SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

7 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna reġjonali favur l-industrija tal-azzar – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Vantaġġ – Kriterju ta’ operatur privat – Żball manifest – Oneru tal-prova – Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑148/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑19 ta’ Frar 2019,

BTB Holding Investments SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Duferco Participations Holding SA, stabbilita fil-Lussemburgu,

irrappreżentati minn J.‑F. Bellis, R. Luff, M. Favart u Q. Declève, avocats,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Foreign Strategic Investments Holding (FSIH),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, BTB Holding Investments SA (iktar ’il quddiem “BTB”) u Duferco Participations Holding SA (iktar ’il quddiem “DPH”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Diċembru 2018, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni (T‑100/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:900), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2041 tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33926 2013/C (ex 2013/NN, 2011/CP) mogħtija mill-Belġju lil Duferco (ĠU 2016, L 314, p. 22, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej.

3

Il-grupp Duferco jipproduċi u jbigħ l-azzar. Huwa jinsab preżenti f’madwar 50 pajjiż madwar id-dinja. Fl‑2009, l-attivitajiet tal-imsemmi grupp fl-Ewropa kienu kkonċentrati prinċipalment fil-Belġju u fl-Italja. Dan il-grupp kien ukoll attiv, b’mod partikolari, fl-Isvizzera, fil-Lussemburgu u fi Franza.

4

Il-grupp Duferco ġie stabbilit fil-Belġju fl‑1997 u, sal‑2002, akkwista diversi siti tal-azzar. Wara din il-mewġa ta’ akkwisti, l-imsemmi grupp kellu tliet sussidjarji ewlenin fil-Belġju, jiġifieri Duferco Clabecq, Duferco La Louvière u Carsid.

5

Il-konsolidazzjoni tal-attivitajiet ta’ kummerċ tal-grupp Duferco saret mill-kumpannija Duferco Industrial Investment (iktar ’il quddiem “DII”), li kienet is-suċċessura ta’ DPH. BTB tmexxi l-grupp Duferco u hija l-kumpannija omm tal-grupp li ssuċċediet lill-kumpannija Bolmat Holding Ltd (iktar ’il quddiem “Bolmat”) kif ukoll lill-kumpanniji Ultima Holding Ltd u Ultima Partners Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Ultima”), li preċedentement kienu l-kumpanniji omm ta’ DPH.

6

Fl‑2006, il-grupp Duferco daħal fi sħubija strateġika mal-grupp Russu Novolipetsk (iktar ’il quddiem il-“grupp NLMK”). Din is-sħubija kienet intiża sabiex tieħu vantaġġ mill-preżenza tal-grupp NLMK fl-ewwel parti tal-katina tal-azzar (provvista ta’ materja prima u manifattura ta’ prodotti parzjalment kompluti). Hija ħadet il-forma ta’ sehem tal-kumpannija omm tal-grupp NLMK f’waħda mill-holdings tal-grupp Duferco, jiġifieri Steel Invest & Finance (Luxembourg) SA (iktar ’il quddiem “SIF”). SIF kienet tiġbor flimkien diversi assi tal-grupp Duferco, fosthom Duferco Clabecq, Duferco La Louvière u Carsid. Parti Amerikana tal-grupp Duferco, jiġifieri Duferco US Investment Corp. (iktar ’il quddiem “Duferco US”) u s-sussidjarja tagħha Duferco Farrell Corp. (iktar ’il quddiem “Farrell”), ġiet ukoll integrata f’SIF fl-aħħar tal‑2006. Fit‑18 ta’ Diċembru 2006, ġie approvat il-ftehim bejn il-gruppi Duferco u NLMK u l-kumpannija omm tal-grupp NLMK akkwistat 50 % tal-ishma ta’ SIF.

7

Matul is-sajf tal‑2011, is-sħubija strateġika bejn il-grupp Duferco u l-grupp NLMK intemmet. Iż-żewġ gruppi qasmu l-assi ta’ SIF.

8

F’Novembru 2011, gazzetta Belġjana ppubblikat serje ta’ artikli li kkonkludew li r-Reġjun tal-Wallonie (il-Belġju) kien ta għajnuna finanzjarja lill-grupp Duferco mill‑2003 mingħajr ma kien informa lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Skont l-imsemmija gazzetta, f’Marzu 2003, ir-Reġjun tal-Wallonie ħoloq holding finanzjarja ġdida, il-Foreign Strategic Investment Holding SA (FSIH), sussidjarja ta’ Société wallonne de gestion et de participations (Sogepa), sabiex tinvesti f’kumpanniji tal-imsemmi grupp li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Belġju, kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea.

