SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar – Tqassim tas-suq fil-kuntest ta’ proġetti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 20 – Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-akkordji – Setgħa li tiġi kkopjata data mingħajr eżami minn qabel u li tiġi eżaminata sussegwentement fil-bini tal-Kummissjoni – Multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C‑606/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-24 ta’ Settembru 2018,

Nexans France SAS, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Nexans SA, stabbilita f’Courbevoie,

irrappreżentati minn G. Forwood, avocate, kif ukoll minn M. Powell u A. Rogers, solicitors,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, P. Rossi, C. Sjödin u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Nexans France SAS u Nexans SA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2018, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑449/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:456), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 final tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 – Kejbils tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn hija tikkonċernahom, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1/2003

2

L-Artikolu 20, intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords;

d)

li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

e)

li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

[…]

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

[…]”

3

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-ispezzjoni ta’ siti oħra”, jipprevedi:

“1.   Jekk suspett raġunevoli jeżisti li l-kotba u rekords relatati mal-kummerċ u mas-suġġett tal-ispezzjoni, li jistgħu ikunu ta’ rilevanza li juru vjolazzjoni serja ta’ l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] ikunu qed jinżammu f’siti oħra, art jew meżi tat-trasport, inkluż id-djar tad-diretturi, managers u membri oħra tal-istaff ta’ l-impriża u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża konċernati, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni tordna li ssir spezzjoni f’premises oħra, art jew meżi tat-trasport.

[…]

4.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni ordnata skond paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ħa jkollhom il-poteri maħruġa mil-Artikolu 20(2)(a), (b) u (ċ). […]”

4

Skont l-Artikolu 23(2) u (3) tal-imsemmi regolament:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] […]

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

5

L-Artikolu 31 tal-istess regolament jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

Il-Linji Gwida tal-2006

6

Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi Imposti Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”) jispeċifikaw, fil-punti 2 u 4 tagħhom li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “il-multi għandhom jiġu ffissati fuq livell li jkun suffiċjentement dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7

Mill-punti 9 sa 11 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-punt 37 tagħhom, il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multi jinvolvi żewġ stadji, jiġifieri, fl-ewwel lok, id-determinazzjoni ta’ ammont bażiku u, fit-tieni lok, eventwali aġġustamenti ta’ dan l-ammont, b’żieda jew bi tnaqqis. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, qabel kollox, skont il-punti 13 sa 18 tal-imsemmija linji gwida, il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Skont il-punt 19 tal-istess linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon mill-valur ta’ dan il-bejgħ, iddeterminata abbażi tal-livell ta’ gravità tal-ksur, immultiplikata bin-numru ta’ snin ta’ ksur.

8

Skont il-punt 21 tal-Linji Gwida tal-2006:

“Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni tiġi ffissata għal livell li jista’ jilħaq massimu ta’ 30 %” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9

Il-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida jipprevedi:

“Sabiex jiġi deċiż jekk il‑proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandhiex tkun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-parti tas-suq aggregata tal-partijiet kollha kkonċernati, l-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur ġiex implimentat jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-fatti li wasslu għat-tilwima u d-deċiżjoni kontenzjuża

10

Il-fatti li wasslu għat-tilwima, li jinsabu fil-punti 1 sa 20 u 42 sa 47 tas-sentenza appellata jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

11

L-appellanti, Nexans France u l-kumpannija omm tagħha, Nexans, huma kumpanniji Franċiżi attivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar.

12

B’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, ABB AB, kumpannija stabbilita fl-Isvezja, ipprovdiet lill-Kummissjoni, b’rabta ma’ applikazzjoni għal immunità fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17), serje ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti rigward prattiki kummerċjali restrittivi f’dan is-settur.

13

Sussegwentement, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni.

14

L-Erbgħa t-28 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-awtorità Franċiża għall-kompetizzjoni, marru fil-bini ta’ Nexans France fi Clichy (Franza) sabiex jagħmlu spezzjoni taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem l-“ispezzjoni inkwistjoni”), abbażi ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2009 li tordna lil Nexans kif ukoll lill-impriżi kollha kkontrollati minn din tal-aħħar sabiex jissottomettu ruħhom għal tali spezzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, “[l]-ispezzjoni [inkwistjoni setgħet] issir fil-postijiet kollha ikkontroll[ati] mill-impriża, u b’mod partikolari fl-uffiċċji li jinsabu fl-indirizz li ġej: 4‑10 Rue Mozart, 92110 Clichy, Franza”.

15

Wara li nnotifikaw id-deċiżjoni ta’ spezzjoni lill-appellanti, l-ispetturi tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ispetturi”) esprimew ix-xewqa tagħhom li jeżaminaw id-dokumenti kif ukoll il-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France, jiġifieri B., J. U R. Wara li ġew informati li J. kien ħa l-kompjuter tiegħu fuq vjaġġ tiegħu u li kien ser jirritorna biss il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi għamlu kopji-immaġni tal-hard drives tal-kompjuters ta’ B. u R. kif ukoll ta’ D., impjegat ieħor ta’ Nexans France. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu tiftix bl-użu ta’ kliem prinċipali fid-data li tinsab f’dawn il-kompjuters, huma użaw software ta’ investigazzjoni informatika li pproċessa din id-data matul il-lejl bejn it-28 u d-29 ta’ Jannar 2009.

16

Fit-tieni jum tal-ispezzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-Ħamis 29 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi eżaminaw il-kopji-immaġni tal-hard drives tal-kompjuters ta’ B., D. u R.

17

Fit-tielet jum ta’ din l-ispezzjoni, jiġifieri l-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi setgħu jeżaminaw il-laptop ta’ J., li kien irritorna fl-uffiċċju. L-użu ta’ software ta’ investigazzjoni informatika ppermettielhom jirkupraw numru ta’ fajls, dokumenti u posta elettronika li kienu tħassru mill-hard drive ta’ dan il-kompjuter u jikkonstataw li dawn id-dokumenti kienu rilevanti għall-investigazzjoni. L-ispetturi ddeċidew li jagħmlu kopja-immaġni ta’ dan il-hard drive. Madankollu, peress li kkonstataw li ma kienx fadlilhom ħin suffiċjenti sabiex jagħmlu tali kopja, huma ddeċidew li jagħmlu kopja ta’ data magħżula u li jqegħduha fuq mezzi tal-informatika għar-reġistrazzjoni ta’ data (iktar ’il quddiem il-“MIRD”) li tqiegħdu f’enveloppi ssiġillati u meħuda lura fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju). Il-proċess kien jinvolvi żewġ settijiet ta’ posta elettronika li nstabet fil-laptop ta’ J. u sett ta’ posta elettronika li nstabet fil-kompjuter ta’ R. Il-kompjuter ta’ J. kif ukoll MIRD misjub fl-uffiċċju tiegħu u li kien jinkludi dokumenti protetti permezz ta’ password tqiegħdu f’armarju, li ġie ssiġillat mill-ispetturi.

