SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Artikolu 29 TUE –Artikolu 215 TFUE – Miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Dannu allegatament subit mill-appellanti wara l-iskrizzjoni u ż-żamma tal-isem tagħha fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens għal dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti mid-deċiżjonijiet rilevanti tal-PESK – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża li tagħti drittijiet lill-individwi – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għal atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi”

Fil-Kawża C‑134/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019,

Bank Refah Kargaran, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn J.‑M. Thouvenin u I. Boubaker, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn R. Tricot, C. Zadra u A. Tizzano, sussegwentement minn L. Gussetti, A. Bouquet, R. Tricot u J. Roberti di Sarsina, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, M. Safjan (Relatur) u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, F. Biltgen, K. Jürimäe, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Bank Refah Kargaran titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2018, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (T‑552/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:897), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex tikseb kumpens għad-danni li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew indikati fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, kif ġej:

“1

Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u żvilupp ta’ vetturi ta’ armi nukleari.

2

Ir-rikorrenti, Bank Refah Kargaran, hija bank Iranjan.

3

Fis-26 ta’ Lulju 2010, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet li jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19). L-inklużjoni ta’ isimha kienet motivata mill-fatt li hija kienet bagħtet tranżazzjonijiet li kienu għaddejjin minn Bank Melli Iran wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil din tal-aħħar.

4

Konsegwentement, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż, għall-istess raġuni, fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423), bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25). Wara li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 281, p. 1), isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament.

5

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU 2010, L 281, p. 81), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żamm isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 71) ma emendatx din il-lista fir-rigward tar-rikorrenti.

6

L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 nżammet bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11). Ir-Regolament Nru 961/2010 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 88, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31, fil-ĠU 2014, L 93, p. 85, u fil-ĠU 2019, L 297, p. 8). Isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivi użati fir-rigward tar-rikorrenti ma ġewx emendati.

7

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, irreġistrat bin-numru T‑24/11, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn kienu jikkonċernawha. Sussegwentement, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawha.

8

Fil-punt 83 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (T‑24/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”, EU:T:2013:403), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, sa fejn invoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

9

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat, essenzjalment, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u sussegwentement bid-Deċiżjoni 2011/783, fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

10

Fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u sussegwentement bid-Deċiżjoni 2011/783, fir-rigward tar-rikorrenti kienu miżmuma sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti.

11

Wara s-sentenza ta’ annullament, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK tal-15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU 2013, L 306, p. 18), isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-ġdid fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413.

12

Konsegwentement, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 306, p. 3), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż mill-ġdid fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Il-motivazzjoni li ġejja ġiet adottata fir-rigward tar-rikorrenti:

“Entità li tipprovdi sostenn lill-Gvern Iranjan. Tappartjeni 94 % lill-Iranian Social Security Organisation (l-Organizzazzjoni tas-Sigurtà Soċjali Iranjana) li, min-naħa tagħha, hija kkontrollata mill-Gvern Iranjan, u tipprovdi servizzi bankarji lill-ministeri tal-gvern.”

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/661 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1154/2013, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawha. Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (T‑65/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:692), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors. Din is-sentenza ma ġietx appellata.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-kundanna tal-Unjoni sabiex tikkumpensa d-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni u miż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, li ġew annullati permezz tas-sentenza ta’ annullament, billi tħallasha s-somma ta’ EUR 68651318, miżjuda bl-interessi legali, bħala dannu materjali u s-somma ta’ EUR 52547415, miżjuda bl-interessi legali, għad-dannu morali, kif ukoll, sussidjarjament, sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ammont kollu jew parti mis-somom mitluba bħala dannu morali jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt id-dannu materjali.

4

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

5

Fl-ewwel lok, fil-punti 25 sa 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors għad-danni fid-dawl tad-Deċiżjonijiet 2010/413, 2010/644 u 2011/783, adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK).

