SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Skema ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku – Chalets u refuġji mingħajr network tal-elettriku – Awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Skadenza”

Fil-Kawżi magħquda C‑102/21 u C‑103/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (il-Qorti Amministrattiva, Sezzjoni Awtonoma tal-provinċja ta’ Bolzano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Frar 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Frar 2021, fil-proċeduri

KW (C‑102/21),

SG (C‑103/21)

vs

Autonome Provinz Bozen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KW, minn St. Pittracher u H. Wild, Rechtsanwälte,

għal SG, minn M. Durnwalder, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Kovács u C-M. Carrega, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 5048 final tal‑25 ta’ Lulju 2012, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat SA.32113 (2010/N) – Italja: Skema ta’ għajnuna dwar iffrankar tal-enerġija, sistemi ta’ tisħin distrettwali u elettrifikazzjoni ta’ żoni remoti fl-Alto Adige/Tirolo del Sud (ĠU 2013, C 1, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, KW (Kawża C‑102/21) u SG (Kawża C 103/21), u, min-naħa l-oħra, l-Autonome Provinz Bozen (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja), dwar ir-rimbors tal-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku mogħtija minn din tal-aħħar b’applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 651/2014

3

L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), intitolat “L-għajnuna għall-investiment għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, jipprevedi:

“1.   L-għajnuna għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u f’Kapitolu I jiġu ssodisfati.

[…]

7.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx:

a)

il-45 % tal-ispejjeż eliġibbli jekk l-ispejjeż eliġibbli huma kkalkulati abbażi tal-punt (6)(a) jew il-punt (6)(b);

b)

it-30 % tal-ispejjeż eliġibbli jekk l-ispejjeż eliġibbli huma kkalkulati abbażi tal-punt punt (6)(c).

8.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta’ daqs medju.

[…]”

Ir-Regolament 2015/1589

4

Skont il-premessa 28 tar-Regolament 2015/1589:

“L-użu ħażin tal-għajnuna jista’ jkollu effetti fuq il-funzjonament tas-suq intern li huma simili għal dawk ta’ għajnuna kontra l-liġi u b’hekk għandhom ikunu trattati skont proċeduri simili. B’differenza mill-għajnuna kontra l-liġi, l-għajnuna li possibilment tkun intużat ħażin, hi għajnuna li preċdentement tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għandhiex titħalla tuża inġunzjoni ta’ rkupru fir-rigward ta’ użu ħażin tal-għajnuna.”

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589 intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b) ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

[…]

(ii) għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

c) ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]

‘għajnuna kontra l-liġi’ tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni tal-Artikolu 108(3) […]TFUE;

g) ‘użu ħażin ta’ għajnuna’ tfisser għajnuna wżata mill-benefiċjarju f’kontravenzjoni ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 7(3) jew (4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 [tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)] jew Artikolu 4(3) jew Artikolu 9(3) jew (4) ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

6

L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni” jipprevedi:

“Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) […] TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (“deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it- [Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet applikata.”

7

L-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Inġunzjoni għas-sospenjoni jew rkupru provviżorju ta’ għajnuna” jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jirkupra proviżjorjament kull għajnuna kontra l-liġi sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern (“inġunzjoni ta’ rkupru”), jekk ikunu sodisfatti l-kriterji li ġejjin:[…]

[…]”

8

L-Artikolu 16(1) ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (“deċiżjoni għall-rkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni.”

9

L-Artikolu 20 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Użu ħażin ta’ għajnuna” jipprevedi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 28, il-Kummissjoni tista, f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6 sa 9, 11 u 12, l-Artikolu 13(1) u l-Artikoli 14 sa 17 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Id-dritt Taljan

10

L-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża hija bbażata fuq il-Landesgesetz nr. 9, Bestimmungen im Bereich der Energieeinsparung, der erneuerbaren Energiequellen und des Klimaschutzes (il-Liġi Provinċjali Nru 9 tas‑7 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-iffrankar ta’ enerġija, tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u tal-protezzjoni tal-klima) tas‑7 ta’ Lulju 2010 li tipprevedi, fost affarijiet oħra, l-għoti ta’ sussidji, b’limitu ta’ 80 % tal-ispejjeż tal-investiment, għall-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, intiża għall-konsum proprju, meta l-konnessjoni man-network tal-elettriku ma tistax titwettaq mingħajr sforz tekniku u finanzjarju adegwat minħabba s-sitwazzjoni ġeografika.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis‑17 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Taljana kkomunikat lill-Kummissjoni l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema.

