EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0120

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Administratīvā rajona tiesa vs Ministru kabinets.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Regolament (KE) Nru 1257/1999 – Artikoli 10 sa 12 – Għajnuna għall-irtirar kmieni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni – Leġiżlazzjoni approvata mill-Kummissjoni Ewropea – Bidla sussegwenti fil-pożizzjoni – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-120/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:638

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Regolament (KE) Nru 1257/1999 – Artikoli 10 sa 12 – Għajnuna għall-irtirar kmieni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni – Leġiżlazzjoni approvata mill-Kummissjoni Ewropea – Bidla sussegwenti fil-pożizzjoni – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑120/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Administratīvā rajona tiesa

vs

Ministru kabinets,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u G. Bambāne, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal stħarriġ ta’ kostituzzjonalità mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), fl-okkażjoni ta’ tilwima bejn diversi persuni privati u l-Lauku atbalsta dienests (is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, il-Latvja), dwar il-validità ta’ ftehimiet irregolati mid-dritt pubbliku dwar l-għoti tal-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-biedja abbażi tal-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1257/1999 kienet tgħid li:

“Billi irtirar kmieni mix-xogħol tal-biedja għandu jkun inkuraġġit sabiex tittejjeb il-vijabbiltà ta’ oqsma agrikoli, billi titqies l-esperjenza meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2079/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna Komunitarja għall-irtirar kmieni mill-biedja (ĠU 1992, L 215, p. 91)]”.

4

Il-Kapitolu IV, intitolat “Irtirar kmieni”, tat-Titolu II, huwa stess intitolat “Miżuri ta’ żvilupp rurali”, tar-Regolament Nru 1257/1999 kien jinkludi l-Artikoli 10 sa 12. L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li:

“Sostenn għal irtirar kmieni mill-biedja tista’ tikkontribwixxi għal dawn l-oġġettivi [l-għanijiet]:

biex jipprovdi dħul għal bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-biedja,

biex jinkoraġġixxi t-tibdil ta’ dawn il-bdiewa anzjani minnn bdiewa li jkunu jistgħu itejbu, fejn meħtieġ, il-vijabbiltà ekonomika tal-kumplament ta’ l-oqsma agrikoli,

li jassenja mill-ġdid l-art għal użu mhux agrikolu meta din ma tkunx tista’ tkun maħduma skond il-kondizzjonijiet sodisfaċenti tal-vijabbiltà ekonomika.”

5

L-Artikolu 11(1) u (5) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li:

“1.   Dak li jittrasferixxi l-azjenda għandu:

iwaqqaf l-attività kummerċjali kollha definittivament; hu jista’, b’danakollu, ikompli b’xogħol tal-biedja li ma jkunx kummerċjali jew li jżomm l-użu tal-bini,

ma jkunx ta’ anqas minn 55 sena imma ma jkunx għadu laħaq l-eta’ ta’ irtirar fiż-żmien tat-trasferiment,

u

ikun ipprattika l-biedja l‑10 snin ta’ qabel it-trasferiment.

[…]

5.   Il-kondizzjonijiet meħtieġa f’dan l-Artikolu għandhom ikunu applikati matul il-perjodu li fih dak li jittrasferixxi jirċievi s-sostenn ta’ l-irtirar kmieni.”

6

Skont l-Artikolu 12(2) tal-istess regolament:

“Id-durata ta’ l-irtirar kmieni m’għandhiex teċċedi il-perjodu totali ta’ 15‑il sena għal dak li jittrasferixxi u 10 snin għal ħaddiem tal-biedja. M’għandhiex tkompli aktar wara l-għeluq tal‑75 sena ta’ dak li jittrasferixxi u ma tmurx aktar mill-età normali ta’ l-irtirar tal-ħaddiem.

Fil-każ ta’ dak li jittrasferixxi l-pensjoni normali ta’ l-irtirar għandha titħallas mill-Istat Membru, sostenn għal irtirar kmieni għandu jingħata bħala suppliment billi jitqies l-ammont tal-pensjoni nazzjonali ta’ l-irtirar.”

