KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

Kawża C‑485/18

Groupe Lactalis

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

Garde des Sceaux, ministre de la Justice,

Ministre de l’Économie et des Finances

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini – Artikolu 26 – Kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni – Artikolu 3 – Miżuri nazzjonali li jeħtieġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel – Kundizzjonijiet – Miżura nazzjonali li tipprovdi għall-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini nazzjonali, Ewropea jew mhux Ewropea tal-ħalib”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Groupe Lactalis, minn naħa, u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), il-Garde des Sceaux, ministre de la Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja, Franza), il-Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, Franza) u l-Ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, Franza), min-naħa l-oħra, li tikkonċerna l-legalità tad-Décret no 2016‑1137 du 19 août 2016 relatif à l’indication de l’origine du lait et du lait et des viandes utilisés en tant qu’ingrédient (id-Digriet Nru 2016‑1137 tad‑19 ta’ Awwissu 2016 dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib u tal-ħalib u tal-laħam użati bħala ingredjenti (JORF 2016, Nru 194, test Nru 18) (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”)). Sa fejn jikkonċerna l-ħalib, dan id-digriet għandu l-effett li l-produtturi huma meħtieġa jindikaw l-oriġini tal-ħalib fit-tikketta tagħhom fuq il-prodott.

3.

Forsi ma huwiex sorprendenti li l-indikazzjoni fuq it-tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti kienet waħda mill-iktar karatteristiċi kontenzjużi tas-suq uniku. Ħafna drabi, tali rekwiżiti dwar ittikkettjar ikunu sempliċi metodu moħbi sabiex jiġi żgurat li tingħata preferenza lill-prodotti nazzjonali ( 3 ). Madankollu, hemm każijiet fejn ikun hemm rabta ċara u stabbilita bejn il-provenjenza tal-prodott tal-ikel inkwistjoni u l-kwalità tiegħu. L-eżistenza stess tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel ( 4 ) hija b’ċertu mod prova ta’ dan. Il-kwistjoni reali f’din il-kawża hija jekk miżura nazzjonali li timponi tali rekwiżit fil-każ tal-ħalib tistax tiġi ġġustifikata taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, għar-raġunijiet li ser nindika, ma nemminx li, fis-sitwazzjoni kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ.

4.

Qabel ngħaddi sabiex nikkunsidra dawn il-kwistjonijiet, huwa madankollu meħtieġ li nippreżenta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1169/2011

5.

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, dan ir-regolament huwa intiż li jipprovdi “l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel”.

6.

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.

2.   Il-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel għandha timmira biex fl-Unjoni jintlaħaq il-moviment liberu tal-ikel magħmul u kummerċjalizzat legalment, billi jitqies, fejn adegwat, il-bżonn li jiġu mħarsal-interessi leġittimi tal-produtturi u biex issir promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità.

[…]”

7.

L-Artikolu 9(1)(i) tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprovdi:

“1.   Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

[…]

(i)

il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza meta previst fl-Artikolu 26;

[…]”

8.

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dettalji oħra obbligatorji għal tipi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel”, jipprovdi:

“1.   Minbarra d-dettalji elenkati fl-Artikolu 9(1), dettalji oħra obbligatorji għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel huma stipulati fl-Anness III.

2.   Sabiex tkun żgurata l-informazzjoni lill-konsumatur fir-rigward ta’ tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel u biex jittieħed kont tal-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi, il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi jew l-użu sikur tal-ikel, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness III permezz ta’ atti ddelegati, taħt l-Artikolu 51.

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza”:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tat-tikkettar previsti fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.

2.   Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandu jkun obbligatorju:

(a)

fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza;

(b)

għal-laħam, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (‘NM’) elenkati fl-Anness XI. L-applikazzjoni ta’ dan il-punt għandha tkun suġġetta għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 8.

3.   Fejn jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel u fejn dan ma jkunx l-istess bħal dak tal-ingredjent primarju tiegħu:

(a)

il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju kkonċernat għandu jingħata wkoll; jew

(b)

il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju għandu jiġi indikat bħala differenti minn dak tal-ikel.

L-applikazzjoni ta dan il-paragrafu għandha tkun suġġetta għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 8.

4.   Sa ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tiġi evalwata l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għall-prodotti msemmijin f’dak il-punt.

5.   Sat-13 ta’ Diċembru 2014 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għall-ikel li ġej:

(a)

tipi oħra ta’ laħam barra ċ-ċanga u barra dawk imsemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

(b)

ħalib;

(c)

ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib;

(d)

ikel mhux ipproċessat;

(e)

prodotti b’ingredjent uniku;

(f)

ingredjenti li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-ikel.

[…]

7.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom jieħdu kont tal-ħtieġa għall-konsumaturi li jkunu informati, tal-fattibbiltà li tingħata l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ tali miżuri, inklużi l-impatt legali fuq is-suq intern u l-impatt fuq il-kummerċ internazzjonali.

Il-Kummissjoni tista’ takkumpanja dawk ir-rapporti bi proposti biex jiġu modifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

8.   Sat‑13 ta’ Diċembru 2013 wara li jkunu saru l-valutazzjonijiet tal-impatt, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

[…]”

10.

Il-Kapitolu VI, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jinkludi, fost oħrajn, l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39.

11.

L-Artikolu 38 huwa intitolat “Miżuri nazzjonali” u jipprovdi:

“1.   Fir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni. Dawk il-miżuri nazzjonali m’għandhomx jikkawżaw ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti, inkluża d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ikel minn Stati Membri oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li mhumiex speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament dment li huma ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

12.

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali u dettalji obbligatorji addizzjonali”, jipprovdi:

“1.   Minbarra d-dettalji partikolari msemmija fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri sabiex jesiġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, iġġustifikati abbażi ta’ mill-anqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

(b)

il-protezzjoni tal-konsumaturi;

(c)

il-prevenzjoni ta’ frodi;

(d)

il-protezzjoni tad-drittijiet industrijali u kummerċjali tal-proprjetà, l-indikazzjonijiet tal-provenjenza, il-postijiet tal-oriġini reġistrati u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali.

2.   Taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel biss fejn hemm rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. Meta jinnotifikaw miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jorbtu valur sinifikanti mal-forniment ta’ din l-informazzjoni.”

B.   Id-dritt Franċiż

13.

Id-digriet ikkontestat daħal fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2017 u kellu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2018.

14.

L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jinkludi l-punt I, li huwa fformulat hekk:

“It-tikketta tal-prodotti tal-ikel ippakkjati bil-lest, fis-sens tal-Artikolu 2 [tar-Regolament Nru 1169/2011] għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet meta dawn il-prodotti tal-ikel ikun fihom:

1° ħalib;

2° bħala ingredjent, ħalib użat fil-prodotti tal-ħalib imsemmija fil-lista fl-Anness;

[…]

It-tikketta tal-prodotti tal-ikel ippakkjat bil-lest għandha tindika l-oriġini tal-ingredjenti msemmija fil-punti 1° sa 3. Madankollu, jekk dawn l-ingredjenti jirrappreżentaw perċentwali, espressa bħala piż totali tal-ingredjenti użati fil-prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest, li tkun taħt ċertu limitu minimu, it-tikketta ta’ tali prodott tal-ikel ma għandhiex tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.”

15.

L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“I. L-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib jew ta’ ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi d-dettalji segwenti:

1° ‘Pajjiż tal-ġbir: (l-isem tal-pajjiż fejn inġabar il-ħalib)’;

2° ‘Pajjiż tal-ippakkjar jew tal-ipproċessar: (isem tal-pajjiż fejn il-ħalib ġie ppakkjat jew ipproċessat)’.

II. B’deroga mill-punt I, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fl-istess pajjiż, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: (l-isem tal-pajjiż)’.

III. B’deroga mill-punti I u II, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fi Stat Membru wieħed jew iktar tal-Unjoni Ewropea, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: UE’.

IV. B’deroga mill-punti I u II, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fi Stat wieħed jew iktar li ma jkunux Stati Membri tal-Unjoni, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: mhux UE’.”

16.

L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4 tad-digriet ikkontestat jipprovdi:

“[…]

Għall-applikazzjoni tal-punt I tal-Artikoli 2 u 3, meta l-indikazzjoni tal-oriġini twassal għall-indikazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, jew meta l-oriġini ma tkunx iddeterminata, l-indikazzjoni tal-ismijiet tal-pajjiżi tista’ tiġi ssostitwita bl-indikazzjoni ‘UE jew mhux UE’”.

