KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑8 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑874/19 P

Aeris Invest Sàrl

vs

Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

u

Kawża C‑934/19 P

Algebris (UK) Ltd,

Anchorage Capital Group LLC

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

“Appell – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti ta’ investiment – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Stabbiliment ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Għodda ta’ bejgħ ta’ negozju – Artikolu 20 – Valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni – Żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti – Valwazzjoni provviżorja – Kunċett – Rekwiżit ta’ twettiq ta’ valwazzjoni definittiva ex post – Protezzjoni ta’ azzjonisti u kredituri – Aġġustament skont l-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 – Prinċipju ta’ ‘No creditor worse off’ – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Protezzjoni tal-proprjetà”

I. Introduzzjoni

1.

Iż-żmien għandu rwol ċentrali fir-riżoluzzjoni ta’ bank. Sabiex ma titnissilx insigurtà fis-swieq finanzjarji jew mad-depożitanti u sabiex jiġu evitati l-hekk imsejħa bank runs, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jeħtieġ li jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu u jimplimentaw ir-riżoluzzjoni ta’ bank f’terminu ta’ ftit jiem. Il-portata ta’ tali deċiżjoni hija importanti għaliex din ma timplikax biss, jekk ikun il-każ, ksur gravi tad-drittijiet ta’ proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri, iżda toħloq ukoll, fil-parti l-kbira, faits accomplis.

2.

Għall-azzjonisti u għall-kredituri tal-bank ikkonċernat, il-valwazzjoni minn qabel tal-valur tal-attiv u tal-passiv tal-bank f’diffikultà hija ta’ importanza primordjali. Mir-riżultat tagħha jiddependi liema għodda ta’ riżoluzzjoni jiġu implimentati kif ukoll sa liema punt l-azzjonisti u l-kredituri ser jintużaw sabiex ikopru t-telf.

3.

Fil-każ ta’ Banco Popular Spanjol, li kienet l-ewwel istituzzjoni ta’ kreditu fuq livell Ewropew fl-2017, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRB”) wasal għall-konklużjoni li, sabiex jikkumpensa t-telf ta’ dan il-bank, kienu meħtieġa, qabel kollox, il-kanċellazzjoni tal-azzjonijiet tal-bank u l-iżvalutazzjoni ta’ pretensjonijiet fir-rigward tal-bank, li jammontaw għal iktar minn EUR 4 biljun. Kien biss wara dan li l-valur tal-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha setgħu jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, li ħallset EUR 1 simboliku għal dan il-għan. Minħabba dan, il-valwazzjonijiet rilevanti kellhom jitwettqu taħt pressjoni estrema ta’ żmien.

4.

Dawn l-appelli issa jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk u, skont il-każ, f’liema kundizzjonijiet l-azzjonisti u l-kredituri ta’ dak iż-żmien jistgħu jeżiġu li Banco Popular twettaq l-hekk imsejħa valwazzjoni definittiva ex post, wara li l-istrumenti kapitali tagħhom ikunu diġà ġew totalment żvalutati jew ikkanċellati u Banco Popular ma tibqax teżisti b’amalgamazzjoni ma’ Banco Santander.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Iż-żewġ appelli jaqgħu taħt il-kuntest ġuridiku tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”) ( 2 ).

6.

Il-premessi 56 sa 64 ta’ dan ir-regolament jipprovdu kif ġej:

“(56)

Sabiex jiminimizza t-tħarbit tas-suq finanzjarju u tal-ekonomija, il-proċess tar-riżoluzzjoni għandu jitwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir. […]

(58)

[…] L-objettivi ta’ riżoluzzjoni għandhom għalhekk ikunu li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ servizzi finanzjarji essenzjali, li tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jitnaqqas il-periklu morali billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika lil entitajiet li jkunu qed ifallu [entitajiet inadempjenti], u li jiġu protetti d-depożitanti.

[…]

(63)

Għall-fini li jiġu protetti d-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri, għandhom jiġu stabbiliti obbligi ċari fir-rigward tal-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u […] il-valwazzjoni tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu kieku l-entità ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. […] Qabel tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għandha titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità. Tali valwazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta’ appell flimkien mad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni biss. Barra minn hekk […] paragun ex post bejn it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew u t-trattament li kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta’ insolvenza għandu jitwettaq wara li jkunu ġew applikati l-għodda ta’ riżoluzzjoni. Jekk ikun determinat li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew, fil-ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom, inqas mill-ammont li kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, huma għandhom ikunu intitolati għall-ħlas tad-differenza fejn meħtieġ skont dan ir-Regolament. Din id-differenza, jekk ikun hemm, għandha titħallas mill-Fond stabbilit skont dan ir-Regolament.

(64)

[…] Għandu jkun possibbli, għal raġunijiet ta’ urġenza, li [is-SRB] jagħmel valwazzjoni rapida tal-assi jew l-obbligazzjonijiet ta’ entità li tkun qed tfalli [entità inadempjenti]. Dik il-valwazzjoni għandha tkun proviżorja u għandha tapplika sakemm titwettaq valwazzjoni indipendenti.”

7.

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(30)

‘għodda tal-bejgħ ta’ operat’ tfisser il-mekkaniżmu biex isir it-trasferiment minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, ta’ strumenti ta’ sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja, skont l-Artikolu 24;

[…]

(40)

‘fondi proprji’ tfisser fondi proprji kif definit fil-punt 118 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (Capital Requirements Regulation, iktar ’il quddiem iċ-‘CRR’) ( 3 );

[…]

(45)

‘Strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni’ tfisser strumenti kapitali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 28(1) sa (4), fl-Artikolu 29(1) sa (5) jew fl-Artikolu 3(1)[CRR];

(46)

‘Strumenti addizzjonali tal-Grad 1’ tfisser strumenti kapitali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 52(1) [CRR];

(47)

‘Strumenti tal-Grad 2’ tfisser strumenti kapitali jew dejn subordinat li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 63 [CRR];

[…]

(51)

‘strumenti kapitali rilevanti’ tfisser strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u strumenti tal-Grad 2;

[…]”

8.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament SRM jelenka l-“Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni”. Dan jipprovdi kif ġej:

“(a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

(b)

il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 17, ħlief fejn previst espressament mod ieħor f’dan ir-Regolament;

[…]

(f)

ħlief fejn previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-kredituri tal-istess klassi jiġu ttrattati b’mod ekwu;

(g)

l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29;”

9.

L-Artikolu 17 tar-Regolament SRM, moqri flimkien mal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/59/UE (Bank Resolution and Recovery Directive, iktar ’il quddiem il-“BRRD”) ( 4 )et, jipprevedi l-hekk imsejħa skala ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari, fil-każ li s-SRB jeżerċita setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandha titwettaq żvalutazzjoni kif ukoll konverżjoni ta’ strumenti kapitali, sa fejn indikat mill-valwazzjoni, f’ordni partikolari li tibda bl-istrumenti tal-ekwità komuni tal-Grad 1, segwiti mill-istrumenti tal-Grad 1 addizzjonali sal-istrumenti tal-Grad 2.

10.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jipprevedi taħt it-titolu “Proċedura ta’ riżoluzzjoni” dan li ġej:

“[Is-SRB] għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni […] meta dan jivvaluta […] li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

b)

b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva [żvalutazzjoni] jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment [l-inadempjenza] tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

(c)

hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.”

11.

Il-“Valwazzjoni tal-għanijiet ta’ riżoluzzjoni” hija rregolata mill-Artikolu 20 tar-Regolament SRM:

“(1)   Qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva [żvalutazzjoni] jew jikkonverti strumenti kapitali rilevanti, [is-SRB] għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż [is-SRB] u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u mill-entità konċernata.

(2)   Soġġett għall-paragrafu 15, fejn ir-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 jiġu sodisfatti, il-valwazzjoni għandha titqies bħala definittiva.

(3)   Fejn valwazzjoni indipendenti skont il-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, [is-SRB] jista’ jwettaq valwazzjoni provviżorja tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità msemmija fl-Artikolu 2, skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

(4)   L-objettiv tal-valwazzjoni jkun li tivvaluta l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 li tissodisfa l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni tal-Artikoli 16 u 18.

(5)   L-għanijiet tal-valwazzjoni għandhom ikunu:

(a)

li tingħata informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jew il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali intlaħqux;

(b)

jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ntlaħqu, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni xierqa ta’ riżoluzzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2;

(c)

meta tiġi applikata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu kkanċellati jew dilwiti l-istrumenti ta’ sjieda, u kemm għandhom jiġu valwati negattivament u jiġu kkonvertiti l-istrumenti kapitali rilevanti;

[…]

(f)

meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti l-oħra ta’ sjieda li għandhom jiġu ttrasferiti u biex jgħinu [lis-SRB] jifhem x’jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b);

(g)

fil-każijiet kollha, biex jiġi żgurat li kwalunkwe telf fuq l-assi ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġi rikonoxxut bis-sħiħ meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni jew jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.

[…]

7.   Il-valwazzjoni għandha tkun issupplimentata bl-informazzjoni li ġejja kif tidher fil-kotba tal-kontabbiltà u r-reġistri ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2:

(a)

karta bilanċjali aġġornata u rapport dwar il-pożizzjoni ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

analiżi u stima tal-valur kontabilistiku tal-assi;

(c)

il-lista tal-obbligazzjonijiet pendenti fuq il-karta bilanċjali u barra l-karta bilanċjali murija fil-kotba u r-reġistri ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2, b’indikazzjoni tal-krediti rispettivi u l-prijorità tal-pretensjonijiet msemmija fl-Artikolu 17.

[…]

(9)   Il-valwazzjoni għandha tindika s-subdiviżjoni tal-kredituri fi klassijiet skont il-prijorità tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 u stima tat-trattament li kull klassi ta’ azzjonist u kreditur kienu jkunu mistennija jirċievu, jekk entità msemmija fl-Artikolu 2 kellha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. […]

(10)   Fejn, minħabba urġenza taċ-ċirkostanzi tal-każ, jew ma tkunx possibbli konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 7 u 9, jew ikun japplika l-paragrafu 3, għandha titwettaq valwazzjoni provviżorja. Il-valwazzjoni provviżorja għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 4 u, sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi, mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 7 u 9.

Il-valwazzjoni provviżorja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi buffer għal telf addizzjonali, b’ġustifikazzjoni xierqa.

(11)   Valwazzjoni li ma tikkonformax mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1, u 4 sa 9 għandha titqies bħala provviżorja sakemm persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 twettaq valwazzjoni li tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti kollha stipulati f’dawk il-paragrafi. Dik il-valwazzjoni ex-post definittiva għandha titwettaq hekk malli jkun prattikabbli. Tista’ titwettaq separatament mill-valwazzjoni msemmija fil-paragrafi 16, 17 u 18, jew simultanjament magħha u mill-istess persuna indipendenti bħall-valwazzjoni, li iżda għandha tkun distinta minnha.