7

It-Titolu III tar-Regolament Nru 1257/1999, intitolat “Prinċipji ġenerali, disposizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji”, kien jinkludi l-Artikoli 35 sa 50.

8

Skont l-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa ħalli jassiguraw il-kompatibbiltà u l-konsistenza ta’ miżuri ta’ sostenn għal żvilupp rurali bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet meħtieġa f’dan il-Kapitolu.

2.   Pjanijiet għal żvilupp rurali mibgħuta mill-Istati Membri għandhom jinkludu studju dwar il-kompatibbiltà u l-konsistenza tal-miżuri ta’ sostenn maħsuba u ta’ indikazzjoni tal-miżuri meħuda sabiex tkun assigurata l-kompatibbiltà u l-konsistenza.

3.   Miżuri ta’ sostenn għandhom, fejn meħtieġ, ikunu sussegwentament riveduti ħalli jassiguraw il-kompatibbiltà u l-konsistenza.”

9

L-Artikolu 44(2) tal-istess regolament kien jipprevedi li:

“Il-Kummissjoni għandha tistudja l-pjanijiet proposti ħalli tiddetermina jekk dawn ikunux konsistenti ma’ dan ir-Regolament. Fuq il-bażi tal-pjanijiet, hi għandha tapprova d-dokumenti għal programmazzjoni ta’ żvilupp rurali bi qbil mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 50(2) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31),] fi żmien sitt xhur wara s-sottomissjoni tal-pjanijiet.”

Id-dritt Latvjan

10

Il-Ministru kabinets (il-Kunsill tal-Ministri, il-Latvja) adotta, fit‑30 ta’ Novembru 2004, id-Digriet Nru 1002, dwar il-Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Programmazzjoni “Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Latvja għat-Twettiq tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2004–2006” (Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 193, iktar ’il quddiem il-“Digriet Nru 1002”).

11

Il-punt 9.3 tal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Latvja għat-Twettiq tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2004–2006 (iktar ’il quddiem il-“Pjan ta’ Żvilupp Rurali”) kien jipprevedi l-possibbiltà għall-proprjetarji ta’ azjenda agrikola li jkollhom mill-inqas 55 sena li jittrasferixxu l-azjenda agrikola tagħhom lil terz billi jirċievu għajnuna għall-irtirar kmieni (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għall-irtirar kmieni”), b’kundizzjonijiet għal ammissjoni li kienu jikkorrispondu, fil-parti l-kbira, għal dawk previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999.

12

Il-punt 12.3.2 ta’ dan il-pjan kien jinkludi taqsima intitolata “Irtirar kmieni” fejn il-punt (a) kien jgħid li, fil-każ tal-mewt tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-irtirar kmieni matul il-perjodu li fih ftehim dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni kien fis-seħħ, il-pensjoni tal-irtirar kmieni ta’ kull xhar għall-perijodu li jkun fadal kienet tibqa’ titħallas lill-persuna li d-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħha kienu ġew stabbiliti konformement mad-dritt nazzjonali.

13

Il-punt 1 tad-Digriet Nru 187 tal-Kunsill tal-Ministri, tal‑14 ta’ April 2015, li jemenda d-Digriet Nru 1002 (Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 74, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 187”), neħħa l-possibbiltà ta’ trasferiment causa mortis ta’ din l-għajnuna.

14

Skont il-punt 2 tiegħu, dan id-digriet daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ April 2015.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali, li kien jipprevedi it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

16

L-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ġiet adita minn persuni privati b’talba għall-konstatazzjoni tal-validità ta’ ftehimiet irregolati mid-dritt pubbliku dwar l-għoti tal-għjnuna għall-irtirar kmieni mill-biedja, peress li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 187, is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali kien waqaf milli josserva l-impenji tiegħu dwar it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

17

Din il-qorti tqis li l-adozzjoni tad-Digriet Nru 187 ħolqot sitwazzjoni fejn il-werrieta taċ-ċedent tal-azjenda agrikola jistgħu jitilfu d-dritt li jirċievu l-għajnuna għall-irtirar kmieni, anki f’każijiet meta l-azjenda agrikola tkun ġiet ċeduta lil terz. Peress li la r-Regolament Nru 1257/1999 u lanqas il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali ma kienu jipprojbixxu it-trasferiment tal-azjenda agrikola lill-werrieta taċ-ċedent, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni toħloq favur iċ-ċedent tal-azjenda agrikola u l-werrieta tiegħu aspettattiva leġittima fir-rigward tal-fatt li dawn tal-aħħar setgħu jirtu l-għajnuna għall-irtirar kmieni jekk l-impenji f’dan il-ftehim baqgħu jiġu osservati.

