SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 4(3) u (4) – Kunċett ta’ ‘dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ miżura nnotifikata mas-suq komuni’ – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-enerġija għall-perijodu 2014-2020 – Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat – Kuntatti ta’ ‘qabel in-notifika’ – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Suq tal-kapaċità tal-elettriku fir-Renju Unit”

Fil-Kawża C‑57/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Jannar 2019

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u P. Němečková, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Tempus Energy Ltd, stabbilita f’Pontypridd (ir-Renju Unit),

Tempus Energy Technology Ltd, stabbilita f’Pontypridd,

irrappreżentati minn J. Derenne u D. Vallindas, avocats, kif ukoll minn C. Ziegler, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn F. Shibli kif ukoll minn S. McCrory u Z. Lavery, sussegwentement minn F. Shibli u S. McCrory, assistiti minn G. Facenna, QC, kif ukoll minn D. Mackersie, barrister,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Novembru 2018, Tempus Energy u Tempus Energy Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑793/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:790), li permezz tagħha annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5083 final tat‑23 ta’ Lulju 2014 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna relatata mas-suq tal-kapaċità fir-Renju Unit (Għajnuna mill-Istat 2014/N-2) (ĠU 2014, C 348, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 11, p. 339) intitolat “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu:

“2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107](1)[ TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108](2)[ TFUE] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa “deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni”).

5.   Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. Dan il-perjodu jista’ jkun estiż bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u sew ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa limiti ta’ żmien iqsar.”

3

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”

Il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika

4

Il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Aħjar Prattika”) jinkludi, b’mod partikolari, it-Titolu 3, intitolat “Kuntatti ta’ qabel in-notifika”, li fih jinsabu l-punti 10 sa 18 ta’ dan il-kodiċi. Il-punti 10 sa 16 huma fformulati kif ġej:

“10. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi l-valur miżjud tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika, anke f’każijiet li jidhru standard. Kuntatti ta’ qabel in-notifika jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istat Membru li jinnotifika bil-possibbiltà li jiddiskuti l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ proġett propost b’mod informali u kunfidenzjali qabel in-notifika, u b’hekk iżid il-kwalità u kompletezza tan-notifiki. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru u s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll b’mod konġunt jiżviluppaw proposti kostruttivi sabiex jiġu emendati aspetti problematiċi ta’ miżura ppjanata. Din il-fażi għalhekk tħejji t-triq għal trattament ta’ notifiki aktar mgħaġġel, ladarba jiġu ppreżentati formalment lill-Kummissjoni. Notifika minn qabel b’suċċess għandhom b’mod effettiv jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(2), 4(3) u 4(4) tar-Regolament [...] Nru 659/1999 fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika [...].

11. Kuntatti ta’ qabel in-notifika huma rakkomandati b’mod qawwi għal każijiet fejn hemm affarijiet ġodda partikolari jew fatturi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw diskussjonijiet preċedenti informali mas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda se tingħata gwida informali kull meta Stat Membru jitlob għaliha.

3.1. Kontenut

12. Il-fażi ta’ qabel in-notifika toffri l-possibbiltà li tiddiskuti u tipprovdi gwida lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata fil-formula tan-notifika sabiex jassigura li din tkun kompluta mid-data tan-notifika. Fażi ta’ notifika produttiva tippermetti wkoll diskussjonijiet, f’atmosfera miftuħa u kostruttiva, dwar kull kwistjoni sostantiva mqajma minn miżura ppjanata. Din hija partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda proġetti li ma setgħux jiġu aċċettati kif kienu u għalhekk kellhom jiġu rtirati jew emendati b’mod sinifikanti. Din tista’ wkoll tinkludi analiżi dwar id-disponibilità ta’ bażijiet legali oħra jew l-identifikazzjoni ta’ preċedenti relevanti. Barra minn hekk, suċċess fil-fażi ta’ qabel in-notifika jippermetti lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jindirizzaw kwistjonijiet prinċipali ta’ kompetizzjoni, analiżi ekonomika u fejn ikun xieraq, esperti esterni meħtieġa sabiex juru l-kompatibilità ta’ proġett ippjanat mas-suq komuni. L-Istat Membru li qed jinnotifika jista’ għalhekk jitlob ukoll lis-servizzi tal-Kummissjoni, qabel in-notifika, sabiex tneħħi l-obbligu li tingħata ċertu informazzjoni li ġiet prevista fil-formula tan-notifika li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ mhix meħtieġa għall-eżami tagħha. Finalment, il-fażi ta’ qabel in-notifika hija deċisiva sabiex tiddetermina jekk każ jikkwalifikax prima facie għat-trattament taħt il-proċedura simplifikata [...]

3.2. Ambitu u żminijiet

13. Sabiex tippermetti fażi ta’ qabel in-notifika li hija kostruttiva u effiċjenti, hu fl-interess ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ proġett għall-għajnuna mill-Istat ppjanat, fuq il-bażi ta’ formula ta’ notifika abbozzata. Sabiex ikun assigurat it-trattament ta’ malajr tal-każ, kuntatt permezz ta’ E-mails jew telefonati konferenza se jiġu ppreferuti aktar milli laqgħat. Is-servizzi tal-Kummissjoni normalment jorganizzaw l-ewwel kuntatt ta’ qabel innotifika fi żmien ġimgħatejn minn meta tasal il-formola ta’ notifika abbozzata.

14. Bħala regola ġenerali, kuntatti ta’ qabel in-notifika m’għandhomx jieħdu aktar minn xahrejn u wara għandha ssir notifika sħiħa. Fil-każ li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika ma jagħtux ir-riżultati mistennija, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jiddikjaraw l-għeluq tal-fażi ta’ qabel in-notifika. Madankollu, peress li ż-żminijiet u l-format tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika jiddependu fuq il-kumplessità tal-każ individwali, kuntatti ta’ qabel in-notifika jistgħu jdumu bosta xhur. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li, f’każijiet li huma partikolarment kumplessi (pereżempju għajnuna ta’ salvataġġ, għajnuna kbira għar-Riċerka u l-Iżvilupp, għajnuna individwali kbira jew skemi ta’ għajnuna partikolarment kbar jew kumplessi), l-Istati Membri jibdew il-kuntatti ta’ qabel in-notifika fi stadju kmieni kemm jista’ jkun sabiex jippermettu diskussjonijiet sodifaċenti.

15. Skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, jekk fil-kuntatti ta’ qabel in-notifika jiġi involut il-benefiċjarju tal-għajnuna dan ikun utli ħafna, b’mod partikolari għal każijiet b’implikazzjonijiet kbar tekniċi, finanzjarji u relatati ma’ proġett. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li l-benefiċjarji tal-għajnuna individwali jiġu involuti fil-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

16. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jipprovdu lill-Istat Membru kkonċernat b’valutazzjoni preliminari informali tal-proġett fl-aħħar tal-fażi ta’ qabel in-notifika, ħlief f’każijiet partikolarment ġodda jew kumplessi. Din il-valutazzjoni li ma torbotx mhux se tkun pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda gwida informali mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-kompletezza ta’ l-abbozz tan-notifika u l-kumpatibilità prima facie tal-proġett ippjanat mas-suq komuni. F’każijiet partikolarment kumplessi, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jipprovdu gwida bil-miktub, fuq talba tal-Istat Membru, dwar l-informazzjoni li għad trid tiġi mogħtija.”

Il-Linji Gwida 2014-2020

5

It-Titolu 3 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 2014-2012”), intitolat “Kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat[ TFUE]”, jinkludi t-test li ġej:

“(25)

Taqsima 3.2 tistipula l-kundizzjonijiet applikabbli ġenerali ta’ kompatibbiltà għall-miżuri kollha ta’ għaj nuna li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn il-Linji Gwida, sakemm it-taqsimiet aktar speċifiċi ta’ Kapitolu 3 jispeċifikaw jew jemendaw dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kompatibbiltà. Skont dan, it-Taqsima 3.2 tapplika b’mod parti kolari għal dawn il-miżuri li mhumiex parti mit-taqsimiet aktar speċifiċi tal-Kapitolu 3. [...]

[...]

3.1. Prinċipji Komuni tal-Valutazzjoni

[...]

(27)

[...] il-Kummissjoni se tikkunsidra li miżura ta’ għajnuna mill-Istat tkun kompatibbli mas-suq intern biss jekk jiġu ssodisfati kull waħda mill-kriterji li ġejjin:

[...]

e)

il-proporzjonalità tal-għajnuna (l-għajnuna miżmuma għall-minimu meħtieġ) l-għajnuna hi limitata għall-minimu meħtieġ biex jiġi inċentivat l-investiment jew l-attività addizzjonali fiż-żona kkonċernata; (Taqsima 3.2.5);

[...]

3.2.5. Proporzjonalità tal-għajnuna

[...]

(69)

L-għajnuna ambjentali u għall-enerġija tkun meqjusa bħala proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb il-ħarsien ambjentali jew l-objettiv tal-enerġija li jinsab fil-mira.

[...]

3.2.6. L-evitar ta’ effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

3.2.6.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

[...]

(92)

L-għajnuna jista’ jkollha wkoll effetti ta’ distorsjoni billi ssaħħaħ jew iżżomm il-poter sostanzjali tas-suq tal-benefiċjarju. Anke meta l-għajnuna ma ssaħħaħx setgħa sostanzjali fis-suq b’mod dirett, hija tista’ tagħmel dan b’mod indirett, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni tal-kompetituri eżistenti jew billi twassal għal ħruġ tagħhom mis-suq jew billi tiskoraġġixxi d-dħul ta’ kompetituri ġodda.

[...]

3.9. Għajnuna għall-adegwatezza tal-ġenerazzjoni

[...]

3.9.2. Il-ħtieġa għal intervent mill-Istat

[...]

(223)

L-Istati Membri għandhom juru b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex is-suq ma jistax ikun mistenni li jwassal għal kapaċità adegwata fin-nuqqas ta’ intervent, billi jitqiesu l-iżviluppi kontinwi tas-suq u tat-teknoloġija [...]

(224)

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, fost oħrajn u meta applikabbli, l-elementi li ġejjin li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru:

[...]

b)

valutazzjoni tal-impatt ta’ parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, inkluża deskrizzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu ġestjoni mil-lat tad-domanda [...]

[…]

3.9.5. Proporzjonalità

(228)

Il-kalkolu tal-ammont ġenerali tal-għajnuna għandu jwassal biex il-benefiċjarji jaqilgħu rata ta’ redditu li tista’ titqies bħala raġonevoli.

(229)

Proċess ta’ offerti kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, li effettiva ment ikun immirat lejn l-objettiv definit, se jitqies li jwassal għal rati raġonevoli ta’ redditu taħt ċirkostanzi normali.

(230)

Il-miżura għandu jkollha mekkaniżmi integrati li jiżguraw li ma jistax ikun hemm qligħ mhux previst.

(231)

Il-miżura għandha tkun mibnija b’tali mod li tiżgura li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà awtomatika ment jxaqleb lejn żero meta l-livell ta’ kapaċità fornut ikun mistenni li jkun biżżejjed biex ilaħħaq mal-livell ta’ kapaċità mitlub.

3.9.6. L-evitar ta’ effetti negattivi mhux mixtieqa fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(232)

Il-miżura għandha tkun imfassla b’mod li tagħmilha possibbli għal kwalunkwe kapaċità li tista’ effettiva ment tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni biex tipparteċipa fil-miżura, b’mod partikolari, billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

a)

il-parteċipazzjoni ta’ ġeneraturi li jużaw teknoloġiji differenti u ta’ operaturi li joffru miżuri bi prestazzjoni teknika ekwivalenti, pereżempju ġestjoni mil-lat tad-domanda, l-interkonnetturi u l-ħażna. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu (228), ir-restrizzjoni fuq il-parteċipazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss fuq il-bażi ta’ pres tazzjoni teknika insuffiċjenti meħtieġa biex tindirizza l-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni għandha tkun miftuħa għal aggregazzjoni potenzjali kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista;

[...]

(233) Il-miżura trid:

a)

ma tnaqqasx l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità tal-interkonnessjoni;

b)

ma timminax l-akkoppjament tas-suq, inkluż l-ibbilanċjar tas-swieq;

c)

ma timminax id-deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq il-ġenerazzjoni li saru qabel il-miżura jew id-deċiżjonijiet mill-operaturi dwar l-ibbilanċjar jew servizzi anċillari tas-suq;

d)

ma ssaħħaħx indebitament id-dominanza tas-suq;

e)

tagħti preferenza lill-ġeneraturi b’livell baxx ta’ karbonju ekwivalenti għal parametri tekniċi u ekonomiċi.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru kif ġej.