18

L-ispetturi rritornaw fil-bini ta’ Nexans France it-Tlieta 3 ta’ Frar 2009. Huma fetħu l-armarju ssiġillat li kien jinkludi l-MIRD misjub fl-uffiċċju ta’ J. kif ukoll il-kompjuter ta’ dan tal-aħħar. Huma spezzjonaw fuq il-post il-MIRD, stampaw u żammew żewġ dokumenti estratti minn dan il-MIRD u rritornaw l-imsemmi MIRD lir-rappreżentanti tal-appellanti. Sussegwentement, huma għamlu tliet kopji-immaġni tal-hard drive tal-kompjuter ta’ J., u kull waħda minnhom ġiet irreġistrata fuq tliet MIRD separati. L-ispetturi taw wieħed mit-tliet MIRD lir-rappreżentanti tal-appellanti u qiegħdu t-tnejn l-oħra f’enveloppi ssiġillati li huma ħadu lura lejn Brussell wara li ħadu nota tal-fatt li l-appellanti kienu qegħdin jikkontestaw il-leġittimità ta’ din il-proċedura. Huma indikaw li l-enveloppi ssiġillati kienu ser jinfetħu biss fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-appellanti.

19

L-enveloppi ssiġillati li kien fihom il-MIRD, li tneħħew mill-ispetturi, ġew miftuħa fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2009, fil-preżenza tal-avukati tal-appellanti. Id-dokumenti rreġistrati fuq dawn il-MIRD ġew eżaminati u l-ispetturi stampaw dawk li huma qiesu bħala rilevanti għall-investigazzjoni. It-tieni kopja stampata ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll lista ta’ dawn id-dokumenti ngħataw lill-avukati tal-appellanti. L-eżami tad-data kollha rreġistrata fuq il-MIRD inkwistjoni ħa tmint ijiem ta’ xogħol u ġie kkompletat fil-11 ta’ Marzu 2009. L-uffiċċju li fih id-dokumenti u l-MIRD ġew eżaminati ġie ssiġillat fi tmiem kull jum ta’ xogħol, fil-preżenza tal-avukati tal-appellanti, u miftuħ mill-ġdid l-għada, dejjem fil-preżenza tagħhom. Fi tmiem dawn l-operazzjonijiet, il-hard drives tal-kompjuters li fuqhom kienu ħadmu l-ispetturi tal-Kummissjoni ġew imħassra.

20

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2009 u rreġistrat taħt in-numru T‑135/09, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż b’mod partikolari sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u tiddikjara illegali d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissekwestra kopji ta’ ċerti fajls informatiċi u tal-hard drive tal-kompjuter ta’ J. sabiex teżaminahom sussegwentement fl-uffiċċji tagħha fi Brussell.

21

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, sa fejn hija kienet tikkonċerna kejbils tal-elettriku oħra għajr il-kejbils tal-elettriku ta’ taħt il-baħar u ta’ taħt l-art b’vultaġġ għoli u l-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils, u ċaħdet ir-rikors għall-bqija. Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-appellanti kontra din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

22

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti u 24 kumpannija oħra kienu pparteċipaw f’akkordju (iktar ’il quddiem l-“akkordju”), li kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) fis-settur tal-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli (ħafna) ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt il-baħar (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”).

23

Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkonsisti minn żewġ konfigurazzjonijiet prinċipali li kienu jifformaw unità komposta, jiġifieri:

konfigurazzjoni li kienet tiġbor l-impriżi Ewropej, ġeneralment imsejħa “membri R”, l-impriżi Ġappuniżi, indikati bħala “membri A”, u l-impriżi tal-Korea t’Isfel, indikati bħala “membri K”, u li kienet tagħmilha possibbli li jintlaħaq l-għan ta’ allokazzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn il-produtturi Ewropej, tal-Ġappun u tal-Korea t’Isfel (iktar ’il quddiem il-“konfigurazzjoni A/R”). Din l-allokazzjoni kienet issir abbażi ta’ ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, li skontu l-produtturi tal-Ġappun u tal-Korea t’Isfel kienu jastjenu milli jidħlu f’kompetizzjoni għal proġetti li jiżvolġu fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jimpenjaw ruħhom li jibqgħu barra mis-swieq tal-Ġappun u tal-Korea t’Isfel. Barra minn hekk, kien hemm ukoll l-allokazzjoni ta’ proġetti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jiġifieri l-bqija tad-dinja, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-Istati Uniti;

konfigurazzjoni li kienet tinvolvi l-allokazzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej għal proġetti li kellhom jitwettqu fit-territorju “nazzjonali” Ewropew jew allokati lil produtturi Ewropej (iktar ’il quddiem il-“konfigurazzjoni Ewropea”).

24

Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, Nexans France pparteċipat fl-akkordju mit-13 ta’ Novembru 2000 sat-28 ta’ Jannar 2009. Nexans ġiet miżmuma responsabbli għall-ksur inkwistjoni inkwantu kumpannija omm ta’ Nexans France għall-perijodu bejn it-12 ta’ Ġunju 2001 u t-28 ta’ Jannar 2009.

25

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-metodoloġija esposta fil-Linji Gwida tal-2006.

26

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-imsemmija multi, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Sussegwentement, hija ffissat il-proporzjon ta’ dan il-valur tal-bejgħ li tirrifletti l-gravità tal-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li dan il-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni, li kien jiġġustifika “koeffiċjent ta’ gravità” ta’ 15 %. B’mod simili, hija applikat żieda ta’ 2 % fuq il-koeffiċjent ta’ gravità għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-parti tas-suq aggregata kif ukoll minħabba l-portata ġeografika ta’ livell kważi dinji tal-akkordju, li jkopri, fost l-oħrajn, it-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

27

Minbarra dan, il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-impriżi Ewropej kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, peress li, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konfigurazzjoni A/R, l-impriżi Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils fil-kuntest tal-konfigurazzjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, hija ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tirrifletti l-gravità tal-ksur għal 19 % għall-impriżi Ewropej u għal 17 % għall-impriżi l-oħra. L-ammont bażiku stabbilit b’dan il-mod, f’dak li jirrigwarda lil Nexans France, kien tela’ għal EUR 70670000.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni la kkonstatat ċirkustanzi aggravanti u lanqas ċirkustanzi attenwanti f’dak li jirrigwarda lill-appellanti.

