SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – It-Tieni Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 1(2) – Direttiva 2005/14/KE – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 9(1) – Obbligu li jiżdiedu l-ammonti minimi koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja – Perijodu tranżitorju – Regola ġdida li tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-antika – Sitwazzjoni miksuba qabel id-dħul fis-seħħ ta’ regola tad-dritt sostantiv tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 mill-obbligu li jiżdiedu l-ammonti minimi koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja”

Fil-Kawża C‑428/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti ta’ Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

A.K.

vs

Skarb Państwa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal‑Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat‑Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A.K., minn I. Kwiecień, adwokat,

għal Skarb Państwa, minn J. Zasada u L. Jurek,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa‑Lacombe, B. Sasinowska u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2005, L 149, p. 14) iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva 84/5”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.K. u Skarb Państwa (it-Teżor Pubbliku, il-Polonja) dwar talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mit-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2005/14 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It‑Tieni Direttiva 84/5

3

L-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva 84/5 kien jipprevedi:

“1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10)] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal garanziji għola li Stati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jeżiġi li l-assigurazzjoni tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward ta’ l-ammonti li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ dannu personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1000000 għal kull vittma; jew EUR 5000000 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

(b)

fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1000000 għall kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

Jekk hemm bżonn, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14] li fih jadattaw l-ammonti minimi tagħhom koperti għall-ammonti previsti f’dan il-paragrafu.

Stati Membri li jistabbilixxu dan il-perjodu ta’ tranżazzjoni għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u jindikaw it-tul tal-perjodu ta’ tranżazzjoni.

Fi żmien 30 xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14], l-Istati Membri għandhom iżidu l-garanziji għal mill-inqas nofs tal-livelli previsti f’dan il-paragrafu.”

Id-Direttiva 2005/14

4

Il-premessi 1 u 10 tad-Direttiva 2005/14 kienu jiddikjaraw:

“(1)

Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rispett ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ l-inċident. Hi wkoll kwistjoni ta’ tħassib kbir għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja fil-Komunità. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment liberu ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-ikkonsolidar fl-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità għandu jkun għan ewlieni.

[…]

(10)

L-obbligi ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu assigurazzjoni li tkopri mill-inqas ċerti ammonti minimi tikkostitwixxi element importanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammonti minimi previsti fid-Direttiva 84/5/KEE m’ għandhomx jiġu aġġornati biss biex jittieħed kont ta’ l-inflazzjoni, iżda għandhom jiżdiedu f’termini reali biex tiġi mtejjba l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammont minimu għal dannu personali sabiex dan jiġi kopert għandu jkun ikkalkolat b’mod li l-vittmi kollha li soffrew dannu serju jkunu kumpensati b’mod sħiħ u ġust, filwaqt li jittieħed kont tal-frekwenza baxxa ta’ inċidenti li jinvolvu numru ta’ vittmi li jsofru danni serji ħafna matul l-istess inċident. Ammont minimu ta’ EUR 1000000 għal kull vittma jew EUR 5000000 għal kull pretensjoni, irrispettivament min-numru ta’ vittmi, huwa ammont raġjonevoli u adegwat. Sabiex tiġi faċilitata l-introduzzjoni ta’ dawn l-ammonti minimi, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżazzjoni ta’ ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Stati Membri għandhom iżidu l-ammonti għal mill-inqas nofs il-livelli fi żmien tletin xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni.”

5

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/14, intitolat “Implimentazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal‑11 Ġunju 2007 mill-iktar tard. Għandhom minnufih jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

[…]”

Id-Direttiva 2009/103

6

Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11) ikkodifikat id-direttivi li kienu jeżistu qabel fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”), inkluża t-Tieni Direttiva 84/5, u, konsegwentement, ħassrithom b’effett mis‑27 ta’ Ottubru 2009. Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 2009/103, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva 84/5 jikkorrispondu rispettivament għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103.