7

Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Tempus”) għandhom liċenzja ta’ fornitur tal-elettriku fir-Renju Unit u jikkummerċjalizzaw teknoloġija ta’ ġestjoni tal-konsum tal-elettriku, fi kliem ieħor ta’ “ġestjoni tat-talba”, ma’ individwi u professjonisti.

8

Is-skema ta’ għajnuna prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) tikkonsisti fl-istabbiliment, mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ta’ suq tal-kapaċità permezz tal-għoti ta’ remunerazzjoni lill-fornituri tal-kapaċità tal-elettriku bħala korrispettiv tal-impenn tagħhom li jipprovdu l-elettriku jew li jnaqqsu jew li jvarjaw il-konsum tal-elettriku f’perijodu ta’ tensjoni fuq in-network. L-għan ta’ tali skema huwa, kif tindika l-premessa 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

9

Fir-rigward tal-funzjonament tas-suq tal-kapaċità, il-kwantità ta’ kapaċità meħtieġa hija ddefinita b’mod iċċentralizzat u s-suq, permezz tal-irkant, jiddetermina l-prezz xieraq għall-provvista ta’ din il-kwantità. Irkant isir kull sena, għal kunsinna tal-kapaċità meħtieġa erba’ snin wara (iktar ’il quddiem l-“irkant T‑4”). Irkant ieħor isir fis-sena ta’ qabel is-sena tal-kunsinna tal-irkant prinċipali (iktar 'il quddiem l-“irkant T‑1”). Ċerta kapaċità tkun sistematikament meħuda mill-irkant T‑4 sabiex tiġi “rriżervata” għall-irkant T-1, abbażi ta’ stima tal-kapaċità ta’ ġestjoni tat-talba “bi profitt” li tista’ tipparteċipa għall-irkant T‑1. Id-deċiżjoni kontenzjuża tippreċiża li, peress li l-irkant T‑1 joffri mezz aħjar għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba sabiex jaċċedu għas-suq, il-Gvern tar-Renju Unit jimpenja ruħu li jressaq għall-irkant T‑1 tal-inqas 50 % tal-kapaċità “rriżervata” erba’ snin qabel. L-irkant T‑4 u T‑1 (iktar ’il quddiem l-“irkant fit-tul”) jikkostitwixxu l-iskema fit-tul. Minbarra l-iskema fit-tul, kienet teżisti skema tranżitorja, li skont din kien previst, qabel il-perijodu ta’ kunsinna 2018/2019, irkant “tranżitorju”, miftuħ prinċipalment għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba.

10

Jekk jintgħażlu, il-fornituri tal-kapaċità jingħataw kuntratt tal-kapaċità bil-prezz tal-għeluq, jiġifieri l-orħos prezz stabbilit fi tmiem irkant li jonqos. It-tul tal-kuntratti tal-kapaċità li għalihom il-parteċipanti jressqu offerta huwa varjabbli. Għalhekk, filwaqt li l-parti l-kbira tal-fornituri tal-kapaċità eżistenti għandhom aċċess għal kuntratti ta’ sena, il-fornituri tal-kapaċità li għandhom spejjeż ta’ tagħmir ogħla minn GBP 125 (madwar EUR 141) għal kull kilowatt (kW) (ċentrali li għandhom jiġu rrinovati) għandhom aċċess għal kuntratti ta’ tul massimu ta’ tliet snin, u l-fornituri tal-kapaċità li għandhom spejjeż ta’ tagħmir superjuri għal GBP 250 (madwar EUR 282) għal kull kW (ċentrali ġodda) għal kuntratti ta’ tul massimu ta’ ħmistax-il sena. Il-kuntratti ta’ iktar minn sena jingħataw biss matul l-irkant T‑4.

11

L-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi ffinanzjata r-remunerazzjoni tal-kapaċitajiet jitħallsu mill-fornituri tal-elettriku ċċertifikati kollha. It-tariffa applikata għall-fornituri tal-elettriku hija ddeterminata skont is-sehem mis-suq tagħhom u hija kkalkolata abbażi tat-talba rreġistrata bejn l-16.00 u s-19.00 matul il-ġimgħa, bejn ix-xahar ta’ Novembru u x-xahar ta’ Frar, sabiex il-fornituri jiġu mħeġġa jbaxxu t-talba tal-elettriku tal-klijenti tagħhom matul il-perijodi meta din tkun ġeneralment l-iktar għolja. Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, dan għandu jwassal għal tnaqqis tal-kapaċitajiet meħtieġa u, b’mod korollarju, għal tnaqqis tal-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità.

12

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura inkwistjoni, minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li kienet konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3.9 tal-Linji Gwida 2014-2020.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Diċembru 2014, Tempus ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

14

Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u, it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

15

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u, mingħajr ma eżaminat it-tieni motiv, laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

16

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 267 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kienu jeżistu diversi indizji oġġettivi u konkordanti, ibbażati, minn naħa, fuq it-tul u fuq iċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ qabel in-notifika u, min-naħa l-oħra, fuq il-kontenut inkomplet u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-assenza ta’ investigazzjoni xierqa mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari, ta’ ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità, li kienu juru li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata minkejja l-eżistenza ta’ dubji, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

17

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat fl-ewwel istanza, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lil Tempus għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-appell.

18

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostni l-kapijiet ta’ talbiet tal-Kummissjoni, l-istess bħar-Repubblika tal-Polonja, billi din ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2019.

19

Tempus titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew bħala infondat, u

sussidjarjament, tiddeċiedi fuq it-tieni motiv invokat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Tempus relatati mal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u

tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Fuq l-appell

20

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999.

21

Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” kif ukoll fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala elementi li jikkostitwixxu tali diffikultajiet, tat-tul u taċ-ċirkustanzi tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika, tal-eżistenza ta’ osservazzjonijiet kritiċi min-naħa ta’ terzi kif ukoll tal-kumplessità u tan-novità tal-miżura inkwistjoni u, it-tieni waħda, fuq in-natura żbaljata tal-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ommissjoni tal-Kummissjoni li b’mod xieraq tinvestiga ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità għar-Renju Unit.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

22

Il-Kummissjoni tinvoka ħames ilmenti insostenn tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha. Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u mir-Repubblika tal-Polonja, issostni essenzjalment li, fil-punti 68 sa 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-eżami li hija għandha twettaq fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat innotifikata minn Stat Membru. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkuntenta ruħha bl-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, iżda kellha tmexxi l-investigazzjoni tagħha stess u tfittex sorsi ta’ informazzjoni oħra għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni.

23

Skont il-Kummissjoni, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jimplikaw li hija obbligata tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali kull darba li d-deċiżjoni tagħha ma tissodisfax kompletament l-osservazzjonijiet kritiċi ta’ terzi fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna kkunsidrata. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’dan il-każ, hija ma rċeviet l-ebda lment uffiċjali dwar il-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ma kinitx injorat l-osservazzjonijiet ifformulati, b’mod informali u spontanju, minn terzi matul il-fażi informali ta’ qabel in-notifika. Hija tqis, madankollu, li hija ma kinitx obbligata tfittex informazzjoni mingħand sorsi oħra. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kuntrarju għandu bħala effett li jbiddel il-proċedura ta’ eżami preliminari fi proċedura ta’ eżami ta’ miżura ex officio, u barra minn hekk ineħħi l-marġni ta’ diskrezzjoni li hija tgawdi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern.

24

Barra minn hekk, minħabba differenzi notevoli li jeżistu bejn għajnuna nnotifikata u għajnuna illegali implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li mis-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62), ma jistax jiġi dedott li hija marbuta, fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata, li tipproċedi, fuq inizjattiva tagħha stess, għall-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha u li tisma’ lill-partijiet interessati u li twieġeb l-argumenti kollha tagħhom, meta l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru notifikanti tkun suffiċjenti għaliha sabiex tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem l-ewwel investigazzjoni, li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna jew, jekk għandha tiġi kklassifikata bħala tali, li hija kompatibbli mas-suq intern.

25

Ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Polonja jqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali applikat limitu manifestament baxx wisq sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dubji f’dan il-każ u injorat il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE u fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ jew le l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma jqisu li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jwassal fir-realtà għal tħassir ta’ kull distinzjoni bejn l-eżami preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kuntrarjament għal dak li jipprevedi r-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, dan l-approċċ jobbliga lill-Kummissjoni tkompli l-investigazzjoni tagħha hekk kif parti interessata tqajjem tħassib fir-rigward tal-miżura kkonċernata waqt l-eżami preliminari, minkejja li din il-parti ma pproduċiet ebda prova. Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma weġbitx għal kull wieħed mill-argumenti mressqa minn Tempus matul il-proċedura ma jfissirx li hija ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tal-informazzjoni li hija kellha. Il-fatt li din id-deċiżjoni ma ssodisfatx lil Tempus ma jurix li l-Kummissjoni kienet nieqsa minn informazzjoni li kienet tippermettilha tadotta miżura ta’ din in-natura.

26

Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 79 et seq. tas-sentenza appellata, li l-karatteristiċi ta’ miżura, bħall-kumplessità teknika tagħha, in-novità tagħha jew l-ammont tal-għajnuna f’valur assolut, jistgħu jixhdu l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” fl-istabbiliment tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mat-Trattat FUE. Fir-realtà, dawn l-elementi ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni u l-Kummissjoni tagħmel ħilitha preċiżament sabiex tegħleb id-diffikultajiet tekniċi ta’ fajl matul il-kuntatti ta’ qabel in-notifika. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li tali elementi jistgħu jiġġustifikaw li l-proċedura ta’ eżami preliminari tieħu iktar żmien, mingħajr ma tagħti bidu għall-obbligu li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Is-sentenza appellata tqiegħed inkwistjoni din il-ġurisprudenza, billi tikkunsidra l-kumplessità tal-miżura bħala element li jista’ mhux jiġġustifika skambji fit-tul mal-Istat Membru kkonċernat, iżda li jimplika l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

27

Permezz tat-tielet ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 85, 92, 106, 109 u 111 tas-sentenza appellata, li t-tul tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika u l-varjetà tal-osservazzjonijiet trażmessi minn tliet tipi ta’ operaturi kienu jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u b’hekk tbiegħdet mill-ġurisprudenza tagħha stess, li minnha jirriżulta li dan huwa biss meta t-tul tal-investigazzjoni preliminari jkun ħafna itwal minn terminu ta’ xahrejn, ikkalkolat mar-riċezzjoni ta’ notifika kompleta, li dan it-tul għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala indizju ta’ diffikultajiet serji. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni li tiġi nnotifikata miżura ta’ għajnuna tappartjeni kollha kemm hi lill-Istat Membru kkonċernat u, sakemm miżura ta’ għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni jkun mingħajr konsegwenza.

28

Permezz tar-raba’ lment, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 101 sa 109 u 111 tas-sentenza appellata, il-varjetà u l-oriġini tal-osservazzjonijiet trażmessi lill-Kummissjoni minn diversi operaturi bħala elementi ta’ natura li jqajmu dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza li tgħid li hija għandha taġixxi b’diliġenza f’każ ta’ lmenti dwar għajnuna illegali, jiġifieri għajnuna adottata mingħajr notifika minn qabel, ma tistax tiġi estiża għall-proġetti ta’ għajnuna li għadhom ma ġewx innotifikati u lanqas implimentati, li għalihom l-osservazzjonijiet spontanji ta’ terzi ma jistgħux jiġu assimilati ma’ lment li jagħti bidu għall-obbligu li l-investigazzjoni ma tiġix imdewma u li jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet li jinsabu fihom f’terminu stabbilit.

29

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames ilment, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punti 86 sa 91 tas-sentenza appellata, li l-fażi ta’ qabel in-notifika ma għandhiex ikollha bħala għan l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura ppjanata u li l-Kummissjoni ma tistax tfixkel il-fażi, possibbilment preliminari, tal-preparazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ miżura, ma’ dik tal-eżami tagħha. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-fażi ta’ qabel in-notifika huwa li tkun tista’ tiskambja, b’mod informali u kunfidenzjali, mal-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-komunikazzjoni ta’ din il-miżura, meta tiġi effettwata, titqies li hija kompleta. F’ħafna każijiet, bħal fil-każ hawnhekk, l-iskambji ta’ qabel in-notifika jagħtu l-opportunità li jiġu indirizzati l-aspetti possibbilment mhux kompletament konformi mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ta’ miżura proposta, li jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jagħmel il-modifiki neċessarji għal din il-miżura qabel il-komunikazzjoni tagħha. Tali skambji huma preċiżament inkoraġġuti f’każijiet kumplessi.

