SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/24/UE – Artikoli 32u 56 – Tarifikazzjoni għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja – Indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura – funzjonijiet tal-korp regolatorju – Kunċett ta’ ‘kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju’ – Dritt esklużiv fuq taqsima ferrovjarja – Operatur ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawża C‑144/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

AS “LatRailNet”,

VAS “Latvijas dzelzceļš

vs

Valsts dzelzceļa amministratriċi ācija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VAS “Latvijas dzelzceļš” VAS, minn D. Driče, advokāte,

għall-Valsts dzelzceļa administrācija, minn J. Zālītis, J. Zicāns u J. Iesalnieks,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn I. Naglis u W. Mölls, u minn C. Vrignon, sussegwentement minn C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1) u tal-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 196, p. 67 u fil-ĠU 2015, L 67, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn AS “LatRailNet” u VAS “Latvijas dzelzceļš” (iktar ’il quddiem “LD”) u l-Valsts dzelzceļa amministraācija (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Ferroviji, il-Latvja), dwar il-kontestazzjoni ta’ żewġ atti adottati minn din tal-aħħar, rispettivament, fis-27 ta’ Ġunju 2018 u fis-7 ta’ Novembru 2018.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2012/34

3

Il-premessi 19 u 76 tad-Direttiva 2012/34 jipprovdu:

“(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq [, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1)] jawtorizza lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku li jista’ jkun fihom drittijiet esklussivi biex jitħaddmu ċerti servizzi. Hu għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament ikunu konsistenti mal-prinċipju li s-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri jinfetħu għall-kompetizzjoni.

[…]

(76)

L-immaniġġjar effiċjenti u ġust u l-użu nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li jaġixxi bħala korp ta’ appell, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ analiżi ġudizzjarja. Tali korp regolatorju għandu jkun jista’ jinforza t-talbiet tiegħu għal informazzjoni u d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ penali amministrattivi adatti.”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Indipendenza tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura”, fil-paragrafu (2) tiegħu jipprevedi:

“Waqt li jirrispetta l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar it-tqegħid ta’ piżijiet u dwar l-allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun responsabbli għall-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.”

5

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali ta’ maniġer tal-infrastruttura”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet essenzjali li jiddeterminaw aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura, ikunu fdati lil korpi jew ditti li ma jkunux jipprovdu huma nfushom servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, għandu jintwera li dan l-għan ikun inkiseb.

Il-funzjonijiet essenzjali għandhom ikunu:

(a)

it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija individwali, u

(b)

it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-piżijiet fuq l-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tal-piżijiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(1).

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor ir-responsabbiltà li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja, per eżempju permezz tal-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.

[…]”

6

–Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, intitolata “L-imposti tal-infrastruttura u tas-servizzi”, tiġbor fiha l-Artikoli 29 sa 37 ta’ din id-direttiva.

7

L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Stabbiliment, determinazzjoni u ġbir ta’ imposti”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-imposti waqt li jirrispettaw l-indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4.

Mingħajr preġudizzju għal dik il-kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-imposti jew jiddelegaw dawn is-setgħat lill-maniġers tal-infrastruttura.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni tan-netwerk tkun tinkludi l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti jew tindika sit elettroniku fejn jiġu ppubblikati l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiddetermina u jiġbor il-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura skont il-qafas ta’ tqegħid tal-imposti u r-regoli tat-tqegħid tal-imposti stabbiliti.

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-maniġment stabbilit fl-Artikolu 4 u dment li d-dritt ikun ingħata direttament mil-liġi kostituzzjonali qabel [il-]15 ta’ Diċembru 2010, il-parlament nazzjonali jista’ jkollu d-dritt li jiskrutinizza u, fejn xieraq, jirrevedi l-livell tal-imposti determinati mill-maniġer tal-infrastruttura. Kwalunkwe reviżjoni tali għandha tiżgura li l-imposti jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, il-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti.

2.   Għajr għal meta jsiru arranġamenti speċifiċi skont l-Artikolu 32(3), il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-iskema tat-tqegħid tal-imposti li tkun fis-seħħ hija bbażata fuq l-istess prinċipji fin-netwerk kollu tagħhom.