L-għanijiet tal-valwazzjoni ex-post definittiva għandhom ikunu:

(a)

li jiġi żgurat li kwalunkwe telf fl-assi ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fil-kotba tal-kontabbiltà ta’ dik l-entità;

(b)

tipprovdi informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni li ssir valwazzjoni negattiva [li jsir irkupru] tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew li jiżdied il-valur tal-korrispettiv imħallas, skont il-paragrafu 12 ta’ dan l-Artikolu.

12.   Fil-każ li l-istima tal-valwazzjoni ex-post definittiva tal-valur tal-assi netti ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni provviżorja tal-valur tal-assi netti ta’ dik l-entità, [is-SRB] jista’ jitlob lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex:

(a)

teżerċita s-setgħat tagħha li żżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew tas-sidien ta’ strumenti kapitali rilevanti li tagħmel [li kienu s-suġġett ta’] valwazzjoni negattiva bl-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna;

(b)

jagħti [tagħti] struzzjonijiet lil istituzzjoni tranżitorja jew mezz ta’ mmaniġġjar tal-assi li jħallas aktar korrispettiv fir-rigward tal-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew skont il-każ, fir-rigward tal-istrumenti ta’ sjieda lis-sidien ta’ dawk l-istrumenti ta’ sjieda.

13.   Minkejja l-paragrafu 1, valwazzjoni provviżorja mwettqa skont il-paragrafi 10 u 11 għandha tkun bażi valida [għas-SRB] biex jieħu deċiżjoni dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, inkluż l-għoti ta’ istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jieħdu l-kontroll ta’ istituzzjoni li qed tfalli [istituzzjoni inadempjenti] jew li jeżerċita setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilvanti.

[…]

15.   Il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali. Il-valwazzjoni nnifisha ma għandhiex tkun soġġetta għal dritt ta’ appell separat iżda tista’ tkun soġġetta għal appell flimkien mad-deċiżjoni [tas-SRB].

16.   Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, [is-SRB] għandu jiżgura li tiġi mwettqa valwazzjoni minn persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu daħlu fis-seħħ l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Dik il-valwazzjoni għandha tkun separata mill-valwazzjoni mwettqa skont il-paragrafi minn 1 sa 15.

17.   Il-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 għandha tiddetermina:

(a)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri, jew l-iskemi rilevanti ta’ garanzija tad-depożiti kienu jirċievu li kieku istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha jkunu nħarġu l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, tkun daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fi żmien meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

(b)

it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri jirċievu fir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; u

(c)

jekk hemmx xi differenza bejn it-trattament imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u t-trattament imsemmi fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu.

18.   Il-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 għandha:

(a)

tassumi li istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jkunu ġew affettwati, tkun daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fi żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni għal riżoluzzjoni;

(b)

tassumi li l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ma daħlux fis-seħħ;

(c)

ma tqis l-ebda għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.”

12.

L-Artikolu 76 tar-Regolament SRM jirregola l-użu għall-fond ta’ riżoluzzjoni:

“1.   Fil-qafas tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, meta jiġu applikati l-għodod ta’ r-riżoluzzjoni fuq l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, [is-SRB] jista’ juża l-Fond biss sal-punt neċessarju biex jiżgura l-applikazzjoni effikaċi tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għall-iskopijiet li ġejjin:

[…]

(e)

biex jitħallas kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 20(5) ikunu ġarrbu telf ikbar milli kieku kienu jġarrbu, wara valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16), fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza;

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għal dawn il-kawżi

13.

L-appellanti fil-Kawża C‑874/19 P, Aeris Invest Sàrl (iktar ’il quddiem “Aeris”), kienet azzjonista ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”). L-appellanti fil-Kawża C‑934/19 P, Algebris (UK) Ltd u Anchorage Capital Group LLC (iktar ’il quddiem “Algebris u Anchorage”), huma amministraturi ta’ fondi ta’ investiment li kienu jinvolvu strumenti tal-kapital addizzjonali tal-Grad 1 kif ukoll dawk tal-Grad 2 ta’ Banco Popular.

A.   Il-proċedura ta’ riżoluzzjoni

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017 ( 5 ), is-SRB, wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ( 6 ), ordna r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni”).

15.

Din id-deċiżjoni kienet ippreċeduta minn valwazzjoni tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM. L-ewwel valwazzjoni kienet ġiet ippreżentata mis-SRB fil‑5 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem l-“ewwel valwazzjoni”). Mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jirriżulta li l-għan tagħha kien li tiġi mwieġba l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM kinux issodisfatti ( 7 ), li ġie kkonfermat fl-affermattiv mis-SRB. It-tieni valwazzjoni ġiet ippreżentata fis‑6 ta’ Ġunju 2017 minn espert indipendenti, jiġifieri mill-kumpannija tal-awdituri Deloitte (iktar ’il quddiem “it-tieni valwazzjoni”). L-għan ta’ din tal-aħħar kien, l-ewwel, li jiġi ddeterminat il-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament SRM, it-tieni, li jsir tbassir dwar it-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri fil-każ tat-tkomplija ta’ proċedura ta’ insolvenza normali u, it-tielet, li jiġi evalwat liema huma l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti ta’ sjieda għall-finijiet tal-bejgħ ta’ negozju u dak li għandu jinftiehem, f’dan il-kuntest, b’kundizzjonijiet kummerċjali ( 8 ).

16.

Deloitte wettqet it-tieni valwazzjoni f’terminu ta’ tnax-il jum u kkalkolat il-valur tal-attiv nett ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fix-xenarju l-iktar favorevoli u valur negattiv ta’ EUR 8.2 biljun fix-xenarju l-iktar sfavorevoli, filwaqt li qieset valur negattiv ta’ EUR 2 biljun bħala l-iktar probabbli. F’din il-medda ta’ valuri, skont Deloitte, kien jinsab “saff ta’ protezzjoni għal telf addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 36(9) BRRD ( 9 ), li ma setax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni”. Fid-dawl tan-natura limitata tal-informazzjoni disponibbli u taż-żmien, Deloitte ikklassifikat din il-valwazzjoni bħala “provviżorja għall-finijiet tal-Artikolu 36 BRRD ( 10 )”.

17.

Kemm l-ewwel valwazzjoni kif ukoll it-tieni valwazzjoni ġew mehmuża mad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

18.

Id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tipprevedi, fl-Artikoli 5 u 6 tagħha, li, inizjalment, il-kapital komuni tal-Grad 1 kollu, jiġifieri b’mod partikolari l-azzjonijiet ( 11 ), kif ukoll il-Grad 1 addizzjonali għandhom jiġu żvalutati għal żero u l-istrumenti tal-Grad 2 għandhom jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet qabel ma tiġi applikata l-għodda ta’ riżoluzzjoni tal-bejgħ tan-negozju.

19.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ġie deċiż kif ġej:

“(a)

żvalutazzjoni tal-ammont nominali tal-kapital azzjonarji ta’ Banco Popular b’ammont ta’ EUR 2098429046, li għandu jwassal għall-kanċellazzjoni ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

(b)

konverżjoni tal-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti kapitali addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u li jinsabu fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, imsejħa l-‘azzjonijiet ġodda I’;

(c)

tnaqqis għal żero tal-valur nominali tal-‘azzjonijiet ġodda I’, li għandu jwassal għall-kanċellazzjoni ta’ 100 % ta’ dawn l-azzjonijiet;

(d)

konverżjoni tal-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti kapitali tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u li jinsabu fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, imsejħa l-‘azzjonijiet ġodda II’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.

Skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq it-tieni valwazzjoni, ikkonfermata mir-riżultati ta’ proċess trasparenti u miftuħ ta’ kummerċjalizzazzjoni implimentat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB) (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Organizzata ta’ Stabbilimenti Bankarji).

21.

L-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti liberi u mingħajr ebda dritt favur terz inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1 lil Banco Santander, SA (iktar ’il quddiem “Banco Santander”). Huwa ppreċiżat li x-xerrej diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

22.

Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, is-SRB irċieva mingħand Deloitte l-valwazzjoni, prevista fl-Artikolu 20(16) u (17) tar-Regolament SRM, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati mill-miżura ta’ riżoluzzjoni kinux jiksbu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza normali (iktar ’il quddiem “it-tielet valwazzjoni”).

23.

Skont avviż tas-SRB tas‑7 ta’ Awwissu 2018, mit-tielet valwazzjoni jirriżulta li ma hemmx differenza bejn it-trattament effettiv tal-azzjonisti u tal-kredituri kkonċernati u t-trattament li huma kienu jiksbu li kieku nbdiet proċedura ta’ insolvenza regolari għall-istituzzjoni fil-mument tar-riżoluzzjoni. Konsegwentement, is-SRB iddeċieda, b’mod provviżorju, li ma kienx obbligat iħallas kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri ikkonċernati ta’ Banco Popular, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM ( 12 ).

24.

L-amalgamazzjoni ma’ Banco Santander tkompliet fit‑28 ta’ Settembru 2018, u għalhekk Banco Popular ġie ssostitwit kompletament minn dan il-bank.

B.   Il-fatti li wasslu għall-kawża

25.

Fl-4 ta’ Mejju 2018, Aeris ippreżentat lis-SRB talba għal aċċess għad-dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 13 ) billi talbet, b’mod partikolari, aċċess għad-dokumenti relatati mal-valwazzjoni definittiva ex post tat-tieni valwazzjoni. Wara li ż-żewġ partijiet skambjaw osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni tan-neċessità li titwettaq valwazzjoni definittiva ex post fir-rikors parallel pendenti kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ( 14 ), din l-appellanti, fit‑3 ta’ Awwissu 2018, stiednet lis-SRB, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, sabiex iwettaq valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM.

26.

Dan ġie miċħud mis-SRB permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑14 ta’ Settembru 2018”), b’riferiment għall-opinjoni legali li kien diġà esprima fir-rikors parallel.

27.

Algebris u Anchorage kitbu lis-SRB fit‑3 ta’ Ottubru 2018 sabiex dan iwettaq valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM, minħabba li l-ewwel u t-tieni valwazzjoni kienu provviżorji.

28.

Fid-dawl ta’ din it-talba, is-SRB indika, permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Ottubru 2018, li huwa kien ippubblika ittra lil Deloitte fuq is-sit Internet tiegħu li fiha huwa espona r-raġunijiet għaliex ebda valwazzjoni definittiva ex post ma kienet neċessarja. Algebris u Anchorage talbu għalhekk lis-SRB, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2018, konferma espliċita tal-fatt li dan kien ħa d-deċiżjoni li ma jwettaqx valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM. Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, is-SRB wieġeb b’mod partikolari li huwa kien diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu fl-ittra tal‑25 ta’ Ottubru 2018 u li r-raġunijiet tad-deċiżjoni li ma ssirx valwazzjoni definittiva ex post kienu ġew esposti fiha fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

29.