17.

L-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet jipprovdi li:

“Il-prodotti mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż terz ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.”

18.

Fl‑24 ta’ Diċembru 2018, id-Décret no 2018‑1239 du 24 décembre 2018 relatif à l’indication de l’origine du lait et du lait et des viandes utilisés en tant qu’ingrédient (id-Digriet Nru 2018‑1239 dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib u tal-ħalib u tal-laħam użati bħala ingredjent (JORF 2018, Nru 298, test Nru 70)) estenda l-applikazzjoni tad-digriet ikkontestat sal‑31 ta’ Marzu 2020.

19.

Qabel daħlu fis-seħħ, kemm dan id-digriet u kemm id-digriet ikkontestat ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1169/2011. Il-Kummissjoni ma ħarġitx opinjoni negattiva għall-finijiet tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ digrieti ( 5 ).

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

20.

Permezz ta’ rikors irreġistrat fl‑24 ta’ Ottubru 2016, Lactalis fetħet kawża quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fejn talbet l-annullament tad-digriet ikkontestat. Insostenn ta’ din it-talba, Lactalis invokat, inter alia, żewġ motivi li jallegaw li d-digriet jikser l-Artikoli 26, 38 u 39 tar-Regolament Nru 1169/2011. Il-qorti tar-rinviju qieset li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn iż-żewġ motivi, huwa l-ewwel meħtieġ li tiġi ddeterminata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u li tqajjem numru ta’ diffikultajiet.

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Otutbru 2011, li jipprevedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza f’dak li jirrigwarda l-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent, għandu jiġi kkunsidrat bħala li armonizza espressament din il-kwistjoni fis-sens tal-Artikolu 38(1) tal-istess regolament u jipprekludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri li jeżiġu indikazzjonijiet obbligatorji supplimentari fuq il-bażi tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament?

2)

Fil-każ li l-miżuri nazzjonali jkunu ġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dawl tal-Artikolu 39(1), iż-żewġ kriterji previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jirrigwardaw, minn naħa, rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu [importanza] sinjifikattiva lil din l-informazzjoni għandhom jinqraw flimkien u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tar-rabta pprovata tista’ tiġi bbażata biss fuq elementi li huma suġġettivi li jirrigwardaw l-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi tagħmel bejn il-kwalità tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu?

3)

Sa fejn il- proprjetajiet tal-ikel jistgħu jinftiehmu bħala li jinkludu l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ikel, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ deterjorazzjoni tiegħu matul il-vjaġġ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn ċerti proprjetajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2)?

4)

L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tippreżupponi li l- proprjetajiet ta’ ikel jitqiesu li huma uniċi minħabba l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom jew li huma ggarantiti minħabba din l-oriġini jew din il-provenjenza u, f’dan l-aħħar każ, indipendentement mill-armonizzazzjoni tar-regoli sanitarji u ambjentali applikabbli fl-Unjoni Ewropea, l-indikazzjoni tal-oriġini jew tal-provenjenza tista’ tkun iktar speċifika minn indikazzjoni taħt il-forma ‘UE’ jew ‘mhux tal-UE’?”

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda

22.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, li jipprovdi, inter alia, li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent, għandux jiġi interpretat fis-sens li armonizza speċifikament ir-regoli rigward l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ ħalib użat bħala prodott finali jew bħala ingredjent u jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix lil Stat Membru milli jagħmel din l-indikazzjoni obbligatorja bis-saħħa tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament.

23.

Qabelxejn, għandu jkun osservat li, l-ewwel nett, l-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament Nru 1169/2011, li tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib, ma jistax jippreġudika jekk dan ir-regolament armonizzax jew le r-regoli dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza ta’ ħalib. Ċertament, l-unika konklużjoni li tista’ tinġibed minn tali obbligu hija li din l-indikazzjoni bħalissa ma hijiex obbligatorja taħt id-dritt tal-Unjoni.

24.

It-tieni nett, wieħed jista’ jenfasizza l-fatt li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv mill-Unjoni f’qasam ta’ kompetenza kondiviża timplika neċessarjament ċerta armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li b’hekk tnaqqas il-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) TFUE. Tali armonizzazzjoni tista’, madankollu, tipprovdi biss standards minimi jew tkopri biss ċerti aspetti tal-qasam speċifikat, b’mod li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jorbtu, għal aspetti oħra ta’ dan il-qasam, fuq il-kompetenzi proprji tagħhom sabiex jadottaw miżuri partikolari.

25.

Rigward l-armonizzazzjoni miksuba bir-Regolament Nru 1169/2011 fejn tidħol l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza ta’ prodotti tal-ikel, għandu jitqies li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi lista ta’ partikolaritajiet obbligatorji li l-operaturi tas-settur huma obbligati li jindikaw fuq it-tikketti ta’ prodotti tal-ikel. Flimkien ma’ din il-lista, l-Artikolu 10 jipprovdi lista ta’ dettalji obbligatorji addizzjonali li għandhom ikunu indikati, iżda biss fil-każ ta’ tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel ( 6 ).

26.

Fost id-dettalji li huma obbligatorji irrispettivament mit-tipi jew kategoriji ta’ prodotti tal-ikel ikkonċernat, l-Artikolu 9(1)(i) tar-Regolament Nru 1169/2011 isemmi l-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, imma biss sa fejn tali indikazzjoni obbligatorja hija prevista mill-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament.

27.

Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza hija obbligatorja f’żewġ każijiet, jiġifieri:

meta n-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jqarraq lill-konsumatur rigward il-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-prodott tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni mehmuża mal-prodott tal-ikel jew it-tikketta kollha kemm hija kienu altrimenti jimplikaw li l-prodott tal-ikel kellu pajjiż ta’ oriġini jew post ta’ provenjenza differenti ( 7 );

għal-laħam li jaqa’ taħt il-kodiċijiet elenkati fl-Anness XI tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), jiġifieri laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż jew tat-tjur taħt l-intestatura 0105.

28.

Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk hija tarmonizzax jew le l-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza, il-kuntest li fih hija mdaħħla din id-dispożizzjoni jitfa’ dawl fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward wieħed jista’ jinnota li r-Regolament Nru 1169/2011 fih Kapitolu VI, li huwa speċifikament iddedikat għal miżuri nazzjonali.

29.

Huwa minnu li l-Artikolu 38(2) ta’ dan ir-regolament, li huwa inkluż f’dan il-kapitolu, jipprevedi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li mhumiex speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament dment li huma ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament”. Madankollu, l-Artikolu 38(1) jiddikjara għall-kuntrarju li “[f]ir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni”. Għalkemm it-tifsira eżatta tal-frażi “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39” jista’ jkun li f’dan il-kuntest ma hijiex għalkollox ċara, jiena naħseb li r-regoli li jirreferi għalihom l-Artikolu 39 (jiġifieri, dawk li jirregolaw id-dettalji obbligatorji fuq it-tikketti ta’ prodotti tal-ikel) ma humiex affettwati mill-Artikolu 38(2) ( 8 ).

30.

Minn dan isegwi, għalhekk, li l-Artikolu 38, li jservi bħala introduzzjoni għall-Kapitolu VI, sempliċement jirrikonoxxi li ċerti dispożizzjonijiet jarmonizzaw parzjalment biss filwaqt li dispożizzjonijiet oħra jarmonizzaw kompletament id-dettalji fir-rigward tal-ittikkettar ta’ prodotti tal-ikel u jiddikjara l-konsegwenzi li jkun hemm f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Id-diffikultà ta’ interpretazzjoni li hekk tinħoloq hija dovuta għall-fatt li l-Artikolu 38 ma jispeċifikax liema dispożizzjonijiet jaqgħu taħt waħda jew taħt l-oħra minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

31.

B’kuntrast, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 jidhirli li huma deċiżivi. Tabilħaqq, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jiddikjara speċifikament li l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jadottaw miżuri li jirrikjedu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel. Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bħala li ma tarmonizzax għalkollox il-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dettalji obbligatorji addizzjonali għalhekk tippermetti li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri nazzjonali li jinjoraw l-Artikolu 39, u b’hekk idgħajfu kompletament l-effet utile (l-effett utli) ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1169/2011 għandu jkun neċessarjament interpretat fis-sens li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu dettalji obbligatorji billi joqogħdu fuq il-kompetenzi nazzjonali kompletament awtonomi tagħhom stess.

