SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Investigazzjoni amministrattiva – Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva – Appell inċidentali – Ċaħda ta’ talba għal assistenza – Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal smigħ”
Fil-Kawża C‑894/19 P,
li għandha bħala suġġett appell ippreżentat abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑3 ta’ Diċembru 2019,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn V. Montebello-Demogeot u minn I. Lázaro Betancor, bħala aġenti,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:
UZ, irrappreżentata minn J.-N. Louis, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala president tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Settembru 2019, UZ vs Il‑Parlament (T‑47/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:650), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tas‑27 ta’ Frar 2017, li timponi fuq UZ is-sanzjoni dixxiplinari ta’ tnaqqis mill-grad AD 13, skala 3, lejn il-grad AD 12, skala 3, u aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu miksuba fil-grad AD 13 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu”) u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors. |
|
2 |
Permezz tal-appell inċidentali, UZ titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi: “L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq [il-]persuna jew [il-]proprjetà’ li għalihom huwa[,] jew membru mill-familja tiegħu huwa[,] suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu. Huma għandhom jikkumpensaw [Hija għandha tikkumpensa] in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkawżata.” |
|
4 |
L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “1. Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih [jesponih għal sanzjoni dixxiplinari]. 2. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew OLAF [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew inve[s]tigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx. 3. [Ir-]Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi [huma] mniżżla fl-Anness IX.” |
|
5 |
L-Artikolu 16(1) u (2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula: “1. L-uffiċjal ikkonċernat għandu jinstemax’ mill-Bord [Dixxiplinari]; fis-seduta, jista’ jagħmel osservazzjonijiet bil-kitba jew bil-fomm, jew huwa preżenti [personalment] jew b’rappreżentant. Jista’ jsejjaħ xhieda. 2. L-istituzzjoni għandha tkun rrappreżentata quddiem il-Bord minn uffiċjal, innominat mill-Awtorità tal-Ħatra għal dan l-iskop u li jkollu d-drittijiet daqs dawk ta’ l-uffiċjal ikkonċernat.” |
|
6 |
Skont kliem l-Artikolu 22 ta’ dan l-Anness IX: “1. Wara li tisma’ lill-uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha, kif ipprovdut fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan l-Anness fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta’ l-opinjoni tal-Bord. Ir-raġunijiet iridu jingħataw għal din id-deċiżjoni. 2. Jekk l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li tagħlaq il-każ mingħajr ma timponi xi piena dixxiplinarja, għandha tinforma dan bil-kitba mingħajr dewmien lill-uffiċjal ikkonċernat. L-uffiċjal ikkonċernat jista’ jitlob li din id-deċiżjoni tiddaħħal fil-file personali tiegħu.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
7 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jiġu miġbura fil-qosor kif ġej: |
|
8 |
UZ kienet ilha tokkupa kariga ta’ kap ta’ unità fil-Parlament sa mill-1 ta’ Jannar 2009. Fl-aħħar lok, hija kienet ġiet ikklassifikata fil-grad AD 13 skala 3. |
|
9 |
Fl‑24 ta’ Jannar 2014, erbatax minn ħmistax‑il membru tal-unità tagħha (iktar ’il quddiem il-“lanjanti”) indirizzaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fejn sostnew li kienu s-suġġett ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa ta’ UZ. |
|
10 |
Wara din it-talba, permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2014, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠ PERS”) indika lil-lanjanti li kienu ġew adottati miżuri provviżorji. Dawn kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-għoti tal-ġestjoni tal-persunal tal-unità kkonċernata lil persuna oħra u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Marzu 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lil UZ bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva Din tal-aħħar instemgħet fl‑20 ta’ Novembru 2014 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS. |
|
12 |
Żewġ investigaturi, li wieħed kien issostitwixxa lill-ieħor għax kien irtira, stabbilixxew żewġ rapporti, tat‑3 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Novembru 2015. Wara dawn ir-rapporti, UZ instemgħet mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS fis‑17 ta’ Ġunju u fit‑2 ta’ Diċembru 2015 rispettivament. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti kienet informata mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija nstemgħet mill-Bord Dixxiplinari fis‑17 ta’ Frar, fid‑9 ta’ Marzu, fit‑8 ta’ April u fis‑26 ta’ Mejju 2016. |