Fuq il-mertu, is-SRB qies, fiż-żewġ każijiet, li ma kienx neċessarju f’dan il-każ li titwettaq valwazzjoni definittiva ex post ta’ Banco Popular fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM, sa fejn ir-riżultat ta’ tali valwazzjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander. Barra minn hekk, dan il-bejgħ iddetermina l-prezz tas-suq ta’ Banco Popular bħala impriża skont proċedura miftuħa, xierqa u trasparenti. Għaldaqstant, valwazzjoni definittiva ex post la tista’ tissodisfa l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM u lanqas ma tista’ tagħti lok għal kumpens fis-sens tal-paragrafu 12 ta’ din id-dispożizzjoni.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti kkontestati

30.

Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, Aeris ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263(4) TFUE kontra l-ittra tal‑14 ta’ Settembru 2018 (Kawża T‑599/18).

31.

Fl‑4 ta’ Jannar 2019, Algebris u Anchorage talbu wkoll lill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 263(4) TFUE, sabiex tannulla “id-deċiżjoni tas-SRB li ma jagħmilx valwazzjoni definittiva ex post ta’ Banco Popular b’ittra kkomunikata lir-rikorrenti tat‑18 ta’ Diċembru 2018” (Kawża T‑2/19).

32.

Permezz ta’ żewġ digrieti tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, EU:T:2019:740) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat fil-Kawża T‑599/18”) u Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB (T‑2/19, EU:T:2019:741) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat fil-Kawża T‑2/19”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tal-appellanti bħala inammissibbli.

V. It-talbiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.

Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Novembru 2019, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, Aeris ippreżentat appell.

34.

Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18 sa fejn dan jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi konformement mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikors fl-ewwel istanza, kif titlob l-appellanti fl-ewwel istanza; u

tirriżerva l-ispejjeż.

35.

Permezz ta’ att tat‑18 ta’ Frar 2019, is-SRB oppona l-appell u jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

b’mod sussidjarju, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha b’mod definittiv;

b’mod iktar sussidjarju, fil-każ ta’ deċiżjoni definittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑599/18 quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, tirriżerva l-ispejjeż tal-appell.

36.

Permezz ta’ att tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Algebris u Anchorage ppreżentaw appell fl-istess jum quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Huma talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19;

tannulla l-punt 2 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19 u tikkundanna lis-SRB ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti fil-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell;

tikkonstata li l-appellanti għandhom locus standi.

38.

Permezz ta’ att tal‑10 ta’ Marzu 2019, is-SRB oppona dan l-appell u jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

b’mod sussidjarju, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha b’mod definittiv;

b’mod iktar sussidjarju, fil-każ ta’ deċiżjoni definittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑2/19 quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, tirriżerva l-ispejjeż tal-appell.

39.

L-appellanti u s-SRB ikkomunikaw bil-miktub dwar l-appell rilevanti fil-Kawżi C‑874/19 P u C‑934/19 P. Fir-rigward tal-Kawża C‑874/19 P, inżammet seduta fil‑15 ta’ April 2021 li fiha pparteċipaw Aeris u s-SRB.

VI. Evalwazzjoni

40.

Is-suġġett tat-tilwima li wasslet għal dawn l-appelli la huwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni meħuda abbażi tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni ( 15 ) u lanqas il-fondatezza ta’ dawn il-valwazzjonijiet. Għall-kuntrarju, f’din il-proċedura, l-appellanti jixtiequ li s-SRB iwettaq valwazzjoni definittiva ex post ta’ Banco Popular fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM.

41.

Skont din id-dispożizzjoni, valwazzjoni definittiva ex post ssir fil-każ fejn valwazzjoni preċedenti kienet provviżorja. Is-SRB iddeċieda f’dan il-każ li wara r-riżoluzzjoni, ma jwettaqx valwazzjoni definittiva ex post ta’ Banco Popular fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata fl-ewwel istanza permezz tar-rikorsi ppreżentati mill-appellanti.

42.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-mertu, fid-digrieti appellati, ta’ jekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, is-SRB kienx obbligat iwettaq valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM. Għall-kuntrarju, minn perspettiva proċedurali, hija llimitat ruħha għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-appellanti setgħux saħansitra jitolbu dan u jekk, konsegwentement, kellhomx locus standi għal dan il-għan.

43.

Ma hemmx dubju li d-dritt li titwettaq valwazzjoni definittiva ex post huwa eskluż mill-bidu nett, partikolarment fl-assenza ta’ sitwazzjoni li fiha r-riżoluzzjoni tkun ġiet deċiża abbażi ta’ valwazzjoni purament provviżorja. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-ewwel u t-tieni valwazzjoni kinux “provviżorji” fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM, kwistjoni li ġiet ikkontestata mill-SRM f’dawn l-appelli (ara punt A).

44.

Madankollu, minkejja li l-ewwel u t-tieni valwazzjoni għandhom jitqiesu li huma “provviżorji”, l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra ċ-ċaħda ta’ valwazzjoni definittiva ex post tippreżupponi li tali valwazzjoni tista’, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti. Fid-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali rrispondiet fin-negattiv (ara punt B. 1).

45.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, għandu jiġi ddeterminat, essenzjalment, liema huma l-effetti u l-għan ta’ valwazzjoni definittiva ex post, sabiex jiġi ddeterminat jekk din jistax ikollha effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti f’dan il-każ. Huwa għall-eżami ta’ din il-kwistjoni li huma limitati dawn il-konklużjonijiet komuni (ara punt B. 2.) ( 16 ).

A.   Fuq in-natura provviżorja tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni

46.

Il-Qorti Ġenerali qieset, fid-digrieti appellati, li l-ewwel u t-tieni valwazzjoni kienu “provviżorji” fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM u li għalhekk, bħala prinċipju, jista’ jkun neċessarju li ssir valwazzjoni definittiva ex post. Din il-premessa hija kondiviża wkoll bejn il-partijiet fl-ewwel istanza. Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-SRB qies għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-appell, li t-tieni valwazzjoni ma kinitx provviżorja f’dan is-sens u li għalhekk lanqas biss hemm il-kwistjoni tat-twettiq ta’ valwazzjoni definittiva ex post.

47.

Madankollu, il-kwistjoni li tqum f’dan ir-rigward hija dwar jekk il-klassifikazzjoni legali bħala provviżorja tal-ewwel u t-tieni valwazzjoni tistax tiġi eżaminata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRB fl-istadju tal-appell, partikolarment ex officio (ara punt 1). Fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li dawn il-valwazzjonijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala provviżorji (ara punt 2).

1. Fuq l-ammissibbiltà ta’ dan l-eżami fl-istadju tal-appell

48.

Fis-sistema tal-istħarriġ tal-legalità quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-kawża hija, bħala prinċipju, definita u limitata biss mill-partijiet li jistabbilixxu l-portata tas-suġġett tat-tilwima ( 17 ).

49.

L-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell jirrigwarda biss, bħala prinċipju, motivi invokati diġà fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Motivi li jistgħu jiġu ppreżentati diġà fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li ma ġewx ippreżentati, ma humiex ammissibbli fl-istadju tal-appell ( 18 ).

50.

Madankollu, fl-ewwel istanza, is-SRB ma kkontestax in-natura provviżorja tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni u għalhekk ma kienx is-suġġett tat-tilwima. Minn dan isegwi li huwa ma jistax jinvoka motivi ġodda f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-appell ( 19 ).

51.

Ċertament, ċerti motivi jistgħu, jew saħansitra jeħtieġ li jitqajmu ex officio ( 20 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest ta’ appell, teżamina ex officio motivi li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio hija stess. Madankollu, motiv li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu ta’ deċiżjoni u li huwa bbażat fuq il-ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni relatata mal-implimentazzjoni tagħhom fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat (fil-ħin) minn waħda mill-partijiet ( 21 ).

52.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istħarriġ ex officio imwettaq mill-Qorti Ġenerali ta’ rekwiżit li jikkostitwixxi miżura kkontestata, huwa inammissibbli meta ebda waħda mill-partijiet ma tkunx ikkontestat l-eżistenza ta’ dan ir-rekwiżit ( 22 ).

53.

Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni bħala provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM tikkostitwixxi motiv dwar il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni li ma ssirx valwazzjoni definittiva ex post. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-eżistenza ta’ valwazzjoni provviżorja tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għat-twettiq ta’ valwazzjoni definittiva ex post.

54.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina n-natura provviżorja tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni biss jekk din kienet ġiet validament ikkontestata minn waħda mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, sa fejn is-SRB għamel dan waqt is-seduta fil-kuntest tal-appell, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala tardiv ( 23 ). Għaldaqstant, tali kwistjoni ma tistax tiġi eżaminata f’dan il-każ.

2. Fuq l-eżami fil-mertu

55.

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu possibbli li teżamina ex officio n-natura provviżorja tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni fl-appell, se nkun qiegħed nirreferi għal dan fl-argumenti li ġejjin b’mod sussidjarju.

56.

Għal dan il-għan, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li jiġu żgurati l-funzjonament u l-importanza tal-valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni (ara punt a). Huwa possibbli li tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk l-ewwel u t-tieni valwazzjoni għandhomx jitqiesu bħala provviżorji (ara punt b).

a) Il-funzjonament u l-importanza tal-valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni

57.

Fl-iżvolġiment ta’ kull riżoluzzjoni, isiru (minn tal-inqas) tliet valwazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà. Ċertament, l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM jagħmel espressament distinzjoni bejn valwazzjoni li għandha titwettaq qabel ir-riżoluzzjoni (paragrafi 1 sa 10) u valwazzjoni li għandha titwettaq sussegwentement (paragrafi 16 sa 18) biss. Madankollu, mill-premessa 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/345 ( 24 ) jirriżulta li għandhom isiru żewġ valwazzjonijiet distinti qabel ir-riżoluzzjoni, jiġifieri mill-perspettiva ex ante. Dawn iż-żewġ valwazzjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu provviżorji biss ( 25 ). It-tielet valwazzjoni hija valwazzjoni mill-perspettiva ex post ( 26 ) li ma għandhiex madankollu tiġi konfuża mal-valwazzjoni definittiva ex post meħtieġa f’dan il-każ, fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM.

58.

L-għan tal-ewwel valwazzjoni huwa, konformement mal-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament SRM, li jiġi ddeterminat b’mod fondat jekk il-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali humiex issodisfatti. Għal dan il-għan, hija tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq il-valuri tal-bilanċ tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, sabiex tiddetermina jekk jeżistix jew hemmx riskju ta’ dejn eċċessiv jew ta’ insolvenza ( 27 ). It-tieni valwazzjoni hija intiża b’mod partikolari li tiddetermina l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u li torganizza l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni (ara l-Artikolu 20(5)(b) sa (g) tar-Regolament SRM). Għandu jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku tal-attiv u tal-passiv ( 28 ). It-tielet valwazzjoni, wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, hija intiża li tivverifika jekk l-azzjonisti jew il-kredituri kinux jiġu ttrattati aħjar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza regolari. Għandu jiġi żgurat li l-intervent amministrattiv ma jqiegħed lil ebda kreditur f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kien ikollu fil-każ ta’ stralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata fi proċedura ta’ insolvenza normali (il-prinċipju hekk imsejjaħ “No creditor worse off”). Fin-nuqqas ta’ dan, id-dritt għal kumpens huwa disponibbli skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM.

