SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post fejn seħħet il-ħsara – Manipulazzjoni tad-data dwar l-emmissjoni tal-gassijiet tal-egżost ta’ magni mmanifatturati minn manifattur tal-vetturi bil-mutur”

Fil-Kawża C‑343/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2019, fil-proċedura

Verein für Konsumenteninformation

vs

Volkswagen AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verein für Konsumenteninformation, minn M. Poduschka u A. Klauser, Rechtsanwälte,

għal Volkswagen AG, minn T. Kustor u S. Prossinger, Rechtsanwälte,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verein für Konsumenteninformation, assoċjazzjoni għall-informazzjoni tal-konsumatur li għandha s-sede tagħha fi Vjenna (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem “VKI”), u Volkswagen AG, manifattur tal-vetturi bil-mutur ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, li għandha s-sede tagħha f’Wolfsburg (il-Ġermanja), fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għad-danni li jirriżultaw mill-inklużjoni, fil-vetturi mixtrija minn konsumaturi Awstriaċi, ta’ softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru°1215/2012

3

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru°1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Taqsima 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinstab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…].”

Ir-Regolament Ruma II

6

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”) intitolat “Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

VKI, li l-għanijiet tal-kumpannija tagħha jinkludu l-missjoni li tinvoka quddiem il-qrati d-drittijiet li l-konsumaturi jkunu ċedewla għall-finijiet tal-azzjoni ġudizzjarja, ippreżentat, fis-6 ta’ Settembru 2018, rikors quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), li peremezz tiegħu talbet li Volkswagen tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 3611806, minbarra ammonti aċċessorji, u tiġi ddikjarata responsabbli għad-danni kollha li għadhom ma humiex kwantifikabbli u/jew li ser ikunu prodotti fil-ġejjieni.

8

Insostenn tat-talba tagħha, VKI tibbaża ruħha fuq ir-responsabbiltà delittwali u kważi-delittwali ta’ Volkswagen, billi tinvoka l-fatt li l-574 konsumaturi li ċedewlha d-drittijiet tagħhom għar-rikors fil-kawża prinċipali xtraw, fl-Awstrija, vetturi ġodda jew użati mgħammra b’magna EA 189 qabel l-iżvelar lill-pubbliku, fit-18 ta’ Settembru 2015, tal-manipulazzjoni mwettqa minn Volkswagen fuq id-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost ta’ dawn il-vetturi. Skont VKI, dawn il-magni huma mgħammra b’“tagħmir ta’ riduzzjoni” li huwa illegali fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1). Dan huwa softwer li jippermetti li, matul it-testijiet u t-tkejjil, jirriżultaw emmissjonijiet ta’ gass tal-egżost li jirrispettaw il-valuri massimi imposti, filwaqt li, f’kundizzjonijiet reali, jiġifieri meta l-vetturi kkonċernati jintużaw fit-triq, is-sustanzi li jniġġzu effettivament emessi jilħqu proporzjonijiet li jeċċedu b’diversi drabi l-limiti previsti. Kien biss bis-saħħa ta’ dan is-softwer li jimmanipula d-data dwar dawn l-emmissjonijiet li Volkswagen setgħet tikseb, għall-vetturi mgħammra b’magna EA 189, l-approvazzjoni tat-tip prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

9

Skont VKI, id-dannu għall-proprjetarji ta’ dawn il-vetturi jinstab fil-fatt li, li kieku huma kienu konxji mill-manipulazzjoni inkwistjoni, jew kienu jastjenu ruħhom milli jixtru tali vettura, jew inkella kienu jiksbu tnaqqis fuq il-prezz ta’ mill-inqas 30 %. Peress li l-vetturi inkwistjoni kienu, sa mill-bidu, difettużi, il-valur tas-suq tagħhom u għalhekk il-prezz tax-xiri tagħhom huwa nettament inqas mill-prezz li ġie effettivament imħallas. Id-differenza tirrapreżenta dannu li jagħti dritt għal kumpens.

10

Sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju, VKI tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012. Dan peress li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, il-ħlas tal-prezz tax-xiri u l-għotja jew il-kunsinna tal-vetturi inkwistjoni kollha seħħew taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti. Dan ma huwiex sempliċi dannu li rriżulta wara x-xiri tal-vetturi, iżda dannu inizjali li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti. Dan id-dannu jikkonsisti fi tnaqqis tal-patrimonju ta’ kull konsumatur ikkonċernat, li ġie sostnut l-iktar kmieni fid-data tax-xiri u tal-għoti tal-vetturi inkwistjoni fil-post tal-kunsinna u, konsegwentement, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Huwa f’dan il-post li l-aġiri ta’ Volkswagen li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà delittwali tagħha kienu pproduċew, għall-ewwel darba, l-effetti tagħhom u kkawżaw direttament dannu għall-konsumaturi kkonċernati.

11

Volkswagen titlob li r-rikors ta’ VKI jiġi miċħud u tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012.