6

F’dan ir-rigward, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, ir-responsabbiltà tal-Unjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2010/413, 2010/644 u 2011/783 fil-kuntest tal-PESK u, min-naħa l-oħra, dik li tirriżulta mill-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 kif ukoll mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

7

Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, qieset li mis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK u lanqas f’dak li jirrigwarda l-atti legali adottati abbażi tagħhom u li kien biss b’mod eċċezzjonali li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qorti tal-Unjoni kellha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-PESK. Il-Qorti Ġenerali żiedet li din il-ġurisdizzjoni kienet tinkludi, minn naħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi, fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-PESK u li, għall-kuntrarju, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħti lill-qorti tal-Unjoni ebda ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwalunkwe rikors għad-danni. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ att fil-qasam tal-PESK ma kienx jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha.

8

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li, għall-kuntrarju, hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament subit minn persuna jew entità minħabba miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 215 TFUE.

9

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tar-rikorrenti sa fejn din it-talba kienet intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjonijiet 2010/413, 2010/644 u 2011/783 u li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ħlief sa fejn dan kien intiż sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba r-Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

10

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tar-rikors għad-danni sa fejn dan kien jikkonċerna r-regolamenti msemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li biha huwa akkużat il-Kunsill kinitx issodisfatta.

11

L-ewwel nett, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fis-sentenza ta’ annullament, hija kienet annullat l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, abbażi tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi kkonstatat li r-raġuni għal din l-inklużjoni ma kinitx preċiża biżżejjed.

12

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, ma kienx fih innifsu ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

13

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li, fis-sentenza ta’ annullament, hija kienet annullat il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda ma kinitx iddeċidiet fuq il-fondatezza tagħhom. Hija ppreċiżat li l-illegalità kkonstatata fis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), kienet għalhekk ta’ natura differenti u li, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx f’din l-aħħar sentenza dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kunsill, l-appellanti ma setgħetx tislet argument minn dan dwar l-istabbiliment ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ.

14

It-tieni nett, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li r-rikorrenti kienet għamlet riferiment għall-punt 82 tas-sentenza ta’ annullament, li fiha l-Qorti Ġenerali kienet affermat li l-Kunsill kien kiser l-obbligu li jiġu kkomunikati lilha, fil-kwalità tagħha ta’ entità kkonċernata, il-provi prodotti kontriha f’dak li jirrigwarda r-raġuni adottata għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi deċiżi fir-rigward tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-affermazzjoni kellha tinqara fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti, imsemmi fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza ta’ annullament, li jgħid li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma ġietx mitigata mid-dokumenti kkomunikati sussegwentement mill-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li din l-affermazzjoni ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi waħedha l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tad-difiża.

15

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li, peress li r-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha u peress li l-Qorti Ġenerali annullat dawn il-miżuri fis-sentenza ta’ annullament, hija ma setgħetx tinvoka l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan il-każ.

16

It-tielet nett, fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika tagħha, li l-Kunsill, billi inkluda illegalment isimha fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, ma applikax il-kriterju li huwa kien allega li applika, jiġifieri dak li jirrigwarda l-entitajiet li assistew lill-persuni jew lill-entitajiet indikati sabiex jevadu d-dispożizzjonijiet previsti minn ċerti riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mid-Deċiżjoni 2010/413, jew li kisrithom, peress li l-motivazzjoni adottata għall-iskrizzjoni ta’ isimha, jiġifieri li hija bagħtet tranżazzjonijiet ta’ Bank Melli Iran, ma tikkorrispondix għal dan il-kriterju.

17

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-motiv u l-argumenti mqajma fir-rikors, intiżi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li tagħti drittijiet lill-individwi li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, kienu bbażati biss fuq l-illegalitajiet allegatament ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament u li, fost dawn l-illegalitajiet, ir-rikorrenti ma kinitx invokat, fl-istadju tar-rikors, allegata illegalità bbażata fuq l-assenza ta’ konformità tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi tal-persuni intiżi minn miżuri restrittivi mal-kriterju applikat mill-Kunsill.

18

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, li, barra minn hekk, l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika tagħha kien differenti minn dak li jinsab fir-rikors sa fejn ma kienx ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda fuq kontestazzjoni tal-fondatezza tal-motivi tal-inklużjoni tagħha u li l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika ma setax, għaldaqstant, jitqies bħala estensjoni tal-motiv imqajjem fir-rikors. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li, peress li kien biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti kienet qajmet dan l-argument u peress li ma kien marbut ma’ ebda motiv jew argument imqajjem fir-rikors, kien hemm lok li dan jiġi kklassifikat bħala motiv ġdid u, għaldaqstant, li jiġi miċħud bħala inammissibbli.

