SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolaritajiet – Artikolu 4 – Adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi – Artikolu 3(1) – Terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja – Skadenza – Invokabbiltà fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru forzat – Artikolu 3(2) – Terminu ta’ eżekuzzjoni – Applikabbiltà – Bidu tad-dekorrenza – Interruzzjoni u sospensjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”

Fil-Kawżi magħquda C‑447/20 u C‑448/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Lulju 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2020, fil-proċeduri

Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP)

vs

LM (C‑447/20),

BD,

Autoridade Tributária e Aduaneira (C‑448/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP), minn J. Saraiva de Almeida u N. Domingues, advogados,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa u H. Almeida, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn E.‑E. Krompa, E. Leftheriotou, E. Tsaousi u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP) (l-Istitut għall-finanzjament tal-agrikoltura u tas-sajd IP (IFAP)) u LM (C‑447/20) kif ukoll BD u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) (C‑448/20) dwar l-irkupru forzat, permezz ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, ta’ għajnuna agrikola permezz ta’ programm kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

It-tielet u r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjaraw:

“[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

[…] l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-[Unjoni]”.

4

Fi kliem l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali [tal-Unjoni] jew il-budget mmexxi [minnha], jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom [tal-Unjoni], jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jinsab fit-Titolu I tiegħu, dwar il-“prinċipji ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

6

It-Titolu II tal-istess regolament jinkludi regoli dwar il-“miżuri amministrattivi u l-penali”, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tiegħu li jipprevedi:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

[…]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[…]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

Id‑dritt Portugiż

7

Id-Decreto‑Lei no 163 A/2000 (id-Digriet‑Liġi 163‑A/2000) tas‑27 ta’ Lulju 2000 (Diário da República I, Serje I‑A, Nru 172, tas‑27 ta’ Lulju 2000), li jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli ġenerali ta’ applikazzjoni tal-programm operattiv “Agrikoltura u żvilupp rurali”, jiddisponi fl-Artikolu 11(1) tiegħu:

“L-[IFAP] tista’ xxolji unilateralment il-kuntratt f’każ ta’ nuqqas min-naħa tal-benefiċjarju ta’ wieħed mill-obbligi tiegħu jew fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ assenza, imputabbli lill-benefiċjarju, ta’ waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna.”

8

L-Artikolu 12 ta’ dan id-Digriet‑Liġi, intitolat “Rimborsi tal-għajnuna u tal-ispejjeż”, jipprevedi:

“1.   Fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt mill-[IFAP], il-benefiċjarju għandu l-obbligu li jirrimborsa s-somom riċevuti bħala għajnuna, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata legali mid-data li fiha dawn is-somom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu, bla ħsara għal sanzjonijiet oħra previsti mil-liġi.

2.   Ir-rimbors previst fil-paragrafu preċedenti għandu jsir fi żmien [ħmistax]‑il jum wara l-komunikazzjoni tax-xoljiment, fejn il-benefiċjarju jkun espressament avżat għal dan il-għan.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet‑liġi:

“Iċ-ċertifikat ta’ dejn maħruġ mill-[IFAP] jikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

[…]”

10

Il-Código do Procedimento Administrativo (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CPA”), jipprevedi fl-Artikolu 163 tiegħu, intitolat “Atti annullabbli u sistema li twassal għal annullament”:

“1.   L-atti amministrattivi li jiksru prinċipji jew dispożizzjonijiet legali oħra applikabbli li għalihom ebda sanzjoni oħra ma hija prevista fil-każ ta’ ksur jistgħu jiġu annullati.

[…]

3.   L-atti annullabbli jistgħu jiġu kkontestati quddiem l-amministrazzjoni nnifisha jew quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti, fit-termini previsti mil-liġi.

[…]”

11

L-Artikolu 179 taċ-CPA, intitolat “Eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji”, jiddisponi:

“1.   Meta, bis-saħħa ta’ att amministrattiv, għandhom jingħataw benefiċċji finanzjarji lil persuna ġuridika pubblika jew fuq ordni ta’ din tal-aħħar, għandu jsir riferiment, fin-nuqqas ta’ ħlas volontarju fit-terminu mogħti, għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura fiskali.

2.   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-korp kompetenti għandu jagħti, konformement mad-dispożizzjonijiet legali, ċertifikat li għandu l-valur ta’ titolu eżekuttiv li huwa għandu jibgħat lid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali mal-fajl amministrattiv.”

12

L-Artikolu 58(1) tal-Código do Processo nos Tribunais Administrativos (il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qrati Amministrattivi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CPTA”), jiddisponi:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, il-kontestazzjoni tal-atti nulli ma għandha tkun suġġetta għal ebda terminu u dik tal-atti li jistgħu jiġu annullati għandha ssir f’terminu ta’:

a)

sena, meta tiġi ppreżentata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku;

b)

tliet xhur, fil-każijiet l-oħra kollha.”