|
14 |
|Fil‑25 ta’ Lulju 2016, il-Bord Dixxiplinari adotta b’unanimità l-opinjoni tiegħu li l-konklużjonijiet tagħha kienu fformulati kif ġej:
|
|
15 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2016, il-Bord Dixxiplinari bagħat l-opinjoni tiegħu lir-rikorrenti. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament awtorizza lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS jirrappreżentah waqt is-smigħ ta’ UZ previst mill-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u inkarigah jibgħatlu l-eventwali osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar l-opinjoni mogħtija mill-Bord Dixxiplinari. |
|
17 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Ottubru 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS stieden lil UZ tattendi smigħ fl‑20 ta’ Ottubru 2016, skont l-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari. UZ indirizzat l-imsemmija osservazzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Novembru 2016. |
|
18 |
Fl‑14 ta’ Novembru 2016, UZ instemgħet mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS. Matul dan is-smigħ, hija ppreżentat nota u talbet l-assistenza tal-Parlament minħabba theddid li kien sar fil-konfront tagħha minn membri tal-unità tagħha. Fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, UZ ġiet għalhekk assenjata, b’mod temporanju, għal unità oħra. |
|
19 |
Fis‑27 ta’ Frar 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament adotta d-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu. Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2017, huwa informa lil UZ b’din id-deċiżjoni u pproponielha li tiġi assenjata mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ amministratriċi f’unità oħra. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, UZ adixxiet lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tal-Parlament bi lment kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2017, UZ ressqet quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ilment kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħha għal assistenza msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2017, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS ċaħad din it-talba għal assistenza. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2017, il-President tal-Parlament ċaħad l-ilmenti ta’ UZ magħmula fl-ittri tas‑6 u tal‑14 ta’ Ġunju 2017. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
23 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2018, UZ ressqet rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza. |
|
24 |
Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu, UZ invokat żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ regolarità fl-investigazzjoni amministrattiva, u t-tieni, fuq nuqqas ta’ regolarità fix-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari u fuq assenza ta’ smigħ mill-awtorità qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
25 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, UZ sostniet, b’mod partikolari, li tnejn mill-investigaturi maħtura sabiex iwettqu l-investigazzjoni amministrattiva, jiġifieri wieħed minn dawk inkarigati mill-aspett “dixxiplinari” u dak inkarigat mill-aspett “tal-fastidju”, ma kellhomx l-imparzjalità neċessarja sabiex jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni. |
|
26 |
Fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument ta’ UZ dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità taż-żewġ investigaturi inkwistjoni u, għaldaqstant, laqgħet it-talbiet intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu. Madankollu, għal raġunijiet marbuta ma amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali qieset li jkun utli li teżamina t-tieni motiv. |
|
27 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv, UZ sostniet, b’mod partikolari, l-ewwel, li, matul waħda mis-sitt laqgħat tal-Bord Dixxiplinari, il-Parlament kien irrappreżentat minn żewġ membri u li, fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, hija u l-avukat tagħha ġew mistiedna jħallu s-sala, filwaqt li ż-żewġ rappreżentanti tal-Parlament baqgħu jiddeliberaw mal-membri tal-Bord Dixxiplinari. Minn dan irriżulta ksur tal-Artikolu 16(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
28 |
It-tieni, skont UZ, huwa biss is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, kien kompetenti sabiex iwettaq is-smigħ previst fl-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, hija nstemgħet mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, u mhux mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li, konformement mal-Artikolu 16(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament ma setax ikun irrappreżentat b’mod validu, matul waħda mis-sitt laqgħat tal-Bord Dixxiplinari, minn żewġ uffiċjali, peress li UZ kienet difiża, matul din il-laqgħa, biss minn rappreżentant wieħed, u kienet tinsab, għalhekk, f’sitwazzjoni li bħala prinċipju kienet żvantaġġata. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, barra minn hekk, li r-rappreżentanti tal-Parlament ma kellhomx jibqgħu fis-sala tal-laqgħa sabiex jiddeliberaw mal-membri tal-Bord Dixxiplinari filwaqt li l-appellanti u l-avukat tagħha kienu ġew mistiedna jitilqu mill-imsemmija sala. Minn dan il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-proċedura kienet ivvizzjata minn irregolarità proċedurali anki f’dan ir-rigward. |