18

Konsegwentement, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) adixxiet lil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) sabiex din tiddeċiedi dwar il-konformità tad-Digriet Nru 187 mal-Artikolu 105 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), li jikkonċerna d-dritt għall-proprjetà.

19

Quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), il-Kunsill tal-Ministri iqis li d-Digriet Nru 187 huwa konformi mal-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni. Huwa jinnota li, fil-laqgħa tiegħu tad‑19 ta’ Ottubru 2011, il-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni kkonkluda li “il-FAEGG ma kienx japplika għat-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni”. Għaldaqstant, dan it-trasferiment ma kienx jikkorrispondi għall-għan stabbilit mir-Regolament Nru 1257/1999. Issa, wieħed mill-għanijiet tad-Digriet Nru 187 jikkonsisti f’li tiġi evitata l-inkompatibbiltà tad-dritt Latvjan mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-regolament kif ukoll mal-prinċipju ta’ użu utli u effikaċji tal-finanzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

20

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li hija ddeċidiet li d-dritt għal għajnuna diretta mill-Istat li tieħu l-forma ta’ somma flus prevista minn att leġiżlattiv jaqa’ taħt l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni.

21

Hija tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1257/1999 kienx jipprojbixxi l-inklużjoni fid-dritt Latvjan ta’ dispożizzjoni dwar it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni jew jekk kienx ħalla marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dan ir-rigward. Hija tinnota, madankollu, li l-kundizzjonijiet ta’ ġbir ta’ din l-għajnuna, stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 ta’ dan ir-regolament, juru n-natura personali tal-imsemmija għajnuna u li l-werrieta ta’ ċedent ta’ azjenda agrikola ma humiex partijiet fil-ftehim dwar l-għoti ta’ tali għajnuna.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva madankollu li, fir-Regolament Nru 1257/1999, kien hemm riferiment għall-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 2079/92. Il-funzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar kien li jiġi żgurat dħul għall-bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-attività agrikola tagħhom. Għalhekk, it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni jista’ jkun ta’ inċentiv għall-bdiewa sabiex jipparteċipaw fil-miżura ta’ rtirar kmieni.

23

Minn dan hija tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999 dwar l-irtirar kmieni ma setgħux jitqiesu li jinvolvu obbligi ċari u preċiżi u li jistgħu jitqiesu li jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

24

Hija tenfasizza wkoll l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-agrikoltura.

25

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Kummissjoni adottat, fit‑30 ta’ Lulju 2004, deċiżjoni li tapprova l-Pjan ta’ Żvilupp Rurali u li għalhekk approvat id-dispożizzjoni dwar it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

26

Din il-qorti tindika, madankollu, li, fid‑19 ta’ Ottubru 2011, il-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni kkonkluda, fir-rigward tar-Regolament li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1257/1999, li t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli dak iż-żmien, liema pożizzjoni ġiet affermata mill-ġdid fl‑2015.

27

Hija tesprimi d-dubji tagħha dwar l-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Mejju 2015, li tgħid li għandu jkun ċar għall-Istati Membri kollha li l-ħlasijiet tal-għajnuna għall-irtirar kmieni ma jistgħux jiġu ittrasferiti lill-werrieta taċ-ċedent tal-azjenda agrikola u li ma kienx iktar possibbli, mid‑19 ta’ Ottubru 2011, li tiġi invokata aspettattiva leġittima, liema data għandha titqies li hija d-data ta’ skadenza għal impenn ġdid.