Id-dritt Pollakk

7

L-Artikolu 5 tal-Ustawa z dnia 24 maja 2007 r. o zmianie ustawy o ubezpieczeniach obowiązkowych, Ubezpieczeniowym Funduszu Gwarancyjnym i Polskim Biurze Ubezpieczycieli Komunikacyjnych oraz ustawy o działalności ubezpieczeniowe (il-Liġi tal-24 ta’ Mejju 2007 li jemenda l-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, il-Fond ta’ Garanzija tal-Assigurazzjonijiet u l-Uffiċċju Pollakk tal-Assiguraturi tar-Riskji ta’ Użu ta’ Vetturi bil-Mutur kif ukoll il-Liġi li Tirregola l-Assigurazzjoni, Dz. U. Nru 102, pożizzjoni 691, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑24 ta’ Mejju 2007”) jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti ta’ [assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur] u ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-bdiewa, l-ammont minimu ta’ garanzija għandu jkun ugwali għall-ekwivalenti fi złoty Pollakki tal-ammonti li ġejjin:

1)

fir-rigward tal-kuntratti konklużi sal‑10 ta’ Diċembru 2009 inkluż:

a)

għad-danni fiżiċi, EUR 1500000 għal kull inċident li jikkawża danni koperti mill-assigurazzjoni, indipendentement min-numru ta’ vittmi,

b)

għall-ħsara lill-proprjetà, EUR 300000 għal kull inċident li jikkawża danni koperti mill-assigurazzjoni, indipendentement min-numru ta’ vittmi,

iddeterminat fuq il-bażi tar-rata medja mħabbra mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja fis-seħħ fid-data tal-inċident.

2)

fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn il‑11 ta’ Diċembru 2009 u l‑10 ta’ Ġunju 2012:

a)

għal danni fiżiċi, EUR 2500000 għal kull inċident li jikkawża danni koperti mill-assigurazzjoni, indipendentement min-numru ta’ vittmi,

b)

għall-ħsara lill-proprjetà, EUR 500000 għal kull inċident li jikkawża danni koperti mill-assigurazzjoni, indipendentement min-numru ta’ vittmi,

iddeterminat fuq il-bażi tar-rata medja mħabbra mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja fis-seħħ fid-data tal-inċident.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fit‑12 ta’ Ottubru 2010, seħħ inċident tat-traffiku fil-Polonja fejn mietu sittax-il persuna fosthom G.M. kif ukoll ix-xufier responsabbli għall-inċident. Dan tal-aħħar kien issottoskriva assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur bis-saħħa ta’ kuntratt li jkopri l-perijodu mit‑8 ta’ Diċembru 2009 sas‑7 ta’ Diċembru 2010.

9

Wara l-mewt ta’ G.M., bintha A.K., ressqet talba għal kumpens, fit‑2 ta’ Marzu 2011, quddiem il-kumpannija tal-assigurazzjoni tax-xufier responsabbli mill-inċident, fejn talbet mingħandu kumpens għad-dannu immaterjali u materjali li hija qieset li ġarrbet minħabba l-mewt ta’ ommha. Fil-kuntest tal-kumpens għall-inċident, A.K. ġiet definittivament ikkumpensata mill-imsemmija kumpannija fl-ammont ta’ 47000 złoty Pollakki (PLN) (madwar EUR 10175), bħala kumpens għad-dannu immaterjali, u ta’ PLN 5000 (madwar EUR 1000), minħabba d-deterjorazzjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni tagħha. Il-kumpannija tal-assigurazzjoni informat lil A.K. li l-ammont massimu ta’ kopertura previst mill-polza ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur li kien issottoskriva x-xufier responsabbli għall-inċident kien intlaħaq.