9

Wara dawn l-artikli, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2011, sabiex jipprovdilha iktar informazzjoni dwar in-natura tal-għajnuna finanzjarja li r-Reġjun tal-Wallonie kien ipprovda lill-grupp Duferco bejn l‑2003 u l‑2011.

10

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna finanzjarja. Hija stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija miżuri inkwistjoni.

11

Mill-informazzjoni kollha kkomunikata mir-Renju tal-Belġju lill-Kummissjoni jirriżulta li, bejn l‑2003 u l‑2011, FSIH intervjeniet diversi drabi favur il-grupp Duferco, għal total ta’ EUR 517 miljun.

12

Waħda minn dawn l-interventi, imsejħa l-“ewwel miżura” jew il-“miżura Nru 1”, ikkonsistiet fit-trasferiment, fl‑2006, minn FSIH, tas-sehem ta’ 49.9 % li hija kellha mill‑2003 f’Duferco US, favur DII. Dan it-trasferiment ta’ ishma seħħ fil-kuntest tan-negozjati qabel il-parteċipazzjoni tal-grupp NLMK fil-grupp Duferco permezz ta’ SIF, peress li l-grupp NLMK kien wera x-xewqa li l-ishma kollha ta’ Duferco US ikunu kkontrollati minn SIF. Għalhekk, sabiex ittemm l-isħubija tagħha ma’ Duferco US, FSIH, fl‑14 ta’ Ġunju 2006, tat lil DII opzjoni ta’ xiri fuq l-ishma tagħha f’Duferco US, liema opzjoni kienet sussegwentement ittrasferita lil Ultima, li eżerċitatha u pproċediet, għal ammont ta’ 125.85 miljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 95 miljun), għax-xiri mill-ġdid tas-sehem kollu ta’ FSIH f’Duferco US.

13

B’dan il-mod, fit‑12 ta’ Diċembru 2006, il-grupp Duferco sar il-proprjetarju sħiħ ta’ Duferco US, ftit jiem biss qabel ma fformalizza s-sħubija strateġika tiegħu mal-grupp NLMK.

14

It-tieni intervent ta’ FSIH favur il-grupp Duferco, imsejħa t-“tieni miżura” jew “miżura Nru 2”, ikkonsistiet fit-trasferiment minn FSIH, fl‑2006, tas-sehem ta’ madwar 25 % li hija kellha mill‑2003 f’DPH, għall-benefiċċju ta’ Bolmat, li preċedentement kienet il-kumpannija omm tal-grupp Duferco li s-suċċessur tagħha kien BTB. Dan it-trasferiment ta’ ishma rriżulta mill-intenzjoni ta’ FSIH li ttemm l-isħubija tagħha ma’ DPH. Għalhekk, fl‑14 ta’ Ġunju 2006, FSIH ittrasferixxiet lil Bolmat is-sehem kollu tagħha f’DPH għal ammont ta’ USD 105.42 miljun (madwar EUR 84 miljun).

15

It-tielet waħda minn dawn l-interventi, imsejħa r-“raba’ miżura” jew “miżura Nru 4”, ikkonsistiet, essenzjalment, skont żewġ ftehimiet iffirmati fix-xhur ta’ Settembru u ta’ Diċembru 2009, fl-għoti ta’ self in fine ta’ EUR 100 miljun lil Ultima, li preċedentement kienet il-kumpannija omm tal-grupp Duferco li kien is-suċċessur ta’ BTB. Dan is-self inħeles f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda, ta’ EUR 30 miljun f’Settembru 2009 u, it-tieni waħda, ta’ EUR 70 miljun f’Diċembru 2009. Ir-rata applikabbli għas-self ġiet stabbilita bir-rata Euribor ta’ 12‑il xahar b’żieda ta’ 75 punt bażi, jiġifieri 2.052 % fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Skont l-informazzjoni ppreżentata mir-Renju tal-Belġju, ir-rata effettivament miżmuma kienet ta’ 2.04 % meta nħelset l-ewwel parti u ta’ 1.99 % meta nħelset it-tieni parti.

16

Fid-dawl tat-tmiem tas-sħubija strateġika bejn il-grupp Duferco u l-grupp NLMK li seħħ fl‑2011, u kif kienu qablu dawn tal-aħħar, is-self kollu ġie mħallas lura bil-quddiem fit‑30 ta’ Ġunju 2011.