32.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1169/2011. Il-premessi 6 u 9 tar-Regolament Nru 1169/2011 jindikaw, fil-fatt, li wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament kien sempliċement sabiex jikkonsolida l-leġiżlazzjoni eżistenti, li rriżultat mid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel ( 9 ). Billi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ddikjara li “indikazzjoni [tad-dettalji msemmija f’din id-dispożizzjoni] biss ikunu obbligatorji fuq il-tikkettjar tal-oġġetti ta’ l-ikel” ( 10 ), jista’ jkun dedott minn dawn il-premessi li r-Regolament Nru 1169/2011 żamm, minn tal-inqas, il-prinċipju li l-Istati Membri ma għadx għandhom kompetenza purament awtonoma sabiex jiddeċiedu liema dettalji għandhom ikunu obbligatorji.

33.

Barra minn hekk, skont il-premessi 13 u 14 tar-Regolament Nru 1169/2011, il-għan ta’ dan ir-regolament huwa b’mod partikolari li jistabbilixxi “definizzjonijiet, prinċipji, rekwiżiti u proċeduri komuni sabiex jiġi ffurmat qafas ċar u bażi komuni għall-miżuri tal-Unjoni u nazzjonali li jirregolaw l-informazzjoni dwar l-ikel [sabiex jiġi stabbilit] approċċ komprensiv […] għall-informazzjoni provduta lill-konsumaturi relatata mal-ikel li jieklu” ( 11 ). L-użu tal-aġġettiv “komprensiv” huwa espliċitu ħafna.

34.

Jiena naħseb li dan kollu, huwa biżżejjed sabiex juri li kemm il-kuntest kif ukoll l-għanijiet tal-Artikolu 26 juru biċ-ċar li r-Regolament Nru 1169/2011 armonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri rigward dettalji obbligatorji. Madankollu, din l-armonizzazzjoni ma hijiex eżawrjenti, għaliex l-Istati Membri jibqgħu fil-libertà li jadottaw dettalji obbligatorji addizzjonali, imma biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament ( 12 ).

35.

Rigward l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza, billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jispeċifika l-każijiet li fihom, b’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, l-operaturi fis-settur tal-ikel għandhom jinkludu din l-indikazzjoni fuq it-tikketti tal-ikel, din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tkun interpretata bħala li armonizzat tal-inqas il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti dettalji jistgħu jsiru obbligatorji. Konsegwentement, l-Istati Membri tneħħitilhom il-kompetenza nazzjonali li jilleġiżlaw rigward tali indikazzjonijiet skont il-modalitajiet partikolari tagħhom ( 13 ). Madankollu, l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jiddelega mill-ġdid parti mill-kompetenzi li kienu ġew miżmuma bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) TFUE billi jikkonferixxi lill-Istati Membri l-kompetenza li jadottaw l-indikazzjonijiet obbligatorji partikolari tagħhom, suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ( 14 ).

36.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imqajjem minn ċerti partijiet fis-sentenza prinċipali, li skontu l-armonizzazzjoni li wassal għaliha r-Regolament Nru 1169/2011 ma tirrigwardax l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza, minħabba li tali indikazzjoni kienet tkun neċessarja sabiex tiżgura it-traċċabiltà ta’ prodotti tal-ikel u tal-ingredjenti tagħhom. Ċertament, minbarra l-fatt li jiena ma nara ebda bażi għal tali l-argument fil-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011, il-ħtieġa li tkun żgurata t-traċċabiltà ta’ prodotti tal-ikel ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-assenza tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza tal-prodotti tal-ikel. Ċertament, l-Artikolu 3(15) tar-Regolament Ġenerali tal-Liġi dwar l-Ikel ( 15 ) jiddefinixxi t-traċċabiltà bħala “il-kapaċità li jiġi ntraċċat u segwit ikel, għalf, annimal li jipproduċi ikel jew sustanza maħsuba biex tkun, jew mistennija li tkun inkorporata fl-ikel jew fl-għalf, matul l-istadji kollha ta’ produzzjoni, ipproċessar u tqassim”. Għalhekk it-traċċabiltà ma tirrekjedix li fuq it-tikketta jissemma espliċitament il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, għax dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni ( 16 ).

37.

Fl-assenza ta’ esklużjoni espliċita tal-ħalib mill-armonizzazzjoni mwettqa bir-Regolament Nru 1169/2011, dan tal-aħħar għandu jitqies bħala li jkopri l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib. Ċertament, l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandha tkun obbligatorja meta n-nuqqas li tindika dan jista’ jqarraq lill-konsumatur rigward il-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun interpretata, kif issuġġerew ċerti partijiet, fis-sens li tagħti lill-Istati Membri d-dritt li jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib fiċ-ċirkustanzi kollha. Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tagħtix id-dritt lill-Istati Membri li jadottaw miżuri ġenerali ta’ deroga. Hija pjuttost tispeċifika li l-operaturi fis-settur tal-ikel huma obbligati li jindikaw il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ prodotti tal-ikel fil-każ fejn in-nuqqas li tingħata din l-indikazzjoni jista’ jqarraq lill-konsumatur rigward il-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel ( 17 ). Barra minn hekk, jista’ jkun dedott mill-Artikolu 26(5) u (7), li skontu l-Kummissjoni għandha teżamina l-fattibiltà li tkun introdotta indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-ħalib, indikazzjoni li, fil-preżent, l-operaturi fis-settur tal-ikel ma humiex obbligati li jsemmu, ħlief fil-każ li għalih issir referenza fl-Artikolu 26(2)(a) ( 18 ).

38.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata din ir-risposta għall-ewwel domanda: l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat bħala li armonizza l-kundizzjonijiet li fihom l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post tal-provenjenza tal-ħalib użat bħala prodott finali jew bħala ingredjent tista’ ssir obbligatorja mill-Istati Membri. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jagħmlu din l-indikazzjoni obbligatorja fuq il-bażi tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament meta dan ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet bħalma huma s-saħħa pubblika, id-drittijiet tal-konsumaturi, l-evitar tal-frodi jew il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta u meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

B.   Fuq it-tieni domanda

39.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi essenzjalment jekk, meta miżura li teżiġi l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, iż-żewġ kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandhomx jinqraw flimkien jew jekk, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-eżistenza ta’ “rabta ppruvata”, tistax tkun ibbażata biss fuq elementi suġġettivi marbuta mal-importanza tal-konnessjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jistabbilixxu bejn il-kwalitajiet tal-prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu.

40.

Skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu dettalji obbligatorji flimkien ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet kundizzjonijiet sabiex ikunu adottati miżuri nazzjonali li jimponu dawn id-dettalji addizzjonali, jiġifieri li:

l-ewwel, id-dettalji obbligatorji jridu jikkonċernaw biss ċerti tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel;

it-tieni, tista’ tkun iġġustifikata abbażi ta’ mill-inqas waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 39(1), li fosthom hemm il-ħtieġa tal-ħarsien tal-konsumatur;

it-tielet, il-miżura nazzjonali għandha tkun konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament.

41.

Fl-aħħar nett, fejn id-dettalji obbligatorji li jikkonċernaw l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ikel, l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jispeċifika, fl-ewwel sentenza tiegħu, li “l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri li jikkonċernaw [tali indikazzjoni] biss fejn hemm rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu” u, fit-tieni sentenza tiegħu, li “[m]eta jinnotifikaw miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jorbtu valur sinifikanti mal-forniment ta’ din l-informazzjoni”.

42.

Flimkien ma’ dawn it-tliet kundizzjonijiet espliċitament stabbiliti fl-Artikolu 39(1), kwalunkwe miżura nazzjonali li teżiġi dettalji trid tkun konformi mal-prinċipji ġenerali ta’ informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

43.

Ebda premessa fir-Regolament Nru 1169/2011 ma tindirizza d-dispożizzjoni tal-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-mod kif hija strutturata din id-dispożizzjoni diġà jissuġġerixxi li hija tistabbilixxi żewġ kriterji distinti. Filwaqt li wieħed jista’ jaċċetta li xi elementi tal-formulazzjoni jew tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll ċerti oġġettivi mfittxija minn dan ir-regolament jistgħu jsostnu l-fehma li l-eżistenza ta’ “rabta ppruvata” tista’ tkun ibbażata fuq elementi suġġettivi marbuta mal-importanza tar-rabta li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jistabbilixxu bejn il-kwalità tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, jiena nqis li interpretazzjoni aħjar ta’ din id-dispożizzjoni hija li din tirreferi għal fatturi purament oġġettivi.