13

L-Artikolu 59(2) taċ-CPTA huwa fformulat kif ġej:

“It-terminu ta’ kontestazzjoni għad-dispożizzjoni tad-destinatarji tal-att amministrattiv li lilu għandu jiġi nnotifikat jibda jiddekorri biss mid-data tan-notifika lill-persuna kkonċernata jew, meta din tkun għażlet il-metodu ta’ rappreżentazzjoni fil-proċedura, lill-mandatarju tagħha, jew mid-data tal-aħħar notifika jekk l-att ikun ġie nnotifikat lill-persuna kkonċernata u lir-rappreżentant tagħha, anki jekk l-att kien ippubblikat b’mod obbligatorju.”

14

Il-Código de Procedimento e de Processo Tributário (il-Kodiċi ta’ Proċedura u tal-Kontenzjuż Fiskali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CPPT”), jipprevedi, fl-Artikolu 148(2) tiegħu:

“Jistgħu wkoll jiġu rkuprati mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, fil-każijiet u fit-termini espressament previsti mil-liġi:

a)

id-djun l-oħra fir-rigward tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom jitħallsu skont att amministrattiv;

b)

rimborsi jew okkorrenzi mill-ġdid.”

15

L-Artikolu 204 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Raġunijiet għall-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   L-oppożizzjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

d) il-preskrizzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett tal-eżekuzzjoni”.

16

Id-Decreto‑Lei no 155/92 (id-Digriet‑Liġi Nru 155/92) tat‑28 ta’ Lulju 1992 (Diário da República I, Serje I‑A, Nru 172 tat‑28 ta’ Lulju 1992), jipprevedi fl-Artikolu 40(2) tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-interruzzjoni u s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tad-dejn, fir-rigward ta’ dejn li għandu jsegwi s-sistema legali applikabbli għad-djun fil-konfront tal-Istat li ma humiex ta’ natura fiskali, li “t-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott u sospiż taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-preskrizzjoni ċivili”.

17

L-Artikolu 323 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jiddisponi li “l-preskrizzjoni hija interrotta permezz ta’ ordni jew ta’ notifika ġudizzjarja ta’ kwalunkwe att li jesprimi, direttament jew indirettament, l-intenzjoni li jsir użu minn dan id-dritt, tkun xi tkun il-proċedura li fiha jaqa’ dan l-att u anki jekk il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni”.

Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

18

Fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑447/20, mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li, fit‑13 ta’ Frar 2002, l-IFAP, entità amministrattiva awtonoma, u LM ikkonkludew kuntratt intiż għall-għoti ta’ għajnuna taħt programm ikkofinanzjat mill-FAEGG.

19

Huwa stabbilit li LM ipproċeda, mingħajr awtorizzazzjoni, għall-modifika tal-investiment approvat. Id-data ta’ din il-modifika ma hijiex magħrufa. Skont LM, l-irregolarità fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt seħħet fil‑15 ta’ Frar 2002.

20

Iktar minn erba’ snin wara, fis‑26 ta’ Frar 2006, l-IFAP bagħat ittra lil LM li minnha jirriżulta li kellu l-intenzjoni jirrevedi l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil dan tal-aħħar. Konferma ta’ rċevuta ta’ din l-ittra ġiet iffirmata minn LM fl‑1 ta’ Marzu 2006.

21

Iktar minn ħames snin wara, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2011, l-IFAP informa lil LM bid-deċiżjoni tiegħu li jeżiġi r-rimbors tal-għajnuna finanzjarja mogħtija fit‑13 ta’ Frar 2002.

22

Fit‑8 ta’ Awwissu 2012, inbdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kontra LM intiża għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

23

Adita b’oppożizzjoni mressqa minn LM kontra l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2018, laqgħet din l-oppożizzjoni minħabba li t-terminu li jillimita l-azzjoni ġudizzjarja għall-irregolarità inkwistjoni kien skada.

24

Fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑448/20, mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Diċembru 2006, l-IFAP informa lil BD li kkonstata irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ allokazzjoni ta’ għajnuna abbażi tal-programmi operattivi reġjonali, konkluż fl‑20 ta’ April 2004, u li dawn l-irregolaritajiet seħħew f’data qabel il‑31 ta’ Diċembru 2004.

25

Fl‑20 ta’ Diċembru 2006, BD ressaq ilment.

26

Iktar minn erba’ snin wara, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2011, BD ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tal-IFAP li xxolji unilateralment il-kuntratt ta’ allokazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni u li teżiġi r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament.