|
30 |
Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu kienet ġiet adottata mingħajr ma ġie osservat ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, hija nnifisha, twettaq is-smigħ tal-uffiċjal ikkonċernat. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, laqgħet il-motiv invokat minn UZ fir-rigward tal-assenza ta’ smigħ mill-awtorità kompetenti wara t-tlestija tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari. |
|
31 |
F’dak li jirrigwarda t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, wara li fakkret li l-amministrazzjoni ma għandhiex tkun marbuta tassisti uffiċjal issuspettat, fid-dawl ta’ elementi speċifiċi u rilevanti, li naqas b’mod serju mit-twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu u li f’dan ir-rigward huwa suġġett għal proċeduri dixxiplinari, anki meta tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun seħħ favur aġir irregolari ta’ terz, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li, fil-mument tal-introduzzjoni tat-talba għal assistenza mressqa minn UZ, kienet diġà nfetħet investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tagħha, għal fatti li jekk jiġu pprovati jkunu suġġetti għal proċeduri dixxiplinari. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Parlament kellu d-dritt li jiċħad, mingħajr smigħ minn qabel, it-talba għal assistenza. |
|
32 |
B’konsegwenza ta’ dan, fil-punt 111 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza mressqa minn UZ. |
|
33 |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk, permezz tas-sentenza appellata, minn naħa, annullat id-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors. |
It-talbiet tal-partijiet
It-talbiet tal-appell
|
34 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
35 |
UZ titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
It-talbiet tal-appell inċidentali
|
36 |
Permezz tal-appell inċidentali tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
37 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell prinċipali
|
38 |
Insostenn tal-appell tiegħu, il-Parlament jinvoka tliet aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-investigazzjoni amministrattiva kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet matul ix-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt għal smigħ ta’ UZ kien ġie miksur. |
Fuq l-ewwel aggravju
|
39 |
L-ewwel aggravju tal-appell prinċipali huwa kompost minn erba’ partijiet. |
Fuq l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
40 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament isostni li, billi ddeċidiet, fil-punti 52, 58 u 59 tas-sentenza appellata, li huwa ma kienx offra l-garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità taż-żewġ investigaturi inkwistjoni, inkarigati mit-twettiq tal-investigazzjoni amministrattiva, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-punti ta’ fatt u l-provi u bbażat ruħha fuq kriterji ġuridiċi żbaljati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “imparzjalità oġġettiva”, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
41 |
B’mod partikolari, skont il-Parlament, is-sempliċi fatt li wieħed miż-żewġ investigaturi huwa inkarigat mill-aspett “dixxiplinari” tal-investigazzjoni amministrattiva kien kiseb, minn qabel il-ħatra tiegħu f’dawn il-funzjonijiet, għarfien tal-fatti tal-każ inkwistjoni – għarfien li, barra minn hekk, kien limitat u speċifiku, jekk mhux saħansitra inkomplet – ma setgħat, fih innifsu, jagħti awtomatikament lok għal dubju “leġittimu”, li seta’ jiġġustifika li l-Parlament isejjaħ persuna oħra li ma kellha ebda għarfien minn qabel tal-fatti. |
|
42 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod suffiċjenti jekk il-biżgħat ta’ UZ kinux realment ta’ natura li jikkaratterizzaw dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tal-investigaturi. Issa, skont il-Parlament, f’dan il-każ, dawn il-biżgħat ma kinux ta’ natura tali li setgħu jiġġustifikaw il-ħatra ta’ investigaturi oħra, b’mod partikolari fid-dawl, l-ewwel, tal-assenza ta’ kull kunflitt ta’ interessi bejn l-investigaturi kkonċernati u din il-parti kif ukoll, it-tieni, tal-fatt li dawn l-investigaturi kienu assistiti minn persuni oħra fil-qadi ta’ dan il-kompitu. F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li quddiem il-Qorti Ġenerali huwa kien invoka l-fatt li kien hemm diversi investigaturi, filwaqt li kien speċifika li żewġ investigaturi kienu nħatru għall-aspett “dixxiplinari”. Bl-istess mod, mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-aspett “tal-fastidju” tal-investigazzjoni kien ġie fdat lil diversi persuni. |