29

Skont l-Artikolu 2(ċ) u (d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet, minn naħa, multa ta’ EUR 4903000 fuq Nexans France, għall-perijodu bejn it-13 ta’ Novembru 2000 u l-11 ta’ Ġunju 2001, u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 65767000 fuq Nexans France, in solidum ma’ Nexans, għall-perijodu bejn it-12 ta’ Ġunju 2001 u t-28 ta’ Jannar 2009.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

30

B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2014, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn hija kienet tikkonċernahom, u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom.

31

Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti qajmu quddiem il-Qorti Ġenerali żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, it-tieni nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni rigward id-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju. Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom, l-appellanti invokaw, minbarra l-iżball tal-Kummissjoni rigward it-tul ta’ żmien tal-ksur inkwistjoni, ikkontestat fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, motiv speċifiku, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

32

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

33

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ bażi legali tal-miżuri ta’ spezzjoni meħuda mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li, bil-kontra ta’ dak li kienu sostnew l-appellanti, mill-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ma kienx jirriżulta li s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu jew li tikseb kopja ta’, jew estratt minn, kotba u dokumenti professjonali ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ spezzjoni kienet limitata għall-kotba u għad-dokumenti professjonali li hija tkun diġà eżaminat. Tali interpretazzjoni tista’, barra minn hekk, tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 20(2)(b) tal-imsemmi regolament, sa fejn, f’ċerti ċirkustanzi, l-eżami tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriża jista’ jeżiġi l-għemil minn qabel ta’ kopji tal-imsemmija kotba jew dokumenti professjonali jew li jiġi ssemplifikat, bħal f’dan il-każ, permezz ta’ dan l-ikkopjar. Skont il-Qorti Ġenerali, peress li l-għemil tal-kopja-immaġni tal-hard drive tal-kompjuter ta’ J. u ta’ kopji ta’ settijiet ta’ posta elettronika li nstabet fl-imsemmi kompjuter u f’dak ta’ R. kien jagħmel parti mill-użu minn software ta’ investigazzjoni informatika mill-ispetturi, li l-għan tiegħu kien li titfittex l-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni, l-għemil ta’ dawn il-kopji kien jaqa’ taħt is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

34

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li kienu sostnew l-appellanti, l-ispetturi ma kinux qiegħdu direttament fil-fajl ta’ investigazzjoni d-dokumenti inklużi fil-kopji tas-settijiet ta’ posta elettronika li nstabet fil-kompjuter ta’ R. u dak ta’ J. kif ukoll fil-kopja-immaġni tal-hard drive ta’ dan il-kompjuter imsemmi l-aħħar mingħajr ma kienu vverifikaw minn qabel ir-rilevanza tagħhom fid-dawl tas-suġġett tal-ispezzjoni inkwistjoni.

35

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix li l-eżami tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi li huma s-suġġett tal-ispezzjoni għandu jsir esklużivament fil-bini tagħhom jekk, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-imsemmija spezzjoni ma setgħetx tiġi kkompletata fiż-żmien previst inizjalment. Huwa sempliċement jobbliga lill-Kummissjoni tosserva, waqt l-eżami tad-dokumenti fil-bini tagħha, l-istess garanziji fir-rigward ta’ dawn l-impriżi bħal dawk li hija għandha tosserva meta hija tagħmel eżami fuq il-post, kif kien il-każ hawnhekk.

36

It-tieni nett, il-Kummissjoni lanqas ma marret kontra l-portata tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, peress li din tal-aħħar ma kinitx teskludi l-possibbiltà li l-Kummissjoni għandha sabiex tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha, fi Brussell, u peress li l-appellanti ma kinux sostnew li t-tul ta’ żmien ta’ din l-ispezzjoni kien qabeż tul ta’ żmien raġonevoli.

37

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni la kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u lanqas l-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 jew l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

38

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkunsidrat id-data tat-13 Novembru 2000 bħala dik li tindika l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur inkwistjoni.

39

Il-ħames nett, fir-rigward tat-talbiet tal-appellanti intiżi sabiex huma jiksbu tnaqqis fl-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti tal-appellanti ma kinux tali li jiġġustifikaw tnaqqis ta’ dan l-ammont. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-argument tal-appellanti li jgħid li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn, minn naħa, l-impriżi Ewropej u, min-naħa l-oħra, l-impriżi Ġappuniżi f’dak li jirrigwarda l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użata sabiex tiġi riflessa l-gravità tal-ksur tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet intitolata li tikkunsidra li t-tqassim tal-proġetti fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, mill-impriżi Ewropej, kien jikkostitwixxi element supplimentari li kien jistħoqqlu li jiġi ssanzjonat b’perċentwali addizzjonali sabiex tiġi riflessa l-gravità tal-ksur.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tikkonċernahom;

tnaqqas il-multi li kienu ġew imposti fuqhom b’ammont li jikkorrispondi għal koeffiċjent ta’ gravità mnaqqas; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

41

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u, f’kull każ, ineffettiv u/jew kompletament infondat; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-ewwel istanza.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

42

Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-12 ta’ Marzu 2020 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

43

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2020, l-appellanti talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, huma jinvokaw il-fatt li l-Qorti Ġenerali għamlet, permezz ta’ digriet adottat fl-4 ta’ Mejju 2020, ir-rettifika fil-punt 156 tas-sentenza appellata, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Ingliża.

44

Skont l-appellanti, din ir-rettifika tikkostitwixxi fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li għandu x’jaqsam mar-raba’ aggravju tagħhom.

45

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li jkun tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li r-rettifika fil-punt 156 tas-sentenza appellata ma hijiex determinanti għall-evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tar-raba’ aggravju tal-appellanti.