27

Iktar minn erba’ snin wara, fis‑16 ta’ Diċembru 2015, l-amministrazzjoni fiskali bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kontra BD abbażi ta’ “ċertifikat ta’ dejn”, maħruġ fl‑1 ta’ Diċembru 2015 mill-IFAP, li jservi bħala titolu eżekuttiv.

28

Adita b’oppożizzjoni mressqa minn BD kontra l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Mirandela (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Mirandela, il-Portugall), permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ April 2018, laqgħet din l-oppożizzjoni għar-raġuni li t-terminu għat-tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja, ta’ tul ta’ erba’ snin, li kien beda jiddekorri fit‑12 ta’ Diċembru 2006, kien skada.

29

L-IFAP ippreżenta rikorsi kontra s-sentenzi msemmija fil-punti 23 u 28 ta’ din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

30

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju f’dawn il-kawżi jirriżulta li, f’dan il-każ, l-IFAP adotta deċiżjonijiet ta’ rkupru li permezz tagħhom obbliga lil LM u lil BD jirrimborsaw għajnuna indebitament riċevuta. Peress li dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx ikkontestati fi żmien xieraq quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi.

31

Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru, id-dritt Portugiż jippermetti lill-IFAP li jirrikorri għal proċedura ġudizzjarja, imsejħa “eżekuzzjoni tat-taxxa”. F’dan il-kuntest, LM u BD ressqu oppożizzjoni kontra l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa billi sostnew li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru li ġew indirizzati lilhom kienu ġew adottati wara l-preskrizzjoni ta’ azzjonijiet amministrattivi.

32

Skont il-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-taxxa tikkostitwixxix il-mezz proċedurali adegwat sabiex tittieħed konjizzjoni tal-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u, fl-affermattiv, li jiġi ddeterminat it-terminu applikabbli għal din il-preskrizzjoni kif ukoll ir-regoli ta’ kalkolu tiegħu.

33

Din il-qorti tenfasizza li l-proċess li hija għandha fih lakuni b’tali mod li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni. Hija tindika wkoll li hija tinjora jekk l-IFAP adottax atti differenti minn dawk imsemmija iktar ’il fuq li setgħu jinterrompu l-preskrizzjoni.

34

Fl-ipoteżi fejn l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-taxxa ma tistax tkun ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li jipprevedi terminu li jillimita l-possibbiltà li wieħed jipproċedi għall-irkupru forzat tas-somom imħallsa indebitament.

35

Fir-rigward tal-portata tad-dritt Portugiż, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-taxxa tippermetti li tiġi invokata l-preskrizzjoni tad-dejn, li jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk it-terminu mogħti lill-kreditur sabiex jeżiġi validament mingħand id-debitur il-ħlas ta’ dejn ikkostitwit b’mod regolari skadiex jew le. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirregola t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet ġudizzjarji għall-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna riċevuta indebitament.

36

F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-fehma tagħha, it-terminu ta’ tliet snin, previst fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, ma huwiex magħdud fit-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja, imsemmi fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

37

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li deċiżjoni ta’ rkupru għandha tiġi kkontestata b’mod kontenzjuż fit-terminu previst għal dan il-għan. Huwa biss f’dan il-kuntest li d-dritt Portugiż jippermetti li jiġu invokati l-illegalitajiet li bihom hija vvizzjata din id-deċiżjoni, inkluż, b’mod partikolari, il-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja. L-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-taxxa tippermetti li tingħata deċiżjoni biss fuq il-preskrizzjoni tad-dejn u mhux fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja.

38

Madankollu, skont l-imsemmija qorti, l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 tista’ twassal għall-ineżiġibbiltà ta’ kreditu li jirriżulta minn għajnuna indebitament riċevuta. Għalhekk, hija tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż, li jipprovdu li l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-taxxa ma tistax tkun ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

39

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt Portugiż jipprevedi li t-terminu applikabbli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru jibda jiddekorri mill-adozzjoni tagħha, filwaqt li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jirrigwarda d-data li fiha din id-deċiżjoni ssir finali.