|
43 |
Għalhekk, billi injorat il-fatt li ż-żewġ aspetti tal-investigazzjoni inkwistjoni kienu ġew fdati lil diversi investigaturi, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi mimlija b’lakuni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li nuqqas ta’ imparzjalità taż-żewġ investigaturi kkonċernati seta’ jwassal sabiex il-proċedura dixxiplinari kollha tiġi ddikjarata invalida. Fil-fatt, skont il-Parlament, il-fatt li kien hemm diversi investigaturi ppermetta li jiġi nnewtralizzat id-dubju fir-rigward tal-imparzjalità ta’ wieħed minn fosthom. |
|
44 |
Iktar minn hekk, il-Parlament jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żnaturament tal-provi meta indikat, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, li l-investigatur tal-aspett “tal-fastidju” kien, preċedentement għall-ħatra tiegħu fil-kwalità ta’ investigatur, meta kien jippresjedi l-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol, iddeċieda li l-ġestjoni tal-unità, li tagħha UZ kienet il-kap, kellha tingħadda lil persuna oħra. Issa, skont il-Parlament, mid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS tas‑17 ta’ Frar 2014, dokument li din l-istituzzjoni kienet madankollu pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li kien l-imsemmi direttur, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux il-president tal-kumitat konsultattiv, li kien iddeċieda dwar il-miżuri ta’ tneħħija. |
|
45 |
UZ titlob li l-argumenti tal-Parlament jiġu miċħuda bħala infondati. |
– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
46 |
F’dak li jirrigwarda l-allegat żnaturament tal-punti ta’ fatt, kemm mill-Artikolu 256 TFUE kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija l-unika waħda li għandha l-kompetenza kemm sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każijiet fejn dawn jiġu żnaturati, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, CC vs Il‑Parlament, C‑612/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:776, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti meta kkonstatat li huwa ma kienx offra l-garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tal-investigaturi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-investigazzjoni amministrattiva kienet tmexxiet minn diversi investigaturi. |
|
48 |
Madankollu, l-argument ibbażat fuq dan l-allegat żnaturament tal-fatti huwa msejjes fuq qari inkomplet tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-punti 41 sa 47 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-investigazzjoni amministrattiva kienet twettqet minn diversi investigaturi, mingħajr ma dan il-fatt ma affettwa, madankollu, il-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità ta’ wħud min dawn l-investigaturi. |
|
49 |
Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-punti ta’ fatt meta qieset li l-aspett “tal-fastidju” tal-investigazzjoni kien ġie investigat minn investigatur wieħed. Fil-fatt, tali konstatazzjoni ma teskludix li dan l-investigatur, fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu, kien ġie assistit minn persuni oħra. Dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli sa fejn, permezz tiegħu, il-Parlament qiegħed, fil-verità, ifittex li jikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-punti ta’ fatt, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi żnaturament ta’ dawn il-punti. Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, tali evalwazzjoni ma hijiex koperta mill-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twettaq fil-kuntest ta’appell. |
|
50 |
Minn dan isegwi li l-argument dwar l-allegat żnaturament tal-fatti għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat. |
|
51 |
F’dak li jirrigwarda l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “imparzjalità oġġettiva”, hemm lok li jitfakkar li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, li jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
L-Artikolu 41(1) tal-Karta jistipula b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, impost fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament li fuqu hija msejsa l-Unjoni. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa, b’mod partikolari, li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal li jaġixxu għan-nom tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ integrità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll l-immaġini esterna tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri kull ċirkustanza li l-uffiċjal jew il-membri tal-persunal li għandu jiddeċiedi dwar kwistjoni għandu raġonevolment jifhem, li jistgħu jidhru, f’għajnejn terzi, li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tiegħu fil-qasam inkwistjoni (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Barra minn hekk, hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, huma dawn l-istituzzjonijiet, dawn il-korpi u dawn l-organi li għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tagħha li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni minn qabel jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex jintwera li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li dan id-dubju ma jistax jiġi eliminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 37). |