12

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, is-sempliċi xiri tal-vetturi inkwistjoni mingħand bejjiegħa ta’ vetturi bil-mutur stabbiliti fl-Awstrija u l-kunsinna ta’ dawn il-vetturi fl-Awstrija humiex fihom innifishom suffiċjenti biex iservu ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289, punti 1415), hija tislet il-konklużjoni li l-vittmi diretti għandhom aċċess għall-qorti f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt biss sa fejn huma jinvokaw dannu inizjali u mhux sempliċi danni konsekuttivi.

13

Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis li s-softwer li jippermetti l-manipulazzjoni tad-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost tal-vetturi kkonċernati kkawża dannu inizjali, filwaqt li d-dannu invokat minn VKI, li jikkonsisti fi tnaqqis tal-valur ta’ dawn il-vetturi, jirrappreżenta dannu konsekuttiv, li jirriżulta mill-fatt li l-imsemmija vetturi huma affettwati minn difett materjali.

14

Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk danni purament patrimonjali, li jirriżultaw minn fatti ta’ natura li jagħtu lok għar-responsabbiltà delittwali, jistgħux iservu ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012.

15

Din il-qorti tosserva li, fid-dawl tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449), ċerti aspetti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jimmilitaw favur li l-post ta’ fejn seħħ id-dannu inkwistjoni jiġi ffissat fil-Ġermanja. Anki jekk dan id-dannu mmaterjalizza ruħu, skont l-argument ta’ VKI, bix-xiri u bil-kunsinna fl-Awstrija tal-vetturi mgħammra b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost, it-talbiet kollha għall-kumpens jikkonċernaw, fid-dawl tal-fatti, l-istess ħaġa waħda, jiġifieri l-aġiri li jikkostitwixxu ksur invokati fil-konfront ta’ Volkswagen li seħħew fis-sede ta’ din il-kumpannija, u għalhekk fil-Ġermanja. Mill-perspettiva tal-organizzazzjoni utli tal-proċess, u b’mod partikolari minħabba l-prossimità mas-suġġett tat-tilwima u l-faċilizzazzjoni tal-produzzjoni tal-prova, il-qrati Ġermaniżi jkunu għalhekk oġġettivament f’pożizzjoni aħjar biex jiddeterminaw ir-responsabbiltà għad-danni invokati. Iktar minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post tax-xiri tal-vetturi inkwistjoni u tal-kunsinna tagħhom lill-aħħar utent, li fosthom hemm ukoll xerrejja ta’ vetturi użati, ma tissodisfax neċessarjament ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni.

16

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Qrati Awstriaċi jkunx kompatibbli mal-interpretazzjoni stretta tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti mir-Regolament Nru°1215/2012, hekk kif rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 1215/2012 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” jista’ jinftiehem bħala l-post fi Stat Membru fejn seħħ id-dannu, meta dan id-dannu jkun jikkonsisti esklużivament f’dannu finanzjarju li jkun ir-riżultat dirett ta’ att illegali [aġiri li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà delittwali] mwettaq fi Stat Membru ieħor?”

Fuq l-ammissibbiltà

18

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, VKI ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li d-domanda magħmula hija, fl-istess ħin, mingħajr interess u ipotetika.

19

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012 hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru manifattur ikun illegalment għammar il-vetturi tiegħu b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost qabel ma dawn il-vetturi jinxtraw mingħand terzi fi Stat Membru ieħor, il-post fejn seħħet il-ħsara jinstab f’dan l-aħħar Stat Membru.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru°1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru°44/2001, minn naħa, u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Kif ġie repetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar dawn id-dispożizzjonijiet, il-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ikopri kemm il-post fejn seħħet il-ħsara kif ukoll il-post tal-avveniment li kkawża dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 23, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C-451/18, EU:C:2019:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-post post tal-avveniment li kkawża d-dannu jinstab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vetturi bil-mutur inkwistjoni ġew mgħammra b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost, jiġifieri fil-Ġermanja.

25

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-post fejn seħħet il-ħsara, għandu jiġi ddeterminat fejn jinstab dan il-post f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta l-konsegwenzi li jikkawżaw dannu mmanifestaw ruħhom biss wara x-xiri tal-vetturi inkwistjoni u fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, l-Awstrija.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar, b’mod preċiż, li skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv tant li jinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża ħsara li effettivament seħħet f’post ieħor. Konsegwentement, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet dannu patrimonjali li jsegwi dannu inizjali li seħħ u ġġarrab minnha fi Stat ieħor (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari, C‑364/93, EU:C:1995:289, punti 1415, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata)

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li dannu li huwa biss il-konsegwenza indiretta tad-dannu sostnut inizjalment minn persuni oħra li kienu vittmi diretti tad-dannu li seħħ f’post differenti minn dak ta’ fejn il-vittma indiretta sussegwentement ġarrbet id-dannu ma jistax iservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punti 1422).

28

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konsegwenzi li jikkawżaw dannu ulterjuri ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Dan espost, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li d-dannu allegat minn VKI jikkonsisti f’telf ta’ valur tal-vetturi inkwistjoni li jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz li x-xerrej ħallas għal tali vettura u l-valur reali tagħha minħabba l-installazzjoni ta’ softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost.