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

48

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji. L-ewwel tliet aggravji jirrigwardaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-argumenti tagħhom marbuta mal-iżvolġiment tal-ispezzjoni inkwistjoni u l-aħħar żewġ aggravji jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kalkolu tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar speċifiku, ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-allegata assenza ta’ effetti tal-ksur inkwistjoni. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward taż-żieda bi 2 % fil-koeffiċjent ta’ gravità applikata f’dak li jirrigwarda l-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn hija tikkonferma li l-Kummissjoni kienet intitolata tagħmel il-kopja-immaġni ta’ hard drive u kopji ta’ settijiet ta’ posta elettronika, mingħajr ma wettqet minn qabel eżami serju ta’ dawn id-dokumenti. Dan l-aggravju jirrigwarda l-punti 53 sa 56 u 97 tas-sentenza appellata.

50

L-ewwel nett, huma biss il-kotba u d-dokumenti li jkunu ġew eżaminati minn qabel minn spettur b’mod konformi mal-Artikolu 20(2)(b) ta’ dan ir-regolament li jistgħu jiġu kkopjati. Xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli sempliċement tikkopja d-dokumenti u l-fajls li jidhrilha li huma rilevanti għall-investigazzjoni pjuttost milli tagħmel kopja ta’ hard drive sħiħ.

51

It-tieni nett, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi ċerta sekwenza tad-diversi stadji deskritti f’din id-dispożizzjoni. Qabel kollox, l-ispetturi tal-Kummissjoni jidħlu fil-bini tal-impriża kkonċernata. Imbagħad, huma jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħra li jidhrilhom li huma rilevanti għall-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, huma jistgħu jieħdu kopji ta’ dawn id-dokumenti. L-eżami mwettaq fil-kuntest ta’ dan il-proċess huwa essenzjali, sa fejn huwa jippermetti f’dan l-istadju lill-ispetturi tal-Kummissjoni jivverifikaw jekk id-dokumenti jistgħux ikunu ta’ interess għall-investigazzjoni. Billi tikkopja d-data kollha kemm hi mingħajr eżami tal-imsemmija data minn qabel minn wieħed mill-ispetturi tagħha, il-Kummissjoni tista’ tikkopja wkoll dokumenti koperti mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu.

52

It-tielet nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sa fejn huma jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni.

53

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli, għaliex huwa intiż, bl-eċċezzjoni ta’ argument wieħed, sabiex iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-argumenti li l-appellanti ssottomettew quddiem il-Qorti Ġenerali. L-argument supplimentari tal-appellanti li jgħid li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, jista’ jkollu bħala riżultat li din tal-aħħar tieħu kopji ta’ dokumenti koperti mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu huwa inammissibbli minħabba li ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv, għaliex huwa bbażat fuq qari parzjali tas-sentenza appellata, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet prinċipali tal-Qorti Ġenerali fil-punti 52, 58 u 59 ta’ dik is-sentenza, jew infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tisfa mingħajr parti mis-sens tagħha (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

55

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti rigward il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li argument ikun ammissibbli meta huwa jespandi fuq argument imqajjem preċedentement fir-rikors promotur u jkun marbut mill-qrib ma’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Roca Sanitario vs Il-Kummissjoni, C‑636/13 P, EU:C:2017:56, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, peress li s-suġġett huwa kunsiderazzjoni mressqa mill-appellanti insostenn tal-argument tagħhom li l-Kummissjoni tista’ tieħu kopji biss ta’ kotba u ta’ dokumenti li hija tkun diġà eżaminat.

56

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi osservat qabel kollox li huwa minnu li l-appellanti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 52, 58 u 59 tas-sentenza appellata. Skont dawn il-konstatazzjonijiet, minn naħa, l-għemil ta’ kopja-immaġni ta’ hard drive ta’ kompjuter u ta’ kopja ta’ data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali, fil-kuntest tal-użu minn software ta’ investigazzjoni informatika tal-Kummissjoni, jikkostitwixxi, essenzjalment, stadju intermedju intiż sabiex jippermetti lill-ispetturi jfittxu dokumenti li jkunu rilevanti għall-ispezzjoni. Min-naħa l-oħra, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qegħditx direttament fil-fajl tal-investigazzjoni d-dokumenti li jinsabu fil-kopji ta’ settijiet ta’ posta elettronika misjuba fil-kompjuter ta’ R. u f’dak ta’ J. kif ukoll fil-kopja-immaġni tal-hard drive ta’ dan il-kompjuter imsemmi l-aħħar mingħajr ma vverifikat minn qabel ir-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-ispezzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-fatt li l-appellanti ma kkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jimplikax, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, l-imsemmija konstatazzjonijiet ma humiex suffiċjenti, inkwantu tali, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha s-setgħa li tagħmel tali kopji.

57

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li tali setgħa tirriżulta mill-Artikolu 20(2)(b) jew (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kemm mill-kliem tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-kuntest tiegħu, jirriżulta li, billi awtorizza lill-Kummissjoni, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex “[t]ieħu jew [t]ikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti” tal-kotba kif ukoll tad-dokumenti professjonali l-oħra msemmija fl-Artikolu 20(2)(b) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien qiegħed jirreferi għall-provi li l-Kummissjoni hija intitolata li tikseb sabiex tqegħedom fil-fajl u, fejn ikun il-każ, tużahom fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex jiġi ssanzjonat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, dak li huwa inkluż huma dokumenti koperti mis-suġġett tal-ispezzjoni, li jippreżupponi li l-Kummissjoni tkun ivverifikat minn qabel li dan kien il-każ.

59

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet intitolata tagħmel kopji ta’ settijiet ta’ posta elettronika misjuba fil-kompjuter ta’ R. u f’dak ta’ J. kif ukoll il-kopja-immaġni tal-hard drive ta’ dan il-kompjuter imsemmi l-aħħar.

60

Madankollu, l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, li għalih tirreferi wkoll il-Qorti Ġenerali, u li jawtorizza lill-Kummissjoni teżamina l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, indipendentement mill-mezz li huma maħżuna fih, tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni tal-impriżi li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, jagħti bażi legali għall-għemil ta’ tali kopji.

61

Fil-fatt, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, billi llimita ruħu f’dan ir-rigward li jawtorizza lill-Kummissjoni tagħmel tali eżami, mingħajr ma speċifika f’iktar dettall is-setgħa mogħtija b’dan il-mod lill-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lil din l-istituzzjoni f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet konkreti tal-eżami li hija tista’ twettaq.