|
55 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li għarfien minn qabel tal-fatti minn dawk li jissejħu jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva ma jikkostitwixxix, waħdu, ċirkustanza li tista’ tivvizzja din id-deċiżjoni b’difett proċedurali fil-forma ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Fil-fatt, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għarfien minn qabel ħafna drabi huwa inevitabbli fid-dawl ta’ attività professjonali eżerċitata preċedentement jew b’mod parallel mill-persuni kkonċernati. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk fil-każ partikolari jeżistix element oġġettiv, bħal kunflitt ta’ interessi, fi ħdan l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jaġixxu f’isem l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi li jqajmu dubju leġittimu, f’għajnejn terzi, fir-rigward tal-imparzjalità tal-proċedura inkwistjoni. |
|
56 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat jekk, hekk kif isostni l-Parlament, il-Qorti Ġenerali interpretatx ħażin il-kunċett ta’ “imparzjalità oġġettiva” billi ddeċidiet li l-fatt li wieħed miż-żewġ investigaturi inkarigati mill-aspett “dixxiplinari” tal-investigazzjoni amministrattiva kellux għarfien minn qabel tal-fatti li kien suffiċjenti sabiex jitqies li l-Parlament ma kienx offra l-garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità ta’ dan l-investigatur. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li membru tad-DĠ PERS kien iltaqa ma wieħed mil-lanjanti qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni u li, waqt din il-laqgħa, dan il-lanjant kien informa lil dan il-membru, li ġie sussegwentement innominat investigatur, li kien ġie rrappurtat lill-OLAF minn UZ u, b’mod iktar speċifiku, bl-intervent ta’ żewġha, “bħala tpattija”, fir-rigward ta’ allegati irregolaritajiet. |
|
58 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, li tali ċirkustanza setgħet tqajjem f’moħħ UZ dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tal-investigatur, li seta’ kien influwenzat min-natura partikolarment malizzjuża tal-allegat aġir tagħha kif dan kien ġie rrappurtat lilu. |
|
59 |
Għalhekk, qabel kollox, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Parlament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tal-investigatur inkarigat mill-aspett “dixxiplinari” inkwistjoni mhux billi bbażat ruħha biss fuq l-għarfien minn qabel li dan kellu tal-fatti tal-każ inkwistjoni, iżda fuq iċ-ċirkustanza li, minħabba f’tali għarfien, dan l-investigatur seta’ kellu opinjoni negattiva minn qabel fir-rigward tal-aġir ta’ UZ. Issa, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tali ċirkustanza setgħet tqajjem dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tal-imsemmi investigatur konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, fatt li ma huwiex, barra minn hekk, ikkontestat mill-Parlament. |
|
60 |
Wara dan, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata f’dan il-punt 54, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tivverifika jekk l-investigatur kellux effettivament preġudizzju fil-konfront ta’ UZ. Huwa suffiċjenti li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li dan id-dubju ma jistax jiġi eliminat. |
|
61 |
Fl-aħħar, hekk kif ġie indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn il-Parlament kien obbligat joffri garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi kull dubju leġittimu, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li xejn ma kien jindika li kien ikun diffiċli għall-Parlament li jagħżel, minn fost l-uffiċjali tiegħu, persuna li ma kellha ebda għarfien minn qabel tal-fatti tal-każ u li għalhekk ma kienet tqajjem, f’moħħ UZ, ebda dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tagħha. |
|
62 |
Fid-dawl tal-elementi hekk esposti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li, billi ħatar bħala investigatur inkarigat mill-aspett “dixxiplinari” tal-investigazzjoni amministrattiva membru tad-DĠ PERS li kien diġà ltaqa ma wieħed mil-lanjanti, il-Parlament ma kienx osserva l-obbligu ta’ imparzjalità oġġettiva impost fuqu. |
|
63 |