30

Konsegwentement, għalkemm dawn il-vetturi kienu affettwati minn difett sa mill-installazzjoni ta’ dan is-softwer, għandu jitqies li d-dannu invokat immaterjalizza ruħu biss fil-mument tax-xiri tal-imsemmija vetturi, permezz tax-xiri tagħhom bi prezz superjuri għall-valur reali tagħhom.

31

Tali dannu, li ma kienx jeżisti qabel ix-xiri tal-vettura mix-xerrej finali li jqis ruħu leż, jikkostitwixxi dannu inizjali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza u mhux konsegwenza indiretta tad-dannu mġarrab inizjalment minn persuni oħra fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

32

Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tqis il-qorti tar-rinviju, dan id-dannu lanqas ma jikkostitwixxi dannu purament patrimonjali.

33

Ċertament, l-azzjoni għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għat-tnaqqis fil-valur tal-vetturi inkwistjoni stmat għal 30 % tal-prezz tax-xiri tagħhom, jiġifieri kumpens finanzjarju kwantifikabbli. Madankollu, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li t-talba għad-danni hija espressa f’Euro ma jfissirx, madankollu, li inkwistjoni hemm dannu purament patrimonjali. Fil-fatt, b’kuntrast mal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C-168/02, EU:C:2004:364), tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701), fejn investimenti finanzjarji kienu wasslu għal tnaqqis tal-averi finanzjarji tal-persuni kkonċernati mingħajr l-ebda rabta’ ma beni materjali, fil-kawża prinċipali, hemm inkwistjoni difett li jaffettwa vetturi, li huma beni materjali.

34

Għalhekk, pjuttost milli dannu purament patrimonjali, f’dan il-każ inkwistjoni hemm dannu materjali li jirriżulta minn telf fil-valur ta’ kull vettura kkonċernata u li jirriżulta mill-fatt li, bl-iżvelar tal-installazzjoni tas-softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost, il-ħlas imwettaq għax-xiri ta’ tali vettura għandu bħala kontroparti vettura affettwata minn difett u, għaldaqstant, li għandha valur iżgħar.

35

Għalhekk, għandu jiġi deċiż li, fil-każ ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi mgħammra mill-manifattur tagħhom b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost, id-dannu mġarrab mix-xerrej finali la huwa indirett u lanqas ma huwa purament patrimonjali u jimmaterjalizza ruħu max-xiri ta’ tali vettura mingħand terz.

36

F’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punti 34u 35 ta’ din is-sentenza, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tmurx kontra l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, previst mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, sa fejn manifattur ta’ vetturi bil-mutur stabbilit fi Stat Membru li jwettaq manipulazzjonijiet illegali fuq vetturi kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra jista’ raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati ta’ dawn l-aħħar Stati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 56, u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, point 35)

37

Fil-fatt, billi jikser intenzjonalment id-dispożizzjonijiet legali imposti fuqu, tali manifattur għandu jistenna li d-dannu jseħħ fil-post fejn il-vettura inkwistjoni nxtrat minn persuna li setgħet leġittimamaent tqis li l-imsemmija vettura tkun konformi ma dawn id-dispożizzjonijiet u li sussegwentement tikkonstata li hija għandha beni difettuż u ta’ valur inqas.

38

Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, imsemmija fil-premessa 16 tar-Regolament Nru°1215/2012, sa fejn, sabiex tiddetermina l-ammont tad-dannu mġarrab, il-qorti nazzjonali tista’ tkun meħtieġa li tevalwa l-kundizzjonijiet tas-suq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nxtrat l-imsemmija vettura. Issa, il-qrati ta’ dan l-aħħar Stat Membru x’aktarx ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jiksbu bl-iktar faċilità aċċess għall-mezzi ta’ prova neċessarji għar-realiżazzjoni ta’ dawn l-evalwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 34).

39

Fl-aħħar nett, l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament Ruma II, sa fejn, konformement mal-Artikolu 6(1) tiegħu, il-post ta’ fejn iseħħ id-dannu f’kawża li tinvolvi att ta’ kompetizzjoni żleali huwa l-post fejn “ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta”. Att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, peress li jista’ jaffettwa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi bħala grupp, jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 42), jista’ jaffettwa dawn l-interessi f’kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumaturi jixtru l-prodott difettuż. Għalhekk, skont ir-Regolament Ruma II, il-post ta’ fejn iseħħ id-dannu huwa l-post ta’ fejn jinxtara tali prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 35).

40

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru manifattur ikun illegalment għammar il-vetturi tiegħu b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost qabel ma dawn il-vetturi jinxtraw mingħand terzi fi Stat Membru ieħor, il-post fejn seħħet il-ħsara jinstab f’dan l-aħħar Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru manifattur ikun illegalment għammar il-vetturi tiegħu b’softwer li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost qabel ma dawn il-vetturi jinxtraw mingħand terzi fi Stat Membru ieħor, il-post fejn seħħet il-ħsara jinstab f’dan l-aħħar Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.