59.

It-tieni valwazzjoni għandha l-ikbar impatt fuq l-organizzazzjoni konkreta tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, fuq is-sitwazzjonijiet legali tal-azzjonisti u tal-kredituri ( 29 ). Fil-fatt, ir-riżultat ta’ din il-valwazzjoni, f’dan il-każ id-differenza negattiva kkonstatata bejn il-valur tal-attiv u l-ammont tal-passiv tal-bank ikkonċernat (iktar ’il quddiem id-“defiċit ta’ kapital”), jiddetermina sa fejn l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali huma neċessarji ( 30 ).

60.

L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, li jwettqu l-kunċett ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jistgħu jitqiesu bħala l-“qalba” tar-riżoluzzjoni bankarja fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem “SRM”). Fil-fatt, meta nħoloq, il-leġiżlatur Ewropew ħa d-deċiżjoni fil-prinċipju li jirrikorri għall-azzjonisti u għall-kredituri minflok għall-kontribwenti sabiex ikopru t-telf tal-banek inadempjenti ( 31 ). Għalhekk, is-SRM introduċa l-kunċett ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Dawn huma r-ristrutturazzjoni kontabbli, jiġifieri l-kumpens għat-telf u, jekk ikun il-każ, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ bank, permezz tal-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, peress li d-detenturi ta’ dawn l-istrumenti huma l-azzjonisti u l-kredituri tal-bank ikkonċernat. Il-kuntrarju huwa r-rikapitalizzazzjoni esterna, jiġifieri l-kumpens għat-telf u r-rikapitalizzazzjoni permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital, ħafna drabi fil-forma ta’ flus il-kontribwenti.

61.

Il-kunċett ta’ rikapitalizzazzjoni interna jidher fir-Regolament SRM kemm bħala għodda ta’ riżoluzzjoni tiegħu stess (Artikolu 27) kif ukoll fil-forma ta’ “setgħa […] li jniżżlu l-valur u jikkonvertu l-istrumenti tal-kapital” skont l-Artikolu 21 tar-Regolament SRM ( 32 ). Dan tal-aħħar ma huwiex għodda ta’ riżoluzzjoni stricto sensu, madankollu, bħala regola ġenerali, huwa eżerċitat qabel l-applikazzjoni ta’ wieħed mit-tliet għodda ta’ riżoluzzjoni l-oħra, sabiex jiġi żgurat, fil-kuntest ta’ kull riżoluzzjoni, li l-azzjonisti u l-kredituri jsostnu t-telf. Dan kien ukoll il-każ, sa fejn, qabel ma applika l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju previst fl-Artikolu 24 tar-Regolament SRM, is-SRB wettaq l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali ( 33 ).

62.

Konkretament, l-iżvalutazzjoni tal-istrumenti kapitali tippermetti l-assorbiment ta’ telf, billi, b’mod ġenerali, il-passiv tal-bilanċ “jitnaqqas” bil-valur nominali ta’ dawn l-istrumenti. B’hekk, meta jkun hemm tnaqqis fil-valur tal-attiv, dan jista’ jiġi kkumpensat fuq bażi kontabbli. Barra minn hekk, il-konverżjoni fil-karta tal-bilanċ tal-hekk imsejħa strumenti kapitali “rilevanti” tal-ekwità komuni tal-Grad 1 tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid il-proporzjon tal-ekwità komuni tal-Grad 1 impost mill-Artikolu 92(1) taċ-CRR u, għaldaqstant, li l-bank jiġi rrikapitalizzat ( 34 ). Fil-fatt, meta obbligazzjonijiet bħal ċertu bonds u titoli subordinati (l-istrumenti kapitali rilevanti) ( 35 ) jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet (jiġifieri l-ekwità komuni tal-Grad 1) ( 36 ), togħla l-parti mill-ekwità komuni tal-Grad 1 tal-obbligazzjonijiet kollha, u għalhekk l-imsemmi proporzjon ukoll.

63.

F’dan ir-rigward, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali jipprevalu skont ordni partikolari, l-hekk imsejħa “skala ta’ responsabbiltà” skont l-Artikolu 17 tar-Regolament SRM ( 37 ). Din hija essenzjalment l-ordni ta’ insolvenza retroattiva. Minn dan isegwi li t-telf huwa kkumpensat, inizjalment, permezz ta’ żvalutazzjoni tal-azzjonijiet, imbagħad, permezz ta’ żvalutazzjoni u/jew konverżjoni ta’ ċertu self fit-tul u subordinat u ta’ obbligazzjonijiet oħra simili, eċċ.

64.

Iktar ma jkun kbir id-defiċit ta’ kapital ikkonstatat abbażi tat-tieni valwazzjoni, iktar tkun kbira il-portata ta’ responsabbiltà tal-kredituri imposta mill-Artikolu 17 tar-Regolament SRM ( 38 ).

65.

Id-determinazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment tad-defiċit ta’ kapital tal-valur ekonomiku tal-attiv u tal-passiv tal-bank ikkonċernat, fil-kuntest tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament SRM, hija kumplessa ħafna. Barra minn hekk, hija dipendenti ħafna fuq ċerti kundizzjonijiet, bħalma huma ż-żmien, il-kwantità u l-kwalità tad-data disponibbli u l-kundizzjonijiet tas-suq ( 39 ).

66.

Madankollu, iż-żmien huwa riżors skars jekk ikun jidher li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ bank tkun qiegħda tiddeterjora b’mod rapidu. Fil-fatt, ladarba ma jkunx għad hemm il-fiduċja fis-suq, il-kollass ma jkunx jista’ jiġi evitat mingħajr intervent mill-Istat ( 40 ).

67.

Sabiex tiġi evitata tali sitwazzjoni, u għalhekk jiġi minimizzat l-impatt fuq l-ekonomija globali, il-BRRD u r-Regolament SRM taw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni setgħat estiżi ħafna sabiex jiġi evitat kollass. Madankollu, għal dan il-għan, huma jeħtieġu fuq kollox li jkunu jistgħu jaġixxu malajr, b’mod effettiv u deċiżiv ( 41 ).

68.

Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM jipprevedi li tista’ ssir valwazzjoni provviżorja f’każ ta’ riżoluzzjoni urġenti.

b) Natura provviżorja tal-ewwel u tat-tieni valwazzjoni f’dan il-każ

69.

Skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM, valwazzjoni (ex ante) għandha titqies bħala provviżorja jekk ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4 sa 9; f’dan il-każ, għandha ssir valwazzjoni definittiva ex post mill-iktar fis possibbli u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti kollha msemmija f’dawn il-paragrafi.

70.

L-Artikolu 20(1) jipprevedi li l-valwazzjoni għandha ssir minn espert indipendenti. Jekk dan ma jkunx possibbli, din tista’ titwettaq mis-SRB skont il-paragrafu 3, iżda tkun titqies bħala provviżorja. Sa fejn, f’dan il-każ, l-ewwel valwazzjoni tkun saret mis-SRB, in-natura provviżorja tagħha għalhekk ma toħloqx dubju.

71.

Min-naħa l-oħra, it-tieni valwazzjoni twettqet minn espert indipendenti, Deloitte. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM, il-klassifikazzjoni tagħha bħala “provviżorja” tiddependi b’mod partikolari fuq jekk tissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafi 4 sa 9 ta’ dan l-artikolu jew le.

72.

Fost dawn hemm, pereżempju, karta tal-bilanċ aġġornata u rapport dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni (paragrafu 7(a)), analiżi u stima tal-valur skont il-karta tal-bilanċ tal-attiv (punt (b)) u rendikont tal-passiv eżiġibbli fil-karta tal-bilanċ u dak mhux ikkontabbilizzat, li jinsabu fil-kotba, li jispeċifikaw il-krediti u l-istatus ta’ responsabbiltà tagħhom fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament SRM (punt (c)). Fil-każ tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni tal-bejgħ ta’ negozju, għandha ssir stima tal-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tan-negozju, skont il-paragrafu 8, abbażi tal-valur tas-suq. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 9, il-valwazzjoni għandha tinkludi dettalji dwar is-subdiviżjoni tal-kredituri fi klassijiet skont l-istatus ta’ responsabbiltà tagħhom u valwazzjoni tat-trattament ta’ kull klassi li jista’ jkun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza normali.

73.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB waqt is-seduta fil-Kawża C‑874/19 P, mis-sempliċi fatt li t-tieni valwazzjoni tinkludi dawn l-elementi kollha ma jistax jiġi dedott, fi kwalunkwe każ, li din hija definittiva.

74.

Dan jirriżulta diġà mill-kliem tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża wkoll li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 4, 7 u 9, anki fil-każijiet fejn, minħabba l-urġenza meħtieġa, tista’ titwettaq biss valwazzjoni provviżorja, sa fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu li din tkun xierqa u fattibbli. Fi kliem ieħor, valwazzjoni skont din id-dispożizzjoni tista’ titqies bħala provviżorja anki jekk bħala prinċipju tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Dak li huwa importanti huwa jekk din tissodisfax dawn ir-rekwiżiti “mingħajr riżerva”, peress li huwa biss f’dan il-każ li valwazzjoni skont l-Artikolu 20(11) għandha titqies bħala definittiva.

75.

In-natura provviżorja jew definittiva tal-valwazzjoni hija għalhekk element kwalitattiv, li t-twettiq tiegħu jiddependi b’mod partikolari miż-żmien disponibbli ( 42 ). Dan jirriżulta, pereżempju, mill-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti jqisu li valwazzjoni provviżorja hija mibnija fuq bażi ta’ informazzjoni u ta’ data mhux kompluta ( 43 ). Madankollu, dan huwa preċiżament dovut għan-nuqqas ta’ żmien ta’ ġbir u eżaminazzjoni ta’ din id-data. Skont il-valwazzjoni tal-esperti, dawn jeħtieġu medja ta’ mill-inqas sitt xhur għall-valwazzjoni ta’ bank ( 44 ). Skont it-total tal-bilanċ u tal-attività, jista’ jiġi stmat perijodu itwal.

76.

Fil-prattika, jeħtieġ għalhekk li riżoluzzjoni titwettaq regolarment fuq il-bażi ta’ valwazzjoni provviżorja ( 45 ). Għalhekk, l-Artikolu 20(13) tar-Regolament SRM jipprevedi preċiżament li valwazzjoni provviżorja tista’ tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ( 46 ).

77.

F’dan il-każ, is-sitt l-ikbar bank Spanjol, li l-bilanċ tiegħu jammonta għal EUR 130 biljun, li kien ikopri l-attiv li huwa immensament diffiċli li jkun is-suġġett ta’ valwazzjoni, bħal self moruż, proprjetà immobbli u attiv ta’ taxxa differita, kien is-suġġett ta’ valwazzjoni fi tnax-il jum. Madankollu, matul dan il-perijodu, mhux l-attiv u l-passiv kollha setgħu jiġu koperti u għalhekk Deloitte stess ikklassifikat il-valwazzjoni bħala “provviżorja” ( 47 ). Għall-kuntrarju, l-awdituri kellhom jiffokaw fuq l-attiv u l-passiv essenzjali ( 48 ).