F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Parlament li jgħid li l-konstatazzjoni ta’ parzjalità adottata mill-Qorti Ġenerali fil-konfront tal-investigatur inkarigat mill-aspett “tal-fastidju” tal-investigazzjoni amministrattiva kienet imsejsa fuq żnaturament tal-provi, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa r-riżultat ta’ qari żbaljat tas-sentenza appellata. fil-fatt, fil-punt 57 ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset li l-investigatur inkarigat mill-aspett “tal-fastidju” tal-investigazzjoni amministrattiva kien, qabel ma ġie maħtur investigatur, president tal-kumitat konsultattiv li kien iddeċieda li l-ġestjoni tal-unità ta’ UZ kellha tingħadda lil persuna oħra. Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Parlament, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma indikat li l-miżuri provviżorji ta’ tneħħija ta’ UZ mill-funzjonijiet tagħha ta’ kap ta’ unità kienu ġew deċiżi mill-investigatur ikkonċernat. Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 3 tas-sentenza appellata, li kien id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS li kien indika lil-lanjanti li kienu ġew deċiżi miżuri provviżorji u, fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, li kien dan il-kumitat konsultattiv fit-totalità tiegħu, u mhux biss il-president ta’ dan il-kumitat, li kien irrakkomanda, wara t-talba għal assistenza tal-lanjanti, li l-ġestjoni tal-unità li tagħha UZ kienet il-kap tingħadda lil persuna oħra. F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rakkomandazzjoni ta’ din in-natura tifforma parti minn dawk li l-imsemmi kumitat konsultattiv, inkluż il-president tiegħu, jista’ jasal li jifformula fir-rigward tal-għażla tal-miżuri provviżorji li għandhom jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
64 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegat żnaturament tal-punti ta’ fatt u tal-provi ma huwiex stabbilit. |
|
65 |
B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondati. |
Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
66 |
Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament isostni li, anki jekk jitqies li anki jekk jitqies li setgħu jiġu identifikati irregolaritajiet proċedurali, il-Qorti Ġenerali messha ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, inkluż in-numru kunsiderevoli ta’ lanjanti, il-gravità tan-nuqqasijiet imwettqa minn UZ u l-fatt li din tal-aħħar kienet ibbenefikat minn diversi garanziji, bħalma huma l-preżenza tal-avukat tagħha fl-istadji kollha tal-proċedura. Għalhekk, sa fejn ġie deċiż, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li investigazzjoni mwettqa b’reqqa u b’imparzjalità setgħet twassal għal evalwazzjoni inizjali oħra tal-fatti u tirriżulta f’konsegwenzi differenti, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
67 |
Barra minn hekk, is-sentenza appellata hija affettwata wkoll minn kontradizzjoni bejn il-motivi, peress li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li evalwazzjoni oħra tal-fatti kienet possibbli u, għaldaqstant, li seta’ jiġi kkonċepit riżultat ieħor minbarra dak adottat mill-Awtorità tal-Ħatra u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat, fil-punti 106 sa 109 tal-imsemmija sentenza, li n-nuqqasijiet invokati fil-konfront ta’ UZ kienu jidhru suffiċjentement gravi u fondati sabiex iwasslu għaċ-ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza u sabiex jiġġustifikaw li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
68 |
Skont UZ, l-argument tal-Parlament għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
69 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-Parlament li jgħid li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża, inkluża l-gravità tan-nuqqasijiet imputabbli lil UZ u n-numru ta’ lanjanti, kif ukoll il-garanziji li minnhom ibbenefikat UZ matul il-proċedura dixxiplinari, bħall-preżenza tal-avukat tagħha f’kull stadju ta’ din il-proċedura, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tkun tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, EKETA vs Il‑Kummissjoni, C‑274/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:853, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, Manea vs CdT, C‑892/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:30, punt 91). |
|
70 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk is-sentenza appellata hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni qabel ma jiġi eżaminat l-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti. |
|
71 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, qabel kollox, fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li, minn naħa, sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ tiġġustifika l-annullament tal-att, għandu jirriżulta li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest ta’ tali eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa meta mqabbla mal-garanziji li minnhom ibbenefika l-uffiċjal. |
|
72 |