10

A.K. ippreżentat rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kontra t-Teżor Pubbliku intiż għall-ħlas tal-ammont ta’ PLN 78000 (madwar EUR 17000), flimkien mal-interessi moratorji, bħala kumpens għad-dannu kkawżat mit-traspożizzjoni inkompleta tad-Direttiva 2005/14 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

11

Hija ssostni li kieku din id-direttiva kienet ġiet trasposta korrettament fl-ordinament ġuridiku Pollakk, il-kumpannija tal-assigurazzjonijiet kien ikollha żżid l-ammont minimu tal-garanzija prevista mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur inkwistjoni u, għalhekk, tħallsilha kumpens addizzjonali ta’ PLN 78000 għad-dannu mġarrab minħabba l-mewt ta’ G.M. B’hekk, din it-traspożizzjoni inkorretta mir-Repubblika tal-Polonja ċaħħditha mill-possibbiltà li tikseb dan l-ammont b’tali mod li hija ġarrbet dannu materjali għal dan l-ammont u li għalih it-Teżor Pubbliku huwa debitur fil-konfront tagħha.

12

Skont A.K., ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata li tittrasponi d-Direttiva 2005/14 b’tali mod li, mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, l-ammont ta’ kopertura tal-kuntratti kollha ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jilħaq, għad-danni fiżiċi, mill-inqas EUR 2500000 għal kull inċident. Issa, fil-kuntest tal-liġi tal‑24 ta’ Mejju 2007, il-leġiżlatur nazzjonali varja l-portata tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew bejn il‑11 ta’ Diċembru 2009 u x-xahar ta’ Diċembru 2010 skont id-data li fiha ġie konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, kuntratti konklużi kemm qabel kif ukoll wara l‑11 ta’ Diċembru 2009 kienu kkoeżistew, fejn dawn l-aħħar kuntratti jipprevedu ammont minimu ta’ kopertura ta’ EUR 2500000, filwaqt li, għal tal-ewwel, dan l-ammont minimu kien jammonta biss għal EUR 1500000.

13

It-Teżor pubbliku sostna li d-Direttiva 2005/14 ġiet trasposta korrettament fl-ordinament ġuridiku Pollakk u li din id-differenza fit-trattament kienet inerenti għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi. Huwa enfasizza wkoll il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/14, iżda li, fit‑28 ta’ April 2016, l-imsemmija istituzzjoni kienet iddeċidiet li tagħlaq din il-proċedura. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma kienx ġie miksur.

14

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) ċaħdet ir-rikors ta’ A.K. billi qieset li, billi ppreveda perijodi tranżitorji awtorizzati mit-Tieni Direttiva 84/5 biex iżid progressivament l-ammonti minimi ta’ garanzija sabiex dawn jilħqu, inizjalment, nofs l-ammonti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, imbagħad, sussegwentement, it-totalità ta’ dawn l-ammonti, il-leġiżlatur nazzjonali ttrasponiha korrettament. Barra minn hekk, din il-qorti ddeċidiet li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jżidu l-ammonti minimi ta’ garanzija, previst mid-Direttiva 2005/14, kien japplika biss għall-kuntratti konklużi wara l-iskadenza ta’ dawn il-perijodi tranżitorji u li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jirrikjedi li jiġi miżjud l-ammont minimu ta’ garanzija prevista fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel l-iskadenza tagħhom, anki fir-rigward tal-kuntratti li d-data ta’ skadenza tagħhom kienet wara l-iskadenza tal-imsemmija perijodi tranżitorji. Din il-pożizzjoni hija konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi u ta’ libertà kuntrattwali.

15

A.K. appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), billi sostniet, b’mod partikolari, li s-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) qieset b’mod żbaljat li r-Repubblika tal-Polonja kienet ittrasponiet korrettament id-Direttiva 2005/14 fl-ordinament ġuridiku tagħha.

16

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Haasová (C‑22/12, EU:C:2013:692) jirriżulta li l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens għad-danni immaterjali mġarrba mill-qraba ta’ vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku, sa fejn dan il-kumpens huwa previst għar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli. Issa, id-dritt Pollakk jipprevedi tali kumpens u dan jaqa’ taħt l-assigurazzjoni tal-karozzi.