40

Bl-istess mod, ma huwiex ċert li l-każijiet ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni ta’ dan it-terminu, previsti mid-dritt Portugiż, huma konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, l-ordni tal-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tinterrompi t-terminu ta’ eżekuzzjoni li miegħu għandhom jiżdiedu l-perijodi ta’ sospensjoni fil-każ ta’ lment, ta’ kontestazzjoni, ta’ rikors jew ta’ oppożizzjoni meta dawn l-atti proċedurali jwasslu għas-sospensjoni tal-irkupru tad-dejn. Tali sospensjoni tkompli sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li ttemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

41

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi:

“1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprekludi soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li l-oneru ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, quddiem qorti kompetenti, tal-att li jiddetermina r-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament wara li tkun ġiet ivverifikata irregolarità, jaqa’ fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna, bir-riskju li […] n-nuqqas ta’ kontestazzjoni fil-ħin ta’ dan l-att (jiġifieri fil-każ li l-benefiċjarju ma jeżerċitax, fil-ħin, il-mezzi ta’ difiża mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mid-dritt intern) jiddetermina li dan ma jistax jiġi kkontestat, u, konsegwentement, li jintalab ir-rimbors tal-ammont imħallas indebitament konformement mar-regoli u t-termini tad-dritt nazzjonali?

2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprekludi soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li l-benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja ma jistax jinvoka d-dekorriment tat-terminu ta’ 4 jew 8 snin fi proċedura ġudizzjarja ta’ ġbir forzat imressqa kontrih sabiex tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni f’azzjoni ta’ kontestazzjoni tal-att li jiddetermina r-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament minħabba li seħħet irregolarità?

[…]

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal dawn id-domandi[, i]t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jitqies bħala terminu ta’ preskrizzjoni tad-dejn li jiġi fis-seħħ bl-adozzjoni tal-att li jimponi l-ħlas lura tal-ammonti rċevuti indebitament fil-każ ta’ irregolaritajiet fil-finanzjament? Barra minn hekk, dan għandu jibda jiddekorri mid-data ta’ adozzjoni tal-att?

[…]

4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 [jipprekludi] soluzzjoni tad-dritt intern fis-sens li t-terminu ta’ tliet snin għall-preskrizzjoni tad-dejn li jiġi fis-seħħ bl-adozzjoni tal-att li jimponi r-rimborstal-ammonti rċevuti indebitament fil-każ ta’ irregolaritajiet fil-finanzjament jibda jiddekorri mill-adozzjoni ta’ dan l-att u jiġi interrott bl-ordni għall-ġbir forzat ta’ dawn l-ammonti, fejn jibqa’ sospiż inkwantu ma tkunx ingħatat deċiżjoni definittiva jew li tkun saret res judicata, li ttemm il-proċedura, fil-każijiet ta’ lment, kontestazzjoni, rikors jew oppożizzjoni, meta dawn jirriżultaw fis-sospensjoni tal-ġbir tad-dejn?”

42

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Ottubru 2020, il-Kawżi C‑447/20 u C‑448/20 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

43

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Settembru 2021, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki. B’risposta għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju indikat, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-punt ta’ tluq tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li mill-Artikolu 160 taċ-CPA jirriżulta li d-deċiżjoni li timponi sanzjoni ssir definittiva (effikaċi) mid-data tan-notifika tagħha. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-każijiet ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni ta’ dan it-terminu, hija affermat li, “fir-rigward ta’ dejn li għandu jsegwi s-sistema legali applikabbli għad-djun fil-konfront tal-Istat li ma humiex ta’ natura fiskali”, mid-dritt Portugiż jirriżulta li “t-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott u sospiż taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-preskrizzjoni ċivili” u li “jirriżulta wkoll mid-dritt ċivili, applikabbli f’dan il-każ, li ma jeżistux raġunijiet għas-sospensjoni ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni”, filwaqt li tikkonferma li “l-preskrizzjoni hija interrotta permezz ta’ ordni jew notifika ġudizzjarja ta’ att”.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

44

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għall-finijiet ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament, adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-destinatarju tagħha huwa obbligat jinvoka l-irregolarità ta’ din id-deċiżjoni f’ċertu terminu quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti, taħt piena ta’ dekadenza, u ma jistax iktar jopponi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni billi jinvoka l-istess irregolarità fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja għall-irkupru forzat, mibdija kontrih.

45

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]”, u dan, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, bil-għan “li [dak li huwa] ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 31, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 20).

46

Hekk kif jirriżulta mill‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir‑regolament, dawn il‑miżuri amministrattivi jistgħu jkunu, bħalma huwa l‑każ fil‑kawża prinċipali, l‑irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod indebitu.

47

L‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fil‑qasam tal‑azzjoni ġudizzjarja, terminu ta’ preskrizzjoni li japplika, b’mod partikolari, fir‑rigward ta’ tali miżuri amministrattivi u li jiddekorri minn meta ssir l‑irregolarità, b’din tal-aħħar, skont l‑Artikolu 1(2) tal‑istess regolament, tkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali [tal-Unjoni]” (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C-131/10, EU:C:2010:825, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Billi adotta r-Regolament Nru 2988/95, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha huwa kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li jinbdew proċeduri kontra irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea wara li jkun għadda perijodu ta’ erba’ snin minn meta sseħħ din l-irregolarità (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’, bħala prinċipju u minbarra f’dawk is-setturi fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa terminu iqsar, tkun is-suġġett ta’ proċeduri mressqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-terminu msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, fost l-operazzjonijiet tagħhom, dawk li huma definittivament akkwistati u dawk li għadhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 24).