78.

Dan l-approċċ huwa perfettament iġġustifikat fil-kuntest ta’ valwazzjoni provviżorja u proprju għalhekk valwazzjoni provviżorja tinkludi riżerva għal telf addizzjonali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM ( 49 ). Ma huwiex ikkontestat li din it-tieni valwazzjoni tinkludi tali riżerva.

79.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li s-SRB argumenta, fis-seduta tal-Kawża C‑874/19 P, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM ma jeskludix ex officio li valwazzjoni definittiva tinkludi tali riżerva wkoll.

80.

Madankollu, tali interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda. B’hekk, mill-Artikolu 13 tar-Regolament 2018/345 jirriżulta li r-riżerva hija intiża sabiex tkopri telf addizzjonali li, fil-mument tal-valwazzjoni provviżorja, ikun għadu inċert jew ma setax jiġi rreġistrat. Min-naħa l-oħra, il-valwazzjoni definittiva hija intiża preċiżament sabiex tiggarantixxi li t-telf kollu relatat mal-attiv jiġi rreġistrat kollu kemm hu u li deċiżjoni dwar il-valwazzjoni negattiva tal-pretensjonijiet jew iż-żieda tal-valur tal-korrispettiv tista’ tittieħed minn istituzzjoni tranżitorja jew minn strument ta’ għan speċjali (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM). Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux isiru sakemm teżisti riżerva għal telf addizzjonali. Għall-kuntrarju, id-defiċit reali ta’ kapital eżistenti jista’ jiġi ddeterminat biss wara valwazzjoni sħiħa tal-attiv u tal-passiv kollu.

81.

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-ewwel u t-tieni valwazzjoni kienu provviżorji.

B.   Fuq l-appelli

82.

L-appellanti jqisu, essenzjalment, li Banco Popular ġiet sottovalutata b’mod ċar fil-kuntest tat-tieni valwazzjoni provviżorja, b’mod partikolari abbażi tar-riżerva. Minn dan jirriżulta mill-ġdid, mill-perspettiva tagħhom, li l-iżvalutazzjoni u/jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali tagħhom ma kinux iġġustifikati fil-portata implimentata u li għalhekk huma għandhom dritt għal kumpens finanzjarju jew għal kumpens abbażi tal-valwazzjoni definittiva ex post.

1. Id-digrieti appellati

83.

Kuntrarjament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fid-digrieti appellati li valwazzjoni definittiva ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-appellanti fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Għal din ir-raġuni, hija ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli.

84.

F’dan ir-rigward, hija kkonstatat, fil-każ ta’ Algebris u Anchorage, li huma ma għandhomx interess dirett fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE ( 50 ), peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, din tippreżupponi, b’mod partikolari, li l-miżura mitluba taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent direttament ( 51 ). Fil-każ ta’ Aeris, hija ddeċidiet li d-deċiżjoni li ma ssirx valwazzjoni definittiva ex post ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE. Fil-fatt, l-effetti legali vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni ma humiex ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Aeris billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha b’mod sinjifikattiv ( 52 ).

85.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-aħħar rekwiżit jikkoinċidi ma’ dak tal-interess dirett, li għandu jeżisti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, bħar-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti, li ma humiex id-destinatarji tal-att tal-Unjoni kkonċernat ( 53 ), bħal Algebris u Anchorage fil-kawżi preżenti. Minn dan isegwi li l-kwistjoni ta’ liġi mqajma hija identika fiż-żewġ kawżi.

86.

Insostenn tal-argument tagħha li l-valwazzjoni definittiva ta’ Banco Popular ma jista’ jkollha ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li, f’dan il-każ, din ma setgħet tissodisfa l-ebda għan msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM u għalhekk tibqa’ mingħajr konsegwenza għall-appellanti f’kull rigward.

87.

Skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, il-valwazzjoni definittiva ex post hija intiża, minn naħa, sabiex tiżgura li kull telf relatat mal-attiv tal-bank li għandu jiġi llikwidat ikun irreġistrat kollu kemm hu fil-kontijiet tiegħu. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, dan l-għan ma jistax jintlaħaq iktar wara żvalutazzjoni u konverżjoni sħiħa tal-fondi proprji regolatorji ta’ Banco Popular u tal-amalgamazzjoni sussegwenti ma’ Banco Santander, peress li din tal-aħħar issa hija responsabbli għall-inklużjoni kontabbli korretta tal-attiv u tal-passiv kollu ( 54 ).

88.

Min-naħa l-oħra, valwazzjoni definittiva ex post lanqas ma tista’, f’dan il-każ, tintrabat ma’ waħda mid-deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 20(11) u fl-Artikolu 12 tar-Regolament SRM. Din id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ possibbiltajiet ta’ aġġustament fil-każ fejn il-valwazzjoni definittiva ex post fir-rigward tad-daqs reali tad-defiċit ta’ kapital twassal għal riżultat differenti mill-valwazzjoni provviżorja: jekk, fuq il-bażi tal-valwazzjoni provviżorja, l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tkun ġiet applikata, minn naħa, tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-valwazzjoni negattiva tal-pretensjonijiet tal-kredituri (it-tieni subparagrafu (b) tal-paragrafu 11 moqri flimkien mal-paragrafu (12)(a)) ( 55 ). Min-naħa l-oħra, tista’ tittieħed deċiżjoni, wara li titwettaq valwazzjoni definittiva ex post, dwar iż-żieda tal-valur tal-korrispettiv imħallas minn istituzzjoni tranżitorja jew minn strument ta’ għan speċjali bħala korrispettiv għat-trasferiment tal-attiv u tal-passiv (it-tieni subparagrafu (b) tal-paragrafu 11 moqri flimkien mal-paragrafu 12(b)).

89.

Madankollu, ebda waħda minn dawn l-ipoteżi ma hija preżenti f’dan il-każ, peress li l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju ġiet implimentata wara l-eżerċizzju mis-SRB tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni. Madankollu, f’dan il-każ, l-Artikolu 20(12)(b) tar-Regolament SRM ma jipprevedix iż-żieda a posteriori tal-korrispettiv imħallas mix-xerrej. Barra minn hekk, il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma jipprevedi l-possibbiltà, fil-każ ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni totali tal-azzjonijiet kollha u tal-istrumenti kapitali rilevanti u tat-trasferiment konsekuttiv tal-azzjonijiet maħluqa ġodda lil terz, li jitwettaq irkupru fir-rigward ta’ dawn. L-appellanti b’hekk la jistgħu jiksbu, abbażi ta’ valwazzjoni definittiva ex post, żvalutazzjoni tal-azzjonijiet jew tal-pretensjonijiet tagħhom, u lanqas tip ieħor ta’ kumpens ( 56 ).

90.

L-iktar l-iktar, ikun hemm possibbiltà għall-kumpens previst fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM, sa fejn, fil-kuntest tat-tielet valwazzjoni, ikun ġie kkonstatat li l-appellanti kellhom ibatu, permezz tar-riżoluzzjoni, telf ikbar minn dak li kien ikollhom isostnu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza regolari. Min-naħa l-oħra, il-valwazzjoni definittiva ex post mitluba ma tikkostitwixxix bażi xierqa għal dan il-għan u għalhekk lanqas ma tista’ taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-appellanti f’dan ir-rigward ( 57 ).

2. Eżami tal-aggravji

91.

Din l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM hija, skont l-appellanti, ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

92.

Fil-fehma tagħhom, l-appellanti jeħtieġ li jingħataw id-dritt, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħall-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati mill-għodda ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 20(12) tar-Regolament SRM (ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja, diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv u tar-rikapitalizzazzjoni interna), li jeżiġu valwazzjoni definittiva sabiex jiksbu, bħal dawn tal-aħħar, żvalutazzjoni tal-azzjonijiet jew tal-pretensjonijiet tagħhom jew żieda fil-korrispettiv imħallas mix-xerrej ( 58 ). Dan ma jistax jiġi eskluż għas-sempliċi raġuni li l-istrument ta’ bejgħ tal-operat ġie applikat waqt ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular wara l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali.

93.

F’dan ir-rigward, il-valwazzjoni definittiva ex post hija neċessarja sabiex jinkiseb kumpens xieraq, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għat-telf tal-proprjetà tal-appellanti, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq tagħha jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali tal-appellanti. Hija biss valwazzjoni definittiva ex post li tippermettilhom jiddeterminaw sa fejn l-istrumenti kapitali tagħhom ġew allegatament żvalutati u kkonvertiti inġustament u li konsegwentement ikollhom jiġu kkumpensati. Il-possibbiltà (f’dan il-każ, bla suċċess) ta’ kumpens ugwali għall-valur ta’ likwidazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom, li kien is-suġġett tat-tielet valwazzjoni (“No creditor worse off”), ma hijiex suffiċjenti peress li l-valwazzjoni definittiva setgħet twassal għal valur ogħla tal-istrumenti finanzjarji tagħhom ( 59 ).

94.

L-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-funzjoni tal-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM, li l-komprensjoni tiegħu teħtieġ, minn qabel, ċerti preċiżazzjonijiet dwar il-funzjonament tal-għodda differenti ta’ riżoluzzjoni u l-applikazzjoni tagħhom (ara punt (a)). Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti Ġenerali la tmur kontra l-Artikolu 17 tal-Karta (ara punt (b)) u lanqas kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara punt (c)).

a) Fuq il-funzjonament tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u l-applikazzjoni tagħhom mis-SRB

95.

Ir-Regolament SRM għandu erba’ għodda ta’ riżoluzzjoni ( 60 ): il-bejgħ ta’ negozju (Artikolu 24), l-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja (Artikolu 25), id-diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv (Artikolu 26) u l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna (Artikolu 27).

96.

Fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni interna, kif diġà ġie spjegat ( 61 ), il-bank ikkonċernat huwa s-suġġett ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ permezz tal-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali sabiex sussegwentement jiġi llikwidat kif xieraq jew sabiex ikompli jopera ( 62 ).

97.

Kemm waqt l-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja kif ukoll waqt id-diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv, parti mill-attiv, mid-drittijiet, mill-passiv jew mill-azzjonijiet tal-bank inadempjenti tiġi ttrasferita bħala korrispettiv lil entità mwaqqfa u mmexxija fuq livell nazzjonali. Din l-impriża għandha l-għan li tamministra dawn b’mod kemm jista’ jkun lukrattiv fid-dawl ta’ bejgħ ulterjuri. Fil-każ tal-istituzzjoni tranżitorja, il-funzjonijiet kritiċi tal-bank jiġu, fi kwalunkwe każ, ġestiti provviżorjament minnha. Ikun jifdal l-hekk imsejjaħ bad bank, li sussegwentement jiġi llikwidat skont il-proċedura normali tal-insolvenza.

98.