30

Ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Polonja jqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-kuntest ġuridiku u politiku tal-fażi ta’ qabel in-notifika, kif jirriżulta mill-Kodiċi tal-Aħjar Prattika. Fażi ta’ qabel in-notifika effettiva tippermetti li jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, li kien partikolarment importanti għar-Renju Unit f’dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ikun hemm possibbiltà qawwija li fażi ta’ qabel in-notifika rigoruża relatata ma’ miżura ġdida u kumplessa tippermetti li jitneħħa l-iċken dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura kkonċernata mat-Trattat FUE.

31

Skont ir-Renju Unit, f’dan il-każ, huwa permezz tal-fażi ta’ qabel in-notifika, li matulha rċieva l-informazzjoni li tippermetti li tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, li biddel il-miżura li kien beħsiebu jikkomunika u mexxa konsultazzjonijiet nazzjonali sabiex jikseb provi mingħand partijiet interessati, li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess. Jekk it-tul tal-iskambji waqt il-fażi ta’ qabel in-notifika kellu jikkostitwixxi argument favur il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma jkunu interessati minn kooperazzjoni stretta fil-kuntest ta’ din il-fażi.

32

Tempus issostni, bħala tweġiba għall-ewwel ilment, li l-argument tal-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ “dubji”, li jimplika li l-Kummissjoni għandha tmur lil hinn mill-ispirtu suġġettiv tal-Istat Membru kkonċernat u titlob l-informazzjoni rilevanti kollha għall-finijiet tat-twettiq ta’ evalwazzjoni globali, minbarra l-punti ta’ fatt u ta’ liġi pprovduti minn dan l-Istat Membru jew, jekk ikun il-każ, mil-lanjant. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma marret kontra l-ġurisprudenza meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement taċċetta l-informazzjoni u l-affermazzjonijiet tar-Renju Unit u li hija ma kinitx, f’dan il-każ, ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta minn terzi. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami tal-Kummissjoni kien ikun biżżejjed biss jekk hija kellha dubji dwar il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Istat Membru notifikant. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata għandhom l-effett li jġiegħluha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali kull darba li terzi jifformulaw osservazzjonijiet kritiċi fir-rigward ta’ miżura nnotifikata huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, skont Tempus, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ dubji billi bbażat ruħha mhux biss fuq l-eżistenza ta’ osservazzjonijiet min-naħa ta’ terz, iżda fuq l-analiżi insuffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat u tal-osservazzjonijiet ifformulati minn terzi.

33

Barra minn hekk, Tempus issostni li l-obbligu tal-Kummissjoni, invokat fis-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62), li testendi l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat lil hinn minn sempliċi analiżi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, jekk ikun il-każ mil-lanjant jew mill-Istat Membru li jkun innotifika din il-miżura, jirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għal ilment kif ukoll għal notifika. Tempus iżżid li l-Kummissjoni ma tistax dejjem toqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Istat Membru notifikanti, sa fejn dan tal-aħħar, sa fejn beħsiebu jagħti l-għajnuna, ma jistax jitqies li huwa attur imparzjali. Għaldaqstant, meta jkunu kkonstatati kontradizzjonijiet fin-notifika jew meta terzi jqajmu problemi, l-obbligu tal-Kummissjoni li testendi l-eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha jikkostitwixxi garanzija proċedurali xierqa.

34

Fir-rigward tat-tieni sal-ħames ilment tal-Kummissjoni, Tempus issostni, qabelxejn, li dawn huma inammissibbli, peress li jirrigwardaw kwistjonijiet fattwali u li l-Kummissjoni la invokat żnaturament u lanqas klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tippreċiża liema huma l-punti tas-sentenza appellata kkonċernati minn dawn l-ilmenti.

35

Fir-rigward tal-mertu, Tempus issostni, bħala tweġiba għat-tieni lment, li, fil-punti 79 sa 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeskriviet il-fatti rilevanti, jiġifieri li l-miżura inkwistjoni kienet sinjifikattiva, kumplessa u ġdida. Il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxiet ebda prinċipju ġuridiku ġdid, iżda bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li kienu jeħtieġu kunsiderazzjonijiet speċifiċi.

36

Fir-rigward tat-tielet u tal-ħames ilment, Tempus issostni li, fil-punti 85 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li l-eżami preliminari kien tħaffef, peress li dam xahar biss, filwaqt li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika kienu twal u sinjifikattivi. Il-Qorti Ġenerali kienet fakkret l-għanijiet tal-fażi ta’ qabel in-notifika, kif jirriżultaw mill-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, kif ukoll l-għan tal-eżami preliminari previst mir-Regolament Nru 659/1999 u kkonkludiet minn dan li l-Kummissjoni ma setgħetx tfixkel it-tressiq tan-notifika mal-eżami, l-ewwel preliminari u sussegwentement formali, tagħha. Kif osservat il-Qorti Ġenerali, kwistjonijiet sostantivi dwar aspetti importanti tal-miżura inkwistjoni kienu tqajmu matul il-fażi ta’ qabel in-notifika. Issa, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li hija ma kellha ebda dubju, meta hija kienet ser tibda l-eżami preliminari. F’dan il-kuntest, skont Tempus, it-tul qasir tal-eżami preliminari seta’ jikkostitwixxi biss indizju li l-Kummissjoni kellha tipprova dubji. Il-fatti inkwistjoni f’dan il-każ huma eċċezzjonali, u dan jiġġustifika l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 111 sa 115 tas-sentenza appellata.

37

Fir-rigward tar-raba’ lment, Tempus issostni li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, u mhux biss l-eżistenza ta’ lmenti, sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkonstatat l-assenza ta’ dubji. Fi kliem ieħor, huwa pjuttost l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sustanza tal-“ilmenti” fid-deċiżjoni kontenzjuża li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li jeżistu dubji f’dan il-każ. Fir-realtà, l-ispeċifiċità eċċezzjonali tal-każ inkwistjoni kienet tikkonsisti fil-fatt li l-fażi ta’ qabel in-notifika ntużat b’mod abbużiv bħala eżami preliminari, u b’hekk dan tal-aħħar sar aċċessorju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u billi għamlet hekk, kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni għandha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑KummissjoniC‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

41

B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li l-preżenza tagħhom tobbligaha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Land Hessen vs Pollmeier Massivholz, C‑242/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:765, punt 38).

42

Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari, għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C‑847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punt 41).

43

Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni tagħha” tinkludi dik li kienet tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C-847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punt 42).

44

Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C‑847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punt 43).

45

Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha (sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62), minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li hija l-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kawża li hija adita quddiemha, minkejja li tali informazzjoni tinsab fil-qasam pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C‑847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punti 4950)

46

F’dan il-każ, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, kien biżżejjed li Tempus turi li l-Kummissjoni ma kinitx fittxet u eżaminat, b’mod diliġenti u imparzjali, l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet ta’ din l-analiżi jew li ma ħadithomx debitament inkunsiderazzjoni, b’mod li jiġi eliminat kwalunkwe dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern.

47

Barra minn hekk, wara li fakkret, fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari affermat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li, sabiex turi l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, kien possibbli għal Tempus li tinvoka l-informazzjoni rilevanti kollha li kellha jew seta’ kellha l-Kummissjoni fid-data meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

48

Issa, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligi tal-Kummissjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni ta’ miżura nnotifikata u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi.

49

Fil-fatt, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tfittex, li teżamina u li tieħu inkunsiderazzjoni “l-elementi kollha rilevanti”, li jinkludi neċessarjament l-elementi mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma kinitx taf bl-eżistenza jew bir-rilevanza tagħhom għall-eżami tal-miżura nnotifikata. Issa, obbligu ta’ tali portata kien imur ferm lil hinn mill-obbligi tal-Kummissjoni, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza.

50

L-istess japplika għall-punt 72 tas-sentenza appellata, li minnu jirriżulta li, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, Tempus setgħet tirreferi mhux biss għall-informazzjoni rilevanti kollha li kellha l-Kummissjoni, iżda wkoll għall-informazzjoni kollha li “[setgħet] kellha” din l-istituzzjoni. Permezz ta’ tali raġunament, il-Qorti Ġenerali b’hekk insinwat li l-Kummissjoni jmissha kellha dubju dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna, għas-sempliċi raġuni li kien jeżisti element ta’ informazzjoni rilevanti li din seta’ kellha, mingħajr ma huwa neċessarju li jintwera li din l-istituzzjoni effettivament kellha għarfien jew ta’ dan l-element innifsu jew ta’ elementi oħra li kienu jobbligawha, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li tmur lil hinn mis-sempliċi eżami tal-elementi miġjuba għall-għarfien tagħha.

51

Issa, is-sempliċi eżistenza ta’ element ta’ informazzjoni potenzjalment rilevanti li dwaru l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien u li fuqu ma kinitx obbligata tinvestiga, fir-rigward tal-elementi ta’ informazzjoni li effettivament kienet fil-pussess tagħhom, ma tistax turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li obbligaw lil din l-istituzzjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

52

Isegwi li l-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku huwa fondat.

53

Madankollu, l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

54

Fil-fatt, fil-punt 267 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża b’“diversi indizji oġġettivi u konkordanti, bbażati, min-naħa, fuq it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ prenotifika u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut inkomplet u insuffiċjenti tad-deċiżjoni [kontenzjuża] minħabba l-assenza ta’ investigazzjoni xierqa mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari, ta’ ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità, li jipprova li din tal-aħħar ħadet id-deċiżjoni [kontenzjuża] minkejja l-eżistenza ta’ dubji”.

55

Issa, il-Kummissjoni tikkontesta l-motivi li wasslu għal din il-konklużjoni doppja permezz tal-ilmenti l-oħra mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku kif ukoll permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju. Għaldaqstant, huwa biss jekk mill-analiżi ta’ dawn l-ilmenti l-oħra u ta’ din l-aħħar parti jirriżulta li din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi li jkun hemm lok li s-sentenza appellata tiġi appellata.

56

Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni sal-ħames ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, imqajma minn Tempus.

57

Fil-fatt, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, għalkemm il-Qorti Ġenerali hija l-unika kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-annessi tal-proċess li jkunu tressqu quddiemha u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi tad-dritt li l-Qorti Ġenerali waslet għalihom permezz tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 47).

58

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti fid-dritt, fl-appell tagħha, liema huma l-punti tas-sentenza appellata msemmija fit-tieni sal-ħames ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku. Min-naħa l-oħra, mill-argument tal-Kummissjoni jirriżulta li, permezz ta’ dawn l-ilmenti, hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali iżda l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, bħala indizji li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

59

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat fir-rigward tal-mertu, l-ewwel lok, it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-miżura inkwistjoni kienet “sinjifikattiva, kumplessa u ġdida”. Minn naħa, hija ġġustifikat dawn il-klassifikazzjonijiet billi rreferiet, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, għan-natura partikolarment sinjifikattiva tal-ammonti kkonċernati mill-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni kontenzjuża u billi kkonstatat, fil-punt 81 tal-imsemmija sentenza, li kemm id-definizzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna rriżultaw kumplessi u, min-naħa l-oħra, billi enfasizzat, fil-punt 82 tal-istess sentenza, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet, għall-ewwel darba, evalwat suq tal-kapaċità fid-dawl tal-Linji Gwida 2014-2020, li, skont il-Qorti Ġenerali, kien juri li l-miżuri inkwistjoni kienet ġdida kemm fir-rigward tal-għan tagħha kif ukoll tal-implikazzjonijiet tagħha għall-futur.

61

Madankollu, qabelxejn, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-importanza ta’ għajnuna ma tistax, waħedha, tikkostitwixxi diffikultajiet serji ta’ natura li jobbligaw lill-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 36).

62

Sussegwentement, għalkemm il-kumplessità ta’ miżura ta’ għajnuna tagħmel parti miċ-ċirkustanzi proprji għal kawża, li jistgħu jiġġustifikaw tul sinjifikattiv tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 8283), tali kumplessità ma tfissirx, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe ipoteżi, għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

63

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata tiftaħ tali proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-fatt biss li l-miżura ta’ għajnuna għandha natura ġdida, fis-sens li l-Kummissjoni, fil-passat, ma eżaminatx miżura analoga.

