SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Artikolu 30(6) u Artikolu 50(2) – Applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali għall-bdiewa żgħażagħ – Awtorità nazzjonali amministrattiva li tat informazzjoni żbaljata dwar il-klassifikazzjoni ta’ persuna bħala ‘bidwi żagħżugħ’ – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Azzjoni għall-kumpens għal dannu bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ dritt nazzjonali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑36/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il‑Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Sense Visuele Communicatie en Handel vof, li taġixxi wkoll taħt l-isem De Scharrelderij,

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sense Visuele Communicatie en Handel vof, li taġixxi wkoll taħt l-isem De Scharrelderij, minn P. Heida u L. Rensema,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M.K. Bulterman u C.S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u C. Zois, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sense Visuele Communicatie en Handel vof, li taġixxi wkoll taħt l-isem De Scharrelderij (iktar ’il quddiem “Sense”), u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru għall-Agrikolura, Ambjent u Kwalità tal-Ikel, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar il-kumpens għal dannu allegatament sostnut minħabba informazzjoni żbaljata li ġiet ikkomunikata lil Sense mir-Rijksdienst voor Ondernemend Nederland (l-Aġenzija għall-Impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem ir-“RVO”) dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 30(1), (4), (6) u (11) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi riżerva nazzjonali. Sabiex jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jipproċedu fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, għal tnaqqis lineari tal-perċentwal tal-limitu massimu tal-iskema ta’ pagamenti f’livell nazzjonali.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jallokaw drittijiet għall-pagament mir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom skont kriterji oġġettivi u b’mod li jkun żgurat it-trattament indaqs tal-bdiewa u biex ikunu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.

[…]

6.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom biex jallokaw drittijiet għall-pagament, bħala kwistjoni ta’ prijorità, lil bdiewa żgħażagħ u lil bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom.

[…]

11.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘bdiewa żgħażagħ’ tfisser bdiewa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50(2) u, fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 50(3) u (11);

[…]”

4

Skont l-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘bdiewa żgħażagħ’ tfisser persuni fiżiċi:

(a)

li qed jistabbilixxu għall-ewwel darba impriża agrikola bħala kap tal-impriża, jew li diġà stabbilixxew tali impriża fil-ħames snin preċedenti għall-ewwel preżentazzjoni ta’ applikazzjoni taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u ĠU 2017, L 327, p. 83)], u

(b)

li m’għandhomx aktar minn 40 sena fis-sena ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni msemmija fil-punt (a).”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

5

L-Artikolu 2.1 tal-Uitvoeringsregeling rechtstreekse betalingen GLB (ir‑Regolament Ministerjali li Jimplimenta l-Iskemi ta’ Pagamenti Diretti tal-PAK f’dak li jikkonċerna l-pagamenti diretti u l-kundizzjonalità), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“1.   Il-Ministru għandu jagħti lill-bidwi, fuq talba tiegħu, drittijiet għall-pagament skont […] l-Artikolu 30(4) tar-[Regolament Nru 1307/2013].

2.   Il-Ministru għandu jagħti pagamenti diretti fil-qasam ta’:

a.

skema ta’ pagament bażiku skont l-Artikolu 32 tar-[Regolament Nru 1307/2013];

b.

pagament għall-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent;

c.

pagament lill-bdiewa żgħażagħ;

[…]”

6

L-Artikolu 4.2 ta’ dan ir-regolament ministerjali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-bidwi li jinvoka pretensjonijiet għall-pagamenti diretti kif imsemmija fl-Artikolu 2.1(2) għandu juża, għall-applikazzjoni għal drittijiet għall-pagament kif ukoll l-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament u għall-applikazzjoni tal-pagamenti, l-applikazzjoni unika.

[…]

3.   Bla ħsara għal applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-[Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament [Nru 1306/2013] fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48)], l-applikazzjoni unika għandha titressaq lill-Ministru fil-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Mejju.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Sense, soċjetà f’isem kollettiv b’żewġ imsieħba, A u B, ilha topera razzett tat-tismin tal-ħnieżer mill-2017. A għalqet l-età ta’ 41 sena fil-21 ta’ Jannar 2018.

8

Sense staqsiet lir-RVO, korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar il-possibbiltà li tikseb l-għoti ta’ drittijiet għall-pagament min-Nationale reserve voor ge landbouwers (ir-Riżerva Nazzjonali għall-Bdiewa Żgħażagħ, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem ir-“riżerva nazzjonali”). Waqt konverżazzjonijiet telefoniċi li seħħew fil-15 ta’ Marzu 2018, fil-5 ta’ April 2018 u fid-9 ta’ Jannar 2019, kollaboraturi tar-RVO indikawlha li hija setgħet tingħata drittijiet għall-pagament minn din ir-riżerva nazzjonali, peress li A kellha inqas minn 41 sena f’xi mument matul is-sena 2018. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ posta elettronika li kollaboratur tar-RVO bagħat lil Sense fil-15 ta’ Jannar 2019.