L-għodda tal-bejgħ ta’ negozju tikkonsisti wkoll fit-trasferiment ta’ azzjonijiet jew attiv, ta’ drittijiet jew ta’ passiv tal-bank inadempjenti lil xerrej privat li jeħtieġ li wkoll iħallas korrispettiv f’dan ir-rigward. Madankollu, meta l-bank inadempjenti jinbiegħ kollu kemm hu, huwa jieqaf jeżisti f’dan il-mument, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja jew tad-diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv.

99.

Meta jiddeċiedi dwar l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiżgura, konformement mal-Artikolu 18(5) tar-Regolament SRM, li jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14. Dan jimplika, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi, li jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja u li jiġu protetti l-finanzi pubbliċi u d-depożitanti. L-ikbar protezzjoni possibbli tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-bank inadempjenti ma tifformax parti mill-għanijiet ta’ riżoluzzjoni. L-adozzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni l-iktar adattata għal dawn l-għanijiet timplika evalwazzjoni kumplessa li tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat ( 63 ).

100.

Il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet hija biss fattur fost ħafna oħrajn li għandu rwol fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM kif ukoll fir-rigward tal-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni ( 64 ). Barra minn hekk, jiddependi mit-test tal-istress, mill-ħidma kontinwa sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u b’mod partikolari mill-interess pubbliku fir-riżoluzzjoni, li, inter alia, huma dawk il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti fir-rigward tal-pożizzjoni makroekonomika tal-bank u tal-attivitajiet tiegħu.

101.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-appellanti jsostnu li l-inklużjoni jew id-daqs tar-riżerva f’valwazzjoni provviżorja tista’ twassal għal żieda fl-obbligazzjonijiet tal-bank ikkonċernat, fatt li, min-naħa tiegħu, jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-introduzzjoni tar-riżoluzzjoni ( 65 ). Fi kliem ieħor, valwazzjoni provviżorja eċċessiva tista’ tikkontribwixxi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

102.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem l-argument tal-appellanti, anki li kieku valwazzjoni definittiva ex post kellha ssir mingħajr ma tinkludi riżerva f’valur tal-attiv nett ikbar tal-bank ikkonċernat fil-mument tar-riżoluzzjoni, din ma tistax tintuża mill-appellanti sabiex juru, fil-kuntest tal-proċedura kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, l-ineżattezza materjali tal-valwazzjoni provviżorja jew l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

103.

Fil-fatt, min-naħa, l-inċertezzi huma inerenti għal valwazzjoni provviżorja u għalhekk ma jitqisux bħala “ineżatti”. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament SRM jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma hijiex illegali minħabba l-fatt li hija bbażata fuq valwazzjoni provviżorja. Bl-istess mod, riżultat ta’ valwazzjoni partikolari lanqas ma jobbliga li tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni partikolari. L-istess japplika jekk is-suppożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar jirriżultaw wisq prudenti retrospettivament.

104.

Ir-raġuni hija li, fin-nuqqas ta’ dan, is-sistema stabbilita mir-Regolament SRM u mill-BRRD tiġi mċaħħda mill-funzjoni essenzjali tagħha ta’ stabilizzazzjoni. Fil-fatt, l-għan prinċipali tas-SRM, li huwa li jistabbilizza s-sistema finanzjarja u li jimminimizza l-impatt tal-kriżijiet bankarji fuq l-ekonomija reali, jista’ jintlaħaq biss jekk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jaġixxu malajr, b’mod effettiv u deċiżiv ( 66 ). F’dan ir-rigward, il-fiduċja fis-suq għandha importanza kruċjali fil-kapaċità tal-awtoritajiet u fil-preżenza tad-deċiżjonijiet tagħhom ( 67 ).

105.

Għalhekk, għalkemm rikors kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni huwa naturalment possibbli, il-qofol tal-protezzjoni ġudizzjarja huwa marbut b’mod ċar mal-istħarriġ a posteriori tan-natura adegwata tal-kumpens li l-azzjonisti u l-kredituri jistgħu jitolbu għat-telf tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom. Dan jidher fl-Artikolu 85(4) BRRD, li jipprovdi li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ma huwiex intiż li jaffettwa atti amministrattivi jew tranżazzjonijiet sussegwenti.

106.

Madankollu, kif se jiġi espost iktar ’il quddiem, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-valwazzjoni definittiva ex post ma għandha ebda effett fuq dan il-kumpens.

b) Il-valwazzjoni definittiva bħala bażi ta’ kumpens xieraq fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta?

107.

L-appellanti jqisu, essenzjalment, li l-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM huwa bbażat fuq il-kunċett ġuridiku tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Peress li valwazzjoni provviżorja ma tirrappreżentax korrettament il-valur tal-azzjonijiet u tal-istrumenti kapitali rilevanti tal-bank ikkonċernat, il-valur ekonomiku reali għall-finijiet tal-kumpens għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ valwazzjoni definittiva ex post fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

108.

Konkretament, Algebris u Anchorage jippreżupponu li valwazzjoni definittiva ex post kienet twassal, f’dan il-każ, għal defiċit ta’ kapital nettament iżgħar, li minħabba fih l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti tal-ekwità komuni tal-Grad 1 addizzjonali u tal-Grad 2 ma jkunux neċessarji ( 68 ). Minn dan huma jiddeduċu li valwazzjoni definittiva ex post tista’ tikkostitwixxi l-bażi ta’ kumpens. Aeris issostni, min-naħa tagħha, li valwazzjoni definittiva ex post setgħet, f’dan il-każ, twassal għall-konklużjoni li l-valur tal-attiv nett ta’ Banco Popular kien pożittiv fil-mument tar-riżoluzzjoni. F’dan il-każ ukoll, l-azzjonijiet tagħha f’Banco Popular kellhom valur pożittiv li fir-rigward tiegħu hija kellha, konsegwentement, tiġi kkumpensata ( 69 ).

109.

Għalhekk, l-Artikolu 20(11) u (12) jipprovdi li l-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati jeħtieġ li jiksbu l-valur tal-istrumenti tagħhom lura, iddeterminat a posteriori abbażi tal-valwazzjoni definittiva ex post tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Dan ikun jeħtieġ li japplika lil hinn mill-kliem espress ta’ din id-dispożizzjoni, tkun xi tkun l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikabbli.

110.

Billi ddeċidiet li l-iżvalutazzjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ pretensjonijiet abbażi ta’ valwazzjoni definittiva ex post tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna u li żieda a posteriori tal-korrispettiv tkun possibbli biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ valuri tal-assi lil istituzzjoni tranżitorja jew lil strument ta’ għan speċjali, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

111.

Għandu jiġi aċċettat l-argument tal-appellanti li jgħid li l-iżvalutazzjoni għal żero tal-azzjonijiet, li twassal għall-kanċellazzjoni tal-imsemmija azzjonijiet, kif ukoll l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali f’azzjonijiet għandhom jitqiesu bħala ċaħda ta’ proprjetà, flimkien mat-trasferiment sussegwenti tal-azzjonijiet maħluqa ġodda lil xerrej. Fil-fatt, dan iwassal għat-telf forzat, totali u definittiv tal-pożizzjoni ta’ proprjetarju tal-azzjonisti u tal-kredituri kkonċernati. Trasferiment lill-Istat jew lil awtorità pubblika ma huwiex neċessarju f’dan ir-rigward ( 70 ).

112.

Fil-każ ta’ ċaħda ta’ proprjetà, it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tipprevedi li din iċ-ċaħda jeħtieġ li sservi interess pubbliku u li tkun is-suġġett ta’ kumpens xieraq fil-ħin ( 71 ). Dan huwa l-każ indipendentement mill-għodda ta’ riżoluzzjoni li ġiet implimentata. Kumpens fir-rigward tal-valur tas-suq normalment ikun xieraq skont il-ġurisprudenza tal-QEDB ( 72 ); madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, anki kumpens iktar baxx mill-valur tas-suq jista’ jitqies bħala xieraq ( 73 ).

113.

Madankollu, fil-każ ta’ rtirar ta’ azzjonijiet jew ta’ strumenti kapitali maħruġa minn bank inadempjenti, kumpens ugwali għall-valur ta’ likwidazzjoni, kif iddeterminat fil-kuntest tat-tielet valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament SRM, għandu jitqies bħala xieraq ( 74 ). L-appellanti għandhom ukoll dritt, bħala prinċipju, għal dan il-kumpens skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM. Madankollu, dan jammonta, f’dan il-każ, għal żero, għaliex huma ma setgħu jistennew ebda ħlas fil-kuntest ta’ insolvenza normali ( 75 ).

114.

Min-naħa l-oħra, kumpens ogħla mill-valur ta’ likwidazzjoni ma jkunx neċessarju anki li kieku, fil-mument tar-riżoluzzjoni, il-valur tal-attiv nett tal-bank ikkonċernat, kif iddeterminat fil-kuntest tat-tieni valwazzjoni, ikun pożittiv. Fil-fatt, kuntrarjament għal entità ta’ ekonomija reali, il-vijabbiltà operattiva ta’ bank ma tiġix fi tmiemha, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-għan kummerċjali tagħha, fil-mument li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ insolvenza, jiġifieri dejn eċċessiv jew insolvenza ( 76 ). Għall-kuntrarju, mill-mument meta tiġi rtirata l-fiduċja fis-suq, huwa biss intervent mill-Istat li jista’ jevita l-kollass ( 77 ). Korrelattivament, il-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jiġu ssodisfatti regolarment qabel l-okkorrenza tal-insolvenza tal-entità kkonċernata ( 78 ), peress li s-SRB jeħtieġ li jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni importanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ( 79 ).

115.

Dan ifisser ukoll li mill-mument li fih jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri b’mod partikolari li l-bank ikun inadempjenti, il-paragun mas-sitwazzjoni ipotetika ta’ likwidazzjoni jew ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, bħal dik imwettqa fil-kuntest tat-tielet valwazzjoni, huwa għal kollox xieraq: fil-fatt, fl-assenza ta’ intervent amministrattiv, l-insolvenza tkun l-unika alternattiva.

116.

Dan japplika wkoll fil-każ fejn jiġi finalment deċiż, abbażi ta’ sitwazzjoni ekonomika relattivament pożittiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, li ma jkun hemm l-ebda riżoluzzjoni fis-sens strett, iżda li ssir ristrutturazzjoni amministrattiva ( 80 ). Fil-fatt, huwa importanti li fid-dawl tan-nuqqas gradwali tal-fiduċja fis-suq u tar-riskju ta’ inadempjenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-investituri tagħha, din ir-ristrutturazzjoni ma tistax tkompli tiġi nnegozjata permezz tar-riżorsi tagħha stess.

117.

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-valur possibbilment ogħla tal-istrumenti kapitali, skont l-ipoteżi tat-tieni valwazzjoni definittiva ex post, meta mqabbel mal-valur ta’ likwidazzjoni, ma jistax jitqies li huwa l-valur tas-suq tagħhom. Fil-fatt, it-tieni valwazzjoni għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-intervent tal-amministrazzjoni u mhux fil-“kundizzjonijiet tas-suq”, jiġifieri mingħajr intervent tal-awtoritajiet pubbliċi ( 81 ). Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 20(18)(b) tar-Regolament SRM, it-tielet valwazzjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma tkunx ġiet implimentata.

