garanzija doppja tal-Istat, il-fatt li r-riskju ta’ inadempjenza tal-Istat Franċiż kien tqies bħala mhux negliġibbli jidher li huwa element ta’ xi rilevanza.

168.

Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, fis-sottomissjonijiet ta’ Crédit Lyonnais fl-ewwel istanza jew fl-appell ma narax argument addizzjonali u distint minn dak li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet fil-punti 73 sa 88 tas-sentenza appellata.

169.

Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li t-talba għal annullament ippreżentata minn Crédit Lyonnais għandha tiġi miċħuda.

VII. Spejjeż

170.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

171.

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

172.

F’dan il-każ, il-BĊE talab għall-ispejjeż. Peress li l-appell għandu jiġi milqugħ, u r-rikors miċħud, Crédit Lyonnais għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

VIII. Konklużjoni

173.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni msemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ April 2021, Crédit lyonnais vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (T‑504/19, EU:T:2021:185);

tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Crédit Lyonnais;

tikkundanna lil Crédit Lyonnais għall-ispejjeż tal-proċeduri kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) T‑504/19, EU:T:2021:185 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Kalintiri, A., “What’s in a name? The marginal standard of review of ‘complex economic assessments’ in EU competition enforcement”, Common Market Law Review, 2016, p. 1283 - 1284.

( 4 ) Ukoll b’enfasi fuq in-natura kontroversjali ħafna ta’ dan is-suġġett, Gippini-Fournier, E., Castillo de la Torre, F., Evidence, Proof and Judicial Review in EU Competition Law, Edward Elgar Publishing, 2017, p. 275.

( 5 ) Il-prodotti kkonċernati huma: il-“Livret A”, irregolat mill-Artikoli L.221-1 sa L.221-9 tal-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż) (iktar ’il quddiem iċ-“CMF”); il-“Livret d’Epargne populaire (LEP)”, irregolat mill-Artikoli L.221-13 sa L.221-17-2 taċ-CMF; u l-“Livret de développement durable et solidaire (LDD)”, irregolat mill-Artikolu L.221-27 taċ-CMF. It-tliet prodotti iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet ser jissejħu, kollettivament, it-“tfaddil irregolat”.

( 6 ) ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2.

( 7 ) Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2019, L 150, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2021, L 65, p. 61, fil-ĠU 2021, L 380, p. 23, u fil-ĠU 2021, L 398, p. 32).

( 8 ) ĠU 2013, L 287, p. 63.

( 9 ) Crédit agricole vs BĊE, T‑758/16, EU:T:2018:472 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2018”).

( 10 ) Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tkun marbuta li “[t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

( 11 ) Punti 34 sa 69 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punti 70 sa 96 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punti 97 sa 106 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punti 107 sa 114 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Punti 115 sa 123 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Enfasi miżjuda.

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 32). Enfasi miżjuda.

( 18 ) L-Artikolu 127(1) TFUE u l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Protokoll anness mal-verżjonijiet ikkonsolidati tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 230).

( 19 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C-123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara l-Artikolu 3.3 u l-Artikolu 25 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

( 21 ) Ara l-Artikolu 4(1)(d) u (3) tar-Regolament Nru 1024/2013.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7 u 32, kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 575/2013.

( 23 ) Ara l-premessa 90 u l-Artikolu 4(1), punt (93), ta’ dak ir-regolament.

( 24 ) Ara l-Artikolu 4(1)(94) ta’ dak ir-regolament.

( 25 ) Ara iktar ’il fuq, punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Enfasi miżjuda.

( 27 ) Mhux qegħdin jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom il-Qrati tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni sħiħa: ara l-Artikolu 261 TFUE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, EU:C:2004:318, punti 8586).

( 29 ) Ġeneralment, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C-272/09 P, EU:C:2011:810, punt 102).

( 30 ) Għal paragun estensiv bejn is-sistema tal-Unjoni u s-sistema ta’ xi Stati Membri ara Schwarze, J., European Administrative Law, l-ewwel edizzjoni riveduta, Sweet & Maxwell, 2006, p. 261 sa 503. Ara wkoll Mendes, J., “Bounded Discretion in EU Law: A Limited Judicial Paradigm in a Changing EU”, Modern Law Review, 2017, p. 451 sa 462. Għal paragun mas-sistema tal-Istati Uniti, ara Shapiro, M., “Codification of Administrative Law: The US and the Union”, European Law Journal, 1996, p. 26 sa 47. Għall-approċċi dwar din il-kwistjoni meħuda, inter alia, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, ara Gruszczynski, L., Werner, W. (edituri), Deference in International Courts and Tribunals: Standard of Review and Margin of Appreciation, Oxford University Press, 2014, Kapitoli 13 u 17.