17

Din il-qorti tqis li l-fatt li A.K. ma ġietx totalment ikkumpensata għad-dannu li ġarrbet mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni minħabba li l-limitu ta’ garanzija kuntrattwali kien intlaħaq, ikkawżalha dannu li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont imħallas u dak li setgħet bħala prinċipju tippretendi kieku dan il-limitu kellu jiġi miżjud fir-rigward tal-ammonti minimi ta’ garanzija inklużi fit-Tieni Direttiva 84/5 mid-Direttiva 2005/14. Għalhekk, skont id-dritt Pollakk, it-Teżor pubbliku jkollu l-obbligu li jikkumpensa dan id-dannu li kieku kellu jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet id-Direttiva 2005/14 b’mod inkorrett fl-ordinament ġuridiku tagħha.

18

F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li din hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Hija ma fiha ebda dispożizzjoni li tillimita l-obbligu li jiżdied l-ammont minimu ta’ garanzija biss għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, billi teskludi adattament fl-istess sens, minn din id-data, tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel din id-data iżda li baqgħu fis-seħħ wara l-imsemmija data.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, din id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li, matul l-istess perijodu, ġarrbu dannu li jirriżulta minn inċident tat-traffiku, ma hijiex iġġustifikata.

20

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi ma jipprekludix li r-relazzjonijiet kuntrattwali li kienu fis-seħħ fil‑11 ta’ Diċembru 2009 jiġu mibdula b’effett minn din id-data. Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ġiet żgurata mill-perijodu twil ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/14 li tħalliet lill-Istati Membri u mill-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jistabbilixxu perijodi tranżitorji. Għalhekk il-kumpanniji tal-assigurazzjoni kienu f’pożizzjoni li jadattaw il-livell tal-premium ta’ assigurazzjoni għall-ammonti ġodda minimi ta’ garanzija.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet id-Direttiva 2005/14 b’mod inkomplet u għalhekk inkorrett, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru, iddikjarata fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), tkun issodisfatta. Għalhekk, hija din il-qorti li għandha teżamina, sussegwentement, jekk u, jekk ikun il-każ, sa liema ammont, A.K. ġarrbet dannu li għandu rabta kawżali mal-ksur tal-obbligu li għandha r-Repubblika tal-Polonja.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva [2005/14], Stat Membru li jkun stabbilixxa perijodu ta’ tranżizzjoni għall-aġġustament tal-ammonti minimi ggarantiti, għandu l-obbligu li jżid l-ammonti ggarantiti b’mill-inqas nofs l-ammonti ddefiniti fl-Artikolu 1(2) [tat-Tieni Direttiva 84/5], kif emendat, fi żmien 30 xahar mill-iskadenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni tad-Direttiva [2005/14]:

fir-rigward tal-kuntratti kollha ta’ assigurazzjoni tal-vetturi fis-seħħ wara l-iskadenza tal-imsemmija 30 xahar, inkluż il-kuntratti konklużi qabel il-11 ta’ Diċembru 2009 iżda fis-seħħ anki wara dik id-data, fir-rigward ta’ fatti dannużi li seħħew wara l-11 ta’ Diċembru 2009,

jew esklużivament fir-rigward ta’ kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni tal-vetturi konklużi wara l-11 ta’ Diċembru 2009?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri li użaw il-possibbiltà, prevista minn din id-dispożizzjoni, li jorganizzaw perijodu tranżitorju kienu obbligati jeżiġu li, mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, l-ammonti minimi ta’ garanzija previsti fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel din id-data, iżda li kienu għadhom fis-seħħ fl-imsemmija data, ikunu konformi mar-regola stabbilita fir-raba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 1(2).

24

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li trid tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament indikati fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Supplimenti ta’ pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 25).