19

Ir-raba’ nett, fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni dwar l-illegalità tal-aġir li bih huwa akkużat il-Kunsill ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ u li, għaldaqstant, ir-rikors kellu jiġi miċħud, mingħajr ma kien neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment ta’ tali responsabbiltà.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

prinċipalment, tikkundanna lill-Unjoni tikkumpensa d-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni u miż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, li ġew annullati permezz tas-sentenza ta’ annullament, billi tħallasha s-somma ta’ EUR 68651318 bħala kumpens għad-dannu materjali tagħha u s-somma ta’ EUR 52547415 bħala kumpens għad-dannu morali tagħha;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

fiż-żewġ każijiet, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

21

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ex officio li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti sa fejn din it-talba kienet intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, ibbażati fuq l-Artikolu 29 TUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet PESK”).

24

Filwaqt li titlob, fl-appell tagħha, l-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, inkluż il-parti ta’ din is-sentenza li tiċħad it-talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK, l-appellanti ma tikkontestax din il-kunsiderazzjoni bħala tali.

25

Madankollu, sa fejn il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima hija ta’ ordni pubbliku, tali kwistjoni tista’ f’kull mument tal-proċedura tiġi eżaminata, anki ex officio, mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll fir-rigward tal-atti adottati abbażi tagħhom (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 69, u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 60).

27

Madankollu, it-Trattati jistabbilixxu espliċitament żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, minn naħa, kemm l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE. Min-naħa l-oħra, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Min-naħa tagħha, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, ippreżentati fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 60).

28

F’dan il-każ, permezz tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali annullat minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti, deċiżjonijiet PESK, kif ukoll regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, dwar miżuri restrittivi u li, filwaqt li ma jaqgħux taħt il-PESK, kienu jimplimentaw l-imsemmija deċiżjonijiet. Fir-rikors għad-danni tagħha wara s-sentenza ta’ annullament, ir-rikorrenti ma għamlitx distinzjoni bejn, minn naħa, ir-responsabbiltà tal-Unjoni li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet PESK u, min-naħa l-oħra, dik li tirriżulta minn dawn ir-regolamenti.

29

Issa, huwa paċifiku li, kif barra minn hekk iddeċidiet korrettement il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens tad-dannu allegatament subit mill-appellanti minħabba miżuri restrittivi previsti fir-rigward tagħha mill-imsemmija regolamenti.

30

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni wara l-annullament ta’ regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402).

31

Barra minn hekk, ċertament, l-Artikolu 275 TFUE ma jsemmix espressament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK.

32

Madankollu, minn naħa, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jintroduċu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. Konsegwentement, l-imsemmija Artikolu 24(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40).

33

Sussegwentement, ir-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju awtonomu li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenzi tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6, u tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 40).

34

Min-naħa l-oħra, ir-rikors għad-danni għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sistema kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi stabbilita mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1979, Amylum u Tunnel Refineries vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 116/77 u 124/77, EU:C:1979:273, punt 14, kif ukoll tat-12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165, punt 11), peress li dan ir-rikors jikkontribwixxi għan-natura effettiva ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 82 kif ukoll 83).

35

F’dan ir-rigward, kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 23 TUE, dwar il-PESK, jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ Stat tad-dritt (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Issa, kif tfakkar fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq rikors għad-danni sa fejn dan jikkonċerna miżuri restrittivi previsti minn regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE.

38

Dan l-artikolu, li jistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE, jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni, sabiex jagħti effett lil miżuri restrittivi meta dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 89).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja prevista mid-dritt tal-Unjoni teżiġi li, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK.

40

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma jistax ikun koerenti meta jsostni li, peress li r-regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE jirriproduċu, essenzjalment, id-deċiżjonijiet li għandhom bħala bażi legali l-Artikolu 29 TUE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE tiżgura protezzjoni ġudizzjarja sħiħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati.