[…]”

8

L-Artikolu 31 ta’din id-direttiva, intitolat “Il-Prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu:

“5.   Abbażi tal-esperjenza miksuba minn maniġers tal-infrastruttura, impriżi ferrovjarji, korpi regolatorji u awtoritajiet kompetenti, u r-rikonoxximent ta’ skemi eżistenti dwar id-differenzjar tal-ħoss, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju, inkluż id-durata tal-applikazzjoni tagħhom u tgħin id-differenzjar tal-imposti fuq l-infrastruttura tieħu skont, fejn xieraq, tas-sensittività taż-żona affettwata, b’mod partikolari f’termini tad-daqs tal-popolazzjoni affettwata, u l-kompożizzjoni tal-ferrovija b’impatt fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ storbju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 62(3). Dawn m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju.”

9

L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”, jipprevedi, fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafi (1) u (4) tiegħu:

“1.   Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju. Is-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandha tirrispetta ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji.

Iżda l-livell tal-imposti ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas l-ispejjeż imġarrba direttament b’riżultat tat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq.

Qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali mark-ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq, filwaqt li jqisu mill-inqas il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jżommu dawk rilevanti. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq definita mill-maniġers tal-infrastruttura għandu jkun fiha mill-inqas dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri.

Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddistingwu wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott bażiku jew il-passiġġieri li jkunu qed jiġu trasportati.

It-taqsimiet tas-suq fejn attwalment ma jkunux qed jaħdmu impriżi ferrovjarji iżda li jistgħu jipprovdu servizzi matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandhom ukoll jiġu definiti. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jinkludi mark-up fis-sistema tat-tqegħid tal-imposti għal dawk it-taqsimiet tas-suq.

Il-lista tat-taqsimiet tas-suq għandha tiġi ppubblikata fl-istqarrija tan-netwerk u għandha tiġi riveduta kull ħames snin. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jikkontrolla dik il-lista f’konformità mal-Artikolu 56.

[…]

4.   […]

Qabel [is-]16 ta’ Ġunju 2015 u b’segwitu għal valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu modalitajiet li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tad-differenzjar tali-mposta tal-infrastruttura skont skeda ta’ żmien konformi mal-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni tal-ERTMS stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/561/KE [tat-22 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/679/KE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU 2009, L 194, p. 60)] u filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jirriżultax f’imposta ġenerali fid-dħul għall-maniġer tal-infrastruttura. Dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jadattaw il-modalitajiet tad-differenzjar applikabbli għall-ferroviji li joperaw servizzi lokali u reġjonali bl-użu ta’ sezzjoni limitata tal-kurituri ferrovjarji fid-Deċiżjoni 2009/561/KE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 62(3). Dawn m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju. Dawn m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju.”

10

L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Funzjonijiet tal-korp regolatorju”, jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:

(a)

id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;

(b)

il-kriterji stabbiliti fiha;

(c)

il-proċess tal-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

d)

l-iskema tal-piżijiet;

e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

f)

l-arranġamenti għall-aċċess skont l-Artikoli 10 sa 13;

g)

l-aċċess u t-tqegħid ta’ imposti għas-servizzi skont l-Artikolu 13.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jimmonitorja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji u għandu, b’mod partikolari, jikkontrolla l-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.

[…]

6.   Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervjeni jekk in-negozjati potenzjalment jiksrux r-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1370/2007

11

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(e)

‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

f)

‘dritt esklussiv’ tfisser dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit-30 ta’ Ġunju 2017, LatRailNet, bħala entità inkarigata milli teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34, approvat is-sistema ta’ tariffi tas-settur tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri pprovduti skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, billi applikat fil-konfront tagħha kriterju ta’ valur stabbilit għal 1, jiġifieri l-indiċi ta’ żieda massima, filwaqt li l-kriterju applikabbli għat-taqsimiet l-oħra kien iddeterminat abbażi ta’ opinjoni esperta.

13

Fis-27 ta’ Ġunju 2018, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, bħala korp regolatorju, fis-sens tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34, adottat deċiżjoni li permezz tagħha imponiet fuq LatRailNet li temenda s-sistema ta’ tarifikazzjoni applikabbli għas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”).

14

Din id-deċiżjoni hija mmotivata mill-fatt li d-Direttiva 2012/34 tipprevedi li ż-żidiet huma applikabbli biss meta s-suq jippermetti dan u konformement mar-regola li t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ma għandhomx jostakolaw l-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi għat-taqsimiet tas-suq li jistgħu jkopru tal-inqas l-ispejjeż diretti. Skont l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, dan jimplika li l-applikazzjoni taż-żieda u d-determinazzjoni tal-ammont tagħha huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-kompetittività u tal-profittabbiltà tat-taqsima tas-suq ikkonċernata.