64

Għaldaqstant, billi qieset, bħala indizji ta’ diffikultajiet serji li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, in-natura sinjifikattiva tal-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni kif ukoll il-kumplessità u n-novità ta’ din il-miżura, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

65

Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tielet u l-ħames ilment imressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, li permezz tagħhom hija tikkontesta l-punti 85, 90 sa 92, 106, 109 u 111 tas-sentenza appellata, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u injorat l-għan tal-fażi ta’ qabel in-notifika, billi ħadet inkunsiderazzjoni, bħala indizji tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, it-tul u l-kontenut tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

66

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(3) u (5) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li miżura nnotifikata hija kompatibbli mas-suq intern għandha tittieħed f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tar-riċezzjoni tan-notifika kompleta.

67

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa minnu li tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari li jeċċedi t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix, waħdu li jiġi dedott li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element jista’ jikkostitwixxi indizju tal-fatt li l-Kummissjoni setgħet kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenza tat‑24 ta’ Jannar 2013, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Il‑Belġju vs Deutsche Post u DHL International, C‑148/09 P, EU:C:2011:603, punt 81).

68

F’dan il-każ, peress li l-proċedura ta’ eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni damet xahar biss, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, hija ma setgħetx, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

69

Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ”, it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ta’ din il-miżura ma setax, għaldaqstant, jikkostitwixxi indizju probatorju tal-assenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, peress li kien meħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul u l-kontenut tal-kuntatti li seħħew bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni matul il-fażi ta’ qabel in-notifika.

70

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 86 sa 91 tas-sentenza appellata, fakkret id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika dwar il-fażi ta’ qabel in-notifika u, min-naħa l-oħra, fil-punti 92 sa 105 ta’ din is-sentenza, ġabret fil-qosor il-kuntatti li seħħew bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit qabel in-notifika tal-miżura inkwistjoni, bħall-interventi spontanji ta’ terzi. Min dan iddeduċiet, fil-punt 106 tal-imsemmi sentenza, li “t-tul tal-fażi tal-prenotifika kien sinjifikattivament itwal mill-perijodi ta’ xahrejn imsemmi, bħala regola ġenerali, mill-Kodiċi tal-Aħjar Prattika”.

71

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li “[t]-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ prenotifika [...] ma [kinux jippermettu] li jiġi kkunsidrat li t-tul qasir tal-proċedura preliminari ta’ eżami [kien] jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, iżda [kienu], għall-kuntrarju, suxxettibbli li jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ tali dubji”. Hija żiedet, fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, li l-miżura inkwistjoni kienet “sinjifikattiva, kumplessa u ġdida”.

72

Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna għandha tiġi prodotta, jekk ikun il-każ, minn sensiela ta’ indizji konkordanti, mill-parti li titlob l-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-kontenut ta’ din il-miżura.

73

Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 85 tas-sentenza appellata, jekk kinux jeżistu indizji probatorji tal-assenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Għall-kuntrarju, hija kellha tfittex jekk Tempus kinitx ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji, skont il-każ bl-għajnuna ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti.

74

Issa, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex tiddeċiedi li t-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ qabel in-notifika ma kinux jippermettu li jiġi kkunsidrat li t-tul relattivament qasir tal-fażi ta’ eżami preliminari kien jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ dubji. Hekk kif jirriżulta mill-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li t-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ qabel in-notifika kienu jikkostitwixxu huma stess indizji tal-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

75

B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

76

Fil-fatt, mill-paragrafi 10 u 12 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika jirriżulta li, kif il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat essenzjalment fil-punt 89 tas-sentenza appellata, l-għan essenzjali tal-fażi ta’ qabel in-notifika huwa li tiġi ggarantita l-konformità tal-formola ta’ notifika, b’mod li l-Kummissjoni tkun tista’, ladarba n-notifika tkun saret, tadotta d-deċiżjoni tagħha fit-terminu previst għal dan il-għan fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999.

77

Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, bl-ebda mod ma huwa eskluż li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jiddiskutu wkoll, matul il-fażi ta’ qabel in-notifika, il-konformità mas-suq intern tal-miżura ta’ għajnuna li n-notifika tagħha hija prevista. Fil-fatt, mill-paragrafu 10 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika jirriżulta li l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jirrigwardaw ukoll l-aspetti ta’ miżura prevista li jqajmu problema. Bl-istess mod, il-paragrafu 12 ta’ dan l-istess kodiċi jirrileva li fażi ta’ qabel in-notifika magħmula tajjeb tippermetti wkoll li tiġi eżaminata kull problema sostantiva mqajma minn miżura proposta.

78

Xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami definittiv tal-konformità mas-suq intern ta’ miżura partikolari jista’ jibda biss ladarba din il-miżura tkun ħadet il-forma finali tagħha, fil-mument tan-notifika tagħha lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li, rispettivament, il-fażi ta’ qabel in-notifika ma għandhiex bħala għan li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern u huwa biss mir-riċezzjoni tan-notifika li l-Kummissjoni twettaq l-eżami tal-miżura nnotifikata ma humiex, inkwantu tali, ivvizzjati bi żball.

79

Madankollu, huwa preċiżament għal din ir-raġuni li t-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ qabel in-notifika ma jistgħux jikkostitwixxu indizji ta’ eventwali diffikultajiet imqajma mill-miżura nnotifikata. Fil-fatt, huwa kompletament possibbli li, matul fażi ta’ qabel in-notifika twila, l-Istat Membru kkonċernat seta’ jibbenefika mill-iskambji tiegħu mal-Kummissjoni sabiex ibiddel il-miżura prevista b’mod li tiġi solvuta kull problema li din setgħet tippreżenta fil-forma inizjalment prevista tagħha, sabiex din il-miżura, fil-forma definittiva tagħha, stabbilita matul in-notifika, ma tqajjem ebda diffikultà.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu milqugħa wkoll it-tielet u l-ħames ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku.

81

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ lment imressaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-numru u tal-varjetà tal-osservazzjonijiet trażmessi lill-Kummissjoni bħala element li juri diffikultajiet serji mqajma mill-miżura inkwistjoni.

82

F’dan ir-rigward, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni rrilevat li min-notifika u mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li “tliet tipi ta’ operatur xtaqu, fid-dawl tal-informazzjoni li kellhom fil-mument meta intervjenew, jagħmlu l-osservazzonijiet tagħhom direttament u volontarjament lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna”. Fil-punti 102 sa 104 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali pprovdiet preċiżazzjonijiet qosra dwar l-operaturi inkwistjoni u dwar is-suġġetti diskussi fl-osservazzjonijiet tagħhom.

83

Issa, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li l-“varjeta tal-osservazzjonijiet magħmula dwar [il-miżura inkwistjoni] din l-iskema ta’ għajnuna minn tliet tipi ta’ operaturi differenti” kienet element li jista’ jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

84

Barra minn hekk, wara li enfasizzat, fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija miżura “kienet ikkontestata taħt tliet aspetti minn operaturi differenti li kellhom jibbenefikaw minnha”, mingħajr ma pprovdiet iktar dettalji dwar il-motivi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u dwar il-problemi eventwali li huma kienu qajmu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan il-fatt kien fost dawk li, skont il-punt 115 tal-imsemmija sentenza, kienu jikkostitwixxu indizju li seta’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

85

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura ta’ għajnuna għas-sempliċi raġuni li terzi kkonċernati kienu ssuġġettaw spontanjament osservazzjonijiet fir-rigward ta’ miżura nnotifikata, irrispettivament mill-oriġini jew min-numru ta’ tali osservazzjonijiet. Huwa biss jekk tali osservazzjonijiet jirreferu għal elementi li jistgħu jiżvelaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata li l-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

86

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma indikatx li l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni rreferew għal elementi ta’ din in-natura u bbażat ruħha biss fuq in-numru u fuq il-“varjetà” ta’ dawn l-osservazzjonijiet, bħala elementi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

87

B’dan il-mod, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi, b’tali mod li r-raba’ lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku u, konsegwentement, din il-parti kollha kemm hi għandhom jintlaqgħu.

88

Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi eżaminata wkoll it-tieni parti tal-aggravju uniku.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

89

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkritikatha li ma wettqitx investigazzjoni xierqa dwar ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità fir-Renju Unit.

90

Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 146, 152 u 154 sa 156 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija ma pprevedietx b’mod suffiċjenti l-potenzjal reali tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità, fatt li pprekludiha milli jkollha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

91

F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, għalkemm il-Linji Gwida 2014-2020 jipprevedu evalwazzjoni tal-impatt tal-parteċipazzjoni tal-atturi tat-talba, inkluża deskrizzjoni tal-miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-ġestjoni tat-talba, dawn bl-ebda mod ma jeżiġu sostenn sistematiku favur it-teknoloġija ta’ ġestjoni tat-talba, kif jidher li teżiġi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

92

Hija żżid li s-sentenza appellata ma ssemmi ebda raġuni li kellha twassalha sabiex tqiegħed f’dubju d-dokumenti li hija kellha, dwar il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba. Huwa paċifiku li, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, la r-Renju Unit u lanqas il-Kummissjoni ma kienu f’pożizzjoni li jagħmlu stima perfettament preċiża tal-potenzjal fit-tul tat-teknoloġija tal-ġestjoni tat-talba. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ivverifikat li l-miżura inkwistjoni kienet miftuħa u kienet tipprovdi inċentivi adegwati lill-operaturi kkonċernati, b’tali mod li hija ma kellhiex bżonn twettaq l-istudji u l-istimi tagħha stess dwar il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba sabiex tiddetermina jekk is-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit kienx kompatibbli mal-Linji Gwida 2014-2020. Il-fatt li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba xtaqu iktar inċentivi abbażi tal-miżura inkwistjoni ma huwiex ekwivalenti għall-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellha ebda raġuni sabiex tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ ġestjoni tat-talba mressqa mir-Renju Unit u, għaldaqstant, tal-kwantità tal-kapaċità li għandha titqiegħed għall-irkant setgħet tagħti lok għal diffikultajiet serji.

93

Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi li tinsab fil-punti 159 sa 259 tas-sentenza appellata, dwar l-allegat trattament diskriminatorju jew żvantaġġuż tal-ġestjoni tat-talba. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkritika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li hija jmissha kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern fir-rigward, l-ewwel, tat-tul tal-kuntratti tal-kapaċità, it-tieni, tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż u, it-tielet, tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant.

94

L-ewwel, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-kuntratti tal-kapaċità, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, b’mod partikolari, fil-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata, li hija jmissha eżaminat l-ispejjeż f’kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba qabel ma approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit, li skont din ma kienx neċessarju li lil dawn l-operaturi jiġu offruti kuntratti ta’ tul ta’ iktar minn sena. Fil-fatt, il-kuntratti ta’ sena huma r-regola u mhux l-eċċezzjoni u Tempus qatt ma kienet ikkontestat il-fatt li l-ispejjeż ta’ investiment inizjali tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba bl-ebda mod ma huma paragunabbli ma’ dawk tal-fornituri tal-kapaċità ġodda. Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba sa mill-implimentazzjoni tas-suq tal-kapaċità matul is-sena 2014 ma tippermettix li jiġi konkluż li l-aċċess iddifferenzjat għal ftehimiet itwal kien ġab vantaġġ kompetittiv għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni ġodda.

95

It-tieni, fir-rigward tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aspett tal-miżura inkwistjoni, li jaqa’ taħt il-finanzjament tas-suq tal-kapaċità, ma kienx direttament rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mas-suq intern, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn id-dħul mit-tariffa applikata għall-fornituri tal-elettriku u l-ammont tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment b’mod żbaljat, fil-punti 199 u 211 tas-sentenza appellata, għall-punti 27(e) kif ukoll għall-punti 69 u 92 tal-Linji Gwida 2014-2020, filwaqt li l-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti jinsabu fit-Taqsimiet 3.9.5 u 3.9.6 tal-imsemmija linji gwida.

96

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet, fil-punt 210 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni jmissha vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tinkludi inċentiv ekwivalenti għal dak ta’ proġett preċedenti intiż sabiex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku fil-ħinijiet tal-ogħla konsum. Skont il-Kummissjoni, kien ikun biżżejjed li jiġi konkluż li din il-miżura kienet tinkludi tali inċentiv prevedibbli, li kien il-każ hawnhekk. Billi rrikjediet minnha li teżamina jekk il-metodu ta’ finanzjament adottat kienx l-aħjar sabiex jinkoraġġixxi l-ġestjoni tat-talba, il-Qorti Ġenerali tat attenzjoni eċċessiva u inġustifikata għall-miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-ġestjoni tat-talba. Il-Kummissjoni tosserva, f’dan ir-rigward, li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż jikkostitwixxi kompromess bejn l-interess li jinżamm inċentiv għat-tnaqqis tal-konsum u l-ħtieġa li titnaqqas l-inċertezza tal-fornituri fuq il-parti tal-ispejjeż li probabbilment tibqa’ r-responsabbiltà tagħhom. Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li l-evalwazzjoni tal-Istat Membru ma hijiex korretta jew li hija żbaljata, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tikkritika t-tfassil ta’ miżuri nazzjonali li hija tqis li huma effettivament iġġustifikati.