Il-Kawża C‑102/21

12

KW huwa proprjetarju ta’ chalet li jinsab f’żona fil-muntanji tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, li ma hijiex konnessa man-network tal-elettriku pubbliku minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha.

13

Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Jannar 2018, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano allokat lil KW sussidju ta’ EUR 144634, li jikkorrispondi għal 80 % tal-ispejjeż ammissibbli ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ impjant mikro tal-idroelettriku intiż għall-provvista personali tiegħi, b’applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

14

Sussegwentement il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano informat lil KW li peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża skadiet fil‑31 ta’ Diċembru 2016, l-għoti ta’ sussidju għall-proġett tiegħu kellu jkun konformi mar-Regolament Nru 651/2014, li jillimita l-livell awtorizzat għal 65 % tal-ispejjeż ammissibbli.

15

Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Jannar 2020, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano rtirat parzjalment id-deċiżjoni tagħha tal-għoti ta’ sussidju lil KW u naqqset l-ammont tiegħu għal EUR 113 257.09 b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 651/2014.

16

Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano talbet lil KW ir-rimbors tal-ammont tal-għajnuna żejda rċevuta, jiġifieri EUR 27 712.91, flimkien mal-interessi.

17

KW adixxa lill-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (il-Qorti Amministrattiva, Sezzjoni Awtonoma tal-Provinċja ta’ Bolzano, l-Italja), b’talba għal annullament ta’ dawn il-miżuri.

18

Din il-qorti tqis li t-tilwima fil-kawżi prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk is-sussidju mogħti lil KW jikkostitwixxix għajnuna “eżistenti” fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fid-data tal-għoti ta’ dan is-sussidju, l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 kinitx għada fis-seħħ.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk dan ma jkunx il-każ, is-sussidju mogħti lil KW ikun jikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni ħażina ta’ għajnuna u jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li kienet il-Kummissjoni li kellha titlob l-irkupru tagħha.

20

Hija żżid li għandu jiġi eżaminat ukoll jekk is-sussidju mogħti lil KW jistax jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE.

21

Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (il-Qorti Amministrattiva, Sezzjoni Awtonoma tal-Provinċja ta’ Bolzano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-għajnuna awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [tal‑25 ta’ Lulju 2012] għall-finanzjament ta’ 80 % tal-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, intiża sabiex tiġi kkonsmata minn chalets u refuġji li jinsabu f’żona ta’ muntanja għolja li l-konnessjoni tagħhom man-netwerk tal-elettriku ma tistax issir mingħajr sforz tekniku u finanzjarju adegwat, skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2016?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

a)

L-Artikolu 20 tar-Regolament [2015/1589] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ rkupru qabel ma l-awtoritajiet tal-Istat jieħdu miżuri?

b)

L-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE] sa fejn tippermetti li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?”

Il-Kawża C‑103/21

22

SG huwa proprjetarju ta’ chalet li jinsab f’żona fil-muntanji tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, li ma hijiex konnessa man-network tal-elettriku pubbliku minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha.

23

Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Awwissu 2018, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano allokat lil SG sussidju ta’ EUR 115011, li jikkorrispondi għal 80 % tal-ispejjeż ammissibbli ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ impjant mikro tal-idroelettriku intiż għall-provvista personali tiegħi, b’applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

24

Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ April 2020, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano rtirat parzjalment id-deċiżjoni tagħha tal-għoti ta’ sussidju lil SG peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet skadiet fil‑31 ta’ Diċembru 2016. Hija kkalkolat mill-ġdid l-ammont tas-sussidju li seta’ jiġi allokat lil SG abbażi tal-kriterji ta’ attribuzzjoni previsti mir-Regolament Nru 651/2014, jiġifieri s-somma ta’ EUR 92604, u talbet lil SG jirrimborsa l-ammont żejjed irċevut minnu, jiġifieri EUR 22 406.80, flimkien mal-interessi.