15

Id-dispożittiv tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża jindika li s-sistema ta’ tarifikazzjoni għandha tistabbilixxi kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet applikabbli għat-taqsima tas-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, bl-esklużjoni tal-ispejjeż previsti mill-baġit tal-Istat jew mill-baġits tal-awtoritajiet lokali li t-trasportaturi tal-passiġġieri ma humiex f’pożizzjoni li jkopru mid-dħul tat-trasport tagħhom stess.

16

Fis-26 ta’ Lulju 2018, LatRailNet adixxiet lill-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni, il-Latvja), b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

17

Insostenn ta’ dan ir-rikors, LatRailNet sostniet li l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija kienet eċċediet is-setgħat tagħha ta’ korp regolatorju sa fejn hija kienet imponiet modifika tas-sistema ta’ tariffi u indikat il-kontenut preċiż li għandu jiġi inkluż fiha, filwaqt li hija biss l-entità inkarigata milli teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja li għandha tali kompetenza.

18

Fil-21 ta’ Awwissu 2018, LatRailNet emendat is-sistema ta’ tarifikazzjoni billi pprovdiet li, fis-settur tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, ir-rata ta’ żieda hija wkoll stabbilita abbażi ta’ opinjoni esperta.

19

Fl-20 ta’ Settembru 2018, LD, bħala amministratriċi tal-infrastruttura, ippreżentat rikors kontra l-emendi magħmula fis-sistema ta’ tariffi quddiem l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”).

20

LD ippreżentat, quddiem l-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), rikors kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża u din il-qorti għaqqdet il-proċedura dwar it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża ma’ dik dwar it-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

21

LD sostniet, essenzjalment, li l-Administration nationale des chemins de fer ma kellhiex, bħala korp regolatorju, il-kompetenza sabiex timmodifika s-sistema ta’ tariffi, sa fejn il-kompetenza tagħha hija marbuta mal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni b’rabta mas-sistema ta’ tarifikazzjoni.

22

Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-kumpannija ferrovjarja kkonċernata ngħatat id-dritt esklużiv li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku fuq linji ferrovjarji interurbani sat-30 ta’ Ġunju 2031 u peress li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, li għandu l-għan li jiggarantixxi kompetittività ottimali, ma huwiex intiż sabiex japplika għal taqsimiet tas-suq li fihom ma hemmx kompetizzjoni.

23

L-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) tenfasizza li l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li l-korp regolatorju jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess, sabiex jevita kull diskriminazzjoni bejn il-kandidati, fatt li barra minn hekk ġie kkonfermat minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Barra minn hekk, l-Artikoli 4 u 7 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura u l-funzjonijiet essenzjali tiegħu, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li tali amministratur għandu jkollu ċertu marġni ta’ manuvra li tippermettilu jadotta tal-inqas deċiżjonijiet li jinkludu għażliet u evalwazzjonijiet dwar il-fatturi li abbażi tagħhom isir il-kalkolu.

25

L-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) tirrileva wkoll li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li l-applikazzjoni taż-żidiet għal taqsimiet tas-swieq speċifiċi għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-effetti ta’ dawn iż-żidiet fuq it-taqsima tas-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, konsegwentement, il-kompetittività ta’ din it-taqsima. Barra minn hekk, għalkemm il-premessa 19 ta’ din id-direttiva tirreferi għat-taqsimiet tas-suq ipprovduti skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, l-imsemmija direttiva ma tipprevedix eċċezzjoni għall-evalwazzjoni ta’ kompetittività għal dan it-tip ta’ taqsima tas-suq.

26

L-imsemmija qorti tqis li, skont l-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34, il-korp regolatorju jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess biss sabiex jipprevjeni kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-kandidati u li, meta jiddetermina l-ammont taż-żidiet għat-taqsima tas-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, huwa għandu b’mod partikolari jeżamina l-kompetittività ta’ din it-taqsima.

