SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) – Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data – Projbizzjoni, għal kontrollur jew proċessur, li jneħħi lil uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-funzjonijiet tiegħu jew li jippenalizzah minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu – Bażi legali – Artikolu 16 TFUE – Rekwiżit ta’ indipendenza funzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fl-assenza ta’ raġuni serja”
Fil-Kawża C‑534/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
Leistritz AG
vs
LH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi) u P. G. Xuereb, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Novembru 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Leistritz AG, minn O. Seeling u C. Wencker, Rechtsanwälte, |
– |
għal LH, minn S. Lohneis, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. K. Costanzo, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, bħala aġent, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn O. Hrstková Šolcová, P. López-Carceller u B. Schäfer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn T. Haas u K. Pleśniak, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ‘il quddiem ir-“RĠPD”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Leistritz AG u LH, li kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ delega tal-protezzjoni tad-data fi ħdan din il-kumpannija, dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, immotivata minn organizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-imsemmija kumpannija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 10 u 97 tar-RĠPD jistipulaw:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 37 tar-RĠPD, intitolat “Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”, jaqra kif ġej: “1. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi kwalunkwe każ fejn:
[…] 6. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jkun parti mill-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur, jew iwettaq il-kompiti tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ servizz. […]” |
5 |
L-Artikolu 38 tar-RĠPD, intitolat “Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu: “3. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jirċievi l-ebda istruzzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ dawk il-kompiti. Ma għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jirrapporta b’mod dirett lill-ogħla livell ta’ maniġment tal-kontrollur jew tal-proċessur. […] 5. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jkunu marbut b’segretezza jew b’kunfidenzjalità dwar il-qadi ta’ dmirijietu, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.” |
6 |
L-Artikolu 39 tar-RĠPD, intitolat “Kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1(b) tiegħu: “L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jkollu mill-inqas il-kompiti li ġejjin: […]
[…]” |
Id‑dritt Ġermaniż
7 |
L-Artikolu 6 tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data) tal‑20 ta’ Diċembru 1990 (BGB1. 1990 I, p. 2954), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑25 ta’ Mejju 2018 sal‑25 ta’ Novembru 2019 (BGB1. 2017 I, p. 2097) (iktar ’il quddiem il-“BDSG”), intitolat “Funzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “L-uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu biss fil-kuntest ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 626 tal-Bürgerliches Gesetzbuch [(il-Kodiċi Ċivili)], fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit‑2 ta’ Jannar 2002 (BGB1. 2002 I, p. 42, u rettifiki BGB1. 2002 I, p. 2909 u BGB1. 2003 I, p. 738). It-tkeċċija ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data hija illegali, sakemm il-fatti ma jawtorizzawx lill-organu pubbliku jipproċedi bit-tkeċċija tiegħu(tagħha) għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż. Wara t-terminazzjoni tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data, it-tkeċċija hija illegali għal sena, sakemm l-organu pubbliku ma jkunx awtorizzat jipproċedi bit-tkeċċija għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż”. |
8 |
L-Artikolu 38 tal-BDSG, intitolat “Uffiċjali tal-protezzjoni tad-data ta’ organi mhux pubbliċi”, jipprevedi: “(1) B’żieda mal-Artikolu 37(1)(b) u (c) tar-[RĠPD], il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data normalment meta jimpjegaw tal-inqas għaxar persuni assenjati b’mod permanenti għall-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. […] (2) L-Artikolu 6(4), it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 6(6) huma applikabbli; madankollu, l-Artikolu 6(4) japplika biss meta l-ħatra ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data hija obbligatorja”. |
9 |
L-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit‑2 ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), intitolat “Projbizzjoni legali”, huwa fformulat kif ġej: “Kull att ġuridiku li jmur kontra projbizzjoni legali huwa null sa fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”. |
10 |
L-Artikolu 626 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Xoljiment mingħajr preavviż għal raġuni serja”, jipprovdi: “(1) Kull parti għall-kuntratt tista’ xxolji r-relazzjoni ta’ xogħol għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż meta, minħabba ċerti fatti, it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol sal-iskadenza tal-perijodu ta’ preavviż jew sat-tmiem miftiehem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma tistax tkun meħtieġa mill-parti li xxolji, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u fid-dawl tal-interessi taż-żewġ partijiet għall-kuntratt. (2) Ix-xoljiment jista’ jseħħ biss f’terminu ta’ ġimagħtejn. It-terminu jibda mill-mument li fih il-parti li tista’ tipproċedi bix-xoljiment issir taf bil-fatti rilevanti għax-xoljiment […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