28

Għalhekk, hija tistaqsi jekk il-kawża mressqa quddiemha ma tikkostitwixxix każ fejn il-prattika mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni ta’ Stat Membru setgħet tipproduċi effetti legali, peress li bidwi, parti fi ftehim dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni, ma setax ikollu għarfien ta’ żball eventwali ta’ dak l-Istat Membru u tal-Kummissjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fil-qasam tal-agrikoltura, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999, fid-dawl ta’ wieħed mill-objettivi tiegħu – li l-bdiewa jipparteċipaw fil-miżura ta’ irtirar kmieni mill-attività agrikola – għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, huwa pprojbit li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti li tintiret l-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-attività agrikola?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta affermattiva, jiġifieri jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprekludu[…] li tista’ tintiret l-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-attività agrikola, f’sitwazzjoni fejn dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru tqieset mill-Kummissjoni […] bħala konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999, u l-bdiewa pparteċipaw fil-miżura ta’ irtirar kmieni mill-attività agrikola skont il-prattika nazzjonali, huwa possibbli li nkiseb dritt suġġettiv għall-wirt tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din il-miżura?

3)

Fil-każ li t-tieni domanda preliminari tingħata risposta affermattiva, jiġifieri jekk huwa possibbli li nkiseb tali dritt suġġettiv, jista’ jitqies li l-konklużjoni milħuqa fid-19 ta’ Ottubru 2011 fil-laqgħa tal-Kumitat għall-iżvilupp rurali tal-Kummissjoni […] li tipprevedi li l-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-attività agrikola ma tistax tingħadda lill-werrieta taċ-ċessjonarju [ċedent] tar-razzett, tikkostitwixxi bażi għat-tmiem antiċipat tad-dritt suġġettiv miksub imsemmi iktar ’il fuq?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-artikoli, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jippermettu t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje, C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 35, u tat‑30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 18).

32

Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil kull Stat Membru (sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje, C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 36, u tat‑30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 19).

33

F’dan il-każ, it-Titolu II tar-Regolament Nru 1257/1999, intitolat “Miżuri ta’ żvilupp rurali”, jinkludi l-Kapitolu IV, huwa stess intitolat “Irtirar kmieni”, li jiddefinixxi, fl-Artikoli 10 sa 12 ta’ dan ir-regolament, l-għanijiet, il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-elementi prinċipali tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni, mogħtija lil bidwi anzjan inkambju għat-trasferiment tal-azjenda agrikola tiegħu.

34

Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-artikoli ma jipprevedux l-ipoteżi tal-mewt tal-benefiċjarju ta’ din il-miżura. B’mod partikolari, huma la ma jippermettu u lanqas ma jipprojbixxu l-possibbiltà ta’ trasferiment causa mortis tad-dritt li wieħed jirċievi l-għajnuna għall-irtirar kmieni.

35

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2014, Feakins, C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 35, u tat‑12 ta’ Novembru 2015, Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB, C‑103/14, EU:C:2015:752, punt 93).

36

F’dan il-każ, ċerti elementi tal-formulazzjoni tal-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999, moqrija b’mod iżolat, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, jipprevedu t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

37

Għaldaqstant, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li din l-għajnuna għandha, b’mod partikolari, l-għan li tipprovdi dħul għall-bdiewa anzjani li jiddeċiedu jieqfu mill-attività agrikola. Bħala miżura li toffri inċentiv għall-waqfien ta’ tali attività, l-għajnuna għall-irtirar kmieni tista’ titqies, f’dan ir-rigward, li tkun tista’ tissodisfa aħjar dan l-għan li kieku kien possibbli, fil-każ tal-mewt taċ-ċedent tal-azjenda agrikola, li din tiġi ttrasferita lill-werrieta tiegħu.

38

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-ħlas tal-imsemmija għajnuna ma għandhiex teċċedi perijodu totali ta’ ħmistax-il sena, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, jista’ jinftiehem, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li jistabbilixxi limitu fir-rigward kemm taċ-ċedent kif ukoll tal-werrieta tiegħu, peress li ma jirreferi għal ebda karatteristika inerenti għaċ-ċedent.