97

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis ukoll li, fil-punt 210 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat ruħha b’mod strett wisq fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba, billi injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ miżura mal-Linji Gwida 2014-2020.

98

It-tielet, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li hija jmissha kellha dubji fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità li għalihom huma suġġetti l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, peress li r-Renju Unit kien impenja ruħu li jpoġġi tal-inqas 50 % tal-volum irriżervat għall-irkant T‑1, li kien joffri mezz aħjar ta’ aċċess għas-suq għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Il-punti 242 u 243 tas-sentenza appellata jinkludu evalwazzjoni manifestament żbaljata f’dan ir-rigward, peress li dan l-impenn, li jinsab fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa legalment vinkolanti. Jekk l-Istat Membru kellu jaħrab mill-imsemmi impenn, il-miżura hekk adottata ma tkunx iktar koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża.

99

Ir-Renju Unit jikkunsidra wkoll li, fid-dawl tal-impenn tiegħu li jqiegħed għall-irkant T-1 tal-inqas 50 % tal-volum inizjalment irriżervat, il-kritika tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, li tinsab fil-punti 242 u 243 tas-sentenza appellata, hija infondata. Barra minn hekk, huwa jqis li l-Kummissjoni kellha d-dritt taċċetta dan l-impenn mingħajr ma teżiġi li juri li dan kien ġie integrat fid-dritt intern. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit ifakkar li, għalkemm l-irkant T‑1 jista’ jikkostitwixxi l-mezz privileġġat għal ċerti operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, dawn tal-aħħar għandhom ukoll il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-irkant T‑4, li fih barra minn hekk huma rreġistraw riżultati eċċellenti.

100

Fir-rigward tal-limitu ta’ parteċipazzjoni ta’ 2 megawatts (MW) adottat fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tosserva li ebda terz ma kien qajjem oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward, b’tali mod li l-informazzjoni li hija kellha matul l-eżami preliminari ma setgħetx tqajjem dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Kien biss fl-istadju tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali li dan il-limitu ġie kkontestat minn Tempus, b’tali mod li dan l-ilment jmissu ġie ddikjarat inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-paragun magħmul mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, mas-suq tal-kapaċità Pennsylvania-New Jersey-Maryland (PJM) fl-Istati Uniti huwa barra minn postu u juri l-assenza ta’ eżami kritiku tal-fondatezza tal-kritika fformulata minn Tempus. Barra minn hekk, fit-tieni rkant tranżitorju, ir-Renju Unit naqqas il-limitu ta’ parteċipazzjoni għal 500 kW mingħajr riżultat sinjifikattiv, peress li 2.7 % biss tal-offerti ppreżentati mill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kienu inqas minn dan il-limitu.

101

Il-Kummissjoni tqis, għalhekk, li hija setgħet validament tikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li hija kellha, li l-iskema inkwistjoni kienet tinkludi inċentivi adegwati għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, konformement mal-Linji Gwida 2014-2020.

102

Ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Polonja jiġbdu l-attenzjoni, b’mod ġenerali, għall-fatt li l-Linji Gwida 2014-2020 għandhom bħala għan li jippermettu lill-Kummissjoni li tivverifika jekk miżura ta’ għajnuna tippermettix li jintlaħaq għan ta’ interess komuni, peress li dan huwa, f’dan il-każ, il-fatt li tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kapaċitajiet fis-suq tal-elettriku, bl-ispiża l-iktar baxxa għall-konsumatur u b’mod teknoloġikament newtrali, billi jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn ma humiex intiżi sabiex jimponu kundizzjonijiet partikolari f’dak li jirrigwarda l-istrutturazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna jew sabiex jiġu ddefiniti l-aspetti tal-mekkaniżmu tal-kapaċità intiżi sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kapaċitajiet. L-għan ta’ dawn il-linji gwida ma huwiex għalhekk li jiġu ffaċilitati jew imħeġġa l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, kif ikkonstatat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali matul is-sentenza appellata kollha. Għaldaqstant, meta kkonkludiet li l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern kienet qajmet dubji, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan tas-suq tal-kapaċità u wettqet żball fl-applikazzjoni tal-imsemmija linji gwida.

103

Bħala tweġiba għall-ewwel ilment, Tempus issostni, qabelxejn, li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li, mingħajr ma tinjora d-data pprovduta mill-Istat Membru, il-Kummissjoni kellha jkollha idea globali tal-informazzjoni rilevanti disponibbli kollha u tfittex provi addizzjonali, permezz tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta, bħal f’dan il-każ, dawn ikunu oġġettivament neċessarji għall-eliminazzjoni ta’ dubji.

104

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ ġestjoni tat-talba, Tempus issostni bis-sħiħ l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 152 sa‑158 tas-sentenza appellata. Hija tqis, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha teżiġi mir-Renju Unit li jevalwa qabelxejn il-potenzjal tal-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, kif kienu jeżiġu l-punti 223 u 224 tal-Linji Gwida 2014-2020, mingħajr ma tistenna li l-ewwel irkant jiżvela dan il-potenzjal. Barra minn hekk, Tempus issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li t-teknoloġija ta’ ġestjoni tat-talba kellha tiġi inkoraġġuta b’mod adegwat sabiex titwettaq il-potenzjal sħiħ tagħha, li jista’ jwassal sabiex is-suq tal-kapaċità jsir inutli fil-futur qrib.

105

Tempus tqis li t-tieni lment tal-Kummissjoni huwa wkoll infondat. L-ewwel, fir-rigward tan-natura diskriminatorja tat-tul tal-kuntratti tal-kapaċità, il-Kummissjoni tagħmel qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li din ma kkonstatatx li kienet teżisti skema normali ta’ kuntratti ta’ tul ta’ iktar minn sena, li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kienu ġew esklużi minnha. Barra minn hekk, Tempus titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi, sabiex tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ elementi oħra li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dubji f’dan ir-rigward. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 190 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha tiddetermina jekk l-impossibbiltà tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba li jiksbu kuntratti tal-istess tul bħal dawk tal-fornituri l-oħra tal-kapaċità ma kinitx toħloq riskju li titnaqqas il-kontribuzzjoni possibbli tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li teknoloġija tiswa’ l-flus ma għandux jagħtiha vantaġġ indebitu matul l-irkant, filwaqt li s-suq tal-kapaċità huwa intiż sabiex jiżgura s-sigurtà tal-provvista bi prezz minimu għall-konsumatur.

106

It-tieni, fir-rigward tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, Tempus issostni li l-punti 208 sa 213 tas-sentenza appellata jikkonċernaw esklużivament evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali rigward l-eżistenza ta’ dubji f’dak li jirrigwarda l-effett ta’ inċentiv tal-miżura inkwistjoni hija korretta, għar-raġunijiet esposti fil-punti 194 sa 213 tas-sentenza appellata. Fir-rigward tal-assenza ta’ rabta bejn il-finanzjament tal-miżura u l-miżura ta’ għajnuna inkwantu tali, allegata mill-Kummissjoni, Tempus tqis li, għall-kuntrarju, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi eżempju perfett ta’ mekkaniżmu li jinkludi rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna. Fil-fatt, is-sinjali tal-prezz imposti bil-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fuq sena għandhom influwenza diretta fuq l-inċentivi u fuq il-kapaċità tal-konsumaturi sabiex jittrasferixxu l-użu tagħhom u, għaldaqstant, fuq id-domanda fil-perijodu tal-ogħla konsum, li sussegwentement tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-volum tal-kapaċità għall-akkwist għas-snin ta’ wara. Il-fatt li dan l-aspett ma jissemmiex fil-Linji Gwida 2014-2020 ma pprekludiex it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni. Tempus tqis, fl-aħħar nett, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tkun issodisfatta b’sempliċi impenn tal-Istat Membru, jekk dan l-impenn ma kienx rifless fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

107

It-tielet, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità u, b’mod partikolari, tal-limitu ta’ parteċipazzjoni ta’ 2 MW, Tempus tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li dan l-argument huwa ammissibbli, sa fejn dan kien jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ lment artikolat fir-rikors. Barra minn hekk, il-punti 249 sa 252 tas-sentenza appellata jindikaw b’mod ċar kif il-garanzija ta’ offerta tista’ effettivament tikkostitwixxi ostakolu għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

Permezz tal-ewwel ilment imressaq fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 146, 152 u 154 sa 156 tas-sentenza appellata, li jinsabu fl-iżviluppi ta’ din is-sentenza li jinsabu taħt it-titolu “Elementi disponibbli dwar il-potenzjali tal-ġestjoni tat-talba”.

109

F’dan ir-rigward, mill-premessa 122 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kontenut tagħha huwa mfakkar fil-punt 150 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, sabiex isostni s-settur tal-ġestjoni tat-talba, ir-Renju Unit kien esprima l-intenzjoni tiegħu li jeżamina l-informazzjoni li tirriżulta mill-ewwel irkant T‑4 tax-xahar ta’ Diċembru 2014, sabiex jiżgura ruħu li l-kurvi tat-talba jiġu aġġustati b’mod xieraq. Barra minn hekk, ir-Renju Unit kien elabora dispożizzjonijiet dwar l-irkant tranżitorju sabiex jiġi sostnut it-tkabbir tas-settur tal-ġestjoni tat-talba bejn is-sena 2015 u s-sena 2016, kif ukoll proġett pilota fil-qasam ta’ effikaċja enerġetika. Ir-Renju Unit kien indika wkoll li, bi tweġiba għar-rapport, ippubblikat fit‑30 ta’ Ġunju 2014, tal-kulleġġ ta’ esperti tekniċi (iktar ’il quddiem il-“KET”) inkarigat mill-eżami tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kapaċità ta’ tqegħid għall-irkant fis-suq tal-kapaċità fix-xahar ta’ Diċembru 2014, National Grid plc kienet issuġġerixxiet proġett komuni mal-Energy Networks Association (l-Assoċjazzjoni tan-Networks tal-Enerġija), inkluż id-Distribution Network Operators (l-Operaturi tan-Network ta’ Distribuzzjoni).

110

Fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-premessa 128 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li, anki jekk il-miżura inkwistjoni seta’ jkollha bħala riżultat li ssostni l-produzzjoni minn fjuwils fossili, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet, imwettqa kull sena, kienet tieħu inkunsiderazzjoni t-tipi ta’ operaturi kollha, inklużi operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan, fil-premessa 129 ta’ din id-deċiżjoni, li l-miżura inkwistjoni kienet “newtrali fuq il-livell teknoloġiku” u ma kellhiex bħala effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi tal-elettriku minn fjuwils fossili.

111

Issa, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari affermat li, fil-mument li fih il-Kummissjoni kienet wettqet l-eżami preliminari tagħha tal-miżura inkwistjoni, hija kienet fil-pożizzjoni li tanalizza elementi li kienu jippermettu mhux biss li jiġi previst ir-rwol attwali tal-ġestjoni tat-talba, iżda wkoll li jiġi previst il-potenzjal reali tiegħu.

112

Fil-punt 152 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 122, 128 u 129 tad-deċiżjoni kontenzjuża, imfakkra fil-punti 150 u 151 ta’ din is-sentenza kif ukoll fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza, ma kinux “ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni li tneħħi d-dubji kollha li jirriżultaw mill-elementi li hija diġà kellha fil-pussess tagħha jew li seta’ jkollha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

113

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 154 tal-imsemmija sentenza, li, “fid-dawl tal-elementi disponibbli u fid-dawl tar-rwol tal-ġestjoni tat-talba, hija ma setgħetx, f’dan il-każ, tissodisfa ruħha bis-sempliċi ‘natura miftuħa’ tal-miżura u tikkonkludi, konsegwentement, li hija newtrali fuq il-pjan teknoloġiku, mingħajr ma teżamina f’iktar dettall ir-realtà u l-effettività tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-soluzzjoni teknoloġika fl-ambitu tas-suq tal-kapaċità”.