Wara dan, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 62 u 63 tal-imsemmija sentenza, li l-investigazzjoni amministrattiva imparzjali, li tikkostitwixxi l-ewwel fażi tal-proċedura dixxiplinari, tissuġġetta l-eżerċizzju mill-Awtorità tal-Ħatra tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-azzjoni li għandha tittieħed u li din l-azzjoni tista’ twassal, fl-aħħar, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat li huwa abbażi ta’ din l-investigazzjoni u tas-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat li l-Awtorità tal-Ħatra tevalwa, l-ewwel, jekk hemmx lok jew le li tinfetaħ proċedura dixxiplinari vera u proprja, it-tieni, jekk din għandhiex, skont il-każ, tikkonsisti fit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari jew le u, it-tielet, meta tibda l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-fatti li ġew ippreżentati quddiem l-imsemmi bord. |
|
73 |
Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, peress li l-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku l-investigazzjoni amministrattiva twettqet b’reqqa u imparzjalità, l-imsemmija investigazzjoni setgħet twassal għal evalwazzjoni inizjali oħra tal-fatti, u għalhekk tirriżulta f’konsegwenzi differenti. |
|
74 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, immotivata suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjonijiet tagħha li jinsabu fil-punt 64 tal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
75 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Parlament li jgħid li l-Qorti Ġenerali messha ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-konsegwenzi tal-irregolaritajiet li affettwaw il-proċedura dixxiplinari, ċirkustanzi fattwali bħalma huma l-gravità tan-nuqqasijiet imputabbli lil UZ, in-numru ta’ lanjanti u l-fatt li UZ ibbenefikat mill-preżenza ta’ avukat f’kull stadju tal-imsemmija proċedura, għandu jiġi osservat li dan l-argument huwa inammissibbli sa fejn, permezz tiegħu, il-Parlament qiegħed, fil-verità, ifittex li jikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-punti ta’ fatt, mingħajr madankollu ma jallega żnaturament ta’ dawn il-punti mill-Qorti Ġenerali. Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, tali evalwazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
76 |
Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Parlament li jgħid li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 64 tas-sentenza appellata hija f’kontradizzjoni mal-evalwazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punti 106 sa 109 tal-imsemmija sentenza, huwa biżżejjed li jitqies li dawn l-aħħar punti jirrigwardaw l-eżami ta’ proċedura oħra li ma hijiex il-proċedura dixxiplinari, jiġifieri t-talba għal assistenza ppreżentata minn UZ abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li ma jistax jinstab li kien hemm xi kontradizzjoni. |
|
77 |
Mill-elementi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondata. |
|
78 |
B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala, parzjalment inammissibbli u, parzjalment, infondat. |
Fuq it-tieni u t-tielet aggravju
|
79 |
It-tieni u t-tielet aggravju huma intiżi kontra r-raġunijiet tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-tieni motiv invokat minn UZ, li kien jirrigwarda n-nuqqas ta’ regolarità tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari u l-assenza ta’ smigħ mill-awtorità kompetenti wara dawn ix-xogħlijiet. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza tabilħaqq stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, ilmenti kontra raġunijiet mogħtija għall-kompletezza ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, għaliex dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Gollnisch vs Il‑Parlament, C‑676/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:916, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Issa, ir-raġunijiet tas-sentenza appellata kkritikati fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravju huma għall-kompletezza. Fil-fatt, wara li laqgħet l-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ regolarità tal-investigazzjoni amministrattiva u għalhekk qieset li t-talbiet ta’ UZ intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu kellhom jiġu milqugħa, il-Qorti Ġenerali qieset li kien utli, hekk kif jirriżulta mill-punt 66 tas-sentenza appellata, għal raġunijiet marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li teżamina t-tieni motiv invokat minn UZ. |
|
82 |
Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
|
83 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-appell inċidentali
|
84 |
Insostenn tal-appell inċidentali, UZ tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
85 |
Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, UZ tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 41(2) tal-Karta. Skont UZ, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, hija kellha tiġi mismugħa mill-Parlament qabel ma dan tal-aħħar jiċħad it-talba tagħha għal assistenza mressqa abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
86 |
Skont il-Parlament, l-argument ta’ UZ għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