39

Madankollu, minkejja dawn l-elementi, mill-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999, moqrija fid-dawl tal-għanijiet tal-miżura ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni li huma jistabbilixxu, jirriżulta li din hija suġġetta għal kundizzjonijiet li huma strettament personali għaċ-ċedent tal-azjenda agrikola u li, għaldaqstant, dawn l-artikoli għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jippermettux lill-Istati Membri jipprevedu t-trasferiment causa mortis tal-imsemmija għajnuna.

40

Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, kundizzjonijiet li huma kollha marbuta mal-persuna taċ-ċedent tal-azjenda agrikola. Dan japplika ukoll għall-obbligu li jieqaf definittivament minn kull attività agrikola għal finijiet kummerċjali, li jkollu mill-inqas 55 sena, mingħajr ma jkun għadu laħaq l-età normali ta’ irtirar fil-mument tat-trasferiment, u li jkun eżerċita l-attività agrikola għal għaxar snin qabel it-trasferiment. L-Artikolu 11 jipprovdi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, li l-benefiċjarju tal-għajnuna għall-irtirar kmieni, jiġifieri ċ-ċedent tal-azjenda agrikola, għandu josserva dawn il-kundizzjonijiet għall-perijodu kollu li matulu huwa jibbenefika minn din l-għajnuna.

41

It-tieni nett, għalkemm jistabbilixxi tul massimu ta’ ħmistax-il sena għall-ħlas tal-għajnuna għall-irtirar kmieni, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprevedi wkoll it-tieni limitu ratione temporis, jiġifieri li l-ħlas ma jkomplix wara li ċ-ċedent tal-azjenda agrikola jagħlaq ħamsa u sebgħin sena. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti dritt inkundizzjonat għall-ħlas tal-għajnuna matul perijodu ta’ ħmistax-il sena. Fil-fatt, hija mhux biss tenfasizza n-natura temporanja ta’ din l-għajnuna, iżda timplika a fortiori li l-mewt taċ-ċedent tal-azjenda agrikola jtemm il-ħlas tagħha.

42

It-tielet nett, l-għanijiet tar-Regolament Nru 1257/1999 iwasslu wkoll sabiex jitqies li l-għajnuna għall-irtirar kmieni ma tistax tkun is-suġġett ta’ trasferiment causa mortis.

43

Fil-fatt, qabelxejn, l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi diversi għanijiet għall-miżura ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni, jiġifieri li tipprovdi dħul għal bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-attività agrikola, li tiffavorixxi s-sostituzzjoni ta’ bdiewa anzjani bi bdiewa li jkunu jistgħu itejbu, fejn meħtieġ, il-vijabbiltà tal-kumplament tal-azjendi agrikoli u li tassenja mill-ġdid l-art agrikola għal użu mhux agrikolu, meta din ma tkunx tista’ tkun maħduma f’kundizzjonijiet sodisfaċenti tal-vijabbiltà ekonomika.

44

Sussegwentement, mill-eżistenza ta’ dawn id-diversi għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq iħeġġeġ l-irtirar kmieni fis-settur agrikolu bil-għan li tittejjeb il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u li jingħata inċentiv ekonomiku għall-bdiewa anzjani sabiex itemmu l-attivitajiet tagħhom qabel iż-żmien u f’ċirkustanzi li fihom huma normalment ma jagħmlux hekk, peress li s-suppliment għall-pensjoni tal-irtirar jew id-dħul addizzjonali huwa biss waħda mill-konsegwenzi tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑210/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:529, punt 39).

45

Minn dan isegwi li, minn naħa, l-għajnuna għall-irtirar kmieni jingħata liċ-ċedent tal-azjenda agrikola taħt kundizzjonijiet li huma strettament personali u, min-naħa l-oħra, l-għan determinanti ta’ din l-għajnuna ma huwiex li jiġi ssupplimentat id-dħul ta’ dan iċ-ċedent. Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura personali tagħha, din l-għajnuna ma tistax tiġi ttrasferita lill-werrieta taċ-ċedent tal-azjenda agrikola fil-każ li huwa jmut.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-artikoli, l-Istati Membri jadottaw miżuri li jippermettu t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

47

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandux jiġi interpretat fis-sens li regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet tipprevedi t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni u li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni bħala konformi mar-Regolament Nru 1257/1999, ħolqot aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna, u, jekk iva, jekk konklużjoni bħal dik imsemmija fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2011, li tgħid li din l-għajnuna ma hijiex trasferibbli causa mortis, temmitx dawn l-aspettattivi leġittimi.

