KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2022 ( 1 )

Kawża C‑500/20

ÖBB‑Infrastruktur Aktiengesellschaft

vs

Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l‑Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil‑ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall-Użu ta’ Infrastruttura tat-Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja – Spejjeż sostnuti mit‑trasportatur għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi wara l‑ħsara li ġarrbu l‑lokomottivi tiegħu – Partijiet kontraenti li jestendu l-portata tar‑responsabbiltà tagħhom b’riferiment għad-dritt nazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

F’Lulju 2015, ferrovija komposta minn sitt lokomottivi nqalbet minn fuq il‑binarji fl-Istazzjon ta’ Kufstein (l-Awstrija), li rriżulta fi ħsara f’żewġ lokomottivi. It-tiswija tal-lokomottivi ħadet sitta u tmien xhur rispettivament, u matul dan il-perijodu t-trasportatur kera lokomottivi alternattivi. Il-bażi u l-portata tar-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-kiri li jirriżultaw minnha jinsabu fiċ-ċentru ta’ dan il‑kontenzjuż.

2.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq mill-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija) jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ parti tal‑Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat-3 ta’ Ġunju 1999, relatata mar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja. Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-COTIF, konkluża kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri tagħha fil-qasam tat-trasport, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kompetenza kondiviża. Din ma hijiex l‑ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess fir-rigward ta’ ftehimiet imħallta ( 2 ). Minħabba l-kumplessità li fuqha huwa bbażat it-taħlit fl-azzjoni esterna ( 3 ), din x’aktarx ma hijiex ser tkun tal-aħħar.

3.

Fil-każ li tiġi stabbilita din il-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, barra minn hekk, mistiedna tinterpreta l-portata tar-responsabbiltà tal-amministraturi tal‑infrastruttura ferrovjarja skont ir-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għall-Użu ta’ Infrastruttura tat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Uniformi CUI”) ( 4 ) kif ukoll il-possibbiltà ta’ derogi minnhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI.

II. Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, huma partijiet għall-COTIF, li toħloq l‑Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). L‑Unjoni rratifikat il-COTIF b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2011 ( 5 ).

A.   Ir‑Regoli Uniformi CUI

5.

Ir-Regoli Uniformi CUI ( 6 ) japplikaw għal kull kuntratt għall-użu tal‑infrastruttura ferrovjarja għall-għanijiet ta’ trasport internazzjonali, bħalma huwa l-kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

6.

L-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI intitolat “Dritt mandatorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dawn ir-Regoli Uniformi, kull dispożizzjoni li tidderoga, direttament jew indirettament, minn dawn ir-Regoli Uniformi hija nulla u bla effett. In-nullità ta’ tali dispożizzjoni ma twassalx għan‑nullità ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt. Madankollu, il-partijiet kontraenti jistgħu jassumu responsabbiltà ikbar u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti f’dawn ir-Regoli Uniformi jew jiffissaw ammont massimu ta’ kumpens għat-telf jew dannu materjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.

L-Artikolu 8 tar-Regoli Uniformi CUI, intitolat “Responsabbiltà tal‑amministratur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“§ 1   L-amministratur huwa responsabbli

a)

għal telf jew dannu fiżiku (mewt, korriment jew kwalunkwe dannu fiżiku jew psikoloġiku ieħor),

b)

għal telf jew dannu materjali (distruzzjoni ta’, jew dannu għal, proprjetà mobbli jew immobbli),

c)

għal telf pekunjarju li jirriżulta mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-Regoli Uniformi CIV u r-Regoli Uniformi CIM,

ikkawżati lit-trasportatur jew lill-awżiljarji tiegħu matul l-użu tal‑infrastruttura u li joriġinaw mill-infrastruttura.

[…]

§ 4   Il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jiftiehmu jekk u sa fejn l-amministratur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.

L-Artikolu 19 tar-Regoli Uniformi CUI, intitolat “Azzjonijiet oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każijiet kollha fejn għandhom japplikaw dawn ir-Regoli Uniformi, kwalunkwe azzjoni għal responsabbiltà, għal kwalunkwe raġuni, tista’ titressaq kontra l-amministratur jew it-trasportatur biss taħt il-kundizzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-Regoli Uniformi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

9.

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ( 7 ) jistabbilixxi, inter alia, ir-relazzjoni bejn l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-COTIF u mill‑appendiċi tagħha. Iktar speċifikament, l-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-Konvenzjoni, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

10.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jispeċifika l-metodu ta’ determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni:

“L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor.”

C.   Id-Deċiżjoni 2013/103 ( 8 )

11.

Fil-premessa 2 tagħha, id-Deċiżjoni 2013/103 tipprevedi:

“L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva jew kompetenza kondiviża mal-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti bil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 […]”

12.

Barra minn hekk, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103 jinkludi d‑Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea li tirrigwarda l-Eżerċizzju ta’ Kompetenza (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni”) imsemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni. Id-Dikjarazzjoni tinkludi Appendiċi li jipprovdi lista ta’ strumenti li bihom, sa issa, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha.

D.   Id-dritt Awstrijak

13.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 1293 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jikkodifikaw ir-responsabbiltà għall-kumpens tat-telf dovut minħabba nuqqas tal-persuna li tkun ikkawżat it-telf jew id-dannu. Fir-relazzjonijiet kuntrattwali, il-parti responsabbli għandha tipprova li ma hijiex responsabbli fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali tagħha (Artikolu 1298 tal-ABGB). Il-parti responsabbli hija responsabbli għan-nuqqas tal-impjegati tagħha (Artikolu 1313a tal-ABGB). Sakemm in-nuqqas ikun imputabbli lill-konvenut, l-ispejjeż tal-kiri mitluba għal-lokomottivi alternattivi huma eliġibbli għal kumpens skont id-dritt nazzjonali.

III. Il-kuntest tat-tilwima u d-domandi preliminari

14.

F’Diċembru 2014, Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH, kumpannija ferrovjarja privata li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem “Lokomotion”), u ÖBB‑Infrastruktur Aktiengeselschaft, impriża tal-infrastruttura ferrovjarja Awstrijaka (iktar ’il quddiem “ÖBB‑Infrastruktur”) ikkonkludew kuntratt dwar l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għat-trasport internazzjonali, li bħala korrispettiv għalih Lokomotion tħallas tariffa.

15.

Dan il-kuntratt jinkludi riferiment għat-Termini u l-Kundizzjonijiet Ġenerali tan-Negozju relatati mal-Kuntratt għall-Użu tal-Infrastrutturi ta’ ÖBB‑Infrastruktur (iktar ’il quddiem it-“TKĠ”).

16.

It-TKĠ jipprevedu li r-responsabbiltà għandha tiġi rregolata mill-ABGB, l‑Unternehmensgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Kumpanniji), l-Eisenbahn‑ und Kraftfahrzeughaftpflichtgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar ir-Responsabbiltà Ferrovjarja u tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Terzi) u r-Regoli Uniformi CUI, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għat-TKĠ.

17.

Wara li nqalbu minn fuq il-binarji s-sitt lokomottivi ta’ Lokomotion, fil‑15 ta’ Lulju 2015, żewġ lokomottivi bil-ħsara ma setgħux jintużaw matul iż-żmien tat-tiswija. Lokomotion kriet żewġ lokomottivi alternattivi, u għalhekk sostniet l‑ispejjeż.

18.

Lokomotion qiegħda titlob mingħand ÖBB‑Infrastruktur EUR 629110 (flimkien mal-interessi u l-ispejjeż) għall-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi alternattivi bħala riżultat tal-inċident. Hija ssostni li l-inċident kien ikkawżat minn nuqqas fl-infrastruttura ferrovjarja pprovduta minn ÖBB‑Infrastruktur. Din tal‑aħħar, skont Lokomotion, kisret b’mod illegali u żbaljat l-obbligi tagħha ta’ manifattura korretta, spezzjoni, isservisjar, manutenzjoni u tiswija tal-ferroviji kif huwa kkodifikat fid-dispożizzjonijiet tad-dritt ferrovjarju. L-ispejjeż tal-kiri tal‑lokomottivi alternattivi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala telf jew dannu materjali kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

19.

Bil-maqlub, ÖBB‑Infrastruktur issostni li l-inċident kien attribwibbli għal ganċ ta’ trazzjoni maħlul fuq il-lokomottivi li nqalbu minn fuq il-binarji li diġà kien taħt stress eċċessiv qabel il-qlib minn fuq il-binarji, u li huwa nuqqas ta’ Lokomotion. ÖBB‑Infrastruktur issostni wkoll li t-telf huwa ta’ natura pekunjarja u konsegwentement ma huwiex eliġibbli għal kumpens skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

20.

Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba ta’ Lokomotion permezz ta’ sentenza parzjali, billi ddeċidiet li huma biss ir-Regoli Uniformi CUI li huma applikabbli, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ABGB. Sussegwentement hija qablet ma’ ÖBB‑Infrastruktur li tqis li l-ispejjeż tal-kiri ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “danni materjali” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regoli Uniformi CUI.

21.

Il-qorti tal-appell, madankollu, annullat is-sentenza parzjali tal-qorti tal-ewwel istanza u ordnatilha tieħu deċiżjoni ġdida wara li tkun wettqet proċedura addizzjonali. Hija qieset li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u għandu jinkludi wkoll it-“telf jew dannu materjali sekondarju”.

22.

ÖBB‑Infrastruktur ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni u talbet lill‑Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) sabiex tannullaha.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-[Regoli Uniformi CUI]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 8(1)(b) [tar-Regoli Uniformi CUI] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur għad-danni materjali, li hija rregolata minn dan l-artikolu, tkopri wkoll l-ispejjeż mġarrba mit-trasportatur sabiex jikri lokomottivi oħra sabiex jissostitwixxu l-lokomottivi tiegħu li ġarrbu ħsara?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikoli 4 u 19(1) [tar-Regoli Uniformi CUI] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet fil-kuntratt jistgħu effettivament jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali f’sitwazzjoni fejn, skont dan id-dritt nazzjonali, il-portata tar-responsabbiltà hija usa’ iżda, b’deroga mir-responsabbiltà oġġettiva prevista [fir-Regoli Uniformi CUI], hija meħtieġa l-ħtija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà?”