25

F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 jirriżulta li l-Istati Membri setgħu jistabbilixxu perijodu tranżitorju ta’ massimu ta’ ħames snin mid-data ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/14 fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, jiġifieri, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) ta’ din l-aħħar direttiva, il‑11 ta’ Ġunju 2007, li matulu l-ammonti minimi ta’ kopertura tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur kellhom jiġu adattati għall-ammonti previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5.

26

Konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom madankollu jżidu dawn l-ammonti minimi sabiex jilħqu mill-inqas nofs il-livelli previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva fi żmien tletin xahar minn din id-data, jiġifieri sa mhux iktar tard mill-11 ta’ Diċembru 2009.

27

Madankollu, id-Direttiva 2009/103 kkodifikat u ħassret it-Tieni Direttiva 84/5 b’effett mis‑27 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009, u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103, kif jirriżulta mit-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness II tagħha, jikkorrispondi għall-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-qorti tar-rinviju tingħata kemm l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 kif ukoll dik tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103.

29

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja użat il-fakultà li tistabbilixxi perijodu tranżitorju, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103. F’dan il-kuntest, il-Liġi tal-24 ta’ Mejju 2007 tipprevedi li l-obbligu li ssir iż-żieda msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jikkonċerna l-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi bejn il‑11 ta’ Diċembru 2009 u l‑10 ta’ Ġunju 2012, bl-esklużjoni, għaldaqstant, tal-kuntratti konklużi qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 u li kienu għadhom fis-seħħ wara din l-aħħar data.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u lanqas l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103 ma jippreċiżaw espressament jekk l-obbligu msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jirrigwardax jew le l-effetti futuri tal-kuntratti konklużi qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 u li kienu għadhom fis-seħħ f’din id-data.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punti 3839, kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 50).

32

B’hekk, l-atti adottati għat-traspożizzjoni ta’ direttiva għandhom japplikaw għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima, mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, sakemm din id-direttiva ma tipprovdix mod ieħor (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 40).

33

Barra minn hekk, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen, C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi vverifikata l-applikabbiltà ratione temporis ta’ regola ġdida tal-Unjoni għal sitwazzjoni li nħolqu taħt ir-regola l-antika li hija tissostitwixxi, għandu jiġi ddeterminat jekk din is-sitwazzjoni eżawrietx l-effetti tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tar-regola l-ġdida, f’liema każ għandha tiġi kklassifikata bħala sitwazzjoni eżistenti qabel dan id-dħul fis-seħħ, jew jekk l-imsemmija sitwazzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha wara dan id-dħul fis-seħħ.

35

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni li fiha kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jiġi konkluż qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009, iżda li kien għadu fis-seħħ f’din id-data, jikkostitwixxix sitwazzjoni eżistenti qabel l-imsemmija data, li fir-rigward tagħha l-obbligu msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jista’ għalhekk japplika retroattivament biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li t-Tieni Direttiva 84/5 u d-Direttiva 2009/103 jkunu pprevedew b’mod ċar li dan għandu jkun il-każ u, min-naħa l-oħra, li fattwalment, jiġu osservati l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 24), jew jekk għall-kuntrarju jirrigwarda sitwazzjoni li nħolqot qabel din id-data, iżda li l-effetti futuri tagħha huma rregolati mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103 mill‑11 ta’ Diċembru 2009, konformement mal-prinċipju li r-regoli l-ġodda għandhom japplikaw immedjatament għas-sitwazzjonijiet fis-seħħ.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma teżawrixxix l-effetti legali tiegħu fid-data tal-iffirmar tiegħu, iżda għall-kuntrarju jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu b’mod regolari matul it-terminu kollu ta’ dan il-kuntratt u li, għalhekk, l-applikazzjoni ta’ regola ġdida, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, għal kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel dan id-dħul fis-seħħ ma tistax titqies li taffettwa sitwazzjoni eżistenti qabel l-imsemmi dħul fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 52).