27

Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar din l-interpretazzjoni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lill-korp regolatorju s-setgħa li jadotta, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, deċiżjoni li timponi li l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva tintroduċi ċerti emendi għar-regoli (sistema) ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja li ma jimplikaw ebda diskriminazzjoni fil-konfront tal-kandidati?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-korp regolatorju għandu s-setgħa, abbażi ta’ tali deċiżjoni, li jistabbilixxi il-kundizzjonijiet li dawn l-emendi għandhom jipprevedu, b’mod partikolari billi jiġi impost obbligu li jiġu esklużi mill-kriterji għall-iffissar tal-ħlas għall-użu tal-infrastruttura l-ispejjeż previsti għall-baġit tal-Istat jew il-baġits tal-amministrazzjonijiet lokali li t-trasportaturi tal-passiġġieri ma humiex f’pożizzjoni li jkopru mid-dħul mit-trasport?

3)

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost f’dan il-paragrafu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu kompetittivita ottimali ta’ partijiet tas-suq ferrovjarju, fid-determinazzjoni taż-żidiet applikabbli għall-ħlas għall-użu tal-infrastruttura għall-partijiet ta’ suq mingħajr kompetizzjoni, minħabba b’mod partikolari li, fil-parti tas-suq ikkonċernat, it-trasport huwa assigurat biss minn impriża waħda li ngħatat id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007 sabiex topera fuq din il-parti tas-suq?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Filwaqt li l-ewwel domanda tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, minn din il-perspettiva, hija għandha tifformula mill-ġdid id-domandi. Barra minn hekk, sabiex tipprovdi tali risposta utli, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter, C‑361/19, EU:C:2021:71, punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-funzjonijiet l-oħra tal-korp regolatorju previsti fl-Artikolu 56 tal-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, il-paragrafi 6 u 9 ta’ dan l-Artikolu 56.

31

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-korp tal-kontroll is-setgħa li jadotta fuq l-inizjattiva tiegħu stess deċiżjoni li timponi fuq l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li tagħmel ċerti emendi għas-sistema ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja meta ma timplikax diskriminazzjoni fir-rigward tal-kandidati.

32

Hemm lok, minn naħa, li jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 56(6) tipprevedi li “[i]l-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji”.

33

Issa, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 tinkludi regoli dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi u ħlasijiet.

34

Konsegwentement, mill-Artikolu 56(6) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-korp regolatorju huwa kompetenti sabiex jevalwa l-konformità tat-tariffi ffissati mill-amministratur tal-infrastruttura mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva mingħajr ma dan l-istħarriġ ikun limitat għall-evalwazzjoni tan-natura eventwalment diskriminatorja ta’ dawn it-tariffi.

35

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li l-korp regolatorju, jekk ikun il-każ, għandu jieħu l-miżuri xierqa fuq l-inizjattiva tiegħu stess sabiex jikkoreġi kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-kandidati, kwalunkwe distorsjoni tas-suq u kull żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dawn is-swieq, b’mod partikolari fid-dawl tal-paragrafu 1(a) sa (g) ta’ dan l-Artikolu 56. Issa, peress il-paragrafu 1(d) tal-imsemmi Artikolu 56 jirrigwarda preċiżament is-sistema ta’ tariffi, l-imsemmi Artikolu 56(9) konsegwentement jagħti lill-korp regolatorju l-possibbiltà li jistħarreġ ex officio, fil-kuntest ta’ tali sistema ta’ tariffi, kull ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mhux biss dawk li huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bejn il-kandidati.

36

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessa 76 tad-Direttiva 2012/34 li tiddikjara, b’mod partikolari, b’mod ġenerali, li l-korp regolatorju huwa inkarigat mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva.

37

Barra minn hekk, din is-setgħa tal-korp regolatorju ma hijiex suġġetta għat-tressiq ta’ lment jew ta’ appell u tista’, għalhekk, tiġi eżerċitata ex officio.

38

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-korp tal-kontroll is-setgħa li jadotta, fuq inizjattiva tiegħu stess, deċiżjoni li timponi fuq l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li tagħmel ċerti emendi għas-sistema ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja meta ma timplikax diskriminazzjoni fir-rigward tal-kandidati.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li korp regolatorju, billi jimponi modifiki lill-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, jista’ jiffissa kundizzjonijiet li dawn l-emendi għandhom jipprevedu u, b’mod konkret, jekk jistax jimponi li jiġu esklużi mill-kriterji ta’ ffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura l-ispejjeż previsti mill-baġit tal-Istat jew mill-baġits tal-awtoritajiet lokali, li l-impriżi ferrovjarji ta’ dħul mill-passiġġieri tagħhom ma jkunux jistgħu jkopru.