9

Fil-5 ta’ April 2018, Sense ssottomettiet dikjarazzjoni kkombinata, li fiha hija talbet, minn naħa, l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali, għar-raġuni li A kienet bidwi żagħżugħ, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tad-drittijiet għall-pagament, tal-pagament ta’ titjib ekoloġiku u tal-pagament addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ.

10

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 u tal-4 ta’ Jannar 2019, il-Ministru ċaħad dawn it-talbiet.

11

Sense ressqet ilmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet li ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tat-22 ta’ Marzu 2019. Skont il-Ministru, Sense ma kellhiex dritt għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali. Peress li A kellha iktar minn 40 sena matul is-sena 2008, hija ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-età prevista fl-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013. Billi ma kellhiex drittijiet għall-pagament fil-15 ta’ Mejju 2018, Sense ma setgħetx tikseb il-ħlas tad-drittijiet għall-pagament, tal-pagament ta’ titjib ekoloġiku u tal-pagament addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ.

12

Sense adixxiet il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2019 u għall-kumpens tad-dannu finanzjarju li hija allegatament sostniet.

13

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jirrigwardax l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, billi ma pproponiex li jikkumpensa lil Sense, il-Ministru aġixxiex bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

14

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, fl-2018, Sense ma setgħetx tiġi allokata drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali sa fejn A, iddikjarata bħala bidwi żagħżugħ, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tal-età prevista fl-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

15

Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-informazzjoni pprovduta mir-RVO lil Sense matul il-konverżazzjonijiet telefoniċi tal-15 ta’ Marzu u tal-5 ta’ April 2018 setgħet raġonevolment tagħti x’tifhem lil din tal-aħħar li hija setgħet tikseb tali allokazzjoni minkejja l-fatt li A kienet għalqet l-età ta’ 41 sena matul is-sena 2018. Issa, billi bbażat ruħha fuq din l-informazzjoni, Sense talbet l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali għas-sena 2018 u rrinunzjat milli tixtri drittijiet għall-pagament. Minħabba f’hekk, hija ġiet imċaħħda mill-ħlas tal-pagament bażiku u tal-pagament ta’ titjib ekoloġiku għas-sena 2018, filwaqt li dawn il-pagamenti setgħu jiġu allokati lilha li kieku kienet xtrat drittijiet għall-pagament. Għaldaqstant, Sense ġarrbet dannu li jikkorrispondi għat-telf tal-imsemmija pagamenti, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ xiri tad-drittijiet għall-pagament.

16

Din il-qorti tenfasizza li, peress li l-attribuzzjoni tad-drittijiet għall-pagament u l-ħlas tal-pagamenti diretti jaqgħu taħt l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-prinċipju ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni mhux ambigwa tad-dritt tal-Unjoni. Peress li l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 hija dispożizzjoni mhux ambigwa, l-aġir tal-kollaboraturi tar-RVO ma setax joħloq, favur Sense, aspettattivi leġittimi li tibbenefika minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

17

L-imsemmija qorti tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, ma teżisti l-ebda possibbiltà li jiġi applikat, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali. B’hekk, Sense ma tistax tinvoka dan il-prinċipju sabiex tikseb l-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali.

18

Min-naħa l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija ġurisprudenza timplikax ukoll li Sense lanqas ma tista’ tikseb, abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali, kumpens għad-danni sostnuti minħabba l-fatt li, abbażi tal-informazzjoni żbaljata li ġiet ikkomunikata lilha, hija applikat għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali minflok ma xtrat drittijiet għall-pagament. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar tali kwistjoni.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi evalwazzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi taħt id-dritt nazzjonali jekk awtorità amministrattiva nazzjonali ħolqot aspettattivi kuntrarji għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u aġixxiet, b’dan il-mod, illegalment, skont id-dritt nazzjonali, billi naqset milli tikkumpensa lill-persuna leża għad-dannu li hija sofriet minħabba f’hekk, meta l-parti leża ma tistax tinvoka b’mod effettiv il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi taħt id-dritt tal-Unjoni għaliex id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni hija ċara?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

20

Sense tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Minn naħa, hija tistaqsi, essenzjalment, dwar ir-rilevanza tar-riferimenti magħmula mill-qorti tar-rinviju għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku li hija ma tista’ tikseb ebda dritt mill-aspettattivi maħluqa mill-awtorità amministrattiva nazzjonali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li l-qorti tar-rinviju ma tagħmel ebda riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu madankollu jkun il-bażi tal-kumpens għad-dannu allegat.

21

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 2019, Agrárminiszter, C‑490/18, EU:C:2019:863, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 2019, Agrárminiszter, C‑490/18, EU:C:2019:863, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jipprekludix l-invokazzjoni, minn parti f’kawża, biss tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali.

24

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna f’kawża tikseb, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali u biss abbażi ta’ dan id-dritt, il-kumpens għal dannu li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata mogħtija minn awtorità nazzjonali ta’ dispożizzjoni mhux ambigwa tad-dritt tal-Unjoni.

26

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u huwa impost fuq kull awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Krücken, 316/86, EU:C:1988:201, punt 22, u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 48).

27

Minn dan isegwi li, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni mhux ambigwa ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku li jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Krücken, 316/86, EU:C:1988:201, punt 24; tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 69).