48

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, minn naħa, li, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, inkluż fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 31, kif ukoll tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 54).

49

Minn dan isegwi li, fl-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-irtirar kmieni prevista fl-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

50

Min-naħa l-oħra, id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva nazzjonali tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatu (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 44, u tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Santogal M-Comércio e Reparação de Automóveis, C‑26/16, EU:C:2017:453, punt 76).

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti tal-awtorità amministrattiva jkunux ħolqu aspettattivi raġonevoli f’moħħ l-individwu u, jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ dawn l-aspettattivi (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 32, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 45).

52

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan individwu li jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑1 ta’ April 1993, Lageder et, C‑31/91 sa C‑44/91, EU:C:1993:132, punt 35; tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 69).

53

Fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti tal-awtoritajiet Latvjani, jiġifieri d-Digriet Nru 1002 u l-ftehimiet dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni mis-Servizz ta’ Appoġġ Rurali ħolqux aspettattivi raġonevoli f’moħħ il-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni, fir-rigward tal-fatt li din tal-aħħar kienet trasferibbli causa mortis.

54

L-ewwel nett, mill-eżami tal-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999 bl-ebda mod ma jippreċiżaw jekk huwa possibbli għal Stat Membru li jipprevedi, għall-implimentazzjoni tagħhom, it-trasferiment causa mortis tad-dritt li wieħed jirċievi l-għajnuna għall-irtirar kmieni.

55

Għaldaqstant, l-imsemmija Artikoli 10 sa 12 ma jistgħux jitqiesu li huma dispożizzjonijiet preċiżi tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-persuni li jibbenefikaw mid-drittijiet li huma jistabbilixxu setgħu jifhmu mingħajr ambigwità li dawn jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprevedu t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

56

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1257/1999, il-Kummissjoni, fit‑30 ta’ Lulju 2004, approvat il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali, li kien jipprevedi li l-għajnuna għall-irtirar kmieni kien trasferibbli causa mortis.

57

Issa, skont l-Artikolu 44(2), il-Kummissjoni kienet tevalwa l-pjanijiet sottomessi lilha skont il-koerenza tagħhom mar-Regolament Nru 1257/1999, liema fatt kien jimplika eżami tal-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet, sabiex tivverifika l-koerenza tiegħu mad-diversi kundizzjonijiet u obbligi stabbiliti minn dan ir-regolament.

58

F’dan il-każ, kien wara l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali mill-Kummissjoni li l-awtoritajiet Latvjani adottaw id-Digriet Nru 1002, dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-pjan, u b’hekk introduċew, fil-punt (a) tat-taqsima intitolata “Irtirar kmieni” tal-punt 12.3.2(a) tal-imsemmi pjan, it-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni.

59

Barra minn hekk, l-iffirmar tal-ftehimiet dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni mis-Servizz ta’ Appoġġ Rurali seta’ biss isaħħaħ l-aspettattivi kemm tal-bdiewa, kofirmatarji ta’ dawn il-ftehimiet, kif ukoll tal-werrieta dwar il-legalità tat-trasferiment causa mortis ta’ din l-għajnuna prevista mid-Digriet Nru 1002.

60

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li għaddew iktar minn seba’ snin bejn id-data li fiha l-Kummissjoni approvat il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali, jiġifieri t‑30 ta’ Lulju 2004, u d‑19 ta’ Ottubru 2011, f’liema data l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni kkonkluda li “il-FAEGG ma kienx japplika għat-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni”. Id-dekorrenza ta’ tali terminu qabel ma l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999 ġew interpretati fis-sens li jipprojbixxu t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni kienet ta’ natura li ssaħħaħ l-aspettattivi tal-werrieta dwar il-legalità ta’ tali trasferiment previst mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali.

61

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti tal-awtoritajiet Latvjani, jiġifieri d-Digriet Nru 1002 u l-ftehimiet dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni mis-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, ħolqu aspettattivi raġonevoli f’moħħ il-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni, fir-rigward tal-fatt li din kienet trasferibbli causa mortis.