44.

Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun fl-aħħar mill-aħħar tħejji t-triq għall-introduzzjoni mill-ġdid indiretta ta’ regoli nazzjonali rigward prodotti tal-ikel li kienu mfassla sabiex jappellaw għal istinti purament nazzjonalistiċi – jekk mhux ukoll xovinistiċi – min-naħa tal-konsumaturi. Billi wieħed mill-oġġettivi tal-proġett tas-suq intern kien li jelimina (fejn ikun possibbli) tali regoli, huwa diffiċli temmen li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni japprova l-introduzzjoni mill-ġdid indiretta tagħhom permezz tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011. Huwa f’dan l-isfond li nistgħu madankollu neżaminaw il-lingwaġġ ta’ din id-dispożizzjoni.

45.

L-ewwel, it-terminu “kwalità” jista’ jirreferi għal sett ta’ proprjetajiet u karatteristiċi ta’ prodott li jgħinu sabiex l-aspettattivi tal-konsumaturi jintlaħqu ( 19 ). It-tieni, ir-referenza li t-tieni sentenza tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 tagħmel għall-opinjoni tal-maġġoranza tal-konsumaturi bħala evidenza li għandha titressaq meta Stat Membru jinnotifika tali miżura lill-Kummissjoni, tista’ tissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni sempliċement tispeċifika l-waqt li fih għandha titressaq l-evidenza. It-tielet, ir-Regolament Nru 1169/2011 jiddikjara repetutament li l-konsumaturi għandhom jirċievu l-informazzjoni xierqa sabiex ikunu megħjuna jagħmlu “għażliet infurmati” inklużi dawk ta’ natura ambjentali jew etika ( 20 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 4(2) jsemmi li, “[m]eta jitqies il-bżonn ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, għandu jittieħed kont tal-bżonn frekwenti min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li tkun ta’ valur sinifikanti għalihom jew ta’ kull benefiċċju ġeneralment aċċettat għall-konsumatur” ( 21 ).

46.

Min-naħa tiegħi, madankollu, jiena nqis li analiżi dettaljata tar-regolament turi li, hekk kif għadni kemm għidt, l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta fformula l-ewwel sentenza kien preċiżament li jeskludi l-possibbiltà li, fil-każ ta’ miżuri speċifiċi li jirrikjedu l-indikazzjoni tal-post ta’ oriġini, l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ibbażata esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet purament suġġettivi.

47.

Id-definizzjoni tar-terminu “kwalità”, meta jintuża fil-plural ġeneralment jirreferi għall-karatteristiċi jew proprjetajiet tal-prodott inkwistjoni ( 22 ). Huwa interessanti ninnotaw, hawnhekk, li t-terminu użat fil-verżjoni bil-Franċiż tal-Artikolu 39(2) ma huwiex “qualités” (kwalitajiet) imma “propriétés” (proprjetajiet) li jirreferi b’mod ċar għall-kwalità jew proprjetà meqjusa bħala parti karatteristika jew inerenti ta’ xi ħaġa. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(2) tispeċifika, fir-rigward tar-rabta li għandu jkun hemm bejn ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, li din għandha tkun “ippruvata”, li b’hekk timxi fuq is-suppożizzjoni impliċita li dawn il-kwalitajiet jistgħu jkunu oġġettivament aċċertati ( 23 ). Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jidher li l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 ma humiex biss li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi, imma wkoll li jiżguraw li jkun irrispettat il-moviment ħieles fejn jidħlu prodotti tal-ikel. Madankollu, anki meta tkun applikata mingħajr distinzjoni għal prodotti tal-ikel lokali u dawk importati, l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza x’aktarx li tagħmel ħsara lill-moviment ħieles tal-prodotti, forsi wkoll iktar minn kwalunkwe forma ta’ dettalji mhux diskriminatorji ( 24 ). Ċertament, bħalma stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, tali rekwiżiti “jgħinu lill-konsumaturi jiddistingwu bejn prodotti domestiċi u dawk importati u li dan jagħmilha possibbli li jaffermaw kwalunkwe preġudizzji li jista’ jkollhom kontra prodotti barranin” ( 25 ).

48.

Dan kollu jfisser li l-Artikolu 39(2) għandu għalhekk jinftiehem fis-sens li qiegħed jistabbilixxi kundizzjonijiet addizzjonali għall-adozzjoni ta’ miżuri li jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza. L-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċertament li tiżgura bilanċ ġust bejn żewġ għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1169/2011, li l-ewwel tiżgura li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni xierqa li tgħinhom jagħmlu għażliet informati, siguri, tajbin għas-saħħa u sostenibbli u, it-tieni, li tiżgura li l-libertà ta’ moviment tkun osservata fejn jidħlu prodotti tal-ikel. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi li jillimitaw ir-raġunijiet li jistgħu jitressqu insostenn ta’ tali miżura u li jimponu rabta iktar stretta ta’ proporzjonalità bejn it-tnejn ( 26 ).

49.

Jekk wieħed imur lura lejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39, isegwi mbagħad li l-Artikolu 39(1) jistabbilixxi r-raġunijiet ta’ interess ġenerali, li jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jimponu rekwiżiti partikolari addizzjonali għal kategorija partikolari ta’ prodotti tal-ikel. Madankollu, sa fejn jirrigwarda indikazzjonijiet assoċjati mal-post ta’ oriġini, l-Artikolu 39(2) jimponi żewġ miżuri restrittivi oħra, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel ikkonċernat u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu u, it-tieni, il-fatt li maġġoranza ta’ konsumaturi jagħtu valur sinjifikattiv lill-għoti ta’ din l-informazzjoni ( 27 ).

50.

Meta nqis il-formulazzjoni, l-istruttura u l-għan speċifiku mfittex mill-Artikolu 39(2), jiena għalhekk tal-fehma li l-ewwel u t-tieni kriterji huma distinti u kumulattivi ( 28 ). B’mod partikolari, ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn il-kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, ma jistax ikun ssodisfatt biss b’referenza għal elementi purament suġġettivi assoċjati mal-importanza tar-rabta li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu lil din il-karatteristika.

51.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mill-Gvern Franċiż u dak Taljan fis-sens li kieku l-Artikolu 39(2) kellu jkun interpretat bħala li qiegħed jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet distinti, din id-dispożizzjoni kienet tkun imċaħħda minn kwalunkwe effett utli (effet utile), partikolarment minħabba li l-miżuri nazzjonali li setgħu jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kien ikollhom jaffaċċjaw l-armonizzazzjoni eżawrjenti miksuba bir-Regolament Nru 1151/2012 ( 29 ).

52.

Huwa minnu li, li kieku l-Artikolu 39(2) ikun interpretat bħala li jeżiġi mhux biss li għandu jkun hemm rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, imma wkoll li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkun jidher pjuttost limitat. Madankollu, billi din id-dispożizzjoni tapplika biss għal miżuri li jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza, tidher ħaġa loġika li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata bħala li għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat. Madankollu, kontra l-argument imressaq minn xi partijiet, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bħala li tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet distinti ma ċċaħħadx lil dan l-artikolu minn kwalunkwe effett utli (effet utile). Minkejja li l-livell mixtieq kien stabbilit fl-għoli ħafna, dan il-livell xorta waħda jista’ jinqabeż.

53.

Rigward l-armonizzazzjoni miksuba bir-Regolament Nru 1151/2012 fuq skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel, dan tal-aħħar ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri li jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza. Għalkemm dan ir-regolament jipprovdi sistema uniformi u eżawrjenti ta’ protezzjoni għal indikazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi użati sabiex jindikaw prodotti li jkollhom rabta speċifika bejn il-kwalitajiet tagħhom u l-oriġini ġeografika tagħhom ( 30 ), din l-armonizzazzjoni tkopri biss l-użu ta’ ċerti ismijiet sabiex jindikaw prodotti ( 31 ). Dan ma japplikax għall-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza.