24.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

A.   L-ewwel domanda: il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI?

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI, li jagħmlu parti mill-COTIF, ftehim internazzjonali konkluż bħala ftehim imħallat.

26.

Il-ftehimiet imħallta huma ftehimiet internazzjonali konklużi fl-istess ħin mill-Unjoni u mill-Istati Membri kollha tagħha jew uħud minnhom ( 9 ). Mhux espressament previsti mit-Trattati, il-ftehimiet imħallta huma l-ħolqien tar-realtà politika u ġuridika tal-Unjoni. Dawn jirriflettu l-uniċità u l-kumplessità tal‑kostruzzjoni ta’ Ewropa integrata ( 10 ).

27.

Meta ftehim internazzjonali jirregola l-oqsma kemm fi ħdan il-kompetenzi attribwiti lilha kif ukoll lil hinn minnhom, l-Unjoni ma għandhiex is-setgħa kostituzzjonali meħtieġa sabiex tikkonkludi tali ftehim fl-intier tiegħu. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jingħaqdu bħal partijiet flimkien mal-Unjoni sabiex jiżguraw il-konklużjoni valida tal-ftehim fir-rigward ta’ partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Dan l-hekk imsejjaħ “taħlit obbligatorju” ( 11 ) huwa riżultat tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi ( 12 ), li jirregola s-setgħat tal-Unjoni fl-azzjoni interna u dik esterna ( 13 ).

28.

Madankollu, f’sitwazzjonijiet oħra, it-taħlit huwa għażla. Dan l-hekk imsejjaħ “taħlit fakultattiv” ( 14 ) iseħħ meta l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi jiġi ssodisfatt fir-rigward tal-ftehim kollu. Dan ifisser li l-Unjoni għandha l-kompetenzi neċessarji fuq id-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim internazzjonali, anki jekk uħud minn dawn il-kompetenzi ma kinux għadhom eżerċitati, u għalhekk, huma biss potenzjali. It-taħlit fakultattiv, għaldaqstant, ma jirriżultax mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, bħat-taħlit obbligatorju, iżda huwa kwistjoni tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi mogħtija.

29.

Jekk l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża fl-oqsma koperti mill-ftehim mal-Istati Membri tagħha, tali ftehim jista’ jiġi konkluż, bħalma ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala ftehim imħallat jew mill-Unjoni waħedha ( 15 ). Kif ser nispjega f’iktar dettall taħt it-Taqsima 2 iktar ’il quddiem, dan ifisser ukoll li l-Unjoni tista’ teżerċita l-kompetenza kondiviża tagħha mhux biss billi tadotta leġiżlazzjoni interna, iżda wkoll billi tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar il-kwistjoni li għaliha għadha ma teżisti ebda leġiżlazzjoni interna.

30.

Il-ftehimiet imħallta fakultattivi huma għalhekk il-konsegwenza ta’ għażla politika dwar kif għandhom jiġu eżerċitati l-kompetenzi kondiviżi mogħtija.

31.

Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża huwa ftehim imħallat fakultattiv fil-qasam tal-politika tat-trasport, qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri tagħha ( 16 ). Ebda parti mill-ftehim inkwistjoni ma tappartjeni għal qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, u dan lanqas ma huwa kkontestat f’din il-kawża. Fi kliem ieħor, l-oqsma kollha koperti mill-COTIF jistgħu jiġu rregolati mill-Unjoni. Numru ta’ domandi kienu fil-fatt irregolati internament b’mod ġenerali anki qabel l-adeżjoni tal-Unjoni mal-COTIF ( 17 ).

32.

Madankollu, ir-Regoli Uniformi CUI jkopru qasam li, fil-mument tal-adeżjoni tal-Unjoni mal-COTIF, kien jappartjeni għal kompetenzi kondiviżi potenzjali ( 18 ). Dan ifisser li l-kompetenza leġiżlattiva f’dan il-qasam ingħatat lill-Unjoni, iżda li din il-possibbiltà kienet (għadha) ma ntużatx. Fil-każ ta’ formulazzjoni iktar preċiża, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta partijiet ta’ ftehim imħallat dwar qasam li l-kompetenza tiegħu hija mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni, iżda li l-Unjoni għadha ma lleġiżlatx dwaru internament.

33.

Din id-domanda għad ma għandhiex risposta ċara.

34.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ftehimiet imħallta ġiet diskussa f’numru sorprendentement żgħir ta’ sentenzi, u għal raġunijiet differenti ( 19 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx risposta ġenerali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni u l-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ftehimiet imħallta. Għall-kuntrarju, numru ta’ Avukati Ġenerali ( 20 ) u studjużi legali ( 21 ) enfasizzaw id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ġurisdizzjoni, billi sostnew essenzjalment li dan joħloq inċertezza legali fir-rigward tal-istandard applikabbli.

35.

Dan huwa evidenti wkoll mill-firxa tat-tweġibiet mogħtija mill-parteċipanti f’din il-proċedura fir-rigward tal-ewwel domanda. Lokomotion tiċħad il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi ssostni li r-Regoli Uniformi CUI ma jappartjenux għat-Trattati peress li ma humiex att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma interpretat ir-Regoli Uniformi CUI u għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni. Bil-maqlub, ÖBB‑Infrastruktur u l‑Kummissjoni huma tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI. Madankollu, huma jippreżentaw argumenti differenti u jinvokaw ġurisprudenza diverġenti. Minn naħa, ÖBB‑Infrastruktur tagħmel riferiment għas-sentenza COTIF I ( 22 ) u tikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI minħabba li l-Unjoni għandha kompetenza fir-rigward tal-COTIF. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tikkunsidra li ma huwiex biżżejjed li l-Unjoni jkollha l-kompetenza, iżda peress li r-Regoli Uniformi CUI jikkonċernaw qasam kopert fil-parti l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fil-parti l-kbira fuq Lesoochranárske zoskupenie ( 23 ).

36.

Fil-fehma tiegħi, il-kumplessità tas-setgħat li fuqha huma bbażati l-ftehimiet imħallta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ir-risposta dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ ftehim imħallat għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom l-Unjoni saret parti f’tali ftehim. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fl-adozzjoni tagħhom.

37.

Minkejja l-assenza ta’ spjegazzjoni espliċita f’dan is-sens, naħseb li l-ġurisprudenza eżistenti tista’ tinftiehem bħala li tippermetti li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni awtomatika fuq id-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim imħallat, iżda tista’ biss tinterpreta dawk id-dispożizzjonijiet li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fir-rigward tagħhom. Ser nippreżenta din l-analiżi fit-Taqsima 1.

38.

Tali interpretazzjoni mhux biss hija possibbli skont il-ġurisprudenza eżistenti, iżda hija wkoll, fil-fehma tiegħi, l-unika spjegazzjoni aċċettabbli skont id-diviżjoni kostituzzjonali ta’ kompetenzi prevista mit-Trattati. Madankollu, dan iqajjem il-mistoqsija dwar kif l-Unjoni tista’ teżerċita kompetenza esternament u x’inhi l-konsegwenza tal-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża. Ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet fit-Taqsima 2.

39.

Fit-Taqsima 3, ser napplika sussegwentement dan ir-raġunament għal din il-kawża sabiex nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI minħabba li l-Unjoni, bl-adeżjoni tagħha mal-COTIF, eżerċitat il-kompetenza tagħha fir-rigward tar-regoli stabbiliti fiha, inklużi dawk dwar ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja.

1. Ħarsa mill-ġdid lejn il-ġurisprudenza dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tinterpreta l-ftehimiet imħallta

40.

L-ispjegazzjoni tas-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehimiet internazzjonali bdiet bis-sentenza Haegeman fl‑1974 ( 24 ). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta b’mod iktar ġenerali l-ftehimiet internazzjonali u mhux biss il-ftehimiet imħallta. Il-kwistjoni qamet minħabba li l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 267 TFUE) ma jsemmix espressament il-ftehimiet internazzjonali bħala atti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn il-KEE u l-Greċja minħabba li ġie konkluż mill-Kunsill u għaldaqstant dan jifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni ( 25 ). Madankollu, kif jinnota Timmermans, l-“integrazzjoni ta’ ftehim imħallat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma timplikax […] ġurisdizzjoni bla limiti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim kollu” ( 26 ) [traduzzjoni libera].

41.

Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehimiet imħallta minħabba li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, jew pjuttost minħabba li d-dispożizzjoni partikolari li għandha tiġi interpretata taqa’ fi ħdan il‑kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, qamet għall-ewwel darba f’Demirel ( 27 ). Il-Gvern tal-Ġermanja u dak tar-Renju Unit sostnew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-ftehim imħallat mat-Turkija li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri eżerċitaw is-setgħat tagħhom ( 28 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal dawn l-argumenti billi spjegat li l-kwistjoni diskussa ma taqax fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u ċaħdet l-argument li l-Unjoni kienet għadha ma eżerċitatx il-kompetenza potenzjali tagħha bħala irrilevanti, madankollu, mingħajr ma spjegat għalfejn ( 29 ).

42.

Minkejja li s-sentenza Demirel setgħet, konsegwentement, tiġi interpretata bħallikieku l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim imħallat, ħlief dawk li jkopru qasam li għadu jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx u lanqas ma spjegat tali pożizzjoni b’mod ċar. Għaldaqstant, dik is-sentenza bikrija ma tistax titqies bħala teħid ta’ pożizzjoni finali dwar il-kwistjoni ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehimiet imħallta ( 30 ).

43.