40

Għandu jiġi osservat li din id-domanda tinkludi żewġ partijiet. Il-qorti tar-rinviju, minn naħa, tistaqsi jekk id-deċiżjoni tagħha tistax timponi, b’mod ġenerali, kontenut speċifiku tal-emenda rikjesta u, min-naħa l-oħra, tidentifika b’mod konkret miżura speċifika u tistaqsi jekk din il-miżura tistax tiġi imposta.

41

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 5, p. 404), kien jinkludi dispożizzjonijiet, bħal dawk tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34, kif ukoll dawk tal-Artikolu 4(2) tagħha, li għalih jirreferi dan l-Artikolu 29(1), kienu jirrigwardaw l-indipendenza tal-amministrazzjoni lill-amministratur tal-infrastruttura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiggarantixxi tali indipendenza, l-amministratur tal-infrastruttura għandu, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif iddefinit mill-Istati Membri, ikollu ċertu marġni ta’ flessibbiltà għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li jippermettilu jużaha bħala strument ta’ amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Din l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm fir-relazzjonijiet ta’ dan l-amministratur mal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punti 4546), kif ukoll f’dawk li jeżistu bejn l-imsemmi amministratur u l-impriżi ferrovjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑473/10, EU:C:2013:113, punt 79).

43

Għalkemm tali indipendenza tal-amministratur tapplika wkoll fir-rigward tal-korp regolatorju, għandu, madankollu, jiġi enfasizzat li l-imsemmija indipendenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi bejn l-amministratur tal-infrastruttura, b’mod partikolari fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tiegħu msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34, u l-entitajiet l-oħra li lilhom din id-direttiva tattribwixxi kompetenzi.

44

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jirrigwarda s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għall-intaxxar ta’ tariffi, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Bl-istess mod, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-istħarriġ tal-legalità li l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 assenja lill-korp regolatorju jaqa’ taħt it-tqassim tal-kompetenzi prevista minn din d-direttiva bejn dan il-korp regolatorju u l-amministratur tal-infrastruttura. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ tal-legalità mill-korp regolatorju jippreġudika l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura li l-imsemmija direttiva tiggarantixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 46). B’hekk, għal dan l-eżerċizzju, il-korp regolatorju huwa awtorizzat jindika lill-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja l-modifiki li għandhom isiru fis-sistema ta’ tariffi sabiex jiġu rrimedjati l-inkompatibbiltajiet ta’ din is-sistema mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2012/34.

46

Madankollu, f’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 jew tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Il-korp regolatorju ma huwiex awtorizzat jobbliga lill-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja tissottometti ruħha għall-evalwazzjoni tagħha ta’ opportunità, peress li, b’dan il-mod, il-korp regolatorju jippreġudika l-marġni ta’ manuvra li għandu jkollu dan l-amministratur, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

47

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu introdotti f’sistema ta’ tariffi li l-korp regolatorju huwa awtorizzat jimponi fuq l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom ikunu mmotivati mill-ksur tad-Direttiva 2012/34 u għandhom sempliċement jirrimedjaw sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà u ma jistgħux jinkludu evalwazzjonijiet ta’ opportunità ta’ dan il-korp, li jippreġudikaw il-marġni ta’ manuvra ta’ dan l-amministratur.

48

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi element konkret u speċifiku tal-impożizzjoni ta’ tariffi li l-korp regolatorju jista’ eventwalment jimponi.

49

Għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni dwar in-natura tal-ispejjeż previsti mill-baġit tal-Istat jew mill-baġit tal-awtoritajiet lokali li huma esklużi mill-kriterji għal iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Fi kwalunkwe każ, il-kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lil impriża ferrovjarja ma jistax jitqies bħala tariffa għall-użu tal-infrastruttura.

50

Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li josservaw l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura. Mingħajr preġudizzju għal dik il-kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-imposti jew jiddelegaw dawn is-setgħat lill-maniġers tal-infrastruttura.

51

Il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma fih ebda informazzjoni li tgħid li l-Istat Membru kkonċernat kien stabbilixxa tali regoli dwar it-tariffi speċifiċi. Jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li din ir-responsabbiltà ġiet fdata lill-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja.