51

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tagħti dritt lill-operaturi ekonomiċi, li jimplika li huma għandhom ikunu jistgħu jinvokaw il-preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja relatata ma’ irregolarità sabiex jopponu l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 2988/95 la jiddetermina r-rimedji legali disponibbli sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet li jimponu miżuri u sanzjonijiet amministrattivi, u lanqas il-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tagħhom u lanqas ma jipprevedi terminu ta’ dekadenza jew ta’ preskrizzjoni li fl-iskadenza tiegħu dawn id-deċiżjonijiet, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti kompetenti, jiksbu natura definittiva.

53

Fl-assenza ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom b’riżultat tad-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittjiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, ebda element li jinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ tliet xhur, previst fl-Artikolu 58(1) taċ-CPTA, sabiex jikkontesta deċiżjoni amministrattiva, bħad-deċiżjonijiet ta’ rkupru kkontestati, b’mod inċidentali, fil-kawżi prinċipali, imur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza, fatt li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

55

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività, sa fejn din tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala prinċipju, id-dekorriment ta’ dawn it-termini jagħti lok għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni ġudizzjarja mibdija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 58, u tal‑14 ta’ Frar 2019, Nestrade, C‑562/17, EU:C:2019:115, punt 41).

56

Madankollu, huma l-Istati Membri li għandhom, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiddeterminaw it-termini filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u l-interessi pubbliċi jew privati l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bla ħsara għal din il-kundizzjoni, l-Istati Membri huma fil-libertà li jistabbilixxu termini itwal jew iqsar (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98).

57

F’dan ir-rigward, dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 59(2) taċ-CPTA, li jipprevedu li d-destinatarju ta’ deċiżjoni amministrattiva, bħad-deċiżjonijiet ta’ rkupru kkontestati, b’mod inċidentali, fil-kawżi prinċipali, għandu terminu ta’ tliet xhur min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni sabiex jikkontestaha, taħt piena ta’ dekadenza, ma jidhrux li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività.

58

Fil-fatt, tali terminu huwa ta’ natura raġonevoli peress li jippermetti lil parti kkonċernata tevalwa jekk ikunux jeżistu raġunijiet sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li tikkonċernaha u, jekk ikun il-każ, li tipprepara r-rikors kontra din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-punt tat-tluq sa min-notifika tal-att jiggarantixxi li l-persuna kkonċernata ma tkunx tinsab f’sitwazzjoni fejn dan it-terminu jkun għadda mingħajr ma tkun saret taf bl-adozzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punti 4748).

59

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu kkontestati deċiżjonijiet amministrattivi bħad-deċiżjonijiet ta’ rkupru kkontestati, b’mod inċidentali, fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, obbligu li tindirizza lill-qorti amministrattiva kompetenti, bħal dak previst fl-Artikolu 163(3) taċ-CPA, ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, iżda jikkostitwixxi l-eżerċizzju leġittimu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, tali obbligu ma jistax, fih innifsu, jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

60

Xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu bħala korollarju tiegħu l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 50).

61

F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx, b’mod partikolari, li d-dritt Portugiż ma jippermettix lill-partijiet fil-kawża, destinatarji ta’ deċiżjoni amministrattiva, jiddeterminaw bi preċiżjoni l-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra tali deċiżjoni.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għall-finijiet ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament, adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-destinatarju tagħha huwa obbligat jinvoka l-irregolarità ta’ din id-deċiżjoni f’ċertu terminu quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti, taħt piena ta’ dekadenza, u ma jistax iktar jopponi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni billi jinvoka l-istess irregolarità fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja għall-irkupru forzat, mibdija kontrih.

Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet domanda

63

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iskadenza tat-terminu li huwa jipprevedi twassal għall-preskrizzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru.

Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 2988/95

64

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi “sanzjoni amministrattiva” huwa ta’ tliet snin.

65

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet nazzjonali li għandhom jiġu eżegwiti ma jagħtux sanzjoni, iżda jimponu miżura amministrattiva, jiġifieri l-irkupru tal-għajnuna indebitament mogħtija. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 japplikax ukoll fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet.

66

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 20).

67

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, huwa previst l-għoti ta’ “sanzjoni”, li tista’ tindika li dan is-subparagrafu japplika biss għal azzjonijiet ġudizzjarji kontra irregolaritajiet li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 23).