114

F’dan ir-rigward, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li ebda element imsemmi fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kien jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet wettqet l-eżami tagħha stess fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni effettiv tal-ġestjoni tat-talba. Hija rrilevat, “[b]ħala eżempju”, li, imkien fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma kien sar riferiment għall-istima ta’ 3 gigawatts (GW) tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, invokata minn National Grid. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet aċċettat l-informazzjoni u l-ipoteżijiet ippreżentati mir-Renju Unit.

115

Hija żiedet, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li għalhekk ma setax jiġi eskluż li, “kieku l-Kummissjoni kienet wettqet l-ewwel eżami tagħha tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, b’mod partikolari dwar il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-istimi magħmula minn National Grid jew sorsi oħra jew dwar ir-raġunijiet tas-suċċess tal-eżempji Amerikani, il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kienu jkunu differenti”.

116

Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li “l-elementi disponibbli f’dak li jikkonċerna l-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba [...] [setgħu] jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, li ma [setax] jiġi kkonstatat, meta tinqara d-deċiżjoni kkontestata, li twarrbu wara l-eżami preliminari tal-Kummissjoni”.

117

Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

118

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija l-parti li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet li għandha tipproduċi elementi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi disponibbli jmissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura kkonċernata mas-suq intern.

119

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza appellata mfakkra fil-punti 111 sa 115 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk Tempus kinitx irnexxielha turi li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi disponibbli jmissha qajmet dubji min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, liema dubji jmisshom wassluha sabiex twettaq l-eżami tagħha stess ta’ dan il-potenzjal, jekk ikun il-każ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Qorti Ġenerali pjuttost timponi fuq din l-istituzzjoni l-obbligu li tfittex elementi li jmorru lil hinn mill-“elementi disponibbli f’dak li jikkonċerna l-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba”, li għalihom jirreferi l-punt 158 tas-sentenza appellata.

120

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali la indikat il-punt preċiż li dwaru d-dubji tal-Kummissjoni kellhom jirrigwardaw u lanqas l-element konkret li kellu jqajjem tali dubji. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 136 sa 145 tas-sentenza appellata, għal ċerti elementi dwar il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, mill-qari ta’ din il-parti tas-sentenza appellata ma jirriżultax li wieħed jew l-ieħor minn dawn l-elementi kienu ta’ natura li jqajmu dubji lill-Kummissjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni effettiv tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba fit-tfassil tal-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern.

121

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rapport tal-KTE, li l-estratti minnu huma ċċitati fil-punti 142 u 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat, fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, li l-analiżi tal-PTE “[kienet] tenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu identifikati l-inċentivi adegwati sabiex il-ġestjoni tat-talba tkun tista’ tipparteċipa effettivament fis-suq tal-kapaċità b’kunsiderazzjoni tal-potenzjal kollu tagħha” u li l-“PTE [kien] jikkritika l-assenza, f’dan il-mument, ta’ organizzazzjoni li tal-inqas tiġbor id-data neċessarja sabiex tifhem u tiġbor informazzjoni dwar il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba taħt id-diversi aspetti tagħha, minkejja li xi wħud [kienu] diġà disponibli”. Hija żiedet, fil-punt 147 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kienet taf bid-diffikultajiet invokati mill-KTE f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

122

Madankollu, għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet jixhdu ċerta diffikultà fl-istima tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, dawn ma humiex ta’ natura li juru li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tieħu jew ma kinitx tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni dan il-potenzjal u, għaldaqstant, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali stess fakkret fil-punti 136, 137 u 150 tas-sentenza appellata, ir-Renju Unit kien konxju min-neċessità tal-parteċipazzjoni tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità u ċerti elementi tal-miżura inkwistjoni kienu ġew maħsuba b’mod li jiżguraw din il-parteċipazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax għal liema raġunijiet il-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tan-natura suffiċjenti u adegwata ta’ dawn l-elementi.

123

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

124

Fil-kuntest tat-tieni lment imqajjem insostenn ta’ din il-parti tal-aggravju uniku, il-Kummissjoni tikkontesta, fl-ewwel lok, ċerti żviluppi tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 160 sa 192 tas-sentenza appellata, dwar il-kwistjoni tat-tul tal-kuntratti tal-kapaċità, analiżi li fi tmiemha l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 193 ta’ din is-sentenza, li d-differenza bejn it-tul tal-kuntratti tal-kapaċità offruti lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u tat-tul ta’ dawk offruti lill-produtturi tal-elettriku kienet tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

125

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 165 sa 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-miżura inkwistjoni ma kienet toffri ebda possibbiltà lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba li jiksbu kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ta’ iktar minn sena, filwaqt li l-fornituri tal-kapaċità li jagħmlu spejjeż ta’ livell neċessarju sabiex jirrinnovaw ċentrali eżistenti jew jibnu ċentrali ġdida kienu eliġibbli sabiex jiksbu kuntratti ta’ tul sa, rispettivament, tliet snin u ħmistax-il sena.

126

Fil-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kienet approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit li, essenzjalment, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew li għandhom jiġu rrinnovati jimplikaw spejjeż ta’ investiment ogħla, li kien jiġġustifika l-eliġibbiltà tagħhom għal kuntratti itwal, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jiksbu l-finanzjament neċessarju, filwaqt li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kellhom bżonnijiet ta’ spejjeż f’kapital inqas sinjifikattivi. Wara li analizzat, b’mod iddettaljat, jekk l-imsemmi approċċ tal-Kummissjoni kienx fondat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 180 ta’ din is-sentenza, li l-kriterju deċiżiv adottat mill-miżura inkwistjoni sabiex jiġu ddeterminati l-operaturi eliġibbli sabiex jinkisbu kuntratti tal-kapaċità ta’ tul iktar minn sena kien il-livell ta’ spejjeż ta’ kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament.

127

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li kien neċessarju li jiġi eżaminat liema kien it-tul neċessarju sabiex kull kategorija ta’ fornituri tal-kapaċità tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ fis-suq tal-kapaċità, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ investiment tagħhom u tad-diffikultajiet ta’ finanzjament tagħhom, sabiex jiġi osservat l-obbligu li jiġu pprovduti inċentivi adegwati lill-operaturi kollha, u li għalhekk kienet il-Kummissjoni li kellha tivverifika jekk il-fatt li l-kuntratti tal-kapaċità ta’ tul iktar minn sena jiġu rriżervati għal ċerti teknoloġiji kienx ta’ natura diskriminatorja u jekk kienx kuntrarju tal-għan li jiġi implimentat suq tal-kapaċità newtrali fil-livell teknoloġiku.

128

Issa, fil-punt 182 tas-sentenza appellata u, mill-ġdid, fil-punt 192 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit li ma kienx neċessarju li jiġu offruti kuntratti ta’ tul ta’ iktar minn sena lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba mingħajr ma jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż f’kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament ta’ dan it-tip ta’ operaturi setgħux jeħtieġu li jiġu offruti l-possibbiltà li jiksbu tali kuntratti.

129

Madankollu, mill-motivi esposti fil-punti 183 sa 191 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li Tempus kienet uriet, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jmissha qajmet f’moħħha dubji rigward il-fondatezza tal-pożizzjoni tar-Renju Unit.

130

Fil-fatt, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat li kemm Tempus kif ukoll il-UK Demand Response Association (UKDRA) (l-Assoċjazzjoni ta’ Ġestjoni tat-Talba tar-Renju Unit), li kienet ippreżentat osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, kienu ammettew li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba ġodda ma kellhomx neċessarjament l-istess spejjeż f’kapital bħall-produtturi li jibnu ċentrali ġodda. Barra minn hekk, mill-punt 188 ta’ din is-sentenza jirriżulta li la Tempus u lanqas l-UKDRA ma kienu ppreżentaw informazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni.

131

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dan l-istess punt 188, li l-Kummissjoni kellha hija stess tfittex l-informazzjoni rilevanti u li, għalhekk, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, kien biżżejjed li Tempus turi li l-Kummissjoni ma kinitx fittxet u lanqas eżaminat, b’mod diliġenti u imparzjali, l-elementi rilevanti kollha.

132

Madankollu, mill-motivi esposti fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-kunsiderazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

133

Isegwi li, billi qieset, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li d-differenza bejn it-tul ta’ kuntratti tal-kapaċità offruti lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u dak tal-kuntratti offruti lill-produtturi tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

134

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, ibbażat ruħha fuq il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, li, hekk kif tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, huwa intiż sabiex jiżgura l-finanzjament tal-ispejjeż esposti għar-remunerazzjoni tal-kapaċitajiet permezz ta’ tariffa applikata għall-fornituri tal-elettriku, iddeterminata skont is-sehem mis-suq tagħhom u kkalkolata abbażi tat-talba rreġistrata bejn l-16.00 u s-19.00 matul il-ġimgħa, bejn ix-xahar ta’ Novembru u x-xahar ta’ Frar.

135

Hekk kif jirriżulta mill-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż kien rilevanti sabiex tiġi evalwata, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ammont tal-għajnuna mogħtija kienx limitat għall-minimu neċessarju sabiex jinkiseb ir-riżultat mistenni.

136

Sabiex tiġġustifika din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali essenzjalment indikat, fil-punti 204 u 205 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-għajnuna mogħtija skont il-miżura inkwistjoni kien jiddependi mill-volum tal-kapaċità rkantat permezz tas-suq tal-kapaċità u tal-prezz tal-għeluq tal-irkant. Hija ppreċiżat li, sa fejn il-volum tal-kapaċità rkantat huwa ddeterminat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ogħla talba, inqas ma t-talba tkun għolja, inqas sinjifikattiv huwa l-volum tal-kapaċità rkantat, u, għaldaqstant, inqas sinjifikattiv huwa l-ammont tal-għajnuna.

137

Issa, peress li t-tariffa applikata għall-fornituri hija kkalkolata abbażi tat-talba għall-elettriku, din tikkostitwixxi inċentiv għat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku, li, min-naħa tiegħu, inaqqas kemm il-volum tal-kapaċità rkantat sabiex tintlaqa’ l-ogħla talba kif ukoll il-prezz tal-għeluq tal-irkant, li, b’mod definittiv, jirriżulta fi tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna.

138

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, li, filwaqt li r-Renju Unit kien inizjalment ippreveda li jikkalkola l-ammont tat-tariffa abbażi tas-sehem mis-suq tal-fornituri tal-elettriku fit-talba għall-elettriku rreġistrata matul il-perijodi msejħa “trio”, jiġifieri matul it-tliet perijodi ta’ nofs siegħa li jirreġistraw l-ogħla talba tal-konsum tal-elettriku fis-sena fuq perijodu bejn Novembru u Frar, ir-Renju Unit finalment, wara konsultazzjoni pubblika, biddel il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-tariffa sabiex jadotta l-metodu deskritt fil-punt 134 ta’ din is-sentenza.

139

Hekk kif jirriżulta mill-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fir-rigward tal-modifika tal-metodu ta’ kalkolu tat-tariffa intiża sabiex tiġi ffinanzjata l-għajnuna, il-Kummissjoni kienet approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit mingħajr ma eżaminat il-konsegwenzi ta’ din il-modifika fuq l-ammont totali tal-għajnuna u, għaldaqstant, fuq in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni.

140

Barra minn hekk, fil-punt 210 tas-sentenza appellata, hija kkritikat lill-Kummissjoni talli ma vverifikatx jekk il-metodu l-ġdid ta’ rkupru tal-ispejjeż żammx effettivament inċentiv ekwivalenti għat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku fil-perijodi tal-ogħla talba, b’mod partikolari permezz ta’ inkoraġġiment għall-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

141

Hija żżid, fil-punt 211 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni lanqas ma vverifikat jekk il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż adottat affettwax l-aċċess għas-suq, b’mod partikolari tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, billi żied l-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni li jirriżultaw mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-fornituri integrati vertikalment. Il-Qorti Ġenerali rreferiet, f’dan ir-rigward, għall-punt 92 tal-Linji Gwida 2014-2020.

142

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li kienet il-Kummissjoni li kellha teżamina l-eventwali effett tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fuq in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern. Għaldaqstant, hija qieset li l-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari kien jikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

143

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija beħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri. Billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, fil-prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

144

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, skont il-Linji Gwida 2014-2020, in-natura proporzjonata ta’ miżura ta’ għajnuna tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq uniku.