87 |
UZ issostni li hija kellha tiġi mismugħa mill-Parlament, konformement mal-Artikolu 41(2) tal-Karta, qabel ma dan tal-aħħar jiddeċiedi li jiċħad t-talba tagħha għal assistenza. |
|
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. |
|
89 |
Għalhekk, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 68, kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
90 |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiġi ggarantit li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti li l-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li persuna li, abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun ressqet talba għal assistenza minħabba li tkun is-suġġett ta’ theddid tista’ tibbenefika mid-dritt għal smigħ dwar il-fatti li jikkonċernawha, abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
92 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS ċaħad it-talba għal assistenza mressqa minn UZ abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi miżura individwali meħuda kontriha li tolqotha negattivament, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta. |
|
93 |
Issa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza mressqa minn UZ billi bbażat ruħha kemm fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 tas-sentenza appellata li tgħid li l-amministrazzjoni ma għandhiex tkun marbuta tassisti uffiċjal issuspettat, fid-dawl ta’ elementi speċifiċi u rilevanti, li naqas b’mod serju mit-twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu u li f’dan ir-rigward huwa suġġett għal proċeduri dixxiplinari, anki meta tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun seħħ favur aġir irregolari ta’ terz, kif ukoll fuq il-fatti msemmija fil-punti 108 u 109 tal-imsemmija sentenza. |
|
94 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-Artikolu 177(1)(c) u mill-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell inċidentali għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li tagħhom qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Gollnisch vs Il‑Parlament, C‑122/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:370, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Issa, f’dan il-każ, UZ ma tindikax b’liema mod il-ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta invalida l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza appellata, li fihom din tal-aħħar ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza mressqa minnha. |
|
96 |
B’mod partikolari, UZ ma tippreċiżax, permezz ta’ argumenti legali suffiċjenti, ir-raġunijiet li għalihom il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 107 tas-sentenza appellata ma hijiex applikabbli għal-kawża preżenti. Bl-istess mod, UZ ma tinvoka ebda żnaturament tal-punti ta’ fatt imsemmija fil-punti 108 u 109 tal-imsemmija sentenza. |
|
97 |
Minn dan jirriżulta li l-appell inċidentali ppreżentat minn UZ ma jissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza. |
|
98 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
99 |
Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, UZ issostni li l-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS li ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 48 tagħha. Fil-fatt, il-Parlament kien assuma li hija kienet ħatja u, għaldaqstant, kiser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza msemmi f’dan l-artikolu. |
|
100 |
Skont il-Parlament, l-argument ta’ UZ għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, infondat. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
101 |
Hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li tagħhom qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Schneider vs EUIPO, C‑116/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:501, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
102 |
Issa, billi llimitat ruħha għal dikjarazzjoni ta’ natura ġenerali mingħajr ma esponiet suffiċjentement skont il-liġi b’liema mod, fil-fehma tagħha. il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 48 tal-Karta, l-argumenti magħmula minn UZ ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti. |
|
103 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
104 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-appell inċidentali jiġi miċħud fit-totalità tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
105 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jipprevedi li kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jintalbu. |
|
106 |
Peress li l-Parlament tilef fl-appell prinċipali tiegħu, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati mal-appell prinċipali, kif mitlub minn UZ. |
|
107 |
Peress li UZ tilfet fl-appell inċidentali tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali, kif mitlub mill-Parlament. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tiddikjara u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.