Is-sentenzi sussegwenti dwar il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinqasmu, fil-fehma tiegħi, f’żewġ gruppi bażiċi. L-ewwel grupp jikkonsisti minn dawn is-sentenzi li jipproponu interpretazzjoni wiesgħa tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li l-ftehimiet imħallta jagħmlu parti mill-corpus tad-dritt tal-Unjoni kollu u jeħtieġu, bħala tali, interpretazzjoni uniformi. F’dan il-grupp hemm diversi sentenzi dwar il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), bħal Hermès ( 31 ) u Dior ( 32 ), is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie ( 33 ), dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u s-sentenza reċenti tar-Repubblika tal-Moldova ( 34 ), dwar it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (iktar ’il quddiem it-“TKE”). It-tieni grupp ta’ kawżi jadotta approċċ iktar irriżervat u jfittex ir-rabta bejn id-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba u l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-grupp hemm is-sentenza Merck ( 35 ), li tirrigwarda wkoll il-Ftehim TRIPS, kif ukoll numru ta’ sentenzi li jirriżultaw minn proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħal Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 36 ), dwar il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi; Etang de Berre ( 37 ), dwar il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis; jew MOX Plant ( 38 ), dwar il-Konvenzjoni tan-NU fuq id-Dritt tal-Baħar.

44.

Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tqum f’dawn is-sentenzi għal raġunijiet differenti u għalhekk ma tistax tiġi mifhuma sewwa barra mill-kuntest partikolari tagħhom. Madankollu, fil-fehma tiegħi, kollha jistgħu jiġu interpretati bħala li jwasslu għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja torbot il-ġurisdizzjoni tagħha dwar dispożizzjoni partikolari ta’ ftehim imħallat mal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni.

45.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex immedjatament ovvja, speċjalment fid-dawl tal-ewwel grupp ta’ sentenzi. Għaldaqstant, ser nispjega d-dikjarazzjoni tiegħi fuq il-bażi tas-sentenza Hermès ( 39 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sitwazzjoni li fiha ma kienx ċar jekk miżura provviżorja nazzjonali dwar trade mark tal-Benelux kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS, li jirregola miżuri provviżorji. L-unika leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam kopert mid-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim TRIPS kienet regolament dwar it-trade marks Komunitarji ( 40 ). Madankollu, it-tilwima kienet tikkonċerna trade mark tal-Benelux u mhux waħda tal-Komunità. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandha ġurisdizzjoni minħabba li l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS jista’ japplika ugwalment għal sitwazzjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. L-interpretazzjoni uniformi tagħha kienet, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni ( 41 ).

46.

L-invokazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-“interess għal interpretazzjoni uniformi” tista’ twassal għall-konklużjoni li tali interess kien il-ġustifikazzjoni prinċipali tal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS.

47.

Madankollu, f’dik il-kawża, kif ukoll f’oħrajn li jaqgħu taħt l-ewwel grupp, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għal żewġ domandi differenti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, li għandhom jiġu sseparati. L-ewwel waħda hija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjoni speċifika ta’ ftehim imħallat (l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS fis-sentenza Hermès). It-tieni domanda hija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim imħallat meta din l‑interpretazzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-qorti nazzjonali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

48.

Fir-risposta tagħha għall-ewwel domanda, kien l-eżerċizzju ta’ setgħat mill-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat li l-interpretazzjoni tagħha ġiet mitluba li ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha. Bl-adeżjoni mal-Ftehim TRIPS, l-Artikolu 50 tiegħu sar parti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks Komunitarji. Għalhekk, l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Ftehim TRIPS għamlet l-Artikolu 50 tiegħu parti mid-dritt tal-Unjoni.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja invokat l-“interess għal interpretazzjoni uniformi” biss sabiex tiġġustifika t-tieni domanda dwar il-ġurisdizzjoni tagħha. Dan kien meħtieġ peress li t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali ma kinitx tikkonċerna l-Komunità, iżda t-trade mark tal-Benelux. F’dik il-kawża, għalhekk, l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS kellu japplika bħala dritt nazzjonali, u mhux bħala dritt tal-Unjoni. Billi ċċitat u applikat il-linja ta’ ġurisprudenza żviluppata fis-sentenzi Dzodzi ( 42 ), Leuer‑Bloem ( 43 ) u Giloy ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minħabba l-ħtieġa li jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jseħħu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tassistix lill-imħallfin nazzjonali f’sitwazzjonijiet interni. Dan, madankollu, kien possibbli biss għaliex l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS kien sar parti mid-dritt tal-Unjoni fl-ewwel lok.

50.

Ġie applikat raġunament simili fil-kawżi kollha li semmejt bħala li jappartjenu għall-ewwel grupp. F’dawn il-kawżi kollha r-raġuni sottostanti li tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew, rispettivament, id-dispożizzjonijiet dwar l-investimenti barranin diretti tat-TKE, kienet tinsab fl-għażla magħmula mill-Unjoni li tagħmel dawn id-dispożizzjonijiet parti mid-dritt tal-Unjoni billi taderixxi mal-ftehimiet imħallta rispettivi.

51.

Din il-loġika ġiet żviluppata b’mod iktar ċar fit-tieni grupp ta’ kawżi, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet rabta iktar diretta bejn il-kontenut tal-ftehim u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni. Il-ġurisdizzjoni ġiet stabbilita minħabba li l-kwistjoni koperta minn ftehim imħallat kienet irregolata mir-regoli eżistenti tal-Unjoni, jew, jekk le, kienet meqjusa li taqa’ f’qasam kopert b’mod wiesa’ minn regoli tal-Unjoni. Jekk, madankollu, ma ġiet stabbilita ebda tali rabta, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni interpretattiva, anki jekk il-kompetenza kondiviża potenzjali kienet teżisti skont it-Trattati.

52.

Din kienet is-sitwazzjoni fis-sentenza Merck ( 45 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet mill-ġdid sabiex tinterpreta l-Ftehim TRIPS, din id-darba l-Artikolu 33 tiegħu li jirregola l-perijodu ta’ skadenza tal-protezzjoni tal-privattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ġurisdizzjoni tagħha tiddependi mill-fatt jekk l-Unjoni tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha fil-qasam rilevanti tal-Ftehim TRIPS. Wara li kkonkludiet li l-privattivi ma kinux (jew kienu biss sporadikament) irregolati taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS għandux effett dirett għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, “għandu jiġi deċiż li, peress li l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS jaqa’ taħt il-qasam li fih, f’dan l-istadju ta’ l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu prinċipalment kompetenti, huma għandhom dritt li jirrikonoxxu jew le effett dirett lil din id-dispożizzjoni” ( 46 ).

53.

Tradott f’termini ta’ ġurisdizzjoni, dan fisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS peress li l-Unjoni kienet għadha ma eżerċitatx il-kompetenza kondiviża tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva.

54.

Numru ta’ sentenzi, elenkati fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, adottati fi proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minflok bħala deċiżjonijiet preliminari, rabtu wkoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni. Dawn is-sentenzi qajmu l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni b’mod daqsxejn differenti. Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi b’mod preliminari f’dawn il-kawżi kien jekk id-dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat li ġiet allegatament miksura kinitx parti mid-dritt tal-Unjoni jew le. Huwa biss fl-ewwel każ li jista’ jiġi kkonstatat li Stat Membru wettaq “nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu taħt it-Trattati”. Dawn is-sentenzi introduċew fattur apparentement ġdid: il-ġurisdizzjoni tiġi stabbilita jekk il-qasam inkwistjoni huwa diġà kopert b’mod ġenerali mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 47 ).

55.

Il-konstatazzjoni li qasam ta’ politika huwa diġà fil-parti l-kbira tiegħu kopert mid-dritt tal-Unjoni għandha tinftiehem bħala indizju li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li billi aderixxiet għal ftehim imħallat, l-Unjoni għażlet ukoll li teżerċita l-kompetenza kondiviża tagħha dwar il-kwistjoni partikolari li ma tinsabx fil-leġiżlazzjoni interna tagħha. L-eżerċizzju ta’ kompetenza għaldaqstant seħħ permezz tal-konklużjoni tal-ftehim imħallat inkwistjoni ( 48 ). Dan huwa li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

56.

Jekk jiġu interpretati bil-mod propost, iż-żewġ linji ġurisprudenzjali jippermettu li jiġi konkluż li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat li fir-rigward tiegħu l-Unjoni għadha ma eżerċitatx il-kompetenzi tagħha internament, tiddependi fuq il-konstatazzjoni li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni partikolari billi kkonkludiet il-ftehim imħallat.

57.

Ser nispjega wkoll għaliex din il-konklużjoni hija neċessarja u l-unika waħda possibbli skont l-ordinament kostituzzjonali attwali tal-Unjoni.

2. Ir-rabta neċessarja bejn id-dispożizzjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħha u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni

58.

L-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Unjoni tikkondividi mal-Istati Membri tagħha huwa rregolat mit-Trattati. L-għażla kostituzzjonali dwar kif jiġu organizzati l-kompetenzi hija kemm ġustifikazzjoni kif ukoll limitu għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-ftehimiet imħallta.

a) Fuq il-mod kif ir-regoli tat-Trattat FUE dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

59.

L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni jista’ jseħħ internament, bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni interna, jew esternament, bil-fatt stess tal-adeżjoni mal-ftehim internazzjonali li jirregola l-oqsma ta’ kompetenza kondiviża. Il-kapaċità li jiġi konkluż ftehim imħallat f’qasam ta’ kompetenza kondiviża ma tiddependix mill-kundizzjoni li din il-kompetenza tkun diġà ġiet eżerċitata internament. Din tista’ tiġi eżerċitata għall-ewwel darba bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

60.

Tali fehma kienet diġà ġiet proposta mill-Avukati Ġenerali. Fil-kawża Mox Plant, l-Avukat Ġenerali Maduro kkunsidra li “l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tista’ hija stess tkun forma ta’ eżerċizzju ta’ kompetenza mhux esklużiva tal-Komunità, indipendentement mill-adozzjoni preċedenti ta’ leġiżlazzjoni interna Komunitarja” ( 49 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61.