68

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-analiżi testwali ma hijiex konklużiva u li, fid-dawl tal-istruttura kif ukoll tal-għan tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji li huwa jipprevedi huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 tiegħu, kif ukoll għal irregolaritajiet, bħal dawk invokati insostenn tar-rikorsi fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva li tikkonsisti fl-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, konformement mal-imsemmi Artikolu 4. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn sanzjoni amministrattiva u miżura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C‑383/14, EU:C:2015:541, punti 24 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

70

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jidher fl-ewwel titolu tiegħu, li jirregola l-“prinċipji ġenerali” tal-applikazzjoni tiegħu. Dan l-artikolu huwa għalhekk intiż li japplika għall-istrumenti kollha previsti fit-Titolu II tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi.

71

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 huwa l-istess, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli dwar it-termini li japplikaw għall-azzjonijiet ġudizzjarji kontra irregolaritajiet u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jiġu adottati jekk ikun il-każ, fi tmiemhom, u dan jimmilita favur interpretazzjoni koerenti tagħhom.

72

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, li tgħid li, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni limita ruħu li jiffissa t-terminu ta’ eżekuzzjoni biss tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni amministrattiva, filwaqt li, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa stabbilixxa r-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jimponu mhux biss tali sanzjonijiet, iżda wkoll miżuri amministrattivi, hija inkoerenti. Dan iwassal sabiex huwa biss it-terminu ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri amministrattivi li ma jkunx iddeterminat mid-dritt tal-Unjoni, fatt li jmur kontra l-għan tal-imsemmi Artikolu 3 kif ukoll tal-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ preskrizzjoni li dan tal-aħħar stabbilixxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 25).

73

Għalhekk, peress li t-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ikopru kemm id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll dawk li jirrigwardaw miżuri amministrattivi, għandu jiġi kkunsidrat, sabiex tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li t-terminu ta’ eżekuzzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jkopri wkoll dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet.

74

Għandu jingħad ukoll li mill-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jirriżulta li s-sanzjonijiet imsemmija fih jikkonċernaw l-irregolaritajiet intenzjonati jew ikkawżati minn negliġenza, li jikkostitwixxu, bħala prinċipju, irregolaritajiet partikolarment gravi. Issa, ikun inkoerenti jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi terminu ta’ eżekuzzjoni biss għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw tali sanzjonijiet u mhux għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw miżuri amministrattivi, previsti fl-Artikolu 4 tal-istess regolament, li huma wkoll applikabbli għal każijiet ta’ irregolaritajiet inqas serji.

75

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi rrilevat li jimponi wkoll interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

76

Fil-fatt, minn naħa, kif imfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi konformement mal-Artikolu 1 tiegħu regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu mal-irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, u dan, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, bil-għan li jiġi missielet dak kollu li huwa ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

77

F’dan ir-rigward, l-imsemmi regolament jipprovdi, permezz tal-Artikolu 3 tiegħu, qafas koerenti għas-sistema ta’ preskrizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Sodaal International,C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 25).Tali qafas koerenti jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tal-istess regolament, jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ kuntest ġuridiku komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Unjoni.

78

Għaldaqstant, il-koerenza ta’ tali sistema teħtieġ li ma tingħatax interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 iktar ristretta minn dik tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

79

Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi. Dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, minn fost l-operazzjonijiet tagħhom, dawk li huma definittivament magħluqa u dawk li għadhom suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja.

80

Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jsegwi l-istess għan ta’ ċertezza legali. Għalhekk, dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw jekk deċiżjoni adottata wara azzjonijiet ġudizzjarji mibdija kontra irregolarità għadhiex tista’ tiġi eżegwita. Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tgħid li għandha ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li jimponu miżuri amministrattivi u dawk li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-applikabbiltà tat-terminu ta’ eżekuzzjoni, hija artifiċjali u ma tistax tiġi ġġustifikata.

81

Hemm lok, ukoll, li jiġi rrilevat li l-fatt li jiġi kkunsidrat li t-termini minimi msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, li t-tul tagħhom huwa, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jipproċedu kontra irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 61), japplikaw kemm għad-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi kif ukoll għal dawk relatati mas-sanzjonijiet amministrattivi, jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat l-obbligu ġenerali ta’ diliġenza li għandha l-amministrazzjoni nazzjonali fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet li hija twettaq u li huma ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni, li jimplika li din għandha tieħu l-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet bil-ħeffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 67).