118.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk diġà rrikonoxxiet li, fil-każ ta’ inadempjenza (probabbli) ta’ bank fl-assimilazzjoni tas-sitwazzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ dan il-bank ma’ xenarju ipotetiku ta’ likwidazzjoni, ma jkunx hemm intervent mhux iġġustifikat fid-dritt fundamentali tiegħu għall-proprjetà ( 82 ).

119.

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM b’riferiment għall-possibbiltà ta’ kumpens abbażi tat-tielet valwazzjoni, skont il-prinċipju ta’ “No creditor worse off”, ma tmurx kontra l-Artikolu 17 tal-Karta. Fil-fatt, il-kumpens raġonevoli għaċ-ċaħda tal-proprjetà jikkonsisti fil-valur ta’ likwidazzjoni tal-istrumenti kapitali kkonċernati, li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat fil-kuntest tat-tielet valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament SRM. Valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) għalhekk ma hijiex neċessarja għal dan il-għan.

c) Valwazzjoni definittiva ex post sabiex tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament mal-azzjonisti u mal-kredituri ta’ strumenti oħra ta’ riżoluzzjoni?

120.

Algebris u Anchorage jsostnu wkoll li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 83 ).

121.

Skont l-interpretazzjoni li diġà għamlu l-appellanti ta’ din id-dispożizzjoni ( 84 ), l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali twassal sabiex, fil-miżuri ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 12, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni interna, il-ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja u d-diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv, l-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati jiksbu kumpens ikbar għat-telf tal-proprjetà tagħhom u għalhekk jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli milli bħal f’dan il-każ (żvalutazzjoni u konverżjoni b’bejgħ ta’ negozju sussegwenti). Fil-fatt, minflok is-sempliċi kumpens ugwali għall-valur ta’ likwidazzjoni abbażi tat-tielet valwazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati jiksbu lura, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 12, il-valur ogħla tal-istrumenti kapitali tagħhom, li jirriżulta mill-valwazzjoni definittiva.

122.

F’dan ir-rigward, Algebris u Anchorage jsostnu, essenzjalment, li bejn l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament SRM u l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna msemmija fl-Artikolu 20(12)(a) fis-sens tal-Artikolu 27, ma teżistix differenza tant sinjifikattiva li tkun tista’ tiġġustifika li tiġi kkunsidrata żvalutazzjoni ta’ azzjonijiet jew pretensjonijiet biss fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

123.

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

124.

Fil-fatt, l-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM ma jipprevedi ebda kumpens għal ċaħda ta’ proprjetà fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, iżda l-possibbiltà ta’ aġġustament fil-każ ta’ modifika tad-drittijiet ta’ proprjetà. Madankollu, dan l-aġġustament, f’dan il-każ l-iżvalutazzjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ pretensjonijiet jew żieda fil-korrispettiv imħallas għat-trasferiment ta’ attiv jew ta’ drittijiet lil entità oħra, huwa sempliċiment impossibbli f’każ ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni ta’ strumenti kapitali b’bejgħ ta’ negozju sussegwenti. Fil-fatt, dan iwassal għal ċaħda ta’ proprjetà ( 85 ). Għaldaqstant, minn dawn iż-żewġ aspetti, dan il-każ ma jikkostitwixxix xenarju paragunabbli għal dak imsemmi fl-Artikolu 20(11) u (12) (rikapitalizzazzjoni interna, ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja, diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv).

125.

Bħala eżempju: f’dawn l-aħħar każijiet, wara l-applikazzjoni ta’ din l-għodda, l-azzjonisti u l-kredituri jistgħu eventwalment jipparteċipaw f’negozju ieħor, pereżempju f’istituzzjoni tranżitorja fondata reċentement. Alternattivament, l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jonqsu fil-valur skont il-miżura ta’ riżoluzzjoni, pereżempju għaliex ikunu tnaqqsu fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni interna jew għaliex l-attiv kollu ta’ valur ikun ġie diviż b’separazzjoni jew ittrasferit lil istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li l-azzjonijiet jew il-pretensjonijiet tagħhom jibqgħu fl-attiv nett tal-bank inadempjenti. Huwa wkoll possibbli li jkun hemm żewġ effetti. Madankollu, id-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom ma jitneħħewlhomx kompletament u definittivament mill-ewwel.

126.

Minn dan isegwi li aġġustament tal-valur tad-dritt ta’ proprjetà huwa wkoll possibbli f’dawn il-każijiet permezz ta’ valwazzjoni definittiva ex post u tista’ anki, jekk ikun il-każ, tkun iġġustifikata minn raġunijiet ta’ proporzjonalità ( 86 ).

127.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni kompluta tal-azzjonijiet kollha u tal-istrumenti kapitali rilevanti kollha u tat-trasferiment sussegwenti tal-azzjonijiet maħluqa ġodda lil terz (jiġifieri, f’dan il-każ, il-bejgħ ta’ negozju), huwa sempliċement impossibbli, fl-ewwel lok, li titwettaq valwazzjoni negattiva mill-ġdid tal-istrumenti kapitali preċedentement żvalutati u kkonvertiti. Fil-fatt, wara din it-tranżazzjoni, dawn l-istrumenti jew l-entità li toħroġhom ma jibqgħux jeżistu. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-appellanti ma għadhomx azzjonisti jew detenturi tal-istrumenti ta’ kapital rilevanti ta’ Banco Popular ( 87 ).

128.

L-argument ta’ Algebris u ta’ Anchorage li, fil-każ ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament SRM, l-azzjonisti u l-kredituri għandhom neċessarjament jiġu ttrattati bl-istess mod bħal fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni interna, fis-sens tal-Artikolu 20(12)(a) tar-Regolament SRM, huwa għalhekk ineffettiv. Ċertament, huwa minnu li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni jikkorrispondi, fil-parti l-kbira tiegħu, għall-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Madankollu, dawn is-setgħat ma jistgħux jiġu kkunsidrati, hawnhekk, b’mod iżolat mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju ( 88 ).

129.

Fit-tieni lok, fil-każ ta’ bejgħ ta’ negozju lil terz privat, kuntrarjament għal dak fil-każ ta’ ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja jew ta’ strument ta’ għan speċjali mill-awtoritajiet, il-korrispettiv lanqas ma jista’ jiżdied a posteriori. Fil-fatt, dan jista’ jseħħ biss billi jsir intervent fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel kuntrattwalment ( 89 ). Madankollu, tali kompetenza tas-SRB tista’ serjament tikkomprometti l-effettività tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju u, għaldaqstant, l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, din l-għodda tippreżenta l-vantaġġ importanti li r-riskji għall-awtoritajiet pubbliċi jibqgħu estremament dgħajfa, peress li s-sigurtà tal-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u l-protezzjoni tal-attiv issa huma essenzjalment koperti mix-xerrej privat. Madankollu, jekk xerrej privat kellu jistenna li huwa jkun jista’ jiġi obbligat a posteriori għall-ħlas ta’ korrispettiv miżjud, l-impatt tad-deċiżjoni, diġà riskjuż minn perspettiva kummerċjali, tat-trasferiment ta’ bank inadempjenti, ikun totalment imprevedibbli. Huwa probabbli li, f’tali ċirkustanzi, ikun diffiċli li jinstabu iktar interessi għal trasferiment ta’ entità fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni.

130.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-azzjonisti u tal-kredituri kkonċernati fil-każ ta’ bejgħ ta’ negozju fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament SRM.

131.

Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li nfakkar hawnhekk li t-twettiq jew le ta’ valwazzjoni definittiva ex post ma jistax iqiegħed inkwistjoni d-deċiżjoni tal-bejgħ ta’ negozju minflok ir-rikapitalizzazzjoni interna, il-ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja jew id-diviżjoni b’separazzjoni tal-attiv ( 90 ). Bl-istess mod, ma jeżistix dritt għall-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tħalli l-prospett tal-iċken telf tal-assi għall-azzjonisti u għall-kredituri; huwa pjuttost rilevanti li jsir magħruf liema għodda ta’ riżoluzzjoni tilħaq bl-aħjar mod possibbli l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament SRM ( 91 ).

132.

Għalkemm iċ-ċaħda ta’ proprjetà ta’ strumenti kapitali hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-interess pubbliku, jeħtieġ li din tiġi kkumpensata biss fil-ħin u b’mod xieraq ( 92 ), li madankollu ma huwiex iggarantit mill-valwazzjoni definittiva ex post fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM, iżda mit-tielet valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament SRM, kif ġie espost fid-dettall mill-Qorti Ġenerali ( 93 ) u fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet ukoll ( 94 ).

133.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi fuq dan il-punt.

C.   Konklużjoni

134.

Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament ikkonstatat li t-twettiq ta’ valwazzjoni definittiva ex post fiċ-ċirkustanzi tal-każ ma jista’ jkollu ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti: dan la jwassal għall-iżvalutazzjoni tal-azzjonijiet jew tal-pretensjonijiet tagħhom, la għall-ħlas ta’ kumpens ieħor, u lanqas ma jista’ jassisti lill-appellanti fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni għal finijiet ta’ prova jew ta’ interpretazzjoni.

135.

Din il-konklużjoni tippermetti, fl-aħħar lok, li jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-appellanti li huma bbażati, essenzjalment, fuq obbligu formali jew oġġettiv tas-SRB li jwettaq valwazzjoni definittiva ex post li jirriżulta mill-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM.

136.

B’hekk, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom fil-Kawża C‑934/19 P, Algebris u Anchorage jsostnu li l-obbligu li titwettaq valwazzjoni definittiva ex post skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(11) huwa impliċitu u, b’mod partikolari, ma jiddependix minn jekk jistax jissodisfa wieħed mill-għanijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

137.

L-ewwel u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju mqajjem minn Aeris fil-Kawża C‑874/19 P, li jipprovdu li sabiex ir-rikors tagħha jkun ammissibbli, huwa rilevanti biss li d-deċiżjoni li ma titwettaqx valwazzjoni definittiva ex post tipproduċi effetti legali vinkolanti u li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament SRM, isegwu l-istess linja. Iċ-ċaħda tar-rikors mill-Qorti Ġenerali għalhekk tmur kontra d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

138.

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li sabiex persuna fiżika jew ġuridika tiġi ammessa tressaq rikors għal annullament, ma huwiex suffiċjenti li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti. Barra minn hekk, l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att jeħtieġ li jkunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu ( 95 ).

139.

Fi kliem ieħor, lil benefiċjarji tad-dritt ta’ rikors mhux 35r-rikonoxxut tal-Artikolu 263 TFUE ma hijiex 35r-rikonoxxuta l-possibbiltà li jeżiġu stħarriġ tal-legalità in abstracto tal-atti tal-Unjoni. Dan lanqas ma jmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li dan jipprevedi biss id-dritt li jiġi eżerċitat rimedju effettiv kontra miżura li tippreġudika d-drittijiet jew il-libertajiet ta’ din il-persuna garantiti mid-dritt tal-Unjoni.