Żewġ sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, COTIF I ( 50 ) u Antarctic MPAs ( 51 ), joffru konferma li kompetenza kondiviża tista’ tiġi eżerċitata għall-ewwel darba permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ( 52 ). Fis-sentenza COTIF I, il-Qorti tal-Ġustizzja neħħiet id-dubji maħluqa minn dikjarazzjoni fl-Opinjoni 2/15 ( 53 ), u kkonfermat li l-Unjoni tista’ dejjem tagħżel ( 54 ) li tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi weħidha ( 55 ). Dan ifisser li l-Unjoni tista’ teżerċita l-kompetenza kondiviża tagħha għall-ewwel darba billi tiffirma ftehim internazzjonali.

62.

Għaldaqstant, kull darba li jista’ jiġi konkluż li bl-adeżjoni ma’ ftehim internazzjonali l-Unjoni għażlet li teżerċita kompetenzi kondiviżi (li sa dak iż-żmien kienu biss potenzjali), id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-ftehim isiru kompetenza tal-Unjoni eżerċitata mill-mument tal-konklużjoni tiegħu, u għaldaqstant parti mid-dritt tal-Unjoni.

63.

Nuqqas ta’ ftehim jidher li jirriżulta mill-kwistjoni li toħloq konfużjoni dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi esternament (bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali) mal-kwistjoni dwar jekk il-kompetenzi esterni humiex esklużivi. Dan huwa riżultat ta’ kif il-prinċipju ERTA ( 56 ) ġie inkorporat fl-Artikolu 3(2) TFUE tal-lum. Dan l-artikolu jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza “esklużiva” sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali jekk tali ftehim jista’ jaffettwa jew ibiddel il-kompetenzi diġà eżerċitati minn regoli komuni.

64.

B’differenza mir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet interni, it-Trattat FUE jitkellem dwar kompetenzi esklużivi jew kondiviżi. Kompetenzi esklużivi jipprekludu lill-Istati Membri milli jaġixxu, iżda, b’mod simili, il-kompetenzi kondiviżi, ladarba eżerċitati mill-Unjoni, jipprekludu wkoll lill-Istati Membri milli jaġixxu. Madankollu, fil-qasam intern din ma tissejjaħx kompetenza esklużiva; hija msejħa prelazzjoni (anki jekk it-Trattat FUE ma jużax din l-espressjoni). Il-prelazzjoni hija prevista fl-Artikolu 2(2) TFUE.

65.

L-inkapaċità li l-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet internazzjonali jekk dan jaffettwa regoli komuni hija wkoll ir-riżultat ta’ prelazzjoni. Madankollu, fl-organizzazzjoni tat-Trattati, tali prelazzjoni tinsab taħt id-dispożizzjoni dwar il-kompetenzi esklużivi (l-Artikolu 3(2) TFUE). Din tista’ tkun ir-raġuni għalfejn l-eżerċizzju tal-kompetenzi fir-relazzjonijiet esterni huwa spiss ikkunsidrat u spjegat b’mod differenti mill-eżerċizzju tal-kompetenzi fir-relazzjonijiet interni.

66.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) TFUE jittratta l-prelazzjoni f’sitwazzjoni fejn il-kompetenza kondiviża tiġi eżerċitata għall-ewwel darba internament. Dan jiddetermina li hija l-Unjoni, u mhux l-Istati Membri, li għandha tikkonkludi l-ftehim dwar il-qasam li fih il-kompetenza tal-Istati Membri kienet is-suġġett ta’ prelazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 3(2) TFUE ma jsolvix il-kwistjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw jekk il-kompetenza kondiviża tiġi eżerċitata għall-ewwel darba esternament.

67.

Meta tintuża t-terminoloġija l-iktar xierqa ta’ prelazzjoni ( 57 ), is-sitwazzjoni ssir ċara. L-Artikolu 2(2) TFUE jipprevedi li, fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom sa fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha. A contrariu sensu, l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom (il-prelazzjoni tostakolahom milli jagħmlu dan), jekk l-Unjoni tkun eżerċitat tali kompetenza fuq kwistjoni partikolari. Għaldaqstant, jekk l-Unjoni tkun eżerċitat kompetenza kondiviża internament, l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu sabiex jaffettwaw regoli komuni, billi jadottaw leġiżlazzjoni interna jew billi jikkonkludu ftehim internazzjonali. Din hija r-raġuni wara l-prinċipju ERTA li tinsab fl-Artikolu 3(2) TFUE.

68.

Jekk l-Unjoni teżerċita kompetenza kondiviża billi tikkonkludi ftehim internazzjonali jew billi tilleġiżla fl-ordinament ġuridiku tagħha, l-effett għandu jkun l-istess: l-Istati Membri ma jistgħux jemendaw din ir-regola unilateralment. Għaldaqstant huwa irrilevanti f’dan ir-rigward jekk l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza tagħha internament jew esternament. Ir-raġuni għalfejn l-Istati Membri huma preklużi milli jemendaw unilateralment id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tagħhom hija l-istess bħal dik li minħabba fiha huma preklużi milli jemendaw unilateralment miżuri adottati fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: l-iżgurar ta’ applikazzjoni koerenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

69.

L-invokazzjoni tal-kunċett ta’ prelazzjoni tippermetti s-soluzzjoni għal konfużjoni komuni oħra fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, dik li permezz tagħha l-kwistjoni tal-kompetenza esterna impliċita tal-Unjoni tiġi konfuża ma’ dik tal-esklużività tal-kompetenza esterna tagħha ( 58 ). Jiġifieri, l-Unjoni għandha kompetenza esterna impliċita fl-oqsma kollha li fihom hija għandha kompetenza interna (esklużiva jew kondiviża). L-eżerċizzju ta’ kompetenza kkunsidrata internament bħala kondiviża tipprekludi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw din il-kompetenza internament jew esternament ( 59 ).

70.

Huwa apparenti wkoll mill-preċedenti li t-tfittxija għal regoli interni eżistenti tal-Unjoni jew l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-qasam huwiex diġà kopert fil-parti l-kbira minn regoli tal-Unjoni sservi sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tentattivi tal-Istati Membri li jirregolaw il-kwistjoni partikolari kinux is-suġġett ta’ prelazzjoni Dan jiġġustifika wkoll il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

71.

Regoli komuni jistgħu jiġu affettwati mhux biss bl-adozzjoni ta’ regoli jew emendi kuntrarji fil-formulazzjoni tagħhom, iżda wkoll bl-interpretazzjoni tagħhom. Interpretazzjoni awtonoma tar-regoli komuni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tista’ taffettwahom jew temendahom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-awtorità finali fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li jsiru regoli komuni minħabba li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza kondiviża tagħha billi aderixxiet ma’ ftehim internazzjonali.

72.

Li jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li permezz tagħhom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza kondiviża tagħha huwa, għaldaqstant, ekwivalenti għal li jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta regolament jew direttiva adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-partijiet rilevanti ta’ tali ftehim internazzjonali huma tal-istess natura għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bħad-dritt sekondarju intern. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja naturalment issegwi.

b) Fuq il-mod kif ir-regoli tat-Trattat FUE dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

73.

Ir-rikonoxximent tas-setgħa tal-Unjoni li teżerċita l-kompetenza kondiviża tagħha għall-ewwel darba fuq il-livell internazzjonali huwa kostituzzjonalment sensittiv, għaliex din l-għażla tinfluwenza l-kapaċità regolatorja tal-Istati Membri fil-qasam inkwistjoni. Dan huwa minnu minħabba l-effett ta’ prelazzjoni tal-maġġoranza tal-kompetenzi kondiviżi taħt it-Trattati: ladarba l-Unjoni tkun irregolat kwistjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jirregolawha weħidhom sakemm ir-regolament tal-Unjoni jibqa’ fis-seħħ.

74.

Hija idea attraenti li tiġi ssemplifikata l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tiġi estiża għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim imħallat sempliċement minħabba li tali ftehim sar parti mid-dritt tal-Unjoni u minħabba li dan isaħħaħ l-uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ). Madankollu, kif indika ġustament l-Avukat Ġenerali Cosmas ( 61 ), dan l-interess tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika t-tneħħija tad-diviżjoni attwali tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Din id-diviżjoni ġiet miftiehma fit-Trattati, il-karta kostituzzjonali tas-sistema ġuridika u politika tal-Unjoni. Għaldaqstant, anki jekk ir-rabta tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel din tal-aħħar “vittma tal-kumplessità tal-kompetenza” ( 62 ), dan in-nuqqas waħdu ma jistax jiġġustifika li jiġu injorati l-għażliet kostituzzjonali magħmula fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-setgħat tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

75.

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat li fih l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza regolatorja tagħha. F’leġiżlazzjoni interna adottata f’qasam ta’ kompetenzi kondiviżi huwa dejjem ċar li l-Unjoni kellha l-intenzjoni li tirregola dak kollu inkluż f’tali atti. Min-naħa l-oħra, fil-ftehimiet imħallta, dan ma huwiex evidenti fih innifsu, iżda għandu jiġi kkonfermat mill-analiżi ta’ kull ftehim partikolari fil-kuntest tiegħu stess.

76.

Id-deċiżjoni dwar jekk il-kompetenza kondiviża li teskludi lill-Istati Membri milli jaġixxu għandhiex tiġi eżerċitata mill-Unjoni jew le hija għażla politika ( 63 ). Madankollu, din l-għażla hija suġġetta għall-prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni. L-ewwel, l-Unjoni tista’ taġixxi biss sabiex tilħaq l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni ( 64 ). It-tieni, hija tista’ teżerċita kompetenza kondiviża biss jekk il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità jiġu osservati. Dawn il-prinċipji jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni kemm internament u esternament ( 65 ).

77.

Is-sussidjarjetà tipproteġi t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-Istati Membri. Dan isir partikolarment importanti jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kompetenzi kondiviżi, ladarba jiġu eżerċitati fil-livell tal-Unjoni, jipprekludu l-azzjoni tal-Istati Membri. Jekk l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha esternament, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma huwiex żgurat mill-istess proċessi bħat-teħid ta’ deċiżjonijiet interni ( 66 ). Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi osservat. Għalhekk, il-ksur tiegħu jista’ jiġi invokat bħala raġuni sabiex tiġi kkontestata l-konformità ta’ ftehim internazzjonali mat-Trattati ex ante fil-proċedura skont l-Artikolu 218(11) TFUE, jew sussegwentement fi proċedura ta’ annullament jew ta’ deċiżjoni preliminari dwar il-validità.