( 31 ) Fil-letteratura legali, xi drabi jissejħu sitwazzjonijiet ta’ diskrezzjoni “klassika”, “pura” jew “proprja”.

( 32 ) Xi awturi jippreferu ma jużawx it-terminu “diskrezzjoni” f’dan il-kuntest, u jitkellmu dwar “marġni ta’ evalwazzjoni”.

( 33 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Technische Universität München (C-269/90, EU:C:1991:317, punt 13).

( 34 ) Pereżempju, f’kawża bikrija, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal “ġudizzji kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom stess, ma humiex kapaċi jikkostitwixxu prova oġġettiva”: ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 1971, Marcato vs Il-Kummissjoni (29/70, EU:C:1971:29, punt 7). Dwar pożizzjonijiet simili għal dawk sostnuti f’dawn il-konklużjonijiet, ara Forwood, N., “The Commission’s More Economic Approach — Implications for the role of the EU Courts, the treatment of economic evidence and the scope of judicial review”, f’Ehlermann, C.D., Marquis M. (edituri), European Competition Law Annual 2009: Evaluation of evidence and its judicial review in competition cases, Hart Publishing, 2011, p. 13; u Bellamy, C., f’“Judicial Enforcement of Competition Law”, OECD, Policy Roundtables, 1996, p. 106.

( 35 ) Ara, b’kunsiderazzjonijiet simili, Vesterdorf, B., “Standard of Proof in Merger Cases: Reflections in the Light of Recent Case Law of the Community Courts”, European Competition Journal, 2005, p. 17.

( 36 ) Pereżempju, meta analiżi prospettiva teħtieġ li ssir previżjoni tad-diversi katini ta’ kawża u effett: ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 32).

( 37 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, meta jkollu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni partikolari tilħaqx il-limitu ta’ gravità, sinjifikat jew kobor stabbilit f’dispożizzjoni speċifika. Pereżempju, l-Artikolu 66 TFUE jippermetti li “f’każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill jista’ jieħu miżuri ta’ salvagwardja”.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 347), u tal‑14 ta’ Marzu 1973, Westzucker (57/72, EU:C:1973:30, punti 4 sa 17). Probabbilment, din il-ġurisprudenza ssib l-għeruq tagħha fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA (li kien fis-seħħ dak iż-żmien) li, f’rikorsi għal annullament imressqa minn deċiżjonijiet tal-Awtorità Għolja, ipprekludiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, milli “teżamina l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni, li tirriżulta minn fatti jew ċirkustanzi ekonomiċi, li fid-dawl tagħhom l-Awtorità Għolja ħadet id-deċiżjonijiet tagħha jew għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha”.

( 39 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7, punti 152154). Iktar reċenti, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C-270/12, EU:C:2014:18, punti 41 sa 54).

( 40 ) Ara Giannini, M. S., Il Potere Discrezionale della Pubblica Amministrazione, Concetto e Problemi, Giuffrè, 1939, p. 42 u 43.

( 41 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.

( 43 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2004:318, punti 8788).

( 44 ) Ara, iktar ’il fuq, punti 64 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Din tidher li hija l-fehma tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:292, punt 39). Bir-rispett dovut, jiena ma naqbilx.

( 46 ) Kif issemma fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-atti tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità sakemm ma jkunux ġew annullati jew iddikjarati invalidi jew inapplikabbli mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-parti li titlob l-illegalità tal-att ikkontestat li għandha tipprova l-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet tagħha. Dwar din il-kwistjoni, ara reċentement il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fis-sentenza PlasticsEurope vs ECHA (C‑119/21 P, EU:C:2022:655, punti 55 sa 60).

( 47 ) Ibid., punt 69.

( 48 ) Ħlief, ovvjament, għal difetti potenzjali tal-att li, peress li huma kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku, jistgħu jitqajmu mill-Qrati tal-Unjoni ex officio.

( 49 ) Peress li r-raġunijiet għal dan ġew spjegati fid-dettall minn kollegi u akkademiċi oħra rrispettati, ma għandix għalfejn nirrepetihom hawn. Nirreferi lill-qarrej, inter alia, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:317, punti 1516); u Craig, P., EU Administrative Law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, 2018, p. 472 sa 474.

( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2004:646, punt 78).

( 51 ) Ara iktar ’il fuq, punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 84).

( 53 ) Tabilħaqq, l-ewwel linja ta’ ġurisprudenza kienet tikkonċerna, l-iktar, kontestazzjonijiet miġjuba fil-konfront ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, filwaqt li t-tieni linja ta’ ġurisprudenza kienet tikkonċerna, b’mod ġenerali, deċiżjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll Schwarze, J., European Administrative Law, op cit., p. 298

( 54 ) Konklużjonijiet fil-kawża Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (C-40/03 P, EU:C:2005:93, punt 45). Enfasi miżjuda.