Leistritz hija kumpannija rregolata mid-dritt privat, li għandha l-obbligu li taħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt Ġermaniż. LH eżerċitat, ma’ din il-kumpannija, il-funzjonijiet ta’ “kap tad-dipartiment tal-affarijiet legali” mill‑15 ta’ Jannar 2018 u ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill‑1 ta’ Frar 2018. |
12 |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2018, Leistritz keċċiet lil LH bi preavviż, b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2018, billi invokat miżura ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-kumpannija, li fil-kuntest tagħha l-attività interna ta’ konsulenza legali u s-servizz ta’ protezzjoni tad-data kienu esternalizzati. |
13 |
Il-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu aditi minn LH bil-kontestazzjoni tal-validità tat-tkeċċija tagħha ddeċidew li din it-tkeċċija kienet invalida peress li, konformement mad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 38(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-BDSG, LH setgħet biss, minħabba l-kwalità tagħha ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, titkeċċa mingħajr preavviż għal raġuni serja. Madankollu, il-miżura ta’ ristrutturazzjoni deskritta minn Leistritz ma tikkostitwixxix tali raġuni. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju, adita bir-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Leistritz, tosserva li, skont id-dritt Ġermaniż, it-tkeċċija ta’ LH hija nulla b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili. Madankollu, hija tirrileva li l-applikabbiltà tal-Artikolu 38(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-BDSG tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD jawtorizzawx leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma huwiex il-każ, hija jkollha tilqa’ r-rikors għal reviżjoni. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dubji tagħha huma b’mod partikolari sostnuti bl-eżistenza ta’ diverġenza dottrinali nazzjonali. Minn naħa, l-opinjoni tal-maġġoranza tqis li l-protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija prevista mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 38(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-BDSG tikkostitwixxi regola sostantiva tad-dritt industrijali li fir-rigward tagħha l-Unjoni ma għandhiex kompetenza leġiżlattiva, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jmorrux kontra t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tal-RĠPD. Min-naħa l-oħra, skont il-proponenti tal-opinjoni minoritarja, ir-rabtiet bejn din il-protezzjoni u l-funzjoni ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jidħlu f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni u jqajmu pressjoni ekonomika sabiex jinżamm għal żmien twil uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ladarba dan ikun ġie nnominat. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
17 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kontrollur jew proċessur ma jistgħux jkeċċu uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li huwa membru tal-persunal tagħhom ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-kompiti ta’ dan l-uffiċjal. |
18 |
Bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 38(3) tar-RĠPD jipprovdi, fit-tieni sentenza tiegħu, li “[l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] [m]a għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu”. |
20 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-RĠPD ma jiddefinixxix it-termini “jitkeċċa”, “ippenalizzat” u “minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu”, li jinsabu f’din it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3). |
21 |
Madankollu, l-ewwel, konformement mas-sens ta’ dawn it-termini fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-projbizzjoni imposta fuq il-kontrollur jew il-proċessur li jkeċċi lil uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-funzjonijiet tiegħu jew li jippenalizzah tfisser, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 24 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan l-uffiċjal għandu jiġi protett kontra kull deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-funzjonijiet tiegħu, li permezz tagħha huwa jsofri żvantaġġ jew li tikkostitwixxi sanzjoni. |
22 |
F’dan ir-rigward, tista’ tikkostitwixxi tali deċiżjoni miżura ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li tittieħed mill-persuna li timpjegah u li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol eżistenti bejn dan l-uffiċjal u din il-persuna li timpjega kif ukoll, għaldaqstant, anki l-funzjoni ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi ħdan l-impriża kkonċernata. |
23 |
It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD tapplika mingħajr distinzjoni kemm għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li huwa membru tal-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur kif ukoll għal dak li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu abbażi ta’ kuntratt ta’ servizz konkluż ma’ dawn tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 37(6) tar-RĠPD. |
24 |
Minn dan isegwi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD hija intiża li tapplika għar-relazzjonijiet bejn uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u kontrollur jew proċessur, indipendentement min-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol li tgħaqqad lil dan l-uffiċjal ma’ dawn tal-aħħar. |
25 |
It-tielet, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi limitu li jikkonsisti, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’li tipprojbixxi t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal raġuni bbażata fuq it-twettiq tal-kompiti tiegħu, li jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 39(1)(b) tar-RĠPD, il-kontroll tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt tal-Istati Membri fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data kif ukoll tar-regoli interni tal-kontrollur jew tal-proċessur fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali. |