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 39(2) għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi żewġ kriterji separati. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-ewwel kriterju marbut mal-eżistenza ta’ rabta pprovata ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni purament suġġettiva marbuta mal-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jistabbilixxu bejn il-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 39(2) jeżiġi li l-prodotti tal-ikel ikkonċernati li jkunu ġejjin minn ċerti pajjiżi jew postijiet ta’ provenjenza jkollhom ċerti kwalitajiet jew karatteristiċi oġġettivi li jiddistingwuhom mill-istess prodotti tal-ikel li jkollhom oriġini differenti.

C.   Fuq it-tielet domanda

55.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-prodotti tal-ikel għat-trasport u mar-riskji ta’ deterjorazzjoni tiegħu matul il-vjaġġ jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami ta’ jekk hemmx rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ dan il-prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2).

1. Fuq l-ammissibbiltà

56.

Sa mill-bidu, mill-proċess mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li l-awtoritajiet Franċiżi għamlu referenza għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-ħalib għat-trasport sabiex jiġġustifikaw id-digriet ikkontestat meta dan kien innotifikat qabel ma kien adottat. Barra minn dan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż ressaq spjegazzjoni oħra, jiġifieri li d-digriet kien adottat “sabiex tintlaħaq l-aspettattiva qawwija li esprimew il-konsumaturi favur l-ittikkettar tal-ħalib […] wara l-iskandli bħal dak meta laħam taż-żiemel jintuża b’mod frawdolenti minflok ċanga” u li “l-obbligu li tkun indikata l-oriġini jtejjeb it-trasparenza u t-traċċabiltà tul il-katina ta’ provvista biex tkun missielta b’mod iktar effettiv il-frodi fl-ikel u biex tinġieb lura l-fiduċja tal-konsumaturi.”

57.

Madankollu, għandu jkun osservat li d-domandi magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss meta jkun għalkollox ovvju li l-interpretazzjoni, jew id-determinazzjoni ta’ validità, ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mfittxija ma jkollha ebda konnessjoni mal-fatti reali fil-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġ sabiex tagħti tweġiba utli għad-domandi magħmula quddiemha ( 32 ).

58.

Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li teskludi l-possibbiltà li meta adotta dan id-digriet il-leġiżlatur nazzjonali kien ħa inkunsiderazzjoni fatturi marbuta mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-ħalib għat-trasport. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tinterpreta d-dritt nazzjonali – u għalhekk lanqas li tiddeċiedi jekk l-għanijiet imfittxija mid-digriet ikkontestat humiex verament dawk previsti fid-domanda magħmula – jiena nqis li d-domanda għandha titqies bħala ammissibbli.

2. Fuq il-mertu

59.

Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi rigward it-tieni domanda magħmula, għandu jitfakkar mill-bidu li l-Artikolu 39(2) jistabbilixxi żewġ kriterji għall-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali li teżiġi minn Stat Membru l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel. Skont l-ewwel kriterju, tali indikazzjoni tista’ tkun adottata biss jekk ikun hemm rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu.

60.

Rigward il-kunċett ta’ “kwalitajiet”, kif kien osservat qabel, dan it-terminu jirreferi għall-karatteristiċi ta’ xi ħaġa, bħal, fl-agronomija, l-aspetti fiżiċi, nutrittivi, organiċi u, b’mod partikolari fil-każ ta’ prodott tal-ikel, l-aspetti marbuta mat-togħma.

61.

Sa fejn l-Artikolu 39(2) juża l-espressjoni “ċerti kwalitajiet”, mingħajr ma jispeċifika x’jistgħu jkunu dawn il-kwalitajiet, jiena nqis li din id-dispożizzjoni tapplika għall-każijiet kollha li fihom tista’ tkun ipprovata rabta bejn kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. F’dan il-kuntest, il-kapaċità ta’ reżistenza tal-ikel għat-trasport tista’ tkun meqjusa bħala waħda mill-kwalitajiet ta’ dan l-ikel ( 33 ).

62.

Madankollu, sabiex ikun issodisfatt l-ewwel kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(2), jeħtieġ li jkun hemm rabta bejn il-kwalità mressqa mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jiġifieri, il-kapaċità ta’ reżistenza tal-ikel għat-trasport minn naħa, u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu min-naħa l-oħra. Sa fejn huwa kkonċernat il-kriterju tal-aħħar, tali kwalità ma hijiex, ġeneralment, speċifika għall-oriġini tiegħu. Hekk, pereżempju, fil-każ ta’ ċerti frott u ħaxix speċifiċi, il-metodi ta’ produzzjoni użati waqt il-kultivazzjoni, jista’ jkollhom effett fuq il-kapaċità ta’ reżistenza tagħhom għat-trasport. Fil-każ tal-ħalib, madankollu, il-kapaċità ta’ reżistenza tiegħu għat-trasport b’mod li l-kwalità tiegħu ma tkunx kompromessa, ma tinbidilx, għallinqas fiċ-ċirkustanzi moderni, skont il-post ta’ produzzjoni. Wieħed għalhekk jista’ jippreżumi – ċertament fl-assenza ta’ kwalunkwe evidenza bil-kontra – li l-ħalib prodott fi Franza jew il-ħalib prodott fil-Belġju għandu l-istess kapaċità li jirreżisti għat-trasport.

63.

Huwa minnu, li kwalitajiet oħra tal-ikel, ibda mit-togħma tiegħu, jistgħu jkunu affettwati mit-trasport. Billi dan it-trasport ta’ prodotti tal-ikel jieħu iktar jew inqas ħin skont il-post ta’ oriġini tal-prodotti tal-ikel, jista’ għalhekk ikun hemm rabta bejn l-oriġini u wħud mill-kwalitajiet tagħhom. Madankollu, sabiex ikun issodisfatt l-ewwel kriterju mniżżel fl-Artikolu 39 – jiġifieri, li għandu jkun hemm rabta pprovata bejn xi kwalitajiet ta’ dan l-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu – xorta waħda jrid ikun stabbilit li t-trasport ta’ prodott tal-ikel partikolari jippreżenta riskji oġġettivi għad-deterjorament ta’ uħud mill-kwalitajiet tagħhom. Fil-każ tal-ħalib, fid-dawl tat-tieni kriterju, din id-deterjorazzjoni trid taffettwa uħud mill-kwalitajiet tiegħu meqjusin ta’ siwi minn maġġoranza ta’ konsumaturi.

64.

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa, meta jkunu qegħdin jaġixxu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ) u, għaldaqstant, meta jimplimentaw l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011, li jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li kwalunkwe miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw iridu jkunu adattati sabiex jintlaħaq l-iskop tagħhom u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-iskop. Dan jimplika b’mod partikolari li fejn ikun hemm għażla bejn diversi miżuri li jkunu adattati, l-għażla għandha taqa’ fuq dik l-inqas oneruża ( 35 ). Fl-aħħar nett, ta’ min josserva li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun biss adattata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-iskop mixtieq meta hija turi, b’mod konsistenti u sistematiku, interess ġenwin sabiex tilħaq dan l-iskop ( 36 ).

65.

Fil-każ tal-ħalib, anki jekk wieħed jaċċetta li wħud mill-kwalitajiet tiegħu jistgħu jkunu affettwati mit-trasport, dan jidher li huwa minnu biss meta jkun ħalib “frisk” (jew mhux ipproċessat jew ippastorizzat). Sa fejn jidher mill-proċess li d-digriet ikkontestat japplika mingħajr distinzjoni għal kull tip ta’ ħalib, kemm ħalib “frisk” u ħalib “UHT”, jidher li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imressaq mill-qorti tar-rinviju.

66.

Jekk, madankollu, jista’ jkun xjentifikament stabbilit li ċerti kwalitajiet, kemm fiżiċi, nutrittivi, organiċi jew dawk marbuta mat-togħma tal-ħalib, inkluż il-ħalib UHT, jistgħu jkunu mmodifikati waqt it-trasport tiegħu, u jekk il-konsumaturi jagħtu importanza lil dawn il-kwalitajiet speċifiċi – bħalma tfisser fl-eżami tat-tieni domanda – il-kunsiderazzjonijiet rigward il-kapaċità ta’ reżistenza tal-prodotti tal-ikel għat-trasport u r-riskju ta’ deterjorazzjoni waqt il-vjaġġ jista’ jkun jittieħdu inkunsiderazzjoni.

67.