41

Fil-fatt, kif jirrikonoxxi l-Kunsill stess, id-deċiżjonijiet PESK u r-regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE intiżi sabiex jimplimentawhom jistgħu ma jkunux materjalment identiċi. B’mod partikolari, fir-rigward tal-persuni fiżiċi, restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jiġu inklużi f’deċiżjonijiet PESK, mingħajr ma neċessarjament jiġu inklużi f’regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE.

42

Barra minn hekk, l-indikazzjoni pubblika tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi hija akkumpanjata minn kritika u nuqqas ta’ fiduċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li minnha ma jistax jiġi eskluż li dawn jistgħu jikkawżaw dannu u jiġġustifikaw il-preżentata ta’ rikors għad-danni sabiex jintalab il-kumpens tiegħu.

43

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi jeżiġi, sabiex din il-protezzjoni tkun kompleta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiddeċiedi fuq rikors għad-danni ppreżentat minn dawn il-persuni jew entitajiet u intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minn miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK.

44

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja huma kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq rikors għad-danni sa fejn dan huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi u previsti minn deċiżjonijiet PESK.

45

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kunsill ibbażat fuq is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 46), kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 46). Minn dawk is-sentenzi jirriżulta li, fil-kuntest tat-Trattati li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, l-Artikolu 35 UE ma kien jattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ebda ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwalunkwe rikors għad-danni fir-rigward tat-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali”.

46

Il-Kunsill jibbaża ruħu fuq is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punti 50 kif ukoll 56), sabiex isostni li għandha tinżamm l-istess interpretazzjoni fir-rigward tal-PESK, li kienet is-suġġett tat-Titolu V tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, peress li l-qrati tal-Istati Membri biss għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward tar-rikorsi għad-danni ppreżentati f’dan il-qasam.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istruttura tat-trattati nbidlet meta mqabbla ma’ dik eżistenti fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Minn dak iż-żmien, it-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, billi ta lill-Unjoni personalità ġuridika unika, stabbilita fl-Artikolu 47 TUE, temm is-separazzjoni li qabel saret bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea. Dan huwa b’mod partikolari rifless fl-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK fil-kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li din il-politika hija madankollu suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi, kif jirriżulta mill-Artikolu 24 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 91).

48

Minn din l-istruttura l-ġdida jirriżulta li huma irrilevanti, sabiex tiġi evalwata l-portata attwali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-PESK, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-kompetenzi ta’ din l-istituzzjoni, applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll, b’estensjoni, is-sentenzi invokati mill-Kunsill.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minn persuna fiżika jew ġuridika minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK ma kienx jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

50

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 75).

51

F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-sentenza ta’ annullament annullat deċiżjonijiet PESK kif ukoll regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE għall-istess raġunijiet, li r-rikorrenti, fil-kuntest tar-rikors għad-danni tagħha, ma għamlitx distinzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet u minn dawn ir-regolamenti u li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-aħħar rikors fl-intier tiegħu.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jibqa’ mingħajr effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata fil-każ li ebda wieħed mill-aggravji ma jwassal sabiex tiġi invalidata l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tar-rikors għad-danni.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

53

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti annullati permezz tas-sentenza ta’ annullament tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

54

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, ma kienx fih innifsu ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

55

Fil-fatt, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali ma hijiex rilevanti sa fejn kienet tikkonċerna atti ta’ natura regolamentari, u mhux miżuri restrittivi li għandhom portata individwali, li, bħal f’dan il-każ, għandhom effett sinjifikattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati.

56

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa l-element prinċipali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-natura fundamentali tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet individwali li l-effetti tagħhom huma dannużi, b’mod partikolari fis-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 68). Tali obbligu huwa iktar u iktar importanti fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li, bħal fil-każ ta’ miżuri restrittivi li għandhom portata individwali, jimponu, mill-istess suġġett tagħhom, dannu.