78.

L-Avukat Ġenerali Cosmas enfasizza karatteristika kostituzzjonali oħra li ma għandhiex tiġi injorata fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ftehimiet imħallta. Din tikkonċerna d-delimitazzjoni tas-setgħat fuq l-assi orizzontali, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Kif enfasizza, anki jekk ir-rwol tal-ħolqien tal-liġi huwa inerenti għar-rwol ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inizjattiva leġiżlattiva ( 67 ). Id-deċiżjoni jekk tiġix armonizzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’ċertu qasam, f’din il-kawża fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, tappartjeni lill-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif previst mit-Trattati. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi awtomatikament li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim imħallat jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni (riżultat tal-istabbiliment awtomatiku tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tkun qiegħda tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet politiċi kompetenti tal-Unjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni fil-qasam hijiex neċessarja jew le.

79.

Fis-sentenza COTIF I, il-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li l-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża fil-qasam estern mingħajr ma dan l-ewwel isir internament joħloq riskju li tiġi evitata l-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-evitar tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ( 68 ). Dan l-argument huwa fondat fid-dawl tal-ordinament kostituzzjonali tal-Unjoni.

80.

Madankollu, il-proċedura skont l-Artikolu 218 TFUE tiżgura lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħat simili meta jiġu eżerċitati kompetenzi fir-relazzjonijiet esterni bħal dawk li għandhom fi proċeduri leġiżlattivi interni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan fil-ġurisprudenza tagħha. Hija kkonfermat li l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE ( 69 ) jipprevedi l-proċedura applikabbli fl-ipoteżi tal-ftehimiet li jkopru oqsma li fihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja ( 70 ). Hija kkunsidrat li ż-żewġ proċeduri jiżguraw ekwilibriju istituzzjonali simili ( 71 ). Fiż-żewġ każijiet il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ inizjattiva, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u l-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ.

81.

Minħabba l-importanza kostituzzjonali tar-rabta tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehim imħallat mal-eżerċizzju tas-setgħat tal-Unjoni fl-adozzjoni ta’ tali ftehim, l-unika konklużjoni possibbli hija li l-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal ftehim u ċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż bħala mħallat hija neċessarja qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan, naturalment, jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-ftehim kollu sabiex tiddeċiedi liema mid-dispożizzjonijiet tiegħu huma dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Tali ġurisdizzjoni interpretattiva fil-fatt diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 72 ).

82.

L-inkarigu tad-determinazzjoni ta’ liema dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat huma dawk li fir-rigward tagħhom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza kondiviża tagħha huwa wieħed kumpless li jista’ jiġi mwettaq biss każ b’każ. Jista’ jiġi dedott xi ħaġa mill-fatt stess li ftehim ġie konkluż bħala mħallat? Jista’ jkun possibbli li jiġi sostnut li l-Istati Membri jipparteċipaw f’tali ftehim peress li ġie deċiż li huma biss uħud mill-kompetenzi kondiviżi li huma eżerċitati mill-Unjoni, filwaqt li oħrajn jibqgħu kwistjoni tar-responsabbiltà regolatorja tal-Istati Membri.

83.

Inkella x’tista’ tkun ir-raġuni għall-adeżjoni tal-Istati Membri mal-ftehim? Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri jista’ jkollhom raġunijiet oħra sabiex jaderixxu għal ftehim internazzjonali bħala partijiet mal-Unjoni, anki jekk tali ftehim iwassal għall-prelazzjoni tal-azzjoni unilaterali tagħhom fl-oqsma kollha li huwa jkopri. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jżommu l-kontroll tan-negozjati ta’ tali ftehim, anki jekk jitilfuh wara l-konklużjoni tiegħu. L-Istati Membri jistgħu wkoll sempliċement ikunu jridu jibqgħu viżibbli fuq livell internazzjonali. Finalment, id-dritt internazzjonali (b’kuntrast mad-dritt tal-Unjoni) jista’ jkun iddetta l-parteċipazzjoni tagħhom. Ma nemminx, għalhekk, li jista’ jiġi konkluż ħafna mis-sempliċi fatt li ftehim jiġi konkluż bħala mħallat.

84.

Il-ftehimiet imħallta li l-Unjoni taderixxi magħhom bħala parti jistgħu jkunu differenti ħafna ( 73 ). Jistgħu jkunu bilaterali jew multilaterali, innegozjati bħala ftehimiet ġodda, jew ikunu eżistew qabel id-data li fiha l-Unjoni tkun kisbet kompetenza biex issir membru tagħhom. Iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni ta’ kull ftehim jistgħu jvarjaw individwalment. Ir-risposta għad-domanda dwar jekk l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza kondiviża tagħha hija partikolarment diffiċli fil-ftehimiet multilaterali li fihom l-Istati Membri kienu partijiet qabel ma l-Unjoni aderixxiet ma’ tali ftehim. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta ftehim imħallat ma jistax, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jiġi ddeterminat minn qabel bħala regola ġenerali applikabbli għal kull ftehim.

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi madwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi ftehim partikolari sabiex jiġi konkluż jekk l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza kondiviża tagħha fir-rigward ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ tali ftehim. Jekk dan kien il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja saret kompetenti sabiex tinterpreta tali dispożizzjoni tal-ftehim imħallat għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

86.

Huwa konċepibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx kapaċi tiddeduċi mid-dokumenti preparatorji, il-proċedura li twassal għall-konklużjoni, il-formulazzjoni ta’ ftehim imħallat jew kwalunkwe ċirkustanza oħra rilevanti, li l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżerċita wħud mill-kompetenzi kondiviżi tagħha billi taderixxi mal-ftehim inkwistjoni. Jiena tal-fehma li mbagħad hija jkollha tikkonkludi li, sabiex tosserva l-organizzazzjoni kostituzzjonali tal-kompetenzi, is-setgħat jibqgħu mal-Istati Membri. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad il-ġurisdizzjoni. Hawn, madankollu, dan ma huwiex il-każ.

3. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI

87.

Il-COTIF, inklużi r-Regoli Uniformi CUI, hija, kif ġie spjegat fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, ftehim internazzjonali mħallat fil-qasam tat-trasport, li fir-rigward tiegħu t-Trattati jipprevedu li l-Unjoni tikkondividi l-kompetenza tagħha mal-Istati Membri. Il-kwistjonijiet kollha koperti mill-COTIF kienu jaqgħu taħt il-kompetenza, esklużiva jew kondiviża, tal-Unjoni, fil-mument meta l-Unjoni aderixxiet miegħu. Għalhekk ma hemm ebda qasam li fih l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva.

88.

Ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-Unjoni kienu partijiet fil-COTIF qabel ma l-Unjoni aderixxiet fl‑2011. Huwa ċar li l-Unjoni assumiet ir-responsabbiltà għal dawk il-partijiet tal-COTIF li fihom hija kellha kompetenza esterna esklużiva skont leġiżlazzjoni interna (permezz ta’ prelazzjoni) ( 74 ). Ġiet annessa lista ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni mad-Dikjarazzjoni ( 75 ).

89.

Din id-dikjarazzjoni ma tistax, madankollu, tinftiehem bħala lista eżawrjenti tal-oqsma li fihom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fl-adeżjoni mal-COTIF, peress li l-eżerċizzju tal-kompetenzi interni mill-Unjoni qiegħed jiżviluppa kontinwament ( 76 ). Konsegwentement hija ma tipprekludix interpretazzjoni li skontha l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi kondiviżi tagħha (għall-ewwel darba) bl-att innifsu ta’ Adeżjoni mal-COTIF.

90.

Ir-Regoli Uniformi CUI, bħala parti tal-COTIF, ikopru qasam tal-politika tat-trasport tal-Unjoni li ma kienx għadu (jew inkella kien biss marġinalment ( 77 )) irregolat internament. Ir-Regoli Uniformi CUI jikkonċernaw kuntratti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u r-responsabbiltà għad-danni tal-operatur jew tal-amministratur tan-network tal-ferrovija li jistgħu jirriżultaw matul dan l-użu.

91.

Bl-adeżjoni tagħha mar-Regoli Uniformi CUI bħala parti mill-COTIF, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza kondiviża tagħha fil-qasam tat-trasport u ostakolat lill-Istati Membri, permezz ta’ prelazzjoni, milli jirregolaw kuntratti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u r-responsabbiltà relattiva għad-danni fis-sitwazzjonijiet ta’ kuntratti intra-Unjoni? Jekk iva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni interpretattiva fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli Uniformi CUI.

92.

Ir-Regoli Uniformi CUI, billi jarmonizzaw il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-użu tal-infrastruttura tan-network ferrovjarju u r-responsabbiltà tal-partijiet fit-trasport transkonfinali intra-Unjoni jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Unjoni dwar il-politika tat-trasport.

93.

Ir-regolazzjoni armonizzata tar-responsabbiltà telimina d-diverġenza fl-operat transkonfinali tat-trasport ferrovjarju, u għalhekk tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tat-trasport transkonfinali, għan li ma jistax jintlaħaq faċilment jekk jitħalla għal leġiżlazzjoni diverġenti tal-Istati Membri. Azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ għalhekk tkun iġġustifikata bħala li taqa’ taħt wieħed mill-għanijiet tal-politika tat-trasport u li tissodisfa l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

94.

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-Konvenzjoni, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat” ( 78 ).

95.

Jiena ninterpreta l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni bħala espressjoni tar-rieda tal-Unjoni li tirregola r-responsabbiltà marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għall-użu ta’ networks ferrovjarji fit-trasport transkonfinali intra-Unjoni bl-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi CUI għal dawn ir-relazzjonijiet. Fi kliem ieħor, l-Unjoni ddeċidiet li tirregola r-responsabbiltà tal-amministratur tan-network billi taċċetta r-Regoli Uniformi CUI anki għal sitwazzjonijiet intra-Unjoni.