17

Fl‑20 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

18

Fir-rigward, qabelxejn, tal-miżura Nru 1, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet li fihom sar il-bejgħ tas-sehem ta’ FSIH f’Duferco US kellhom il-konsegwenza li jqiegħdu lil DII f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha, peress li l-ebda investitur privat ma kien jaċċetta li jbigħ is-sehem tiegħu f’Duferco US bl-istess kundizzjonijiet u li dan il-vantaġġ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

19

Il-Kummissjoni qieset li s-sehem ta’ FSIH f’Duferco US kellha tiġi vvalutata sa USD 141.09 miljun, b’tali mod li, minħabba t-trasferiment ta’ USD 125.85 miljun, l-ammont tal-għajnuna favur DII kien ta’ USD 15.24 miljun (madwar EUR 11.58 miljun).

20

Sussegwentement, fir-rigward tal-miżura Nru 2 il-Kummissjoni qieset ukoll li l-kundizzjonijiet li fihom kien sar il-bejgħ tas-sehem ta’ FSIH f’DPH kellhom il-konsegwenza li jqiegħdu lil Bolmat f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha, peress li l-ebda investitur privat ma kien jaċċetta li jbigħ is-sehem tiegħu f’DPH bl-istess kundizzjonijiet, u li dan il-vantaġġ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

21

Il-Kummissjoni qieset li s-sehem ta’ FSIH f’DPH kellha tiġi vvalutata mill-inqas sa USD 131 miljun, b’tali mod li, minħabba t-trasferiment ta’ USD 105.42 miljun, l-ammont tal-għajnuna favur Bolmat kien ta’ USD 25.58 miljun (madwar EUR 20.36 miljun).

22

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżura Nru 4, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet li fihom FSIH kienet tat self ta’ EUR 100 miljun lil Ultima kellhom il-konsegwenza li jqiegħdu lil Ultima f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha, peress li l-ebda kreditur privat ma kien jaċċetta li jagħtiha self bl-istess kundizzjonijiet, u li dan il-vantaġġ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fehma tagħha, ir-rata applikabbli għas-self kellha tiġi ffissata bir-rata Euribor ta’ 12‑il xahar b’żieda ta’ 220 punt bażi, jiġifieri 3.502 %.

23

Sa fejn ġie miftiehem ir-rimbors antiċipat tas-self f’Ġunju 2011, il-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kalkolu ta’ kapitalizzazzjoni ssemplifikata, qieset li l-ammont tal-għajnuna favur Ultima kien ta’ madwar EUR 2.08 miljun għal dan is-self.

Id-deċiżjoni kontenzjuża

24

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi kif ġej:

“Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin, implimentati b’mod illegali [mir-Renju tal-]Belġju bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern:

a)

bejgħ ta’ sehem f’[Duferco US], [lil DII], għall-ammont ta’ EUR 11581700;

b)

bejgħ ta’ sehem f’[DPH], [lil Bolmat], għall-ammont ta’ EUR 20362464;

[…]

d)

self [lil Ultima], għall-ammont ta’ EUR 2082723 fil-prinċipju, sakemm ir-rata tal-imgħax applikata lis-self tkun inqas minn 3,502 %;

[…]

Artikolu 2

1.   [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jirkupra mill-benefiċjarji diretti jew is-suċċessuri legali tagħhom l-għajnuna inkompatibbli mogħtija msemmija fl-Artikolu 1.

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Frar 2017, BTB u DPH ippreżentaw rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ġunju 2017, FSIH talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ BTB u ta’ DPH.

27

Insostenn tal-imsemmi rikors, BTB u DPH invokaw tmien motivi. Tlieta minn dawn il-motivi kienu jirrigwardaw il-miżura Nru 1, tlieta kienu jirrigwardaw il-miżura Nru 2 u l-aħħar tnejn kienu jikkonċernaw il-miżura Nru 4.

28

Fir-rigward tal-miżura Nru 1, l-ewwel żewġ motivi kienu bbażati wkoll, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mal-kundizzjonijiet li fihom FSIH ittrasferixxiet is-sehem tagħha f’Duferco US lil DII. It-tielet motiv kien ibbażat, essenzjalment, fuq żbalji differenti li vvizzjaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni.