140.

Konsegwentement, l-eżistenza eventwali ta’ obbligu formali jew oġġettiv tas-SRB li jwettaq valwazzjoni definittiva ex post skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkontesta l-fatt li l-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali tippreżupponi interess dirett tal-appellanti. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li r-rikorsi kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

141.

Għaldaqstant, l-appelli ma humiex fondati.

VII. Fuq l-ispejjeż

142.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż meta l-appell ma jkunx fondat. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 184(1) moqri flimkien mal-Artikolu 138(1), il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

143.

Peress li l-appellanti tilfu, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li huma jiġu ordnati jħallsu l-ispejjeż sostnuti mis-SRB, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess.

VIII. Risposta proposta

144.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

L-appelli ppreżentati kontra d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, EU:T:2019:740) u Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB (T‑2/19, EU:T:2019:741) għandhom jiġu miċħuda.

2.

Aeris Invest Sàrl hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża C‑874/19 P; Algebris (UK) Ltd u Anchorage Capital Group LLC huma kkundannati għall-ispejjeż fil-Kawża C‑934/19 P.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU 2014, L 225, p. 1.

( 3 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 646/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2). Skont din id-dispożizzjoni, il-fondi proprji ta’ istituzzjoni jirriżultaw mis-somma tal-ekwità komuni (Grad 1) u mill-Grad 2.

( 4 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 5 ) Ara d-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 (ĠU 2017, C 222, p. 3).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

( 7 ) Punt 43 tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08.

( 8 ) Ara l-punt 42 tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08.

( 9 ) Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM.

( 10 ) Jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament SRM.

( 11 ) Ara l-Artikolu 28(1)(a) taċ-CRR.

( 12 ) Tħabbira fir-rigward tal-“Avviż tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2018 rigward id-deċiżjoni preliminari tiegħu dwar jekk jeħtieġx li jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jikkonċernaw lil Banco Popular Español S.A. ikunu ġew affettwati u t-tnedija tal-proċess għad-dritt tas-smigħ (SRB/EES/2018/132)”, ĠU 2018, C 277 I, p. 1.

( 13 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 14 ) Kawża pendenti T‑628/17, Aeris Invest vs Il-Kummissjoni u SRB.

( 15 ) Għall-kuntrarju, dan id-digriet huwa s-suġġett tar-rikorsi ta’ Aeris pendenti attwalment quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑628/17 (ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u ta’ Algebris u Anchorage fil-Kawżi T‑570/10 u T‑575/17.

( 16 ) Konsegwentement, dawn il-konklużjonijiet komuni la jirrigwardaw l-ammissibbiltà tad-diversi motivi fil-Kawżi C‑874/19 P u C‑934/19 P, li s-SRB ikkontesta, u lanqas il-kwistjoni tal-locus standi ta’ Algebris u Anchorage sabiex jaġixxu quddiem il-Qorti Ġenerali f’isem ċerti fondi indirizzati mis-SRB kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-Kawża C‑934/19 P.

( 17 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 27), u tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 87).

( 18 ) Sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2000, British Steel vs Il-Kummissjoni (C‑1/98 P, EU:C:2000:644, punt 47), tad‑29 ta’ April 2004, IPK-München u Il-Kummissjoni (C‑199/01 P u C‑200/01 P, EU:C:2004:249, punt 52); u tal‑21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punt 114).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, Dow Chemical vs Il-Kummissjoni (C‑179/12 P, EU:C:2013:605, punt 82), u tat‑30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 42).

( 20 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 28), kif ukoll l‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 88).

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 28).

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 33).

( 23 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018, L 67, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/345”).

( 25 ) Ara l-Artikolu 20(3), (10) u (11) tar-Regolament SRM.

( 26 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2019, L 67, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/334”).

( 27 ) Ara l-Artikolu 18(4)(b) u (c) tar-Regolament SRM.

( 28 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament 2018/345.

( 29 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 63 tar-Regolament SRM.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB (C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 73). Dan jirriżulta, inter alia, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(8), mill-Artikolu 21(10) kif ukoll mill-Artikolu 27(13) tar-Regolament SRM.

( 31 ) Ara l-premessa 73 kif ukoll l-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM.

( 32 ) Hemm differenza importanti bejn ir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27 u l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni msemmija fl-Artikolu 21 fir-rigward tal-portata tar-responsabbiltà potenzjali: skont l-Artikolu 21, huma biss il-fondi proprji regolatorji (jiġifieri l-Grad 1 ta’ ekwità komuni kif ukoll il-Grad 2) li jistgħu jiġu żvalutati u kkonvertiti, fil-każ tar-rikapitalizzazzjoni interna, bħala prinċipju, dawn huma l-passiv kollu tal-bank sal-limitu tal-garanzija għal depożiti.

( 33 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 27(13)(b) tar-Regolament SRM.

( 35 ) Ara, għad-definizzjoni, il-punt 51 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament SRM.

( 36 ) Ara l-Artikolu 28(1)(a) taċ-CRR.

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) European Banking Authority, Handbook on Valuation for purposes of Resolution, 22 ta’ Frar 2019, p. 7.

( 40 ) Ara Adolff/Eschwey, Lastenverteilung bei der Finanzmarktstabilisierung, ZHR 177 (2013), p. 904, 910 sa 912; Binder, Ausgestaltung und Umsetzung der aufsichtsrechtlichen Restrukturierung, ZBB 2012, 417, 421.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara l-Artikolu 6(e) tar-Regolament 2018/345, kif ukoll European Banking Authority, Handbook on Valuation for Purposes of Resolution, 22 ta’ Frar 2019, p. 15, 26.

( 44 ) Ara Philippon/Salord, Bail-in and Bank Resolution in Europe, International Center for Monetary and Banking Studies, 2017, p. 47.

( 45 ) Ara Wojcik, Bail-in in the Banking Union, CMLR 53 (2016) 91 (110); Binder, Komplexitätsbewältigung durch Verwaltungsverfahren, ZHR 179 (2015) 83 (120).

( 46 ) Gardella, f’ Busch/Ferranini (ed.), European Banking Union, Bail-in and the Financing of Resolution within the SRM Framework, l-1 edizzjoni 2015, 11.55.

( 47 ) Ara wkoll il-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara de Groen, Valuation reports in the context of banking resolution: What are the challenges?, Economic Governance Support Unit, Parlament Ewropew, Ġunju 2018, PE 624.418, p. 11.

( 49 ) European Banking Authority, Handbook on Valuation for Purposes of Resolution, 22 ta’ Frar 2019, p. 12, 26.

( 50 ) Ara l-punt 64 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 51 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41), tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42).

( 52 ) Ara l-punt 61 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18.

( 53 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38).

( 54 ) Ara l-punt 42 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18 u l-punt 44 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 55 ) Fir-rigward tal-importanza tar-riżultat tal-evalwazzjoni għall-portata tal-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(8), l-Artikolu 21(10) u l-Artikolu 27(13) tar-Regolament SRM, kif ukoll il-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ara l-punti 46 u 47, kif ukoll 48 sa 52 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18, u l-punti 48 u 49, kif ukoll 50 sa 54 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 57 ) Ara l-punti 60 u 61 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18, u l-punti 63 u 64 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 58 ) It-tieni aggravju fil-Kawża C‑934/19 P.

( 59 ) Ara t-tieni parti tal-ewwel aggravju ta’ Algebris u Anchorage fil-Kawża C‑934/19 P u t-tieni u t-tielet aggravju ta’ Aeris fil-Kawża C‑874/19 P.

( 60 ) Dawn l-għodod jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-BRRD li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni japplikaw fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tas-SRB u fir-riżoluzzjoni tal-banek suġġetti għas-sorveljanza nazzjonali, ara l-premessa 10 tar-Regolament SRM.

( 61 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara l-Artikolu 27(1)(a) u (2) tar-Regolament SRM.

( 63 ) Ara wkoll l-Artikolu 85(3) BRRD.

( 64 ) B’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni ta’ bank ma tippreżupponix il-konstatazzjoni tad-dejn eċċessiv jew tal-insolvenza tiegħu, ara wkoll f’dan il-kuntest is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 62).

( 65 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Gardella, f’ Busch/Ferranini (ed.), European Banking Union, Bail-in and the Financing of Resolution within the SRM Framework, l-1 edizzjoni 2015, 11.55.

( 66 ) Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, Wojcik, Bail-in the Banking Union, CMLR 53 (2016) 91 (131).

( 68 ) Ara t-tielet parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑934/19 P.

( 69 ) Ara t-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑874/19 P.

( 70 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 81 u 84).

( 71 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), punt 87.

( 72 ) Peress li l-Artikolu 17 tal-Karta jikkorrispondi mal-Protokoll Addizzjonali Nru 1, din id-dispożizzjoni għandha titqies, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala standard ta’ protezzjoni minima, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), punt 72.

( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-QEDB, sentenza tal‑25 ta’ Marzu 1999, Papachelas vs Il-Greċja (CE:ECHR:1999:0325JUD003142396, Artikolu 48).

( 74 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Ara d-dokument ta’ ħidma tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, “Discussion Paper on the Debt Write-Down Tool – Bail-in”, p. 5.

( 77 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 66 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Freudhaler/Lintner, Conditions for Taking Resolution Action and the Adoption of a Resolution Scheme, f’ World Bank Group (ed.), Bank Resolution u “Bail-in” fl-UE: Selected Case Studies Pre and Post BRRD, Washington D.C. 2017, p. 106; Grünewald, Legal challenges of bail-in, ESCB Legal Conference 2017, Frankfurt am Main 2018, pp. 291 u 292.

( 79 ) Ara l-punti 99 u 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 80 ) Tali possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 27(1)(a) u (2) tar-Regolament SRM (għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna bħala miżura ta’ ristrutturazzjoni). Madankollu, l-azzjonisti u l-kredituri tal-bank li jkun qiegħed ifalli ma jistgħux jistennew li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni twettaq ristrutturazzjoni fl-istituzzjoni jew li tagħżel l-istrument li jkun mistenni jwassal għall-iċken telf għalihom. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament SRM, is-SRB għandu jkun konformi mal-għanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-Artikolu 14. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 99 u 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Ara l-Artikolu 10(1) sa (3) tar-Regolament 2018/345.

( 82 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 78 u 79); kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 73 u 74).

( 83 ) It-tieni aggravju fil-Kawża C‑934/19 P.

( 84 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 86 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Bail-in, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 102).

( 87 ) Ara l-punt 52 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18, u l-punt 54 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 88 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB (C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 70).

( 89 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB (C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 74).

( 90 ) Ara l-punti 99 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 91 ) Ara l-punti 99 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 92 ) Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Punt 54 et seq. tad-digriet appellat fil-Kawża T‑599/18, u punt 57 et seq. tad-digriet appellat fil-Kawża T‑2/19.

( 94 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 113 et seq.

( 95 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 36 u 37).