62

Il-Kummissjoni tista’, għaldaqstant, skont iċ-ċirkustanzi, tiddeċiedi li tagħmel l-eżami tad-data li tinsab fil-mezz ta’ data diġitali tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni mhux abbażi tal-oriġinal, iżda abbażi ta’ kopja ta’ din id-data. Fil-fatt, kemm fil-każ li hija teżamina d-data oriġinali kif ukoll fil-każ li hija tanalizza l-kopja ta’ din id-data, hija l-istess data li hija s-suġġett tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex rilevanti l-argument tal-appellanti li jgħid li l-possibbiltà li jsiru tali kopji ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

63

Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, id-dritt tal-Kummissjoni li tagħmel kopji ta’ settijiet ta’ posta elettronika u l-kopja-immaġni ta’ hard drive ta’ kompjuter, inkwantu stadju intermedju fil-kuntest tal-eżami tad-data li tinsab f’dawn is-settijiet u fuq dan il-mezz, ma jikkostitwixxix setgħa supplimentari mogħtija lill-Kummissjoni, iżda, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata, huwa jagħmel parti mis-setgħa ta’ eżami li l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lil din l-istituzzjoni.

64

Fit-tieni lok, minkejja li effettivament hija ġurisprudenza stabbilita li s-setgħat ta’ verifika mogħtija lill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni huma ddefiniti b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan ma jfissirx madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 61 u 62 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħat ta’ verifika lill-imsemmija istituzzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, minkejja li hemm lok, minn din il-perspettiva, li jiġi żgurat li l-imsemmija setgħat ma jiksrux id-drittijiet tal-impriżi kkonċernati. Dawn id-drittijiet huma ggarantiti meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-Kummissjoni tikkopja data, effettivament, mingħajr eżami minn qabel, iżda mbagħad tivverifika, b’rispett strett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, jekk din id-data hijiex rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni, qabel ma tqiegħed fil-fajl id-dokumenti li huma meqjusa rilevanti f’dan ir-rigward u tħassar id-data l-oħra li tkun ġiet ikkopjata.

65

Għaldaqstant, id-dritt tal-Kummissjoni li tagħmel tali kopji la jaffettwa l-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas id-drittijiet l-oħra tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, sakemm il-Kummissjoni, wara li tkun ikkompletat l-eżami tagħha, tqiegħed fil-fajl biss id-dokumenti li huma rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, dan kien il-każ hawnhekk.

66

Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tuża software ta’ investigazzjoni informatika li jeżiġi pass minn qabel imsejjaħ “indiċjar”, li ġeneralment jieħu żmien kunsiderevoli. L-istess jgħodd fir-rigward tal-istadju ta’ wara ta’ dan il-proċess ta’ pproċessar tal-informazzjoni, li matulu l-Kummissjoni teżamina din id-data, kif juru, barra minn hekk, il-fatti f’dan il-każ. Huwa, għaldaqstant, fl-interess mhux biss tal-Kummissjoni iżda wkoll tal-impriża kkonċernata li din l-istituzzjoni tibbaża ruħha, sabiex tagħmel l-eżami tagħha, fuq kopja ta’ din id-data, biex b’hekk tippermetti lil din l-impriża tkompli tuża d-data oriġinali kif ukoll il-mezzi li fuqhom tinsab din id-data ladarba tkun saret din il-kopja u, għalhekk, jitnaqqas b’dan il-mod l-indħil fil-funzjonament ta’ din l-impriża kkawżat mill-ispezzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-kliem tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu miċħuda.

68

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni u t-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Bit-tieni aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 60 sa 64 tas-sentenza appellata, l-appellanti jallegaw li din hija vvizzjata bi żball ta’ liġi rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn hija tikkonferma li l-Kummissjoni kellha d-dritt tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha fi Brussell. Skont l-appellanti, minn interpretazzjoni letterali u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija ma tawtorizzax lill-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet fil-bini proprju tagħha u li dawn għandhom isiru fil-bini tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata.

70

L-ewwel nett, mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta b’mod ċar li s-suġġett huwa spezzjonijiet tal-“impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża”. L-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament jispeċifika s-setgħat li għandhom l-ispetturi tal-Kummissjoni sabiex jagħmlu tali spezzjonijiet, inkluż id-dritt li jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezzi ta’ trasport “ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża”, skont l-Artikolu 20(2)(a) tal-istess regolament. Is-setgħat l-oħra, jiġifieri li jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħra, li jieħdu kopji ta’ dokumenti, li jissiġillaw il-bini, il-kotba jew id-dokumenti, u li jinterrogaw lill-impjegati tal-impriża, jagħmlu parti integrali minn din l-ispezzjoni u għaldaqstant għandhom jiġu eżerċitati fil-bini tal-impriża li hija s-suġġett tal-imsemmija spezzjoni.

71

It-tieni nett, jekk l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-“eżami” magħmul abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat b’dan il-mod, il-Kummissjoni jkollha wkoll is-setgħa, skont l-Artikolu 20(2)(e) ta’ dan ir-regolament, li tinterroga lir-rappreżentanti tal-impriża kkonċernata f’postijiet oħra għajr il-bini ta’ din tal-aħħar jew, skont l-Artikolu 20(2)(b) jew (ċ) tal-imsemmi regolament, li teżamina u li tikkopja dokumenti miżmuma minn terzi, bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna ta’ data mill-bogħod, mingħajr ma tidħol fil-bini tal-impriża. Madankollu huwa evidenti li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ verifika daqstant kbar. Tali interpretazzjoni stretta hija kkonfermata mill-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, li jgħid li deċiżjoni speċifika hija meħtieġa għall-ispezzjoni ta’ bini ieħor. Kieku l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 kien jippermetti l-eżami ta’ kotba u ta’ dokumenti oħra barra mill-bini tal-impriża, l-Artikolu 21(4) ta’ dan ir-regolament ma jkun tal-ebda utilità.

72

It-tielet nett, ma jistax jitqies li l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill-Kummissjoni, b’mod impliċitu, li teżamina d-dokumenti barra mill-bini tal-impriża kkonċernata, peress li tali setgħa ma hijiex indispensabbli sabiex tippermetti lill-Kummissjoni teżerċita b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħha skont ir-Regolament Nru 1/2003 u peress li, fl-assenza ta’ din is-setgħa, l-ispezzjoni tal-bini ma tkunx madankollu impossibbli, u lanqas kunsiderevolment iktar diffiċli. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-ispetturi setgħu jestendu b’xi jiem it-tul ta’ żmien tal-ispezzjoni inkwistjoni, b’mod li jeżaminaw id-dokumenti kollha fuq il-post u jissekwestraw biss dawk li kienu rilevanti. L-iktar l-iktar, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ konvenjenza u ta’ dak li huwa opportun mil-lat amministrattiv f’dan ir-rigward.