82

Fir-rigward tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2988/95, li jipprevedi li l-miżuri amministrattivi “m’għandhomx jitqiesu bħala penali”, għandu jiġi rrilevat li din il-preċiżazzjoni hija intiża biss sabiex tenfasizza l-assenza ta’ natura repressiva tal-miżuri amministrattivi sa fejn dawn iwasslu biss għall-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 50). Għall-kuntrarju, din ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament tal-miżuri u tas-sanzjonijiet amministrattivi fid-dawl tat-termini previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, peress li dawn iż-żewġ strumenti jistgħu jippreġudikaw l-assi tal-persuni kkonċernati.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jirrigwarda kemm is-sanzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, li jistgħu jittieħdu bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fuq l‑effetti tal‑iskadenza tat‑terminu previst fl‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 2988/95

84

Fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Għalhekk, hija tfittex li tiddetermina jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħux jopponu l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru li ġew indirizzati lilhom. Skont il-qorti tar-rinviju, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 twassal għall-preskrizzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jkollhom, abbażi tad-dritt Portugiż, raġuni ta’ oppożizzjoni għall-irkupru forzat tad-dejn inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għal dispożizzjoni li tipprovdi li, fid-dritt Portugiż, huwa possibbli li jiġi applikat terminu ta’ eżekuzzjoni itwal minn dak stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, konformement mal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament.

85

Dan premess, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-eżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dan jipprovdi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu miżura jew sanzjoni amministrattiva huwa ta’ tliet snin. Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, tali deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu eżegwiti iktar.

86

Fir-rigward b’mod speċifiku ta’ deċiżjoni li tinkludi miżura amministrattiva li tobbliga lid-destinatarju tagħha jirrimborsa somma rċevuta indebitament, l-iskadenza tal-imsemmi terminu għandha bħala konsegwenza li s-somma kkonċernata ma tistax iktar tiġi rkuprata permezz tal-eżekuzzjoni forzata. Jekk ikun il-każ, id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jista’ għalhekk jopponi l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

87

F’dan ir-rigward, l-assenza eventwali ta’ raġuni ta’ oppożizzjoni prevista mid-dritt ta’ Stat Membru f’każ bħal dan ma tistax tipprekludi lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament milli jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

88

Fil-fatt, minħabba n-natura tagħhom kif ukoll il-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament għandhom, b’mod ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 25, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 32).

89

Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 26, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 33).

90

Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Għalkemm huwa minnu li t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jipprevedi li huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw fid-dritt nazzjonali tagħhom il-każijiet ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ eżekuzzjoni, meta tali każijiet ta’ interruzzjoni jew ta’ sospensjoni ma jeżistux, ikunu waqfu milli jeżistu jew ma jkunux ġew invokati fil-ħin, l-iskadenza ta’ dan it-terminu neċessarjament twassal għall-impossibbiltà li ssir l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament.

91

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, anki jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà li japplikaw terminu ta’ eżekuzzjoni itwal minn dak previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 3, l-iskadenza tat-terminu estiż twassal ukoll għall-impossibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju dwar jekk id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament jistgħux jopponu l-infurzar tagħhom wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-iskadenza ta’ dan it-terminu twassalx ukoll għall-preskrizzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

93

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni. Minn dan jirriżulta li d-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament għandu, fi kwalunkwe każ, ikun jista’ jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jew, jekk ikun il-każ, ta’ terminu ta’ eżekuzzjoni estiż skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, sabiex jopponi l-irkupru forzat ta’ dawn is-somom.

Fuq it‑tieni parti tat‑tielet domanda u fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ domanda

94

Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha kif ukoll permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament.

95

Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, mill-eżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-kliem tiegħu jirriżulta li dan it-terminu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni li timponi miżura jew sanzjoni amministrattiva ssir definittiva.

96

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 88 ta’ din is-sentenza, li, minħabba n-natura u l-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni.

97

L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk dawn ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk dawn ma jaħbux in-natura Komunitarja tiegħu u jekk dawn jippreċiżaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Madankollu, sa fejn jipprevedi li t-terminu li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mill-jum li fih id-“deċiżjoni ssir finali”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni jibda jiddekorri mill-adozzjoni stess ta’ deċiżjoni li timponi r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament qabel ma din tkun saret definittiva.

99

Barra minn hekk, mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifiki msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din tqis li, skont id-dritt Portugiż, deċiżjoni li timponi l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament issir “effikaċi” u “definittiva” fil-mument tan-notifika tagħha.

100

Huwa ċertament minnu li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, peress li din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 25). Xorta jibqa’ l-fatt li hija kompetenti sabiex tinterpreta l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, u, għaldaqstant, sabiex tippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “deċiżjoni definittiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

101

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri bil-għan li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, van Vemde, C‑582/15, EU:C:2017:37, punt 25).