37

L-istess japplika a fortiori għas-sitwazzjonijiet li fihom kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġie konkluż qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 u kien għadu fis-seħħ f’din id-data.

38

Fil-fatt, peress li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma qabel kollox kuntratti aleatorji, ikkaratterizzati mill-fatt li t-twettiq tal-kuntratt ta’ waħda mill-partijiet tiddependi minn avveniment inċert, li jista’ jseħħ jew le matul it-terminu tal-kuntratt, l-effetti legali tagħhom jippersistu sat-tmiem ta’ dan it-terminu. Għalhekk, ir-relazzjonijiet legali maħluqa minn tali kuntratti ma humiex eżawriti fil-mument tal-konklużjoni tagħhom. Dan il-mument jimmarka biss il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li, fir-rigward tat-twettiq tal-kuntratt tal-assigurat, huwa spiss maqsum fiż-żmien u, fir-rigward tal-assiguratur, lanqas ma huwa immedjat peress li l-eżekuzzjoni tikkonsisti fl-għoti ta’ kumpens lill-persuni li ġarrbu dannu jekk iseħħ inċident kopert matul il-kuntratt.

39

Issa, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103 huma intiżi li jirregolaw l-effetti futuri tal-kuntratti konklużi qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 u li kienu għadhom fis-seħħ f’din id-data.

40

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, meta jimponu fuq l-Istati Membri jżidu l-ammonti minimi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, ma jeskludux minn din iż-żieda l-ammonti ta’ garanzija kif previsti f’dawn il-kuntratti. Għalhekk, id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma tikkostitwixxix element determinanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jidderoga mill-prinċipju li r-regoli l-ġodda japplikaw immedjatament għas-sitwazzjonijiet fis-seħħ.

41

Barra minn hekk, kif enfasizzaw, essenzjalment, A.K. u l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għandha l-intenzjoni li tilħaq, intiż li jiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun liema jkun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident u li ġie konstantement segwit u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punti 3233), kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedu li vittmi ta’ inċidenti li seħħew mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem ma jirċevux kumpens limitat għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni ġie konkluż qabel din id-data. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2005/14, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li l-kopertura tal-assigurazzjoni ma taqax taħt ċerti ammonti minimi jikkostitwixxi element maġġuri għall-protezzjoni tal-vittmi.

42

Kuntrarjament għal dak li jsostnu t-Teżor Pubbliku u l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux tali interpretazzjoni.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji jirrikjedi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi żvantaġġużi għall-individwi u għall-impriżi (sentenza tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, minn naħa, ma jistax jiġi sostnut li r-regola stabbilita mill-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103 kienet nieqsa minn ċarezza, preċiżjoni jew previdibbiltà fl-effetti tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprekludi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz‑Meyer, C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, kif irrilevat, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju u kif indika wkoll il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-ammonti minimi ġodda ta’ kopertura għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel il‑11 ta’ Diċembru 2009 u li kienu għadhom fis-seħħ f’din id-data, peress li dawn l-ammonti u l-eventwali primjums ġodda li jikkorrispondu għalihom japplikaw biss, konformement mal-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata, għall-perijodu mill-11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5 u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri li użaw il-possibbiltà, prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jorganizzaw perijodu tranżitorju kienu obbligati li jeżiġu li, mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, l-ammonti minimi ta’ garanzija previsti fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel din id-data, iżda li kienu għadhom fis-seħħ fl-imsemmija data, ikunu konformi mar-regola stabbilita fir-raba’ subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005, u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri li użaw il-possibbiltà, prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jorganizzaw perijodu tranżitorju kienu obbligati li jeżiġu li, mill‑11 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, l-ammonti minimi ta’ garanzija previsti fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur konklużi qabel din id-data, iżda li kienu għadhom fis-seħħ fl-imsemmija data, ikunu konformi mar-regola stabbilita fir-raba’ subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.