( 55 ) Enfasi miżjuda. Ara wkoll l-Artikolu 2 TUE.

( 56 ) It-test tal-“manifestament mhux xieraq meta mqabbel mal-għan [segwit]”, stabbilit fl-ewwel linja ta’ ġurisprudenza jidher li jistabbilixxi livell pjuttost għoli għar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, fit-tieni linja tal-ġurisprudenza, il-Qrati tal-Unjoni spjegaw li t-test tal-“iżball manifest” ma jeħlisx lill-qorti tal-Unjoni, inter alia, mill-obbligu li tivverifika l-kompletezza u l-affidabbiltà tal-provi, u l-konsistenza bejn il-provi u l-konklużjonijiet imnissla minnhom. Din is-silta fil-ġurisprudenza tindika, tista’ tgħid, forma ta’ stħarriġ iktar stretta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ta’ sempliċi diskrezzjoni teknika. Fi kliem Jaeger, il-ġurisprudenza tissuġġerixxi ċerta “marġinalizzazzjoni” tal-istħarriġ marġinali f’każijiet ta’ diskrezzjoni teknika. Ara Jaeger, M., “The Standard of Review in Competition Cases Involving Complex Economic Assessments: Towards the Marginalization of the Marginal Review?”, Journal of European Competition Law & Practice, 2011, p. 295 sa 314.

( 57 ) Dan premess, għandu jiġi rrikonoxxut li xi forom ta’ diskrezzjoni ta’ politika inkwadrata b’mod strett jistgħu jagħtu lill-istituzzjoni kkonċernata inqas spazju għal manuvra minn dak li jirriżulta minn evalwazzjonijiet tekniċi meħtieġa minn dispożizzjonijiet legali li jużaw kunċett jew kunċetti mhux iddefiniti.

( 58 ) Jiġifieri, l-evalwazzjoni tal-parametri, il-kriterji jew l-elementi li abbażi tagħhom l-istituzzjoni tifforma opinjoni dwar l-aħjar mod ta’ azzjoni fiċ-ċirkustanzi speċifiċi.

( 59 ) Ħafna drabi, id-dispożizzjonijiet legali jeħtieġu ċertu azzjoni (l-istituzzjoni “għandha”) meta l-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk ikunu ssodisfatti.

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C-141/02 P, EU:C:2004:646, punt 79). Dan isegwi b’mod pjuttost loġiku mill-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi lill-istituzzjonijiet minqux fl-Artikolu 13(2) TUE: ara iktar ’il fuq, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri ta’ ksur kontra Stat Membru skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Rikors kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 107(3) TFUE.

( 63 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42).

( 64 ) Pereżempju, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprojbixxi konċentrazzjonijiet proposti bejn impriżi li, jekk jiġu implimentati, ikunu “ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu”.

( 65 ) Biex nagħtu eżempju: l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal impriża fdata bl-operat ta’ xi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fi Stat Membru “ma [t]ostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża” għall-finijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE?

( 66 ) Pereżempju: żona qiegħda tesperjenza “livell ta’ l-għajxien […] baxx b’mod anormali” jew “stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE?

( 67 ) Pereżempju, Stat Membru qiegħed f’diffikultajiet jew qiegħed gravament mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati minn diżastri naturali jew ċirkustanzi eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom għall-finijiet tal-Artikolu 122(2) TFUE?

( 68 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 4748).

( 69 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il‑Kummissjoni (C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punti 9596 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 7172).

( 71 ) F’dan is-sens, ara Lefèvre, S., Prek, M., “Administrative Discretion”, “Power of Appraisal” u “Margin of Appraisal” f’“Judicial Review Proceedings before the General Court”, Common Market Law Review, 2016, p. 377; u Craig, P., op. cit., p. 445.

( 72 ) Din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Qrati tal-Unjoni ma elaborawx ħafna dwar dawn il-kwistjonijiet, billi adottaw approċċ relattivament “pragmatiku” jew “flessibbli” f’dan ir-rigward. Ara Schwarze, J., “Judicial Review of European Administrative Procedure”, Law and Contemporary Problems, 2004, p. 100 u 101; u Mendes, J., op. cit., p. 5.

( 73 ) Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:1999:577, punt 16). Ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet żviluppati minn Gippini-Fournier dwar l-assenza ta’ “livell ta’ prova” ċar quddiem il-Qrati tal-Unjoni, li wħud minnhom jistgħu, mutatis mutandis, japplikaw ukoll fir-rigward tan-nuqqas ta’ “standard ta’ stħarriġ” ċar: Gippini-Fournier, E., “The Elusive Standard of Proof in EU Competition Cases”, World Competition, 2010, p. 187 sa 207.

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessi 90 u 91 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(94) tar-Regolament Nru 575/2013.