Huwa naturalment minnu, li fil-każ ta’ ħalib “frisk”, il-kwistjoni ta’ kemm huwa frisk hija minnha stess marbuta – ftit jew wisq, skont it-tip ta’ ħalib ikkonċernat – mad-distanza li l-ħalib jivvjaġġa mill-post fejn ikun prodott sas-suq ( 37 ). Madankollu, ma nistax ma nosservax f’dan il-kuntest li l-Artikolu 3‑III tad-digriet ikkontestat jipprovdi li fil-każ ta’ ħalib li jkun ġie prodott fi kwalunkwe Stat Membru ieħor minbarra fi Franza l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: “Oriġini: UE”. B’kuntrast, l-Artikolu 3‑IV jiddikjara li meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fi Stat wieħed jew iktar li ma jkunux Stati Membri tal-Unjoni, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: “Oriġini: mhux UE”.

68.

Sa fejn l-alternattiva prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet hija bejn l-indikazzjoni – “Franza”, “UE” jew “mhux UE” – ma hijiex preċiża biżżejjed sabiex il-konsumaturi jikkalkolaw – anki indirettament – id-distanza li l-ħalib ikun ivvjaġġa, jidher li d-digriet ikkontestat huwa inkonsistenti mal-għan imressaq mill-Gvern Franċiż bħala ġustifikazzjoni, jiġifieri, xewqa li jinforma lill-konsumaturi dwar ir-riskju ta’ deterjorazzjoni tal-ħalib matul l-vjaġġ.

69.

Speċifikament, wieħed jista’ jaħseb li d-digriet fil-forma preżenti tiegħu ma jgħaddix mit-test tal-proporzjonalità minħabba li ma jirnexxilux jilħaq l-għan li jinforma lill-konsumaturi, b’mod konsistenti u sistematiku, dwar il-possibbiltà ta’ rabta bejn it-trasport fit-tul tal-ħalib u l-kwalitajiet ta’ dan il-ħalib ( 38 ). Dan huwa minnu iktar u iktar minħabba li, skont l-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet, il-prodotti tal-ħalib prodotti legalment fi Stat Membru ieħor ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet. Hekk, pereżempju, ġobon prodott fl-Italja minn ħalib mill-Ġermanja u mbagħad mibjugħ fi Franza ma jkunx ikkonċernat.

70.

Billi, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE li tapplika regola tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari – u, b’estensjoni, li tevalwa l-validità ta’ liġi nazzjonali b’referenza għal tali regola – hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ spjegazzjonijiet ulterjuri mressqa mill-Gvern Franċiż, jekk l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet humiex issodisfatti.

71.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li t-tielet domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 39(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li kunsiderazzjonijiet marbuta mar-reżistenza tal-prodott tal-ikel għat-trasport u mar-riskju ta’ deterjorazzjoni matul il-vjaġġ jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat jekk hemmx rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ dan l-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2), jekk, l-ewwel, jiġi stabbilit li l-ħalib jista’ jmur matul it-trasport, it-tieni, din il-bidla x’aktarx taffettwa ċerti kwalitajiet tal-ħalib li huma importanti għall-maġġoranza tal-konsumaturi, it-tielet, dan ir-rekwiżit huwa iktar sempliċi sabiex jiġi implimentat minn kwalunkwe miżura oħra li tista’ tkun marbuta b’mod iktar dirett mad-distanza li jkun vjaġġa l-ħalib jew mat-tul ta’ żmien tat-trasport tal-ħalib u, ir-raba’, l-għan li l-konsumaturi jiġu informati dwar ir-riskji tal-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel assoċjati mat-trasport tagħhom jiġi segwit mill-miżura nazzjonali b’mod konsistenti u sistematiku.

D.   Fuq ir-raba’ domanda

72.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 tippreżumix li l-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel għandhom jitqiesu li huma uniċi minħabba l-oriġini tagħhom jew kif iggarantiti minħabba dan l-oriġini u, f’dan il-każ tal-aħħar, jekk l-indikazzjoni tal-oriġini jew tal-provenjenza għandhiex tkun iktar preċiża minn indikazzjoni fil-forma “UE” jew “mhux UE”, minkejja l-armonizzazzjoni tal-istandards tas-saħħa u ambjentali applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

73.

F’dan ir-rigward, kif imfisser iktar ’il fuq fir-risposta għat-tieni domanda, l-Artikolu 39(2) jistabbilixxi żewġ kriterji distinti b’konnessjoni, l-ewwel, mal-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn uħud mill-kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu u t-tieni, mal-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni.

74.

Billi r-rabta bejn ċerti kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel u l-oriġini tiegħu għandha tkun “ippruvata”, l-ewwel kriterju jeżiġi li prodotti tal-ikel li jkollhom ċertu oriġini jkollhom ukoll xi kwalitajiet li jkunu speċifiċi għal dan l-oriġini. Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 39(2) la tirrikjedi li dawn il-kwalitajiet ikunu uniċi fis-sens li għandhom ikunu speċifiċi għal pajjiż wieħed, u lanqas ma huwa meħtieġ li l-Istat Membru li jeżiġi din l-indikazzjoni jkun wieħed mill-pajjiżi li minnhom il-prodotti tal-ikel jakkwistaw dawn il-kwalitajiet.

75.

Madankollu, sabiex tali miżura tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif essenzjalment huwa ddikjarat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 39(2), il-maġġoranza tal-konsumaturi mhux biss iridu jagħtu importanza sinjifikattiva lill-kwalitajiet speċifiċi li jkollhom il-prodotti tal-ikel ġejjin minn ċerti pajjiżi jew postijiet, imma jridu wkoll ikunu kapaċi jassoċjaw dawn il-kwalitajiet ma’ ċerti pajjiżi jew postijiet. Altrimenti, l-indikazzjoni tal-pajjiż jew post ta’ oriġini ma tkunx qiegħda twettaq il-funzjoni tagħha, li hija, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, li tipprovdi bażi lill-konsumaturi li fuqha jieħdu deċiżjoni informata.

76.

Rigward il-livell ta’ ċertezza li jrid ikun marbut mal-preżenza ta’ dawn il-kwalitajiet partikolari fi prodotti tal-ikel li jkunu ġejjin minn pajjiż jew post ta’ provenjenza partikolari, jiena nqis li jkun biżżejjed li jkun stabbilit li l-kundizzjonijiet partikolari ta’ produzzjoni, b’mod speċjali, il-kundizzjonijiet tekniċi jew klimatiċi li ġeneralment japplikaw fil-pajjiż ikkonċernat, ikunu marbutin ma’ tali kwalitajiet. Jiena nemmen, għaldaqstant, li l-kwalitajiet ta’ prodotti tal-ikel li jkunu ġejjin minn grupp ta’ pajjiżi jew reġjuni ġeografiċi partikolari jistgħu jkunu speċifiċi minħabba l-oriġini tagħhom mingħajr ma jkunu neċessarjament iggarantiti minħabba dan l-oriġini.

77.

Billi dawn il-kwalitajiet jistgħu jkunu riżultat ta’ fatturi bħalma huma l-klima, il-proprjetajiet tal-ħamrija jew tal-istandards ta’ produzzjoni applikabbli, l-indikazzjoni tal-oriġini jew tal-provenjenza tista’ tkun iktar preċiża milli indikazzjoni fil-forma “UE” jew “mhux UE”, minkejja l-armonizzazzjoni tal-istandards tas-saħħa u ambjentali applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

78.

Anki meta dawn il-kwalitajiet ikunu ġejjin mill-istandards ta’ produzzjoni applikabbli, l-armonizzazzjoni tista’, bħal fil-każ preżenti, tħalli ċerta diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri speċifiċi. Ċertament, din l-armonizzazzjoni tista’ ma tkunx eżawrjenti bħalma tissuġġerixxi d-domanda preżenti, imma tkun tkopri biss kwistjonijiet ta’ saħħa u ambjentali, filwaqt li l-istandards nazzjonali applikati jista’ jkollhom għanijiet oħrajn, bħal li jiżguraw ċertu livell ta’ eċċellenza għall-ikel. Sabiex jinkoraġġixxu “tellieqa sal-quċċata”, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw l-oriġini ta’ prodott tal-ikel li jkollu kwalità li jagħtuha valur sinjifikattiv, meta jkun stabbilit sew li ċerti Stati Membri japplikaw standards ogħla ta’ produzzjoni.

79.