73

Ir-raba’ nett, il-garanziji apparenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali rigward l-iżvolġiment tal-proċedura fi Brussell ma għandhomx x’jaqsmu mal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha.

74

Bit-tielet aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 67 u 72 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kuntest ġeografiku tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Skont interpretazzjoni letterali u kuntestwali, ir-referenza, f’din id-deċiżjoni, għall-postijiet ikkontrollati mill-appellanti timponi, biċ-ċar, limitu fuq l-ispezzjonijiet awtorizzati taħt l-imsemmija deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq spezzjoni f’postijiet oħra għajr dawk tal-impriża inkwistjoni kellha tiġi adottata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003 u suġġetta għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

75

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Bit-tieni u t-tielet aggravju tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha fi Brussell.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, effettivament, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li spezzjoni għandha tibda u għandha, fil-prinċipju, titkompla, kif jipprevedi l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, “[f]l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża”, u li huwa għal din ir-raġuni li, minn naħa, l-Artikolu 20(2)(a) tal-imsemmi regolament jawtorizza lill-Kummissjoni “[tidħol] f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport” ta’ dawn tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika, fi żmien xieraq qabel l-ispezzjoni, lill-awtorità għall-kompetizzjoni tal-Istat Membru “li fit-territorju tiegħu qed isseħħ [l-ispezzjoni]”. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet tobbliga lill-appellanti jissottomettu ruħhom għal spezzjoni “fil-bini kollu kkontrollat” minnhom.

78

Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali osservat, ġustament, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistabbilixxix, kif jallegaw l-appellanti, li l-eżami tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni għandu jsir esklużivament fil-bini tagħhom, fiċ-ċirkustanzi kollha.

79

L-istess jgħodd fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li sempliċement ipprevediet li l-ispezzjoni inkwistjoni setgħet issir fil-bini kollu kkontrollat mill-appellanti.

80

Kif l-Avukat Ġenerali osservat, essenzjalment, fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tkomplija ta’ tali eżami fil-bini tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix, inkwantu tali, u meta mqabbla ma’ eżami mwettaq fil-bini nnifsu tal-impriżi li jkunu s-suġġett ta’ spezzjoni, dannu supplimentari għad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar, li jkun jeżiġi li tali possibbiltà, għall-Kummissjoni, tkun prevista b’mod espliċitu, mingħajr ma tkun tista’ tiġi dedotta b’mod impliċitu mis-setgħat mogħtija lil din l-istituzzjoni permezz tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-fatt li, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà li l-eżami jitkompla fil-bini tal-Kummissjoni ma hijiex indispensabbli sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq l-imsemmi eżami ma jfissirx li tali possibbiltà hija eskluża fiċ-ċirkustanzi kollha.

81

Fil-fatt, raġunijiet leġittimi jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni, ukoll fl-interess tal-impriżi kkonċernati, sabiex tiddeċiedi li tkompli, fil-bini tagħha fi Brussell, l-ispezzjoni tad-data li hija tkun ġabret fl-impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, li ż-żmien neċessarju għall-ipproċessar ta’ data elettronika jista’ jirriżulta kunsiderevoli. Issa, jekk il-Kummissjoni tiġi mġiegħla twettaq l-ipproċessar ta’ tali data esklużivament fil-bini tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, meta d-data tkun partikolarment voluminuża, dan jista’ jkollu bħala konsegwenza li jtawwal it-tul ta’ żmien tal-preżenza tal-ispetturi fil-bini ta’ din l-impriża, li jkollu mnejn jippreġudika l-effettività tal-ispezzjoni u jżid bla bżonn l-indħil fil-funzjonament tal-imsemmija impriża minħabba l-ispezzjoni.

82

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 61 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni li, waqt l-eżami tal-kopja‑immaġni tal-hard drive tal-kompjuter ta’ J. u tal-kopji tas-settijiet ta’ posta elettronika misjuba fl-imsemmi kompjuter kif ukoll f’dak ta’ R., imwettaq fil-bini ta’ din tal-aħħar fi Brussell, aġixxiet b’mod differenti minn kif kieku kienet taġixxi kieku dan l-eżami sar fil-bini tal-appellanti. Fil-fatt, l-appellanti ma jikkontestawx li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fil-bini tagħha fi Brussell sar b’rispett strett tad-drittijiet tagħhom tad-difiża, peress li l-Kummissjoni ggarantixxiet, tul il-perijodu kollu tal-ispezzjoni inkwistjoni, il-protezzjoni tad-data kkonċernata u qiegħdet fil-fajl biss dawk id-dokumenti li hija żgurat ruħha minn qabel li kienu rilevanti għall-finijiet ta’ din l-ispezzjoni.

83

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 li tgħid li l-Kummissjoni tista’, fejn xieraq, tkompli, fil-bini tagħha fi Brussell, l-eżami li hija tkun validament bdiet fil-bini tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li huma s-suġġett tal-ispezzjoni, ma hijiex ikkontestata bl-argument tal-appellanti li jgħid li tali interpretazzjoni tkun tfisser li s-setgħa, prevista permezz tal-Artikolu 20(2)(e) ta’ dan ir-regolament, li tinterroga r-rappreżentanti tal-impriża kkonċernata tista’ tiġi eżerċitata wkoll mill-Kummissjoni f’postijiet oħra għajr il-bini ta’ din l-impriża. Għandu jitfakkar li din it-tilwima tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx illegalità meta kompliet l-eżami tal-kotba u tad-dokumenti professjonali l-oħra ta’ impriża, abbażi tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-bini tagħha fi Brussell, u mhux l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 20(2)(e) ta’ dan ir-regolament.

84

L-argument tal-appellanti li jgħid li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li teżamina u tikkopja dokumenti miżmuma minn terzi, li jinsabu barra mill-bini tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tkompli, fil-bini tagħha fi Brussell, l-eżami li hija tkun bdiet fil-bini tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk din l-istituzzjoni hijiex intitolata, abbażi tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, li teżamina u tikkopja dokumenti miżmuma minn terzi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni tkompli spezzjoni fil-bini proprju tagħha jfisser li din hija tkomplija tal-istess spezzjoni, mibdija fil-bini ta’ tali impriża, u mhux eżami ġdid, għand terz.