52

F’din is-sitwazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn il-korp regolatorju u l-impriża li teżerċita dawn il-funzjonijiet essenzjali huma ddeterminati mill-prinċipji esposti fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda ma teħtieġx interpretazzjoni addizzjonali ta’ dawn il-prinċipji, iżda teżiġi li dawn jiġu applikati mill-qorti nazzjonali.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-kuntest tagħha hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dritt tal-Unjoni u l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika dan id-dritt hekk interpretat għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (digriet tad-19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld, C‑645/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1108, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Konsegwentement, ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrispondi għat-tieni parti tat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

56

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika, inkluż fir-rigward tal-kriterju ta’ kompetittività ottimali tat-taqsimiet tas-suq ferrovjarju, fir-rigward ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju mingħajr kompetizzjoni, b’mod partikolari meta huma operati minn operatur ta’ servizz pubbliku li, skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, ingħata dritt esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007.

57

Għandu jiġi rrilevat, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “kompetittività”, imsemmi fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, huwa differenti minn dak ta’ “kompetizzjoni” u li d-dispożizzjonijiet li fihom jinsab l-ewwel wieħed minn dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din l-ispeċifiċità.

58

Din id-distinzjoni tirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34. Fil-fatt, it-terminu “kompetittività” huwa, fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, iddedikat għat-tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura, użat, minn naħa, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(5) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-atti ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni li jiddeterminaw il-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tat-tariffi li jikkorrispondu għall-ispiża tal-effetti tal-ħoss “m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju”, u, min-naħa l-oħra, fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(4), li jipprevedi li l-atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti biex tiġi stabbilita differenzjazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura “m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju”.

59

Għaldaqstant, dan il-kunċett ta’ “kompetittività” ma huwiex relatat mal-kompetizzjoni bejn impriżi ferrovjarji iżda mal-kompetittività tas-settur ferrovjarju kkunsidrat meta mqabbel mal-modi l-oħra ta’ trasport.

60

Minn dan isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju”, kif prevista fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, japplika wkoll għat-taqsimiet tas-suq mingħajr kompetizzjoni, b’mod partikolari meta l-parti kkonċernata tkun operata minn operatur ta’ servizz pubbliku li, skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, ikun ingħata dritt esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007.

61

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi espressament li l-lista tat-taqsimiet tas-suq stabbilita mill-amministraturi tal-infrastruttura sabiex tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni tar-rilevanza taż-żidiet fit-tariffi għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, li, kif tippreċiża l-premessa 19 ta’ din id-direttiva, jista’, skont ir-Regolament Nru 1370/2007, “jkun fih[…] drittijiet esklussivi biex jitħaddmu ċerti servizzi”.

62

F’dan ir-rigward, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li operatur ta’ servizz pubbliku jwettaq obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007, u jingħata f’dan ir-rigward dritt esklużiv fuq segment ferrovjarju ma jeskludix li l-operat ta’ dan is-settur jista’ jilħaq ċertu grad ta’ profittabbiltà li jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ żidiet.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, inkluż fir-rigward tal-kriterju ta’ kompetittività ottimali tas-taqsimiet tas-suq ferrovjarju, fir-rigward ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju mingħajr kompetizzjoni, b’mod partikolari meta huma operati minn operatur ta’ servizz pubbliku li, skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, ingħata dritt esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-korp tal-kontroll is-setgħa li jadotta, fuq inizjattiva tiegħu stess, deċiżjoni li timponi fuq l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li tagħmel ċerti emendi għas-sistema ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja meta ma timplikax diskriminazzjoni fir-rigward tal-kandidati.

 

2)

L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu introdotti f’sistema ta’ tariffi li l-korp regolatorju huwa awtorizzat jimponi fuq l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom ikunu mmotivati mill-ksur tad-Direttiva 2012/34 u għandhom sempliċement jirrimedjaw sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà u ma jistgħux jinkludu evalwazzjonijiet ta’ opportunità ta’ dan il-korp, li jippreġudikaw il-marġni ta’ manuvra ta’ dan l-amministratur.

 

3)

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, inkluż fir-rigward tal-kriterju ta’ kompetittività ottimali tat-taqsimiet tas-suq ferrovjarju, fir-rigward ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju mingħajr kompetizzjoni, b’mod partikolari meta huma operati minn operatur ta’ servizz pubbliku li, skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, ingħata dritt esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 2 (f) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.