Għaldaqstant, meta l-kwalitajiet partikolari tal-prodott tal-ikel huma relatati ma fatturi klimatiċi jew mal-proprjetajiet tal-ħamrija jew mal-istandards ta’ produzzjoni applikati, Stat Membru jista’, abbażi tal-Artikolu 39(2), jagħmel l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini obbligatorja sabiex jgħin lil konsumaturi li jkunu interessati f’tali proprjetajiet sabiex jagħmlu għażla informata. Madankollu, jekk jirriżulta li l-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel imfittxija mill-konsumaturi jkunu ggarantiti bl-applikazzjoni ta’ standards ta’ produzzjoni kompletament armonizzati fl-Unjoni, Stat Membru ma jkunx jista’ jirrikjedi xejn iktar mill-indikazzjoni “UE/mhux UE”. Verament, indikazzjoni iktar preċiża tkun neċessarjament bla ebda użu u, hekk tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

80.

Rigward il-ħalib, anki jekk id-domanda ma hijiex marbuta speċifikament ma’ dan il-prodott tal-ikel, jiena mhux għalkollox konvint li l-armonizzazzjoni mwettqa mid-dritt tal-Unjoni tieħu totalment inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-produzzjoni tal-ħalib, li tiddependi, fost l-oħrajn, fuq l-għalf mogħti lill-baqar kif ukoll il-benesseri globali tagħhom. Tabilħaqq, jien ninnota, pereżempju, li r-Regolament Nru 178/2002, li fuqu Lactalis tibbaża l-osservazzjonijiet tagħha, jistabbilixxi biss, kif isemmi l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, xi prinċipji ġenerali li l-Istati Membri għandhom josservaw. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/58/KE ( 39 ) jispeċifika li din tal-aħħar tistabbilixxi biss standards minimi għall-ħarsien tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja ( 40 ). Strumenti leġiżlattivi oħra, bħar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ( 41 ), jipprovdu l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri derogatorji ( 42 ). Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ikkonfermat li r-regoli għall-produzzjoni tal-ħalib ma kinux għalkollox armonizzati.

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi biss li l-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel li jkun ġej minn grupp partikolari ta’ pajjiżi jew reġjuni ġeografiċi jistgħu jkunu speċifiċi minħabba l-oriġini tagħhom mingħajr ma dawk il-kwalitajiet ikunu neċessarjament iggarantiti minħabba din l-oriġini. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix neċessarjament lil Stat Membru milli jimponi indikazzjoni obbligatorja addizzjonali marbuta mal-post ta’ produzzjoni li tkun iktar speċifika mis-sempliċi indikazzjoni ta’ “UE”/”mhux UE”, minkejja l-armonizzazzjoni tal-istandards tas-saħħa u ambjentali applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi għandu jiġi interpretat bħala li armonizza l-kundizzjonijiet li fihom l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post tal-provenjenza tal-ħalib użat bħala prodott finali jew bħala ingredjent tista’ ssir obbligatorja mill-Istati Membri. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludihomx milli jagħmlu din l-indikazzjoni obbligatorja fuq il-bażi tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament meta dan ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet bħalma huma s-saħħa pubblika, id-drittijiet tal-konsumaturi, l-evitar tal-frodi jew il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta u meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

(2)

L-Artikolu 39(2) għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi żewġ kriterji separati. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-ewwel kriterju marbut mal-eżistenza ta’ rabta pprovata ma tistax tkun ibbażata fuq elementi suġġettivi marbuta mal-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jistabbilixxu bejn il-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, iżda jeżiġi li l-prodotti tal-ikel ikkonċernati li jkunu ġejjin minn ċerti pajjiżi jew postijiet ta’ provenjenza jkollhom ċerti kwalitajiet jew karatteristiċi oġġettivi li jiddistingwuhom mill-istess prodotti tal-ikel li jkollhom oriġini differenti.

(3)

L-Artikolu 39(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li kunsiderazzjonijiet marbuta mar-reżistenza tal-prodotti tal-ikel għat-trasport u mar-riskju ta’ deterjorazzjoni matul il-vjaġġ jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat jekk hemmx rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ dan il-prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2), jekk, l-ewwel, jiġi stabbilit li l-ħalib jista’ jmur matul it-trasport, it-tieni, din il-bidla x’aktarx taffettwa ċerti kwalitajiet tal-ħalib li huma importanti għall-maġġoranza tal-konsumaturi u, it-tielet, dan ir-rekwiżit huwa iktar sempliċi sabiex jiġi implimentat minn kwalunkwe miżura oħra li tista’ tkun marbuta b’mod iktar dirett mad-distanza li jkun ivvjaġġa l-ħalib jew mat-tul ta’ żmien tat-trasport tal-ħalib u, ir-raba’, l-għan li l-konsumaturi jiġu informati dwar ir-riskji tal-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel assoċjati mat-trasport tagħhom jiġi segwit mill-miżura nazzjonali b’mod konsistenti u sistematiku.

(4)

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi biss li l-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel li jkun ġej minn grupp partikolari ta’ pajjiżi jew reġjuni ġeografiċi jistgħu jkunu speċifiċi minħabba l-oriġini tagħhom mingħajr ma dawk il-kwalitajiet ikunu neċessarjament iggarantiti minħabba din l-oriġini. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix neċessarjament lil Stat Membru milli jimponi indikazzjoni obbligatorja addizzjonali marbuta mal-post ta’ produzzjoni li tkun iktar speċifika mis-sempliċi indikazzjoni ta’ “UE”/“mhux UE”, minkejja l-armonizzazzjoni tal-istandards tas-saħħa u ambjentali applikabbli fi ħdan l-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7).

( 3 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1981, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (113/80, EU:C:1981:139).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4.

( 5 ) Madankollu, kemm Lactalis u kemm il-Kummissjoni jargumentaw li l-abbozz tad-digriet ikkontestat innotifikat lill-Kummissjoni ma kienx identiku għall-verżjoni finali.

( 6 ) F’dan ir-rigward, mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Anness III tar-Regolament Nru 1169/2011, li għalih jirreferi l-Artikolu 10, jirriżulta li l-kunċett ta’ “tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel” għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi metodi ta’ produzzjoni u l-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel.

( 7 ) Ara l-Artikolu 26(2)(a) ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jispeċifika li meta jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post tal-provenjenza tal-prodotti tal-ikel u meta dan ma jkunx l-istess bħal dak tal-ingredjent primarju tiegħu, il-pajjiż tal-oriġini jew il-post tal-provenjenza ta’ dan l-ingredjent primarju għandu jiġi indikat ukoll jew għandu jiġi indikat bħala li huwa differenti minn dak tal-ikel. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġiet speċifikata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/775 tat‑28 ta’ Mejju 2018 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament [Nru 1169/2011] (ĠU 2018, L 131, p. 8). Madankollu, sa fejn dan tal-aħħar huwa ta’ livell ġerarkiku iktar baxx, huwa ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26.

( 8 ) Fil-fehma tiegħi, din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li sempliċement tindika li, minkejja l-fatt li s-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 39 jaqgħu f’qasam armonizzat, l-Istati Membri jistgħu xorta waħda jadottaw miżuri nazzjonali jekk jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75.

( 10 ) Enfasi miżjuda. Il-lista tad-dettalji msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 hija l-istess, b’xi żidiet, bħal dik mogħtija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 11 ) Enfasi miżjuda.

( 12 ) B’mod inċidentali, jista’ jingħad li l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi (KUMM(2008) 40 final) tidher li tikkonferma li r-Regolament Nru 11169/2011 huwa intiż li jarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom ċerti dettalji jistgħu jkunu obbligatorji. Fil-fatt, din il-proposta kienet tipprovdi li “regoli li mhumiex armonizzati jfixklu s-suq intern, iwasslu għal informazzjoni nieqsa u jnaqqsu l-livell ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Ir-regoli eżistenti urew kemm kienu tajbin għax taw lok għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti u għall-protezzjoni tal-konsumaturi” (p. 6). Għaldaqstant, it-tħassir tar-“regoli armonizzati” ma tqiesx li kien approċċ vijabbli. Għall-kuntrarju, “[k]emm l-indikazzjoni obbligatorja kif ukoll dik volontarja tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel bħala għodda tal-kummerċjalizzazzjoni, ma għandhomx jiżgwidaw jqarraq il-konsumatur u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji stabbiliti” (p. 8). B’hekk, “[i]l-proposta tarmonizza l-qafas regolatorju għad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw it-tikkettjar fuq l-ikel u għalhekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni għall-konsumaturi billi tassigura li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni xierqa biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, siguri, tajbin għal saħħithom u sostenibbli” (p. 10).