145

Sa fejn il-metodu ta’ rkupru jinkludi tariffa, jiġifieri taxxa mħallsa mill-fornituri tal-elettriku, il-Kummissjoni invokat ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din, sabiex taxxa titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandha teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jiġi assenjat għall-finanzjament tal-għajnuna. Jekk rabta bħal din teżisti, id-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 40, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 27).

146

F’dan il-każ, għalkemm mis-sentenza appellata ma jirriżultax li d-dħul mit-tariffa imposta fil-kuntest tal-metodu ta’ rkupru huwa neċessarjament assenjat għall-finanzjament tal-miżura inkwistjoni, il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din it-tariffa jistgħu, kif essenzjalment qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 203 sa 205 tas-sentenza appellata, jaffettwaw l-ammont tal-għajnuna.

147

Fil-fatt, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li l-fornituri tal-elettriku, li huma debituri tat-tariffa, jittrasferixxu l-piż tagħha, kompletament jew parzjalment, fuq il-klijenti tagħhom, b’tali mod li t-tariffa tista’, b’mod definittiv, tolqot il-konsum tal-elettriku u tinċentiva l-limitazzjoni tiegħu. Dan jimplika, min-naħa tiegħu, il-limitazzjoni tal-kapaċitajiet meħtieġa u, konsegwentement, tal-għajnuna mħallsa fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni sabiex jiġu żgurati dawn il-kapaċitajiet.

148

Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkunsidrat li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż magħżul seta’ kellu rilevanza għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali tal-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

149

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex bażi sabiex tikkunsidra, kif għamlet fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ “informazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż” kienet tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

150

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, u mhux li tipparaguna din il-miżura ma’ miżura differenti prevista preċedentement mir-Renju Unit. Isegwi li s-sempliċi fatt li l-metodu ta’ finanzjament tal-miżura inkwistjoni ġie mmodifikat meta mqabbel mal-metodu inizjalment previst ma jistax waħdu jitqies bħala li jista’ jiġġustifika l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

151

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 210 tas-sentenza appellata, ma kienx neċessarju għall-Kummissjoni li tivverifika jekk il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż previsti mill-miżura inkwistjoni żammx inċentiv għat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku ekwivalenti għal dak li kien irriżulta mill-metodu inizjalment previst.

152

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ informazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż kienet tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

153

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta wħud mill-motivi tas-sentenza appellata intiżi għall-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Wara li analizzat tliet gruppi ta’ argumenti mressqa minn Tempus, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li l-interazzjoni bejn l-irkant T‑4 u l-irkant T‑1 kif ukoll ċerti kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji, minn naħa, rigward il-kapaċità tal-miżura inkwistjoni li tilħaq l-għanijiet iddikjarati mir-Renju Unit fil-qasam tal-inkoraġġament tal-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba u, min-naħa l-oħra, rigward il-kompatibbiltà tagħha mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida 2014-2020 fil-qasam tal-inċentivi adegwati għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u, għaldaqstant, rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

154

Din il-konklużjoni hija, essenzjalment, ibbażata fuq żewġ motivi tal-Qorti Ġenerali, ikkontestati mill-Kummissjoni.

155

Qabelxejn, fil-punt 243 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ammettiet li l-organizzazzjoni tal-irkant T‑1 setgħet tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba, iżda żiedet li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji rigward il-portata ta’ dan l-effett ta’ inċentiv, fir-rigward tal-volum limitat tal-kapaċità rriżervata għall-irkant T‑1 u tal-assenza, ikkonstatata fil-punt 242 tas-sentenza appellata, ta’ dispożizzjoni ġuridika espressa li tikkonferma l-garanzija tar-Renju Unit li jikseb, f’dan l-irkant, tal-inqas 50 % tal-volum irriżervat.

156

Issa, kif tfakkar il-Kummissjoni, fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ħadet nota tal-impenn tar-Renju Unit li jikseb fl-irkant T‑1 tal-inqas 50 % tal-volum tal-kapaċità rriżervat erba’ snin qabel.

157

Tali impenn jagħmel parti sħiħa mill-miżura inkwistjoni, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 67).

158

Isegwi, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 170 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kieku r-Renju Unit kellu jagħti għajnuna bħal dik prevista mill-miżura inkwistjoni mingħajr ma josserva dan l-impenn, l-imsemmija għajnuna ma tkunx koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża u għaldaqstant ma tkunx tista’ titqies bħala li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

159

Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ir-Renju Unit stabbilixxiex l-impenn imsemmi fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dispożizzjoni espressa tad-dritt intern tiegħu kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. L-assenza ta’ tali dispożizzjoni ma setgħetx, għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, tkun sors ta’ dubju f’dan ir-rigward.

160

Għandu jingħad ukoll li, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-volum tal-kapaċità rriżervat għall-irkant T‑1 kien limitat meta mqabbel mal-volum tal-kapaċità rkantat matul l-irkant T‑4 u li, barra minn hekk, l-irkant T‑1 ma kienx irriżervat unikament għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

161

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux, waħedhom, jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, minħabba allegat trattament diskriminatorju jew żvantaġġuż tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba.

162

Minn naħa, ir-Renju Unit intrabat li jirkanta, matul l-irkant T‑1, tal-inqas 50 % tal-volum irriżervat, b’tali mod li huwa diffiċli li wieħed jifhem għal liema raġunijiet il-Qorti Ġenerali kklassifikat il-volum tal-kapaċità rriżervata għall-irkant T‑1 bħala “limitat”. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-operaturi kollha jistgħu jipparteċipaw fl-irkant T‑1 ma jfissirx li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jiġu suġġetti għal trattament żvantaġġuż jew diskriminatorju.

163

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-motivi li jinsabu fil-punti 256 u 257 tas-sentenza appellata, li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi, fil-punt 258 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tal-fondatezza tal-affermazzjoni li l-iffissar, mir-Renju Unit, għal 2 MW tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni fl-irkant tal-kapaċità kien jikkostitwixxi miżura li tiffavorixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

164

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 255 tas-sentenza appellata, fin-notifika tiegħu tal-miżura inkwistjoni, ir-Renju Unit ippreżenta l-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni ta’ 2 MW bħala wieħed dgħajjef fir-rigward tal-limitu ta’ parteċipazzjoni adottat minn National Grid fil-kuntest ta’ miżuri oħra u, għaldaqstant, bħala li hija waħda mill-miżuri li tippermetti li jiġu inċentivati l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba sabiex jipparteċipaw fis-suq tal-kapaċità.

165

Issa, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li din l-affermazzjoni tar-Renju Unit kienet ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ippreżentati spontanjament lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet biss, fil-premessi 16 u 17 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-limitu ta’ 2 MW, mingħajr ma ddeċidiet dwar in-natura favorevoli jew sfavorevoli tiegħu għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba.

166

Hekk kif jirriżulta mill-punt 253 tas-sentenza appellata, huwa biss bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li Tempus sostniet li l-iffissar ta’ limitu minimu ta’ parteċipazzjoni għal 2 MW kien jikkostitwixxi barriera għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

167

Wara li, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-argument ta’ Tempus kien ammissibbli minkejja l-preżentazzjoni tiegħu fi stadju avvanzat tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 256 ta’ din is-sentenza, ikkunsidrat li l-limitu ta’ parteċipazzjoni tas-suq tal-kapaċità PJM, espressament ikkunsidrat bħala riferiment mir-Renju Unit, fin-notifika tiegħu, insostenn tal-affermazzjoni tiegħu li l-miżura inkwistjoni tippermetti li jiġi żviluppat is-settur tal-ġestjoni tat-talba, kien biss ta’ 100 kW, jiġifieri 20 darba inqas.

168

Min-naħa l-oħra, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kellhom effettivament il-possibbiltà li jaggregaw diversi siti sabiex jilħqu l-limitu minimu ta’ 2 MW, huma kellhom iħallsu l-garanzija ta’ offerta fuq 2 MW kollu, malli parti minn dan il-volum, anki minima, kienet ikkostitwita minn kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, l-ammont tal-garanzija ta’ offerta seta’ jikkostitwixxi barriera għad-dħul ta’ operaturi ġodda tal-ġestjoni tat-talba.

169

Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 258 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tal-affermazzjoni li l-iffissar għal 2 MW tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni fl-irkant tal-kapaċità kien jikkostitwixxi miżura li tiffavorixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

170

Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament bħala ammissibbli l-argument ta’ Tempus dwar il-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni, li huwa kkontestat mill-Kummissjoni, għandu qabelxejn jiġi osservat, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 177 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-limitu ta’ parteċipazzjoni adottat minn National Grid fil-kuntest ta’ miżuri oħra kien effettivament ogħla minn 2 MW. Għalhekk, l-affermazzjoni tar-Renju Unit, miġjuba fil-punt 255 tas-sentenza appellata, ma kinitx ineżatta, ħaġa li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali ma affermatx.

171

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma esponiet, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, il-motivi li jistgħu jiġġustifikaw paragun bejn il-limitu ta’ parteċipazzjoni tas-suq tal-kapaċità PJM u dak previst fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni. Il-fatt, invokat mill-Qorti Ġenerali, li r-Renju Unit irrefera għas-suq tal-kapaċità PJM insostenn tal-affermazzjoni tiegħu li din il-miżura tippermetti li jiġi żviluppat is-settur tal-ġestjoni tat-talba ma jistax, waħdu, jiġġustifika tali paragun.

172

It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 258 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat unikament li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tal-affermazzjoni li l-iffissar tal-limitu minimu tal-parteċipazzjoni għal 2 MW kien jikkostitwixxi miżura li tiffavorixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

173

Issa, anki jekk jitqies li xi dubji fir-rigward tan-natura favorevoli għall-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba tal-iffissar tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni għal 2 MW kienu ġġustifikati, dan il-fatt ma jfissirx neċessarjament li l-imsemmi limitu kien sfavorevoli għal tali żvilupp, fis-sens li kien jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

174

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 259 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 153 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 242 sa 243 ta’ din is-sentenza, dwar l-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern tar-Renju Unit li tiggarantixxi l-irkantar matul irkant T‑1 ta’ mill-inqas 50 % tal-kapaċità rriżervata erba’ snin qabel, u lanqas minn dawk stabbiliti fil-punti 256 sa 258 tas-sentenza appellata, dwar id-dubji li l-Kummissjoni jmissha kellha fir-rigward tan-natura favorevoli, għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, tal-iffissar għal 2 MW tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità.

175

Konsegwentement, peress li l-konklużjoni stabbilita fil-punt 259 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, it-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’.

176

Peress li ż-żewġ partijiet tal-aggravju uniku huma fondati, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

177

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

178

F’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanza li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Tempus fil-Kawża T‑793/14 huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġx li tiġi adottata miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorja tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors jinsab fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwaru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130).

179

Bħala parti interessata u sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, Tempus tippreżenta żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fuq l-ewwel motiv

180

L-ewwel motiv huwa maqsum f’seba’ partijiet. Insostenn tal-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, Tempus tinvoka l-elementi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 136 sa 158 tas-sentenza appellata taħt it-titolu “Elementi disponibbli dwar il-potenzjali tal-ġestjoni tat-talba”. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 117 sa 122 ta’ din is-sentenza, dawn l-elementi jistgħu juru biss li l-evalwazzjoni tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba kellha tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern u li dawn id-dubji jmisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

181

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, Tempus tinvoka l-elementi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 160 sa 193 tas-sentenza appellata taħt it-titolu “Fuq it-tul tal-kuntratti ta’ kapaċità”. Issa, mill-punti 129 sa 133 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn l-elementi ma jurux li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

182

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, Tempus issostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant differenti previst mill-miżura inkwistjoni kienu tali li wasslu għal esklużjoni de facto tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba tal-ewwel irkant T‑4. Din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata, għar-raġunijiet esposti fil-punti 231 sa 235 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma.

183

Permezz tar-raba’ parti, Tempus tressaq l-argumenti dwar il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, kif miġbura fil-qosor fil-punti 194 sa 197 tas-sentenza appellata. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 150 u 151 ta’ din is-sentenza, dawn l-argumenti ma jurux li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

184

Permezz tal-ħames parti, Tempus issostni li l-miżura inkwistjoni tiddiskrimina l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba billi tittratta b’mod ekwivalenti l-parteċipanti kollha għall-irkant fit-tul u billi tobbligahom kollha kemm huma, inkluż dawn l-operaturi, sabiex jagħmlu offerti għal avvenimenti tal-kapaċità għal żmien indeterminat.