102

Dan huwa l-każ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 li ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri u li jiddisponi espressament li t-terminu li huwa jistabbilixxi jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-“deċiżjoni ssir finali”.

103

F’dan ir-rigward, minkejja li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 ma humiex ambigwi, ir-riferiment magħmul f’din id-dispożizzjoni għal deċiżjoni li ssir definittiva jimmilita favur interpretazzjoni fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-aħħar deċiżjoni li sseħħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva u li tagħmel definittiva u għalhekk ma tistax tiġi kkontestata l-obbligu ta’ rimbors tas-somom imħallsa indebitament jew il-kundanna għal sanzjoni amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, van Vemde, C‑582/15, EU:C:2017:37, punt 27).

104

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jirrigwarda deċiżjoni li tikseb natura definittiva jew mal-iskadenza tat-termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors previsti mid-dritt nazzjonali, jew permezz tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament, b’dan it-terminu għandu jiddekorri mill-ġurnata li fiha din id-deċiżjoni ssir definittiva, jiġifieri mill-jum tal-iskadenza tat-termini tar-rikors jew mill-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji.

Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ domanda

106

It-tieni parti tar-raba’ domanda tirrigwarda l-interruzzjoni u s-sospensjoni tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

107

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, b’risposta għat-talba għal kjarifiki msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li l-ordni għall-irkupru forzat tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tinterrompi dan it-terminu ta’ eżekuzzjoni.

108

Għall-kuntrarju, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mir-raba’ domanda, dwar il-każijiet ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ eżekuzzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li “jirriżulta wkoll mid-dritt ċivili, applikabbli f’dan il-każ, li ma jeżistux raġunijiet għas-sospensjoni ta’ dan it-terminu”. Spjegazzjoni dwar din il-kontradizzjoni apparenti hija nieqsa.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddetermina b’ċertezza l-istat tad-dritt Portugiż f’dak li jirrigwarda l-każijiet ta’ sospensjoni tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95. B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk l-oppożizzjoni għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, twassalx għas-sospensjoni ta’ dan it-terminu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta utli għad-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda dan l-aspett.

110

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu huwa interrott mill-ordni għall-irkupru forzat tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru.

111

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-każijiet ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

112

Barra minn hekk, kuntrarjament għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jimponi limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji ta’ irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 63), il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jinkludix tali limitu.

113

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-każijiet ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni msemmi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

114

F’dan il-kuntest, huma madankollu obbligati josservaw il-limiti li jimponi d-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-irkupru tal-għajnuna mhux dovuta u li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha ssir b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi sabiex jiddeċiedu kawżi nazzjonali tal-istess tip (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 96).

115

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma marbuta li josservaw il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 72).

116

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tul tat-termini ta’ preskrizzjoni u ta’ eżekuzzjoni applikabbli ma għandux imur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 74). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jeżiġi, b’mod partikolari, li dawn it-termini għandhom jiġu ffissati minn qabel u li kull applikazzjoni “b’analoġija” ta’ tali termini għandha tkun suffiċjentement prevedibbli għall-parti fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 112).

117

F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-interruzzjoni tat-terminu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru hija ta’ natura li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

118

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-deskrizzjoni tad-dritt Portugiż kif tirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-interruzzjoni ta’ dan it-terminu permezz tal-ordni għall-irkupru forzat tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ma hijiex prevedibbli għall-partijiet fil-kawża.

119

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali interruzzjoni tat-terminu ta’ eżekuzzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li hija ma tistax iddewwem indefinittivament l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu huwa interrott mill-ordni għall-irkupru forzat tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru.

Fuq l‑ispejjeż

121

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għall-finijiet ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament, adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-destinatarju tagħha huwa obbligat jinvoka l-irregolarità ta’ din id-deċiżjoni f’ċertu terminu quddiem il-qorti amministrattiva kompetenti, taħt piena ta’ dekadenza, u ma jistax iktar jopponi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni billi jinvoka l-istess irregolarità fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja għall-irkupru forzat, mibdija kontrih.

 

2)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni. Minn dan jirriżulta li d-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament għandu, fi kwalunkwe każ, ikun jista’ jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jew, jekk ikun il-każ, ta’ terminu ta’ eżekuzzjoni estiż skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, sabiex jopponi l-irkupru forzat ta’ dawn is-somom.

 

3)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament, b’dan it-terminu għandu jiddekorri mill-ġurnata li fiha din id-deċiżjoni ssir definittiva, jiġifieri mill-jum tal-iskadenza tat-termini tar-rikors jew mill-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji.

 

4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu huwa interrott mill-ordni għall-irkupru forzat tad-dejn li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.