26 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-għan imfittex mit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel, li l-premessa 97 ta’ dan tal-aħħar tistabbilixxi li l-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data, kemm jekk huma impjegati tal-kontrollur kif ukoll jekk ma humiex, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw il-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom b’indipendenza sħiħa. F’dan ir-rigward, tali indipendenza għandha neċessarjament tippermettilhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom konformement mal-għan tar-RĠPD, li huwa intiż, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta mill-premessa 10 tiegħu, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni u, għal dan l-għan, li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġena tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 207 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
It-tieni, l-għan intiż li tiġi żgurata l-indipendenza funzjonali tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD, jirriżulta wkoll minn dawn l-ewwel u t-tielet sentenzi ta’ dan l-Artikolu 38(3), li jimponu li dan l-uffiċjal ma jirċievi ebda struzzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u għandu jirrapporta direttament lill-ogħla livell tal-amministrazzjoni tal-kontrollur jew tal-proċessur, kif ukoll mill-imsemmi Artikolu 38(5), li jipprevedi, fir-rigward ta’ dan l-eżerċizzju, li l-imsemmi uffiċjal huwa suġġett għas-sigriet professjonali jew għal obbligu ta’ kunfidenzjalità. |
28 |
Għalhekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD, billi tipproteġi lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data minn kull deċiżjoni li ttemm il-funzjonijiet tiegħu, iġġiegħlu jsofri żvantaġġ jew li tikkostitwixxi sanzjoni, meta tali deċiżjoni tkun marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, għandha titqies li hija intiża essenzjalment li tippreżerva l-indipendenza funzjonali tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u, għaldaqstant, li tiggarantixxi l-effettività tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tirregola globalment ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn kontrollur jew proċessur u membri tal-persunal tiegħu, li jistgħu jiġu affettwati biss b’mod anċillari, sa fejn strettament neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. |
29 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fit-tielet lok, mill-kuntest li tidħol fih l-imsemmija dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-bażi legali li abbażi tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-RĠPD. |
30 |
Fil-fatt, mill-preambolu tar-RĠPD isegwi li dan ġie adottat abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi b’mod partikolari li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar, minn naħa, il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-moviment liberu ta’ din id-data. |
31 |
Min-naħa l-oħra, ’il barra mill-protezzjoni speċifika tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD, l-iffissar ta’ regoli dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data impjegat minn kontrollur jew minn proċessur la jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u lanqas taħt il-moviment liberu ta’ din id-data, iżda fil-qasam tal-politika soċjali. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 4(2)(b) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-politika soċjali, għall-aspetti ddefiniti fit-Trattat FUE, kompetenza kondiviża, fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, kif jispeċifika l-Artikolu 153(1)(d) TFUE, l-Unjoni ssostni u tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 47). |
33 |
Madankollu, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 153(2)(b) TFUE, huwa permezz ta’ direttivi li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti minimi f’dan ir-rigward, liema rekwiżiti minimi ma jistgħux, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-Artikolu 153(4) TFUE, jipprekludu lil Stat Membru milli jżomm jew jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti, kompatibbli mat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 48). |
34 |
Minn dan isegwi, bħalma enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kull Stat Membru huwa liberu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu adottata, li jipprevedi dispożizzjonijiet partikolari iktar protettivi fil-qasam tat-tkeċċija tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, b’mod partikolari mat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tiegħu. |
35 |
B’mod partikolari, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali protezzjoni ikbar ma tistax tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tar-RĠPD. Issa, dan ikun il-każ jekk din tkun tipprekludi kull tkeċċija, minn kontrollur jew minn proċessur, ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li ma jkollux iktar il-kwalitajiet professjonali meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu jew li ma jwettaqx dawn il-funzjonijiet konformement mad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-RĠPD għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kontrollur jew proċessur ma jistax ikeċċi uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li huwa membru tal-persunal tiegħu ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċjal, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tikkompromettix it-twettiq tal-għanijiet tar-RĠPD. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
37 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kontrollur jew proċessur ma jistax ikeċċi uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li huwa membru tal-persunal tiegħu ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċjal, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tikkompromettix it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.