( 75 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 36 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Il-lieva finanzjarja eċċessiva, fil-fatt, ġiet identifikata bħala waħda mill-fatturi ewlenin ta’ dik il-kriżi finanzjarja (kif ukoll ta’ ħafna kriżijiet tal-passat). Ara, inter alia, il-premessa 90 tar-Regolament Nru 575/2013.

( 77 ) Fil-punt 30 tas-sentenza tal-2018, il-Qorti Ġenerali tkellmet dwar “setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa” f’dan ir-rigward.

( 78 ) Il-Qorti Ġenerali rreferiet għal dan l-element mill-ġdid fil-punt 116 tas-sentenza appellata.

( 79 ) Ara, inter alia, il-premessi 19, 39, 44, 46 u 60 ta’ dan ir-regolament kif ukoll il-punt 51 tas-sentenza tal-2018.

( 80 ) Paġni 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata. Enfasi miżjuda.

( 81 ) Ara l-punt 59 tas-sentenza appellata.

( 82 ) Ninnota, fil-qosor, li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-perċezzjoni mid-depożitanti tan-natura sigura tat-tfaddil irregolat huma bbażati biss fuq żewġ dokumenti li, minħabba l-iskarsezza, in-natura ġenerali u l-kontenut relattivament bażiku tagħhom, jidhru li jikkostitwixxu qafas ta’ prova pjuttost “ħafif” (ara l-punt 109 tas-sentenza appellata).

( 83 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 91 sa 93, l-Artikolu 4(1)(93) u l-Artikolu 429(1) sa (11) tar-Regolament Nru 575/2013. Ara wkoll il-paragrafu 42 tas-sentenza tal-2018.

( 84 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 116(4) tar-Regolament Nru 575/2013, li jsir riferiment għalih fil-punt 49 tas-sentenza tal-2018.

( 85 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 43 u 50 tas-sentenza tal-2018.

( 86 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 51 tas-sentenza tal-2018.

( 87 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 43, 50, 66, 68, 84, u 89 sa 96 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Ara l-osservazzjoni Nru 2 u Nru 4 (paġni 2 u 3), tal-evalwazzjoni tal-BĊE tal-osservazzjonijiet ta’ Crédit Agricole dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. Dan id-dokument kien anness mad-deċiżjoni kkontestata u kien jifforma parti integrali minnha.

( 89 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, li sejjer nibda nikkunsidra f’dan il-punt.

( 90 ) Għal dawk interessati, tfittxija ta’ malajr fuq l-internet tista’ tipprovdi riferimenti għal-letteratura ekonomika abbondanti li, permezz ta’ studju tal-imġiba tad-depożitanti tul l-istorja, tidentifika l-elementi li wasslu għall-hekk imsejħa “bank runs”.

( 91 ) Punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata.

( 92 ) Ara l-punt 46 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tippreċiża li dan l-aspett għandu jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tat-tielet aggravju, mal-punti 97 et seq. ta’ dik is-sentenza (u, b’mod partikolari, il-punt 114 tagħha) fejn, fl-eżami tat-tielet aggravju, ma jsir ebda riferiment għall-argumenti ta’ Crédit Lyonnais f’dan ir-rigward. Ser nindirizza dawn l-argumenti iktar ’il quddiem, fil-punti 165 sa 168 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Għal darba oħra, il-provi li sar riferiment għalihom mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-konstatazzjoni tagħha f’dan ir-rigward ma jidhirx li huma partikolarment b’saħħithom (ara r-riferiment fil-punt 116 tas-sentenza appellata).

( 94 ) Ara l-osservazzjoni Nru 2 (paġna 2), tal-evalwazzjoni tal-BĊE tal-osservazzjonijiet ta’ Crédit Agricole dwar l-abbozz tad-deċiżjoni.

( 95 ) Ara t-tabella inkluża fl-aħħar tal-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 96 ) Enfasi miżjuda. It-termini huma simili fil-verżjoni Franċiża tas-sentenza appellata (il-lingwa Franċiża hija l-lingwa tal-proċedura): “n’aurait pas conduit au refus”.

( 97 ) F’dan ir-rigward, ftit li xejn hemm bżonn li nenfasizza li, kieku l-evalwazzjoni differenti fir-rigward tad-diversi elementi kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali ma kellha ebda impatt fuq id-determinazzjonijiet finali tal-BĊE, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha tiġi kkonfermata.

( 98 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 15, 91 u 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Huwa interessanti li wieħed jinnota li, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom, il-BĊE ta eżenzjoni sħiħa lill-banek l-oħra li jifformaw parti mill-grupp ta’ Crèdit Agricole fir-rigward tal-iskoperturi tagħhom għaċ-CDC.

( 99 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C-466/19 P, EU:C:2021:76, punti 4344 u l-ġurisprudenza ċċitata).