96.

Barra minn hekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/103 ( 79 ) jispjega t-tifsira tal-frażi ssottolineata bil-mod segwenti: “Il-frażi ‘li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat’ għandha tinftiehem bħala li tapplika għall-każ speċifiku li jkun regolat minn dispożizzjoni tal-Konvenzjoni, inklużi l-appendiċi tagħha, u mhijiex regolata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

97.

Il-formulazzjoni “ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat” għandha fil-fehma tiegħi tiġi interpretata fis-sens li l-Unjoni għandha tuża l-COTIF bħala r-regoli tagħha li jirregolaw it-trasport intra-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tapplika din il-konvenzjoni f’oqsma li hija għadha ma rregolatx internament, sabiex tirregola wkoll sitwazzjonijiet intra-Unjoni li fuqhom hija għandha kompetenza kondiviża.

98.

Din il-konvenzjoni tinkludi r-Regoli Uniformi CUI, li jfisser li l-Unjoni ddeċidiet li tapplika dawn ir-regoli għar-responsabbiltà tal-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja f’sitwazzjonijiet intra-Unjoni. Fl-istess ħin, huwa ċar li b’din l-għażla, l-Unjoni ma pprekludietx lilha nnifisha milli temenda dawn ir-regoli fir-rigward tat-trasport intra-Unjoni. Għaldaqstant, ir-Regoli Uniformi CUI japplikaw għal relazzjonijiet intra-Unjoni biss jekk u sakemm ma jkunx hemm regoli differenti adottati mill-Unjoni. Iżda, sakemm jiġu adottati tali regoli, ir-Regoli Uniformi CUI jsiru dritt tal-Unjoni wkoll.

99.

Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-politika tat-trasport, li hija tikkondividi mal-Istati Membri tagħha, sabiex tapplika s-sistema ta’ responsabbiltà tal-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja kif prevista mir-Regoli Uniformi CUI anki għal sitwazzjonijiet intra-Unjoni. Dan irriżulta fil-prelazzjoni tas-setgħat regolatorji tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI.

B.   It-tieni domanda: id-dannu sostnut mill-kiri ta’ lokomottivi alternattivi huwa kopert mir-Regoli Uniformi CUI?

100.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI jinkludix l-ispejjeż sostnuti mit-trasportatur għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu tat-tiswija tal-lokomottivi bil-ħsara. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ dannu materjali skont din id-dispożizzjoni. Kif diġà ssemma fl-introduzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta r-Regoli Uniformi CUI.

101.

ÖBB‑Infrastruktur sostniet li l-ispejjeż tal-kiri ta’ lokomottivi alternattivi jirrappreżentaw dannu lill-assi ta’ Lokomotion iktar milli danni lil-lokomottivi nnifishom, u għalhekk għandhom jiġu distinti mill-ispejjeż relatati mad-dannu lil-lokomottivi nnifishom. Barra minn hekk, hija sostniet li l-istruttura tar-Regoli Uniformi CUI hija bbażata fuq ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, li għandha tirriżulta f’interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-responsabbiltà li tinsab fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI. ÖBB‑Infrastruktur enfasizzat li, kuntrarjament għall-Artikolu 15 tar-Regoli Uniformi CUI ( 80 ), li jippermetti li jinqabżu l-limiti tar-responsabbiltà meta jiġi stabbilit in-nuqqas, ir-rekwiżit tar-responsabbiltà oġġettiva mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI jeħtieġ interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “dannu materjali”.

102.

Il-Kummissjoni qablet ma’ din l-interpretazzjoni, billi nnotat li l-istruttura tal-COTIF u r-Regoli Uniformi CUI jsostnu distinzjoni bejn id-dannu materjali u d-dannu pekunjarju, u huwa biss dak tal-ewwel li huwa kopert mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

103.

Lokomotion, għall-kuntrarju, sostniet li l-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi alternattivi jagħmlu parti mill-ispejjeż li jirriżultaw minn dannu materjali skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI, peress li jikkontribwixxu wkoll għar-restawr tal-lokomottivi fl-istat oriġinali tagħhom.

104.

Jiena ma naqbilx.

105.

Fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement invokat ( 81 ) l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat‑23 ta’ Mejju 1969 dwar il-Liġi tat-Trattati ( 82 ) u l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal‑21 ta’ Marzu 1986, dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali, jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali ( 83 ), li jesprimu d-dritt internazzjonali konswetudinarju. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, trattat għandu jiġi interpretat bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-iskop u l-għan tiegħu ( 84 ).

106.

Fl-ewwel lok, u kuntrarjament għal dak sostnut minn Lokomotion, xejn fl-istruttura u l-kuntest tal-Artikolu 8(1) tar-Regoli Uniformi CUI ma jissuġġerixxi li l-għan tiegħu huwa r-restawr tas-sitwazzjoni oriġinali tal-operatur, inkluż it-tneħħija ta’ kull ostakolu għall-funzjonament regolari tal-attivitajiet kummerċjali tagħha kkawżat bid-dannu materjali.

107.

Pjuttost, l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regoli Uniformi CUI jagħmel riferiment għat-telf jew dannu fiżiku (bħall-mewt, il-korriment jew kwalunkwe ħsara oħra fiżika jew mentali). Pereżempju, fil-każ ta’ korriment personali tal-persunal tal-operatur, ma jidhirlix li huwa koerenti ma’ din id-dispożizzjoni li trasportatur ikun jista’ jitlob spejjeż marbuta mal-impjegar ta’ persunal addizzjonali minħabba tali dannu.

108.

Bl-istess mod, l-ispejjeż ta’ tiswija sostnuti minn Lokomotion huma fil-fehma tiegħi dawk li għandhom jiġu kkumpensati skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI. Il-kiri ta’ lokomottivi alternattivi ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, telf jew dannu materjali, iżda huwa spiża addizzjonali li tirriżulta mill-intenzjoni ta’ Lokomotion li tkompli tipprovdi s-servizz tagħha mingħajr tfixkil.

109.

L-Artikolu 8(1)(c) tar-Regoli Uniformi CUI huwa l-unika dispożizzjoni li ssemmi l-ispejjeż pekunjarji (jiġifieri dawk lil hinn mid-danni konkreti lil bnedmin jew lil proprjetà) li t-trasportatur jista’ jittrasferixxi għall-amministratur tal-infrastruttura.

110.

Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI tistabbilixxi li l-amministratur (f’din il-kawża ÖBB‑Infrastruktur) “huwa responsabbli”, u għalhekk tipprevedi responsabbiltà (oġġettiva) mingħajr nuqqas. Jiena naqbel ma’ ÖBB‑Infrastruktur u l-Kummissjoni li r-responsabbiltà oġġettiva titlob interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “telf jew dannu materjali”.

111.

Finalment, nikkunsidra wkoll li l-Artikolu 8(4) tar-Regoli Uniformi CUI huwa rilevanti għal interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dawn ir-regoli. Speċifikament, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi estiża l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur għat-“telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan it-telf jew dannu għandu jiġi sostnut mit-trasportatur minħabba l-inkapaċità tiegħu li juża l-vettura mitlufa jew bil-ħsara f’ħin xieraq u b’mod regolari.

112.

Is-suġġeriment tiegħi ma huwiex li l-ispejjeż sostnuti minn Lokomotion jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, peress li l-operat tagħha ma ġarrabx, skont l-informazzjoni disponibbli, dewmien jew perturbazzjoni. Madankollu, l-ispejjeż li jistgħu jiġu kkumpensati barra mid-dannu materjali stess skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI huma elenkati b’mod espliċitu fl-iskema ta’ dawn ir-regoli.

113.

L-Artikolu 8(1)(c) tar-Regoli Uniformi CUI, jagħmel riferiment għal “telf pekunjarju li jirriżulta mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-Regoli Uniformi CIV [ ( 85 )] u r-Regoli Uniformi CIM” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 86 ). It-telf pekunjarju li jista’ jiġi rkuprat skont responsabbiltà oġġettiva (mingħajr nuqqas) huwa dak li joriġina għat-trasportatur minħabba l-inkapaċità tiegħu li josserva l-obbligu ta’ trasport skont ir-Regoli Uniformi CIV u CIM. Dan it-telf pekunjarju jista’, għaldaqstant, jiġi ttrasferit lill-amministratur tal-infrastruttura.

114.

Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tar-Regoli Uniformi CUI ( 87 ), li jgħid li t-telf pekunjarju ma huwiex inkluż fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

115.

Huwa minnu li bil-kiri tal-lokomottivi alternattivi, huwa diffiċli li tiġi kkonċeputa sitwazzjoni fejn jirriżulta t-telf pekunjarju elenkat fl-Artikolu 8(1)(c) jew fl-Artikolu 8(4) tar-Regoli Uniformi CUI. Madankollu, dan ma jfissirx li telf bħal dan huwa kopert mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

116.

Jiena għaldaqstant tal-fehma li l-ispejjeż għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ dannu materjali skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI.

C.   It-tielet domanda: il-partijiet jistgħu jipprevedu f’kuntratt responsabbiltà ikbar b’riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali?

117.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-Artikolu 8(1)(b) tar-regoli uniformi CUI ma jkunx applikabbli għall-ispejjeż sostnuti minn Lokomotion sabiex tissostitwixxi l-lokomottivi bil-ħsara, riferiment ġenerali fil-kuntratt tal-ABGB jikkostitwixxix teħid validu ta’ responsabbiltà ikbar minn dik li tinsab fir-Regoli Uniformi CUI skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tagħhom.

118.

Din id-domanda teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-bilanċ xieraq bejn il-libertà kuntrattwali u n-natura mandatorja tar-Regoli Uniformi CUI fil-qasam tar-responsabbiltà ( 88 ).

119.