57

Fl-aħħar nett, sussidjarjament, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li l-funzjoni tagħha ma kinitx tobbligaha twettaq evalwazzjoni in concreto tal-gravità tal-ksur allegat, sabiex tevalwa jekk dan kienx jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

58

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma kienx fih innifsu ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

60

L-appellanti ssostni li din il-ġurisprudenza tapplika biss fil-preżenza ta’ att regolatorju vvizzjat minn nuqqas jew minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

61

Fuq dan il-punt għandu jitfakkar li, mill-perspettiva tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji, il-motivazzjoni tal-atti ta’ portata ġenerali għandha l-għan li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE favur il-partijiet fil-kawża li għalihom huwa miftuħ dan l-appell mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, EU:C:1982:291, punt 14). Min-naħa l-oħra, l-eventwali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, EU:C:1982:291, punt 14, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 98).

62

Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att li jistabbilixxi miżura restrittiva ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 103). Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, din il-ġurisprudenza ma tapplikax biss għal att ta’ portata ġenerali, iżda wkoll għal att li jimponi miżuri restrittivi li għandhom portata individwali.

63

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti li jimponu miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-appellanti ma kinitx fiha nnifisha ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni u, għaldaqstant, li tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell.

64

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi ma jkunux sostnuti jew ikunu vvizzjati bi żbalji, tali difetti jivvizzjaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2017, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni, C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punt 16).

65

Minn dan isegwi li, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita meta, b’mod partikolari, l-atti tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata miżura restrittiva jkunu vvizzjati b’insuffiċjenza jew minn nuqqas ta’ motivazzjoni u meta l-Kunsill ma jipprovdix elementi ta’ natura li jistabbilixxu l-fondatezza tal-imsemmija miżura, sakemm il-persuna jew l-entità kkonċernata minn din il-miżura tqajjem espressament motiv f’dan is-sens fir-rikors għad-danni tagħha.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

66

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-fatt li jinkiseb l-annullament ta’ miżuri restrittivi ma jirrendix inutli l-invokazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

67

L-appellanti tirrileva li, skont il-punt 51 tas-sentenza appellata, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa ta’ natura essenzjalment proċedurali, peress li huwa limitat għad-dritt għal rikors għal annullament.

68

Madankollu, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq l-ilmenti kollha invokati, peress li hija annullat il-miżuri restrittivi biss minħabba l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti li jimponu miżuri restrittivi. Issa, l-appellanti invokat ukoll il-ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-kuntest tar-rikors għad-danni tagħha, hija tista’ ssostni dan il-ksur, peress li ma ngħatatx deċiżjoni fuq l-argumenti kollha tagħha.

69

Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-annullament ta’ miżura restrittiva illegali ma jrendix inutli, sussegwentement, il-kritika tal-illegalità mwettqa mill-Kunsill bħala li tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-eżami ta’ ksur eventwali ta’ dan id-dritt jiddependi, għalhekk, fuq il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellu l-Kunsill fir-rigward tar-regola miksura, fid-dawl tal-gravità tal-aġir illegali u, b’mod partikolari, tat-tul tiegħu.

70

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 40), li, anki meta miżura restrittiva tiġi annullata wara rikors għal annullament, l-illegalità mwettqa tista’ tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

71

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-motiv u l-argumenti mqajma fir-rikors, intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, kienu bbażati biss fuq l-illegalitajiet ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament.

73

Tali evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-appellanti fl-appell tagħha.

74

Issa, fir-rikors tagħha li ta lok għas-sentenza ta’ annullament, ir-rikorrenti sostniet li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti legali jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, iżda wkoll, b’mod partikolari, mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

75

Fil-parti ta’ dan ir-rikors intitolata “Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti”, ir-rikorrenti kkonkludiet li “[i]d-deċiżjoni li [tiġi] inkluża […] fil-listi hija għalhekk nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti, li jikkostitwixxi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

76

Konsegwentement, kif ġie invokat mir-rikorrenti, l-argument ibbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kien marbut, fir-realtà, mal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ma kienx jikkostitwixxi lment awtonomu.

77

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li xejn ma jipprekludi lill-appellanti milli tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni bħal dak li ta lok għas-sentenza appellata, illegalità li tikkonsisti fil-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu madankollu jiġi rrilevat li r-rikorrenti baqgħet ma wrietx kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma kienx wettaq tali ksur.