25

SG adixxa lill-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (il-Qorti Amministrattiva, Sezzjoni Awtonoma tal-Provinċja ta’ Bolzano), b’talba għal annullament ta’ dawn il-miżuri.

26

Din il-qorti tqis li l-kawża tqajjem domandi preliminari identiċi għal dawk tal-Kawża C‑102/21.

27

Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (il-Qorti Amministrattiva, Sezzjoni Awtonoma tal-Provinċja ta’ Bolzano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-għajnuna awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [tal‑25 ta’ Lulju 2012] għall-finanzjament ta’ 80 % tal-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, intiża sabiex tiġi kkonsmata minn chalets u refuġji li jinsabu f’żona ta’ muntanja għolja li l-konnessjoni tagħhom man-netwerk tal-elettriku ma tistax issir mingħajr sforz tekniku u finanzjarju adegwat, skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2016?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

a)

Għandu għalhekk jiġi eżaminat ukoll jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 […] għandux jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ rkupru qabel ma l-awtoritajiet tal-Istat jieħdu miżuri?

b)

. Għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE] sa fejn tippermetti li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, jew jekk tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?”

Fuq it-tgħaqqid tal-Kawżi C‑102/21 u C‑103/21

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Marzu 2021, il-Kawżi C‑102/21 u C‑103/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali u għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

29

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li hija, barra minn hekk, konformi, parzjalment, mar-Regolament Nru 651/2014. Hija tidher ukoll li tassumi li ma hemmx lok li tiġi applikata għalihom ir-regola de minimis, li għandha tivverifika.

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑102/21 u C‑103/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 kinitx għadha fis-seħħ meta l-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano allokat sussidji lil KW u lil SG (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali”).

31

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 tispeċifika, fil-punt 2.2 tagħha, intitolat “Tul u Baġit” li, skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ammont totali ta’ EUR 187.25 miljuni ser jingħata matul il-“perijodu 2011‑2016”. Barra minn hekk, is-sunt ta’ din id-deċiżjoni ppubblikata f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Jannar 2013 jindika li t-“tul” tal-imsemmija skema huwa stabbilit sal‑31 ta’ Diċembru 2016.

32

Minn dan isegwi li, mill‑1 ta’ Jannar 2017, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx għadha awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012.

33

Jirriżulta, barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li din l-istess skema ta’ għajnuna ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġdida tal-Kummissjoni wara din id-data.

34

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano allokat l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali wara l‑31 ta’ Diċembru 2016.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 ma kinitx għadha fis-seħħ meta l-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano allokat l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑102/21 u C‑103/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, ma huwiex l-Istat Membru kkonċernat, iżda l-Kummissjoni li għandha titlob l-irkupru tagħha.

37

Kif sostniet il-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna wara l-iskadenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza din l-iskema ma tikkostitwixxix “użu ħażin ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(g) tar-Regolament 2015/1589.

38

Fil-fatt, l-Artikolu 1(g) tar-Regolament 2015/1589 jirreferi għas-sitwazzjonijiet li fihom għajnuna tintuża mill-benefiċjarju bi ksur ta’ deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) jew tal-Artikolu 9(3) u (4) ta’ dan ir-regolament jew tal-Artikolu 4(3) jew tal-Artikolu 7(3) and (4) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirrigwardaw, rispettivament, id-deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, id-deċiżjonijiet pożittivi u d-deċiżjonijiet kundizzjonali tal-Kummissjoni.

39

Issa, f’dan il-każ, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 ma kinitx għadha applikabbli wara l‑31 ta’ Diċembru 2016 u li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġdida wara din id-data.

40

Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax titqies li ġiet applikata b’mod ħażin mid-destinatarji tagħha.

41

Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ġiet estiża lil hinn mill‑31 ta’ Diċembru 2016, jekk jitqies li hija stabbilita, ma huwiex determinanti sa fejn l-estensjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida, distinta mill-iskema estiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58).