Kif spjegat iktar ’il fuq, il-partijiet qablu li jinkludu t-TKĠ fil-kuntratt tagħhom dwar l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ( 89 ). Dawn jagħmlu riferiment għal numru ta’ sorsi, inkluż l-ABGB, li min-naħa tiegħu jipprevedi l-eżistenza ta’ nuqqas bħala rekwiżit tar-responsabbiltà minn naħa waħda, iżda jippermetti għal portata ta’ talbiet usa’, bħall-ispejjeż tal-kiri f’din il-kawża.

120.

F’dan il-kuntest, jista’ jiġi konkluż li l-partijiet, billi inkludew applikazzjoni sussidjarja tal-ABGB, ikkonkludew responsabbiltà ikbar kif jippermetti l-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI?

121.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda hija iva.

122.

L-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI jippermetti lill-partijiet jassumu responsabbiltà ikbar u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti fir-Regoli Uniformi CUI.

123.

Qabel kollox, ma nikkunsidrax li din id-dispożizzjoni tobbliga li kemm il-bażi kif ukoll il-portata tar-responsabbiltà jkunu ikbar minn dak previst fir-Regoli Uniformi CUI. Pjuttost, ninterpreta l-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI bħala li jipprovdi lill-partijiet il-libertà li jikkuntrattaw estensjoni tar-responsabbiltà.

124.

Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI, li jistabbilixxi li dan l-artikolu għandu l-għan li jippermetti lill-partijiet fil-kuntratt “jestendu r-responsabbiltà tagħhom” ( 90 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-bażi u l-portata tar-responsabbiltà.

125.

Għaldaqstant, il-partijiet jistgħu jipprevedu fil-kuntratt l-estensjoni tar-responsabbiltà ta’ amministratur ta’ network għad-danni sostnuti mill-operatur bil-kiri ta’ lokomottivi alternattivi waqt it-tiswija ta’ dawk bil-ħsara. Bl-istess mod, tali responsabbiltà tista’ tkun ibbażata fuq nuqqas.

126.

ÖBB‑Infrastruktur ressqet l-argument li riferiment ġenerali għal diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali fit-TKĠ tagħhom jipprovdi lista ta’ eżempji, pjuttost milli lista eżawrjenti, u għalhekk jagħmluh wisq impreċiż biex jiġi kkunsidrat bħala deroga skont l-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI. ÖBB‑Infrastruktur sostniet ukoll li t-TKĠ jagħmlu riferiment għal diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni, li jwassal għalhekk għall-ħtieġa li jiġu applikati r-Regoli Uniformi CUI bħala l-uniku strument li jirregola r-responsabbiltà li tirriżulta mill-kuntratt.

127.

L-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI ma jillimitax il-mod li bih il-partijiet jistgħu jikkuntrattaw ir-responsabbiltà iktar estiża. Xejn ma jissuġġerixxi li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ għażla ġenerali tar-regoli ta’ sistema nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk din kinitx fil-fatt ir-rieda tal-partijiet skont il-kuntratt.

128.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 19(1) tar-Regoli Uniformi CUI, li jipprevedi l-applikazzjoni mandatorja tar-Regoli Uniformi CUI għall-azzjonijiet l-oħra fir-rigward tar-responsabbiltà. Ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regoli Uniformi CUI ( 91 ) jistabbilixxi li l-għan tiegħu huwa li “jipproteġi b’mod sħiħ is-sistema ta’ responsabbiltà […] billi jiġu limitati talbiet mhux kuntrattwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, jiena nikkunsidra li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna talbiet kuntrattwali (estensjoni tar-responsabbiltà) stipulati skont dak li jippermetti l-Artikolu 4 tar-Regoli Uniformi CUI. Isegwi li l-Artikolu 19(1) tar-Regoli Uniformi CUI ma japplikax f’din il-kawża.

129.

Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tar-Regoli Uniformi CUI jippermettu lill-partijiet jikkuntrattaw estensjoni ta’ responsabbiltà permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali. Tali estensjoni tista’ tipprevedi responsabbiltà ta’ portata ikbar, iżda, madankollu, hija suġġetta għall-prova tal-eżistenza ta’ nuqqas.

V. Konklużjoni

130.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

(1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta r-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għall-Użu ta’ Infrastruttura tat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CUI) – Anness E tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF).

(2)

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoli Uniformi CUI għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż mġarrba mit-trasportatur sabiex jikri lokomottivi oħra sabiex jissostitwixxu l-lokomottivi tiegħu li ġarrbu ħsara.

(3)

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tar-Regoli Uniformi CUI għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-partijiet fil-kuntratt sabiex effettivament jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, inkluż jekk dan iwassal għal portata tar-responsabbiltà estiża li, madankollu, tkun teħtieġ il-ħtija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet ftehimiet imħallta bħala dawk “[i]ffirmat[i] u konkluż[i] kemm mill-Unjoni kif ukoll minn kull Stat Membru tagħha”. Ara l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE‑Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 29).

( 3 ) Eeckhout, P., EU External Relations Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 278.

( 4 ) Appendiċi E għall-COTIF tad‑9 ta’ Ġunju 1999.

( 5 ) Ara l-punti 9 sa 11 iktar ’il quddiem.

( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

( 7 ) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”).

( 8 ) Il-COTIF ġiet irratifikata għall-finijiet tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas‑16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1).

( 9 ) Numru sinjifikattiv ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti l-Unjoni huma konklużi bħala ftehimiet imħallta. Rosas iċċita studju mwettaq fl‑2001 li sab 154 ftehim imħallat. Probabbilment dan in-numru huwa ogħla llum. Ara Rosas, A., “Mixity Past, Present and Future: Some Observations” f’Chamon, M., u Govaere, I. (edituri), EU External Relations post-Lisbon, Brill NV, Leiden, 2020, p. 8‑18, fil-p. 4.

( 10 ) F’dan ir-rigward, Allan Rosas ikkunsidra li “l-ftehimiet imħallta jippreżentaw illustrazzjoni grafika tan-natura speċifika tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea” [traduzzjoni libera]. Ara Rosas (nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq), fil-p. 8.

( 11 ) Prete, L., “The Constitutional Limits to the Choice of Mixity after EUSFTA, COTIF I, MPA Antarctic and COTIF II: Towards a More Constructive Discourse?”European Law Review, 45(1), 2020, p. 113‑127, fil‑p. 114.

( 12 ) Artikolu 5(2) TUE.

( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 63).

( 14 ) It-terminu ġie maħluq minn Rosas, A., “Mixed Union – Mixed Agreements” f’Koskenniemi M., (editur), International Law Aspects of the European Union, Brill Nijhoff, Leiden, 1998, p. 131. Ara wkoll Chamon, M., u Govaere, I., “Introduction: Facultative Mixity, More than Just a Childhood Disease of EU Law?” f’Chamon, M. u Govaere, I., (edituri), EU External Relations Post‑Lisbon, Brill NV, Leiden, 2020, p. 2; Govaere, I., “‘Facultative’ and ‘Functional Mixity’ in light of the Principle of Partial and Imperfect Conferral”, College of Europe Research Paper in Law 03/2019; Hillion, C., u Chamon, M., “Facultative Mixity and Sincere Cooperation” f’Chamon, M., u Govaere, I. (edituri), EU External Relations Post-Lisbon, Brill NV, Leiden, 2020, p. 86.

( 15 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 66); u s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 126).

( 16 ) L-Artikolu 4(2)(g) TFUE jelenka l-politika tat-trasport fost il-kompetenzi kondiviżi.

( 17 ) Ara d-Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea li tirrigwarda l-Eżerċizzju ta’ Kompetenza, punt 12 iktar ’il fuq.

( 18 ) Dan it-terminu ntuża mill-Avukat Ġenerali Cosmas fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:378, punt 32). Dan intuża wkoll mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 93); u mill-istudjużi legali: pereżempju, Heliskoski, J., “The Jurisdiction of the European Court of Justice to Give Preliminary Rulings on the Interpretation of Mixed Agreements”, Nordic Journal of International Law, Vol. 69, 2000, p. 395‑412, fil‑p. 409.

( 19 ) L-iktar reċenti kienet is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal-Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:655). Madankollu, ir-raġuni prinċipali tal-eżami tal-ġurisdizzjoni f’din il-kawża ma kinitx il-fatt li l-ftehim inkwistjoni kien ftehim imħallat (li kien), iżda li t-tilwima li wasslet għall-kwistjoni ta’ interpretazzjoni kienet bejn żewġ partijiet barra mill-Unjoni, iżda kellha tiġi deċiża minn qorti ta’ Stat Membru.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’Hermès (C‑53/96, EU:C:1997:539, punti 20 sa 21); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:378, punti 4041); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer f’Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:48, punti 47 sa 54); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2010:436, punti 50 sa 56).

( 21 ) Heliskoski, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq; Koutrakos, P., “Interpretation of Mixed Agreements’, f’Hillion, C. u Koutrakos, P. (edituri), Mixed Agreements Revisited: The EU and its Member States in the World, London: Hart Publishing, 2010, p. 116‑137; Prete, L., nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.

( 22 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, iktar ’il quddiem is-sentenza “COTIF I”).

( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125).

( 24 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41).

( 25 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6). Dan l-argument ġie applikat ukoll sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu interpretati atti adottati fuq il-bażi ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija parti fih (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, EU:C:1990:322)). L-argument Haegeman sar il-ġustifikazzjoni standard tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-ftehimiet internazzjonali fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, irrepetut f’kull kawża simili. Ara, reċentement, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal‑Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Timmermans, C.W.A., “The Court of Justice and Mixed Agreements”, f’Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (editriċi), The Court of Justice and the Construction of Europe: Analyses and Perspectives on Sixty Years of Case-law ‑ La Cour de Justice et la Construction de l’Europe: Analyses et Perspectives de Soixante Ans de Jurisprudence, 2013, T.M.C. Asser Press, Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi, f’p. 667.

( 27 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400; iktar ’il quddiem is‑sentenza “Demirel”).

( 28 ) Ibid., punt 8.

( 29 ) Ibid., punti 9 u 10.

( 30 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:378, punti 37 sa 38).

( 31 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, EU:C:1998:292, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Hermès”).