29

Fir-rigward tal-miżura Nru 2, l-ewwel żewġ motivi kienu bbażati wkoll, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mal-kundizzjonijiet li fihom FSIH ittrasferixxiet is-sehem tagħha f’DPH lil Bolmat. It-tielet motiv kien ibbażat, essenzjalment, fuq żbalji differenti li vvizzjaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni.

30

Fir-rigward tal-miżura Nru 4, iż-żewġ motivi kienu bbażati, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mal-kundizzjonijiet li fihom FSIH tat self lil Ultima.

31

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ BTB u ta’ DPH.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32

BTB u DPH jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell bħala infondat;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lil BTB u lil DPH għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

34

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu, minħabba li dan huwa astratt wisq.

35

F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il‑Kummissjoni, C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 21).

36

F’dan il-każ, BTB u DPH esponew b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn huma jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. Dawn iż-żewġ impriżi identifikaw, b’mod suffiċjentement preċiż, il-punti tas-sentenza appellata li huma, fil-fehma tagħhom, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi u li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni kkonkludiet korrettament li kien hemm għajnuna mill-Istat.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

38

Għaldaqstant, l-appell ta’ BTB u ta’ DPH huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

39

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu aggravju uniku li jinkludi żewġ partijiet fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u t-tieni parti hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u fuq id-dritt għal smigħ xieraq.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

– L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, BTB u DPH isostnu, fl-ewwel lok, li, bil-kliem “sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-provi prodotti mill-appellant għandhom ikunu suffiċjenti biex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-fatti miżmuma fid-deċiżjoni inkwistjoni”, li jinsabu fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli tal-oneru tal-prova fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Billi sostniet li kienu l-appellanti li kellhom jipproduċu provi suffiċjentement probatorji sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni ekonomika kumplessa tal-fatti adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova.

41

Skont dawn l-impriżi, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, stabbilixxiet id-dritt tal-Kummissjoni li ma turix kif il-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li tkun tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti fuq sempliċi allegazzjonijiet jew elementi “plawżibbli” li hija ma tkunx obbligata tipprova l-veraċità tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali eżiġiet li l-appellanti juru li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

42

Fit-tieni lok, BTB u DPH iqisu li mill-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali impliċitament qieset li, jekk jibqa’ dubju wara l-eżami tal-miżuri kkonċernati mill-Kummissjoni, dan id-dubju jibbenefika lil din tal-aħħar, peress li din tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq sempliċi elementi “plawżibbli” li hija ma jkollhiex tistabbilixxi l-veraċità tagħhom.

43

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ BTB u ta’ DPH.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 31).

45

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 44).

46

Għalhekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta, inkluż bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, ma jistax jinkludi miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ingħata għalhekk titwettaq, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 45).

47

Il-prinċipju ta’ operatur privat jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta huwa kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 46).

48

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tasal għal konklużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 58).

49

Għalhekk, meta l-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat, hija, tal-inqas, obbligata li tiżgura ruħha li l-informazzjoni li jkollha, minkejja li tista’, jekk ikun il-każ, tkun frammentarja u inkompleta, tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża tkun ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 56).

50

Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza, tali li jsostnu l-konklużjonijiet li tasal għalihom (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 55).

51

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkonċernati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

52

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat ġew issodisfatti jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li dan ikun iktar u iktar il-każ meta d-deċiżjoni kkontestata ma tkunx ibbażata fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ elementi li kienu ntalbu mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, iżda tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li operatur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħall-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru, li hija konstatazzjoni li tippreżumi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi rilevanti kollha neċessarji għat-tfassil tad-deċiżjoni tagħha.

53

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu BTB u DPH, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali qieset li huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tibbaża l-evalwazzjoni ekonomika tagħha fuq sempliċi allegazzjonijiet “plawżibbli” li hija ma hijiex obbligata tipprova l-veraċità tagħhom.

54

Fir-rigward tal-argument ta’ BTB u ta’ DPH li, fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li huma kellhom jipproduċu provi sabiex juru li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

55

Fil-fatt, mill-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li, għalkemm il-Kummissjoni applikat il-kriterju ta’ operatur privat, wettqet l-analiżi tagħha u wasslet fid-deċiżjoni tagħha għall-konstatazzjoni li l-miżuri kkonċernati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huwa l-appellant li għandu juri żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni.