85

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 mogħtija fil-punt 83 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata permezz tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirreferi, fir-rigward tal-ispezzjoni ta’ bini ieħor għajr dak tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, għas-setgħat tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 20(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, jisfa mingħajr sens jekk minn dan l-Artikolu 20 jiġi dedott li l-imsemmija istituzzjoni hija awtorizzata tispezzjona dokumenti barra mill-bini ta’ din l-impriża. Fil-fatt, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003 jirrigwarda sitwazzjoni kompletament differenti minn dik imsemmija mill-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tagħmel spezzjonijiet f’bini ieħor għajr il-bini professjonali tal-impriża kkonċernata, bħad-domiċilju jew il-mezzi ta’ trasport tal-persunal ta’ din, meta jkun hemm suspett raġonevoli li jkun hemm miżmuma hemmhekk kotba jew dokumenti professjonali oħra marbuta mal-qasam li huwa s-suġġett tal-ispezzjoni u li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi pprovat ksur serju tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

86

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li s-setgħat ta’ verifika li l-Kummissjoni għandha fil-qasam tal-kompetizzjoni huma ddefiniti b’mod strett, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, dan ma jfissirx madankollu li dawn is-setgħat għandhom jiġu interpretati b’mod strett, li jkun jippreġudika l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn is-setgħat, f’ċerti ċirkustanzi, u jneħħi b’dan il-mod l-effettività tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

87

Madankollu għandu jiġi speċifikat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 78 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà, abbażi tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, li tkompli, fil-bini tagħha fi Brussell, l-eżami tagħha tal-kotba u tad-dokumenti professjonali l-oħra tal-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni, biss meta hija tista’ tqis b’mod leġittimu li hija ġġustifikata tagħmel hekk fl-interess tal-effettività tal-ispezzjoni jew sabiex tevita ndħil eċċessiv fil-funzjonament tal-impriża kkonċernata.

88

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, imfakkra essenzjalment fil-punti 14 sa 19 ta’ din is-sentenza, l-ispetturi tal-Kummissjoni qattgħu erbat ijiem b’kollox fil-bini ta’ Nexans France, jiġifieri mit-28 sat-30 ta’ Jannar 2009, imbagħad fit-3 ta’ Frar 2009. Huma għamlu kopja ta’ ċerta data u qegħduha f’MIRD li tqiegħdu f’enveloppi ssiġillati u meħuda fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell. Sussegwentement, l-eżami tad-data kollha rreġistrata fuq il-MIRD meħuda fi Brussell, fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ Nexans, ħa tmint ijiem ta’ xogħol, mit-2 sal-11 ta’ Marzu 2009, li jimplika li, fil-mument li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha fi Brussell, kien hemm volum partikolarment kbir ta’ data diġitali li kienet għadha trid tiġi eżaminata.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx illegalità meta ddeċidiet li tkompli l-ispezzjoni inkwistjoni fil-bini tagħha fi Brussell. Fil-fatt, fid-dawl tal-elementi fattwali kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet, b’mod leġittimu, tqis li kien iġġustifikat li din l-ispezzjoni titkompla fil-bini tagħha fi Brussell, biex b’hekk jiġi evitat li jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-preżenza tal-ispetturi fil-bini ta’ Nexans, fl-interess tal-effettività tal-ispezzjoni u sabiex jiġi evitat indħil eċċessiv fil-funzjonament ta’ din l-impriża.

90

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà li għandha l-Kummissjoni sabiex tkompli l-eżami tagħha tal-kotba u tad-dokumenti professjonali l-oħra ta’ impriża, abbażi tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-bini tagħha fi Brussell hija suġġetta għall-konstatazzjoni li tali tkomplija ma twassal għal ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u ma tikkostitwixxix preġudizzju supplimentari għad-drittijiet tal-impriżi kkonċernati, meta mqabbel ma’ dak li huwa inerenti fit-twettiq ta’ spezzjoni fil-bini ta’ dawn l-impriżi. Tali preġudizzju għandu jiġi kkonstatat jekk it-tkomplija ta’ dan l-eżami fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell tkun tikkawża għall-impriża li tkun is-suġġett tal-ispezzjoni spejjeż supplimentari li jirriżultaw mis-sempliċi fatt ta’ din it-tkomplija. Għaldaqstant, meta din tal-aħħar tista’ tagħti lok għal tali spejjeż supplimentari, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi biha biss bil-kundizzjoni li hija taċċetta li tirrimborsa dawn l-ispejjeż meta tiġi mressqa quddiemha talba debitament motivata f’dan is-sens mill-impriża kkonċernata.

91

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

92

Bir-raba’ aggravju tagħhom, li jirreferi għall-punti 156 u 157 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi rigward il-konsegwenzi li kellhom jiġu dedotti mill-assenza ta’ effetti tal-ksur inkwistjoni. L-appellanti jsostnu li, fir-rikors promotur, huma spjegaw, fid-dettall, ir-raġuni għalfejn huma qiesu li l-maġġoranza tal-bejgħ kopert mill-ksur inkwistjoni ma kienx ġie affettwat minn dan il-ksur. Minkejja li l-Qorti Ġenerali ma kkontestatx dawn l-ispjegazzjonijiet, hija rrifjutat li tqis li l-assenza ta’ effetti kienet fattur determinanti fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, u dan għas-sempliċi raġuni li l-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006 allegatament ma jeżiġix li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Issa, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta b’dawn il-linji gwida meta hija tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni proprja tagħha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija għaldaqstant ivvizzjata bir-rifjut ta’ din li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tevalwa l-livell tal-multa ffissata mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

93

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C 99/17 P, EU:C:2018:773), li wassalha sabiex tannulla s-sentenza li kienet tat lok għal dak l-appell, jista’ jiġi traspost għal dan il-każ.

94

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95

Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni tkun evalwat, f’kull każ partikolari, il-gravità tal-aġir illeċitu. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali tkun ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali tkunx irrispondiet b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għal tħassir tal-multa jew għal tnaqqis tal-ammont ta’ din (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128, u tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 192).

96

Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni sħiħa, mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, tawtorizzaha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Fit-tielet lok, minkejja li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u minkejja li l-proċedura hija kontradittorja, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma huwiex fi proporzjon mal-gravità u mat-tul ta’ żmien tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-KummissjoniC‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 194195 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98

Madankollu, bil-kontra ta’ dak li huwa sostnut mill-appellanti, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet dan l-obbligu.