( 13 ) Peress li r-Regolament Nru 1169/2011 jarmonizza r-regoli nazzjonali dwar id-dettalji obbligatorji u jipprovdi, fl-Artikolu 45, għal proċedura speċifika meta l-Istat Membru jkun jixtieq jipprovdi għal dettalji obbligatorji oħra, inqis li r-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati ma’’ l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU 2008, L 218, p. 21) ma japplikax għal dan il-każ.

( 14 ) Inċidentalment, il-fatt li r-Regolament Nru 1169/2011 jarmonizza l-qasam ta’ dettalji obbligatorji, filwaqt li jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu għal dettalji obbligatorji oħra, jidher li jikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, li jindika li “[dan ir-regolament] jistipula l-mezzi biex ikun garantit id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni u proċeduri għall-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis il-bżonn li tiġi pprovduta flessibbiltà biżżejjed biex tlaħħaq mal-iżviluppi futuri u rekwiżiti ġodda għal informazzjoni”. Enfasi miżjuda.

( 15 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).

( 16 ) Ara wkoll l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Ġenerali tal-Liġi dwar l-Ikel.

( 17 ) Huwa minnu li l-Artikolu 26(2)(a) juża l-kliem “b’mod partikolari” sabiex jispeċifika li l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini hija obbligatorja “jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza”, li jimplika li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għas-sitwazzjoni fejn l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew fuq it-tikketta hija qarrieqa. Madankollu, ma naħsibx li minn dan jista’ jiġi dedott li tali indikazzjoni hija obbligatorja wkoll fl-assenza ta’ kull riskju ta’ konfużjoni. Jiena pjuttost nifhem il-ħtieġa għall-użu tal-kliem “b’mod partikolari” fis-sens li l-informazzjoni qarrieqa tista’ tkun marbuta mal-prodotti tal-ikel jew mat-tikketta, iżda mhux esklużivament. Pereżempju, ċerti trade marks ukoll jistgħu joħolqu tali konfużjoni.

( 18 ) Ara wkoll l-aħħar sentenza tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 19 ) Pereżempju, l-istandard ISO 9000:2000 jiddefinixxi “kwalità” bħala l-abbiltà ta’ sett ta’ karatteristiċi intrinsiċi li jissodisfaw rekwiżiti.

( 20 ) Ara l-Artikolu 3(1) u l-premessa 4.

( 21 ) Ara l-Artikolu 4(2) u, f’dan ir-rigward, il-premessi 16 sa 18. Peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, jiena ninterpretaha fis-sens li hija indirizzata lill-Istati Membri, meta jużaw l-Artikolu 39, kif ukoll lill-Kummissjoni, meta tuża s-setgħa ddelegata lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 10(2) li temenda l-lista ta’ dettalji obbligatorji addizzjonali.

( 22 ) B’hekk, din il-kelma tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għall-aspetti fiżiċi, nutrittivi, organiċi u, b’mod partikolari għall-aspetti marbuta mat-togħma, ta’ prodott tal-ikel.

( 23 ) Fir-rigward tal-Artikolu 4(2), dan tal-aħħar jinsab fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1169/2011, li huwa ddedikat, kif jindika t-titolu tiegħu, għall-prinċipji ġenerali tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel. Peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ġenerali tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, ir-regola stabbilita minnha tista’ tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet.

( 24 ) Sa fejn il-miżuri nazzjonali li jimponu obbligu li tingħata informazzjoni dwar l-oriġini jew il-provenjenza ta’ oġġetti japplikaw mingħajr distinzjoni għall-oġġetti kollha, dawn il-miżuri nazzjonali ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni diretta iżda miżuri li jista’ jkollhom effetti ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ April 1985, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (207/83, EU:C:1985:161, punt 17). Fil-kawża ineżami, id-digriet ikkontestat ma japplikax għal prodotti pproċessati barra l-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“applikazzjoni ta’ […] miżur[i] nazzjonali, jista’ jkollha effetti wkoll fuq il-moviment liberu ta’ oġġetti […] anki jekk limitata għal produtturi domestiċi”, peress li tinkoraġġixxi x-xiri minn proċessuri domestiċi ta’ oġġetti prodotti lokalment, f’dan il-każ, ħalib. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1997, Pistre et (C‑321/94 sa C‑324/94, EU:C:1997:229, punt 45).

( 25 ) Sentenza tal‑25 ta’ April 1985, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (207/83, EU:C:1985:161, punt 17).

( 26 ) Pereżempju, filwaqt li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li, meta jqisu l-ħtieġa għal informazzjoni obbligatorja dwar il-prodotti tal-ikel, l-Istati Membri huma mistennija jieħdu inkunsiderazzjoni biss jew il-bżonn frekwenti min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li tkun ta’ valur sinjifikattiv għalihom jew kull benefiċċju ġeneralment aċċettat għall-konsumatur, fil-każ partikolari li din l-informazzjoni obbligatorja tkun il-pajjiż tal-oriġini jew il-post tal-provenjenza, l-Istati Membri huma meħtieġa jipproduċu wkoll prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu valur sinjifikattiv lill-għoti ta’ din l-informazzjoni.

( 27 ) B’mod iktar preċiż, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma intiżi sabiex jiġi evitat li miżuri nazzjonali li jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jkunu bbażati fuq preġudizzji tal-konsumaturi marbuta mal-allegati kwalitajiet ta’ ċerti prodotti tal-ikel ġejjin minn ċerti pajjiżi, u li b’mod impliċitu tiġi eskluża l-possibbiltà għal Stat Membru li juża kwalunkwe karatteristika tal-prodotti tal-ikel bħala skuża sabiex jeżiġi l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini.

( 28 ) Nammetti li dawn iż-żewġ kriterji għandhom jinqraw flimkien, iżda biss fis-sens li mhux kwalunkwe kwalità li fir-rigward tagħha hemm rabta pprovata mal-oriġini jew mal-provenjenza tal-prodott tal-ikel tista’ tiġġustifika l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post tal-provenjenza tal-prodott tal-ikel, iżda dawk biss li huma importanti għall-konsumaturi.

( 29 ) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 114).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia (C‑35/13, EU:C:2014:306, punti 29 sa 31).

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25.)

( 33 ) Għalkemm hemm standards ta’ iġjene u ta’ sigurtà li huma parzjalment armonizzati fuq livell Ewropew (żamma ta’ katina ta’ kesħa, eċċ.) u li huma intiżi li jħarsu wħud mill-proprjetajiet tagħhom matul it-trasport, mhux il-prodotti tal-ikel kollha għandhom l-istess reżistenza għat-trasport.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 105106).

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 52).

( 37 ) Wieħed jista’ jqis li l-indikazzjoni ta’ pajjiż jew ta’ post ta’ oriġini ma hijiex neċessarjament l-iktar mod preċiż sabiex il-konsumaturi jiġu informati dwar id-distanza li jkun ivvjaġġa l-ħalib bejn il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq. Jekk, pereżempju, wieħed jieħu l-każ ta’ ħalib importat mill-Belġju fi Franza, id-distanza bejn iż-żona tal-produzzjoni u l-post tal-konsum tiegħu jew tal-użu ulterjuri tiegħu tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iqsar milli fil-każ ta’ ħalib prodott bnadi oħra fi Franza. Madankollu, rekwiżit li l-ippakkjar jipprovdi tali dettalji għandu l-vantaġġ li jkun sempliċi sabiex jiġi implimentat u probabbilment huwa inqas oneruż għall-operaturi kummerċjali minn kwalunkwe alternattiva oħra, bħalma huwa dettall marbut iktar direttament mad-distanza li jkun ivvjaġġa l-ħalib peress li din id-distanza tista’ tvarja skont iċ-ċirkwit ta’ distribuzzjoni.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 52).

( 39 ) Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 316).

( 40 ) Għaldaqstant, jiena nifhem dawn ir-regoli bħala li huma intiżi li jiggarantixxu li l-prodotti tal-ikel ikkummerċjalizzati fl-Unjoni jkollhom ċerti kwalitajiet minimi, iktar milli kwalitajiet identiċi.

( 41 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35).

( 42 ) Ara l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 853/2004.