29

Għaldaqstant, parti f’kawża ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tad-dritt tal-Unjoni jew il-kontroparti nazzjonali tagħha sabiex tingħata vantaġġ li jmur kontra dispożizzjoni mhux ambigwa tad-dritt tal-Unjoni.

30

Fil-fatt, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali sabiex jinkiseb vantaġġ li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni tista’, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 27 sa 30 tal-konklużjonijiet tagħha, tqiegħed inkwistjoni s-supremazija, l-effettività u l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn dawn tal-aħħar fi ħdan is-suq intern u, meta l-vantaġġ inkwistjoni jkun iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

31

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Sense applikat, għas-sena 2018, għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali favur “bdiewa żgħażagħ”, fis-sens tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

32

Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ bidwi bħala “bidwi żagħżugħ” b’mod partikolari għal kundizzjoni ta’ età, li skontha din il-klassifikazzjoni hija rriżervata għall-persuni fiżiċi “li m’għandhomx aktar minn 40 sena fis-sena” tal-ewwel preżentazzjoni ta’ applikazzjoni taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja.

33

Għalhekk, mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li din il-kundizzjoni tal-età tirrikjedi li, fl-ebda mument tas-sena tal-ewwel applikazzjoni, il-persuna kkonċernata ma tagħlaq l-età ta’ 41 sena.

34

Għaldaqstant, u kif barra minn hekk jaqblu l-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu jistabbilixxi kundizzjoni ta’ età l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 jikkostitwixxi dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

35

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat, minn bidwi li ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ età stabbilita fl-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, kontra din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali u tal-għoti ta’ pagamenti abbażi ta’ tali drittijiet.

36

Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, permezz ta’ azzjoni għal kumpens imressqa abbażi esklużivament tad-dritt nazzjonali, tali bidwi jipprova jikseb mhux vantaġġ li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda l-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali, sa fejn din l-awtorità pprovdietlu informazzjoni żbaljata dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punti 1920, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 1992, Belovo, C‑187/91, EU:C:1992:333, punt 20).

37

Fil-fatt, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni lill-bdiewa żgħażagħ ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali u għall-għoti ta’ pagamenti abbażi ta’ tali drittijiet għall-pagament huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, tali azzjoni għal kumpens hija bbażata esklużivament fuq id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

38

Issa, ma jistax jitqies li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li d-dritt nazzjonali, fil-qasam tal-kumpens għal dannu kkawżat minn aġir imputabbli lill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali.

39

Madankollu, il-prinċipju li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-interess tal-Unjoni Ewropea wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Dan jimplika, kif l-Avukata Ġenerali essenzjalment esponiet fil-punti 36 sa 44 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-kumpens li jista’ jinkiseb b’riżultat ta’ tali azzjoni bbażata fuq id-dritt nazzjonali ma għandux ikun ekwivalenti għall-għoti ta’ vantaġġ kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, li dan ma jistax ikun ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni u li ma għandux ikun ta’ natura li jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

41

Bla ħsara għal evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-kawża prinċipali, għandu jiġi indikat li l-imsemmija kundizzjonijiet jidhru ssodisfatti fir-rigward ta’ azzjoni għal kumpens li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, hija intiża esklużivament għall-kumpens ta’ dannu li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-ammont tal-pagamenti diretti li setgħu jingħataw lil bidwi li kieku kien xtara drittijiet għall-pagament, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xiri ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament, filwaqt li l-bidwi jkun irrinunzja milli jwettaq tali xiri minħabba informazzjoni żbaljata pprovduta mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

42

Barra minn hekk, kif jenfasizzaw il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea, u kif sostniet l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, kwalunkwe kumpens li jirriżulta minn azzjoni għad-danni mressqa skont id-dritt nazzjonali u bbażata fuq l-aġir illegali ta’ awtorità nazzjonali għandu jitħallas esklużivament mill-baġit nazzjonali. Konsegwentement, tali azzjoni ma jistax ikollha effett detrimentali fuq il-fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni u lanqas ma tista’ taffettwa l-interessi finanzjarji tagħha.

43

Tali azzjoni tista’ għalhekk tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza peress li ma tista’ twassal la għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali skont ir-Regolament Nru 1307/2013 u lanqas għall-għoti ta’ pagament b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u peress li bl-ebda mod ma taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li parti f’kawża tikseb, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali u abbażi biss ta’ dan id-dritt, il-kumpens għal dannu li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata pprovduta minn awtorità nazzjonali ta’ dispożizzjoni mhux ambigwa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dan il-kumpens ma jkunx ekwivalenti għall-għoti ta’ vantaġġ li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, ma jkunx ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni u ma jkunx ta’ natura li jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li parti f’kawża tikseb, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali u abbażi biss ta’ dan id-dritt, il-kumpens għal dannu li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata pprovduta minn awtorità nazzjonali ta’ dispożizzjoni mhux ambigwa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dan il-kumpens ma jkunx ekwivalenti għall-għoti ta’ vantaġġ li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, ma jkunx ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni u ma jkunx ta’ natura li jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.