99

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma qisitx b’mod espliċitu li l-argumenti tal-appellanti li jirreferu għall-allegata assenza ta’ effetti tal-ksur inkwistjoni ma setgħux iwassluha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tnaqqas il-multi li kienu ġew imposti fuq dawn tal-aħħar fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni mogħtija b’mod espliċitu lill-qorti tal-Unjoni mil-leġiżlatur, huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell li fiha r-realtà ta’ tali eżerċizzju tkun ikkontestata minn parti, li l-Qorti Ġenerali tkun effettivament eżerċitat tali ġurisdizzjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

100

Madankollu, mis-sentenza appellata jirriżulta li, b’mod impliċitu iżda ċert, il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u waslet għall-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

101

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-appelli, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, sakemm hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-motivi li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuqhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41, u tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il-Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

F’dan il-każ, fil-punti 138 sa 188 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi talbiet tal-appellanti intiżi għall-ksib ta’ tnaqqis fl-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, il-Qorti Ġenerali, mill-bidu ta’ dan l-eżami, fil-punt 138 ta’ dik is-sentenza, fakkret li l-istħarriġ ta’ legalità li hija marbuta li tagħmel f’dan ir-rigward huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fit-twettiq ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

104

Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-allegata assenza ta’ effetti tal-ksur inkwistjoni, li ġew eżaminati fil-punti 156 u 157 tas-sentenza appellata, huwa minnu li, fil-punt 156 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-kliem innifsu tal-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt, jew l-assenza ta’ impatt, konkret tal-ksur fuq is-suq inkwantu fattur aggravanti jew attenwanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Din il-kunsiderazzjoni tista’ tagħti l-impressjoni li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, f’dan ir-rigward, għas-sempliċi kompitu tagħha li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Linji Gwida. Madankollu, minkejja li huma vinkolanti għall-Kummissjoni nnifisha, sa fejn din timponi fuqha nnifisha, b’dan il-mod, restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211), il-Linji Gwida tal-2006 ma humiex, min-naħa l-oħra, mandatorji għall-qorti tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha msemmija fil-punt 96 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:810, punti 102103), minkejja li tista’ leġittimament tiddeċiedi li tispira ruħha minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Aloys F. Dornbracht vs Il-KummissjoniC‑604/13 P, EU:C:2017:45, punt 75).

105

Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kompliet ir-raġunament tagħha billi kkonstatat li huwa suffiċjenti li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, stabbilit mill-Kummissjoni, ikun iġġustifikat b’elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont il-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006, bħan-natura nnifisha tal-ksur, il-parti tas-suq aggregata tal-partijiet kollha kkonċernati u l-portata ġeografika tiegħu. Issa, dawn huma preċiżament l-elementi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom, f’dan il-każ, sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur inkwistjoni, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 145 tas-sentenza appellata.

106

Billi rreferiet għal dawn l-elementi f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeċidiet, b’mod impliċitu iżda neċessarju, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-allegata assenza ta’ effetti tal-ksur inkwistjoni ma setgħetx, minħabba dawn l-elementi l-oħra, twassalha sabiex tnaqqas il-multi li kienu ġew imposti fuq l-appellanti fid-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li hija kkonkludiet minn dan, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-argumenti rigward l-allegata assenza ta’ effetti kellhom jiġu miċħuda.

107

Għandu jingħad ukoll li dan il-qari tas-sentenza appellata huwa neċessarju sew jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-verżjoni inizjali tal-punt 156 ta’ dik is-sentenza jew dik li tirriżulta mid-digriet ta’ rettifika tal-4 ta’ Mejju 2020.

108

Dan il-każ huwa distint minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773), fejn il-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tagħti kwalunkwe risposta għal argument tal-appellanti rigward l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

109

Il-fatt li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-fatt li, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, din waslet għall-konklużjoni li t-talba tal-appellanti sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom kellha tiġi miċħuda minħabba li, minn naħa, il-motivi u l-argumenti mqajma minn dawn insostenn ta’ din it-talba kienu ġew miċħuda u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm elementi, f’dan il-każ, tali li setgħu jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont ta’ dawn il-multi.

110

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

111

Bil-ħames aggravju tagħhom, li jirreferi għall-punti 180 sa 184 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, minħabba l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, il-Kummissjoni kellha raġun iżżid bi 2 % l-koeffiċjent ta’ gravità użat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’nuqqas ta’ motivazzjoni rigward sa fejn il-konfigurazzjoni Ewropea tista’ tikkawża dannu supplimentari lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha li tqis li ma hemmx dubju li l-konfigurazzjoni Ewropea żiedet id-dannu għall-kompetizzjoni, iktar u iktar għaliex il-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju kienet, b’mod ġenerali, implimentata b’mod sħiħ. Minbarra dan, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali rrikonoxxew li l-appellanti kienu ġabu provi li minnhom kien jirriżulta li l-bejgħ Ewropew kollu lill-klijenti Ewropej ma kienx affettwat.

112

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113

Għandu jiġi osservat li dan l-aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qieset li dawn tal-aħħar kienu pprovaw li l-ksur inkwistjoni ma kellux impatt fuq il-bejgħ Ewropew kollu. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li l-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet implikat impenn supplimentari ta’ tqassim ta’ proġetti li kien imur lil hinn mir-regoli ta’ allokazzjoni eżistenti fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm l-ebda dubju li l-qsim tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kien żied id-dannu għall-kompetizzjoni kkawżat fiż-ŻEE mill-konfigurazzjoni A/R tal-imsemmi akkordju, ma hija vvizzjata bl-ebda nuqqas ta’ motivazzjoni.

115

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-qsim tal-proġetti bejn l-impriżi Ewropej kien jikkostitwixxi dannu supplimentari għall-kompetizzjoni meta mqabbel ma’ dak li kien jirriżulta mill-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rabta mill-qrib li kienet teżisti bejn dawn iż-żewġ konfigurazzjonijiet ma kienet tbiddel xejn mill-fatt li l-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet tikkostitwixxi, min-natura nnifisha tagħha, impenn distint ta’ tqassim ta’ proġetti li ma kienx inerenti fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju. Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dan id-dannu supplimentari għall-kompetizzjoni seta’ leġittimament jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa miżjuda ma hijiex, għaldaqstant, ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni.

116

Għaldaqstant il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

117

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

118

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

119

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Nexans France SAS u Nexans SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.