42

Konsegwentement, għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha titqies bħala għajnuna ġdida, li, peress li ngħatat bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, tikkostitwixxi “għajnuna kontra l-liġi” fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament 2015/1589.

43

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok, għaldaqstant, li t-tieni domanda tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li din tirrigwarda fil-fatt il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 108(3) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li ma humiex l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, iżda hija l-Kummissjoni li għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex timponi l-irkupru ta’ għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament 2015/1589.

44

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ għajnuna stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha effett dirett u li n-natura immedjatament applikabbli tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni indikata f’din id-dispożizzjoni testendi għal kull għajnuna li tkun ġiet implimentata mingħajr ma ġiet ikkomunikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ddeterminati, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, u l-għan tal-missjoni tagħhom huwa, għaldaqstant, li jiġu adottati l-miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, sabiex il-benefiċjarju ma jżommx id-dispożizzjoni libera tagħha għaż-żmien li jifdal jiddekorri sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għandu jingħad ukoll li kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi prodott effett dirett hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi tal-amministrazzjoni kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 31, u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan jirriżulta li, meta awtorità nazzjonali tikkonstata li għajnuna ngħatat bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, hija għandha tirkupra fuq inizjattiva tagħha stess l-għajnuna illegalmetn mogħtija (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 92).

49

Għandu jingħad ukoll li, f’tali każ, xejn ma jipprojbixxi, bħala prinċipju, lill-Istat Membru kkonċernat iqis li hija biss l-parti tal-għajnuna li ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 651/2014 għandha tiġi rrimborsata.

50

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari, iżda distinti (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds, C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tordna l-irkupru ta’ għajnuna unikament abbażi tal-illegalità tagħha u għandha għalhekk twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, irrispettivament minn jekk il-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni preliminari ġietx osservata jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punti 17 sa 23), għalkemm l-Artikolu 13(2) tar-Regolament 2015/1589 tippermettilha madankollu tordna l-irkupru provviżorju ta’ għajnuna mħallsa illegalment sakemm hija tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domandi hija li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex il-Kummissjoni, iżda l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament 2015/1589.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawżi C‑102/21 u C‑103/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hijiex kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE minħabba li hija tippermetti li “tiffaċilita l-iżvilupp ta’[…] ċerti reġjuni ekonomiċi” jew jekk tistax “toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

54

Madankollu, ma jidhirx b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda jekk, ir-riferiment tagħha għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax “toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri”, il-qorti tar-rinviju tirreferix għall-Artikolu 107(1) TFUE li jipprevedi l-projbizzjoni tal-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat, jew għall-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jispeċifika li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna intiża li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċertu attivitajiet jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, sakemm hija ma “ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

55

Fi kwalunkwe każ, il-proċess ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi ma jipprovdix l-ispeċifikazzjonijiet fattwali neċessarji sabiex hija tkun tista’ tagħti indikazzjonijiet utli lill-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni tal-kriterji relattivi għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE, fil-kawżi prinċipali peress li s-sempliċi fatt indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża C‑102/21 li l-elettriku prodott mill impjant mikro ffinanzjat ser jintuża biss għall-provvista personali ta’ individwu, ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, waħdu, li jiġi kkonstatat jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti jew le.

56

Minn dan isegwi li tali domanda għandha titqies li hija inammissibbli.

57

Fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għadu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et, C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds, C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma hijiex neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u għandha, għaldaqstant, titqies li hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ impjanti mikro tal-idroelettriku li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 5048 final tal‑25 ta’ Lulju 2012, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat SA.32113 (2010/N) – Italja: Skema ta’ għajnuna dwar iffrankar tal-enerġija, sistemi ta’ tisħin distrettwali u elettrifikazzjoni ta’ żoni remoti fl-Alto Adige/Tirolo del Sud ma kinitx għadha fis-seħħ meta l-’Autonome Provinz Bozen (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja) allokat sussidji lil KW u lil SG.

 

2)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex il-Kummissjoni Ewropea, iżda l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.