78

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet u s-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

79

It-tielet u s-sitt aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tar-rikors, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet motiv invokat fir-replika.

80

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta sempliċement ivverifikat jekk waħda mill-illegalitajiet imsemmija minnha fir-replika tagħha, jiġifieri l-fatt li l-Kunsill ma applikax il-kriterju li huwa jallega li applika sabiex jidentifika l-persuni u l-entitajiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-miżuri restrittivi, kinitx ġiet invokata espliċitament fir-rikors promotur, mingħajr ma vverifikat jekk din l-illegalità kinitx tqajmet b’mod impliċitu.

81

Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata tistħarreġ jekk dan il-motiv kienx diġà inkluż, anki jekk f’forma embrijonika biss, fir-rikors jew jekk l-argumenti li jinsabu fir-replika kinux jirriżultaw mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża. Għalhekk, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tirrispondi għall-argumenti żviluppati mill-Kunsill fir-risposta tiegħu. Billi ma għamlitx tali riċerka, il-Qorti Ġenerali eskludiet mill-eżami tagħha l-elementi rilevanti sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

82

L-appellanti tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali, fl-istess punti 52 sa 58, żnaturat ir-rikors tagħha billi ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tagħha li l-Kunsill ma kienx applika l-kriterju li huwa kien allega li applika sabiex jiġġustifika s-sanzjoni imposta. F’dan ir-rigward, mir-rikors tagħha jirriżulta li r-rikorrenti kienet ikkritikat sew l-illegalità tal-miżuri restrittivi meħuda kontriha, li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

83

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li t-tielet u s-sitt aggravju jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika tagħha u bbażat fuq l-assenza ta’ konformità tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi tal-persuni kkonċernati minn miżuri restrittivi mal-kriterju applikat mill-Kunsill, intiż sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza ta’ din l-inklużjoni, ma setax jitqies bħala amplifikazzjoni tal-motiv intiż li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, imqajjem fir-rikors, u li, bħala motiv ġdid, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

85

L-appellanti tikkontesta din l-interpretazzjoni billi tindika li, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija affermat li l-Kunsill kien kiser obbligu li fir-rigward tiegħu huwa ma kellux marġni ta’ diskrezzjoni, sa fejn huwa seta’ jaġixxi biss b’applikazzjoni tal-kriterji regolatorji, stabbiliti fid-deċiżjoni u fir-regolamenti kkonċernati, li jistabbilixxu l-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jiġu ssanzjonati.

86

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rikors, l-appellanti rabtet dan l-argument mal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, wara l-affermazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija żiedet immedjatament li l-“illegalità li tivvizzja l-atti tal-Kunsill tinsab fil-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa ksur ċar tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

87

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra li l-argument imressaq mill-appellanti fl-imsemmi rikors u bbażat fuq l-illegalità tal-atti tal-Kunsill annullati permezz tas-sentenza ta’ annullament, sa fejn din l-istituzzjoni kienet applikat kriterju differenti minn dak li hija allegat li applikat, kien ibbażat biss fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u mhux fuq kontestazzjoni tal-fondatezza tal-motivi tal-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti mill-imsemmija atti.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u s-sitt aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda.

Fuq ir-raba’, il-ħames, u s-seba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

89

Ir-raba’, il-ħames u s-seba’ aggravju tal-appell, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza ta’ annullament, fuq il-konstatazzjoni żbaljata li l-assenza ta’ komunikazzjoni lill-appellanti tal-elementi meqjusa kontriha ma kinitx tistabbilixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, kif ukoll fuq żnaturament tar-rikors sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet naqqset il-motivi ta’ illegalità allegati għall-ksur biss tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

90

L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat is-sentenza ta’ annullament fir-rigward tal-obbligu tal-Kunsill li jikkomunikalha l-provi prodotti kontriha.