56

Issa, din il-kunsiderazzjoni hija biss konsegwenza tal-prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa limitat neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, il-Qorti Ġenerali ġustament illimitat l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni, meta hija applikat il-kriterju ta’ operatur privat sabiex tistabbilixxi li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

58

Fil-fatt, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret ukoll fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li, meta jkun hemm lok, għall-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tapplika l-kriterju ta’ operatur privat, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika, b’mod ġenerali, min-naħa tal-Kummissjoni, evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri speċifiċi jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux aġixxew bl-istess mod bħal operatur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 62).

61

Il-Qorti Ġenerali ġustament żiedet, fil-punti 89 u 141 tas-sentenza appellata, li hija ma kellhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni li hija ntalbet tistħarreġ il-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 63).

62

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni kontenzjuża b’konformità sħiħa mal-prinċipji u mal-kriterji mfakkra mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 58 sa 61 ta’ din is-sentenza.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, li huma BTB u DPH li għandhom jistabbilixxu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti b’mod li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

64

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

– L-argumenti tal-partijiet

65

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, BTB u DPH isostnu li, permezz tal-kliem użat fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt għal smigħ xieraq.

66

Dawn l-impriżi jqisu li dan il-prinċipju jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’ċirkustanzi li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha.

67

Issa, f’dan il-każ, billi qieset li BTB u DPH kienu obbligati jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni li saret mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi prinċipju billi qiegħdet lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni privileġġata meta mqabbla mal-imsemmija impriżi. Fil-fatt, fil-każ fejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti jipprovdu evalwazzjonijiet tal-fatti li huma kontradittorji iżda li madankollu jkunu wkoll plawżibbli t-tnejn li huma, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni awtomatikament jieħdu preċedenza fuq l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti.

68

Skont BTB u DPH, il-Qorti Ġenerali eżiġiet li huma jipproduċu provi li s-saħħa probatorja tagħhom kienet ogħla minn dik tal-provi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.

69

Tali tqassim tal-oneru tal-prova jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16), kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 126127), li jipprovdu li, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati b’mod li ma huwiex ibbażat fuq l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni għandha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jressqu argument li jagħti dawl differenti lill-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalhekk jippermettu li tingħata spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik mogħtija mill-Kummissjoni sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur.

70

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ BTB u ta’ DPH.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jintwera żball manifest fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li mill-kliem użat mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, jirriżulta li din eżiġiet li l-appellanti juru l-eżistenza ta’ żball suffiċjentement serju li jdgħajjef l-evalwazzjoni ekonomika kumplessa mwettqa mill-Kummissjoni. Madankollu, la jirriżulta li l-appellanti għandhom juru l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, la jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sempliċi allegazzjonijiet plawżibbli sabiex turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, u lanqas jirriżulta li l-appellanti għandhom jikkonfutaw kompletament l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni.

72

Issa, kif ġustament qieset il-Qorti Ġenerali, żball manifest jista’ jintwera permezz ta’ elementi li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, motiv ibbażat fuq żbalji manifesti għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata ma tidhirx ivvizzjata minn tali żball.

73

Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-plawżibbiltà tal-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha hija stabbilita favur l-appellanti u, kuntrarjament għal dak li jsostnu BTB u DPH, il-kliem użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata bl-ebda mod ma jimplika li, f’dan il-każ, l-appellanti kienu obbligati jipprovdu provi li s-saħħa probatorja tagħhom kienet ogħla minn dik marbuta mal-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.

74

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 121, 124, 127, 180, 221, 248, 253, 276 u 285 tas-sentenza appellata, jekk l-allegazzjonijiet ta’ BTB u ta’ DPH kinux suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u qieset li dan ma kienx il-każ.

75

F’dak li jirrigwarda l-argument ta’ BTB u ta’ DPH ibbażat fuq is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16), kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 126127), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, meta tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat, ma għandhiex tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati b’mod li ma huwiex ibbażat fuq l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, iżda għandha twettaq, bħala prinċipju, evalwazzjoni ekonomika kumplessa sabiex tiddetermina jekk l-impriża kkonċernata tibbenefikax minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, meta, fil-punti 90 u 142 tas-sentenza appellata, hija qieset, li, “sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mill-appellant għandhom ikunu suffiċjenti biex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-fatti miżmuma fid-deċiżjoni inkwistjoni”, il-Qorti Ġenerali la kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u lanqas id-dritt għal smigħ xieraq.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

78

Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza.

80

Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li BTB u DPH tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

BTB Holding Investments SA u Duferco Participations Holding SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.