185

Din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-obbligu li jsiru offerti għal avvenimenti tal-kapaċità għal żmien indeterminat huwa impost fuq l-operaturi kollha, peress li dan l-obbligu jsegwi l-għan, kif spjegat il-Kummissjoni, li jintlaħaq livell ta’ sigurtà tal-provvista ogħla minn dak mogħti mill-offerti limitati għall-kopertura ta’ avvenimenti tal-kapaċità għal terminu fiss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat la li jeżisti trattament diskriminatorju tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u lanqas li l-Kummissjoni jmissha kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern minħabba l-obbligu ta’ offerta għal avvenimenti tal-kapaċità għal żmien indeterminat.

186

Permezz tas-sitt parti, Tempus issosnti li l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq tal-kapaċità jiġu suġġetti għall-istess obbligu ta’ garanzija ta’ offerta jista’ jikkawża problema ta’ dħul fis-suq għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, minħabba l-fatt li s-settur tal-ġestjoni tat-talba għadu fil-bidu tiegħu. Din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata għar-raġunijiet esposti fil-punti 249 sa 252 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma.

187

Fl-aħħar nett, permezz tas-seba’ parti, Tempus issostni li l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern sa fejn ma tħallasx lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għal-limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Fil-fehma tagħha, il-kapaċità pprovduta mill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba tnaqqas mhux biss l-ammont globali tal-kapaċità meħtieġa u li jiċċirkola ġewwa s-suq tal-kapaċità, iżda wkoll, b’rata ta’ madwar 7 sa 8 %, l-ammont tal-kapaċità mitluf matul it-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Tempus tqis li l-ekonomiji hekk imwettqa għandhom jiġu inkorporati fir-remunerazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, b’mod li jinħoloq inċentiv intiż sabiex itejjeb l-effikaċja tan-network. Din il-parti għandha wkoll tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 263 sa 266 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma.

188

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv

L-argumenti tal-partijiet

189

Insostenn tat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, Tempus tressaq seba’ argumenti.

190

L-ewwel fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rwol potenzjali tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit, Tempus issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi motivazzjoni kontradittorja. Fil-fatt, filwaqt li l-premessa 107 ta’ din id-deċiżjoni ssemmi “fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni tat-talba li waslu għall-maturità”, huwa affermat, fil-premessa 131 tal-imsemmija deċiżjoni, li s-settur tal-ġestjoni tat-talba “għadu kemm beda”. Din il-kontradizzjoni fil-motivazzjoni turi li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament ir-rwol li l-ġestjoni tat-talba għandha u jista’ jkollha fis-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit.

191

It-tieni, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-kuntratti, Tempus issostni li l-Kummissjoni ma spjegatx, minn naħa, ir-raġuni għalfejn it-termini għat-twettiq ta’ investimenti ġodda li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għandhom bżonn sabiex jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, peress li t-termini għat-twettiq tal-produtturi biss jissemmew fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, min-naħa l-oħra, ir-raġuni għalfejn hija tqis, hekk kif jirriżulta mill-premessa 152 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-kuntratti disponibbli għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għandhom “it-tul suffiċjentement twil tal-kuntratti tal-kapaċità assoċjati mal-investimenti l-ġodda” u “jippermettu lill-atturi l-ġodda li jiksbu l-finanzjament neċessarju u għalhekk li jitnaqqas ir-riskju ta’ dominazzjoni tas-suq”.

192

It-tielet, fir-rigward tal-għażla tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba bejn parteċipazzjoni għall-irkant tranżitorju jew parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul, Tempus issostni li, minkejja li l-Kummissjoni kienet affermat, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-irkant tranżitorju huwa intiż sabiex itejjeb il-ġestjoni tat-talba, hija ma spjegatx kif l-esklużjoni reċiproka ta’ dan l-irkant ittejjeb din il-ġestjoni tat-talba. Hija lanqas ma spjegat liema hija l-insuffiċjenza tal-“prestazzjoni teknika [...] meħtieġa biex tindirizza l-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni” li tista’ tiġġustifika tali esklużjoni, kif jeżiġi l-punt 232(a) tal-Linji Gwida 2014-2020.

193

Ir-raba’, fir-rigward tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, il-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex xi effett ta’ inċentiv, anki jekk dan l-effett ikun minimu u inadegwat sabiex jissodisfa n-nuqqas identifikat tas-suq bl-iktar mod effikaċi u bl-iktar mod ekonomiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-problemi li jirriżultaw mill-fatt li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż magħżul ma jenfasizzax is-sinjal tal-prezz fir-rigward tal-konsumaturi għall-konsum tal-enerġija tagħhom matul il-perijodi ta’ talba għal trio u għalhekk naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

194

Il-ħames, il-Kummissjoni ma indirizzatx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni tal-użu ta’ kuntratti li jkopru avvenimenti tal-kapaċità għal żmien indeterminat pjuttost milli kuntratti għal terminu fiss fil-kuntest tal-irkant fit-tul.

195

Is-sitt, il-Kummissjoni lanqas ma indirizzat fl-imsemmija deċiżjoni l-kwistjoni tar-rekwiżit ta’ garanzija ta’ offerta fl-irkant u għalhekk ma spjegatx ir-raġuni għalfejn l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għandu jkollhom l-obbligu li jipprovdu l-istess garanzija bħall-produtturi.

196

Is-seba’, id-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-assenza ta’ remunerazzjoni addizzjonali fil-każ ta’ limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni permezz tal-ġestjoni tat-talba. Il-premessa 140 ta’ din id-deċiżjoni għandha natura ċirkulari u ma tissodisfax lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, li joġġezzjonaw li l-fatt li, li jiġi evitat it-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni jżid il-kapaċità disponibbli fuq in-network. Il-Kummissjoni kellha tispjega r-raġuni għalfejn il-fatt li jintgħażel li tiġi injorata l-limitazzjoni tat-telf permezz tal-impriżi ta’ ġestjoni tat-talba huwa oġġettivament iġġustifikat.

197

Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkontestaw l-argumenti ta’ Tempus.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

198

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’mod li jippermetti lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti li għandha kompetenza li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal‑kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d‑destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 172).

199

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, bħal f’dan il-każ, ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi unikament ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li quddiemha ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jekk hija madankollu turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li quddiemha ma hemmx tali diffikultajiet, fejn il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma tagħmilx parti minn dan ir-rekwiżit (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 48; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 65, 7071, kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 111).

200

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament is-seba’ argumenti mressqa minn Tempus fil-kuntest tat-tieni motiv.

201

Fir-rigward tal-ewwel argument, hemm lok li jiġi rrilevat li ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn il-premessa 107 u l-premessa 131 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, filwaqt li l-premessa 107 tiġbor fil-qosor argument tar-Renju Unit dwar id-distinzjoni neċessarja bejn operaturi ta’ ġestjoni tat-talba li laħqu l-maturità u operaturi li għadhom ma laħqux il-maturità, li jeħtieġu sostenn, il-premessa 131 tesponi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura xierqa tal-għajnuna, evalwazzjoni li tgħid li, b’mod partikolari, is-settur tal-ġestjoni tat-talba, meħud fl-intier tiegħu, kien biss fil-bidu tiegħu.

202

Fir-rigward tat-tieni argument, dwar il-premessi 134 u 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 152, li tgħid li t-tul suffiċjentement twil tal-kuntratti tal-kapaċità l-ġodda għal investimenti ġodda ser jippermetti lill-operaturi ġodda fis-suq li jiżguraw il-finanzjament neċessarju, hija redatta f’termini ġenerali u ma tirreferix għal kategorija speċifika ta’ operaturi. Għalkemm jista’ jiġi dedott mill-premessa 134 ta’ din id-deċiżjoni li t-termini għat-twettiq tal-operaturi tat-talba huma differenti u, eventwalment, inqas twal minn dawk ta’ tipi oħra ta’ operaturi, fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 198 u 199 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma kien neċessarju, għall-Kummissjoni, li tirreferi speċifikament, fil-premessa 152 tal-imsemmija deċiżjoni, għat-tul l-iktar xieraq tal-kuntratti li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jkunu meħtieġa li jikkonkludu.

203

Fir-rigward tat-tielet argument, dwar il-premessa 128 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet fiha li, kif diġà ġie indikat fil-premessi 88 sa 94 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Renju Unit kien studja jew implimenta miżuri addizzjonali sabiex, b’mod partikolari, itejjeb il-ġestjoni tat-talba. Fil-fatt, il-premessa 89 tal-imsemmija deċiżjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-fatt li r-Renju Unit isegwi opportunitajiet ta’ ġestjoni tat-talba. Isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’nuqqas jew b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

204

Il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-fatt li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jistgħu jiksbu kuntratt kemm għall-irkant tranżitorju kif ukoll għall-irkant fit-tul, iżda mhux għaż-żewġ tipi ta’ rkant, peress li l-miżura inkwistjoni kienet tippermetti li titjieb il-ġestjoni tat-talba u li jiġi osservat il-punt 232(a) tal-Linji Gwida 2014-2020, taqa’ taħt il-fondatezza tal-motivazzjoni u, għaldaqstant tal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkostitwixxi kwistjoni distinta minn dik tal-osservanza tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

205

Minbarra dan, il-kwistjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija s-suġġett tat-tielet parti tal-ewwel motiv, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 182 ta’ din is-sentenza, ġiet miċħuda.

206

Ir-raba’ argument ta’ Tempus, dwar il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż, huwa intiż ukoll sabiex jikkontesta mhux l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, iżda l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, mill-punt 183 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-argument kien ġie miċħud.

207

Fir-rigward tal-ħames argument, dwar l-allegat ommissjoni tal-Kummissjoni li tindirizza, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni tal-użu ta’ kuntratti tal-kapaċità għal żmien indeterminat pjuttost milli kuntratti tal-kapaċità għal żmien determinat, huwa minnu li l-għażla li jintalbu kuntratti li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija minflok taħt it-tieni waħda ma ġietx analizzata fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 188 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward, minn naħa, tal-fatt li din il-kwistjoni ma tqajmitx quddiem il-Kummissjoni waqt l-eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 198 u 199 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba li ma rreferietx speċifikament għal din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

208

L-istess japplika, essenzjalment għall-istess raġunijiet, għas-sitt argument ta’ Tempus, ibbażat fuq l-allegata ommissjoni tal-Kummissjoni li tispjega, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-raġuni għalfejn l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kellhom, sabiex jipparteċipaw fl-irkant, jipprovdu l-istess garanzija bħall-produtturi tal-elettriku.

209

Il-premessa 26 tad-deċiżjoni kontenzjuża tispjega li, sabiex jipparteċipaw fl-irkant, l-unitajiet potenzjali ta’ produzzjoni jew ta’ ġestjoni tat-talba huma obbligati jagħmlu depożitu, sabiex tiġi kkonfermata n-natura serja tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-irkant u tar-realtà tal-intenzjoni tagħhom li jipprovdu unità operazzjonali sa mhux iktar tard mill-bidu tas-sena ta’ kunsinna. Sa fejn il-kwistjoni ta’ eventwali trattament iddifferenzjat tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, f’dak li jikkonċerna l-obbligu li jiġi kkostitwit depożitu, ma kinitx tqajmet fl-istadju tal-eżami preliminari, inkluż fl-osservazzjonijiet ippreżentati b’mod spontanju lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx obbligata, sabiex tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni, li tesponi fid-deċiżjoni kontenzjuża l-motivi li għalihom tali trattament iddifferenzjat ma kienx neċessarju.

210

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-assenza ta’ remunerazzjoni addizzjonali fis-suq tal-kapaċità fil-każ ta’ limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku permezz tal-ġestjoni tat-talba, għandu jitfakkar li, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni, l-assenza ta’ remunerazzjoni addizzjonali għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba f’dan ir-rigward kienet iġġustifikata. Għalkemm relattivament qasira, din l-indikazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu mifhuma r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-assenza ta’ tali remunerazzjoni addizzjonali setgħet tqajjem dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

211

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 204 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandha tiġi distinta minn dik tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni. Issa, mill-punt 187 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumenti ta’ Tempus dwar din l-aħħar kwistjoni ġew miċħuda.

212

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

213

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

214

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

215

F’dan il-każ, peress li Tempus tilfet u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħha għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li Tempus tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. Peress li r-Renju Unit ma fformulax talbiet dwar l-ispejjeż, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

216

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Novembru 2018, Tempus Energy u Tempus Energy Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑793/14, EU:T:2018:790), hija annullata.

 

2)

Ir-rikors fil-Kawża T‑793/14 huwa miċħud.

 

3)

Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża:l-Ingliż.