91

Fil-fatt, fil-punt 82 tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali indikat espliċitament li l-Kunsill kien kiser l-obbligu tiegħu li jikkomunika tali provi. Mill-punti preċedenti tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi prova li tista’ sservi ta’ bażi għall-ilmenti li jiġġustifikaw is-sanzjoni meħuda fir-rigward tal-appellanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ta’ annullament, ma llimitatx ruħha li tissuġġerixxi li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma kinitx ġiet mitigata mid-dokumenti kkomunikati ulterjorment, iżda kkonstatat debitament li l-Kunsill ma kienx osserva l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-provi użati kontra l-appellanti, mingħajr lanqas ma kien f’pożizzjoni li jidentifika atti konkreti li hija kienet wettqet.

92

L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ksur tal-imsemmi obbligu ta’ komunikazzjoni ma kienx jistabbilixxi, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

93

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 40), li l-ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi li jissostanzjaw il-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. L-appellanti tikkunsidra li tali ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni jew provi huwa identiku għall-ksur ta’ dak li jiġu kkomunikati lilha, fil-kwalità tagħha ta’ entità kkonċernata, il-provi użati kontriha f’dak li jirrigwarda r-raġuni adottata għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi deċiżi fir-rigward tagħha.

94

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li, fil-punti 44 u 45 kif ukoll fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors tagħha billi naqqset il-motivi ta’ illegalità allegati għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni biss. F’dan ir-rigward, l-appellanti rrilevat, fir-rikors tagħha, l-assenza ta’ provi ta’ natura li jiġġustifikaw is-sanzjoni imposta. Dan il-motiv huwa indipendenti minn dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fid-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda huwa relatat ma’ dak li kkonstatat fil-motivi ta’ din tal-aħħar.

95

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jwieġbu li dawn il-motivi huma infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96

Fil-punt 82 tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ entità kkonċernata, il-provi prodotti kontriha f’dak li jirrigwarda r-raġuni adottata għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi deċiżi fir-rigward tagħha. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 83 tas-sentenza ta’ annullament, li kien hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv, sa fejn kien ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, konstatazzjoni li kienet tiġġustifika, waħedha, l-annullament tal-atti kkontestati sa fejn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti.

97

Minn dawn il-punti tas-sentenza ta’ annullament jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jiġu trażmessi lilha l-provi inkriminanti, kien jaqa’ taħt l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

98

F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 68 tas-sentenza ta’ annullament, li, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem fuq liema bażi hija kienet ġiet inkluża fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma kinitx ġiet ippalljata mid-dokumenti kkomunikati sussegwentement u li l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 li l-Kunsill kien bagħtilha kienet sterjotipata.

99

Issa, fir-rikors tagħha li ta lok għas-sentenza ta’ annullament, ir-rikorrenti stess rabtet l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontriha mal-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, imqajjem fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha.

100

Minn dan jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontra r-rikorrenti ma kinitx tikkostitwixxi motiv distint ta’ annullament.

101

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq żnaturament tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn din tal-aħħar ma fehmitx bħala motiv distint minn illegalità l-argument tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ element ta’ natura li jiġġustifika s-sanzjoni li ġiet imposta fuqha.

102

Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 sa 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan ir-rikors jirriżulta li, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza dwar l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni mill-Kunsill ta’ kriterju differenti minn dak li huwa jallega li applika, l-argument tal-appellanti dwar l-assenza ta’ element ta’ natura li jiġġustifika s-sanzjoni imposta fuqha kien marbut b’mod inseparabbli mal-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

103

Għandu jingħad ukoll li, anki jekk, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 40), invokata mill-appellanti fl-appell tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-obbligu, impost fuq il-Kunsill, li jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi li jissostanzjaw il-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika, dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità fuq il-mertu tal-miżuri restrittivi individwali u mhux l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu tal-motivazzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali, li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

104

Is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), għalhekk ma hijiex rilevanti insostenn tar-raba’, tal-ħames u tas-seba’ aggravju tal-appell, sa fejn, fid-dawl tal-argumenti żviluppati mill-appellanti kemm fir-rikors għad-danni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fl-istadju tal-appell tagħha, din il-kawża tirrigwarda biss il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

105

Għaldaqstant, dawn il-motivi, li jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza ta’ annullament kif ukoll tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda.

106

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u skont dak li ġie espost fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

107

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

108

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

109

Peress li l-Kunsill talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet l-aggravji tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.

110

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Bank Refah Kargaran għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.