( 32 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punti 3539).

( 33 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125).

( 34 ) Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal-Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:655).

( 35 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496).

( 36 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184).

( 37 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598).

( 38 ) Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345).

( 39 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, EU:C:1998:292).

( 40 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

( 41 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 32).

( 42 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360).

( 43 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369).

( 44 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C‑130/95, EU:C:1997:372).

( 45 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496).

( 46 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 47).

( 47 ) Pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184, punt 16), u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598), punt 29).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:42, punt 33).

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:42, punt 33). Fuq din il-bażi, huwa kkonkluda li s-sentenza fil-kawża preċedenti Etang de Berre (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑239/03, EU:C:2004:598) setgħet tiġi interpretata fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża, “il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li fil-qasam tal-iskariki ta’ ilma ħelu u ta’ sedimenti fl-ambjent marittimu, il-Komunità, bil-konklużjoni tal-Ftehim, kienet eżerċitat il-kompetenza mhux esklużiva tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 50 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 66).

( 51 ) Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 126).

( 52 ) Tali interpretazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza hija proposta wkoll minn studjużi legali. Ara Neframi, E., “Article 216(1) TFEU and the Union’s shared external competence in the light of mixity: Germany v Council (COTIF)”, Common Market Law Review, vol. 56, 2019, p. 489‑520, f’p. 506‑507.

( 53 ) Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE‑Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376).

( 54 ) Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dikjarazzjoni fl-Opinjoni 2/15 li f’qasam ta’ kompetenza kondiviża iżda mhux eżerċitata, il-“ftehim previst ma [j]istax [j]iġi [approvat] mill-Unjoni waħedha” (Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE‑Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 244) kienet biss ir-repetizzjoni tal-kuntest fattwali tad-deċiżjoni li jiġi konkluż il-ftehim ma’ Singapor bħala ftehim imħallat (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 68). Hija ċċarat il-kuntest politiku tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim: in-natura ta’ taħlit intgħażlet minħabba n-nuqqas ta’ maġġoranza neċessarja fil-Kunsill sabiex jiġi konkluż dan il-ftehim mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, it-taħlit kien ir-riżultat ta’ ċirkustanzi politiċi, pjuttost milli neċessità ġuridika.

( 55 ) Dan huwa minnu sa fejn huwa kkonċernat id-dritt tal-Unjoni. Jekk, naturalment, id-dritt internazzjonali jipprekludi lill-Unjoni milli tikkonkludi ftehim internazzjonali mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tagħha kollha jew uħud minnhom, tali ftehim għandu jiġi konkluż bħala mħallat sabiex ikun konformi mad-dritt internazzjonali. Ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punti 127 sa 133).

( 56 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32, punt 17).

( 57 ) L-Avukata Ġenerali Kokott iddiskutiet ukoll il-prelazzjoni f’żewġ konklużjonijiet: il-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku) (C‑626/15, EU:C:2018:362, punti 111 sa 117) u l-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑13/07, EU:C:2009:190), punt 76).

( 58 ) Dwar il-konfużjoni, ara artikolu eċċellenti minn Cremona, M., “Defining Competence in EU External Relations: Lessons from the Treaty Reform Process” f’Dashwood, A., u Maresceau, M., (edituri), Law and Practice of EU External Relations: Salient Features of a Changing Landscape, Cambridge University Press, Cambridge, 2008, p. 34‑69.

( 59 ) Dan huwa minnu f’oqsma ta’ kompetenzi kondiviżi ta’ prelazzjoni, iżda mhux f’oqsma ta’ kompetenzi kondiviżi paralleli. Anki jekk il-maġġoranza tal-kompetenzi kondiviżi previsti mit-Trattati huma ta’ prelazzjoni, jeżistu wkoll ċerti kompetenzi kondiviżi li ma humiex ta’ prelazzjoni, iżda lanqas paralleli. Dan ifisser li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jistgħu jeżerċitawhom fl-istess ħin. Dawn huma l-kompetenzi fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(4) TFUE.

( 60 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:48, punti 54 sa 60).

( 61 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:378, punt 44).

( 62 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:48, punt 52) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2010:436, nota ta’ qiegħ il-paġna 31 fil-punt 47).

( 63 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati) (EU:C:2016:657, punt 119).

( 64 ) L-Artikolu 216(1) TFUE jipprevedi, inter alia, li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet previsti mit-Trattati.

( 65 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 118).

( 66 ) De Baere, G., “Subsidiarity as a Structural Principle Governing the use of EU External Competences”, fi Cremona, M. (editur), Structural Principles in EU External Relations, Hart Publishing, Oxford, 2018, p. 93‑116, f’p. 112‑114.

( 67 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawżi magħquda Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:378, punt 48).

( 68 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 70).

( 69 ) Din il-proċedura ġiet segwita fl-adeżjoni tal-Unjoni mal-COTIF, inklużi r-Regoli Uniformi CUI. Ara l-preambolu tad-Deċiżjoni 2013/103.

( 70 ) Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 84).

( 71 ) Fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-658/11, EU:C:2014:2025, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-Avukat Ġenerali Bot li l-proċeduri ta’ azzjoni interna u esterna huma simetriċi.

( 72 ) Fis-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 33); tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 33); u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 31).

( 73 ) Rosas, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq, f’p. 12.

( 74 ) Ara l-punti 64 sa 67 iktar ’il fuq.

( 75 ) Ara l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Appendiċi għall-Anness I intitolat “Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea li tirrigwarda l-Eżerċizzju ta’ Kompetenza”, għad-Deċiżjoni 2013/103

( 76 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni fuq id-Dritt tal-Baħar tal‑10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u għad-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza tal-Komunità fil-kuntest ta’ din l-adeżjoni, li din tikkostitwixxi bażi utli ta’ riferiment, iżda li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti. Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 109). Ara wkoll, Govaere, I., “Beware of the Trojan Horse: Dispute Settlement in (Mixed) Agreements and the Autonomy of the EU Legal Order” f’Hillion, C., u Koutrakos, P., (edituri), Mixed Agreements Revisited: The EU and its Member States in the World, Hart Publishing, London, 2010, p. 187‑207, f’p. 194.

( 77 ) Permezz tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), li ssostitwixxiet numru ta’ direttivi elenkati fid-Dikjarazzjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni tinvoka, inter alia, din id-direttiva sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, din id-direttiva, fil-fehma tiegħi, ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punti 154155).

( 78 ) Enfasi miżjuda minni.

( 79 ) Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-Ftehim, miżjuda bħala l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/103.

( 80 ) L-Artikolu 15 tar-Regoli Uniformi CUI jaqra: “Il-limiti ta’ responsabbiltà previsti minn dawn ir-Regoli Uniformi kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jillimitaw il-kumpens għal ċertu ammont, ma japplikawx jekk jiġi ppruvat li t-telf jew dannu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni, li l-awtur tat-telf jew tad-dannu jkun wettaq bl-intenzjoni li jikkawża tali telf jew dannu, jew bi traskuraġni u meta jkun jaf li probabbilment tali telf jew dannu sejjer jirriżulta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 81 ) Reċentement, pereżempju, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Ministère public and Conseil national de l’ordre des pharmaciens (Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD)) (C‑663/18, EU:C:2020:938, punt 66).

( 82 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.

( 83 ) Dokumenti Uffiċjali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali, Vol. II, p. 91

( 84 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 40).

( 85 ) Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) Appendiċi A għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980. Speċifikament, l-Artikolu 26(1) tar-Regoli Uniformi CIV jipprevedi: “It-trasportatur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu li jirriżulta mill-mewt, mill-korrimenti personali, jew minn kwalunkwe dannu ieħor fiżiku jew mentali ta’ passiġġier, ikkawżati minn inċident li joriġina mill-operat tal-ferrovija u li jseħħ waqt li l-passiġġier ikun f’vetturi ferrovjarji, waqt l-irkib tagħhom jew waqt l-inżul minnhom irrispettivament mill-infrastruttura tal-ferrovija użata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 86 ) Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bil-Ferrovija. Appendiċi B tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980. Speċifikament, l-Artikolu 23(1) tar-Regoli Uniformi CIM jipprevedi: “It-trasportatur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu li jirriżulta mit-telf totali jew parzjali tal-merkanzija, jew dannu għaliha, bejn il-mument li tittieħed il-merkanzija u l-mument tal-kunsinna u għat-telf jew dannu li jirriżulta mill-eċċess tat-terminu ta’ tranżitu, irrispettivament mill-infrastruttura tal-ferrovija użata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 87 ) Rapport ta’ Spjegazzjoni Kkonsolidat tal-Assemblea Ġenerali AG 12/13 Add. 8, 30.09.2015., p. 14, Titolu III, punt 2. Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement għamlet riferiment għar-Rapport ta’ Spjegazzjoni fir-rigward tar-Regoli Uniformi CIV fis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr (C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 41). Filwaqt li r-Rapport ta’ Spjegazzjoni ċertament ma huwiex awtoritattiv għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regoli Uniformi CUI, jiena tal-fehma li dan jista’ jintuża bħala għajnuna interpretattiva.

( 88 ) Pereżempju, ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tar-Regoli Uniformi CUI jistabbilixxi li “Ir-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għall-Użu ta’ Infrastruttura tat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (Regoli Uniformi CUI) […] huma bbażati fuq l-idea fundamentali li l-partijiet għall-kuntratt jingħataw libertà massima fl-istabbiliment tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, iżda li r-responsabbiltà għandha tiġi rregolata b’mod uniformi u mandatorju. Dan jevita, b’mod partikolari, il-problemi li jistgħu jirriżultaw min-nazzjonijiet li għandhom sistemi ta’ responsabbiltà differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’p. 3, punt 7.

( 89 ) Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq.

( 90 ) Rapport ta’ Spjegazzjoni tar-Regoli Uniformi, p. 10, punt 3. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 iktar ’il fuq.

( 91 ) Rapport ta’ Spjegazzjoni tar-Regoli Uniformi CUI, p. 20, punt 1 dwar l-Artikolu 19 tar-Regoli Uniformi CUI. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 iktar ’il fuq.