62

Fit-tieni lok, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jekk l-aspettattivi ta’ dawn il-werrieta fir-rigward tal-possibbiltà li l-għajnuna għall-irtirar kmieni tiġi ttrasferita causa mortis humiex leġittimi.

63

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura leġittima tal-aspettattivi għandha tiġi rrikonoxxuta meta l-individwu, li jinvokaha, jinsab f’sitwazzjoni partikolari, li jistħoqqilha l-protezzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64

Fil-fatt, il-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw minn għajnuna għall-irtirar kmieni kienu jnisslu d-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-kontenut tagħha kien ġie approvat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Lulju 2004 u li minnha ma jirriżultax b’mod ċar li, minkejja tali approvazzjoni, din il-leġiżlazzjoni kienet tikser l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1257/1999. Barra minn hekk, dawn id-drittijiet ta’ suċċessjoni kienu ġew ikkonkretizzati fil-ftehimiet dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni, li ġew konklużi bejn servizz awtorizzat li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat għall-għoti ta’ din l-għajnuna, is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, u l-bdiewa li ċedew l-azjendi agrikoli tagħhom inkambju għall-għajnuna għall-irtirar kmieni, f’liema ftehimiet il-werrieta ma kinux parti.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aspettattivi raġonevoli li setgħu kellhom dawn il-werrieta fir-rigward tal-legalità tad-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom għandhom natura leġittima.

66

Fit-tielet lok, għandu ċertament jitfakkar li, kif innota l-Gvern Latvjan, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Elbertsen, C‑449/08, EU:C:2009:652, punt 45, u tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09, EU:C:2012:385, punt 180).

67

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jistax jiġi invokat bħala protezzjoni kontra l-effetti tal-emenda leġiżlattiva introdotta permezz tad-Digriet Nru 187. Hija tistaqsi biss jekk il-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi għall-perijodu qabel it‑30 ta’ April 2015, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

68

Għalhekk, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza ma tistax taffettwa r-risposta li għandha tingħata lil din il-qorti.

69

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni, adottati waqt il-laqgħa tad‑19 ta’ Ottubru 2011, fuq l-aspettattivi leġittimi li jistgħu jiġu invokati mill-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni.

70

Issa, mill-proċess jirriżulta li dawn il-konklużjonijiet ġew indirizzati lill-Istati Membri biss u li, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Latvja, dawn ma kinux wasslu għal emenda fil-leġiżlazzjoni li tipprevedi t-trasferiment causa mortis tal-għajnuna għall-irtirar kmieni qabel l-adozzjoni tad-Digriet Nru 187, fl‑14 ta’ April 2015.

71

Barra minn hekk, jidher li l-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni la ma kienu jafu dwar il-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni u lanqas dwar il-konklużjonijiet li wasal għalihom tali kumitat.

72

Barra minn hekk, ma jistax jiġi mistenni minn dawn il-werrieta li jkunu diliġenti biżżejjed sabiex jinformaw ruħhom, fuq inizjattiva tagħhom, dwar il-kontenut ta’ dawn l-istess konklużjonijiet.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet adottati waqt l-istess laqgħa ma jistax ikollhom effett fuq l-aspettattivi leġittimi li jistgħu jiġu invokati mill-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar kmieni.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni u li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni bħala konformi mar-Regolament Nru 1257/1999, ħolqot aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna, u li konklużjoni bħal dik imsemmija fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2011, li tgħid li l-imsemmija għajnuna ma hijiex trasferibbli causa mortis, ma temmitx dawn l-aspettattivi leġittimi.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-artikoli, l-Istati Membri jadottaw miżuri li jippermettu t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-trasferiment causa mortis ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni u li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni bħala konformi mar-Regolament Nru 1257/1999, ħolqot aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-werrieta tal-bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna, u li konklużjoni bħal dik imsemmija fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2011, li tgħid li l-imsemmija għajnuna ma hijiex trasferibbli causa mortis, ma temmitx dawn l-aspettattivi leġittimi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top